Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-501/00,
Ir-Renju ta' Spanja , irrappreżentat minn S. Ortiz Vaamonde, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrent,
sostnut minn
Diputación Foral de Álava,
Diputación Foral deVizcaya,
Diputación Foral de Guipúzcoa,
Juntas Generales de Guipúzcoa,
Gobierno del País Vasco,
irrappreżentati minn R. Falcón y Tella, abogado ,
u mill-
Unión de Empresas Siderúrgicas (Unesid), irrappreżentata minn L. Suárez de Lezo Mantilla u I. Alonso de Noriega Satrústegui, abogados ,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u G. Valero Jordana, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
li għandha bħala għan l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2000, dwar il-liġijiet Spanjoli fuq it-taxxa korporattiva (ĠU 2001, L 60, p. 57),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, N. Cunha Rodrigues, u R. Schintgen (Relatur), u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,
wara li ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Diċembru 2000, ir-Renju ta' Spanja talab, bis-saħħa ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 33 KEFA, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-31 ta' Ottubru 2000, dwar il-liġijiet Spanjoli fuq it-taxxa korporattiva (ĠU 2001, L 60, p. 57, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2. L-Artikolu 4(c) KEFA jipprovdi li "is-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew il-piżijiet speċjali imposti minnhom, taħt kwalunkwe forma li jkunu" [traduzzjoni mhux uffiċjali] huma pprojbiti, taħt il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat KEFA.
3. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 95 KEFA jipprovdi li:
"Fil-każijiet kollha li mhumiex previsti f'dan it-Trattat, li fihom tkun tidher neċessarja deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni sabiex, fil-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar u skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5, jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, kif definiti fl-Artikoli 2, 3 u 4, din id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tkun tista' tittieħed bil-kunsens tal-Kunsill li jiddeċiedi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4. Sabiex tissodisfa l-eżiġenzi tar-ristrutturazzjoni tas-settur ta' l-azzar, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-Artikolu 95 KEFA sabiex, mill-bidu tas-snin 80, twaqqaf skema Komunitarja li tawtorizza l-għoti ta' għajnuna minn Stat lill-industrija ta' l-azzar f'ċerti każijiet speċifiċi u limitati.
5. L-iskema adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-imsemmija dispożizzjoni ħadet il-forma ta' deċiżjonijiet ta' applikazzjoni ġenerali, komunement magħrufa bħala l-"Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar", li ġie sussegwentement emendat diversi drabi sabiex ikunu jistgħu jiġu solvuti d-diffikultajiet li kienu jinqalgħu b'mod ċikliku fl-industrija ta' l-azzar. Il-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar li kien fis-seħħ matul il-perijodu kkunsidrat f'din il-kawża huwa s-sitt u l-aħħar wieħed tas-serje u ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2496/96/KEFA, tat-18 ta' Diċembru 1996, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija ta' l-azzar (ĠU L 338, p. 42, aktar 'il quddiem il-"Kodiċi ta' Għajnuna"). L-imsemmi kodiċi kien applikabbli mill-1 ta' Jannar 1997 u sat-22 ta' Lulju 2002, id-data li fiha t-Trattat KEFA waqaf milli jkun fis-seħħ.
6. Skond l-Artikolu 1 tal-Kodiċi ta' Għajnuna, intitolat "Prinċipji":
"1. L-għajnuna mogħtija lill-industrija ta' l-azzar li hija ffinanzjata minn Stat Membru jew mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali tiegħu jew permezz ta' riżorsi ta' Stat, taħt kwalunkwe forma u kemm jekk tkun speċifika jew le, tista' biss tiġi meqjusa bħala għajnuna Komunitarja u, għaldaqstant, kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni jekk tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 sa 5 [tal-Kodiċi ta' Għajnuna].
[…]
3. L-għajnuna li taqa' taħt din id-deċiżjoni tista' tingħata biss wara li jsiru l-proċeduri previsti fl-Artikolu 6 u ma tistax tagħti lok għal xi ħlas wara t-22 ta' Lulju 2002." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7. Skond l-Artikoli 2 sa 5 tal-Kodiċi ta' Għajnuna, l-għajnuna li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni huma l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp (Artikolu 2), l-għajnuna favur il-protezzjoni ta' l-ambjent (Artikolu 3), l-għajnuna għall-għeluq ta' l-impjanti ta' l-azzar (Artikolu 4), kif ukoll l-għajnuna reġjonali prevista minn skemi ġenerali favur impriżi li jinsabu l-Greċja (Arikolu 5).
8. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 6 tal-Kodiċi ta' Għajnuna, intitolat "Proċedura", kull pjan sabiex tingħata għajnuna li taqa' taħt l-Artikoli 2 sa 5 ta' l-imsemmi kodiċi u kull pjan ta' trasferiment ta' riżorsi pubbliċi għall-benefiċċju ta' impriżi ta' l-azzar għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, li tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni. Bis-saħħa ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta' l-istess dispożizzjoni, il-miżuri ppjanati jistgħu jiġu implimentati biss bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha.
9. Skond l-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna:
"Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li intervent finanzjarju partikolari jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 1 jew jekk hija tiddubita għajnuna partikolari hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'dan u tistieden lill-partijiet interessati u lill-Istati Membri sabiex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom. Jekk, wara li tkun irċeviet dawn l-osservazzjonijiet u wara li tkun tat il-possibbiltà lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jirrispondi għalihom, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna li mhijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni, hija għandha tieħu deċiżjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa l-għajnuna in kwistjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 88 tat-Trattat japplikaw fil-każ li Stat Membru ma jikkonformax ruħu ma' l-imsemmija deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10. L-Artikolu 6(6) tal-Kodiċi ta' Għajnuna huwa fformulat bil-mod segwenti:
"Jekk, mid-data tar-riċepiment tan-notifika ta' kwalunkwe proposta, jgħaddi terminu ta' xahrejn mingħajr ma l-Kummissjoni tkun bdiet il-proċedura prevista fil-paragrafu 5 jew mingħajr ma b'xi mod ieħor tkun iddikjarat il-pożizzjoni tagħha, il-miżuri ppjanati jistgħu jiġu implimentati bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jkun informa lill-Kummissjoni minn qabel b'din l-intenzjoni. Fil-każ ta' konsultazzjoni ta' l-Istati Membri skond il-paragrafu 3, it-terminu in kwistjoni jkun ta' tliet xhur." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11. L-Artikolu 34 tal-Liġi Spanjola Nru 43/1995, tas-27 ta' Diċembru 1995, dwar it-taxxa korporattiva ( Boletín Oficial del Estado Nru 310, tat-28 ta' Diċembru 1995, aktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 43/1995"), intitolat "Tnaqqis għal attivitajiet ta' esportazzjoni", u li jirrepeti kważi l-istess kliem ta' l-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 61/1978, tas-27 ta' Diċembru 1978, dwar it-taxxa korporattiva ( Boletín Oficial del Estado Nru 132, tat-30 ta' Diċembru 1978), jipprovdi li:
"1. It-twettiq ta' attivitajiet ta' esportazzjoni jagħti lill-impriżi d-dritt li japplikaw it-tnaqqis segwenti fuq l-ammont ta' taxxa pagabbli:
a) 25% tat-taxxa fuq l-investimenti li jkunu effettivament saru sabiex jitwaqqfu fergħat jew stabbilimenti permanenti f'pajjiżi oħra, u sabiex jinxtraw ishma f'kumpanniji barranin jew sabiex jiġu mwaqqfa kumpanniji sussidjarji involuti direttament fl-attività ta' esportazzjoni ta' prodotti jew ta' servizzi […] sakemm s-sehem jammonta ta' l-inqas għal 25% tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija sussidjarja […];
b) 25% ta' l-ammont ta' l-ispejjeż inkorsi għall-pubbliċità, fuq diversi snin, għall-promozzjoni ta' prodotti ġodda, għall-ftuħ u l-analiżi ta' swieq barranin u għall-parteċipazzjoni f'fieri, wirjiet u avvenimenti simili, inklużi l-avvenimenti internazzjonali li jinżammu fi Spanja."
12. It-territorji storiċi ta' Álava, ta' Biscaye u ta' Guipúzcoa, li għandhom kompetenzi fiskali awtonomi, irriproduċew it-tnaqqis tat-taxxa għall-attivitajiet ta' esportazzjoni previst fl-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995 fil-liġijiet fiskali rispettivi tagħhom (aktar 'il quddiem il-"miżuri in kwistjoni").
13. It-tnaqqis isir globalment bil-mod segwenti: ir-rata tat-taxxa nominali ta' 35% hija applikata fuq il-profitti tas-sena finanzjarja, li twassal għall-ammont totali tat-taxxa li huwa suġġett għal riduzzjonijiet u għall-ħelsien mit-taxxa internazzjonali doppja (aktar 'il quddiem l-"ammont totali attwali tat-taxxa aġġustata"). Is-somma tat-"tnaqqis sabiex isiru ċerti attivitajiet", li fosthom hemm it-tnaqqis għal attivitajiet ta' esportazzjoni, hija limitata għal 35% ta' l-ammont totali attwali tat-taxxa aġġustata. L-ammont nett tat-taxxa pagabbli għalhekk jinkiseb wara li jiġi applikat it-tnaqqis massimu awtorizzat fuq l-ammont totali tat-taxxa.
Il-proċedura preliminari għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
14. Permezz ta' ittra tas-16 ta' April 1996, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jagħtuha informazzjoni dwar eventwali "għajnuna għall-esportazzjoni lill-impriżi Spanjoli tas-settur ta' l-azzar".
15. Permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Ġunju 1996, l-imsemmija awtoritajiet informaw lill-Kummissjoni li l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995 hija miżura ġenerali, direttament applikabbli minn kull persuna taxxabbli mingħajr l-intervent ta' xi korp pubbliku.
16. Permezz ta' ittra tas-7 ta' Awwissu 1997, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Spanjol bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew tal-31 ta' Ottubru 1997 (ĠU C 329, p. 4) u l-partijiet interessati ġew mistiedna sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f'terminu ta' xahar minn din il-pubblikazzjoni.
17. Safejn hija kkunsidrat li l-miżuri in kwistjoni kienu jikkonċernaw ukoll is-setturi li jaqgħu taħt it-Trattat KE u li l-biċċa l-kbira ta' dawn il-miżuri kienu fis-seħħ dakinhar ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja fil-Komunitajiet Ewropej, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-għajnuna mogħtija taħt it-Trattat KE kienu għajnuna mill-Istat eżistenti. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, l-imsemmija miżuri kienu kkunsidrati bħala għajnuna ġodda.
18. Permezz ta' ittra tat-13 ta' Ottubru 1997, l-awtoritajiet Spanjoli rrepetew il-pożizzjoni tagħhom li kienet diġà ġiet espressa minnhom qabel ma nbdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna, jiġifieri li l-miżuri in kwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. L-aktar, l-aktar, dawn il-miżuri setgħu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti.
19. Fil-kuntest ta' l-imsemmija proċedura, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet ta' tliet assoċjazzjonijiet, li huma l-Konfederazzjoni Spanjola ta' Organizzazzjonijiet tan-Negozju, l-Unión de Empresas Siderúrgicas (aktar 'il quddiem l-"Unesid") u l-Wirtschaftsvereinigung Stahl, osservazzjonijiet li l-awtoritajiet Spanjoli kkummentaw dwarhom f'ittra tas-16 ta' Marzu 1998.
Id-deċiżjoni kkontestata
20. Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fil-31 ta' Ottubru 2000. L-ewwel żewġ artikoli ta' din id-deċiżjoni huma fformulati bil-mod segwenti:
"Artikolu 1
Kull għajnuna mogħtija minn Spanja skond:
a) l-Artikolu 34 tal-Liġi 43/1995, tas-27 ta' Diċembru 1995, dwar it-taxxa korporattiva;
b) l-Artikolu 43 tan-Norma Foral 3/96, tas-26 ta' Ġunju 1996, dwar it-taxxa korporattiva adottata mill-Provinċja Awtonoma ta' Vizcaya;
c) l-Artikolu 43 tan-Norma Foral 7/96, ta' l-4 ta' Lulju 1996, dwar it-taxxa korporattiva adottata mill-Provinċja Awtonoma ta' Guipúzcoa jew
d) l-Artikolu 43 tan-Norma Foral 24/96, tal-5 ta' Lulju 1996, dwar it-taxxa korporattiva adottata mill-Provinċja Awtonoma ta' Álava,
favur impriżi ta' l-azzar KEFA stabbiliti fi Spanja, hija inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar.
Artikolu 2
Spanja għandha, mingħajr dewmien, tadotta l-miżuri xierqa sabiex jiġi evitat li l-impriżi ta' l-azzar KEFA stabbiliti fi Spanja jibbenefikaw mill-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 [aktar 'il quddiem l-'għajnuna in kwistjoni']." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
21. Madankollu, il-Kummissjoni ma ordnatx l-irkupru ta' l-għajnuna in kwistjoni mingħand l-impriżi benefiċjarji ta' l-azzar minħabba, b'mod partikolari, il-pożizzjoni differenti li kienet adottat fil-passat, fir-rigward ta' miżuri nazzjonali simili, u t-tul tal-proċedura ta' investigazzjoni, li ma kienx attribwibbli għar-Renju ta' Spanja, b'tali mod li "anke l-impriżi ta' l-azzar li kienu l-aktar prudenti u l-aħjar informati ma setgħux jipprevedu li d-dispożizzjonijiet fiskali in kwistjoni kienu ser jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat u li huma kellhom id-dritt jinvokaw il-prinċipju ta' l-aspettativi leġittimi" (punt 28 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
22. Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li r-Renju ta' Spanja ressaq dan ir-rikors.
23. Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Ġunju 2001, id-Diputación Foral de Álava, id-Diputación Foral de Vizcaya, id-Diputación Foral de Guipúzcoa, il-Juntas Generales de Guipúzcoa u l-Gobierno del País Vasco (aktar 'il quddiem l-"awtoritajiet Baski") ġew awtorizzati sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta' Spanja.
24. Permezz ta' digriet ta' l-istess data, l-Unesid ukoll ġiet awtorizzata tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta' Spanja.
It-talbiet tal-partijiet
25. Ir-Renju ta' Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
26. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tiċħad ir-rikors u
– tikkundanna lir-Renju ta' Spanja jbati l-ispejjeż.
27. L-awtoritajiet Baski jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tiddikjara r-rikors fondat,
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata u
– tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, inklużi dawk inkorsi minħabba l-intervent tagħha.
28. L-Unesid titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiddikjara l-intervent tagħha, fir-rigward tal-forma u tat-termini stabbiliti, bħala ammissibbli,
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Fuq ir-rikors
29. In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta' Spanja jinvoka tliet motivi ibbażati, rispettivament, fuq:
– il-ksur tar-regoli tal-proċedura ta' investigazzjoni previsti fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna;
– il-ksur ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet, stabbilit fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 15 KEFA, u
– il-ksur ta' l-Artikolu 4(c) KEFA.
30. Il-partijiet intervenjenti jqajmu diversi motivi addizzjonali in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta' Spanja.
Fuq l-ewwel motiv
L-argumenti tal-partijiet
31. Permezz ta' l-ewwel motiv tiegħu, il-Gvern Spanjol jilmenta li l-Kummissjoni ma osservatx it-terminu ta' tliet xhur li kienet tiddisponi minnu, li kien jibda jiddekorri mir-riċepiment ta' l-informazzjoni neċessarja għall-finijiet ta' l-analiżi tal-miżuri in kwistjoni, sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, skond l-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna. F'dan il-każ, din id-deċiżjoni ġiet adottata kważi sentejn u tmien xhur wara li l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta' dawn il-miżuri mat-Trattat.
32. B'dan il-mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi kif ukoll id-drittijiet tad-difiża. F'dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol isostni li d-dewmien fil-proċedura iżola kompletament fiż-żmien l-investigazzjoni li serviet ta' bażi għal tali proċedura. Barra minn hekk, is-silenzju twil tal-Kummissjoni fi tmiem l-investigazzjoni ħalla x'wieħed jifhem li hija ma kinitx kontra l-miżuri eżaminati. Minbarra dan, il-Kummissjoni qatt ma semmiet xi azzjoni jew investigazzjoni interna jew esterna jew xi raġuni oħra li setgħet tiġġustifika jew tispjega dan id-dewmien.
33. Il-Gvern Spanjol iżid jgħid li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrinunzjat li tordna l-irkupru ta' l-għajnuna in kwistjoni. Jekk l-impriżi ta' l-azzar setgħu leġittimament jikkunsidraw li l-miżuri in kwistjoni ma kinux jikkostitwixxu, qabel u matul il-proċedura ta' investigazzjoni, għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, dan kellu jkun aktar u aktar il-każ għall-Istat Membru ikkonċernat.
34. Il-partijiet intervenjenti jsostnu l-argumenti tal-Gvern Spanjol.
35. L-ispjegazzjoni tardiva tal-Kummissjoni, li tinsab fil-kontroreplika tagħha, li d-dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien minħabba l-ftuħ ta' investigazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri kollha, sabiex jiġi vverifikat jekk l-istess tip ta' għajnuna għall-esportazzjoni bħal dik in kwistjoni kinitx teżisti fl-Istati Membri l-oħra, mhijiex konvinċenti peress li minnha ma toħroġx ir-raġuni li għaliha proċedura intiża sabiex tinkiseb informazzjoni dwar il-miżuri applikati fi Stati Membri oħra tista' tiġġustika d-dewmien fil-proċedura mibdija kontra l-miżuri in kwistjoni.
36. L-awtoritajiet Baski jikkontestaw ukoll l-asserzjoni tal-Kummissjoni li hija ma kinitx f'pożizzjoni li tawtorizza l-għajnuna in kwistjoni, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat, jekk in-nuqqas ta' osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna kien iwassal għall-impossibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni. Dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li din hija għajnuna li, bħala tali, teħtieġ awtorizzazzjoni sabiex tkun tista' tiġi applikata. Il-kwistjoni hija preċiżament jekk il-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxux għajnuna jew le. Il-Kummissjoni ma tistax ikollha terminu illimitat sabiex tagħmel din l-evalwazzjoni.
37. F'dan ir-rigward l-Unesid iżżid tgħid li d-deċiżjoni kkontestata naqset mhux biss milli tosserva t-terminu ta' tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna, iżda wkoll it-terminu raġonevoli li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tibda proċedura ta' investigazzjoni hija stess. Filwaqt li tagħmel paragun mas-sentenza tal-11 ta' Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471) kif ukoll mas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni (T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II-1739, punt 55), l-Unesid tosserva li l-Kummissjoni ħalliet tnax-il sena jgħaddu, wara l-adeżjoni ta' Spanja fil-Komunitajiet, qabel ma bdiet il-proċedura, meta fil-fatt hija kienet ġiet innotifikata bl-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995 u bil-miżuri in kwistjoni meta seħħet din l-adeżjoni. Għal din ir-raġuni wkoll, il-Kummissjoni naqset milli tosserva ir-regoli ta' amministrazzjoni tajba.
38. Skond l-Unesid, il-Kummissjoni kellha obbligu partikolari li tagħti r-raġunijiet fir-rigward taċ-ċirkustanzi li wassluha sabiex tibdel l-evalwazzjoni tagħha u tiddikjara li l-imsemmija miżuri, li ma kinitx oġġezzjonat għalihom meta kienu ġew implimentati, kienu inkompatibbli mat-Trattat.
39. Il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni li n-nuqqas ta' osservanza tat-terminu ta' tliet xhur previst fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna jwassal biex il-proċedura taqa'. Fil-fehma tagħha, m'hemm xejn f'dan il-każ li jista' jwassal għall-konklużjoni li, kieku dan it-terminu kien ġie osservat, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kien ikun differenti u, b'mod partikolari, favorevoli għar-Renju ta' Spanja. F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex kwistjoni ta' ksur ta' forma essenzjali jew tad-dritt tal-partijiet li jinstemgħu.
40. L-asserzjoni tal-Gvern Spanjol li d-dewmien kellu effett fuq ir-riżultat ta' l-investigazzjoni li saret mill-Kummissjoni hija wkoll kompletament infondata, peress li huwa ma spjegax liema huma l-bidliet li effettivament saru matul il-perijodu li għadda bejn il-preżentazzjoni ta' l-osservazzjonijiet tiegħu u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bidliet li setgħu jkollhom effett fuq il-kontenut tagħha.
41. Il-Kummissjoni tibbaża wkoll fuq il-kliem ċar ta' l-Artikolu 4(c) KEFA li jipprovdi li s-sussidji jew għajnuna mogħtija mill-Istati, taħt kwalunkwe forma li jkunu, huma inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar u konsegwentement huma aboliti u pprojbiti fil-Komunità. Għalhekk, fin-nuqqas ta' deċiżjoni speċifika tal-Kummissjoni li tikkonferma l-kompatibbiltà ta' l-għajnuna, ma jkunx hemm inċertezza legali peress li, f'dan il-każ, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mat-Trattat u, għaldaqstant, ipprojbita.
42. Fir-rigward ta' l-allegat ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi, il-Kummissjoni tosserva li hija qatt ma tat xi assigurazzjoni li l-miżuri in kwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna. F'kull każ, dan il-prinċipju ma jistax jiġi miksur minn deċiżjoni li tirrinunzja għall-irkupru ta' din l-għajnuna.
43. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-paragun li sar mas-sentenza Lorenz, iċċitata aktar 'il fuq. Fil-fatt, filwaqt li din is-sentenza tikkonċerna l-proċedura ta' investigazzjoni ta' għajnuna proposti li huma nnotifikati lill-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-kuntest ta' proċedura dwar għajnuna diġà mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali. Skond il-Kummissjoni, jekk huwa leġittimu li t-terminu ta' xahrejn indikat fl-imsemmija sentenza jkun terminu ta' preskrizzjoni, sabiex jiġi evitat li l-għajnuna proposta tibqa' sospiża indefinitivament, tali protezzjoni mhijiex neċessarja fil-każ ta' eżami ta' għajnuna mogħtija diġà.
44. Fir-rigward tar-referenza għas-sentenza SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Kummissjoni tirrileva li mill-punt 57 ta' din is-sentenza jirriżulta li "il-karattru raġonevoli tat-tul tal-proċedura amministrattiva għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull kawża". F'dan il-każ, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni, it-terminu ta' adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex irraġonevoli.
45. Il-Kummissjoni tippreċiża li d-dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa spjegat bil-ftuħ ta' investigazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri kollha sabiex jiġi vverifikat jekk dawn kinux jagħtu l-istess tip ta' għajnuna għall-esportazzjoni bħal dik mogħtija mill-miżuri in kwistjoni fi Spanja.
46. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-allegazzjoni ta' l-Unesid li d-deċiżjoni kkontestata hija r-riżultat ta' proċedura li wkoll ma kinitx saret f'terminu raġonevoli hija bbażata fuq fatt ineżistenti, peress li r-Renju ta' Spanja qatt ma nnotifika lill-Kummissjoni bil-proposti għall-miżuri in kwistjoni. Fil-fatt, l-informazzjoni li l-Kummissjoni rċeviet matul id-diskussjonijiet li saru qabel l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja fil-Komunitajiet Ewropej kienet dwar għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ġiet mogħtija fil-kuntest ta' l-analiżi ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat fid-dawl tat-Trattat KEE.
47. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(c) KEFA jistabbilixxi projbizzjoni fuq l-għajnuna li tista' biss titneħħa mill-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura prevista fil-Kodiċi ta' Għajnuna. Jekk l-unika konsegwenza tan-nuqqas ta' osservanza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 6(5) ta' l-imsemmi kodiċi kienet li tirrendi l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni impossibbli, hija ma kinitx tkun tista' tagħlaq il-proċedura mibdija skond din id-dispożizzjoni, madankollu, mingħajr ma jkun jista' jitwarrab il-prinċipju ta' projbizzjoni stabbilit mit-Trattat KEFA.
48. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ikun hemm bżonn li tinbeda proċedura ġdida. Madankollu, din is-soluzzjoni mhijiex konformi mal-prinċipju ta' ekonomija fil-proċedura peress li kull ma kienet tagħmel id-deċiżjoni l-ġdida kien ikun li tirrepeti l-kontenut tad-deċiżjoni preċedenti.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
49. Jeżisti qbil li t-terminu ta' tliet xhur previst fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi ta' Għajnuna kien skada meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.
50. Madankollu, mis-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-5/01, Ġabra p. I-11991, punt 60), jirriżulta li l-imsemmi terminu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala terminu ta' preskrizzjoni suġġett għar-rinunzja ta' kompetenza, li l-iskadenza tiegħu tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta' għajnuna proposta mat-Trattat.
51. Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntest ġenerali li fih jidħol it-terminu ta' tliet xhur u l-għan tiegħu, meta deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata mill-Kummissjoni f'dan it-terminu, minn naħa, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx jista' jimplimenta l-imsemmija miżura ta' għajnuna u, min-naħa l-oħra, ikun impossibbli għalih li jikseb deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni f'dan is-sens fil-kuntest tal-proċedura mibdija minnha. Sitwazzjoni bħal din hija kuntrarja għall-funzjonament tajjeb tar-regoli dwar l-għajnuna mogħtija minn Stat, peress li l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tista' tinkiseb biss bħala riżultat ta' proċedura ġdida mibdija skond il-Kodiċi ta' Għajnuna, li jkollha l-effett li ddewwem it-teħid ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni mingħajr ma toffri xi garanzija addizzjonali lill-Istat Membru kkonċernat (sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 58 u 59).
52. Huwa minnu li, wara li bdiet il-proċedura ta' investigazzjoni f'April 1996, il-Kummissjoni kellha, skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, tadotta deċiżjoni definitiva f'terminu raġonevoli li kien jibda jiddekorri mir-riċepiment ta' l-osservazzjonijiet ta' l-Istat Membru kkonċernat, tal-partijiet interessati u eventwalment ta' l-Istati Membri l-oħra. Fil-fatt, dewmien eċċessiv tal-proċedura ta' investigazzjoni jista' jżid, għall-Istat taħt investigazzjoni, id-diffikultà sabiex jirrifjuta l-argumenti tal-Kummissjoni u b'hekk jikser id-drittijiet tad-difiża (ara, b'mod partikolari, fir-rigward tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 226 KE, is-sentenza tal-21 ta' Jannar 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-207/97, Ġabra p. I-275, punt 25).
53. F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura amministrattiva għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull kawża u, b'mod partikolari, skond il-kuntest tagħha, il-varji stadji proċedurali li l-Kummissjoni tkun segwiet, l-imġieba tal-partijiet matul il-proċedura, il-kumplessità tal-kawża u l-importanza tagħha għad-diversi partijiet interessati (ara s-sentenzi SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 57, u, b'analoġija, fir-rigward tal-proċeduri fil-qorti, tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 29).
54. F'dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-proċedura li tikkonċerna l-miżuri in kwistjoni kienet teħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel eżami fil-fond tal-leġiżlazzjoni Spanjola kif ukoll ta' kwistjonijiet ta' fatt u ta' dritt li huma kumplessi ħafna, b'mod partikolari, minħabba l-fatt li dawn il-miżuri ma japplikawx għall-impriżi ta' l-azzar biss iżda għal kull impriża Spanjola.
55. Huwa wkoll leġittimu li, fil-konfront ta' miżuri ta' natura fiskali li mhuwiex ċar jekk għandhomx jikkwalifikaw bħala "għajnuna" skond l-Artikolu 4(c) KEFA, il-Kummissjoni tqis li neċessarju li tibda investigazzjoni fl-Istati Membri kollha sabiex tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni tagħhom kinitx tinkludi l-istess tip ta' miżuri bħal dawk adottati fi Spanja.
56. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, id-"dewmien" fil-proċedura ta' investigazzjoni, li ma kienx attribwibbli għar-Renju ta' Spanja, billi rrinunzjat milli tordna l-irkupru ta' l-għajnuna in kwistjoni mingħand l-impriżi ta' l-azzar.
57. Il-Gvern Spanjol ma weriex kif it-tul tal-proċedura ta' investigazzjoni, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi preċedenti, kien ta' natura tali li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata bi ksur, minn naħa, tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet tad-difiża għad-detriment ta' l-awtoritajiet Spanjoli.
58. Fil-fatt, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-Gvern Spanjol ma pprovda ebda element li seta' jkun ta' sostenn għall-argument li ż-żmien li għadda f'dan il-każ kien wassal sabiex l-investigazzjoni li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata ma tibqax neċessarja u sabiex jikser id-drittijiet tad-difiża u, barra minn hekk, huwa ma spjegax ir-raġuni għaliex il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kien jippermetti lill-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni oħra, li kienet tkun aktar favorevoli għar-Renju ta' Spanja.
59. Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni motiv
L-argumenti tal-partijiet
60. Permezz tat-tieni motiv tiegħu, il-Gvern Spanjol jilmenta li l-Kummissjoni, minn naħa, ma tatx raġuni għall-bidla radikali fil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-miżuri in kwistjoni. Għalkemm fil-bidu kkunsidrat li dawn il-miżuri, li kif jirriżulta mill-punt 26 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, kienet ġiet innotifikata bihom ma' l-adeżjoni ta' Spanja fil-Komunitajiet, ma kinux jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' għajnuna, sussegwentement hija kkunsidrat li dawn kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mat-Trattat.
61. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma kien fiha ebda element li jista' juri kemm l-effett ta' l-imsemmija miżuri fuq il-kompetittività tal-prodotti nazzjonali esportati u, b'mod partikolari, fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet, kif ukoll il-ħsara mġarrba mill-impriżi li ma kinux suġġetti għal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar it-taxxa korporattiva, elementi li kienu jeħtieġu analiżi ta' l-iskemi fiskali nazzjonali kollha kemm huma.
62. Il-Kummissjoni ssostni li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija qatt ma iddikjarat li l-miżuri in kwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna, u għalhekk hija ma kellhiex għalfejn tagħti raġuni għall-bidla fl-attitudni tagħha f'dan ir-rigward.
63. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-obbligu li jingħataw raġunijiet, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li tinkludi r-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-kwalifika tal-miżuri in kwistjoni bħala "għajnuna KEFA". Din il-motivazzjoni kienet tippermetti lill-Gvern Spanjol jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni adottat din id-deċiżjoni u kienet tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tagħha.
64. Fil-fatt, in-nuqqasijiet fl-għoti tar-raġunijiet allegati mill-Gvern Spanol m'għandhom ebda relazzjoni mal-kundizzjonijiet ta' eżistenza ta' għajnuna mogħtija minn Stat. Sabiex miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mogħtija minn Stat taħt id-dritt Komunitarju, huwa neċessarju li hija tirrappreżenta vantaġġ ekonomiku għall-benefiċjarji tagħha u mhux li tikkawża ħsara lill-kompetituri. It-tnaqqis fl-ammont tat-taxxa korporattiva jissodisfa dan il-kriterju mingħajr bżonn li jsir studju tal-piż tat-taxxa jew ta' l-ispejjeż ta' operazzjoni fl-Istati Membri differenti. Barra minn hekk, l-analiżi ta' l-effett tal-miżuri in kwistjoni fuq il-kompetizzjoni mhijiex meħtieġa fil-kuntest tat-Trattat KEFA (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T-129/95, T-2/96 u T-97/96, Ġabra p. II-17, punt 99, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Jannar 2001, Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, C-111/99 P, Ġabra p. I-727, punt 41).
65. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kellhiex obbligu li tanalizza n-nuqqas ta' effett tal-miżuri in kwistjoni fuq il-kompetittività tal-prodotti nazzjonali esportati. Għalhekk, hija ma kisritx l-obbligu li tagħti raġunijiet.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
66. Għandu jiġi kkonstatat li t-tieni motiv invokat mir-Renju ta' Spanja, ibbażat fuq nuqqas li jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni kkonstestata, jikkonsisti f'żewġ partijiet li jirrigwardaw, minn naħa, l-allegata bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza u l-kompatibbiltà ta' l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, ċerti kundizzjonijiet li l-miżuri in kwistjoni kellhom jissodisfaw sabiex jiġu kkwalifikati bħala "għajnuna" skond l-Artikolu 4(c) KEFA.
– Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv
67. Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 4(c) KEFA, is-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri taħt kwalunkwe forma li jkunu huma, mingħajr eċċezzjoni, rikonoxxuti bħala inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar u, konsegwentement, huma aboliti u pprojbiti fil-Komunità.
68. Il-Kodiċi ta' Għajnuna, adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 KEFA, madankollu jawtorizza l-għoti ta' għajnuna lill-industrija ta' l-azzar f'ċerti każijiet elenkati b'mod eżawrjenti u skond il-proċeduri stabbiliti fih. L-Artikolu 6(4) ta' l-imsemmi kodiċi jipprovdi, b'mod partikolari, li l-miżuri proposti ma jistgħu jiġu implimentati biss bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. L-Artikolu 6(6) jipprovdi espressament deroga minn din ir-regola billi jipprovdi li dawn il-miżuri jistgħu jiġu implementati biss jekk il-Kummissjoni ma tkunx bdiet il-proċedura prevista fil-paragrafu 5 jew ma tkunx iddikjarat il-pożizzjoni tagħha b'xi mod ieħor f'terminu ta' xahrejn mid-data tar-riċepiment tan-notifika ta' kwalunkwe proposta, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jkun informa minn qabel lill-Kummissjoni b'din l-intenzjoni (sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 54).
69. Il-każijiet li fihom tista' tiġi mogħtija għajnuna lill-industrija ta' l-azzar jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regola li dawn l-għajnuna huma pprojbiti u l-għoti tagħhom huwa, fil-prinċipju, awtorizzat biss permezz ta' deċiżjoni espressa tal-Kummissjoni (sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 55).
70. F'dan il-każ, il-Kummissjoni qatt ma adottat deċiżjoni li tawtorizza espressament l-għoti ta' l-għajnuna in kwistjoni. F'dan ir-rigward, ir-risposta li ngħatat f'Ġunju 1996 mill-Kummissarju tal-Kompetizzjoni għal domanda miktuba magħmula minn membru tal-Parlament Ewropew, li ssir referenza għaliha fil-punt 26 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ma tirrigwardax il-kwalifika tal-miżuri in kwistjoni bħala għajnuna skond l-Artikolu 4(c) KEFA.
71. F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-bidla fil-pożizzjoni li jilmenta dwarha l-Gvern Spanjol ma ġietx stabbilita, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' dan il-punt.
72. Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud.
– Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv
73. Skond ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 253 KE u applikabbli għall-Artikolu 15 KEFA, il-motivazzjoni meħtieġa mill-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta' l-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b'mod illi jippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti Komunitarja tagħmel l-istħarriġ tagħha. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jkopru din il-kwistjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta' Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 86; tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63; tas-7 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 48, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 68).
74. F'dan il-każ, huwa biżżejjed li f'dan ir-rigward jiġi rrilevat li, fil-punti 17 sa 21 tal-motivi tagħha, id-deċiżjoni kkontestata turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-kwalifika tal-miżuri in kwistjoni bħala "għajnuna" fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA.
75. L-ilmenti invokati mill-Gvern Spanjol fir-rigward ta' l-effett tal-miżuri in kwistjoni fuq l-kompetittività tal-prodotti nazzjonali esportati u l-ispeċifiċità tagħhom ma jikkonċernawx l-osservanza ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet, li jikkostitwixxi formalità essenzjali li ġiet debitament sodisfatta f'dan il-każ, kif għadu kemm ġie kkonstatat, iżda jikkonċernaw l-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-ilmenti ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv li, in sostenn tagħhom, dan il-Gvern jinvoka mill-ġdid il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kompetittività tal-prodotti nazzjonali u l-ispeċifiċità ta' l-imsemmija miżuri.
76. Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
77. Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.
Fuq it-tielet motiv
78. Dan il-motiv ukoll fih żewġ partijiet.
Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv
Argumenti tal-partijiet
79. Permezz ta' l-ewwel parti tat-tielet motiv tiegħu, il-Gvern Spanjol jilmenta li l-Kummissjoni għamlet żball fil-liġi meta interpretat il-kunċett ta' għajnuna mogħtija minn Stat, fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA, bl-istess mod wiesgħa bħal dak ta' għajnuna mogħtija minn Stat taħt l-Artikolu 87 KE. Madankollu, it-Trattat KEFA jipprojbixxi l-għajnuna b'mod awtomatiku, mingħajr ma jirrikjedi l-eżami ta' l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni, u la jirregola u lanqas ma jirreferi għall-għajnuna eżistenti, peress li l-għajnuna kollha, kemm jekk mogħtija qabel jew wara l-adeżjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat fil-Komunitajiet, huma pprojbiti bl-istess mod.
80. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi aċċettat, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, kunċett ta' għajnuna wiesgħa daqs dak użat fil-kuntest tat-Trattat KE, mingħajr ma jinħoloq riskju ta' funzjonament ħażin, kif jidher, f'dan il-każ, mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq in-nuqqas ta' retroattività fid-deċiżjoni kkontestata.
81. Għalhekk, skond il-Gvern Spanjol, il-kwalifika ta' l-għajnuna pprojbita mill-Artikolu 4(c) KEFA għandha tkun relattivament sempliċi u għandha tikkonċerna biss l-interventi diretti, hekk kif jirriżulta mid-deskrizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2) tal-Kodiċi ta' Għajnuna.
82. L-Artikolu 67 KEFA jikkonferma din l-interpretazzjoni peress li jikkonċerna speċifikament kull azzjoni ta' l-Istati Membri li ma taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA, iżda li jista' jkollha riperkussjoni kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam u ta' l-azzar (sentenza tat-23 ta' Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 43). Dan l-Artikolu 67 KEFA jipprovdi li l-effetti dannużi ta' azzjoni bħal din jistgħu jiġu kkumpensati permezz ta' l-għoti ta' għajnuna xierqa (it-tielet inċiż tal-paragrafu 2), ta' rakkomandazzjoni mibgħuta lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jieħu l-miżuri li huwa jqis li huma l-aktar kompatibbli ma' l-ekwilibriju ekonomiku tiegħu (it-tieni inċiż tal-paragrafu 2) jew ukoll permezz ta' "rakkomandazzjonijiet neċessarji" oħra (paragrafu 3). Il-Gvern Spanjol josserva li, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija artikoli jkopru żewġ oqsma differenti: l-ewwel wieħed li jabolixxi u jipprojbixxi ċerti interventi ta' l-Istati Membri fil-qasam li t-Trattat jissuġġetta għall-kompetenza Komunitarja u t-tieni wieħed li huwa intiż sabiex jimpedixxi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta inevitabbilment mill-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-Istati Membri (sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata aktar 'il fuq, p. 47). F'dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri in kwistjoni kellhom riperkussjonijiet kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, hija kellha tieħu azzjoni skond l-Artikolu 67 KEFA u mhux skond l-Artikolu 4(c) KEFA.
83. Bl-istess mod, skond l-awtoritajiet Baski, l-Artikolu 4(c) KEFA jkopri biss l-għajnuna mogħtija favur impriżi ta' l-azzar jew favur il-produzzjoni tal-faħam u ta' l-azzar. Madankollu, sussidju dirett jikkostitwixxi għajnuna skond din id-dispożizzjoni, anke meta huwa mogħti "orizzontalment", jiġifieri anke jekk huwa mogħti kemm lill-impriżi li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA (aktar 'il quddiem l-"impriżi KEFA") u lill-impriżi l-oħra. Min-naħa l-oħra, intervent ieħor li mhuwiex sussidju, b'mod partikolari miżura fiskali, jista' jikkostitwixxi għajnuna fis-sens ta' l-imsemmi artikolu jekk il-miżura hija tkopri speċifikatament fir-rigward ta' impriżi KEFA jew il-produzzjoni tal-faħam u ta' l-azzar.
84. Kieku kellu jiġi segwit l-argument tal-Kummissjoni, kull tnaqqis fiskali, anke jekk jaqa' taħt skema ta' taxxa orizzontali li tapplika għall-impriżi KEFA kif ukoll għal impriżi oħra, ikun dejjem ipprojbit skond it-Trattat KEFA, b'mod illi jkun hemm ir-riskju li l-impriżi ta' l-azzar jiġu intaxxati aktar mill-impriżi l-oħra, li fir-rigward tagħhom, il-miżura fiskali in kwistjoni tkun pprojbita biss safejn taffettwa l-kummerċ jew tfixkel il-kompetizzjoni. Interpretazzjoni bħal din, li jkollha effetti dannużi għall-industrija ta' l-azzar meta mqabbla mat-trattament mogħti lill-industriji l-oħra, hija manifestament kuntrarja għall-għanijiet ta' l-imsemmi Trattat, b'mod partikolari għall-Artikoli 2, 3 u 67 tiegħu.
85. L-awtoritajiet Baski jenfasizzaw li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jinħolqu minn miżuri fiskali ġenerali, li japplikaw għall-industriji kollha, għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu kkonfrontati billi, jekk ikun il-każ, isir rikors għall-Artikolu 67 KEFA jew permezz ta' proċedura li tirrigwarda għajnuna mogħtija minn Stat mressqa skond it-Trattat KE.
86. Skond il-Kummissjoni, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li l-kunċett ta' għajnuna taħt it-Trattat KEFA huwa l-istess bħal dak użat fil-kuntest tat-Trattat KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-1 ta' Diċembru 1998, Ecotrade, Ġabra p. I-7907, punt 35). F'dan ir-rigward, l-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi ta' Għajnuna jkopri, mingħajr ambigwità, l-"għajnuna mogħtija lill-industrija ta' l-azzar li hija ffinanzjata minn Stat Membru jew mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali tiegħu […], taħt kwalunkwe forma […]", u l-paragrafu 2 ta' l-istess artikolu biss jagħti lista indikattiva ta' l-elementi ta' għajnuna.
87. Barra minn hekk, il-fatt li l-miżuri in kwistjoni għandhom karattru orizzontali ma jfissirx li dawn mhumiex suġġetti għas-sistema ta' kontroll ta' l-għajnuna stabbilita mit-Trattat KEFA. Bl-istess mod, il-fatt li l-Artikolu 67 KEFA jistabbilixxi proċedura intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tikkontrolla l-miżuri ta' Stat li jistgħu jkollhom effett negattiv fuq il-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam u ta' l-azzar lanqas ma jfisser li d-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat li jikkonċernaw l-għajnuna mogħtija minn Stat mhumiex applikabbli. Minn barra dan, skond il-Kummissjoni, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni msemmija fl-imsemmi artikolu għandhom jiġu mifhuma bħala distorsjonijiet bejn impriżi ta' l-azzar biss.
88. Huwa possibbli l-Gvern Spanjol jikkunsidra li s-sistema ta' kontroll ta' l-għajnuna imwaqqfa mit-Trattat hija stretta ħafna, iżda dan l-ilment de lege ferenda ma jistax jifforma l-bażi ta' rikors għal annullament imressaq kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li sempliċement tapplika d-dritt pożittiv, irrispettivament minn kemm huwa strett.
– Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
89. Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta' għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA għandu jiġi interpretat skond dak li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet fir-rigward ta' l-Artikolu 87 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Ecotrade, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35, u ta' l-20 ta' Settembru 2001, (Banks, Ġabra p. I-6117, punt 33).
90. Il-kunċett ta' għajnuna huwa għalhekk ħafna aktar ġenerali minn dak ta' sussidju peress li jinkludi mhux biss l-għotjiet pożittivi, bħalma huma s-sussidji stess, iżda wkoll miżuri li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża u li, minħabba dan, mingħajr ma jkunu sussidji fil-veru sens tal-kelma, huma ta' l-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata aktar 'il fuq, p. 39; tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 13; Ecotrade, iċċitata aktar 'il fuq, punt 34; tat-8 ta' Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I-8365, punt 38, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32).
91. Barra minn hekk, il-kelma "għajnuna", fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA tinvolvi neċessarjament vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta' riżorsi ta' Stat jew li jikkostitwixxu piż addizzjonali għall-Istat jew għall-korpi maħtura jew imwaqqfa għal dan il-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-24 ta' Jannar 1978, Van Tiggele, 82/77, Ġabra p. 25, punti 23 sa 25; tas-17 ta' Marzu 1993, Sloman Neptun, C-72/91 u C-73/91, Ġabra p. I-887, punti 19 u 21; tas-7 ta' Mejju 1998, Viscido et , C-52/97 sa C-54/97, Ġabra p. I-2629, punt 13; Ecotrade, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33).
92. Għandu jingħad ukoll li, fil-punt 43 tas-sentenza tagħha ta' l-10 ta' Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza (6/69 u 11/69, Ġabra p. 523), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 67(2) KEFA, meta, fit-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tiegħu, jipprovdi għal sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni, b'deroga mill-Artikolu 4 KEFA, tista' tawtorizza lill-Istati Membri jagħtu għajnuna, ma jagħmilx distinzjoni bejn l-għajnuna speċifiċi għas-settur tal-faħam u ta' l-azzar u dawk li japplikaw għalih bħala riżultat ta' miżura ġenerali biss. Barra minn hekk, fil-punti 44 u 45 ta' l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rata ta' skont mill-ġdid preferenzjali tikkostitwixxi għajnuna li tista' tiġi biss awtorizzata mill-Kummissjoni, safejn din tikkonċerna s-settur kopert mit-Trattat KEFA, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 67(2) KEFA.
93. Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-Kummissjoni ma interpretatx il-kunċett ta' għajnuna mogħtija minn Stat fis-sens ta' l-Artikolu 4(c) KEFA b'mod żbaljat, billi kkunsidrat li, bħal ma kien ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-Trattat KE, miżura ta' għajnuna, anke jekk indiretta, bħall-miżuri in kwistjoni, tista' tiġi kkwalifikata bħala għajnuna pprojbita mit-Trattat KEFA.
94. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv
– L-argumenti tal-partijiet
95. Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li, fin-nuqqas ta' vantaġġ selettiv li jikkaratterizza kull għajnuna ta' Stat kemm fil-kuntest tat-Trattat KE kif ukoll f'dak tat-Trattat KEFA, il-miżuri in kwistjoni ma jaqgħux taħt il-kunċett ta' għajnuna. Barra minn hekk, is-selettività għandha tiġi evalwata biss fil-kuntest intern ta' l-Istat Membru kkonċernat.
96. Skond il-Gvern Spanjol, miżura applikabbli għall-impriżi kollha u mhux biss għal kategorija minnhom, tikkostitwixxi għajnuna mogħtija minn Stat biss safejn l-amministrazzjoni nazzjonali jkollha ċerta setgħa diskrezzjonali biex tapplikaha.
97. F'dan il-każ, il-miżuri in kwistjoni huma applikabbli għall-impriżi kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti oġġettivament sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom u l-applikazzjoni tagħhom ma tiddependix fuq l-evalwazzjoni diskrezzjonali ta' l-awtoritajiet pubbliċi. Dawn il-miżuri huma marbuta ma' l-investimenti li jsiru barra mill-pajjiż u mhux ma' l-esportazzjonijiet stess. Tali inċentivi għall-investiment jeżistu fl-iskemi fiskali kollha tal-pajjiżi tal-punent peress li l-politika fiskali ta' kull Stat hija li kontinwament jipprova jtejjeb l-istrumenti li huma kapaċi jkollhom effett fuq il-volum, il-frekwenza u t-tip ta' investimenti priva ti.
98. Il-Gvern Spanjol isostni wkoll li l-impriża li kienet mġiegħla tinvesti sabiex tkun tista' tesporta tinsab f'sitwazzjoni differenti minn ta' dik li ma tagħmel biss negozju ġewwa l-Istat Membru kkonċernat (fejn din hija diġà stabbilita u magħrufa) jew li tesporta lejn Stat ieħor mingħajr ma tipprova testendi l-infrastruttura tagħha. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali b'hekk tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali mhuwiex kuntrarju għall-prinċipju ta' trattament ugwali. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni twassal għal funzjonament ħażin serju fis-sistema fiskali Spanjola, peress li l-impriżi KEFA suġġetti għal-liġi Spanjola jitilfu l-possibbiltà li japplikaw waħda mit-tnaqqis fiskali li għandhom dritt għalihom l-impriżi ta' l-azzar kollha.
99. L-imsemmi Gvern jiċħad li l-piż fiskali fuq il-qligħ ta' l-impriżi jista' jkollu effett deċiżiv fuq il-kompetittività tagħhom u, b'mod partikolari, fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet. F'kull każ, il-miżuri in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati weħidhom, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-komponenti l-oħra tat-taxxa. Hekk, meta Stat Membru ma jipprovdix għall-possibbiltà ta' tnaqqis fiskali bħal dik prevista fil-Liġi Nru 43/1995, dan ma jfissirx li t-tassazzjoni effettiva ta' l-impriżi stabbiliti f'dan l-Istat hija għola minn dik ta' l-impriżi Spanjoli.
100. Fl-aħħar nett, skond il-Gvern Spanjol mhuwiex possibbli li, permezz ta' l-applikazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw l-għajnuna mogħtija minn Stat, jitnaqqsu d-differenzi nazzjonali li jeżistu fil-qasam tal-fiskalità diretta, peress li dan il-qasam mhuwiex armonizzat fuq il-livell Komunitarju.
101. L-awtoritajiet Baski u l-Unesid jaqblu ma' l-analiżi tal-Gvern Spanjol fir-rigward tal-karattru ġenerali u oġġettiv tal-miżuri in kwistjoni.
102. Għal dak li jikkonċerna l-allegat vantaġġ li dawn il-miżuri jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom, l-awtoritajiet Baski josservaw li, minn naħa, it-tnaqqis fiskali li jipprovdu għalih dawn il-miżuri mhuwiex direttament marbut ma' l-esportazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, jekk wieħed jieħu r-raġunament tal-Kummissjoni għall-estrem tiegħu, kull miżura ta' tnaqqis ta' piż fiskali favur impriżi, li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(c) KEFA, tiġi awtomatikament kkwalifikata bħala għajnuna u għalhekk għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u awtorizzata minnha. Dan jinvolvi interferenza ċara fil-kompetenzi fiskali ta' l-Istati Membri.
103. L-awtoritajiet Baski u l-Unesid iżidu jgħidu li, kieku l-impriżi ta' l-azzar kienu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995, dan jirriżulta f'sitwazzjoni ta' inugwaljanza għad-detriment ta' dawn l-impriżi, kuntrarja għad-dritt Komunitarju kif ukoll għall-Kostituzzjoni Spanjola, li tinkorpora l-prinċipju ta' trattament ugwali fit-tassazzjoni.
104. Għal dak li jikkonċerna t-tqabbil li sar mill-Kummissjoni ma' l-impriżi ta' l-azzar li mhumiex suġġetti għat-taxxa korporattiva Spanjola, l-Unesid tinvoka l-prinċipju ta' territorjalità tat-tassazzjoni, filwaqt li tenfasizza li ma jeżisti ebda vantaġġ speċifiku mogħti lill-impriżi skond kriterji diskriminatorji, peress li l-impriżi ta' l-azzar kollha li joperaw fit-territorju Spanjol, kemm jekk nazzjonali jew barranin, jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995.
105. Barra minn hekk, skond l-awtoritajiet Baski, huwa ħafna aktar dubjuż, mill-perspettiva Komunitarja, jekk jistax jiġi pprovdut tnaqqis li jkun applikabbli biss għall-impriżi li jagħmlu investimenti fuq it-territorju nazzjonali jew fuq parti minnu. Fil-verità, il-miżuri in kwistjoni huma intiżi sabiex jippromwovu l-kummerċ internazzjonali, li huwa għan konsistenti mat-Trattat KEFA.
106. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li mhux id-differenzi kollha fit-trattament bejn l-impriżi jikkostitwixxu għajnuna mogħtija minn Stat. Hija ssostni li l-eżami ta' l-iskemi fiskali u ta' sigurtà soċjali jew ta' regoli oħra li jaffettwaw l-ispejjeż ta' l-impriżi jippermetti li jiġi kkonstatat li l-liġijiet li jirregolaw dawn l-interventi f'kull Stat Membru mhux biss jistabbilixxu regoli uniformi iżda jinkludu wkoll derogi mir-regoli komuni li japplikaw għal ċerti kategoriji ta' impriżi.
107. Skond il-Kummissjoni, id-diffikultà tinsab fil-bżonn li, minn fost dawn id-differenzi fit-trattament, issir distinzjoni bejn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipji komuni għal sitwazzjonijiet partikolari u dawk li jiffavorixxu ċerti impriżi filwaqt li jwarrbu l-loġika interna ta' l-iskema komuni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta' Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, u tas-17 ta' Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 39).
108. Il-Kummissjoni terġa' tfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, minħabba l-karattru oġġettiv tal-kunċett ta' għajnuna, din mhijiex definita skond l-kawżi jew l-għanijiet tal-miżura kkonċernata, iżda skond l-effetti tagħha (sentenza tat-2 ta' Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 27).
109. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan tal-miżura nazzjonali huwa fattur li għandu jiġi eżaminat matul il-fażi ta' analiżi tal-kompatibbiltà tagħha mat-Trattat, li tista' eventwalment twassal għal dikjarazzjoni li din il-miżura hija kompatibbli, safejn tkun koperta minn waħda mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 87 KE jew fl-Artikoli 2 sa 5 tal-Kodiċi ta' Għajnuna. Min-naħa l-oħra, għan bħal dan ma jistax jiġi użat sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta' għajnuna, peress li dan huwa evalwat matul stadju preċedenti għal dak ta' l-analiżi tal-kompatibbiltà.
110. F'dan il-każ, il-Gvern Spanjol ma ppreċiżax il-prinċipju tas-sistema fiskali li għalih jikkorrispondi t-trattament preferenzjali mogħti lill-impriżi li jinvestu f'pajjiż ieħor. Kull ma dan il-Gvern jagħmel huwa li jirrikonoxxi li d-diversi awtoritajiet Spanjoli jużaw il-politika fiskali bħala strument sabiex iwettqu għanijiet ta' politika industrijali u kummerċjali.
111. Għalhekk, l-għan iddikjarat ta' l-inċentiv fiskali stabbilit permezz tal-miżuri in kwistjoni ma jistax jiġi spjegat permezz tal-loġika interna ta' l-iskemi fiskali fis-seħħ fi Spanja, iżda huwa estranju għalihom. Għalkemm huwa kompletament leġittimu, għan bħal dan ma jistax ikollu l-effett li jibdel il-fatt li dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mogħtija minn Stat u, għaldaqstant, li dawn jevitaw l-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
112. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri in kwistjoni la jistgħu jiġu ġġustifikati permezz tan-natura u lanqas permezz ta' l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali Spanjola.
113. Fir-rigward ta' l-allegat użu ta' l-Artikolu 87 KE bħala mezz ta' armonizzazzjoni fiskali, il-Kummissjoni tikkonstata li r-rikors ma jinkludi l-ebda motiv f'dan is-sens. F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprojbixxi l-introduzzjoni ta' talbiet ġodda matul il-kawża, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
114. Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata m'għandha ebda relazzjoni ma' armonizzazzjoni fiskali.
– Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
115. Kif inhu mfakkar fil-punt 90 ta' din is-sentenza, mis-sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata aktar 'il fuq, jirriżulta li l-kunċett ta' għajnuna huwa aktar ġenerali minn dak ta' sussidju peress li jinkludi mhux biss l-għotjiet pożittitivi, bħalma huma s-sussidji stess, iżda wkoll l-interventi li, taħt forom diversi, itaffu l-piżijiet li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma humu sussidji fil-veru sens tal-kelma, huma ta' l-istess natura u għandhom effetti identiċi.
116. Minn dan jirriżulta li miżura li, permezz tagħha, l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi tnaqqis fiskali li jqiegħed lill-benefiċjarji f'sitwazzjoni finanzjarja aktar favorevoli minn dik ta' persuni taxxabbli oħra tikkostitwixxi għajnuna mogħtija minn Stat skond l-Artikolu 4(c) KEFA (ara, b'analoġija, is-sentenza Banco Exterior de España, iċċitata aktar 'il fuq, punt 14).
117. Ma jistax jiġi kkontestat li impriża li tibbenefika minn tnaqqis fiskali tinsab f'pożizzjoni aktar vantaġġuża meta mqabbla ma' l-impriżi li ma ġewx mogħtija dan it-tnaqqis.
118. Madankollu, il-Gvern Spanjol jikkontesta l-karattru selettiv tal-miżuri in kwistjoni, li japplikaw b'mod awtomatiku għal kull impriża, skond kriterji oġġettivi, mingħajr ma jingħata ebda marġinu ta' diskrezzjoni lill-amministrazzjoni fiskali, b'mod partikolari, fl-għażla ta' l-impriżi benefiċjarji.
119. Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
120. Fil-fatt, it-tnaqqis fiskali stabbilit permezz tal-Liġi Nru 43/1995 tista' tibbenefika minnu kategorija waħda ta' impriżi, jiġifieri dawk li għandhom attivitajiet ta' esportazzjoni u li jagħmlu ċerti investimenti msemmija fil-miżuri in kwistjoni. Konstatazzjoni bħal din hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li dan it-tnaqqis fiskali jissodisfa l-kundizzjoni ta' speċifiċità li tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta' għajnuna mogħtija minn Stat, jiġifieri n-natura selettiva tal-vantaġġ in kwistjoni (ara, fir-rigward ta' rata ta' skont mill-ġdid preferenzjali għall-esportazzjoni mogħtija minn Stat favur prodotti nazzjonali esportati biss, sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata aktar 'il fuq, punti 20 u 21; fir-rigward tal-ħlas lura ta' interessi fuq il-krediti ta' esportazzjoni, is-sentenza tas-7 ta' Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 8; fir-rigward ta' l-iskema ta' deroga fil-qasam ta' falliment, favur impriżi kbar li jinsabu f'diffikultajiet minħabba li għandhom iħallsu djun partikolarment kbar lil ċerti kategoriji ta' kredituri, fil-biċċa l-kbira tagħhom, pubbliċi, is-sentenza Ecotrade, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38).
121. Sabiex tiġi stabbilita n-natura selettiva tal-miżuri in kwistjoni, mhuwiex neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali fl-applikazzjoni tat-tnaqqis fiskali in kwistjoni (ara s-sentenza tas-17 ta' Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 27), anke jekk l-eżistenza ta' tali setgħa tista' tkun ta' natura li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jiffavorixxu ċerti impriżi jew produzzjonijiet għad-detriment ta' oħrajn u għalhekk li tistabbilixxi l-eżistenza ta' għajnuna skond l-Artikoli 4(c) KEFA jew 87 KE.
122. Min-naħa l-oħra, in-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali ta' l-Istat Membru kkonċernat li tinkludi l-miżuri nazzjonali tista', fil-prinċipju, tiġġustifika b'mod validu n-natura tagħhom ta' deroga meta mqabbla mar-regoli applikabbli ġeneralment. F'dan il-każ, l-imsemmija miżuri, safejn dawn jikkorrispondu mal-loġika tas-sistema fiskali in kwistjoni, ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta' speċifiċità.
123. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, it-tassazzjoni diretta taqa' fil-kompetenza ta' l-Istati Membri, minkejja li, skond ġurisprudenza stabbilita, dawn ta' l-aħħar għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b'mod konsistenti ma' dan id-dritt (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Settembru 1999, Gschwind, C-391/97, Ġabra p. I-5451, punt 20) u, konsegwentement, għandhom jevitaw illi, f'dan il-kuntest, jadattow kull miżur li tista' jikkostitwixxi għajnuna mogħtija minn Stat inkomptabbli mas-suq komuni.
124. Madankollu, f'dan il-każ, sabiex il-miżuri in kwistjoni jiġu ġġustifikati fir-rigward tan-natura jew ta' l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali li tinkludi dawn il-miżuri, mhuwiex biżżejjed li jiġi affermat li dawn huma intiżi sabiex jippromwovu l-kummerċ internazzjonali. Għan bħal dan żgur li jikkostitwixxi għan ekonomiku, iżda ma ġiex stabbilit li dan jikkorrispondi għal loġika globali tas-sistema fiskali fis-seħħ fi Spanja, kif applikabbli għall-impriżi kollha.
125. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-għajnuna mill-Istat mhumiex ikkaratterizzati mill-kawżi jew mill-għanijiet tagħhom, iżda huma ddefiniti skond l-effetti tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 45). Barra minn dan, il-fatt li l-miżuri in kwistjoni għandhom għan ta' politika kummerċjali jew industrijali, bħalma hija l-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali billi jiġu sostnuti l-investimenti f'pajjiżi barranin, mhuwiex biżżejjed sabiex ma jaqgħux taħt il-kwalifika ta' "għajnuna" skond l-Artikolu 4(c) KEFA.
126. Il-Gvern Spanjol u l-partijiet intervenjenti wkoll jinvokaw il-prinċipju ta' trattament ugwali fit-tassazzjoni safejn l-esklużjoni ta' l-impriżi ta' l-azzar mill-benefiċċju ta' l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995 twassal għal diskriminazzjoni kontrihom meta mqabbla ma' l-impriżi l-oħra li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tat-tnaqqis fiskali stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni.
127. F'dan ir-rigward, filwaqt li l-prinċipji ta' trattament ugwali fit-tassazzjoni u ta' kapaċità kontributtiva ċertament jifformaw parti mill-bażi tas-sistema tat-taxxa Spanjola, huma ma jeħtieġux li l-persuni taxxabbli li jkunu f'sitwazzjoni differenti jiġu mogħtija l-istess trattament. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-impriżi ta' l-azzar, safejn huma koperti mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat KEFA, mhumiex fl-istess sitwazzjoni bħall-impriżi l-oħra.
128. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dak li ngħad preċedentement, għandu jiġu konkluż li l-Kummissjoni m'għamlet ebda żball fil-liġi billi kkunsidrat li l-miżuri in kwistjoni għandhom natura selettiva.
129. Barra minn hekk, sabiex tikkunsidra li l-imsemmija miżuri jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(c) KEFA, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn turi li dawn kellhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew fuq il-kompetizzjoni, b'differenza minn dak li hu stabbilit fil-kuntest tat-Trattat KE (sentenzi tal-21 ta' Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punti 32 u 33; ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 102, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 75).
130. Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li t-tieni parti tat-tielet motiv ma tistax tiġi milqugħa u li, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda.
Fuq il-motivi u l-argumenti mqajma mill-partijiet intervenjenti
L-argumenti tal-partijiet
131. L-awtoritajiet Baski jqajmu żewġ motivi addizzjonali in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta' Spanja.
132. Minn naħa, huma jilmentaw li l-Kummissjoni awtomatikament estendiet id-deċiżjoni kkontestata għad-dispożizzjonijiet tal-Pronvinċji Baski, mingħajr l-ebda argumentazzjoni speċifika, billi sempliċement sostniet li dawk għandhom natura simili għall-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995.
133. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet, ta' l-inqas, żball ta' evalwazzjoni billi naqset milli tadotta pożizzjoni simili għal dik li tikkonċerna r-regoli fis-seħħ fil-Komunità Awtonoma ta' Navarra.
134. F'kull każ, kellu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri in kwistjoni jifformaw parti minn sistemi fiskali awtonomi u distinti, b'mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni diretta.
135. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-possibbiltà li l-miżuri in kwistjoni kienu parzjalment biss jikkostitwixxu għajnuna.
136. Hija kellha tippreċiża safejn l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995, bħall-Artikolu 43 tal-miżuri in kwistjoni, kien joħloq għajnuna u, fir-rigward ta' l-impriżi li simultanjament iwettqu attivitajiet ta' l-azzar u attivitajiet oħrajn li mhumiex ta' l-azzar, x'kienet il-proporzjoni ta' l-għajnuna.
137. Jekk il-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxu għajnuna, l-Unesid ukoll tikkritika lill-Kummissjoni minħabba li naqset milli timplimenta l-proċedura stabbilita fil-Protokoll Nru 10 dwar ir-ristrutturazzjoni ta' l-industrija tal-ħadid u l-azzar Spanjola, ta' l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985 L 302, p. 23, aktar 'il quddiem l-"Att ta' Adeżjoni"). Fil-fatt, l-opinjonijiet mitluba skond il-paragrafu 7 ta' l-imsemmi Protokoll, intitolat "Proċeduri u kriterji għall-istima ta' għajnuna", jippermettu li jiġi kkonstatat li diversi sistemi ġuridiċi nazzjonali fihom regoli simili għall-miżuri in kwistjoni, regoli li, sallum, kienu rrikonoxxuti bħala miżuri ġenerali awtentiċi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala għajnuna pubblika.
138. Barra minn hekk, l-Unesid isostni li l-fatt li miżura ta' Stat taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(c) KEFA, mingħajr ma' madankollu tagħmel parti mill-kategoriji ta' kodiċi ta' għajnuna preċedentement adottat mill-istituzzjonijiet Komunitarji, ma jfissirx li hija għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mat-Trattat KEFA u lanqas ifisser li, għal din ir-raġuni, l-Istat Membru għandu jieqaf milli japplika l-miżura kkonċernata.
139. Għaldaqstant huwa ċar li l-Kummissjoni interpretat l-iskop ta' l-Artikolu 95 KEFA b'mod żbaljat billi naqset milli tirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tikseb l-opinjoni tiegħu fuq il-possibbiltà li jiġu approvati l-miżuri in kwistjoni permezz ta' deroga. Filwaqt li huwa minnu li d-deċiżjoni dwar jekk isirx rikors jew le għal dan l-artikolu taqa' taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, madankollu, din xorta waħda għandha l-inkarigu, taħt l-Artikolu 8 KEFA, li "tassigura li jiġu mwettqa l-għanijiet stabbiliti minn dan it-Trattat skond il-kundizzjonijiet previsti fih" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, jekk il-fatti juru li għajnuna pubblika partikolari hija ġġustifikata peress li taqa' fil-kuntest tat-twettiq ta' l-għanijiet tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha teżamina, b'mod konkret, jekk huwiex xieraq li tapplika l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 95 KEFA, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għall-għażla tagħha, skond l-Artikoli 5 KEFA u 15 KEFA.
140. F'dan il-każ, huwa possibbli li l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995 jitħalla fis-seħħ għall-impriżi KEFA fid-dawl ta' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3(d) u (g) KEFA. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata m'hemm ebda analiżi ekonomika u soċjali f'dan ir-rigward.
141. Wara li tagħmel xi osservazzjonijiet ġenerali dwar iż-żewġ tipi ta' distorsjonijiet, dovuti, minn naħa, għad-differenzi fid-dispożizzjonijiet ġenerali differenti ta' l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, għal trattament rriżervat għal ċerti impriżi jew għal ċerti gruppi ta' impriżi li huwa aktar favorevoli minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regola ġenerali fis-seħħ fi Stat Membru, il-Kummissjoni tosserva li l-karattru selettiv ta' għajnuna huwa indipendenti mill-fatt li din tirriżulta mill-applikazzjoni ta' kriterji oġġettivi. Fil-fatt, miżura tista' tkun selettiva anke jekk il-kriterji stabbiliti għall-applikazzjoni tagħha huma assolutament ċari, oġġettivi u jeskludu kull setgħa diskrezzjonali ta' l-amministrazzjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tagħha.
142. F'dan il-każ, skond il-Kummissjoni, is-sempliċi qari tal-miżuri in kwistjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-karattru tagħhom li jidderogaw mir-regola ġenerali u, għaldaqstant, in-natura selettiva ta' l-inċentiv fiskali, peress li dan ta' l-aħħar huwa biss favur impriżi li jeżerċitaw "attivitajiet ta' esportazzjoni". Fil-fatt, tali inċentiv mhuwiex ta' natura ġenerali, safejn japplika għall-persuni kollha suġġetti għat-taxxa korporattiva, iżda jikkonċerna biss lil dawk li jwettqu ċerti attivitajiet marbuta ma' l-esportazzjoni. Inċentiv fiskali bħal dan jistabbilixxi vantaġġ ċar għall-benefiċjarji tiegħu billi jqiegħedhom f'sitwazzjoni ekonomika aktar favorevoli minn dik tal-persuni taxxabbli l-oħra, bħalma huma l-impjanti ta' l-azzar fi Spanja li ma jgawdux minn dan il-vantaġġ u l-impjanti ta' l-azzar li huma taxxabbli fi Stati Membri oħra (ara l-punt 19 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata).
143. Il-Kummissjoni, l-ewwel nett, issostni, għal dak li jikkonċerna l-allegata estensjoni awtomatika tad-deċiżjoni kkontestata għar-regoli reġjonali Baski u n-nuqqas tal-vantaġġ fiskali ta' l-istess natura applikabbli fil-Komunità Awtonoma ta' Navarra, li l-imsemmija regoli kienu kjarament imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u li s-similarità tagħhom ma' l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995, li għandu l-istess karatteristiċi essenzjali, tippermetti li jiġu inklużi permezz ta' riferiment, kif sar minn din id-deċiżjoni, sabiex tiġi evitata kull repetizzjoni. Barra minn hekk, matul il-proċedura li saret qabel l-adozzjoni tagħha, l-awtoritajiet Spanjoli qatt ma informaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta' dispożizzjoni fiskali simili għall-imsemmi Artikolu 34 kif ukoll għall-miżuri in kwistjoni u li kienu applikabbli fil-Komunità Awtonoma ta' Navarra. Konsegwentement, l-allegat żball ta' evalwazzjoni li jilmentaw bih l-awtoritajiet Baski huwa biss il-konsegwenza ta' nuqqas ta' kollaborazzjoni, saħansitra negliġenza, min-naħa ta' l-awtoritajiet Spanjoli.
144. It-tieni nett, fir-rigward ta' l-ilment ibbażata fuq imġieba arbitrarja jew il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, minħabba li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-fatt li l-miżuri in kwistjoni setgħu parzjalment biss jikkostitwixxu għajnuna, hija tikkunsidra li dan l-eżerċizzju li jillimita l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jikkorrispondi għall-fażi ta' eżekuzzjoni tagħha li, fil-kuntest tagħha, l-awtoritajiet Spanjoli għandhom jidentifikaw, impriża b'impriża, l-investimenti li, fir-rigward tagħhom, il-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali mhuwiex konformi mat-Trattat KEFA.
145. It-tielet nett, fir-rigward ta' l-allegat ksur tal-proċedura prevista mill-Att ta' Adeżjoni, dan l-ilment huwa nieqes minn kull bażi, peress li l-Protokoll Nru 10 ġie biss applikat, skond l-Artikolu 52 ta' l-istess Att, matul perijodu ta' tliet snin li beda jiddekorri mid-data ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja fil-Komunitajiet u kien jikkonċerna biss l-għajnuna marbuta mal-pjanijiet ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriżi Spanjoli ta' l-azzar.
146. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax li hija kompetenti, skond l-Artikolu 95 KE, li tawtorizza għajnuna każ b'każ, iżda din is-setgħa hija, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti, straordinarja u diskrezzjonali. Dan ifisser li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti r-raġunijiet għall-eżerċizzju ta' din is-setgħa iżda li, min-naħa l-oħra, hija m'għandha l-ebda obbligu li tispjega r-raġunijiet u, wisq inqas, ir-raġunijiet ekonomiċi, li għalihom hija ma rrikorrietx għal din id-dispożizzjoni sabiex tawtorizza għajnuna fuq bażi individwali.
147. Huwa minnu li l-eżerċizzju ta' din is-setgħa huwa suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju, iżda dan huwa limitat għall-verifika dwar jekk kienx hemm ksur ta' dispożizzjoni tat-Trattat jew ta' att adottat għall-implimentazzjoni tiegħu jew jekk kienx hemm xi abbuż ta' poter.
148. Barra minn hekk, l-għanijiet tat-Trattat li tirreferi għalihom l-Unesid mhumiex iddikjarati b'mod komplut minn din ta' l-aħħar. Fil-fatt, fost dawn l-għanijiet, hemm ukoll, skond it-tielet inċiż ta' l-ewwel paragrafu ta' Artikolu 5 KEFA, l-istabbiliment, iż-żamma u l-ħarsien tal-kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
149. Fir-rigward ta' jekk id-deċiżjoni kkontestata tkoprix ir-regoli reġjonali Baski, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Baski ma invokaw l-ebda element ta' natura tali li juri li l-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni fir-rigward ta' l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 43/1995 ma setgħux jiġu trasposti għall-imsemmija regoli reġjonali minħabba fatturi partikolari tagħhom.
150. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għal ċerti dispożizzjonijiet fiskali simili applikabbli f'reġjuni oħra ta' Spanja mhuwiex ta' natura tali li jikkontesta l-legalità tagħha.
151. L-ilment li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-possibbiltà li l-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxu biss parzjalment għajnuna skond l-Artikolu 4(c) KEFA, huwa nieqes fil-fatt peress li, mill-punt 15 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta b'mod ċar li din tikkonċerna biss l-applikazzjoni ta' l-imsemmija miżuri skond ir-regoli tat-Trattat biss u, konsegwentement, għall-impriżi KEFA.
152. Għal dak li jikkonċerna l-ilment li l-Kummissjoni ma bdietx il-proċedura stabbilita fl-Anness tal-Protokoll Nru 10 ta' l-Att ta' Adeżjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, li, skond l-Artikolu 52 ta' dan l-Att, l-imsemmi protokoll baqa' biss applikabbli biss matul perijodu ta' tliet snin li beda' jiddekorri mid-data ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja fil-Komunitajiet Ewropej u li, f'kull każ, huwa jikkonċerna biss il-pjanijiet ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriżi Spanjoli ta' l-azzar.
153. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-ilment ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 95 KEFA, għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tadotta, skond il-proċedura prevista minnha, deċiżjonijiet li, b'deroga, jawtorizzaw l-għoti ta' għajnuna li jkunu neċessarji għall-funzjonament tajjeb tas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar.
154. Uħud minn dawn id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-għoti ta' għajnuna ad hoc lill-impriżi ta' l-azzar indikati, oħrajn jawtorizzaw lill-Kummissjoni tiddikjara ċerti tipi ta' għajnuna, favur kull impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti, kompatibbli mas-suq komuni (digriet tat-3 ta' Mejju 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-399/95 R, Ġabra p. I-2441, punt 20).
155. Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni teżerċita din is-setgħa meta tikkunsidra li l-għajnuna in kwistjoni hija neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat. Barra minn hekk, il-loġika inerenti ta' din is-sistema ta' awtorizzazzjoni timplika, fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni individwali mill-Kummissjoni, li l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob lill-Kummissjoni sabiex tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 95 KEFA qabel ma teżamina l-bżonn li tingħata l-għajnuna fid-dawl tat-twettiq ta' l-għanijiet tat-Trattat (sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 84 u 85).
156. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Unesid, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma kienet bl-ebda mod obbligata li tibda l-proċedura prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu KEFA ex officio , qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tawtorizza l-miżuri in kwistjoni fuq il-bażi ta' dik id-dispożizzjoni.
157. Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-motivi u l-argumenti mqajma mill-partijiet intervenjenti għandhom jiġu miċħuda.
158. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
159. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Renju ta' Spanja jiġi ordnat ibati l-ispejjeż u peress li dan tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess regoli, il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż.
3) Id-Diputación Foral de Álava, id-Diputación Foral de Vizcaya, id-Diputación Foral de Guipúzcoa, il-Juntas Generales de Guipúzcoa, il-Gobierno del País Vasco u l-Unión de Empresas Siderúrgicas (Unesid) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.