Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Ġunju 2022 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa – Rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa minn kumpannija mhux residenti – Kundizzjonijiet – Moviment liberu tal-kapital – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑572/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura
ACC Silicones Ltd
vs
Lill-Bundeszentralamt für Steuern
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot (Relatur), L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal ACC Silicones Ltd., minn B. Pignot, Rechtsanwalt, u M. A. Linn, Steuerberater,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Mller u R. Kanitz, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u V.Uher, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ACC Silicones Ltd u l-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxi, il-Ġermanja), dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmum f’ras il-għajn, għall‑perijodu mill‑2006 sal‑2008, fuq id-dividendi mqassma lil din il-kumpannija minn Ambratec GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/435”), din id-direttiva kienet tapplika għall-kumpanniji parent li kellhom fil-kapital tas-sussidjarji tagħhom sehem minimu ta’ 20 %, dan il-perċentwal minimu ta’ sehem kien sar 15 % mill‑1 ta’ Jannar 2007 u 10 % mill‑1 ta’ Jannar 2009. Id-Direttiva 90/435 tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8).
Id‑dritt Ġermaniż
4 Il-punt 1 tal-Artikolu 20(1) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EStG”), jipprevedi li d-dħul mill-kapital jinkludi l-ishma tal-profitti (dividendi).
5 Il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 43(1) tal-EStG jipprevedi li, fil-każ, inter alia, ta’ dħul minn kapital skont it-tifsira tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) tal-EStG, “taxxa fuq dħul tinġabar billi titnaqqas mid-dħul minn kapital (taxxa fuq dħul minn kapital)”.
6 Skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 8b(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KStG”), dwar l-ishma f’kumpanniji u f’assoċjazzjonijiet oħra, qligħ li joriġina skont it-tifsira, inter alia, tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) tal-EStG ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat dħul u, għalhekk, ma huwiex suġġett għal taxxa fuq il-kumpanniji.
7 Dwar it-taxxa ta’ dividendi mqassma lil kumpannija li s-sede tagħha tkun fil-Ġermanja, huwa ċar mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 31(1) tal-KStG u tal-punt 2 tal-paragrafu 36(2) tal-EStG li t-taxxa fuq dħul minn kapital li tkun inġabret permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn hija paċuta b’mod sħiħ mat-taxxa korporattiva mħallsa minn dik il-kumpannija u, fejn ikun xieraq, tista’ tiġi rrimborsata lilha. It-tpaċija u r-rimbors, jekk ikun hemm, tat-taxxa jippreżumu li din it-taxxa tkun inżammet u tħallset, liema fatt għandu jiġi prodott il-prova tiegħu billi jintbagħat ċertifikat amministrattiv, skont il-paragrafu 45a(2) jew (3) tal-EStG.
8 Fir-rigward tat-taxxa tad-dividendi mqassma lil kumpannija li s-sede tagħha ma hijiex stabbilita fil-Ġermanja, l-Artikolu 32(5) tal-KStG huwa fformulat kif ġej:
“(5) Jekk it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kreditur għal dħul minn kapital skont it-tifsira tal-punt 1 tal-paragrafu 20(1) ta[l-EStG] tkun tħallset definittivament skont is-subparagrafu 1 [tagħha], it-taxxa fuq dħul minn kapital li tkun inżammet u tħallset għandha, meta ssir applikazzjoni, tiġi rrimborsata lill-kreditur tad-dħul minn kapital skont il-punt 2 tal-paragrafu 36(2) ta[l-EStG], jekk
1. il-kreditur tad-dħul minn kapital ikun kumpannija suġġetta għal responsabbiltà limitata ta’ ħlas tat-taxxa kif jingħad fil-paragrafu 2(1), li
a) tkun ukoll kumpannija skont it-tifsira tal-Artikolu 54 [TFUE] jew tal-Artikolu 34 tal-[Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)],
b) ikollha l-uffiċċju rreġistrat u ċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li għalih japplika l-[Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea],
c) tkun suġġetta, fl-Istat taċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha, għal responsabbiltà illimitata ta’ ħlas tat-taxxa, mhux fakultattiva, paragunabbli ma’ dik [prevista] fil-paragrafu 1, u ma tkunx eżentata minnha, u
2. il-kreditur ikollu sehem dirett fil-kapital azzjonarju tad-debitur tad-dħul minn kapital u ma jkunx jissodisfa l-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni stabbilit fil-paragrafu 43b(2) ta[l-EStG].
L-ewwel sentenza għandha tapplika biss sakemm
1. ir-rimbors tat-taxxa fuq dħul mill-kapital inkwistjoni ma jkun jista’ jsir taħt ebda dispożizzjoni oħra,
2. id-dħul mill-kapital ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dħul, skont il-paragrafu 8b(1),
3. id-dħul mill-kapital ma jkun attribwit, skont dispożizzjonijiet ta’ pajjiż ieħor, lil ebda persuna li ma jkollhiex id-dritt għal rimbors skont dan is-subparagrafu kieku kellha tirċievi d-dħul minn kapital direttament,
4. dritt għal rimbors sħiħ jew parzjali tat-taxxa fuq dħul minn kapital ma jkunx eskluż jekk il-paragrafu 50d(3) ta[l-EStG] jkun applikat mutatis mutandis, u
5. il-kreditur jew azzjonist li jkollu sehem azzjonarju dirett jew indirett fil-kreditur ma jkunx jista’ jpaċi t-taxxa fuq dħul minn kapital jew inaqqasha bħala spiża operattiva jew bħala ħruġ relatat ma’ xogħol; il-possibbiltà li tpaċija tkun irriportata għandha titqies bħala tpaċija
Il-kreditur tad-dħul minn kapital għandu jġib prova ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għal rimbors. B’mod partikolari, dan għandu jġib prova, permezz ta’ ċertifikat mingħand l-awtoritajiet tat-taxxi tal-pajjiż ta’ residenza tiegħu, li dan jitqies bħala residenti għal skopijiet ta’ taxxa f’dak il-pajjiż, ikun suġġett għal responsabbiltà illimitata għat-taxxa fuq il-kumpanniji hemmhekk, ma jkunx eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji u jkun attwalment qiegħed jirċievi d-dħul minn kapital. Iċ-ċertifikat mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxi barranija għandu juri li t-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital ma tkunx tista’ titpaċa, titnaqqas jew tkun irriportata u li ma tkun saret ebda tpaċija, tnaqqis jew li xejn fil-fatt ma jkun ġie rriportat. It-taxxa fuq id-dħul minn kapital għandha tkun irrimborsata fir-rigward ta’ kull dħul minn kapital irċevut f’sena kalendarja skont it-tifsira tal-ewwel sentenza abbażi ta’ avviż ta’ eżenzjoni kif tipprovdi t-tielet sentenza tal-paragrafu 155(1) tal-Abgabenordnung [(il-Kodiċi Fiskali Ġermaniż)].”
Il‑Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja
9 Il-Ftehim tas‑26 ta’ Novembru 1964 bejn ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ħelsien mit-taxxa doppja u għall-prevenzjoni ta’ evażjoni fiskali, kif emendat bl-emenda tat‑23 ta’ Marzu 1970, kif modifikat b’emenda tat‑23 ta’ Marzu 1970 fir-rigward ta’ taxxi fuq dħul u fuq il-patrimonju (BGBl. 1966 II, p. 359, BGBl. 1967 II, p. 828, BGBl. 1971 II, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja”) jistipula, fl-Artikolu VI(1) tiegħu:
“(1) Dividendi mħallsa minn kumpannija residenti f’wieħed mit-territorji lil resident fit-territorju l-ieħor jistgħu wkoll ikunu intaxxati fl-ewwel territorju. Madankollu, ma tkunx imposta taxxa f’dak l-ewwel territorju b’rata ogħla minn 15 per centum fuq l-ammont gross ta’ tali dividendi sakemm dawk id-dividendi jkunu suġġetti għat-taxxa fit-territorju l-ieħor jew, bħala dividendi mħallsa minn kumpannija li tkun residenti fir-Renju Unit, ikunu eżenti minn taxxa tar-Repubblika Federali skont id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu (2) tal-Artikolu XVIII.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 L-Artikolu XVIII(1)(a) tal-imsemmi ftehim jipprevedi kif ġej:
“(1) Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tar-Renju Unit dwar l-allowance bħala kreditu għat-taxxa tar-Renju Unit ta’ taxxa pagabbli f’territorju lil hinn mir-Renju Unit (li ma għandhomx jaffettwaw il-prinċipju ġenerali ta’ dan il-ftehim):
a) taxxa tar-Repubblika Federali [tal-Ġermanja] pagabbli skont il-liġijiet tar-Repubblika Federali [tal-Ġermanja] fis-sens ta’ dan il-ftehim, kemm jekk direttament kif ukoll jekk bi tnaqqis, fuq profitti jew dħul taxxabbli minn sorsi ġewwa r-Repubblika Federali [tal-Ġermanja] (minbarra fil-każ ta’ dividend, taxxa pagabbli fir-rigward tal-profitti li minnhom jitħallas id-dividend) għandha tkun permessa bħala kreditu għat-taxxa tar-Renju Unit ikkalkolata b’riferiment għall-istess profitti, dħul jew qligħ taxxabbli li b’riferiment għalihom tiġi kkalkolata t-taxxa tar-Repubblika Federali [tal-Ġermanja]”.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11 ACC Silicones Ltd hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit li, matul l‑2006 sal‑2008, kellha 5.26 % tal-kapital ta’ Ambratec GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja. ACC Silicones kienet hija stess 100 % proprjetà ta’ kumpannija oħra, stabbilita fir-Renju Unit u kkwotata fil-borża.
12 Matul l‑2006 sal‑2008, Ambratec wettqet favur ACC Silicones tqassim ta’ dividendi, li fuqhom inġabret, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital bir-rata ta’ 20 %, miżjuda bit-taxxa ta’ solidarjetà bir-rata ta’ 5.5 %.
13 Fid‑29 ta’ Diċembru 2009, ACC Silicones talbet ir-rimbors tat-taxxa hekk imħallsa. Hija talbet, minn naħa, il-limitazzjoni tar-rata tat-taxxa f’ras il-għajn għal 15 %, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu VI(1) tal-Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja. Billi bbażat ruħha fuq il-libertajiet fundamentali tas-suq intern, u b’mod partikolari tal-moviment liberu tal-kapital, hija talbet, min-naħa l-oħra, il-ħlas lura tal-bilanċ tas-somom imħallsa.
14 Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2010, l-Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxa laqa’ l-ewwel parti ta’ din it-talba u wettaq il-ħlas lura lil ACC Silicones tat-taxxa f’ras il-għajn li teċċedi r-rata ta’ 15 % prevista mill-Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Ġunju 2015, hija, min-naħa l-oħra, irrifjutat li tirrimborsa lil din il-kumpannija l-bilanċ tat-taxxa mħallsa, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 32(5) tal-KStG, li huma intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670) ma kinux issodisfatti.
15 Wara li inutilment talbet ir-rimbors tat-taxxa mħallsa, ACC Silicones ippreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Ġunju 2015 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), fejn sostniet li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn dan ir-rimbors u, b’mod partikolari, li hija kienet ipprovdiet il-provi rikjesti mill-Artikolu 32(5) tal-KStG.
16 Il-qorti tar-rinviju tqis li ACC Silicones tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ dik prevista fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32(5) tal-KStG, li tipprevedi li r-rimbors għandu jiġi rrifjutat jekk it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmum f’ras il-għajn tista’ tiġi paċuta fuq il-kreditur jew l-assoċjat dirett jew indirett tal-kreditur, jew jekk tista’ titnaqqas bħala spejjeż ta’ operat jew spejjeż professjonali, peress li s-sempliċi possibbiltà ta’ riport tat-tpaċija hija ekwivalenti għal tpaċija. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rimbors jingħata biss jekk l-iżvantaġġ subit, kif imqabbel mar-residenti, mill-persuni mhux residenti benefiċjarji tad-dividendi, ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat bi tpaċija, tnaqqis mill-bażi taxxabbli jew riport ta’ tpaċija f’pajjiż ieħor.
17 Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ħames sentenza tal-Artikolu 32(5) tal-KStG, ACC Silicones għandha tipproduċi l-prova li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta billi tipproduċi ċertifikat mill-awtoritajiet tat-taxxi ta’ barra li jgħid li t-taxxa Ġermaniża fuq dħul minn kapital ma tkunx tista’ tiġi paċuta, titnaqqas jew tkun irriportata u li fil-fatt lanqas kien hemm ebda tpaċija, tnaqqis jew riport.
18 Issa, skont il-qorti tar-rinviju, huwa impossibbli li jiġi żgurat li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ. Fil-fatt, it-trattament tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmum f’ras il-għajn mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-kumpannija stabbilita fir-Renju Unit ikkwotata fil-Borża li kellha 100 % tal-kapital ta’ ACC Silicones matul l‑2006 sal‑2008 ma huwiex materjalment verifikabbli, b’tali mod li t-talba ta’ ACC Silicones għandha tiġi miċħuda.
19 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32(5) u fil-ħames sentenza tal-Artikolu 32(5) tal-KStG humiex kompatibbli mal-libertà ta’ moviment tal-kapital.
20 Hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-fatt li r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lill-kumpanniji mhux residenti li jirċievu dividendi ġejjin minn ishma inferjuri għal-limiti previsti mid-Direttiva 90/435 (iktar ’il quddiem id-“dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa”) huwa suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti mir-rimbors ta’ din it-taxxa lil kumpanniji residenti jmurx kontra l-moviment liberu tal-kapital. Il-qorti tar-rinviju tirrileva fil-fatt li, skont l-Artikolu 32(5) tal-KStG, il-kumpanniji mhux residenti jistgħu jiġu rrimborsati mit-taxxa f’ras il-għajn fuq tali dividendi rċevuti minn kumpanniji Ġermaniżi biss jekk din it-taxxa ma tistax tiġi paċuta jew tibbenefika minn riport ta’ tpaċija fir-rigward tagħhom jew tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, jew imnaqqsa bħala spejjeż tal-operat jew spejjeż professjonali, fatt li huma għandhom jipproduċu l-prova permezz ta’ ċertifikat tal-awtoritajiet tat-taxxa barranin. Issa, tali livell ta’ rekwiżit ma huwiex rikjest fir-rigward tal-kumpanniji residenti. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital stabbilita, fil-fehma tagħha, mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, hijiex iġġustifikata, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C‑379/05, EU:C:2007:655).
21 Fit-tieni lok, fil-każ li dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju tal-effett utli jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li timponi fuq il-kumpanniji mhux residenti, sabiex jipproduċu l-prova msemmija fil-punt preċedenti, li jipproduċu ċertifikat tal-awtoritajiet tat-taxxa barranin li jgħid li t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmum f’ras il-għajn ma tistax tiġi paċuta jew tibbenefika minn riport ta’ tpaċija fir-rigward tagħhom jew fir-rigward tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, jew imnaqqsa, u li din it-taxxa lanqas ma tista’, fil-prattika, tiġi paċuta, riportata jew imnaqqsa.
22 Huwa f’dan il-kuntest li l-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 63 TFUE (ex Artikolu 56 TKE) jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, teżiġi minn kumpannija mhux residenti li tirċievi dividendi li ġejjin minn ishma u li ma tilħaqx il-limitu minimu ta’ sehem previst fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill [90/435], li hija tipprova, permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-amministrazzjoni fiskali barranija, li din it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital ma tistax tiġi imposta [paċuta] fuq l-imsemmija kumpannija jew fuq azzjonist li għandu sehem dirett jew indirett fiha jew inkella titnaqqas bħala spejjeż operatorji jew spejjeż professjonali, u sa fejn ma kien hemm ebda impożizzjoni [tpaċija], ebda tnaqqis, ebda riport, meta tali prova ma hijiex meħtieġa, għall-finijiet tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, minn kumpannija residenti li żżomm sehem ekwivalenti?
2. Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:Il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju tal-effett utli jipprekludu r-rekwiżit taċ-ċertifikat imsemmi fl-ewwel domanda jekk huwa de facto impossibbli għar-resident li jibbenefika minn dividendi li ġejjin minn ishma free-float miżmuma minn azzjonisti [ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa] li jipproduċi tali ċertifikat?”
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
23 Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss it-trattament fiskali tad-dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa mħallsa lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iqis li d-domandi magħmula huma inammissibbli sa fejn jikkonċernaw ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kapital li jolqot dividendi mħallsa lil kumpanniji ta’ Stati terzi.
24 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali biss meta jkun tant ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun qiegħda tintalab ma jkollhiex rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema tkun ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tapplika għal kumpanniji li għandhom is-sede jew iċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, hija għandha tapplika wkoll għall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom jew iċ-ċentru ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom f’pajjiżi terzi.
26 Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-modalitajiet ta’ rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn li tolqot id-dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti f’pajjiżi terzi għandha tagħti lok għal evalwazzjoni speċifika sa fejn, minkejja li l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, inkluż bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, il-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital fi ħdan l-Unjoni ma tistax tiġi kompletament trasposta għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, peress li dan il-moviment jaqa’ taħt kuntest legali differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kapital imħallas fuq id-dividendi minn sors Ġermaniż imħallsa lil kumpannija mhux residenti stabbilita fir-Renju Unit, meta dan l-Istat kien membru tal-Unjoni.
28 Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-domanda jekk, fil-każ ta’ dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti f’pajjiż terz, il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni sabiex jinkiseb rimbors ta’ taxxa miżmuma fuq dħul minn kapital humiex kuntrarji għar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.
29 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija għaldaqstant ammissibbli f’dan ir-rigward.
Fuq l‑ewwel domanda
30 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa fuq id-dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa miġbura minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-prova li din it-taxxa ma tistax tiġi paċuta jew suġġetta għal riport ta’ tpaċija kemm fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif ukoll f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, u lanqas titnaqqas mill-imsemmija kumpannija bħala spejjeż professjonali jew spejjeż ta’ operat, fil-waqt li tali kundizzjoni ma hijiex prevista fir-rigward tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallas minn kumpannija residenti li tirċievi l-istess tip ta’ dħul.
31 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu, b’mod partikolari, restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment ta’ kapital il-miżuri li huma tali li jiskoraġġixxu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiskoraġixxu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Għall-ishma inferjuri għal-limiti ffissati mid-Direttiva 90/435, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk u sa fejn għandha tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika jew l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi ta’ profitti mqassma għandha tiġi evitata u li jintroduċu għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ ftehimiet konklużi ma’ Stati Membri oħra, mekkaniżmi intiżi sabiex inaqqsu jew jipprevjenu din it-taxxa doppja ekonomika jew l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi, mingħajr madankollu ma dawn jawtorizzawhom jieħdu miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 54, u tat‑8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, EU:C:2007:655, punt 24).
33 Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670, punti 72 u 73), tistitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment ta’ kapital leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fir-rigward ta’ ishma li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, filwaqt li ebda possibbiltà ta’ rimbors ma hija prevista fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji li jinsabu fi Stati Membri oħra, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata permezz ta’ ftehim.
34 L-istess japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi tali possibbiltà ta’ rimbors għat-taxxa f’ras il-għajn imposta fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, iżda tissuġġettaha għal kundizzjonijiet supplimentari meta mqabbla ma’ dawk previsti għar-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn li tolqot id-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata permezz ta’ ftehim. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni għandha l-konsegwenza li tirrrendi iktar diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors minn dawn il-kumpanniji mhux residenti milli mill-kumpanniji residenti, u għalhekk li d-dividendi mħallsa lilhom jiġu suġġetti għal trattament fiskali żvantaġġjuż meta mqabbel ma’ dak irriżervat għad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji residenti.
35 Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-kundizzjonijiet li jipprevedu li t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital f’ras il-għajn fuq id-dividendi ġejjin minn ishma miżmuma minn azzjonisti mxerrda tista’ tkun is-suġġett ta’ rimbors ivarjaw skont jekk il-benefiċjarju ta’ dawn id-dividendi huwiex kumpannija residenti jew kumpannija mhux residenti.
36 Fil-fatt, skont il-provi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ kumpannija residenti, it-taxxa f’ras il-għajn hija paċuta kollha kemm hi mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn din tal-aħħar u l-kumplament huwa, jekk ikun il-każ, irrimborsat lilha. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kumpannija mhux residenti, ir-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital huwa suġġett għall-kundizzjoni li din it-taxxa ma tkunx tista’ tiġi paċuta jew tkun is-suġġett ta’ riport ta’ tpaċija fir-rigward ta’ din il-kumpannija jew f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, u lanqas ma tista’ titnaqqas bħala spejjeż tal-operat jew spejjeż professjonali fir-rigward ta’ din tal-aħħar.
37 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1) TFUE, tali differenza fit-trattament hija ammissibbli biss jekk tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale (C565/18, EU:C:2020:318, punt 37).
38 Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, il-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna tal-Istat Membru għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), li, f’dan il-każ, kif tindika l-qorti tar-rinviju, jikkonsisti fil-prevenzjoni tat-taxxa doppja jew tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq il-profitti.
39 Huwa minnu li, mill-aspett ta’ miżuri stabbiliti minn Stat Membru sabiex jilħaq tali għan, il-kumpanniji benefiċjarji residenti ma jkunux neċessarjament f’sitwazzjoni li tkun paragunabbli ma’ dik ta’ kumpanniji benefiċjarji mhux residenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Madankollu, mill-mument meta Stat Membru, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim, jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lill-kumpanniji residenti, iżda anki lill-kumpanniji mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija kumpanniji mhux residenti toqrob lejn dik tal-kumpanniji resident (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Fil-fatt, huwa s-sempliċi eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa ekonomika doppja. F’tali każ, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti ma jiġux issuġġettati għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala regola, mill-Artikolu 56 KE, l‑Istat ta’ residenza tal-kumpannija li tqassam id-dividendi għandu jiżgura li, meta mqabbla mal-mekkaniżmu stabbilit mid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa ekonomika doppja, il-kumpanniji mhux residenti jiġu ssuġġettati għal trattament ekwivalenti għal dak li jibbenefikaw minnu l-kumpanniji residenti (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 F’dan il-każ, mill-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fuq id-dividendi kollha ġejjin mill-ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa, kemm jekk dawn id-dividendi jitħallsu lil kumpanniji residenti jew lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji jinsabu, minħabba dan il-fatt biss, f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tar-riskju ta’ taxxa doppja ekonomika jew ta’ sensiela ta’ taxxi fuq dawn id-dividendi. Konsegwentement, huma għandhom jiġu suġġetti għal trattament ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Sabiex juri li dan huwa l-każ hawnhekk, il-Gvern Ġermaniż jirreferi għall- Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja.
44 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm Stat Membru ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ vantaġġ mogħti unilateralment minn Stat Membru ieħor sabiex jevita l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat trattament ekwivalenti tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti u mhux residenti jista’ jintlaħaq permezz ta’ ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja konkluża ma’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, EU:C:2007:655, punti 78 u 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar tippermetti li jiġu kkumpensati kompletament l-effetti tad-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
45 Huwa biss fil-każ li fih it-taxxa mnaqqqsa f’ras il-għajn skont din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi paċuta fuq it-taxxa dovuta fl-Istat Membru l-ieħor sal-ammont sħiħ tad-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li d-differenza fit-trattament bejn id-dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra u d-dividendi mqassma lill-kumpanniji residenti tispiċċa (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-Ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja, ir-rata tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq id-dividendi li ġejjin minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa mħallsa lil kumpannija li tinsab fir-Renju Unit hija limitata għal 15 % u din it-taxxa f’ras il-għajn tista’ tiġi paċuta fuq it-taxxa Brittannika. Madankollu, skont l-Artikolu XVIII(1)(a) ta’ dan il-ftehim, din it-tpaċija hija limitata għat-taxxa Brittannika kkalkolata abbażi tal-profitti jew tad-dħul meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa Ġermaniża.
47 Tali mekkaniżmu ma jidhirx li huwa tali li jiggarantixxi fil-każijiet kollha t-tpaċija tad-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li tali tpaċija hija fil-fatt possibbli biss fil-każ fejn l-ammont tat-taxxa Brittanniku kkalkolat fuq id-dividendi mqassma jkun mill-inqas daqs l-ammont ta’ dak tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura fil-Ġermanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punti 67 u 68, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 86).
48 Issa, fin-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn, hija biss it-tpaċija sħiħa ta’ dik it-taxxa fuq it-taxxa dovuta, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha, mill-kumpannija mhux residenti benefiċjarja tad-dividendi li tippermetti li tiġi eliminata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr ma jkun hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet eventwali ta’ tpaċija fil-livell tal-azzjonisti diretti jew indiretti ta’ din il-kumpannija, punt li barra minn hekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tiħux inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kumpanniji residenti.
49 La t-tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn mill-bażi tat-taxxa dovuta fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi bħala spejjeż tal-operat jew spejjeż professjonali, u lanqas il-possibbiltà għal din il-kumpannija li tibbenefika minn riport ta’ tpaċija, li l-eżerċizzju tiegħu huwa dejjem inċert, filwaqt li l-kumpanniji residenti jibbenefikaw mit-tpaċija immedjata u, jekk ikun il-każ, mir-rimbors tal-eċċess tat-taxxa f’ras il-għajn, min-naħa l-oħra ma huma tali li jippermettu li din id-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata kompletament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 83, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punti 28 sa 34).
50 Bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kapital għal kundizzjonijiet iktar stretti meta l-benefiċjarju tad-dividendi tkun kumpannija mhux residenti milli meta tkun kumpannija residenti, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata permezz ta’ ftehim, tista’ tiddiswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jinvestu f’kumpanniji tal-Istat Membru kkonċernat u hija wkoll tali li tikkostitwixxi ostakolu għall-ġbir ta’ kapital minn kumpanniji residenti mingħand kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Hija tikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 63(1) KE.
51 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun permissibbli jekk tkun iġġustifikata b’raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku, jekk tkun adatta sabiex tiżgura l-kisba tal-għan li imfittex minnha u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 70 u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
52 Skont il-Gvern Ġermaniż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għan ta’ preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll min-neċessità li jiġi evitat teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa f’ras il-għajn.
53 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-neċessità li jitħares it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri hija fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, bħal miżura nazzjonali intiża sabiex tipprevjeni aġir tali li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 121, kif ukoll tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 98).
54 Madankollu, tali raġuni ma tistax tiġġustifika t-taxxa ta’ kumpanniji mhux residenti li jibbenefikaw minn dividendi minn Stat Membru li għażel li ma jintaxxax lill-kumpanniji residenti fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑284/09, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 F’dan il-każ, għalkemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fir-rigward tad-dividendi kollha minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa, hija għażlet ukoll, skont il-provi prodotti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tinnewtralizza b’mod sħiħ il-piż tat-taxxa f’ras il-għajn fuq dawn id-dividendi meta dawn tal-aħħar jitħallsu lil kumpanniji residenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żamma tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma tistax tiġġustifika t-tassazzjoni tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul.
56 Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni dwar in-neċessità li jiġi evitat teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa f’ras il-għajn ta’ kumpanniji benefiċjarji ta’ dividendi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu impost fuq il-kumpanniji benefiċjarji ta’ dividendi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipproduċu l-prova li t-taxxa f’ras il-għajn la ġiet paċuta u lanqas ma kienet is-suġġett ta’ riport ta’ tpaċija fir-rigward tagħhom jew f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħhom, u ma ġietx imnaqqsa bħala spejjeż professjonali jew tal-operat, ma għadu l-ebda ekwivalenti sa fejn jikkonċerna l-kumpanniji residenti. Madankollu, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li dawn il-kumpanniji huma wkoll miżmuma minn azzjonisti mhux residenti li jaqgħu taħt leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-livell tagħhom, tat-taxxa f’ras il-għajn fuq il-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi. Konsegwentement, il-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn ma tistax tiġi eskluża fir-rigward tal-kumpanniji residenti, peress li l-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn biss fil-livell tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi huwa irrilevanti.
57 Issa, għandu jitfakkar li, sabiex titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex, miżura għandha tissodisfa l-ħtieġa li jintlaħaq dan l-għan b’mod koerenti u sistematiku (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia, C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ma huwiex il-każ, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li tiġi evitata t-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa mħallsa, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa f’kundizzjonijiet iktar stretti meta l-kumpanniji benefiċjarji ta’ dividendi jkunu kumpanniji residenti meta l-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli meta jkunu kumpanniji residenti, filwaqt li ma jkun hemm xejn li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi sa fejn tikkonċerna l-kumpanniji residenti. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-taxxa miżmuma f’ras il-għajn.
59 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa fuq id-dividendi ġejjin minn ishma miżmuma minn azzjonisti mifruxa miġbura minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-prova li din it-taxxa ma tistax tiġi paċuta jew suġġetta għal riport ta’ tpaċija fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif ukoll f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, u lanqas titnaqqas mill-imsemmija kumpannija bħala spejjeż professjonali jew spejjeż ta’ operat, filwaqt li tali kundizzjoni ma hijiex prevista fir-rigward tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa minn kumpannija residenti li tiġbor l-istess tip ta’ dħul.
Fuq it‑tieni domanda
60 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l‑ispejjeż
61 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tissuġġetta r-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa fuq id-dividendi ġejjin minn ishma inqas mil-livelli previsti mid-Direttiva tal-Kunsill90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat‑22 ta’ Diċembru 2003, miġbura minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-prova li din it-taxxa ma tistax tiġi paċuta jew suġġetta għal riport ta’ tpaċija kemm fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif ukoll f’dak tal-azzjonisti diretti jew indiretti tagħha, u lanqas titnaqqas mill-imsemmija kumpannija bħala spejjeż professjonali jew spejjeż ta’ operat, fil-waqt li tali kundizzjoni ma hijiex prevista fir-rigward tar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallas minn kumpannija residenti li tiġbor l-istess tip ta’ dħul.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.