SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)
9 ta’ Settembru 2009 (*)
“Għajnuna mill-Istat – Vantaġġi fiskali mogħtija minn entità territorjali ta’ Stat Membru – Kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % tal-ammont tal-investimenti – Deċiżjonijiet li jiddikjaraw l-iskemi ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Assoċjazzjoni professjonali – Ammissibbiltà – Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01,
Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava (Spanja),
Comunidad autónoma del País Vasco – Gobierno Vasco (Spanja),
irrappreżentati inizjalment minn R. Falcón Tella, sussegwentement minn M. Morales Isasi u I. Sáenz-Cortabarría Fernández, avukati,
rikorrenti fil-Kawża T-227/01,
sostnuti minn
Cámara Oficial de Comercio e Industria de Álava (Spanja), irrappreżentata minn I. Sáenz-Cortabarría Fernández u M. Morales Isasi, avukati,
u minn
Confederación Empresarial Vasca (Confebask), stabbilita f’Bilbao (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn M. Araujo Boyd u R. Sanz, sussegwentement minn M. Araujo Boyd, L. Ortiz Blanco u V. Sopeña Blanco, avukati,
intervenjenti,
Territorio Histórico de Vizcaya – Diputación Foral de Vizcaya (Spanja),
Comunidad autónoma del País Vasco − Gobierno Vasco,
irrappreżentati inizjalment minn R. Falcón Tella, sussegwentement minn M. Morales Isasi u I. Sáenz-Cortabarría Fernández, avukati,
rikorrenti fil-Kawża T-228/01,
sostnuti minn
Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Vizcaya (Spanja), irrappreżentata minn I. Sáenz-Cortabarría Fernández u M. Morales Isasi, avukati,
u minn
Confederación Empresarial Vasca (Confebask), stabbilita f’Bilbao, irrappreżentata inizjalment minn M. Araujo Boyd u R. Sanz, sussegwentement minn M. Araujo Boyd, L. Ortiz Blanco u V. Sopeña Blanco, avukati,
intervenjenti,
Territorio Histórico de Guipúzcoa – Diputación Foral de Guipúzcoa (Spanja),
Comunidad autónoma del País Vasco − Gobierno Vasco,
irrappreżentati inizjalment minn R. Falcón Tella, sussegwentement minn M. Morales Isasi u I. Sáenz-Cortabarría Fernández, avukati,
rikorrenti fil-Kawża T-229/01,
sostnuti minn
Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Guipúzcoa (Spanja), irrappreżentata minn I. Sáenz-Cortabarría Fernández u M. Morales Isasi, avukati,
u minn
Confederación Empresarial Vasca (Confebask), stabbilita f’Bilbao, irrappreżentata inizjalment minn M. Araujo Boyd u R. Sanz, sussegwentement minn M. Araujo Boyd, L. Ortiz Blanco u V. Sopeña Blanco, avukati,
intervenjenti,
Confederación Empresarial Vasca (Confebask), stabbilita f’Bilbao, irrappreżentata minn M. Araujo Boyd, L. Ortiz Blanco u V. Sopeña Blanco, avukati,
rikorrenti fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn J. Buendía Sierra, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti
konvenuta
sostnuta minn
Comunidad autónoma de La Rioja (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn A. Bretón Rodríguez, sussegwentement minn J. Criado Gámez u I. Serrano Blanco, avukati,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett, fil-Kawżi T-227/01 u T-265/01, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/820/KE tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi mill-provinċja ta’ Álava f’forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % tal-investimenti (ĠU 2002, L 296, p. 1), fil-Kawżi T-228/01 u T-266/01, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/27/KE tal-11 ta’ Lulju 2001 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi mill-provinċja ta’ Vizcaya f’forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % tal-investimenti (ĠU 2003, L 17, p. 1), u, fil-Kawżi T-229/01 u T-270/01, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/894/KE tal-11 ta’ Lulju 2001 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi mill-provinċja ta’ Guipúzcoa f’forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % tal-investimenti (ĠU 2002, L 314, p. 26),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse (Relatur), D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
I – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
1 L-Artikolu 87 KE jipprovdi:
“1. Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni.
[…]
“3. It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni:
a) għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta’ l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impieg;
[…]
ċ) għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni;
[…]”
2 L-Artikolu 88 KE jipprovdi:
“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma’ l-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta’ l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv [jew] għall-funzjonament tas-suq komuni.
2. Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod [abbużiv], hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.
[…]
3. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.”
3 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi:
“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:
[…]
b) ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:
i) […] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;
ii) għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;
[…]
v) għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ [jiġi stabbilit] li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;
ċ) ‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;
[…]
f) ‘għajnuna kontra l-liġi’ għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu [88](3) [KE]:
[…]”
4 Skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 659/1999, “kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat” u ma għandhiex tiġi implementata “qabel ma’ l-Kummissjoni ma tkun ħadet, jew tinftiehem li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna”.
5 Fir-rigward tal-miżuri li mhux notifikati, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li, “[f]ejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.” L-Artikolu 13(1) tal-istess regolament jipprovdi li dan l-eżami għandu jwassal, jekk ikun il-każ, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-Artikolu 13(2) tal-istess regolament jipprovdi li, fir-rigward tal-għajnuna illegali, il-Kummissjoni mhijiex marbuta mit-termini applikabbli fil-każ ta’ eżami preliminari u ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali f’każ ta’ għajnuna notifikata.
6 L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:
“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna [i]llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il-Kummissjoni ma għandhiex teħtieġ r-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.”
7 L-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU 1998, C 384, p. 3, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali lill-impriżi”) jinkludi b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar id-distinzjoni bejn għajnuna mill-Istat u miżuri ġenerali. Il-punti 13 u 14 ta’ dan l-avviż jipprovdu:
“13. Miżuri tat-taxxa li huma miftuħa għall-aġenti ekonomiċi kollha li joperaw minn Stat Membru huma fil-prinċipju miżuri ġenerali […] Sakemm dawn japplikaw għad-ditti kollha u għall-produzzjoni tal-merkanzija kollha, l-miżuri segwenti ma jiffurmawx għajnuna ta’ l-Istat:
– miżuri tat-taxxa ta’ natura purament teknika […],
– miżuri li jsegwu l-oġġettivi tal-politika ekonomika ġenerali permezz ta’ riduzzjoni fil-piż tat-taxxa relatati ma’ ċerti nfiq ta’ produzzjoni […]
14. Il-fatt li wħud mid-ditti jew uħud mis-setturi jibbenefikaw aktar minn oħrajn minn ftit minn dawn il-miżuri tat-taxxa mhux neċessarjament ifisser li huma maqbuda b’regoli tal-kompetizzjoni li jirregolaw l-għajnuna ta’ l-Istat. Għaldaqstant, miżuri disinjati sabiex inaqqsu t-tassazzjoni fuq xogħol għad-ditti kollha għandhom relattivament effett akbar fuq industriji bażati fuq xogħol minn industriji bażati fuq kapital, mingħajr ma neċessarjament jikkostitwixxu għajnuna ta’ l-Istat […]”
8 Fir-rigward tal-għajnuna marbuta mal-investiment, din hija definita fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1 tal-Anness I tal-Linji gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU 1998, C 74, p. 9), kif emendati (ĠU 2000, C 258, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-1998”), b’dan il-mod:
“Għajnuna tat-taxxa tista’ tkun kunsidrata bhala għajnuna konnessa ma investiment f’kazi fejn ikun bazat fuq ammont investit fir-regjun. Minbarra dan, kwalunkwe għajnuna tat-taxxa tista’ tkun konnessa ma’ l-investiment jekk wieħed jistipula limitu bhala percentwali ta’ l-ammont investit fir-regjun […]”
II – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Is-sistema fiskali fis-seħħ fil-Pajjiż Bask ta’ Spanja hija rregolata mis-sistema tal-ftehim ekonomiku, stabbilita mill-Ley 12/1981 (Liġi Spanjola Nru 12/1981), tat-13 ta’ Mejju 1981, li sussegwentement ġiet emendata permezz tal-Ley 38/1997 (Liġi Spanjola Nru 38/1997), tal-4 ta’ Awwissu 1997.
10 Abbażi ta’ din il-liġi, it-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa (Spanja) jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jorganizzaw is-sistema fiskali applikabbli fit-territorji rispettivi tagħhom. F’dan il-kuntest, huma adottaw diversi miżuri ta’ tnaqqis fiskali, u b’mod partikolari l-krediti ta’ taxxa ta’ 45 % inkwistjoni f’dawn ir-rikorsi.
A – Kreditu ta’ taxxa stabbilit mil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorio Histórico de Álava
11 Is-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994, tal-20 ta’ Diċembru 1994, li timplementa l-baġit tat-Territorio Histórico de Álava għas-sena 1995 (iktar ’il quddiem is-“sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994 de Álava”) tipprovdi:
“L-investimenti f’assi fissi materjali ġodda, li saru bejn l-1 ta’ Jannar 1995 u l-31 ta’ Diċembru 1995, li jaqbżu t-2.5 biljun [peżeta Spanjola], skont il-ftehim tad-Diputación Foral de Álava, għandhom jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % tal-ammont tal-investiment stabbilit mid-Diputación Foral de Álava, applikabbli għall-ammont finali tat-taxxa li għandha titħallas.
Kull tnaqqis li ma jsirx minħabba li l-ammont finali tat-taxxa li għandha titħallas ma jkunx biżżejjed jista’ jsir matul id-disa’ snin ta’ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-Diputación Foral de Álava.
Din id-deċiżjoni tad-Diputación Foral de Álava tiffissa t-termini u l-limitazzjonijiet li huma applikabbli f’kull każ.
Il-vantaġġi rikonoxxuti bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni huma inkompatibbli ma’ kull vantaġġ fiskali ieħor marbut mal-istess investimenti.
Id-Diputación Foral de Álava għandha tiddetermina wkoll it-tul tal-proċess ta’ investiment li jista’ jinkludi investimenti mwettqa fil-fażi ta’ tħejjija tal-pjan li fuqu jkunu bbażati l-investimenti.”
12 Il-validità ta’ din id-dispożizzjoni ġiet imġedda, għall-1996, permezz tal-ħames dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 33/1995, tal-20 ta’ Diċembru 1995, hekk kif emendata mill-punt 2.11 tad-dispożizzjoni unika li tidderoga min-Norma Foral Nru 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996, li ħassret ir-riferenza għad-disa’ snin li tinsab fit-tieni paragrafu tas-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994 de Álava. Fir-rigward tas-sena 1997, il-miżura ġiet imġedda permezz tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 31/1996, tat-18 ta’ Diċembru 1996.
13 Il-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % mill-ammont tal-investimenti inżamm, taħt forma emendata, għall-1998 u l-1999, rispettivament, bil-ħdax-il dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 33/1997, tad-19 ta’ Diċembru 1997, u bis-sbatax-il dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 36/1998, tas-17 ta’ Diċembru 1998. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu b’mod partikolari:
“[…] il-proċessi ta’ investiment mibdija mill-1 ta’ Jannar [1998/1999], li jaqbżu l-2 500 miljun [peżeta Spanjola], għandhom jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % mill-ammont tal-investiment. Dan il-kreditu ta’ taxxa għandu japplika fir-rigward tal-ammont finali ta’ taxxa personali li għandha titħallas.
[…]
Jistgħu jidħlu fil-kuntest tal-proċess ta’ investiment l-investimenti li, imwettqa fil-fażi ta’ tħejjija tal-pjan li fuqu jkunu bbażati l-investimenti, għandhom relazzjoni neċessarja u diretta ma’ dan il-proċess.
L-applikazzjoni tal-kreditu ta’ taxxa imsemmi minn din id-dispożizzjoni ġenerali hija suġġetta għall-komunikazzjoni tiegħu mill-persuna taxxabbli lid-Diputación Foral de Álava skont il-mudell stabbilit f’dan ir-rigward mid-Diputado Foral de Hacienda, Finanzas y Presupuesto.”
14 Dan il-kreditu ta’ taxxa ma ġiex imġedded għas-snin ta’ wara l-1999.
B – Krediti ta’ taxxa stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorios Históricos de Vizcaya u de Guipúzcoa
15 Ir-raba’ dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 7/1996 de Vizcaya, tas-26 ta’ Diċembru 1996, estiża permezz tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 4/1998, tat-2 ta’ April 1998, u l-għaxar dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 7/1997 de Guipúzcoa, tat-22 ta’ Diċembru 1997, jipprovdu:
“L-investimenti f’assi fissi materjali ġodda, li saru mill-1 ta’ Jannar 1997, li l-ammont tagħhom jaqbeż l-2 500 miljun [peżeta Spanjola], fuq ftehim tad-Diputación Foral de [Vizcaya/Guipúzcoa], għandhom jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % mill-ammont stabbilit minn din tal-aħħar, applikabbli fuq l-ammont finali tat-taxxa li għandha titħallas.
Kull tnaqqis li ma jsirx minħabba li l-ammont tat-taxxa ma jkunx biżżejjed jista’ jsir matul is-snin taxxabbli magħluqa matul il-ħames snin li jsegwu s-sena li fiha ġie deċiż li tingħata l-għajnuna.
Id-data li fiha jibda jiddekorri t-terminu għall-applikazzjoni tat-tnaqqis inkwistjoni tista’ tiġi ttrasferita għall-ewwel sena taxxabbli, fil-limiti tat-terminu ta’ preskrizzjoni, li matula jinkisbu riżultati pożittivi.
Il-ftehim imsemmi fl-ewwel paragrafu jiffissa t-termini u l-limiti applikabbli f’kull każ.
Il-vantaġġi rikonoxxuti bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni huma inkompatibbli ma’ kull vantaġġ fiskali ieħor marbut mal-istess investimenti.
Id-Diputación Foral de [Vizcaya/Guipúzcoa] għandha tiddetermina wkoll it-tul tal-proċess ta’ investiment, li jista’ jinkludi investimenti mwettqa fil-fażi ta’ tħejjija tal-pjan li fuqu jkunu bbażati l-investimenti li għalihom jingħata l-vantaġġ fiskali.”
16 Dawn id-dispożizzjonijiet ġew imħassra bin-Norma Foral Nru 7/2000, tad-19 ta’ Lulju 2000, fit-Territorio Histórico de Vizcaya u permezz tan-Norma Foral Nru 3/2000, tat-13 ta’ Marzu 2000, fit-Territorio Histórico de Guipúzcoa.
Fatti li wasslu għall-kawżi
17 Fl-okkażżjoni tal-proċeduri mibdija wara li ġew iddepożitati xi lmenti f’Ġunju 1996 u f’Ottubru 1997 kontra l-applikazzjoni, fit-Territorio Histórico de Álava, ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % fil-konfront ta’ Daewoo Electronics Manufacturing España SA (Demesa) kif ukoll fil-konfront ta’ Ramondín SA u ta’ Ramondín Cápsulas SA (Ramondín), il-Kummissjoni saret taf bl-eżistenza tad-dispożizzjonijiet li jipprovdu dan il-kreditu ta’ taxxa. Hija ssemmi dan fil-Premessa 1 tad-Deċiżjoni 2002/820/KE tal-11 ta’ Lulju 2001 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi mill-provinċja ta’ Álava taħt forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % mill-investimenti (ĠU 2002, L 296, p. 1); tad-Deċiżjoni 2003/27/KE tal-11 ta’ Lulju 2001 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi mill-provinċja ta’ Vizcaya taħt forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % mill-investimenti (ĠU 2003, L 17, p. 1), u d-Deċiżjoni 2002/894/KE tal-11 ta’ Lulju 2001 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi mill-provinċja ta’ Guipúzcoa taħt forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % mill-investimenti (ĠU 2002, L 314, p. 26) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). Hija rċeviet ukoll informazzjoni informali, li tgħid li miżuri simili kienu jeżistu fit-Territorios Históricos de Vizcaya u de Guipúzcoa (Premessa 1 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894).
18 Fis-17 ta’ Marzu 1997, il-Kummissjoni laqgħet rappreżentanti tal-Gvern ta’ La Rioja (Spanja) kif ukoll xi msieħba soċjali ta’ La Rioja.
19 B’ittri tal-15 ta’ Marzu 1999 mibgħuta lir-rappreżentanza permanenti tar-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-miżuri adottati mit-Territorios Históricos de Vizcaya u de Guipúzcoa.
20 B’ittri tat-13 ta’ April u tas-17 ta’ Mejju 1999 mibgħuta mir-rappreżentanza permanenti tagħhom, l-awtoritajiet Spanjoli talbu estensjonijiet suċċessivi tat-terminu mogħti sabiex iwieġbu. B’ittra tal-25 ta’ Mejju 1999, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrifjutaw li jagħtu t-tieni estensjoni.
21 B’ittra tat-2 ta’ Ġunju 1999 mibgħuta mir-rappreżentanza permanenti tagħhom, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu informazzjoni dwar il-krediti ta’ taxxa inkwistjoni.
22 B’ittri tas-17 ta’ Awwissu 1999, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja dwar id-deċiżjoni tagħha li tibda’ l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tat-tliet skemi li jipprovdu l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni. Dawn id-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali [deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-kreditu ta’ taxxa previst fil-leġiżlazzjoni tat-Territorios Históricos de Vizcaya u de Guipúzcoa (ĠU 1999, C 351, p. 29) u li jikkonċernaw il-kreditu ta’ taxxa previst fil-leġiżlazzjoni tat-Territorio Histórico de Álava (ĠU 2000, C 71, p. 8)] kienu s-suġġett ta’ rikorsi għal annullament, li inċaħdu mill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, T-269/99, T-271/99 u T-272/99, Ġabra p. II-4217).
23 Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa previst fil-leġiżlazzjoni tat-Territorio Histórico de Álava, il-Kummissjoni talbet b’mod partikolari lir-Renju ta’ Spanja sabiex jipprovdilha informazzjoni dwar għajnuna fiskali eventwali taħt forma ta’ krediti ta’ taxxa fis-seħħ bejn l-1986 u l-1994, dwar id-deċiżjonijiet tal-għoti tal-għajnuna bejn l-1995 u l-1997 u dwar il-komunikazzjonijiet tal-persuni interessati stabbiliti skont il-mudell uffiċjali għall-perijodu mill-1998 sal-1999. B’hekk hija talbet li jiġu indikati minn tal-inqas in-natura tal-ispejjeż ta’ investiment li huma eliġibbli għall-għajnuna, l-ammont tal-kreditu ta’ taxxa ta’ kull benefiċjarju, l-għajnuna mħallsa lil kull benefiċjarju u l-ammont tal-għajnuna li għad kellha titħallas, in-natura eventwali ta’ impriża f’diffikultà tal-benefiċjarji suġġetti għal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà, informazzjoni addizzjonali fil-każ ta’ aggregazzjoni (ammont, spejjeż eliġibbli, skemi ta’ għajnuna eventwalment applikati, etc.) kif ukoll id-definizzjoni preċiża u dettaljata tal-kliem “investiment” u “investimenti fil-fażi ta’ preparazzjoni”.
24 B’ittri tar-rappreżentanza permanenti tagħhom tad-9 ta’ Novembru 1999, irreġistrati fit-12 ta’ Novembru 1999, l-awtoritajiet Spanjoli ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li kienu jsostnu li l-miżuri ma kinux għajnuna mill-Istat, fejn qiesu li ma kienx meħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni li tikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-għoti tal-krediti ta’ taxxa, mitluba mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet tagħha ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
25 Wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni rċeviet, f’Jannar 2000, osservazzjonijiet minn terzi fir-rigward tal-miżuri adottati mit-Territorio Histórico de Vizcaya u mit-Territorio Histórico de Guipúzcoa, u f’Marzu u f’April 2000 fir-rigward tat-Territorio Histórico de Álava.
26 B’ittri tal-1 ta’ Marzu 2000 dwar it-Territorio Histórico de Vizcaya u t-Territorio Histórico de Guipúzcoa u b’ittra tat-18 ta’ Mejju 2000 fir-rigward tat-Territorio Histórico de Álava, il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lir-Renju ta’ Spanja li ngħata l-possibbiltà li jikkumenta dwarhom. Minkejja li talbu estensjoni ta’ 20 jum mit-terminu ta’ tweġiba, l-awtoritajiet Spanjoli ma bagħtux osservazzjonijiet.
Id-deċiżjonijiet ikkontestati
27 Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kklassifikat il-krediti ta’ taxxa ta’ 45 % mill-investimenti implementati mit-Territorio Histórico de Vizcaya u mit-Territorio Histórico de Guipúzcoa bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.
28 Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Hija tindika li, fil-fatt, dawn jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom vantaġġ li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-ispejjeż li normalment jitħallsu mill-baġit tagħhom u jimplikaw telf mid-dħul ta’ taxxa għall-amministrazzjoni pubblika kkonċernata. Dan il-vantaġġ jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri. Il-krediti ta’ taxxa inkwistjoni huma ta’ natura selettiva, ġaladarba jagħtu preferenza lil ċerti impriżi li jwettqu investimenti li jaqbżu l-limitu ta’ 2.5 biljun peżeta Spanjola (ESP). Sussidjarjament, din in-natura speċifika tirriżulta wkoll mill-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali fl-implementazzjoni tal-iskemi inkwistjoni kif ukoll mill-marġini ta’ diskrezzjoni tagħha fid-determinazzjoni tal-ammont tal-investimenti u tal-proċess ta’ investiment, fin-nuqqas ta’ definizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-kunċetti. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-krediti ta’ taxxa għandhom għan ta’ politika ekonomika li mhuwiex inerenti għas-sistema fiskali inkwistjoni u li mhumiex iġġustifikati min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali Spanjola.
29 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkonstata li l-krediti ta’ taxxa jikkostitwixxu għajnuna illegali. Hija tqis li r-regola de minimis mhijiex applikabbli u li dawn ma kinux għajnuna eżistenti. Hija tiċħad ukoll l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, ġaladarba dawn kienu għajnuna ġdida li ma ġietx innotifikata u peress li tikkunsidra li ma pprovdiet ebda assigurazzjoni preċiża li tippermetti li wieħed ikollu aspettattivi bbażati fuq il-legalità u fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.
30 Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-krediti ta’ taxxa jidhru li jistgħu jissodisfaw, minn tal-inqas parzjalment, il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-Linji Gwida tal-1998 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), peress li, minn naħa, huma għandhom bħala bażi spejjeż ta’ investiment u, min-naħa l-oħra, jitħallsu sa 45 % mill-investiment. Madankollu dawn ma jistgħux jibbenefikaw minn waħda mid-derogi reġjonali previsti fl-Artikolu 87(3) KE. Fil-fatt, it-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa mhumiex eliġibbli għad-deroga prevista bl-Artikolu 87(3)(a) KE minħabba prodott gross domestiku għal kull abitant għoli wisq. L-għajnuna kontenzjuża lanqas ma tista’ tiġi awtorizzata abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE ġaladarba d-daqs tal-krediti ta’ taxxa jaqbeż il-limiti previsti fil-mapep tal-għajnuna reġjonali suċċessivi. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jistgħu jirrigwardaw investimenti ta’ sostituzzjoni kif ukoll spejjeż marbuta mal-“proċessi ta’ investiment” jew mal-“investimenti fil-fażi ta’ preparazzjoni”. Issa, fin-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża ta’ dan il-kliem, ma jistax jiġi eskluż li s-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni jinkludi spejjeż li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż ta’ investiment skont ir-regoli Komunitarji applikabbli f’dan ir-rigward.
31 Barra minn hekk, fir-rigward tal-għajnuna favur spejjeż ta’ investiment li ma jissodisfawx id-definizzjoni prevista mid-dritt Komunitarju, din tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna għat-tħaddim, li bħala prinċipju hija pprojbita. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ il-kundizzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti bl-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE mhumiex sodisfatti. Hija tosserva barra minn hekk li, fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet settorjali, il-krediti ta’ taxxa ta’ 45 % probabbilment ma josservawx ir-regoli settorjali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-għajnuna inkwistjoni lanqas ma tista’ tibbenefika minn derogi oħra previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE u għaldaqstant hija inkompatibbli mas-suq komuni.
32 Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li n-Normas Forales kontenzjużi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, implementata b’mod illegali mir-Renju ta’ Spanja fil-pronvinċji ta’ Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa, inkompatibbli mas-suq komuni.
33 L-Artikolu 2 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jipprovdi li r-Renju ta’ Spanja huwa marbut li jħassar l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 fejn din tkun għadha fis-seħħ.
34 L-Artikolu 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jipprovdi għall-irkupru tal-għajnuna bil-kliem li ġejjin:
“1. [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]ieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex [j]irkupra mill-benefiċjarji l-għajnuna prevista fl-Artikolu 1 u diġà mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom illegalment.
Fir-rigward tal-għajnuna li għadha ma tħallsitx, [ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]issospendi kull ħlas.
2. L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata ta’ din id-deċiżjoni. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data ta’ meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ referenza użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
35 L-Artikolu 4 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jgħid li r-Renju ta’ Spanja għandu jinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet, bil-miżuri li jkun adotta sabiex jikkonforma ruħu magħhom. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2002/820 jippreċiża li din ma tikkonċernax l-għajnuna mogħtija lil Demesa u lil Ramondín. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894 kif ukoll l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2002/820 jippreċiżaw li r-Renju ta’ Spanja huwa d-destinatarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
36 Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Renju ta’ Spanja għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-485/03 sa C-490/03, Ġabra p. I-11887).
Il-proċedura
37 Permezz ta’ tliet atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Settembru 2001, it-Territorios Históricos de Álava, de Viscaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco – Gobierno Vasco ippreżentaw ir-rikorsi fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01.
38 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Ottubru 2001, il-Confederación Empresarial Vasca (Confebask) ippreżentat ir-rikorsi fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01.
39 Pemezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Diċembru 2001, il-Comunidad autónoma de La Rioja talbet sabiex tintervjeni fil-proċeduri li jikkonċernaw il-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
40 Permezz ta’ atti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Jannar 2002, is-Círculo de Empresarios Vascos, il-Cámara Oficial de Comercio e Industria de Álava kif ukoll it-Territorio Histórico de Vizcaya u t-Territorio Histórico de Guipúzcoa talbu sabiex jintervjenu fil-proċeduri li jikkonċernaw ir-rikors fil-Kawża T-227/01 insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti; iċ-Círculo de Empresarios Vascos, il-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Vizcaya kif ukoll it-Territorio Histórico de Álava u t-Territorio Histórico de Guipúzcoa talbu sabiex jintervjenu fil-proċeduri li jikkonċernaw ir-rikors fil-Kawża T-228/01 insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti; iċ-Círculo de Empresarios Vascos, il-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Guipúzcoa kif ukoll it-Territorio Histórico de Álava u t-Territorio Histórico de Vizcaya talbu sabiex jintervjenu fil-proċeduri li jikkonċernaw ir-rikors fil-Kawża T-229/01 insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.
41 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Jannar 2002, il-Confebask talbet sabiex tintervjeni fil-proċeduri li jikkonċernaw ir-rikorsi fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 insostenn tar-rikorrenti.
42 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2002, il-Comunidad autónoma de La Rioja talbet sabiex tintervjeni fil-proċeduri li jikkonċernaw ir-rikorsi fil-Kawżi T-265/01 sa T-270/01 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
43 Permezz ta’ digrieti tal-10 ta’ Settembru 2002, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċieda li jissospendi l-proċeduri f’kull waħda mill-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01 sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-appelli mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T-127/99, T-129/99 u T-148/99, Ġabra p. II-1275, iktar ’il quddiem is-“sentenza Demesa”), u Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ramondín”). F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li kklassifikaw bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, l-għoti lil Demesa u lil Ramondín ta’ vantaġġi fiskali fit-Territorio Historíco de Álava [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/718/KE, tal-24 ta’ Frar 1999 dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur Demesa (ĠU L 292, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/795/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur Ramondín SA u Ramondín Cápsulas SA (ĠU 2000, L 318, p. 36)].
44 Billi nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla. Għalhekk il-kawżi preżenti ġew assenjati lill-Ħames Awla Estiża.
45 Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni (C-183/02 P u C-187/02 P, Ġabra p. I-10609), u Ramondín et vs Il-Kummissjoni (C-186/02 P u C-188/02 P, Ġabra p. I-10653), ċaħdu l-appelli mis-sentenzi Demesa u Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq.
46 Fl-10 ta’ Jannar 2005, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza (il-Ħames Awla Estiża) staqsiet lill-partijiet dwar il-konsegwenzi li s-sentenzi Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni u Ramondín et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, jista’ jkollhom fuq dawn ir-rikorsi.
47 Permezz ta’ nota tat-3 ta’ Frar 2005, wara li esponew il-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dawn is-sentenzi, ir-rikorrenti żammew ir-rikorsi tagħhom.
48 It-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autonóma del País Vasco madankollu rtiraw l-ewwel żewġ motivi tar-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01.
49 Permezz ta’ digrieti tad-9 ta’ Settembru 2005, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza (il-Ħames Awla Estiża) laqa’ l-intervent tal-Confebask fil-proċeduri li jikkonċernaw ir-rikorsi fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 insostenn tar-rikorrenti. L-intervenjenti ppreżentat in-noti tagħha, ir-rikorrenti ma għamlux osservazzjonijiet partikolari f’dan ir-rigward u l-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-termini mogħtija.
50 Permezz ta’ digrieti tad-9 u tal-10 ta’ Jannar 2006, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ l-intervent tal-Comunidad autónoma de La Rioja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-proċeduri li jikkonċernaw rispettivament il-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, minn naħa, kif ukoll T-227/01 sa T-229/01, min-naħa l-oħra. L-intervenjenti ppreżentat in-noti tagħha. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01 ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 indikaw li ma kellhomx osservazzjonijiet x’jagħmlu. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet.
51 Permezz ta’ digrieti tal-10 ta’ Jannar 2006, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ l-intervent tal-Cámara Oficial de Comercio e Industria de Álava, tal-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Vizcaya u tal-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Guipúzcoa, rispettivament fil-Kawżi T-227/01, T-228/01 u T-229/01, iżda ċaħdet l-intervent taċ-Círculo de Empresarios Vascos kif ukoll dak tat-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa. L-intervenjenti ppreżentaw in-nota tagħhom. Ir-rikorrenti ma għamlux osservazzjonijiet partikolari f’dan ir-rigward u l-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu mogħti.
52 Fis-27 ta’ April 2006, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għaqda tar-rikorsi fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01 għall-finijiet tal-proċedura orali u, eventwalment, għall-finijiet tas-sentenza. Dawn il-kawżi ngħaqdu permezz tad-digriet tal-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2006 għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
53 Fl-14 ta’ Frar 2007, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lir-rikorrenti, f’kull waħda mill-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01, ċerta informazzjoni dwar il-benefiċjarji tas-sistemi fiskali inkwistjoni.
54 Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2007, il-Confebask talbet reviżjoni tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 wieġbu, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2007, li huma kienu qed jistaqsu x’kienet ir-rilevanza ta’ miżura tali.
55 Fit-2 ta’ April 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-14 ta’ Frar 2007, fejn stiednet lir-rikorrenti f’kull waħda mill-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01 sabiex jipprovdulha l-informazzjoni mitluba. Ir-rikorrenti wieġbu permezz ta’ ittri tat-23 ta’ April 2007.
56 Fit-31 ta’ Lulju 2007, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet xi mistoqsijiet lill-partijiet, li għalihom huma wieġbu f’Ottubru 2007.
57 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tibda l-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tas-16 ta’ Jannar 2008.
58 Waqt din is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħat lill-partijiet terminu li jiskadi fit-28 ta’ Jannar 2008 sabiex jippreżentaw ċerta informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Dan il-fatt tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.
59 Fi tmiem is-seduta, il-President tal-Ħames Awla Estiża ddeċieda li jissospendi l-għeluq tal-proċedura orali.
60 Permezz ta’ ittri ppreżentati fl-24 ta’ Jannar 2008, mit-Territorio Histórico de Vizcaya u, fit-28 ta’ Jannar 2008, mit-Territorio Histórico de Álava u t-Territorio Histórico de Guipúzcoa, ir-rikorrenti ppreżentaw dokumenti li jirrigwardaw l-informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta. Confebask għamlet l-istess ħaġa permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2008. Il-Kummissjoni, wara estensjoni tat-terminu mogħti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti li ġew ippreżentati.
61 Il-President tal-Ħames Awla Estiża għalaq il-proċedura orali fit-12 ta’ Marzu 2008. Il-partijiet ġew informati permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Marzu 2008.
62 Il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li semgħet lill-partijiet f’dan ir-rigward, tqis li hemm lok li r-rikorsi fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01 jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.
63 Waqt is-seduta, ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 ġeddew it-talba tagħhom lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex il-Kummissjoni tintalab tippreżenta ċerti dokumenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis madankollu li l-atti tal-proċess jipprovdulha biżżejjed informazzjoni.
It-talbiet tal-partijiet
I – Fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01
64 It-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco, rikorrenti, jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– prinċipalment, tannulla d-deċiżjonjiet ikkontestati;
– sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
65 Confebask, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjonjiet ikkontestati;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
66 Il-Cámara Oficial de Comercio e Industria de Álava, il-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Vizcaya u l-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Guipúzcoa, intervenjenti insostenn tar-rikorrenti rispettivament fil-Kawżi T-227/01, T-228/01 u T-229/01, jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– prinċipalment, tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati rispettivament f’kull waħda minn dawn il-kawżi jew, sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tagħhom;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
67 Il-Kummissjoni u l-Comunidad autónoma de La Rioja, intervenjenti insostenn tagħha, jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġboha:
– tiċħad ir-rikorsi ppreżentati mit-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa bħala infondati;
– tiddikjara r-rikorsi ppreżentati mill-Comunidad autónoma del País Vasco inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħadhom bħala infondati;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
II – Fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01
68 Confebask, rikorrenti, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– prinċipalment, tannulla d-deċiżjonjiet ikkontestati;
– sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjonijiet ikkontestati;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
69 Il-Kummissjoni u l-Comunidad autónoma de La Rioja, intervenjenti insostenn tagħha, jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiddikjara r-rikorsi inammissibbli;
– sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
I – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi
70 Jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà, fl-ewwel lok, tar-rikorsi fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, imbagħad, fit-tieni lok, tar-rikorsi ppreżentati minn Confebask fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01.
A – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01
71 Jeħtieġ li tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament u, fit-tieni lok, l-ammissibbiltà tal-intervent ta’ Confebask fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01.
1. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01
a) L-argumenti tal-partijiet
72 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, mingħajr madankollu ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà formali fis-sens tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, tqis li l-Comunidad autónoma del País Vasco ma għandhiex locus standi għal annullament fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01. Iċ-ċirkustanza li hija teżerċita “kompetenzi fil-qasam tal-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni fiskali bejn it-Territorios Históricos” ma tippermettix li jiġi konkluż li hija hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni kienu esklużivament adottati mit-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punti 54 u 55 tas-sentenza Demesa, punt 43 iktar ’il fuq.
73 Il-Kummissjoni madankollu tammetti li r-rikorsi msemmija iktar ’il fuq huma ammissibbli, inkwantu kienu ppreżentati flimkien mat-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa, li fil-fehma tagħha għandhom locus standi.
74 Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 isostnu li r-rikors tagħhom huwa ammissibbli
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
75 Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, jiġifieri t-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco, mhumiex id-destinatarji tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
76 Għandu jiġi osservat li l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati mit-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa mhijiex ikkontestata. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu għal skemi ta’ għajnuna li għalihom huma responsabbli. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jipprekluduhom milli jeżerċitaw, kif jixtiequ, il-kompetenzi tagħhom, li huma għandhom direttament abbażi tad-dritt Spanjol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punti 29 u 30; Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 50, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-346/99 sa T-348/99, Ġabra p. II-4259, punt 37). Ir-rikorsi huma għaldaqstant ammissibbli sa fejn jirrigwardaw it-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa.
77 Fir-rigward, għal kull waħda mill-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, tal-uniku u l-istess rikors, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tal-Comunidad autónoma del País Vasco (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 31; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 61).
78 Għaldaqstant ir-rikorsi għal annullament fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 huma ammissibbli.
2. Fuq l-ammissibbiltà tal-intervent ta’ Confebask fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01
a) Fuq l-ammissibbiltà ta’ Confebask sabiex tintervjeni
79 Fil-kuntest tal-proċedura orali, il-Kummissjoni sostniet li, sa fejn ir-rikors tal-partijiet prinċipali jikkonċerna biss l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u fejn ebda waħda mill-membri ta’ Confebask mhija kkonċernata minn dan l-irkupru, Confebask ma għandiex locus standi.
80 Wara l-mistoqsijiet li saru matul is-seduta, Confebask ippreżentat ċerti dokumenti. Għalhekk, hija ppreżentat dokument, maħruġ mid-direttur ġenerali tal-finanzi (Director General de Hacienda) ta’ kull wieħed mit-tliet Territorios Históricos, li jiddikjara li ċerti impriżi kienu bbenefikaw mill-krediti ta’ taxxa inkwistjoni. Dawn id-dokumenti jiddikjaraw li dawn l-impriżi huma kkonċernati mid-deċiżjonijiet ikkontestati u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3 ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li jordna l-irkupru tal-għajnuna. Barra minn hekk, fil-preżentata tat-talbiet għal intervent, dikjarazzjoni ffirmata mis-segretarju ġenerali u mill-president ta’ Confebask ikkonfermat il-kwalità ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi bħala membru ta’ Confebask.
81 Għandu jitfakkar li l-adozzjoni tad-digriet tad-9 ta’ Settembru 2005 mill-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jawtorizza lil Confebask sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, ma jipprekludix li jsir eżami ġdid tal-ammissibbiltà tal-intervent tagħha fis-sentenza li taqta’ l-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 52).
82 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, kull persuna li turi li jkollha interess fl-eżitu tal-kawża għandha d-dritt għal intervent.
83 Skont ġurisprudenza stabbilita, assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħhom huma awtorizzati jintervjenu f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju li jistgħu jaffettwaw lil dawn tal-aħħar (Digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1997, National Power u PowerGen, C-151/97 P(I) u C-157/97 P(I), Ġabra p. I-3491, punt 66, u tat-28 ta’ Settembru 1998, Pharos vs Il-Kummissjoni, C-151/98 P, Ġabra p. I-5441, punt 6; Digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ April 2007, MAAB vs Il-Kummissjoni, T-24/06, Ġabra p. II-198, punt 10).
84 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet hija intiża li tippermetti li jiġi evalwat aħjar il-kuntest tal-kawżi filwaqt li jiġu evitati numru ta’ interventi individwali li jistgħu jaffettwaw l-effettività u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (Digriet National Power u PowerGen, punt 83 iktar ’il fuq, punt 66; Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Lulju 2004, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-20l/04 R, Ġabra p. II-2977, punt 38).
85 F’dan il-każ, Confebask hija organizzazzjoni professjonali konfederattiva intersettorjali, li għandha bħala għan ir-rappreżentanza, il-koordinazzjoni, l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-interessi ġenerali u komuni tal-imprendituri tal-organizzazzjonijiet tal-Pajjiż Bask Spanjol li jifformawha. B’mod partikolari, għandha bħala għan ir-rappreżentanza u l-protezzjoni tal-interessi tal-impriżi Baski fil-konfront tal-amministrazzjoni u l-organizzazzjonijiet soċjali u professjonali.
86 Huwa paċifiku li din hija organizzazzjoni li tirrappreżenta lil impriżi tal-Pajjiż Bask Spanjol.
87 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura orali, ċerti impriżi, li kienu membri ta’ Confebask meta din resqet it-talba tagħha sabiex tintervjeni, ibbenefikaw minn għajnuna mogħtija abbażi tas-sistemi fiskali inkwistjoni f’din il-kawża.
88 B’hekk, l-interessi ta’ dawn l-impriżi, li fl-istess ħin huma membri ta’ Confebask u benefiċjarji effettivi tal-miżuri fiskali inkwistjoni, jistgħu jintlaqtu mir-riżultat ta’ dan ir-rikors.
89 Barra minn hekk, Confebask ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
90 B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li Confebask tiġġustifika interess fis-soluzzjoni tal-kawża u li l-intervent tagħha insostenn tar-rikorrenti huwa ammissibbli.
b) Fuq l-ammissibbiltà tan-nota ta’ intervent ta’ Confebask
L-argumenti tal-partijiet
91 Il-Kummissjoni tqis li n-noti ta’ intervent ta’ Confebask fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 ma jinkludu ebda argument ġuridiku, inkwantu jirreferu biss għal annessi. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li dawn in-noti ma josservawx ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura.
92 Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li n-noti ta’ intervent ta’ Confebask fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 huma kollha ammissibbli, il-Kummissjoni ssostni li bosta motivi invokati minn Confebask, bħala intervenjenti, huma inammissibbli, ġaladarba jbiddlu l-kuntest tal-kawża ddefinit mir-rikorsi f’dawn il-kawżi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
93 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi:
“[…]
Is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent għandhom jinkludu:
a) it-talbiet ta’ l-intervenjent intiżi sabiex isostnu jew sabiex jiċħdu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta’ xi waħda mill-partijiet;
b) ir-raġunijiet u l-argumenti mressqa mill-intervenjent;
ċ) jekk ikun il-każ, il-provi li jixtieq iressaq.”
94 Skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, fir-rigward tar-rikors promotur, applikabbli b’analoġija fir-rigward tan-nota ta’ intervent (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autónoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra p. II-2123, punt 186), l-espożizzjoni sommarja tal-motivi għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali insostenn tar-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T-209/01, Ġabra p. II-5527, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).
95 Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors, jirriżultaw, għall-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet minn dokumenti annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjoni tal-argumenti fid-dritt, li, skont d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu jinsabu fir-rikors stess (Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49). Minbarra dan, mhuwiex kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 57, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Asklepios Kliniken vs Il-Kummissjoni, T-167/04, Ġabra p. II-2379, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 97 sa 99).
96 F’dan il-każ, fin-noti ta’ intervent tagħha ppreżentati fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, Confebask indikat li kienet qed tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti f’kull waħda minn dawn il-kawżi. Hija titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. Hija tqis li huwa opportun, “sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiffranka f’dak li huwa żmien u riżorsi ta’ traduzzjoni”, li tirreferi għar-rikorsi li hija ppreżentat rispettivament fil-Kawżi, T-265/02, T-266/01 u T-270/01, annessi man-noti ta’ intervent tagħha. Fihom, Confebask tippreżenta, barra minn hekk, osservazzjonijiet li jikkonċernaw il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
97 Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi kkonstatat li, ħlief fir-rigward tal-argument dwar l-aspettattivi leġittimi, ebda punt essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi ma jirriżulta, anki jekk b’mod sommarju jew essenzjalment, min-noti ta’ intervent innifishom.
98 Barra minn hekk, għalkemm is-sentenzi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01 ġew magħquda fit-13 ta’ Lulju 2006, jiġifieri wara l-intervent ta’ Confebask, xorta jibqa’ l-fatt li dawn iżommu n-natura awtonoma tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punt 66, u s-sentenza Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 71).
99 Fl-aħħar nett, it-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco, rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, u l-Cámara Oficial de Comercio e Industria de Álava, la Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Vizcaya kif ukoll il-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Guipúzcoa (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“Cámaras Oficiales de Comercio e Industria”), intervenjenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, mhumiex partijiet fir-rikorsi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, li għalihom qed tirreferi Confebask. Issa, l-identità tal-partijiet hija kundizzjoni essenzjali għall-ammissibbiltà tal-motivi allegatament imqajma permezz ta’ riferenza għad-dokumenti f’kawża oħra (sentenza Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 67).
100 F’dawn iċ-ċirkustanzi, riferenza globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi man-noti ta’ intervent, ma tistax tikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argumenti legali, li, skont l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom ikunu jinsabu fin-nota ta’ intervent.
101 B’hekk in-noti ta’ intervent ta’ Confebask huma inammissibbli sa fejn jirreferu għar-rikorsi fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01 u huma ammissibbli sa fejn jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-allegazzjoni invokata sussidjarjament mill-Kummissjoni, li tgħid li bosta motivi invokati minn Confebask huma inammissibbli, ġaladarba jbiddlu l-kuntest tal-kawża ddefinita mir-rikorsi.
B – Fuq l-ammissibbiltà ta’ Confebask sabiex titlob l-annullament fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01
1. L-argumenti tal-partijiet
102 Il-Kummissjoni u l-Comunidad autónoma de La Rioja, mingħajr ma jqajmu b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-sens tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, isostnu li r-rikorsi ppreżentati minn Confebask huma inammissibbli. Fil-fehma tagħhom, impriża ma tistax tippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna fejn il-benefiċjarji tagħha mhumiex indikati b’mod individwali, iżda f’termini ġenerali u astratti. B’hekk, Confebask ma tistax issostni li għandha locus standi li jirriżulta mill-fatt li l-impriżi li hija tirrappreżenta huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-atti kkontestati. Barra minn hekk, Confebask ma tinvoka ebda interess ġuridiku speċifiku għaliha. Fl-aħħar nett, l-intervent ta’ Confebask fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 jissodisfa l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju li tiġġustifika l-għarfien ta’ dritt ta’ rikors tal-assoċjazzjonijiet.
103 Confebask tqis, bil-kontra, li hija għandha locus standi. Fil-fatt, hija tosserva li hija tirrappreżenta l-interessi tal-impriżi li individwalment għandhom locus standi, ġaladarba huma suġġetti għas-sistemi fiskali inkwistjoni u għaldaqstant jistgħu jintalbu sabiex iroddu lura l-għajnuna li rċevew.
104 B’risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Confebask iddikjarat qabel kollox li me kellhiex informazzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk uħud mill-membri tagħha kinux benefiċjarji effettivi tal-miżuri inkwistjoni. Madankollu hija enfasizzat li hija l-unika interlokutriċi, fir-rigward tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Spanjoli, tal-imprendituri Baski li hija tirrappreżenta, u li huma d-destinatarji tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi. F’kull każ, il-locus standi tagħha ma tqajjem ebda dubju, wisq iżjed meta hija ħadet sehem b’mod attiv fil-proċeduri sa mill-bidu tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni.
105 Wara s-seduta u wara t-talba, għat-tielet darba, min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li pproċediet sabiex ittawwal il-proċedura orali, Confebask ippreżentat dikjarazzjonijiet tad-direttur ġenerali tal-finanzi ta’ kull wieħed mit-Territorios Históricos, li jiċċertifikaw li ċerti impriżi, li dwarhom qed jiġi barra minn hekk iddikjarat li dawn kienu membri ta’ Confebask fi żmien il-preżentata tar-rikorsi fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, kienu kkonċernati minn kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati u b’mod partikolari mill-ordni ta’ rkupru tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni (ara l-punt 80 iktar ’il fuq).
106 Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti ppreżentati minn Confebask wara s-seduta, il-Kummissjoni tqis li hija ma pprovdietx il-prova li l-benefiċjarji inkwistjoni kienu suġġetti għal ordni ta’ rkupru.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
107 F’dan il-każ, fir-rigward ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-protezzjoni tal-interessi ġenerali mhijiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tat-tali rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 1962 Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il-Kunsill, 16/62 u 17/62, Ġabra p. 901, 919 u 920, u tal-10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni, 282/85, Ġabra p. 2469, punti 16 sa 18).
108 Assoċjazzjoni bħal Confebask, li għandha l-inkarigu li tipproteġi l-interessi ta’ impriżi Baski, bħala prinċipju, tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat biss f’każ li l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud minnhom ikollhom locus standi individwali jew jekk tista’ tinvoka interess proprju (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).
109 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk Confebask għandiex locus standi f’dan il-każ.
110 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-membri ta’ Confebask jew jekk il-membri tal-membri tagħha għandhomx locus standi individwali kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jiġi eżaminat jekk humiex individwalment u direttament ikkonċernati mid-deċiżjonijiet ikkontestati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.
111 Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment biss jekk l-att kontenzjuż jippreġudikaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra, u minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għad-destinatarju tal-att (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).
112 F’dan ir-rigward, il-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna ma jistgħux, abbażi ta’ din il-karatteristika waħedha, jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq komuni (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T-228/00, T-229/00, T-242/00, T-243/00, T-245/00 sa T-248/00, T-250/00, T-252/00, T-256/00 sa T-259/00, T-265/00, T-267/00, T-268/00, T-271/00, T-274/00 sa T-276/00, T-281/00, T-287/00 u T-296/00, Ġabra p. II-787, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).
113 Madankollu, impriża li mhijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni inkwantu impriża li tista’ potenzjalment tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, iżda wkoll fil-kapaċità tagħha bħala benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li tagħha l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tinsab f’pożizzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, punt 34, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punti 38 u 39).
114 Issa, f’dan il-każ, mid-dokumenti li Confebask ipprovdiet wara s-seduta jirriżulta li ċerti impriżi, minn fost il-membri tagħha meta ġew ippreżentati r-rikorsi fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, huma kkonċernati mill-miżuri fiskali inkwistjoni f’kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, fil-kapaċità tagħhom bħala benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali, mogħtija taħt s-sistemi fiskali inkwisjoni, u li tagħha l-Kummissjoni ordnat l-irkupru. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet tad-diretturi ġenerali tal-finanzi ta’ kull wieħed mit-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa jsemmu impriżi li bbenefikaw mill-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % u jiċċertifikaw li huma affettwati mid-deċiżjonijiet ikkontestati.
115 Għaldaqstant, dawn l-impriżi għandhom jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati mid-deċiżjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, inkwantu l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi setgħu jiġu eżaminati f’kull mument ex officio mill-Qorti Komunitarja, xejn ma jipprekludiha milli tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet supplimentari pprovduti, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-proċedura orali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T-95/03, Ġabra p. II-4739, punt 50).
116 Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-interess dirett, id-deċiżjonijiet ikkontestati jobbligaw lir-Renju ta’ Spanja jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji. Għaldaqstant, l-impriżi li bbenefikaw minnha għandhom jiġu kkunsidrati bħala direttament ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 36; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T-136/05, Ġabra p. II-4063, punt 75).
117 Għaldaqstant dawn l-impriżi, membri tal-Confebask, kienu jkunu individwalment ikkunsidrati bħala li għandhom locus standi.
118 Ġaladarba Confebask tirrappreżanta impriżi li minn tal-inqas uħud minnhom għandhom locus standi individwali, hija għandha locus standi kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.
II – Fuq il-mertu tar-rikorsi
119 Jeħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, fuq il-kompatibbiltà tal-iskemi inkwistjoni mas-suq komuni, fuq l-abbuż ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni u fuq in-natura eżistenti tal-għajnuna inkwistjoni, imqajma minn Confebask, rikorrenti fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, qabel ma jiġu eżaminati l-motiv ibbażat fuq difett proċedurali u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali, imqajma kemm fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 kif ukoll fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, imbagħad il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01.
A – Fuq il-motiv ibbażatu fuq nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE (Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
120 Fir-rikorsi tagħha fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, l-ewwel nett, Confebask tinvoka l-fatt li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni ma jimplikaw ebda tnaqqis fid-dħul fiskali. It-tieni nett, hija ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx biżżejjed li l-miżuri inkwistjoni jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. It-tielet nett, hija tikkontesta n-natura speċifika tal-miżuri fiskali inkwistjoni. Ir-raba’ nett, hija tinvoka l-fatt li n-natura u l-istruttura tas-sistema fiskali jiġġustifikaw il-krediti ta’ taxxa inkwistjoni. Il-ħames nett, hija tinvoka fl-aħħar nett, ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 87 KE għal dan il-każ.
1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ tnaqqis fid-dħul fiskali
a) L-argumenti tal-partijiet
121 Confebask issostni li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li tgħid li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni joħolqu tnaqqis fid-dħul fiskali tassumi l-eżistenza ta’ rata ta’ taxxa ġenerali, li fid-dawl tagħha kull tnaqqis mit-taxxa jagħti lok għal telf ta’ riżorsi u, għaldaqstant, għal għajnuna mill-Istat. Issa, Confebask issostni li din ir-rata ma teżistix u tenfasizza li l-leġiżlazzjonijiet kollha tal-Istati Membri jipprovdu forom ta’ eżenzjonijiet. Barra minn hekk, in-Normas Forales ikkontestati għandhom l-għajn li jinċentivaw l-investimenti. Huma b’hekk jiġġeneraw dħul, peress li dawn l-investimenti nnifishom jiġu intaxxati.
122 Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
123 Skont l-Artikolu 87(1) KE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.
124 Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna ma jinkludix biss miżuri pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-6/97, Ġabra p. I-2981, punt 15).
125 Issa, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu eżenzjoni fiskali lil ċerti impriżi li, għalkemm ma tkunx tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji tagħha f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-persuni taxxabbli l-oħra, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 14).
126 F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % inkwistjoni jagħti lill-impriżi benefiċjarji tnaqqis fl-ispejjeż fiskali tagħhom ekwivalenti għal 45 % mill-ammont tal-investiment eliġibbli, hekk kif il-Kummissjoni, ġustament, osservat fid-deċiżjonijiet ikkontestati (punt 54 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 62 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894). Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan il-kreditu ta’ taxxa, l-impriża għanda tħallas l-ammont finali kollu tat-taxxa dovuta. L-impriża benefiċjarja ta’ dan il-kreditu ta’ taxxa tinsab għaldaqstant f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik ta’ persuni taxxabbli oħra.
127 Bil-kontra ta’ dak li ssostni Confebask, għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament qieset li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni jimplikaw telf ta’ dħul fiskali.
128 F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni ta’ Confebask li tgħid li l-Kummissjoni bbażat ir-raġunament tagħha fuq rata ta’ taxxa ġenerali mhija sostnuta mkien. Bil-kontra, mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-Kummissjoni rreferiet għal-livell normali tat-taxxa li jirriżulta mis-sistema fiskali inkwistjoni (punt 56 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 64 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894).
129 Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li d-dritt fiskali tal-Istati Membri jipprovdi bosta każi ta’ eżenzjoni ma tbiddilx in-natura tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
130 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni huma intiżi li jinċentivaw l-investimenti, bil-għan li fit-tul jiġi ġġenerat dħul, għandu jitfakkar li l-għan imfittex minn miżura ma jistax jippermettilha li taħrab mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 79; sentenza Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 63). Barra minn hekk, dan l-argument huwa diffiċilment konċiljabbli mal-għoti ta’ tnaqqis fiskali (sentenzi Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq, punt 62, u Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 64).
131 L-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq tnaqqis tad-dħul fiskali, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.
2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
a) L-argumenti tal-partijiet
132 Fl-ewwel lok, Confebask issostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati mhijiex suffiċjenti, fir-rigward tal-Artikolu 253 KE, għal dak li jikkonċerna l-inċidenza fuq il-kummerċ u l-preġudizzju fuq il-kompetizzjoni u tinvoka b’mod partikolari s-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq (punt 66). Is-serjetà tal-konsegwenzi inerenti għad-deċiżjonijiet ikkontestati teżiġi motivazzjoni partikolarment stretta. Skont Confebask, il-Kummissjoni tqis, b’mod żbaljat, li l-krediti ta’ taxxa joħolqu distorsjoni tal-kummerċ sa fejn il-benefiċjarji tagħhom jistgħu jipparteċipaw fil-kummerċ intra-Komunitarju, madankollu ma tressaq l-ebda element speċifiku f’dan ir-rigward. Hija tippreżenta biss data ġenerali dwar l-esportazzjoni u d-dipendenza esterna tal-ekonomija Baska, mingħajr ma tippreżenta studju tas-suq li jikkonċerna s-settur ekonomiku li ġie sfavoreġġat.
133 Fit-tieni lok, Confebask tikkontesta, f’kull każ, il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inċideza fuq il-kummerċ. Hija ssostni li, għalkemm il-pressjoni fiskali globali tista’, jekk ikun il-każ, tinfluwenza l-istrateġija tal-impriżi, madankollu, dan mhuwiex il-każ ta’ sempliċi inċentiv ta’ natura temporanja, li ma jikkostitwixxix fattur determinanti tal-kompetittività tal-impriżi. Għaldaqstant l-argument li l-impriżi jew is-setturi li jibbenefikaw minn xi tip ta’ vantaġġ fiskali jiġu sistematikament ikkunsidrati bħal li jinsabu f’kundizzjonijiet aħjar ta’ kompetizzjoni ma jistax jintlaqa. Barra minn hekk, skont ċerti studji, l-inċentivi fiskali adottati mill-awtoritajiet Baski kellhom biss influwenza żgħira. Dawn l-istudji juru, barra minn hekk, li l-pressjoni fiskali fil-Pajjiż Bask Spanjol kienet ogħla minn dik fil-bqija tar-Renju ta’ Spanja. B’hekk, il-krediti ta’ taxxa kkritikati mhumiex fihom infushom ta’ natura li jkollhom inċidenza fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Barra minn hekk, il-pressjoni fiskali mhijiex l-uniku element li jinfluwenza l-imġieba ekonomika tal-impriżi. Jeħtieġ ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi bħal-leġiżlazzjonijiet dwar il-kummerċ u dwar ix-xogħol jew is-sigurtà soċjali. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom influwenza ħafna iktar superjuri minn dik li l-Kummissjoni tagħti lill-krediti ta’ taxxa inkwistjoni, u l-Kummissjoni ma wrietx fhiex id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiddistingwu ruħhom minn kull differenza oħra li teżisti bejn il-leġiżlazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri.
134 Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
135 Skont l-Artikolu 87(1) KE, hija biss l-għajnuna mill-Istat li “tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri” u li “twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni” li hija inkompatibbli mas-suq komuni.
136 Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jingħataw spjegazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 65).
137 F’dan il-każ, mill-punt 57 tad-Deċiżjoni 2002/820 u mill-punt 65 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894 jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq rapporti ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Gvern Bask u kkonstatat li “l-ekonomika Baska [kienet] ekonomija miftuħa ħafna lejn l-estern u b’inklinazzjoni kbira ta’ esportazzjoni tal-produzzjoni tagħha” kif ukoll li “minn dawn il-karatteristiċi tal-ekonomija Baska [kien] jirriżulta li l-impriżi benefiċjarji [kienu] jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri”. Minn dan hija kkonkludiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għajnuna inkwistjoni kienet issaħħaħ il-pożizzjoni tal-impriżi benefiċjarji meta mqabbla ma impriżi kompetitriċi oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju u li b’hekk kien hemm inċidenza fuq dan il-kummerċ. Hija żiedet li “l-impriżi benefiċjarji [kienu jaraw] li l-vijabbiltà tagħhom tjiebet minħabba ż-żieda fir-riżultat net tagħhom (profitt wara t-taxxi)” kif ukoll li “huma [kienu] b’hekk f’pożizzjoni li jikkompetu mal-impriżi li ma [kinux] jibbenefikaw mill-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 %, jew minħabba li huma ma [kinux] investew, jew minħabba li l-investimenti tagħhom ma [kinux] kisbu l-limitu ta’ ESP 2.5 biljun wara l-introduzzjoni tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % inkwistjoni”.
138 It-tali motivazzjoni turi għaldaqstant b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-effetti tal-krediti ta’ taxxa fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni. Din tippermetti li l-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha.
139 Id-deċiżjonijiet ikkontestati jiddistingwu rwieħhom, f’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, invokata minn Confebask. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, sabiex tikkonkludi li kien hemm preġudizzju fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kienet illimitat ruħha li sempliċement tafferma li l-għajnuna kienet selettiva u riżervata għas-settur tan-navigazzjoni f’Sardegna (l-Italja). Issa, jirriżulta minn dak li jippreċedi li dan mhuwiex il-każ fid-deċiżjonijiet ikkontestati.
140 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ppreżentatx studju dwar is-settur ekonomiku li ġie ppenalizzat, ġaladarba r-regoli fiskali inkwistjoni għandhom natura intersettorjali u li, barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli ma ssodisfawx it-talba għal informazzjoni li kienet tinsab fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni fomali li taw lok għad-deċiżjonijiet ikkontestati.
141 Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, għandu jitqies li d-deċiżjonijiet ikkontestati jesponu biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-miżuri inkwistjoni joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollhom inċidenza fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE f’dan ir-rigward.
142 Rigward il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, meta għajnuna finanzjarja mogħtija minn Stat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta pparagunata ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala influwenzati mill-għajnuna, minkejja li l-impriża benefiċjarja stess ma tipparteċipax fl-esportazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 47, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, T-217/02, Ġabra p. II-4483, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tistabbilixxi impatt reali ta’ din il-miżura fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 44).
143 Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 91; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 68). F’każ bħal dak inkwistjoni, fejn s-sistemi fiskali inkwistjoni ma ġewx innotifikati, mhuwiex neċessarju li l-motivazzjoni f’dan ir-rigward tkun tinkludi evalwazzjoni aġġornata tal-effetti tal-iskemi fuq il-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 48).
144 F’dan il-każ, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza fuq il-kummerċ, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati (punt 57 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 65 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894), mill-karatteristiċi tal-ekonomija Baska jirriżulta li l-impriżi benefiċjarji jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kummerċ bejn Stati Membri.
145 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-vantaġġi fiskali inkwistjoni jista’ jkollhom inċidenza fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.
146 Fir-rigward, barra minn hekk, tar-rekwiżit dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-krediti ta’ taxxa, billi jħaffu l-piżijiet tal-impriżi li jibbenefikaw minnhom, itejbu l-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn l-impriżi benefiċjarji meta mqabbla mal-impriżi kompetitriċi li ma jibbenefikawx minn dawn il-vantaġġi. Għaldaqstant minn dan tirriżulta distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew, minn tal-inqas, theddida li jkun hemm tali distorsjoni.
147 B’hekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, f’dan il-każ, li l-krediti ta’ taxxa kienu tali li jkollhom inċidenza fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u li joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.
148 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li dawn il-vantaġġi fiskali huma ta’ natura temporanja, li l-influwenza tagħhom hija limitata u mhux determinanti, jew saħansitra li ma jikkostitwixxux l-uniku element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma teħtieġx li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew it-theddida ta’ tali distorsjoni u l-impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jkunu kunsiderevoli jew sostanzjali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 94).
149 Bl-istess mod, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, l-argument ibbażat fuq differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri huwa irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat.
150 Għaldaqstant it-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ inċidenza fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati f’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
3. Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura ġenerali tal-miżuri fiskali
a) L-argumenti tal-partijiet
151 Confebask tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jagħtu vantaġġ selettiv. Hija ssostni li dawn huma leġiżlazzjonijiet fiskali ta’ natura ġenerali u li l-operaturi kollha jistgħu jibbenefikaw minnhom. Bl-istess mod, in-Normas Forales inkwistjoni ma jirrigwardaw ebda speċifiċità reġjonali, peress li dawn japplikaw għall-impriżi kollha li jinsabu fiż-żona territorjali tat-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa u huma intiżi biss sabiex jiffavorixxu l-investimenti importanti. F’dan ir-rigward, Confebask tqis li l-Kummissjoni wriet ċerta inkoerenza meta warrbet, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, l-element ibbażat fuq l-ispeċifiċità reġjonali tal-miżura, li wara kollox issemma fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
152 Confebask issostni li l-kriterju tal-limitu minimu ta’ investiment, użat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, imur kontra l-kriterji applikati fl-imgħoddi u ma jissemmiex fl-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali lill-impriżi (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), li jgħid, barra minn dan, li miżuri fiskali ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat biss minħabba li ċerti impriżi jew ċerti setturi huma inqas ikkonċernati minn oħrajn (Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali lill-impriżi, punt 14).
153 Confebask tirreferi wkoll għall-XXVIIIth Report on Competition Policy (punt 207), adottat mill-Kummissjoni, li jgħid li għandha ssir distinzjoni, minn fost il-miżuri fiskali, “bejn il-każijiet fejn il-benefiċjarji huma ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet […] u l-każijiet fejn il-miżuri inkwistjoni għandhom effetti intersettorjali u jkunu intiżi sabiex jiffavorixxu l-ekonomika kollha kemm hi [;] f’din it-tieni sitwazzjoni, il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE] iżda miżura ġenerali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
154 Hija żżid li s-sistemi fiskali ta’ spiss jinvolvu kriterji kwantitattivi kif ukoll li l-użu tat-tali kriterju sabiex tiġi konkluża s-selettività ta’ miżura fiskali prattikament jissuġġetta d-dispożizzjonijiet fiskali kollha tal-Istati Membri għal eżami mill-perspettiva tal-għajnuna mill-Istat. Fl-opinjoni tagħha, dan it-tip ta’ stħarriġ imur lilhinn minn dak li jipprovdi t-Trattat.
155 Barra minn hekk, Confebask issostni li l-miżuri inkwistjoni huma miżuri ġenerali, ġaladarba d-Diputaciones Forales ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali. Fl-opinjoni tagħha, il-krediti ta’ taxxa jingħataw awtomatikament u l-awtoritajiet jivverifikaw sempliċement jekk il-persuni taxxabbli jissodisfawx ir-rekwiżiti meħtieġa biex jibbenefikaw minnhom. Hija żżid li s-sistema legali Spanjola tipprojbixxi li l-amministrazzjoni timxi b’mod arbitrarju. Barra minn hekk, Confebask issostni li, billi jipprovdu li l-awtoritajiet għandhom jiddeterminaw l-ammont tal-investiment permezz ta’ deċiżjoni li tiffissa t-termini u l-limiti applikabbli għall-krediti ta’ taxxa, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistabilixxu “mekkaniżmu ta’ amministrazzjoni” li jippermetti li jiġi vverifikat jekk ġewx sodisfatti r-rekwiżiti imposti, mingħajr ma tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lid-Diputaciones.
156 Fl-aħħar nett, Confebask tosserva li regola ta’ portata ġenerali tistabilixxi għajnuna mill-Istat biss jekk hija tifforma “qafas ‘leġiżlattiv li jippermetti [li din] tingħata [...] mingħajr formalitajiet ulterjuri’; jiġifieri jekk ma jeżisti ebda marġni ta’ diskrezzjoni”. Min-naħa l-oħra, jekk, bħal ma timplika l-fehma tal-Kummissjoni, għandu jiġi konluż li n-Normas Forales kontenzjużi kienu sempliċi miżuri ta’ awtorizzazzjoni, dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. F’kull ipoteżi, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma għaldaqstant “neqsin minn kontenut”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
157 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, tikkontesta dan l-argument.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
158 Għandu jitfakkar li l-ispeċifiċità ta’ miżura tal-Istat, jiġifieri n-natura selettiva tagħha, tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni tagħtix lok jew le għal vantaġġi jew vantaġġi esklużivi għal ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attività (sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 26).
159 F’dan il-każ, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni tibbaża n-natura selettiva tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fuq l-ammont minimu ta’ investiment (ESP 2.5 biljun) li jillimita l-applikabbiltà tal-kreditu ta’ taxxa biss għal dawk l-impriżi li jistgħu jwettqu t-tali investimenti u, sussidjarjament, fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjonijiet fiskali (punti 60 u 61 tad-Deċiżjoni 2002/820; punti 68 u 69 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894; ara l-punt 28 iktar ’il fuq).
160 Għandu jiġi kkunsidrat, qabel kollox, li Confebask ma tistax tinvoka l-inkoerenza tad-deċiżjonijiet ikkontestati, minħabba li l-Kummissjoni warrbet l-element ibbażat fuq l-ispeċifiċità reġjonali tal-miżuri inkwistjoni, allegatament imsemmi fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex tikkonkludi li dawn huma ta’ natura selettiva. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet mhumiex ibbażati fuq l-ispeċifiċità reġjonali tal-iskemi inkwistjoni u, għaldaqstant, dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara l-punt 22 iktar ’il fuq, u s-sentenza Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punti 19, 20 u 56).
161 Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet ikkontestati (punt 60 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 68 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894) jirriżulta li huma biss l-impriżi li joħolqu investimenti li jaqbżu l-limitu ta’ ESP 2.5 biljun (EUR 15 025 303), u dan wara l-1 ta’ Jannar 1995 (Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894), li jistgħu jibbenefikaw mill-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % inkwistjoni. L-impriżi l-oħra kollha, anki meta dawn jinvestu, mingħajr madankollu ma jaqbżu l-limitu ċċitat iktar ’il fuq, huma esklużi milli jibbenefikaw mill-vantaġġ inkwistjoni.
162 Għandu jiġi kkonstatat li, billi jillimitaw l-applikazzjoni tal-kreditu ta’ taxxa għall-investimenti f’assi tanġibbli ġodda li jaqbżu l-ESP 2.5 biljun, l-awtoritajiet Baski rriżervaw il-vantaġġ fiskali inkwistjoni għall-impriżi li għandhom riżorsi finanzjarji importanti. Il-Kummissjoni għaldaqstant setgħet ġustament tikkonkludi li l-krediti ta’ taxxa previsti fin-Normas Forales inkwistjoni kienu ta’ natura li japplikaw b’mod selettiv fil-konfront ta’ “ċerti impriżi” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenzi Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 157, u Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq, punt 39).
163 Barra minn hekk, il-fatt li s-sistemi fiskali ta’ spiss jinvolvu kriterji kwantitattivi ma jippermettix li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ, billi joħolqu vantaġġ fiskali li jiffavorixxi l-impriżi li għandhom riżorsi finanzjarji importanti, jaħarbu mill-portata tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq, punt 40).
164 L-argumenti bbażati fuq l-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali lill-impriżi ma jippermettux li jiġi konkluż li l-miżuri inkwistjoni huma ta’ natura ġenerali. Fil-fatt, din l-avviż jipprovdi li l-miżuri ġenerali ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, anki jekk ċerti impriżi jew ċerti setturi jibbenefikaw minnhom iktar minn oħrajn. Issa, f’dan il-każ, il-miżuri inkwistjoni mhumiex ġenerali, ġaladarba, kif ġie osservat preċedentement (ara l-punt 162 iktar ’il fuq), huma biss ċerti impriżi li jistgħu jibbeneifikaw minnhom.
165 Barra minn hekk, l-iskemi inkwistjoni f’dan il-każ, minkejja li huma ta’ natura intersettorjali, jirriżervaw il-vantaġġi lil ċerti impriżi li jaqgħu taħt is-sistemi fiskali Baski. Huma ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu li huma intiżi sabiex jiffavorixxu l-ekonomija kollha, fis-sens intiż mill-Kummissjoni fl-XXVIIIth Report on Competition Policy, invokat minn Confebask (ara l-punt 153 iktar ’il fuq), u, b’hekk, huma ma jistgħux jaħarbu mill-klassifikazzjoni ta’ miżuri selettivi.
166 Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni jikkostitwixxu vantaġġ selettiv, “favur ċerti impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.
167 Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex jiġi stabbilit li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ speċifiċità li tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li jiġi eżaminat jekk in-natura selettiva tal-miżuri inkwistjoni tirriżultax ukoll mis-setgħa diskrezzjonali jew le tal-amministrazzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-501/00, Ġabra p. I-6717, punti 120 u 121, u s-sentenza Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 160), u dan iktar u iktar peress li dan il-kriterju tas-setgħa diskrezzjonali jew le tal-amministrazzjoni, f’dan il-każ, jintuża sussidjarjament mill-Kummissjoni (punt 61 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 69 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894).
168 F’kull każ, fir-rigward tan-natura diskrezzjonali jew le tas-setgħa tad-Diputaciones Forales f’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-argumenti ta’ Confebask f’dan ir-rigward diġà nċaħdu mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % previst mis-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994 de Álava, inkwistjoni fis-sentenzi Demesa, punt 43 iktar ’il fuq (punti 150 sa 154), u Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq (punti 32 sa 35). Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset għaldaqstant li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni, li tippermettilha b’mod partikolari li tbiddel l-ammont jew il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni skont il-karatteristiċi tal-pjanijiet ta’ investimenti suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha.
169 Fir-rigward tal-emendi tas-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994 de Álava, li kienet inkwistjoni fis-sentenzi Demesa u Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq, għas-snin 1998 u 1999 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), dawn jintroduċu l-kunċett ta’ “proċess ta’ investiment”, li fl-ambitu tiegħu jistgħu jidħlu l-investimenti li, “magħmula fil-fażi ta’ tħejjija tal-pjan li huwa l-bażi tal-investimenti, għandhom relazzjoni neċessarja u diretta ma’ dan il-proċess”. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunċetti mhumiex iddefiniti, b’mod li s-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni tibqa’ f’dan ir-rigward.
170 Fir-rigward tal-krediti ta’ taxxa applikabbli fit-Territorios Históricos de Vizcaya u de Guipúzcoa, mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) jirriżulta li d-Diputaciones Forales għandhom setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont li għalih il-kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % huwa applikabbli, it-tul tal-proċess ta’ investiment u l-portata tal-kunċett ta’ investiment eliġibbli għall-krediti ta’ taxxa. Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni kkonstatat mingħajr ma ġiet kontradetta (punt 69 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894), il-kunċetti ta’ “proċess ta’ investiment” u ta’ “fażi ta’ tħejjija tal-investiment”, mhumiex iddefiniti, b’mod li hija setgħet, ġustament, tikkonkludi li l-awtoritajiet reġjonali kellhom marġni ta’ diskrezzjoni fis-suġġett.
171 Fl-aħħar nett, kif il-Kummissjoni enfasizzat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, mhuwiex neċessarju, sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni ta’ miżura ġenerali, li jiġi vverifikat jekk l-imġieba tal-amministrazzjoni hijiex ta’ natura arbitrarja. Huwa biss meħtieġ li jiġi kkonstatat, kif fil-fatt sar f’dan il-każ, li din l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali (sentenza Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 154).
172 Fl-aħħar nett, l-argument li jgħid li għalkemm huwa paċifiku li l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali, madankollu l-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala sempliċi awtorizzazzjonijiet li ma għandhomx jiġu nnotifikati, għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-għoti tal-krediti ta’ taxxa b’mod preċiż u għaldaqstant, ġustament, ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala skemi ta’ għajnuna li għandhom jiġu notifikati.
173 Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu miżuri selettivi.
4. Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-ġustifikazzjoni tal-miżuri fiskali min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali
a) L-argumenti tal-partijiet
174 Confebask issostni li t-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa jiddeċiedu, b’mod indipendenti, is-sistema fiskali tagħhom skont politika ekonomika adottata minn organi rappreżentattivi eletti demokratikament. Id-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni jikkostitwixxu għaldaqstant strument ta’ politika fiskali u ta’ organizzazzjoni ekonomika derivanti mill-għażliet politiċi u ekonomiċi tal-Istat, u bħala tali ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ investigazzjoni fuq livell Komunitarju.
175 Confebask issostni, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet fiskali kontenzjużi għandhom natura oġġettiva u orizzontali kif ukoll effett benefiku fuq l-impjiegi u fuq l-investiment, perfettament kompatibbli man-natura u mal-istruttura tas-sistemi fiskali inkwistjoni.
176 Fl-aħħar nett, l-introduzzjoni ta’ vantaġġi fiskali skont ċerti limiti minimi ta’ investiment timxi mal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Dan l-għan jikkonsisti fil-ġbir ta’ taxxi fuq l-attivitajiet tal-impriżi, filwaqt li jippromwovi l-iżvilupp tagħhom, sabiex tinżamm il-kapaċità tagħhom li jħallsu t-taxxi. F’din il-perspettiva, huwa loġiku li l-miżuri fiskali kkontestati ma jassimilawx l-investimenti ż-żgħar mal-investimenti l-kbar.
177 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, tikkontesta dan l-argument bħala infondat.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
178 Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-fatt li t-Territorios Históricos għandhom awtonomija fiskali rikonoxxuta u protetta mill-Kostituzzjoni Spanjola ma jeżentahomx milli josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 87(1) KE, meta jsemmi l-għajnuna “ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”, jirreferi għall-kull għajnuna ffinanzjata permezz ta’ riżorsi pubbliċi. B’hekk il-miżuri meħuda minn entitajiet intra-Statali (deċentralizzati, federati, reġjonali jew oħrajn) tal-Istati Membri, indipendentement mill-istatus ġuridiku u l-kompetenzi tagħhom, jidħlu, l-istess bħall-miżuri meħuda mill-awtorità federali jew ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ġew sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 17, u s-sentenza Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq, punt 57).
179 Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-ġustifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni “permezz tan-natura jew l-istruttura tas-sistema” tirreferi għall-koerenza ta’ miżura fiskali speċifika mal-loġika interna tas-sistema fiskali b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 39). B’hekk, miżura fiskali speċifika li hija ġġustifikata mil-loġika interna tas-sistema fiskali – bħall-progressività tat-taxxa li hija ġġustifikata mil-loġika redistributtiva tagħha – ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza Denesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 164).
180 F’dan il-każ, Confebask tallega li l-miżuri fiskali inkwistjoni huma bbażati fuq kriterji oġġettivi u huma ta’ natura orizzontali. Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat preċedentement (ara l-punti 158 sa 166 iktar ’il fuq), il-miżuri inkwistjoni huma wkoll ta’ natura selettiva u dawn l-argumenti ma jippermettux li dawn jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu miżuri ġustifikati mil-loġika interna tas-sistema fiskali kkonċernata.
181 Sussegwentement, Confebask issostni li l-introduzzjoni ta’ limitu minimu ta’ investiment jikkorrispondi mal-għan tad-dispożizzjonijet inkwistjoni, jiġifieri li jiġu inċentivati l-investimenti fit-tliet Territorios Históricos kif ukoll li tinżamm il-kapaċità tal-impriżi li jħallsu t-taxxi.
182 Issa, il-fatt li l-vantaġġ ta’ għajnuna jiġi riżervat għal kategorija limitata ta’ impriżi ma jirriflettix rieda ġenerali li jiġi inċentivat l-investiment.
183 Barra minn hekk, b’dan il-mod, Confebask tikkuntenta ruħha li tirreferi għal għanijiet ġenerali ta’ politika ekonomika esterni għas-sistema fiskali kkonċernata.
184 Issa, l-għan imfittex mill-miżuri inkwistjoni ma jistax jippermettilhom li jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, li kieku wieħed kellu jsegwi dan l-argument, ikun suffiċjenti li l-awtoritajiet pubbliċi jinvokaw il-leġittimità tal-għanijiet intenzjonati permezz tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura ġenerali, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Issa, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni skont ir-raġunijiet jew l-għanijiet wara l-interventi mill-Istati, iżda tiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 20, u s-sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 53).
185 Għaldaqstant, il-miżuri fiskali speċifiċi inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala ġġustifikati min-natura jew mill-istruttura tas-sistema fiskali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.
186 B’hekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li krediti ta’ taxxa li jikkorrispondu għal 45 % mill-ammont tal-investiment jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.
5. Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 87(1) KE fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni
187 Fil-kuntest tat-tweġiba tagħha tat-3 ta’ Frar 2005 għall-mistoqsijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01 (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), Confebask tosserva li, fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, u Ramondín et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienu sostnew li miżura fiskali, adottata qabel ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 1997, dwar kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi (ĠU 1998, C 2, p. 2), u l-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali lill-impriżi, hija eskluża mill-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Confebask tiddikjara li ssostni dan l-ilment, li kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li kien ġdid u għaldaqstant inammissibbli.
188 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dan l-ilment, imqajjem fil-kuntest ta’ tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Dan jikkostitwixxi, fil-fatt, motiv ġdid ippreżentat waqt il-proċeduri, mingħajr madankollu ma jibbaża ruħu fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li rriżultaw matul il-proċeduri.
189 Huwa minnu li motiv li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promutur għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il-Parlament, 306/81, Ġabra p. 1755, punt 9, u tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-301/97, Ġabra p. I-8853, punt 169).
190 Madankollu, anki li kieku kellu jitqies li l-ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 87 KE fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni, jista’ jiġi kkunsidrat bħala estensjoni tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, eżaminat fil-punti 120 sa 186 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li f’kull każ dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
191 Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi li jippermettu li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tagħhom. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat, jirriżultaw, għall-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftihem, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T-106/95, Ġabra p. II-229, punt 124; id-digriet Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 49, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 2007, FG Marine vs Il-Kummissjoni, T-360/04, Ġabra p. II-92, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
192 Issa, f’dan il-każ, l-ilment allegat bl-ebda mod mhuwa espliċitu. Fil-fatt, Confebask tillimita ruħha li tirreferi għall-argumenti li ġew ippreżentati, f’dan ir-rigward, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rikorrenti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Demesa u Ramondín, punt 45 iktar ’il fuq.
193 Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 87 KE għall-miżuri inkwistjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
194 Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
B – Fuq il-motiv ibbażat fuq l-allegata kompatibbiltà tan-Normas Forales mas-suq komuni (Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
1. L-argumenti tal-partijiet
195 Fl-ewwel lok, Confebask issostni li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma inkompatibbli mas-suq komuni, peress li jeskludu li jieħdu espliċitament inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet Komunitarji li jikkonċernaw l-għajnuna settorjali, reġjonali jew ta’ tip ieħor. Confebask tiddeduċi minn dan li, sabiex jiġu osservati r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ir-regoli nazzjonali li jikkostitwixxu l-oneru fiskali għandhom jippreċiżaw l-impriżi li fil-konfront tagħhom dawn ma japplikawx, taħt piena ta’ inkompatibbiltà mas-suq komuni. Issa, Confebask issostni li d-dritt fiskali ma għandux ikun jinkludi dan it-tip ta’ preċiżazzjonijiet/indikazzjonijiet speċifiċi. F’kull każ, Confebask tqis li l-Kummissjoni jmissha spjegat konkretament fhiex l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni, anki fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjonijiet/indikazzjonijiet speċifiċi.
196 Fit-tieni lok, Confebask tikkritika lill-Kummissjoni talli kkonkludiet li n-Normas Forales huma inkompatibbli mal-linji gwida tal-1998 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), wara investigazzjoni strettament formali u astratta, mingħajr ma wettqet investigazzjoni konkreta, u dan minkejja li l-linji gwida huma neqsin minn effett legali obbligatorju u għaldaqstant ma jistgħux iservu, mingħajr analiżi ddettaljata, bħala bażi għall-inkompatibbiltà ta’ għajnuna.
197 Il-Kummissjoni sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
198 Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesa’ taħt l-Artikolu 87(3) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 56, u tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 36; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01, Ġabra p. II-2717, punt 148). L-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu għaldaqstant ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazjoni u ta’ abbuż ta’ poter. Il-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (ara s-sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).
199 Fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema kkonċernata, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 91; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 68).
200 Għandu jiġi osservat li, permezz tal-argument tal-ksur tal-Artikolu 87(3) KE, Confebask essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjonijiet ikkontestati.
201 Mid-deċiżjonijiet ikkontestati (punti 77 sa 93 tad-Deċiżjoni 2002/820; punti 84 sa 99 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894) jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE fid-dawl tar-regoli Komunitarji applikabbli fil-qasam tal-għajnuna b’għan reġjonali [punti 77, 78 u 86 tad-Deċiżjoni 2002/820; punti 84, 85 u 92 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894, li jirreferu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-metodu għall-applikazzjoni tal-Artikolu [87](3)(a) u (ċ) għall-għajnuna reġjonali (ĠU 1988, C 212, p. 2) u għal-Linji Gwida tal-1998 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq)], fil-qasam tal-għajnuna għall-investiment [punti 82, 89 u 92 tad-Deċiżjoni 2002/820 u punti 88, 95 u 98 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894, li jirreferu għall-Ewwel Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 1971, tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iskemi ġenerali ta’ għajnuna b’għan reġjonali (ĠU C 111, p. 1), għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-iskemi ta’ għajnuna b’għan reġjonali (ĠU 1979, C 31, p. 9) u għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq qafas multisettorjali tal-għajnuna b’għan reġjonali favur proġetti kbar ta’ investiment (ĠU 1998, C 107, p. 7)], fil-qasam tal-għajnuna lill-impriżi żgħar u medji (SMEs) [punti 81 u 88 tad-Deċiżjoni 2002/820; punti 87 u 94 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894, li jirreferu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-qafas Komunitarju tal-għajnuni għall-SMEs (ĠU 1992, C 213, p. 2)] u fil-qasam tal-għajnuna lill-impriżi f’diffikultà [punt 93 tad-Deċiżjoni 2002/820 u punt 99 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894, li jirreferu għal-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà (ĠU 1994, C 368, p. 12), emendati mil-Linji Gwida tal-1999 (ĠU C 288, p. 2)].
202 Qabel kollox, il-Kummissjoni indikat li l-krediti ta’ taxxa jidhru li jistgħu jissodisfaw, minn tal-inqas parzjalment, ir-rekwiżiti imposti mil-Linji Gwida tal-1998, peress li, minn naħa, huma kellhom l-ispejjeż ta’ investiment bħala bażi u, min-naħa l-oħra, huma kienu jitħallsu sa madwar 45 % tal-investiment (ara l-punt 77 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 84 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894). Sussegwentement, hija esponiet li dawn ma setgħux madankollu jibbenefikaw minn waħda mid-derogi reġjonali previsti fl-Artikolu 87(3) KE. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li t-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa ma kinux eliġibbli għad-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) KE minħabba prodott gross domestiku għal kull abitant għoli wisq (ara l-punt 78 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 85 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894). Hija żiedet li l-krediti ta’ taxxa lanqas ma setgħu jiġu awtorizzati abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, ġaladarba l-kobor tagħhom kien jaqbeż il-limiti previsti fil-mapep ta’ għajnuna reġjonali suċċessivi (punt 79 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 86 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894). Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, barra minn hekk, huma setgħu jikkonċernaw investimenti ta’ sostituzzjoni, kif ukoll spejjeż marbuta mal-“proċess ta’ investiment” jew mal-“investimenti fil-fażi ta’ preparazzjoni”. Issa, fin-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża ta’ dawn il-kliem, il-Kummissjoni qieset li ma setax jiġi eskluż li s-suġġett tal-għajnuna inkwistjoni seta kien l-investiment inizjali, iżda wkoll spejjeż oħra li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż ta’ investiment b’applikazjoni tar-regoli Komunitarji applikabbli fis-suġġett (punt 82 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 88 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894). Hija indikat li l-miżuri inkwistjoni ma kinux riżervati għaż-żoni eliġibbli, u lanqas ma tqiegħed limitu fuqhom u għaldaqstant ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli taħt id-deroga reġjonali prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE (punt 84 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 90 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894).
203 Rigward il-miżuri favur spejjeż ta’ investiment li ma jissodisfawx id-definizzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni qieset li dawn kienu jagħmlu parti mill-kategorija tal-għajnuna għat-tħaddim, li bħala prinċipju hija pprojbita, u li ma setgħux, f’dan il-każ, jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) KE (punti 85 u 86 tad-Deċiżjoni 2002/820; punti 91 u 92 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894).
204 Il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni ma setgħux jibbenefikaw mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE dwar l-għajnuna mill-Istat intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet, peress li dawn ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli, la fir-rigward tas-SMEs (punt 88 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 94 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894), u lanqas fir-rigward tal-impriżi l-kbar, peress li l-iskemi inkwistjoni ma kinux jikkonċernaw ċerti attivitajiet (punti 89 u 90 tad-Deċiżjoni 2002/820; punti 95 u 96 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894).
205 Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet settorjali, il-Kummissjoni osservat li jista’ jkun li l-krediti ta’ taxxa ta’ 45 % ma josservawx ir-regoli settorjali (punt 91 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 97 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894).
206 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li l-iskemi inkwistjoni lanqas ma setgħu jibbenefikaw mid-derogi l-oħra previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE (punt 94 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 100 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894). Minn dan hija kkonludiet li l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni kienu inkompatibbli mas-suq komuni.
207 Hija żiedet li d-deċiżjonijiet ikkontestati, li jikkonċernaw skemi ta’ għajnuna, ma kinux jeskludu l-possibbiltà li għajnuna individwali titqies, totalment jew parzjalment, kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-karatteristiċi tagħha stess (punt 98 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 105 tad-Deċiżjoni 2003/27; punt 107 tad-Deċiżjoni 2002/894).
208 Minn dak li jippreċedi jirriżulta li, fid-dawl, minn naħa, tan-natura tal-iskemi ta’ għajnuna tal-miżuri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tan-nuqqas tal-awtoritajiet Spanjoli li jikkomunikaw l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-iskemi inkwistjoni, minkejja t-talbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, l-analiżi tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala astratta.
209 Barra minn hekk, Confebask ma tipprovdi ebda element li b’xi mod isostni n-natura allegatament żbaljata tal-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni. B’mod partikolari, Confebask ma tqajjem ebda argument li jipprova li l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998, f’dan il-każ, b’xi mod kellha inċidenza fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
210 Għalhekk il-motiv li jikkontesta l-inkompatibbiltà tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni mas-suq komuni mhuwiex fondat.
C – Fuq il-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter (Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
1. L-argumenti tal-partijiet
211 Confebask issostni, diversi drabi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter, ġaladarba hija użat il-kompetenzi tagħha taħt l-Artikolu 87 KE bil-għan li tarmonizza s-sistemi fiskali tal-Istati Membri. Confebask issostni li peress li t-tentattivi ta’ armonizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ma rnexxewx, id-deċiżjonijiet ikkontestati jidħlu fil-kuntest ta’ proċess globali, mibdi mill-Kummissjoni, sabiex tiġi armonizzata t-tassazzjoni diretta tal-impriżi permezz tal-għajnuna mill-Istat minnflok ma jintuża l-mezz approprjat, previst f’dan ir-rigward fl-Artikolu 96 KE.
212 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, titlob sabiex dan il-motiv jiġi miċħud.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
213 Għandu jitfakkar li deċiżjoni tagħti lok għal abbuż ta’ poter biss jekk tidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u li jaqblu bejniethom, li ttieħdet bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas determinanti, li tilħaq għanijiet li mhumiex dawk eċepiti (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I-8763, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Ramondín et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 44).
214 Issa, f’dan ir-rigward, Confebask ma tressaq ebda indizju oġġettiva li jippermetti li jiġi konkluż li l-veru għan imfittex mill-Kummissjoni, meta adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, kien dak li tinkiseb armonizzazzjoni fiskali.
215 Barra minn hekk, Confebask lanqas ma turi l-eżistenza ta’ xi tip ta’ armonizzazzjoni ta’ fatt li saret fuq livell Komunitarju permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq, punt 85).
216 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter għandu jiġi miċħud bħala infondat.
D – Fuq il-motiv ibbażat fuq in-natura eżistenti tal-għajnuna inkwistjoni (Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
1. L-argumenti tal-partijiet
217 Confebask issostni li, li kieku kellu jitqies li n-Normas Forales inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, huma għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna eżistenti u l-obbligu ta’ rkupru għandu, konsegwentement, jiġi annullat.
218 Fl-ewwel lok, fil-Kawża T-265/01, Confebask issostni li fl-1981, fl-1983 u fl-1984, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Komunità, it-Territorio Histórico de Álava stabbilixxa krediti ta’ taxxa “sostanzjalment identiċi” għas-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994 de Álava, sabiex jippromwovi l-investimenti. Confebask issemmi f’dan il-kuntest il-kreditu ta’ taxxa ta’ 15 % tal-investiment introdott fl-1981, suġġett għal kundizzjonijiet ta’ żamma ta’ impjieg għal sentejn, żieda fil-persunal u fl-investimenti, fejn din il-perċentwali telgħet għal 20 % fl-1984; il-kreditu ta’ taxxa ta’ 50 % introdott fl-1983 wara l-għargħar tal-1983 li kkawża ħsara fuq l-assi tanġibbli; dak ta’ 50 % tal-investimenti magħmula fl-1984 u fl-1985 ukoll suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari ta’ awtofinanzjament ta’ mill-inqas 25 %. Għaldaqstant, skont Confebask, din hija għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.
219 Fit-tieni lok, fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, Confebask issostni li n-Normas Forales inkwistjoni jidħlu fl-estensjoni tad-dispożizzjonijeit adottati wara l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja fil-Komunità u fir-rigward ta’ liema l-Kummissjoni ma fformulatx oġġezzjonijiet.
220 Confebask issostni, f’dan ir-rigward, fil-Kawża T-270/01, li t-Territorio Histórico de Guipúzcoa implementa, fit-22 ta’ April 1986 u fis-27 ta’ April 1987, in-Normas Forales Nru 4/1986 u 14/1987, li jinvolvu tnaqqis ta’ taxxa ta’ 50 % tal-investimenti, analogi, fl-opinjoni tagħha, għal dawk inkwistjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati.
221 Hija ssostni wkoll, fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, li l-krediti ta’ taxxa, introdotti fl-1988 fit-tliet Territorios Históricos, u s-sistemi fiskali inkwistjoni f’dan ir-rigward huma simili ħafna. Issa, skont Confebask, dawn il-krediti ta’ taxxa tal-1988 ġew awtorizzati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 93/337/KEE tal-10 ta’ Mejju 1993 dwar skema ta’ għajnuna fiskali għall-investiment fil-Pajjiż Bask (ĠU L 134, p. 25). Hija tirreferi, barra minn hekk, għal ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 1995, li tgħid li din tal-aħħar ħadet konjizzjoni tal-fatt li l-inkompatibbiltà tal-krediti ta’ taxxa tal-1988 fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment kienet ġiet korretta.
222 Confebask iżżid li l-ġurisprudenza teżiġi li l-miżura għandha tinbidel sostanzjalment sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala ġdida. Inkwantu l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 isemmi “[kull] tibdil” u b’hekk tirrestrinġi l-kunċett ta’ għajnuna eżistenti, din ma għandhiex tiġi interpretata bi ksur tal-ġurisprudenza, taħt piena li tippreġudika d-drittijiet tal-amministrazzjonijiet u tal-impriżi kkonċernati.
223 Fit-tielet lok, Confebask issostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma r-riżultat ta’ bidla fl-attitudni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-vantaġġi fiskali, ġaladarba l-Kummissjoni qatt qabel ma kienet sostniet, u b’mod partikolari fid-Deċiżjoni 93/337 tagħha fuq il-kediti ta’ taxxa tal-1988, li miżura setgħet tkun “speċifika” għas-sempliċi raġuni li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitata fiż-żmien jew b’mod kwantitattiv. Fid-dawl ta’ dan it-tibdil fid-duttrina, in-Normas Forales inkwistjoni jmisshom ġew ikkunsidrati bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.
224 Confebask tiddeduċi wkoll dan it-tibdil fl-attitudni tal-Kummissjoni mill-fatt li l-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni ddikjara, fis-17 ta’ Marzu 1997, lil delegazzjoni tal-Comunidad autónoma de La Rioja, fir-rigward tal-iskemi ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, stabbiliti fl-1993 mit-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa, li l-investigazzjoni tagħhom kienet eskluża mill-kompetenza tal-“Unjoni Ewropea”. Skont Confebask, din id-dikjarazzjoni tfisser fil-fatt li l-Kummissjoni inizjalment analizzat dawn l-iskemi ta’ eżenzjoni tal-1993 bħala miżuri fiskali ta’ natura ġenerali u mhux bħala għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett, din il-bidla fl-attitudni tal-Kummissjoni ssib l-oriġini tagħha fl-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali lill-impriżi. F’dan ir-rigward, mir-Rapport tal-Kummissjoni C (2004) 434, tad-9 ta’ Frar 2004, fuq l-implementazzjoni ta’ dan l-avviż, jirriżulta li l-għan tiegħu ma kienx biss li tiġi ċċarata l-applikazzjoni fil-qasam tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda wkoll li ssaħħaħhom.
225 Fid-dawl ta’ tali żvilupp, Confebask tqis li n-Normas Forales inkwistjoni għandhom jiġu analizzati bħala għajnuna eżistenti, skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.
226 Fl-aħħar lok, Confebask tenfasizza li l-miżuri fiskali inkwistjoni kellhom baħal għan li “jistimolaw l-investimenti, li setgħu ma jseħħux fin-nuqqas ta’ dan l-inċentiv”. Minn dan hija tiddeduċi li l-irkupru tas-somom inkwistjoni jwassal għall-irtirar ta’ dawn l-investimenti. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ obbligi jqiegħdu lill-impriżi f’sitwazzjoni diffiċli.
227 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
228 It-Trattat KE jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 88(3) KE, tiġi notifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 88(1) KE, tiġi eżegwita b’mod regolari kemm-il darba l-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha (sentenza Banco Exterior de España, punt 125 iktar ’il fuq, punt 22, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II-2319, punt 148). Għaldaqstant, l-għajnuna eżistenti tista’ biss tkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li toħloq effetti fil-ġejjieni (sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 147).
229 L-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999, li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999 u huwa għaldaqstant applikabbli meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, jipprovdi li għajnuna eżistenti tfisser “l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat”.
230 Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-Kawża T-265/01, huwa paċifiku li dawn ġew adottati mit-Territorio Histórico de Álava mill-1994 sal-1999, jiġifieri perijodu meta r-Renju ta’ Spanja kien diġà Stat Membru.
231 Issa, bil-kontra ta’ dak li ssostni Confebask, dawn id-dispożizzjonijiet adottati mill-1994 sal-1999 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “sostanzjalment identiċi” għad-dispożizzjonijiet tal-1981, 1983 u l-1984, li jintroduċu krediti ta’ taxxa, li hija tinvoka (ara l-punt 218 iktar ’il fuq).
232 Fil-fatt, mill-atti tal-proċess, u b’mod partikolari mill-punt 72 tad-Deċiżjoni 2002/820 kif ukoll mir-rikors ta’ Confebask innifisha, jirriżulta li, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, iċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-krediti ta’ taxxa inbidlu u li, min-naħa l-oħra, anki l-bażi u l-perċentwali tal-krediti ta’ taxxa inbidlu. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tan-Normas Forales suċċessivi, li jintroduċu l-krediti ta’ taxxa, huma ta’ applikazzjoni limitata fiż-żmien. Għaldaqstant anki t-tul tal-għajnuna inbidel.
233 Issa, tali tibdil jidher li huwa sostanzjali fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T-35/99, Ġabra p. II-261, punt 62; tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 u T-207/01, Ġabra p. II-2309, punt 111, u Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 175).
234 Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fit-Territorio Histórico de Álava ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.
235 Fit-tieni lok, Confebask issostni li n-Normas Forales inkwistjoni huma l-estensjoni tan-Normas Forales awtorizzati.
236 L-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/199 jipprovdi li għajnuna eżistenti tikkonsisti f’“għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”.
237 L-ewwel nett, fil-Kawża T-270/01, Confebask issostni, f’dan ir-rigward, li t-Territorio Histórico de Guipúzcoa introduċa, fit-22 ta’ April 1986 u fis-27 ta’ April 1987, in-Normas Forales Nru 4/1986 u 14/1987, li jinvolvu miżuri analogi għal dawk inkwistjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati.
238 Madankollu, f’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Confebask imkien ma tistabbilixxi li dawn id-dispożizzjonijiet tal-1986 u l-1987 ġew awtorizzati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, u f’kull każ, dawn id-dispożizzjonijiet kienu jintroduċu vantaġġi fiskali limitati għas-snin 1986 u 1987. B’hekk, anki jekk in-Norma Foral Nru 7/1997 de Guipúzcoa kienet tinvolvi dispożizzjonijiet simili, xorta jibqa’ l-fatt li hija għajnuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 175).
239 It-tieni nett, fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, Confebask issostni li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni fit-Territorios Históricos u l-krediti ta’ taxxa tal-1988, allegatament awtorizzati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 93/337, huma “simili ħafna” (ara l-punt 221 iktar ’il fuq).
240 Issa, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-krediti ta’ taxxa tal-1988 huma sostanzjalment differenti minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ, kemm fir-rigward tal-perċentwali tal-kreditu ta’ taxxa, kif ukoll tal-limitu ta’ investiment eliġibbli u tat-tul tagħhom.
241 Min-naħa l-oħra, Confebask tinterpreta b’mod żbaljat id-Deċiżjoni 93/337 u l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 1995. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kklassifikat l-għajnuna inkwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni mhux biss minħabba li din kienet tmur kontra l-Artikolu 43 KE, iżda wkoll minħabba li din ma kinitx tosserva d-diversi dixxiplini ta’ għajnuna, b’mod partikolari d-dixxiplina ta’ għajnuna reġjonali, dik tal-għajnuna settorjali, dik tal-għajnuna lill-SMEs u dik li tikkonċerna l-aggregazzjoni tal-għajnuna (punt V tad-Deċiżjoni 93/337). Fir-rigward tal-ittra tat-3 ta’ Frar 1995, għandu jiġi kkonstatat li fiha l-Kummissjoni tieħu biss konjizzjoni tal-fatt li s-sistema fiskali inkwistjoni ma tiksirx iżjed l-Artikolu 43 KE mingħajr madankollu ma tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-iskema inkwistjoni tosservax id-diversi dixxiplini ta’ għajnuna msemmija fid-Deċiżjoni 93/337 (ara, f’dan is-sens is-sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 48 u 49, u s-sentenza Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 237).
242 Għaldaqstant, anki li kieku kellhom jitqiesu bħala identiċi għal dawk tal-1988, il-krediti ta’ taxxa inkwistjoni xorta waħda ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ġew awtorizzati mill-Kummissjoni.
243 Fit-tielet lok, Confebask issostni li, fid-dawl tal-bidla fid-duttrina tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ selettività, s-sistemi fiskali inkwistjoni jmisshom ġew ittrattati bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.
244 Skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna eżistenti hija “għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ [jiġi stabbilit] li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu”.
245 Dan il-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq komuni” jista’ jinfthiem bħala bidla fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 71). Tali bidla tista’ b’mod partikolari, tirriżulta mil-liberalizzazzjoni ta’ suq inizzjalment magħluq għall-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ April 2001, Regione autónoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, T-288/97, Ġabra p. II-1169, punt 89).
246 F’dan il-każ, l-argument ta’ Confebask jikkonsisti f’li tinvoka tibdiliet fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.
247 Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi mressqa minn Confebask ma jippermettux li jiġi konkluż li l-kriterji ta’ selettività applikati mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri fiskali mill-perspettiva tal-Artikolu 87(1) KE inbidlu wara l-adozzjoni tal-miżuri fiskali kontenzjużi.
248 Fil-fatt, il-fatt li, fid-Deċiżjoni 93/337, invokata minn Confebask, il-Kummissjoni bbażat is-selettività tal-krediti ta’ taxxa tal-1988 fuq l-applikazzjoni ta’ ċerti kriterji, ma jfissirx madankollu li hija ma setgħetx tikkonstata s-selettività ta’ dawn il-miżuri abbażi ta’ kriterju ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 99). Għaldaqstant dan lanqas ma jfisser li l-Kummissjoni ma setgħetx tuża kriterji oħra sabiex tikkonkludi li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni kienu ta’ natura selettiva, ġaladarba l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji kienet tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ miżura “li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.
249 Bl-istess mod, fl-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali lill-impriżi, il-Kummissjoni, li tistrieh kunsiderevolment fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta-Prim’Istanza, tagħmel xi kjarifiki fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE għall-miżuri fiskali, mingħajr ma tħabbar tibdiliet fil-kriterji ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw il-miżuri fiskali fir-rigward tal-Artikoli 87 KE u 88 KE (sentenzi Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 79, u Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 83). Ir-Rapport C (2004) 434 fuq l-implementazzjoni ta’ dan l-avviż jikkonferma l-għan tal-kjarifika u ta’ tisħiħ tal-applikazzjoni, għall-miżuri fiskali, tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat sabiex jitnaqqsu d-distorsjonjiet tal-kompetizzjoni, billi jippreċiża espliċitament li ma tħabbarx bdil fil-prattika tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Fl-aħħar nett, it-test ta’ mistoqsija ta’ Senatur Spanjol lill-Gvern Spanjol, li jsemmi dikjarazzjonijiet allegatament magħmula mill-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, waqt laqgħa li saret fis-17 ta’ Marzu 1997, ma jistax isservi bħala konferma ta’ bdil fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ selettività.
250 Min-naħa l-oħra, anki li kieku kellu jitqies li Confebask stabbiliet bdil fid-duttrina tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ selettività, tali argument ma jipprovax l-eżistenza ta’ “evoluzzjoni tas-suq komuni” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, dan il-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq komuni” ma jinkludix l-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tbiddel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iżjed stretta tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 71).
251 Għaldaqstant, il-kundizzjoni dwar l-“evoluzzjoni tas-suq komuni” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 mhijiex sodisfatta u l-argument ibbażat fuq in-natura eżistenti tal-miżuri fiskali kontenzjużi għandu għaldaqstant jiġi miċħud.
252 Fl-aħħar lok, l-ebda argument ma jista’ jiġi bbażat fuq id-diffikultajiet li jirriżultaw mill-obbligu ta’ rkupru, ġaladarba l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna eżistenti jew ta’ għajnuna ġdida ma tiddependix mill-eżistenza jew le ta’ tali diffikultajiet.
253 Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm għaldaqstant lok li jiġi konkluż li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna ġdida, li kellha tiġi notifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) KE, u li ma setgħux jiġu implementati qabel ma l-Kummissjoni ma tkun ħadet deċiżjoni finali fuq il-miżuri kkonċernati.
E – Fuq il-motiv ibbażat fuq difett proċedurali u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali (Kawżi T-227/01 sa T-229/01 kif ukoll T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
254 Fl-ewwel lok, fil-kuntest tar-rikorsi tagħha fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, Confebask tqajjem ilment proċedurali intiż sabiex jikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tagħhom fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01 jikkontestaw l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, minħabba li tali rkupru jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
1. Fuq l-ilment ibbażat fuq difett proċedurali
a) L-argumenti tal-partijiet
255 Confebask tikkritika lill-Kummissjoni talli eskludiet bħala tardivi l-argumenti supplimentari li hija żviluppat f’dokument tad-29 ta’ Diċembru 2000. Issa, it-terminu mogħti għall-komunikazzjoni tal-osservazzjonijiet mhuwiex terminu ta’ dekadenza. Billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni dan l-argument, il-Kummissjoni dderogat mill-flessibbiltà li kienet tikkaratterizza l-prattika normali tagħha u kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jobbligaha li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti fil-każ inkwistjoni.
256 Confebask issostni wkoll li l-kummenti supplimentari tagħha setgħu ittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati biss seba’ xhur iktar tard, fil-11 ta’ Lulju 2001. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tagħha kienu bbażati fuq fatt ġdid, jiġifieri l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni 2001/168/KEFA tal-31 ta’ Ottubru 2000 dwar il-liġijiet Spanjoli fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji (ĠU 2001, L 60, p. 57).
257 Fl-aħħar nett, Confebask tindika li hija tkompli ssostni l-argumenti inkwistjoni sabiex jiġu evalwati mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
258 Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
259 L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:
“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali […] ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment ma għandux ikun iktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.”
260 F’dan il-każ, Confebask ikkomunikat osservazzjonijiet lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Jannar u fit-13 ta’ April 2000, jiġifieri fit-terminu ta’ xahar mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mogħti mill-Kummissjoni (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, l-kummenti supplimentari ta’ Confebask, ippreżentati fid-29 ta’ Diċembru 2000 u rreġistrati fit-3 ta’ Jannar 2001, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, minħabba li waslu għandha wara li skada t-terminu u minħabba li Confebask qatt ma ppreżentat talba għall-estensjoni tat-terminu mogħti skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (punt 50 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 46 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894).
261 Confebask essenzjalment tinvoka l-prattika normali tal-Kummissjoni li, fl-opinjoni tagħha, ibbażat l-aspettattivi leġittimi tagħha fil-fatt li l-osservazzjonijiet tagħha kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni, anki jekk ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu.
262 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi b’mod partikolari għal kull persuna li fi ħdana l-istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqot tamiet fondati. Barra minn hekk, ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata).
263 Issa, f’dan il-każ, Confebask imkien ma tistabbilixxi li l-Kummissjoni ggarantiet fil-konfront tagħha, b’assigurazzjonijiet preċiżi, li kummenti supplimentari, anki jekk ippreżentati tardivament, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki fin-nuqqas ta’ talba għall-estensjoni tat-terminu. Confebask, li tinvoka l-prattika tal-Kummissjoni, bl-ebda mod ma ssostni l-affermazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.
264 L-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu għaldaqstant jiġi miċħud f’dan ir-rigward.
265 Barra minn hekk, Confebask issostni li r-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kummenti supplimentari tagħha jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
266 Il-ġurisprudenza tipprovdi li, fost il-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, wieħed isib b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa konness l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 136 iktar ’il fuq, punt 62).
267 Mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara l-punt 259 iktar ’il fuq) jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-partijiet interessati għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw il-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni, li sussegwentement għandha l-kompitu li tadotta, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn il-kummenti, deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas tal-għajnuna jew l-eżistenza ta’ għajnuna kklassifikata bħala kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni. B’hekk din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi applikazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 266 iktar ’il fuq.
268 Għaldaqstant l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li dawn il-kummenti għandhom jiġu ppreżentati f’terminu speċifiku, fir-rigward ta’ liema huwa paċifiku, f’dan il-każ, li dan it-terminu ma ġiex osservat għal dak li jikkonċerna l-kummenti supplimentari ppreżentati minn Confebask fid-29 ta’ Diċembru 2000. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ma tipprovdix il-possibbiltà li parti interessata tippreżenta, fuq l-inizjattiva tagħha biss u wara l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan, kummenti ġodda lill-Kummissjoni.
269 Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati ma jistgħux jippretendu li għandhom id-dritt għal dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal ma għandu dritt għalih l-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna, u ma jistgħux jibbenefikaw minn drittijiet daqstant estiżi bħad-drittijiet tad-difiża bħala tali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 83, u s-sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punti 192 u 193). Il-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, invokat minn Confebask, ma jistgħux jippermettu lill-Qorti Komunitarja testendi d-drittijiet proċedurali mogħtija lill-partijiet interessati, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, permezz tat-Trattat jew tad-dritt derivat (sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 194).
270 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni ta’ Confebask li tgħid li d-Deċiżjoni 2001/168 kienet tikkostitwixxi ċirkustanza ġdida u rilevanti li tiġġustifika l-preżentazzjoni tal-kummenti supplimentari tagħha hija irrilevanti, fis-sens li mhijiex tali li tikkonfuta l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 269 iktar ’il fuq.
271 F’kull każ, in-natura rilevanti tad-Deċiżjoni 2001/168 fil-konfront ta’ din il-kawża ma ġietx ipprovata minn Confebask. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li t-tnaqqis fiskali eżaminat ġie kkunsidrat bħala inkompatibbli mas-suq komuni, iżda li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni irrinunċjat għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Madankollu, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, dawn l-aspettattivi leġittimi kienu jirriżultaw, minn naħa, mill-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti li tiddikjara skema oħra simili bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, minn tweġiba tal-Kummissjoni nnifisha, sitwazzjoni differenti mill-każ inkwistjoni.
272 Konsegwentement, Confebask ma pprovatx li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kummenti supplimentari tagħha f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
273 Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ difett proċedurali għandu jiġi miċħud.
2. Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali
a) L-argumenti tal-partijiet
274 Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01, u l intervenjenti insostenn tagħhom, jikkontestaw l-obbligu ta’ rkupru impost mid-deċiżjonijiet ikkontestati billi jibbażaw rwieħhom fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
275 Huma jsostnu li l-aspettattivi leġittimi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-operaturi ekonomiċi jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ kull reazzjoni tal-Kummissjoni quddiem miżuri li dwarhom hija kellha għarfien kif ukoll mis-sitwazzjoni ekwivoka li b’dan il-mod hija ħolqot tul diversi snin.
276 Confebask issostni wkoll, essenzjalment, li l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi fir-rigward tal-legalità tar-regoli ġenerali li jintroduċu vantaġġi fiskali għandhom jintlaqgħu iktar faċilment milli fil-każ ta’ għajnuna individwali.
277 It-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco isostnu li l-ġurisprudenza li tgħid li l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tippreżumi n-notifika bil-quddiem prevista fl-Artikolu 88 KE, li teżisti fil-qasam ta’ għajnuna individwali, ma tistax tiġi trasposta għall-iskemi ta’ għajnuna.
278 F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tagħhom iqisu li l-aġir tal-Kummissjoni pperswada lill-operaturi ekonomiċi li l-miżuri fiskali kontenzjużi ma kinux kritikabbli mill-aspett tad-dritt Komunitarju.
279 Fl-ewwel lok, huma jinvokaw id-Deċiżjoni 93/337, dwar il-krediti ta’ taxxa tal-1988.
280 Skont Confebask, il-Kummissjoni tat lok għall-aspettattivi tal-operaturi ekonomiċi billi fid-Deċiżjoni 93/337 ma kkritikatx il-krediti ta’ taxxa tal-1988 fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Jidher li l-Kummissjoni kkunsidrat biss li dawn kienu jiksru r-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Meta din l-inkompatibbiltà ġiet korretta, hija aċċettat, b’ittra tat-3 ta’ Frar 1995, li r-Renju ta’ Spanja kien għaldaqstant ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu. Issa, in-Normas Forales inkwistjoni jippreżentaw xebh kbir mal-krediti ta’ taxxa tal-1988. Confebask tirrikonoxxi li dan il-motiv ġie miċħud fis-sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, iżda hija ssostni li dan ma jipprekludix l-annullament, f’dan il-każ, tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna diġà mogħtija. Fil-fatt, hija ssostni li r-rikorrenti, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, kienu invokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mhux biss sabiex jikkontestaw l-irkupru, iżda wkoll sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kreditu tat-taxxa mogħti lilhom. Issa, il-kriterji applikabbli fil-qasam tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat huma differenti minn dawk applikabbli fil-qasam tal-irkupru. B’hekk, il-konstatazzjoni li għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni ma timplikax inevitabbilment ir-rimbors tagħha.
281 It-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco josservaw, min-naħa tagħhom, li l-Kummissjoni ma bbażatx id-Deċiżjoni 93/337 fuq l-ammont minimu ta’ investimenti meħtieġa sabiex jibbenefikaw mill-krediti ta’ taxxa tal-1988. Jidher li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ kriterju ta’ selezzjoni reġjonali u fuq l-esklużjoni ta’ ċerti attivitajiet. Skont il-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria, il-Kummissjoni użat biss dan l-aħħar kriterju. Fl-aħħar mill-aħħar, fiż-żewġ każijiet inkwistjoni, mid-Deċiżjoni 93/337 jirriżulta, a contrario, li limitazzjoni tal-ammont tal-investimenti eliġibbli mhijiex kriterju ta’ selettività. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma eżiġietx l-irkupru tal-għajnuna. Għaldaqstant, jidher li l-Kummissjoni ppreġudikat l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u tal-intervenjenti insostenn tagħhom billi bbażat l-atti kkontestati fuq l-eżistenza ta’ kundizzjoni ta’ għoti tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni fir-rigward ta’ limitu ta’ investiment minimu. Il-Kummissjoni twieġeb inutilment li hija ma għandhiex teżawrixxi l-kriterji kollha possibbli ta’ selettività, peress li t-tali metodoloġija tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
282 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tagħhom fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 jinvokaw l-iskemi ta’ eżenzjoni tal-1993 u l-attitudni tal-Kummissjoni fir-rigward tagħhom. Fil-fehma tagħhom, l-iskemi ta’ eżenzjoni tal-1993 kienu jipprovdu b’mod partikolari krediti ta’ taxxa ta’ 25 %, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, fosthom limitu ta’ investiment minimu ta’ ESP 80 miljun, paragunabbli ma’ dawk tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, huma jenfasizzaw li l-Kummissjoni, li kienet taf dwar l-iskemi tal-1993 minn meta sar ilment fl-14 ta’ Marzu 1994, irreġistrat fit-28 ta’ April 1994, iddikjarahom inkompatibbli mas-suq komuni biss fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2003/28/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja fl-1993 favur ċerti impriżi ġodda kkostitwiti fil-provinċja ta’ Álava (Spanja) (ĠU 2003, L 17, p. 20); 2003/86/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja fl-1993 favur ċerti impriżi ġodda kkostitwiti fil-pronvinċja ta’ Vizcaya (Spanja) (ĠU 2003, L 40, p. 11), u 2003/192/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja fl-1993 favur ċerti impriżi ġodda kkostitwiti fil-provinċja ta’ Guipúzcoa (Spanja) (ĠU 2003, L 77, p. 1), li huma s-suġġett tar-rikorsi fil-Kawżi T-86/02 sa T-88/02.
283 Il-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria jinvokaw ukoll l-aġir tal-Kummissjoni, wara l-ilment tal-14 ta’ Marzu 1994 dwar l-iskemi ta’ eżenzjoni tal-1993. Huma jsostnu li dan l-aġir ħolqilhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-krediti ta’ taxxa kontenzjużi.
284 Fit-tielet lok, it-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco jsostnu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Demesa u Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq, ma setax kellhom inċidenza fuq l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi fin-Normas Forales inkwistjoni. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw biss l-għoti, b’mod individwali, ta’ kreditu ta’ taxxa lil żewġ impriżi li barra minn hekk kienu jibbenefikaw minn għajnuna oħra.
285 Fir-raba’ lok, il-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria, intervenjenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, jinvokaw it-tul tal-proċedura preliminari f’dan il-każ. Huma jenfasizzaw li d-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali ġew ippubblikati biss fl-4 ta’ Diċembru 1999 u fil-11 ta’ Marzu 2000, filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kwistjoni tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni kienet ġiet trattata matul laqgħa tas-17 ta’ Marzu 1997 bejn il-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u delegazzjoni tal-Comunidad autónoma de La Rioja. Huma jinvokaw, f’dan ir-rigward, id-dewmien li kien hemm fil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
286 Fil-ħames lok, skont ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, id-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali la jsemmu l-obbligu ta’ sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali kontenzjużi, u lanqas l-eżistenza ta’ obbligu eventwali ta’ rkupru fil-każ fejn id-deċiżjonijiet finali jikkonfermaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.
287 Fis-sitt lok, Confebask tinvoka d-dewmien inġustifikat tal-proċeduri, u r-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 isostnu li t-tul tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali, ta’ 23 xahar f’dan il-każ, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza derivanti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni (223/85, Ġabra p. 4617), li hija tali li tipprekludi l-irkupru tal-għajnuna.
288 Fis-seba’ lok, il-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria jsostnu li, f’kawżi simili ħafna, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ex officio l-elementi li jikkostitwixxu ċertezza legali u rrinunċjat milli teżiġi l-irkupru tal-għajnuna illegali. Huma jiċċitaw b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fuq iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/81/KE tat-22 ta’ Awwissu 2002 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li r-Renju ta’ Spanja japplika fil-konfront taċ-“ċentri ta’ koordinazzjoni ta’ Vizcaya” (ĠU 2003, L 31, p. 26); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/512/KE tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar skema ta’ għajnuna implementata mill-Ġermanja favur ċentri ta’ stħarriġ u ta’ koordinazzjoni (ĠU 2003, L 177, p. 17); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/438/KE tas-16 ta’ Ottubru 2002 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 50/2001 (ex NN 47/2000) – Kumpanniji ta’ finanzjament – implementazzjoni mil-Lussemburgu (ĠU 2003, L 153, p. 40), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/76/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementat minn Franza favur il-kwartieri ġenerali u ċ-ċentri ta’ loġistika (ĠU 2004, L 23, p. 1)]. Huma jinvokaw ukoll id-Deċiżjoni 2001/168. Huma jsostnu li din il-prassi deċiżjonali turi wkoll ksur manifest tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
289 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 isostnu li l-obbligu ta’ rkupru jmissu kien limitat għall-investimenti magħmula wara l-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali, tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
290 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad Autonóma de La Rioja, titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba t-tul tal-eżami preliminari
291 Il-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria, intervenjenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, isostnu li t-tul tal-proċedura preliminari jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba (ara l-punt 285 iktar ’il fuq).
292 Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, it-talba ta’ rikors għal intervent jista’ jkollha bħala suġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l- intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis. Issa, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-intervenjent milli jsostni argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jkun qed isostni, dan huwa madankollu suġġett għall-kundizzjoni li dawn l-argumenti ma jbiddlux il-kuntest tal-kawża u li l-intervent ikun intiż dejjem bħala sostenn tat-talbiet ippreżentati minn din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T-2/03, Ġabra p. II-1121, punt 52).
293 Għaldaqstant hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-motivi invokati minn parti intervenjenti, tivverifika li dawn ikunu relatati mas-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit mill-partijiet prinċipali.
294 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jikkontestaw it-tul tal-proċedura fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara l-punt 287 iktar ’il fuq). L-ilment imqajjem mill-intervenjenti, minkejja li distint minn dak tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala marbut mas-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit mir-rikorrenti u bħala li ma għandux l-effett li jbiddel il-kuntest tal-kawża. Għaldaqstant dan l-ilment huwa ammissibbli.
295 Fir-rigward tal-mertu, il-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria jinvokaw id-dewmien li kien hemm fil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
296 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fiż-żmien meta l-Kummissjoni ġiet informata dwar id-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni, u sas-16 ta’ April 1999, data ta’ meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 659/1999, hija ma kinitx suġġetta għal termini speċifiċi. Hija kellha madankollu taċċerta ruħha li l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ma jittawwalx indefinittivament, u dan sabiex jiġi rrispettat ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 269 iktar ’il fuq, punt 140, u tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I-1875, punt 61).
297 Fil-fatt, sa fejn hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ lment li jirrapporta l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal, indefinittivament, l-eżami preliminari ta’ miżuri Statali li kienu s-suġġett ta’ lment. In-natura raġonevoli tat-tul tal-eżami ta’ lment għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tal-istadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi u tal-kumplessità tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il-Kummissjoni, T-395/04, Ġabra p. II-1343, punt 61).
298 F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li huwa permezz tal-informazzjoni miġbura fl-okkażjoni tal-proċeduri mibdija kontra l-għajnuna mill-Istat favur l-impriżi Demesa u Ramondín, li kienet is-suġġett tal-ilmenti rispettivament tal-11 ta’ Ġunju 1996 u tat-2 ta’ Ottubru 1997, li l-Kummissjoni ġiet informata dwar il-krediti ta’ taxxa introdotti mil-leġiżlazzjonijiet fiskali inkwistjoni.
299 Barra minn hekk mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li, permezz ta’ ittri tas-17 ta’ Awwissu 1999, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra t-tliet skemi inkwistjoni.
300 Għaldaqstant, bejn meta l-Kummissjoni ġiet informata dwar l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni u l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ddekorra terminu li jista’ jiġi stmat għal 38 xahar (minn Ġunju 1996 sa Awwissu 1999).
301 Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-miżuri fiskali inwksitjoni, li sal-31 ta’ Diċembru 1999 ġew mibdula fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa ta’ Álava, kienu jeħtieġu, min-naħa tal-Kummissjoni, eżami fil-fond tal-leġiżlazzjoni Spanjoli kif ukoll ta’ kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt u ta’ liġi.
302 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħlu dawn il-krediti ta’ taxxa, sa meta nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-17 ta’ Awwissu 1999, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, eżaminat ilmenti magħmula kontra l-vantaġġi fiskali mogħtija lil Demesa u lil Ramondín, u wara dan hija adottat id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-16 ta’ Diċembru 1997, fir-rigward ta’ Demesa u, fit-30 ta’ April 1999, fir-rigward ta’ Ramondín. Sussegwentement hija adottat id-Deċiżjonijiet 1999/718 (Demesa) u 2000/795 (Ramondín).
303 Issa, anki jekk il-kwistjoni kienet tikkonċerna għajnuna individwali, xorta jibqa’ l-fatt li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni f’dawn il-kawżi ngħataw abbażi tas-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994 de Álava, inkwistjoni f’dan il-każ fit-Territorio Histórico de Álava (Kawżi T-227/01 u T-265/01) u li dwarha huwa paċifiku li hija analoga għad-dispożizzjonijiet ikkonċernati fit-Territorios Históricos de Vizcaya u de Guipúzcoa (Kawżi T-228/01, T-229/01, T-266/01 u T-270/01).
304 Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura huwa, minn tal-inqas parzjalment, imputabbli fuq l-awtoritajiet Spanjoli.
305 Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kellha informazzjoni neċessarja sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali biss fit-2 ta’ Ġunju 1999. B’hekk, fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa applikabbli fit-Territorio Histórico de Álava, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni biss permezz taż-żewġ ilmenti li kienu jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat favur l-impriżi Demesa u Ramondín. Sussegwentement, minbarra l-laqgħa tas-17 ta’ Marzu 1997 bejn il-Comunidad autónoma de La Rioja u d-dipartimenti tal-Kummissjoni msemmija mill-partijiet, id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkonstataw informazzjoni informali rċevuta mill-Kummissjoni dwar il-krediti ta’ taxxa applikabbli fit-Territorios Históricos de Vizcaya u de Guipúzcoa (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).
306 Għaldaqstant il-Kummissjoni bagħtet, fil-15 ta’ Marzu 1999, talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward ta’ dawn l-iskemi mhux innotifikati. Dawn tal-aħħar, għal darbtejn, talbu estensjoni tat-terminu mogħti sabiex iwieġbu. Fl-aħħar, kien biss fit-2 ta’ Ġunju 1999 li huma bagħtu t-tweġiba tagħhom.
307 Għaldaqstant, fid-dawl tal-kuntest u taċ-ċirkustanzi hekk imfakkra, il-Kummissjoni, billi fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-17 ta’ Awwissu 1999, ma ppreġudikatx, bl-aġir tagħha, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.
308 Finalment, fir-rigward tal-argumenti dwar il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma essenzjalment marbuta mill-qrib mal-argument li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba t-tul tal-eżami preliminari, u b’hekk għandhom, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jiġu miċħuda.
309 Bħala konklużjoni, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud.
– Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
310 Qabel kollox, għandu jitfakkar li aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ skema ta’ għajnuna jistgħu jiġu invokati biss jekk din l-għajnuna tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, Ġabra p. I-3437, punt 14 u s-sentenza Regione autónoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 64).
311 Fil-fatt, awtorità reġjonali u operatur ekonomiku diliġenti għandhom, normalment, ikunu f’pożizzjoni li jiżguraw ruħhom li din il-proċedura ġiet osservata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 310 iktar ’il fuq, punt 14, u tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, Ġabra p. I-135, punt 51; sentenza Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 236).
312 Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 88 KE ma jgħamilx distinzjoni bejn jekk ikunx każ ta’ skemi ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali, dawn il-prinċipji japplikaw anki f’każ ta’ skemi ta’ għajnuna, kuntrarjament għal dak li ssostni Confebask (punt 276 iktar ’il fuq).
313 F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-eżenzjonijiet fiskali, ikkunsidrati fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, ġew implementati mingħajr notifika bil-quddiem, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE.
314 Madankollu, il-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà li benefiċjarji ta’ għajnuna illegali, minħabba li ma tkunx ġiet innotifikata, bħal fil-każ tal-iskemi inkwistjoni f’dan il-każ, jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu b’mod leġittimu jservu bħala bażi għall-aspettativi tagħhom fuq in-natura regolari ta’ din l-għajnuna, sabiex jikkontestaw il-ġbir lura tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-183/91, Ġabra p. I-3131, punt 18; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 51; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T-126/96 u T-127/96, Ġabra p. II-3437, punti 69 u 70; CETM vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 122, u Regione autónoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, punt 245 iktar ’il fuq, punt 107).
315 Jekk jitqies li r-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, li mhumiex operaturi ekonomiċi, iżda l-entitajiet territorjali responsabbli għall-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni, għandhom id-dritt li jinvokaw aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Regione autónoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 66), ikollu b’hekk jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk l-argumenti invokati jurux xi ċirkustanzi eċċezzjonali, li jistgħu ikunu ħolqu aspettativi leġittimi fir-regolarità tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni.
316 Ir-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tagħhom josservaw li l-aġir tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ toħolqilhom aspettativi leġittimi fir-regolarità tal-iskemi inkwistjoni, minħabba, l-ewwel nett, id-Deċiżjoni 93/337, dwar il-krediti ta’ taxxa tal-1988, it-tieni nett, l-attitudni tagħha fir-rigward tal-iskemi tal-1993, it-tielet nett, it-tul mhux raġonevoli tal-proċedura u, ir-raba’ nett, in-nuqqas ta’ ċerti riferenzi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
– Fuq l-argument ibbażat fuq id-Deċiżjoni 93/337
317 Confebask issostni li l-krediti ta’ taxxa tal-1988 huma simili ħafna għal dawk inwkistjoni f’dan il-każ u li l-Kummissjoni ma kklassifikathomx bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, u dan ħoloq aspettattivi leġittimi fil-krediti ta’ taxxa kontenzjużi. Hija tirreferi għad-Deċiżjoni 93/337, kif ukoll għall-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 1995, li permezz tagħha hija ġiet informata li l-awtoritajiet Spanjoli kkonformaw rwieħhom mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 93/337, li timponilhom jemendaw is-sistema fiskali sabiex jiġu eliminati d-distorsjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 43 KE.
318 Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li Confebask interpretat b’mod żbaljat id-Deċiżjoni 93/337, hekk kif ġie stabbilit preċedentement (ara l-punt 241 iktar ’il fuq). Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kklassifikat l-għajnuna inkwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni mhux biss minħabba li din kienet tmur kontra l-Artikolu 43 KE, iżda wkoll minħabba li din ma kinitx tosserva d-diversi dixxiplini ta’ għajnuna, b’mod partikolari d-dixxiplina tal-għajnuna reġjonali, id-dixxiplina tal-għajnuna settorjali, id-dixxiplina tal-għajnuna lill-SMEs u d-dixxiplina li tikkonċerna l-aggregazzjoni tal-għajnuna (punt V tad-Deċiżjoni 93/337).
319 Fir-rigward tal-ittra tat-3 ta’ Frar 1995, fil-punt 241 iktar ’il fuq diġà ġie kkonstatat li l-Kummissjoni tieħu biss konjizzjoni tal-fatt li s-sistema fiskali inkwistjoni ma għadiex tikser l-Artikolu 43 KE mingħajr madankollu ma tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-iskema inkwistjoni tosservax id-diversi dixxiplini ta’ għajnuna msemmija fid-Deċiżjoni 93/337 (sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 48, li tikkonferma s-sentenza Demesa, punt 43 iktar ’il fuq, punt 237).
320 Barra minn hekk, Confebask issostni li s-soluzzjoni tas-sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, ma tipprekludix l-annullament, f’dan il-każ, tal-obbligu ta’ rkupru, sa fejn ir-rikorrenti f’din il-kawża kienu invokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mhux biss sabiex jikkontestaw l-irkupru, iżda wkoll sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-kreditu ta’ taxxa mogħti lilhom. Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali argument mhuwiex ta’ natura li jikkonfuta l-konklużjoni li tgħid li l-Kummissjoni ma kinitx qieset il-krediti ta’ taxxa tal-1988 bħala kompatibbli mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.
321 Għaldaqastant, anki li kieku kellu jitqies li l-krediti ta’ taxxa kontenzjużi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala analogi għall-krediti ta’ taxxa tal-1988, id-Deċiżjoni 93/337 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li toħloq xi tip ta’ aspettattiva fil-legalità tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni f’dan il-każ.
322 It-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco jenfasizzaw, min-naħa tagħhom, li, fid-Deċiżjoni 93/337, il-Kummissjoni ma qajmet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-fatt li l-applikazzjoni tal-kreditu ta’ taxxa kienet suġġetta għal investiment minimu. Għaldaqstant, billi kkunsidrat, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-kundizzjoni tal-investiment minimu ta’ ESP 2.5 biljun tagħti natura selettiva lill-kreditu ta’ taxxa u billi, b’dan il mod, biddlet il-kriterji ta’ evalwazzjoni tagħha tas-selettività, il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi maħluqa mid-Deċiżjoni 93/337.
323 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-miżuri fiskali kkonċernati mid-Deċiżjoni 93/337 huma differenti minn dawk ikkonċernati mid-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, id-Deċiżjoni 93/337 tikkonċerna l-għajnuna fiskali stabbilita bin-Normas Forales Nru 28/1988 de Álava, Nru 8/1988 de Vizcaya u Nru 6/1988 de Guipúzcoa.
324 Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet tal-1988 jistabilixxu b’mod partikolari kreditu ta’ taxxa fil-Pajjiż Bask Spanjol, madankollu l-fatt li, fid-Deċiżjoni 93/337 il-Kummissjoni bbażat is-selettività tal-krediti ta’ taxxa tal-1988 fuq il-konstatazzjoni li dawn japplikaw biss għal ċerti impriżi u li ċerti attivitajiet ma jibbenefikawx minnhom (punt III tad-Deċiżjoni 93/337) ma jfissirx li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata s-selettività ta’ dawn il-miżuri abbażi ta’ kriterju ieħor (sentenza Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 99).
325 L-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, invokat mill-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria, ma jikkonfutax din il-konstatazzjoni, ġaladarba element wieħed jista’ jkun biżżejjed sabiex jikkaratterizza s-selettività tal-miżura eżaminata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punti 120 u 121). Għaldaqstant il-Kummissjoni mhijiex marbuta tagħmel studju eżawrjenti f’dan ir-rigward.
326 B’hekk id-Deċiżjoni 93/337, li barra minn hekk ikkunsidrat li l-krediti ta’ taxxa tal-1988 kienu inkompatibbli mas-suq komuni, ma tistax tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali tali li toħloq xi tip ta’ aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni f’dan il-każ.
– Fuq l-argument ibbażat fuq l-iskemi tal-1993 u fuq l-attitudni tal-Kummissjoni fil-konfront tagħhom
327 Ir-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tagħhom fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 jinvokaw l-iskemi tal-1993 u l-fatt li l-attitudni tal-Kummissjoni fil-konfront tagħhom ħolqot aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni. Fl-opinjoni tagħhom, in-Normas Forales tal-1993 jipprovdu eżenzjonijiet fiskali kif ukoll kreditu ta’ taxxa ta’ 25 %.
328 Minn naħa, fir-rigward tal-eżenzjonijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji, stabbiliti permezz tal-Artikoli 14 tan-Normas Forales Nri 18/1993, 5/1993 u 11/1993, li huma s-suġġett tar-rikorsi fil-Kawżi magħquda T-30/01 sa T-32/01 u T-86/02 sa T-88/02, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala analogi għall-krediti ta’ taxxa inkwistjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, it-teknika fiskali u l-portata tal-vantaġġi huma differenti. B’hekk, il-krediti ta’ taxxa inkwistjoni f’dan il-każ huma ta’ 45 % tal-investimenti eliġibbli, attribwibbli fuq l-ammont finali tat-taxxa li għandha titħallas, filwaqt li l-iskemi tal-1993 kienu jipprovdu eżenzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji matul għaxar snin għall-impriżi l-ġodda. Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni mhumiex analogi, ġaladarba n-Normas Forales inkwistjoni jirriżervaw il-krediti ta’ taxxa għall-impriżi li jagħmlu investiment li jaqbeż l-ESP 2.5 biljun, filwaqt li l-iskemi tal-1993 kienu disponibbli għall-impriżi l-ġodda, li jibdew l-attività tagħhom b’kapital minimu disponibbli ta’ ESP 20 miljun, b’investiment ta’ ESP 80 miljun f’terminu speċifiku u li joħolqu mill-inqas għaxar impjiegi. Iż-żewġ vantaġġi fiskali huma differenti wkoll minħabba l-portata tagħhom. Fil-fatt, il-krediti ta’ taxxa huma marbutin ma’ sena fiskali speċifika, anki jekk l-applikazzjoni tagħhom iġġeddet diversi drabi. Min-naħa l-oħra, l-iskemi ta’ eżenzjoni tal-1993 huma disponibbli biss għall-impriżi li jibdew l-attività tagħhom bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tan-Normas Forales li jintroduċuhom u l-31 ta’ Diċembru 1994.
329 Għaldaqstant, kien x’kien l-aġir tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżenzjonijiet fiskali tal-1993, ebda konsegwenza ma tista’ tinħoloq fir-rigward tal-legalità tal-krediti ta’ taxxa kontenzjużi.
330 Barra minn hekk u f’kull każ, kif osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha dwar l-iskemi ta’ eżenzjoni tal-1993, ebda wieħed mill-elementi fattwali u kuntestwali, imressqa mir-rikorrenti u mill-intervenjenti insostenn tagħhom, dwar l-attitudni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżenzjonijiet fiskali tal-1993, u msemmija mill-ġdid f’dan il-każ, mhuwa tali li jipprova li din l-attitudni tal-Kummissjoni kkostitwiet ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet toħloq fi ħdanhom aspettattivi leġittimi dwar in-natura legali tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni f’dawn il-kawżi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-30/01 sa T-32/01 u T-86/02 sa T-88/02, Ġabra p. II-2919, punti 278 sa 317).
331 Għaldaqstant, l-attitudni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iskemi ta’ eżenzjoni tal-1993 ma tistax tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet toħloq xi tip ta’ aspettattivi leġittimi dwar in-natura legali tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni f’dan il-każ.
332 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa ta’ 25 % mfakkar mir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, anki li kieku kellu jitqies li dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala paragunabbli għall-krediti ta’ taxxa ta’ 45 % inkwistjoni f’dan il-każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jissostanzjaw l-argument li jgħid li l-proċedura mibdija mill-Kummissjoni, u għaldaqstant l-attitudni tagħha fir-rigward tal-miżuri ta’ eżenzjoni tal-1993, kienet tikkonċerna wkoll il-kreditu ta’ taxxa ta’ 25 %.
333 Għaldaqstant l-argument ibbażat fuq l-iskemi tal-1993 u fuq l-attitudni tal-Kummissjoni fir-rigward tagħhom ma jistax jintlaqa.
– Fuq l-argument ibbażat fuq it-tul tal-proċedura
334 Confebask, rikorrenti fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba t-“tul mhux iġġustifikat tal-proċeduri”. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 jallegaw, min-naħa tagħhom, ksur ta’ dan l-istess prinċipju minħabba t-tul tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
335 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 659/1999, fil-każ ta’ għajnuna illegali eventwali, il-Kummissjoni mhijiex marbuta bit-termini applikabbli fil-qasam ta’ għajnuna nnotifikata.
336 In-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, sew jekk fil-fażi ta’ eżami preliminari jew inkella f’dik tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, il-kuntest tagħha, id-diversi stadji proċedurali li l-Kummissjoni tkun segwiet, l-imġieba tal-partijiet matul il-proċedura, il-kumplessità u l-interess li l-kawża għandha għad-diversi partijiet interessati (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 53; fir-rigward tal-proċedura ta’ eżami preliminari, ara s-sentenza Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 122; fir-rigward tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T-190/00, Ġabra p. II-5015, punti 136 u 139).
337 F’dan il-każ, il-fażi ta’ eżami preliminari ta’ 38 xahar (ara l-punt 300 iktar ’il fuq) intemmet bil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-17 ta’ Awwissu 1999 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Sussegwentement il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati fil-11 ta’ Lulju 2001. Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għaldaqstant damet 23 xahar u t-tul komplessiv tal-proċedura huwa ta’ 5 snin u xahar.
338 Mill-eżami tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara l-punti 301 sa 307 iktar ’il fuq) jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-proċedura ta’ eżami preliminari ma ġietx imtawla b’mod irraġonevoli.
339 Fir-rigward tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mill-proċess jirriżulta li, wara l-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Awwissu 1999, li tinforma lir-Renju ta’ Spanja dwar il-ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali, huwa ppreżenta osservazzjonijiet, irreġistrati għand il-Kummissjoni fit-12 ta’ Novembru 1999. Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Spanjoli kkunsidraw li ma kienx meħtieġ li jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, magħmula fil-kuntest tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dwar id-deċiżjonijiet tal-għoti tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni (punt 43 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 39 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894; ara l-punt 24 iktar ’il fuq).
340 Barra minn hekk, korpi oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’Marzu u f’April 2000 fir-rigward ta’ Álava, u f’Jannar 2000 fir-rigward ta’ Vizcaya u Guipúzcoa. Il-Kummissjoni kkomunikat dawn il-kummenti lill-awtoritajiet Spanjoli f’Marzu 2000, fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa, u f’Mejju 2000 fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa ta’ Álava. L-awtoritajiet Spanjoli ma ppreżentawx osservazzjonijiet b’reazzjoni għal dawn il-kummenti, minkejja li ppreżentaw talba għall-estensjoni tat-terminu f’dan is-sens (punt 52 tad-Deċiżjoni 2002/820; punt 60 tad-Deċiżjonijiet 2003/27 u 2002/894; ara l-punt 26 iktar ’il fuq).
341 Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli kkontribwixxew, minn tal-inqas parzjalment, permezz tal-imġieba tagħhom, għat-titwil tal-proċedura ta’ investigazzjoni.
342 Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u tal-kuntest, tal-kumplessità tal-miżuri inkwistjoni u tal-interessi tal-kawża, it-tul kumplessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni ma jistax jitqies bħala irraġonevoli.
343 Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 jinvokaw is-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, li tgħid li dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li għajnuna hija illegali u li din għandha tiġi eliminata u rkuprata minn Stat Membru, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ joħloq fi ħdan il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna aspettattivi leġittimi tali li jipprekludu lill-Kummissjoni milli tordna lil dan l-Istat Membru jirkupraha. Fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, point 287 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk qieset li t-terminu ta’ 26 xahar meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha f’din il-kawża seta ħoloq aspettattivi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti li jkunu tali li jipprekludu lill-istituzzjoni milli tordna lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni.
344 Madankollu, iċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għal din is-sentenza kienu eċċezzjonali u ma għandhom l-ebda xebh ma dawk tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, l-għajnuna inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ notifika formali lill-Kummissjoni, għalkemm dan biss wara li kienet tħallset lill-benefiċjarju tagħha. Din kienet konnessa ma spejjeż supplimentari marbuta ma’ tranżazzjoni li diġà kienet is-suġġett ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni. Din kienet tikkonċerna settur li, sa mill-1977, kien irċeva għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali. L-eżami tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni ma kienx jeħtieġ riċerka fil-fond. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet minn dan iddeduċiet li r-rikorrenti setgħet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, raġonevolament temmen li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-għajnuna (sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, punti 14 sa 16).
345 Dawn l-elementi jagħmlu mod li ċ-ċirkustanżi tal-każ li tat lok għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni jkunu fundamentalment differenti minn dawk tal-każijiet inkwistjoni f’dawn ir-rikorsi. Fil-fatt, il-krediti ta’ taxxa inkwistjoni ma jikkonċernawx settur partikolari u, a fortiori, ma jikkonċernawx settur partikolari li qed jibbenefika minn għajnuna awtorizzata. Huma ma ġewx innotifikati u ma jikklassifikawx bħala tiġdid ta’ xi skema ta’ għajnuna preċedenti awtorizzata mill-Kummissjoni. Bil-kontra, huma kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Demesa u Ramondín, punt 43 iktar ’il fuq, li ppreċedew il-ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), li ma jħallu ebda dubju fuq il-fatt li l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni kienet dubjuża.
346 Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tat lok għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 287 iktar ’il fuq, mfakkra preċedentement, huma totalment differenti minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ. Ir-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tagħhom ma jistgħux għaldaqstant jinvokaw din is-sentenza b’mod utli.
347 Fl-aħħar nett, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, it-tul kumplessiv tal-proċedura mhuwiex ta’ natura irraġonevoli u ma jikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali tali li toħloq aspettattivi leġittimi fin-natura legali tal-għajnuna.
– Fuq l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ riferenza, fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali, għall-obbligu li tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjoniiet fiskali kontenzjużi u għar-riskju ta’ rkupru
348 Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 isostnu li għandhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-iskemi ta’ għajnuna kontenzjużi minħabba n-nuqqas, fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali, tal-obbligu li tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi.
349 Issa, mid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li barra minn hekk kienu s-suġġett ta’ rikorsi li nċaħdu mill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-krediti ta’ taxxa inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida li setgħet tiġi kkunsidrata bħala illegali. It-tali klassifikazzjoni timplika li kien hemm interpretazzjoni żbaljata tal-effett sospensiv li jirriżulta, fir-rigward tal-għajnuna ġdida, mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE. Għaldaqstant, il-fatt li l-obbligu ta’ sospensjoni tal-miżuri inkwistjoni ma ġiex espliċitament imsemmi fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali, tali li toħloq xi tip ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-miżuri inkwistjoni.
350 Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw in-nuqqas ta’ riferenza, fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għar-riskju ta’ rkupru tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-krediti ta’ taxxa.
351 Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-istediniet sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), ifakkru, fil-kuntest tas-sommarju tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, kull għajnuna illegali tista’ tkun is-suġġett ta’ rkupru mingħand il-benefiċjarju tagħha. Barra minn hekk, f’kull każ, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 66, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C-148/04, Ġabra p. I-11137, punt 113).
352 Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ riferenza espliċita għar-riskju ta’ rkupru ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali tali li toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-miżuri inkwistjoni.
353 Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li r-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tagħhom ma rnexxilhomx jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jostakolaw l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali
354 Il-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria jsostnu li, f’kawżi simili ħafna, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ex officio l-elementi li jikkostitwixxu aspettattivi leġittimi u rrinunċjat milli teżiġi l-irkupru tal-għajnuna. Huma jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
355 Għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, ma tqajjimx mir-rikorrenti u mhuwiex konness mas-suġġett tal-kawża hekk kif ġie ddefinit minnhom. Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 292 iktar ’il fuq.
356 F’kull każ, anki li kieku kien ammissibbli, dan l-ilment mhuwiex fondat.
357 L-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C-248/04, Ġabra p. I-10211, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).
358 Issa, l-intervenjenti ma jistabbilixxux li s-sitwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna kontenzjużi hija paragunabbli mas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fid-deċiżjonijiet li jinvokaw u li fihom il-Kummissjoni qieset li l-irkupru ma kellux jiġi ordnat.
359 Fil-fatt, f’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni esponiet li n-nuqqas ta’ rkupru kien ġustifikat minn ċirkustanzi tali li joħolqu aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-iskemi eżaminati, u li ħadithom inkunsiderazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li n-nuqqas ta’ għajnuna kien ġie kkonstatat espressament f’deċiżjonijiet oħra li jikkonċernaw miżuri simili għall-iskemi eżaminati f’dawn id-deċiżjonijiet, u dan kien jiġġustifika n-nuqqas ta’ rkupru (Deċiżjonijiet 2003/81, 2004/76, 2003/438 u 2003/512; ara l-punt 288 iktar ’il fuq). F’ċerti każijiet, hija ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul tal-proċedura inkwistjoni bl-ebda mod ma kien imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (Deċiżjoni 2001/168; punt 288 iktar ’il fuq), jew il-fatt li l-uniku benefiċjarju tal-iskema inkwistjoni ma ngħatax vantaġġ kontenzjuż u għaldaqstant ma kienx hemm lok għal irkupru (Deċiżjoni 2003/81; ara l-punt 288 iktar ’il fuq).
360 Dan mhuwiex il-każ fid-deċiżjonijiet ikkontestati, fejn il-Kummissjoni enfasizzat li, bil-kontra ta’ dan, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi ma kinux sodisfatti (punti 74 u 75 tad-Deċiżjoni 2002/820, punti 81 u 82 tad-Deċiżjoniiet 2003/27 u 2002/894), u dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punti 310 sa 353 iktar ’il fuq). Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni invokati mill-intervenjenti jikkonċernaw għaldaqstant miżuri u sitwazzjonijiet differenti minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ.
361 Għaldaqstant, l-ilment li jgħid li d-deċiżjonijiet ikkontestati, billi ordnaw l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, kisru l-prinċipju ta’ trattament ugwali, ma jistax jintlaqa.
362 Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat.
363 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 isostnu li l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna illegali jmissu kien limitat għall-investimenti magħmula wara d-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali.
364 Sa fejn dan l-argument, invokat fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jikkonċerna l-proporzjonalità tal-irkupru, dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-eżami tal-motiv relatat mal-proporzjonalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara l-punti 366 et seq iktar ’il quddiem).
365 Bħala konklużjoni, il-motiv ibbażat fuq difett proċedurali, ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
F – Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Kawżi T-227/01 sa T-229/01)
1. L-argumenti tal-partijiet
366 Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01 isostnu li l-obbligu ta’ rkupru huwa sproporzjonat. Huma jsostnu li l-irkupru jmissu ġie eskluż fir-rigward tal-impriżi li jipproduċu biss għas-suq lokali u fir-rigward ta’ dawk li joperaw f’settur magħluq għall-kompetizzjoni. Id-deċiżjonijiet ikkontestati jmisshom illimitaw ukoll l-obbligu ta’ rimbors għal dawk li kienu qabżu l-limiti massimi ta’ għajnuna reġjonali permessi fil-Pajjiż Bask Spanjol.
367 Barra minn hekk, huma jsostnu li l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna illegali jmissu kien limitat għall-investimenti magħmula wara d-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali.
368 Barra minn hekk, alternattivi oħra inqas restrittivi mill-irkupru tal-għajnuna setgħu ippermettew li jeġa jiġi stabbilit l-istatus quo ante. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax timponi l-irkupru tal-għajnuna jekk l-Istat Membru jqis li din l-alternattiva hija iktar restrittiva minn miżura oħra. Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, jikkonċerna s-sussidji u ma jistax jiġi applikat awtomatikament għall-għajnuna li tikkonsisti f’dispożizzjoni fiskali selettiva.
369 Fl-aħħar nett, sabiex l-Istat Membru jkun jista’ jagħżel l-iktar alternattiva approprjata, il-Kummissjoni jmissha speċifikat approssimativament il-limitu minimu ta’ investiment li kien jevita li n-Normas Forales inkwistjoni jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.
370 L-Artikolu 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati għandu, għaldaqstant, jiġi annullat.
371 Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
372 Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Għaldaqstant, l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment, bil-għan li jeġa jiġi stabbilit l-istatus quo ante ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 47, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-298/00 P, punt 111 iktar ’il fuq, punt 75).
373 Bir-restituzzjoni tal-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kellu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’dan il-mod terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti tal-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-350/93, Ġabra p. I-699, punt 22). Minn din il-funzjoni tar-rimbors jirriżulta wkoll li, bħala regola ġenerali, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni ma tmurx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, rikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta titlob lill-Istat Membru jirkupra s-somom mogħtija bħala għajnuna illegali, peress li hija tkun qegħdha sempliċement terġa tistabbilixxi l-istatus quo ante (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 66, u tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 99).
374 Ċertament, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tingħażel dik li hija l-inqas restrittiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 25, u tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 21).
375 Madankollu, l-irkupru tal-għajnuna illegali, ġaladarba huwa intiż sabiex jerġa jiġi stabbilit l-istatus quo ante, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Tali miżura, anki jekk tkun ġiet implementata ħafna żmien wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, ma tistax tikkostitwixxi sanzjoni mhux prevista mid-dritt Komunitarju (sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 164).
376 Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan il-każ ma jipprova li l-obbligu ta’ rkupru huwa ta’ natura sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet tat-Trattat.
377 Qabel kollox, sa fejn l-awtoritajiet Spanjoli kkunsidraw li ma kienx neċessarju li jwieġbu l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, magħmula fil-kuntest tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali, dwar id-deċiżjonijiet tal-għoti tal-krediti ta’ taxxa inkwistjoni (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma eskludietx ċerti impriżi jew ċerti setturi mill-obbligu ta’ rkupru.
378 Bl-istess mod, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-deċiżjonijiet ikkontestati jmisshom illimitaw l-obbligu ta’ rimbors tal-krediti ta’ taxxa għal dawk li jikkonċernaw l-investimenti magħmula wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri wara l-4 ta’ Diċembru 1999 għal Vizcaya u Guipúzcoa u wara l-11 ta’ Marzu 2000 għal Álava, mhija bbażata fuq ebda ġustifikazzjoni, ġaladarba l-għajnuna inkwistjoni hija illegali ab initio u ebda ċirkustanza eċċezzjonali tali li tippermetti li jiġi evitat l-irkupru ma setgħet tiġi stabbilit f’dan il-każ (ara l-punt 353 iktar ’il fuq).
379 Fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna trans-settorjali, u fin-nuqqas ta’ informazzjoni iktar preċiża pprovduta matul il-proċedura amministrattiva, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sproporzjonati minħabba li huma ma indikawx min qabel l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet ikkontestati, li d-dispożittivi tagħhom għandhom jiġu interpretati, jekk ikun il-każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C-355/95 P, Ġabra p. I-2549, punt 21), isemmu espressament “il-possibbiltà li għajnuna individwali tiġi kkunsidrata, totalment jew parzjalment, bħala kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha, sew jekk fil-kuntest ta’ deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni sew jekk b’applikazzjoni tar-regoli ta’ eżenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
380 Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jagħmilx distinzjoni bejn jekk il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hijiex sussidju jew vantaġġ fiskali, u l-ġurisprudenza tapplika l-istess prinċipji, inkluż fil-qasam tal-irkupru ta’ vantaġġi fiskali (sentenza Unicredito Italiano, punt 351 iktar ’il fuq, punt 113). L-irkupru tal-għajnuna illegali permezz tar-rimbors tas-somom inkwistjoni jikkostitwixxi għaldaqstant, f’dan il-każ, l-iktar mezz approprjat sabiex jiġu mxejna l-effetti tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkaġunata mill-krediti ta’ taxxa kontenzjużi u sabiex jerġa jiġi stabbilit l-istatus quo ante.
381 Fl-aħħar nett, mhijiex il-Kummissjoni li għandha tiffissa, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-limitu minimu ta’ investiment li kien jippermetti li tiġi evitata l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna f’dan il-każ. Din il-kwistjoni tiddependi prinċipalment fuq djalogu bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-Kummissjoni, fil-kuntest tan-notifika tal-iskemi inkwistjoni, li jmissu seħħ qabel ma din ġiet implementata.
382 Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud bħala infondat.
383 Konsegwentement, għandu jiġi deċiż li r-rikorsi għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.
Fuq l-ispejjeż
384 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
I – Kawżi T-227/01 sa T-229/01
385 Peress li r-rikorrenti, jiġifieri t-Territorios Históricos de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa kif ukoll il-Comunidad autónoma del País Vasco, tilfu fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kummissjoni u tal-Comunidad autónoma de La Rioja, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.
386 Confebask, il-Cámaras Oficiales de Comercio e Industria, intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
II – Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01
387 Peress li Confebask tilfet fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni u tal-Comunidad autónoma de La Rioja, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-Kawżi T-227/01 sa T-229/01, T-265/01, T-266/01 u T-270/01 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.
2) Ir-rikorsi huma miċħuda.
3) Fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01:
– it-Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava, it-Territorio Histórico de Vizcaya – Diputación Foral de Vizcaya, it-Territorio Histórico de Guipúzcoa – Diputación Foral de Guipúzcoa u l-Comunidad autónoma del País Vasco − Gobierno Vasco għandhom ibagħtu l-ispejjeż tagħhom, kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni u tal-Comunidad autónoma de La Rioja;
– il-Confederación Empresarial Vasca (Confebask), il-Cámara Oficial de Comercio e Industria de Álava, il-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Vizcaya u l-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Guipúzcoa għandhom ibagħtu l-ispejjeż tagħhom.
4) Fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01, Confebask għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-Comunidad autónoma de La Rioja.
Vilaras |
Martins Ribeiro |
Dehousse |
Šváby |
Jürimäe |
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2009.
Werrej
Il-kuntest ġuridiku
I – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
II – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
A – Kreditu ta’ taxxa stabbilit mil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorio Histórico de Álava
B – Krediti ta’ taxxa stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorios Históricos de Vizcaya u de Guipúzcoa
Fatti li wasslu għall-kawżi
Id-deċiżjonijiet ikkontestati
Il-proċedura
It-talbiet tal-partijiet
I – Fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01
II – Fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01
Id-dritt
I – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi
A – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01
1. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
2. Fuq l-ammissibbiltà tal-intervent ta’ Confebask fil-Kawżi T-227/01 sa T-229/01
a) Fuq l-ammissibbiltà ta’ Confebask sabiex tintervjeni
b) Fuq l-ammissibbiltà tan-nota ta’ intervent ta’ Confebask
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
B – Fuq l-ammissibbiltà ta’ Confebask sabiex titlob l-annullament fil-Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
II – Fuq il-mertu tar-rikorsi
A – Fuq il-motiv ibbażatu fuq nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE (Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ tnaqqis fid-dħul fiskali
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
3. Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura ġenerali tal-miżuri fiskali
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
4. Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-ġustifikazzjoni tal-miżuri fiskali min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
5. Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltŕ tal-Artikolu 87(1) KE fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni
B – Fuq il-motiv ibbażat fuq l-allegata kompatibbiltŕ tan-Normas Forales mas-suq komuni (Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
C – Fuq il-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter (Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
D – Fuq il-motiv ibbażat fuq in-natura eżistenti tal-għajnuna inkwistjoni (Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
E – Fuq il-motiv ibbażat fuq difett proċedurali u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali (Kawżi T-227/01 sa T-229/01 kif ukoll T-265/01, T-266/01 u T-270/01)
1. Fuq l-ilment ibbażat fuq difett proċedurali
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
2. Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba t-tul tal-eżami preliminari
– Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
– Fuq l-argument ibbażat fuq id-Deċiżjoni 93/337
– Fuq l-argument ibbażat fuq l-iskemi tal-1993 u fuq l-attitudni tal-Kummissjoni fil-konfront tagħhom
– Fuq l-argument ibbażat fuq it-tul tal-proċedura
– Fuq l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ riferenza, fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni formali, għall-obbligu li tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjoniiet fiskali kontenzjużi u għar-riskju ta’ rkupru
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali
F – Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ (Kawżi T-227/01 sa T-229/01)
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ispejjeż
I – Kawżi T-227/01 sa T-229/01
II – Kawżi T-265/01, T-266/01 u T-270/01
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.