C-406/07 - Il-Kummissjoni vs Il-Greċja

Printed via the EU tax law app / web





Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) tat‑23 ta’ April 2009 – Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja

(Kawża C‑406/07)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal‑kapital – Tassazzjoni diretta – Tassazzjoni tad‑dividendi ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji – Rata ta’ taxxa fuq is‑soċjetajiet”

1.                     Moviment liberu tal‑persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal‑kapital – Dispożizzjonijiet tat‑Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni (Artikoli 43 KE u 56 KE) (ara l‑punt 22)

2.                     Moviment liberu tal‑persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal‑kapital – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il‑kumpanniji (Artikoli 43 KE u 56 KE; Ftehim ŻEE, Artikoli 31 u 40) (ara l‑punti 25‑28 u d‑dispożittiv)

3.                     Moviment liberu tal‑persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali (Artikolu 43 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 40) (ara l‑punti 39‑43 u d‑dispożittiv)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tal‑Artikoli 43 u 56 KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi eżenzjoni fiskali għad‑dividendi li jitqassmu mill‑kumpanniji nazzjonali, bl‑esklużjoni ta’ dividendi li jitqassmu mill‑kumpanniji li għandhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor.

Dispożittiv

1)

Billi applikat, għad‑dividendi ta’ oriġini barranija, sistema ta’ tassazzjoni inqas favorevoli minn dik applikata għad‑dividendi ta’ oriġini nazzjonali, ir‑Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 43 KE u 56 KE kif ukoll taħt l‑artikoli korrispondenti tal‑Ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992, jiġifieri l‑Artikoli 31 u 40 tiegħu.

Billi żammet fis‑seħħ id‑dispożizzjonijiet tal‑Kodiċi tat‑taxxa fuq id‑dħul (Liġi 2238/1994, kif emendata bil‑Liġi 3296/2004), li permezz tiegħu s‑soċjetajiet barranin huma ntaxxati iktar fil‑Greċja mis‑soċjetajiet nazzjonali, ir‑Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l‑Artikoli 43 KE u 31 tal‑Ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea.

2)

Ir‑Repubblika Ellenika hija kkundannata għall‑ispejjeż.