SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
26 ta’ Ġunju 2003 (*)
“Assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar b’kapitalizzazzjoni – Polza maħruġa ma’ kumpannija stabbilta fi Stat Membru ieħor – Differenza fit-trattament fiskali – Kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 49 KE”
Fil-Kawża C-422/01
li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Regeringsrätten (l-Iżvezja) skond l-Artikolu 234 KE, u intiża sabiex tinkseb, fil-kawża pendenti quddiem din l-istess qorti bejn
Försäkringsaktiebolaget Skandia (publ),
Ola Ramstedt
u
Riksskatteverket,
deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat KE u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 49 KE,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M.Wathelet (Relatur), President ta’ l-Awla, C.W.A. Timmermans, A. La Pergola, P. Jann u A. Rosas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: R. Grass,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:
– għal Försäkringsaktiebolaget Skandia (publ) u O. Ramstedt, minn J. M. Bexhed, chefjurist,
– għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Tufvesson u R. Lyal, bħala aġenti,
– għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn E.Wright u P.A.Bjørgan, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Försäkringsaktiebolaget Skandia (publ) u ta’ O. Ramstedt, irrappreżentati minn J. M. Bexhed, tar-Riksskatteverket, irrappreżentat minn G. Bäck, bħala aġent, tal-Gvern Żvediż, irappreżentat minn A. Kruse u K. Wistrand bħala aġenti, tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn C. Tufvesson u R. Lyal, u ta’ l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA rrappreżentata minn E.Wright u P.A. Bjørgan, fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2003,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta’ April 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Ottubru 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2001, ir-Regeringsrätten (Qorti Suprema Amministrattiva) għamlet, domanda preliminari, skond l-Artikolu 234 KE, dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat KE u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 49 KE.
2 Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn Försäkringsaktiebolaget Skandia (publ) (iktar ’il quddiem “Skandia”) u O. Ramsted, minn naħa, u r-Riksskatteverket (Bord tat-Taxxa Nazzjonali), min-naħa l-oħra, dwar it-trattament fiskali ta’ polza ta’ assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar maħruġa minn Skandia favur O. Ramstedt ma’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra.
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni in kwistjoni
3 It-tassazzjoni ta’ l-assigurazzjonijiet hija rregolata b’mod partikolari mill-kommunalskattelagen (1928:370) (liġi dwar it-taxxi komunali), u mis-sena fiskali 2002 (dħul tas-sena 2001), mill-inkomstkattelagen (1999:1229) (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, iktar ’il quddiem l-“IL”) li tinkludi dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-kommunalskattelagen fuq dan is-suġġett
4 B’mod partikolari, fir-rigward tal-poloz ta’ assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar, li huma maħruġa u li l-primjums tagħhom huma mħallsa minn min iħaddem favur wieħed mill-impjegati tiegħu, il-leġiżlazzjoni tiddistingwi bejn l-assigurazzjonijiet tax-xjuħija u l-assigurazzjonijiet kapitali
5 Bħala regola ġenerali sabiex il-polza ta’ assigurazzjoni tkun ikkunsidrata bħala assigurazzjoni tax-xjuħija, fost kundizzjonijiet oħra, din għandha tkun maħruġa ma’ assiguratur stabbilit fl-Iżvezja.
6 Madankollu, l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 58 ta’ l-IL jistipola li polza ta’ assigurazzjoni li mhijiex maħruġa ma’ kumpannija li twettaq l-attivitajiet tagħha fl-Iżvezja tikkostitwixxi minkejja kollox assigurazzjoni tax-xjuħija, jekk:
a) l-assigurazzjoni essenzjalment tikkonċerna l-ħlas ta’ pensjoni ta’ rtirar, kontra l-mard jew tar-riverżjoni u jekk il-persuna taxxabbli kienet tirrisjedi barra mill-pajjiż fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, f’pajjiż li s-sistema fiskali tiegħu tagħti d-dritt għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet, tnaqqis ta’ taxxa jew benefiċċju fiskali ekwivalenti ieħor, jew
b) jekk min iħaddem ħallas il-primjums ta’ l-assigurazzjoni filwaqt li l-assigurat kien jirrisjedi jew jaħdem barra mill-pajjiż u mingħajr ma l-ħlas ma kien ġie kkunsidrat bħala dħul għall-assigurat għall-finijiet ta’ tassazzjoni fil-pajjiż ikkonċernat, jew
c) jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, l-awtoritajiet tat-taxxa taw l-awtorizzazzjoni sabiex l-assigurazzjoni tkun meqjusa bħala assigurazzjoni għall-irtirar.
7 L-Artikolu 2(2) tal-Kapitolu 58 ta’ l-IL jipprovdi li l-assigurazzjonijiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq huma meqjusa bħala assigurazzjonijiet kapitali
8 Fil-qasam ta’ tassazzjoni diretta, iż-żewġ tipi ta’ assigurazzjonijiet huma suġġetti għal sistemi ta’ tnaqqis differenti.
9 Il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn min iħaddem taħt assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar li tista’ legalment titqies bħala assigurazzjoni tax-xjuħija huma immedjatament imnaqqsa mid-dħul taxxabbli tiegħu. Il-pensjoni li hija mħallsa sussegwentement hija kompletament taxxabbli taħt it-taxxa fuq id-dħul fir-rigward tal-persuna impjegata irtirata, benefiċjarja ta’ l-assigurazzjoni.
10 Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn min iħaddem fil-kuntest ta’ assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar, li hija kkunsidrata mil-leġiżlazzjoni Żvediża bħala assigurazzjoni kapitali, ma jistgħux jitnaqqsu mit-total taxxabbli tiegħu. Mid-dirgiret tar-rinviju jirriżulta li min iħaddem għandu madankollu dritt għal tnaqqis tas-somom li kuntrattwalment huwa ntrabat li jħallas lill-persuna impjegata. Għaldaqstant, dan it-tnaqqis jista’ jsir biss meta jsir il-ħlas effettiv tal-benefiċċji ta’ l-irtirar. Għall-persuna impjegata, is-somom riċevuti f’dan il-kuntest jikkostitwixxu dħul mix-xogħol taxxabbli.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 O. Ramstedt, ċittadin Żvediż li joqgħod fl-Iżvezja, huwa impjegat tal-kumpannija Żvediża Skandia. O. Ramstedt u Skandia qabblu li parti mill-pensjoni ta’ O. Ramstedt kienet ser tkun żgurata permezz tal-ħruġ, minn Skandia, ta’ assigurazzjoni addizzjonali professjonali mal-kumpannija Daniża ta’ assigurazzjoni tal-ħajja Skandia Link Livforsikring A/S, mal-kumpannija Ġermaniża ta’ assigurazzjoni tal-ħajja Skandia Lebensversicherung AG jew mal-kumpannija Brittanika ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, Skandia Life Assurance Ltd (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji ta’assigurazzjoni barranin”).
12 O. Ramstedt u Skandia ressqu lis-Skatterättsnämnden (kummissjoni amministrattiva tad-dritt fiskali) talba għal deċiżjoni preliminari sabiex ikun magħruf (1) jekk Skandia kellhiex id-dritt tnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul il-kontribuzzjonijiet ta’ polza ta assigurazzjoni maħruġa ma’ waħda mill-impriżi ta’ assigurazzjoni barranin u, fl-affermattiv, f’liema mument, (2) jekk ir–risposta għal din id-domanda setgħatx tkun influwenzata mill-fatt li l-imsemmija impriżi kienu ntrabtu, fir-rigward ta’ l-awtoritajiet tat-taxxa Żvediżi, sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-ammonti li kienu ser jitħallsu lil O. Ramstedt taħt il-kuntratt ta’ assigurazzjoni in kwistjoni, u (3) jekk O. Ramstedt kellux jiddikjara bħala dħul professjonali l-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni li huwa kien irċieva u, fl-affermattiv, f’liema mument.
13 Fid-deċiżjoni preliminari tagħha ta’ l-1 ta’ Frar 2000, is-Skatterättsnämnden iddeċidiet li Skandia ma setgħatx tibbenefika minn dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, iżda li dritt għal tnaqqis tal-pensjoni ta’ rtirar kien jitnissel fil-mument tal-ħlas tagħha. Barra minn hekk, hija indikat li O. Ramstedt huwa taxxabbli fir-rigward tas-somom imħallsa lilu taħt il-kuntratt.
14 Fid-deċiżjoni tagħha, is-Skatterättsnämnden indikat li r-regoli Żvediżi ma kinux jinkludu miżuri diskriminatorji kkunsidrati bħala illegali mid-dritt Komunitarju. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C- 204/90, Ġabra p. I-249), sabiex tikkunsidra li d-dritt Komunitarju ma kienx jipprojbixxi lil Stat Membru milli jipprevedi żewġ sistemi fiskali għall-assigurazzjoni tal-ħajja.
15 O. Ramstedt u Skandia appellaw minn din id-deċiżjoni preliminari quddiem ir-Regeringsrätten.
16 Fid-digiret tar-rinviju tagħha, ir-Regeringsrätten tikkonstata li, skond id-deċiżjoni kkontestata, id-dritt ta’ Skandia li tnaqqas il-primjums tal-pensjoni ta’ rtirar iqum fi stadju sussegwenti meta mqabbel mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, f’dak illi dan it-tnaqqis ma jikkonċernax il-kontribuzzjonijiet imħallsa, iżda s-somom effettivament imħallsa taħt il-pensjoni ta’ rtirar.
17 Hija tqis li, fir-rigward tat-taxxa fuq il-profitti tal-kumpanniji waħedha, il-pożizzjoni adottata mis-Skatterättsnämnden ma tippermettix li jiġi konkluż li l-assigurazzjonijiet in kwistjoni ser ikunu dejjem sfavorizzati meta mqabbla ma’ l-assigurazzjonijiet addizzjonali għall-irtirar ikkunsidrati bħala assigurazzjonijiet tax-xjuħija.
18 F’dan ir-rigward, ir-Regeringsrätten ikkunsidrat żewġ possibbiltajiet. Jekk il-ħlas tas-somom dovuti skond il-kuntratt ta’ assigurazzjoni u t-tnaqqis korrispondenti tagħhom isir biss ħafna żmien wara l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, filwaqt li l-ammont tas-somom imħallsa mhuwiex ħafna għola minn dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, polza ta’ assigurazzjoni maħruġa barra mill-pajjiż jista’ jkollha konsegwenzi iktar sfavorevoli, mil-lat tat-taxxi diretti, milli polza ta’ assigurazzjoni maħruġa fl-Iżvezja. Min-naħa l-oħra, jekk il-ħlas tas-somom dovuti taħt il-kuntratt ta’ assigurazzjoni u t-tnaqqis korrispondenti tagħhom isir ftit taż-żmien wara l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet u l-ammont tas-somom imħallsa huwa ħafna għola minn dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, l-effett ikun oppost.
19 Minkejja dawn il-perikoli, il-qorti tar-rinviju ammettiet li s-sistema fiskali ta’ l-assigurazzjonijiet kapitali kienet ċertament inqas favorevoli f’ċerti każijiet minn dik ta’ l-assigurazzjonijiet tax-xjuħija
20 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu li tinħareġ assigurazzjoni ma assiguratur stabbilit fl-Iżvezja sabiex din tkun tista’ tibbenefika mis-sistema fiskali ta’ l-assigurazzjonijiet tax-xjuħija jikkostitwixxix ostakolu għall-moviment liberu tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital u b’mod partikolari għall-Artikolu 49.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi r-Regeringsrätten iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġusitizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Ir-regoli Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, b’mod partikolari l-Artikolu 49 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 12 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprojbixxu l-implementazzjoni ta’ regoli fiskali nazzjonali li għandhom bħala effett li polza ta’ assigurazzjoni, maħruġa ma’ assiguratur stabbilit fl-Ingilterra, fil-Ġermanja jew fid-Danimarka u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar Żvediża bl-eċċezzjoni ta’ dik li tkun maħruġa ma’ assiguratur stabbilit fl-Iżvezja, tkun trattata bħala assigurazzjoni kapitali, b’effetti fil-qasam tat-taxxi diretti li, skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, jistgħu jkunu inqas favorevoli minn dawn marbuta ma’ assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar?”
Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi
22 Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali.
23 Fil-fatt, l-Artikolu 50 KE jistipola li, skond it-Trattat, is-servizzi normalment ipprovduti bi ħlas huma kkunsidrati bħala servizzi. Issa, diġà ġie deċiż li, skond din id-dispożizzjoni, il-karatteristika essenzjali tal-ħlas tinstab fil-fatt li dan jikkostitwixxi l-kontroparti ekonomika tas-servizz in kwistjoni. (ara, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel, 263/86, Ġabra, p. 5365, punt 17).
24 F’dan il-każ, il-kontribuzzjonijiet li Skandia tħallas jikkostitwixxu tassew il-kontroparti ekonomika tal-pensjonijiet li ser jingħataw lil O. Ramstedt meta dan ta’ l-aħħar jieqaf jeżerċita l-attivitajiet tiegħu. Il-fatt li O. Ramstedt ma jħallasx huwa stess il-kontribuzzjonijiet ftit huwa rilevanti, peress li l-Artikolu 50 KE ma jeħtieġx li s-servizz ikun imħallas mill-persuna li tkun ser tibbenefika minnu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et, 352/85, Ġabra, p. 2085, punt 16). Barra minn hekk, bla dubju ta’ xejn, il-kontribuzzjonijiet jirrappreżentaw ħlas għall-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni li jirċievuhom. (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, Ġabra, C-157/99, p. I-5473, punt 58).
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
25 Qabel kollox, għandu jitfakkar li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom, mandankollu jeżerċitawha b’osservanza għad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt16; tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 19; tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 19; u tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32).
26 Fil-perspettiva ta’ suq wieħed, u sabiex ikun possibbli jitwettqu l-għanijiet ta’ dan is-suq, l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li trendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli minn dik purament interna fi Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza, C-381/93, Ġabra p. I-5145, punt 17, u Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).
27 F’dan ir-rigward, ma ġiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li regoli nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jirristinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
28 Fil fatt, fid-dawl ta’ l-iżvantaġġi fuq il-livell finanzjarju li jirrappreżenta fir-rigward ta’ min iħaddem il-posponiment tad-dritt għal tnaqqis għall-mument tal-ħlas tal-pensjoni lill-impjegat benefiċjarju, regoli nazzjonali bħal dawn in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiskoraġġixxu, minn naħa, lill-persuni li jħaddmu Żvediżi milli joħorġu poloz ta’ assigurazzjoni addizjonali għall-irtirar ma’ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor għajr fir-Renju ta’ l-Iżvezja u min-naħa l-oħra, lil dawn il-kumpanniji milli joffru s-servizzi tagħhom fis-suq Żvediż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Safir, C-118/96, Ġabra p. I-1897, punt 30, u tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner, C-136/00, Ġabra p. I-8417, punt 31).
Fuq il-ġustifikazzjonijiet invokati
29 Il-ħtieġa li tkun żgurata l-koerenza fiskali tas-sistema nazzjonali u l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, il-ħtieġa li tkun imħarsa l-bażi tad-dħul fiskali ta’ l-Istat Membru kkonċernat kif ukoll in-newtralità kompetittiva ġew invokati bħala ġustifikazzjoni għal-leġiżlazzjoni in kwistjoni.
Fuq il-koerenza fiskali
30 Il-Gvernijiet Żvediż u Daniż jenfasizzaw ix-xebh li hemm bejn il-kuntest fattwali tal-kawża Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, u dak tal-kawża preżenti. Huma b’mod partikolari jqisu li r-relazzjoni diretta bejn it-tnaqqis u l-impożizzjoni, meħtieġa minn din il-ġurisprudenza, teżisti fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni.
31 Fuq dan il-punt, huma jisħqu, li, għalkemm, fuq livell strettament formali, it-tnaqqis u l-impożizzjoni ma jsirux fir-rigward ta’ l-istess persuna suġġetta għat-taxxa, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi fiskali ta’ l-iskema ta’ pensjoni fir-realta jikkonċernaw biss l-impjegat benefiċjarju. Fil-fatt, il-primjum ta’ l-assigurazzjoni għall-irtirar imħallas minn min iħaddem jikkostitwixxi parti mir-remunerazzjoni ta’ l-impjegat Kieku min iħaddem ma jħallasx il-primjum, ir-remunerazzjoni netta rċevuta mill-impjegat tkun ħafna ikbar, fatt li jippermettilu jħallas il-primjum huwa stess. Il-fatt li l-kontribuzzjoni lill-iskema ta’ pensjoni hija mħallsa minn min iħaddem u mhux mill-impjegat innifsu hija biss teknikalità.
32 Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
33 F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li s-sentenzi Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I-305, punt 14), kienu bbażati fuq il-premessa li fid-dritt Belġjan, kien hemm rabta diretta bejn il-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet u n-natura taxxabbli tas-somom imħallsa mill-assiguraturi. Taħt is-sistema fiskali Belġjana, it-telf ta’ dħul li kien jiriżulta mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kien ikkumpensat bl-intaxxar tal-pensjonijiet, annwalitajiet jew somom kapitali dovuti mill-assiguraturi. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn it-tnaqqis ta’ tali kontribuzzjonijiet ma ngħatax, dawn is-somom kienu eżenti mit-taxxa (ara s-sentenza Danner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
34 Madankollu, fil-kawża prinċipali, m’hemmx tali konnessjoni
35 Fil-fatt, fis-sistema Żvediża, il-persuna li tħaddem li ħarġet polza ta’ assigurazzjoni ma’ assiguratur stabbilit fi Stat Membru ieħor għandha tistenna l-ħlas tal-pensjoni lill-impjegat tagħha sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis. Ebda miżura ta’ kumpens ma tikkontrabilanċja fir-rigward tiegħu l-iżvantaġġ li huwa b’hekk isofri meta mqabbel ma’ persuna li tħaddem li ħarġet polza ta’ assigurazzjoni simili ma’ kumpannija stabbilita fl-Iżvezja.
36 Barra minn hekk, fiż-żewġ każijiet, l-impjegat benefiċjarju huwa intaxxat fl-istess żmien u bl-istess mod.
37 Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Gvernijiet Żvediż u Daniż li abbażi tiegħu l-primjum ta’ l-assigurazzjoni huwa, essenzjalment, parti mir-remunerazzjoni tal-ħaddiem ma jippermettix li jiġi spjegat għalfejn dan jista’ jitnaqqas immedjatament meta minn iħaddem ħareġ il-polza ta’ assigurazzjoni addizzjonali ma’ assiguratur stabbilit fit-territorju nazzjonali u biss b’mod differit meta’ din inħarġet ma’ assiguratur stabbilit fi Stat Membru ieħor.
Fuq l-effikaċja tal-kontrolli fiskali
38 Skond il-Gvernijiet Żvediż u Daniż, ir-rekwiżit ta’ l-istabbiliment fl-Iżvezja huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi eżerċitat b’mod sodisfaċenti kontroll fiskali effikaċi. F’dan ir-rigward, u b’mod iktar partikolari sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għal dan it-tip ta’ kontroll, l-istrumenti Komunitarji previsti għal dan il-għan u, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p.15) mhumiex suffiċjenti
39 Il-Gvern Daniż jisħaq b’mod partikolari li, sa kemm id-dritt Komunitarju ma jipprevedix espressament id-dritt ta’ l-Istati Membri li jeħtieġu li l-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni barranin jipprovdu informazzjoni dwar il-ħlas imwettaq, tali kontroll ma jistax ikun implementat b’mod effikaċi.
40 Bl-istess mod, ma jkunx possibbli li jkun garantit kontroll fiskali effettiv jekk wieħed jibbaża ruħu fuq kooperazzjoni volontarja. Bla dubju ta’ xejn, l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istati Membri jistgħu, fil-biċċa l-kbira, jipproteġu lilhom infushom kontra tnaqqis ta’ ħlas ta’ primjums infondat billi jippreskrivu kundizzjonijiet iebsa ħafna fir-rigward tad-dokumenti li jiġġustifikaw ir-realta u l-ammont tal-ħlas. Madankollu, sistema bbażata fuq informazzjoni mogħtija fuq bażi volontarja xorta waħda ma ssolvix il-kwistjoni sussegwenti tat-tassazzjoni. Il-persuni taxxabbli ma jkollhomx l-istess interess sabiex jipprovdu lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali bl-informazzjoni eżatta u kompluta dwar il-ħlas riċevut, li huwa suġġett għat-taxxa, kif ikollhom fir-rigward tal-ħlas imwettaq jew fir-rigward tal-ħlas li jagħti dritt għal tnaqqis.
41 Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
42 Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 77/799 tista’ tiġi invokata minn Stat Membru sabiex jikseb, minn naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, kull informazzjoni li tista’ tippermettilu jistabbilixxi korrettament it-taxxi fuq id-dħul (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Vestergaard każ C-55/98, Ġabra, p.I-7641, punt 26), jew kull informazzjoni oħra li huwa jqis neċessarja sabiex jevalwa l-ammont eżatt tat-taxxa fuq id-dħul dovuta minn persuna taxxabbli abbażi tal-leġiżlazzjoni li huwa japplika (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wielockx, punt 26 u Danner, punt 49).
43 Għaldaqstant, Stat Membru jista’ jikkontrolla jekk ċerti kontribuzzjonijiet ġewx effettivament imħallsa minn wieħed mill-persuni taxxabbli tiegħu lil kumpannija ta’ l-assigurazzjoni stabbilita fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, xejn ma jimpedixxi lill-awtoritajiet tat-taxxa kkonċernati milli jeħtieġu mingħand il-persuna taxxabbli stess il-provi li huma jqisu neċessarji sabiex jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet għal tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni ġewx sodisfatti u, għaldaqstant, jekk hemmx lok jew le li jingħata t-tnaqqis mitlub (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bachmann, punti 18 u 20, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 11 u 13, kif ukoll Danner, punt 50).
44 Fir-rigward ta’ l-effikaċja tal-kontroll tat-tassazzjoni tal-pensjonijiet imħallsa lil residenti Żvediżi, din tista’ tkun imħarsa permezz ta’ mezzi li jirristrinġu inqas il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, s-sentenza Danner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).
45 Minbarra l-possibbiltajiet mogħtija mid-Direttiva 77/799, għandu jkun msemmi li qabel ma l-benefiċjarju ma jirċievi pensjoni minn skema amministrata minn kumpannija ta’ l-assigurazzjoni barranija, il-persuna li tħaddem normalment tkun talbet it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet relatati magħha. L-applikazzjonijiet għal tnaqqis u d-dokumenti ġustifikattivi pprovduti minn min iħaddem fil-mument ta’ tali applikazzjonijiet jikkostitwixxu f’dan ir-rigward sors utli ta’ informazzjoni dwar il-pensjonijiet li sussegwentement ikunu mħallsa lill-impjegati benefiċjarji (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Danner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).
Fuq il-ħtieġa li tkun imħarsa l-bażi fiskali
46 Skond il-Gvern Żvediż, ir-rekwiżit ta’ stabbiliment fl-Iżvezja huwa ġġustifikat minħabba r-riskju li tintilef il-proprjetà taxxabbli. Fil-fatt, ir-Renju ta’ l-Iżvezja ma jkunx f’pożizzjoni li jintaxxa l-ħlasijiet ta’ pensjonijiet ta’ rtirar kieku ma kienx meħtieġ li l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tkun stabbilita fl-Iżvezja, u, fin-nuqqas ta’ tali stabbiliment, il-pensjoni ta’ rtirar ma tkunx toriġina f’dan l-Istat Membru.
47 Min-naħa tiegħu, il-Gvern Daniż isostni li fis-sentenza Safir, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ħarsien tal-proprjetà taxxabbli kien rekwiżit ta’ interess ġenerali tali li jiġġustifika leġiżlazzjoni fiskali, anki jekk indirettament diskriminatorja.
48 Jekk id-dritt għal tnaqqis tal-ħlasijiet lil skemi ta’ pensjoni barranin ma setax ikun limitat, dan kien jippermetti lill-persuni taxxabbli residenti fi Stati Membri b’taxxa għolja, bħar-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Renju tad-Danimarka, japprofittaw b’mod inammissibbli mid-differenzi bejn is-sistemi fiskali ta’ l-Istati Membri. L-iskemi ta’ pensjoni jinħarġu fl-Istati Membri li fihom it-taxxa fuq il-kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet hija l-iktar baxxa u fejn it-taxxa hija imnaqqsa f’ras il-għajn fuq dawn il-kontribuzzjonijiet abbażi ta’ ftehim fiskali bilaterali konkluż ma’ l-Istat residenti tal-benefiċjarju.
49 Ir-riżultat ikun li eventwalment l-Istati Membri jkunu obbligati jbaxxu l-livell ta’ tassazzjoni tagħhom. Dan jista’ jkisser il-bażi ekonomika ta’ Stati assistenzjali bħar-Renju ta’ l-Iżvezja jew ir-Renju tad-Danimarka.
50 Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu milqugħa.
51 F’dan ir-rigward, hekk kif enfasizzat fis-sentenza Danner (iċċitata iktar ’il fuq, punt 55), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza Safir, iċċitata iktar ’il fuq, li, f’dak il-każ, il-ħtieġa li jintela l-vojt fiskali li jirriżulta minn nuqqas ta’ tassazzjoni tat-tfaddil fil-forma ta’ poloz ta’ assigurazzjoni kapitali tal-ħajja maħruġa ma’ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih hija residenti l-persuna li qegħda tfaddal ma kienx tali li jiġġustifika l-miżura nazzjonali in kwistjoni li kienet tirristrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
52 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod ġenerali, li vantaġġ fiskali eventwali li jirriżulta, fir-rigward tal-persuni li jipprovdu servizzi, mit-tassazzjoni mhux għolja li huma suġġetti għaliha fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti ma jistax jippermetti lil Stat Membru ieħor jiġġustifika trattament fiskali inqas favorevoli fir-rigward tad-destinatarji tas-servizzi stabbiliti f’dan l-aħħar Stat. Tali tnaqqis fiskali addizzjonali jista’ jippreġudika l-bażijiet stess tas-suq intern (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr, C-294/94, Ġabra, p. I-7447, punti 44 u 45).
53 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li jiġi evitat it-tnaqqis tad-dħul fiskali ma tidhirx la fost ir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 56 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 46 KE) u lanqas fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, s-sentenza Danner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56) li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Fuq in-newtralità kompettitiva
54 Il-Gvern Żvediż jispjega li, fl-Iżvezja, min iħaddem jista’ jnaqqas l-ispejjeż relatati mal-garanzija għall-pensjonijiet ta’ rtirar li huwa jkun sostna qabel il-ħlas effettiv tagħhom fi tliet każijiet: meta fil-karta tal-bilanċ tinħoloq riżerva flimkien ma’ assigurazzjoni tal-krediti u mal-garanzija ta’ komun jew ta’ l-Istat jew ma’ garanzija ekwivalenti, fil-każ ta’ trasferiment lil fond ta’ l-irtirar jew fil-każ ta’ ħlas ta’ primjum ta’ assigurazzjoni għall-irtirar.
55 Id-dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-garanzija ta’ l-obbligi fil-qasam ta’ l-irtirar permezz tal-ħolqien ta’ riżerva jew bit-trasferiment lil fond ta’ l-irtirar jimplika li t-tnaqqis isir fi ħdan impriżi stabbiliti fl-Iżvezja u li s-somom li tnaqqis tagħhom huwa ammess jmorru lura għan dawn l-impriżi
56 Li kieku ma kienx meħtieġ li l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun stabbilita fl-Iżvezja sabiex il-primjums ta’ assigurazzjoni għall-irtirar ikunu jistgħu jitnaqqsu, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn id-differenti forom ta’ garanzija ta’ l-obbligi fir-rigward ta’ l-irtirar ma jkunux iktar newtrali. B’mod partikolari mil-lat tal-kontroll fiskali, l-impriżi ta’ assigurazzjoni Żvediżi li jistabbilixxu kumpanniji sussidjarji barra mill-pajjiż hekk bħall-impriżi ta’ assigurazzjoni barranin jibbenefikaw minn vantaġġi kompetittivi mhux dovuti meta mqabbla mal-forom l-oħra ta’ ġestjoni tal-kapital għall-irtirar u meta mqabbla ma’ l-impriżi ta’ assigurazzjoni għall-irtirar fl-Iżvezja.
57 F’kull każ, dan ir-raġunament, li kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu huwa diffiċli li wieħed isegwi, ma jistax jiġi milqugħ.
58 Anki jekk ikunu stabbiliti, kunsiderazzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali bejn forom nazzjonali differenti ta’ garanzija għall-obbligi fir-rigward ta’ pensjoni addizzjonali ma jistgħux, fil-fatt, jiġu milqugħa għad-dannu li jiġi ostakolat il-moviment liberu tas-servizzi.
59 Barra minn dan, sa fejn il-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-newtralità kompetittiva tiddependi wkoll fuq kunsiderazzjonijiet li jirrelataw ma’ l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, din tqajjem l-istess kritiki bħal dawk diġà mqajma fir-rigward ta’ din il-ġustifikazzjoni (ara l-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza).
Fuq il-moviment liberu tal-persuni u tal-kapital
60 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, m’hemmx lok li jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni u tal-kapital jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
Fuq l-Artikolu 12 KE
61 Peress li l-Artikolu 12 KE japplika biss b’mod awtonomu f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju li fir-rigward tagħhom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ non-diskrimazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C-379/92, Ġabra. p. I 3453, punt 18), fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti m’hemmx lok li tiġi eżaminata d-domanda magħmula fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni.
62 Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 49 KE jipprekludi li polza ta’ assigurazzjoni maħruġa ma’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar previsti mid-dritt nazzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ dik li kienet ġiet maħruġa ma’ assiguratur stabbilit fit-territorju nazzjonali, tkun trattata b’mod differenti mil-lat fiskali, b’effetti fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul li, skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, jistgħu jkunu inqas favorevoli.
Fuq l-ispejjeż
63 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet Żvediż, Daniż, u Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
hija u tiddeċiedi fuq id-domandi magħmula lilha mir-Regeringsrätten (l-Iżvezja) permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Ottubru 2001, taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 49 KE jipprekludi li polza ta’ assigurazzjoni maħruġa ma’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar previsti mid-dritt nazzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ dik li kienet ġiet maħruġa ma’ assiguratur stabbilit fit-territorju nazzjonali, tkun trattata b’mod differenti mil-lat fiskali, b’effetti fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul li, skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, jistgħu jkunu inqas favorevoli
Wathelet |
Timmermans |
La Pergola |
Jann |
Rosas |
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Lulju 2003.
R. Grass |
M. Wathelet |
Reġistratur |
President tal-Ħames Awla |
* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż