Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta' Lulju 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 77/388/KEE –VAT – Artikolu 11(A)(1)(a) – Ammont taxxabbli – Sussidju marbut direttament mal-prezz – Regolament (KE) Nru 603/95 – Għajnuniet mogħtija lis-settur ta' l-għalf imnixxef"

Fil-kawża C-144/02,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u K. Gross, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma, bħala aġent,

konvenuta

sostnuta mir-

Repubblika tal-Finlandja, irrapreżentata minn T. Pynnä u E. Bygglin, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u mir-

Renju ta' l-Iżvezja, irrappreżentata minn A. Kruse u A. Falk, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

li għandha bħala għan li jiġi kkonstatat li, minħabba li ma applikatx it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-ammont ta' għajnuniet mogħtija skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/95, tal-21 ta' Frar 1995, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq [ta' l]-għalf imnixxef (ĠU L 63, p. 1), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Imħallef Relatur), J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues, u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni tal-partijiet fis-seduta 16 ta' Ottubru 2003, fejn il-Kummissjoni kienet irrappreżentata minn E. Traversa, K. Gross, I. Koskinen u K. Simonsson, bħala aġenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja minn M. Lumma, ir-Repubblika tal-Finlandja minn T. Pynnä u r-Renju ta' l-Iżvezja minn A. Kruse,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-27 ta' Novembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' April 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet kawża taħt l-Artikolu 226 KE intiża sabiex jiġi kkonstatat li, minħabba li ma applikatx it-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT") fuq l-ammont ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/95, tal-21 ta' Frar 1995, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq [ta' l]-għalf imnixxef (ĠU L 63, p. 1), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, aktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-VAT

2       L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jissuġġetta għall-VAT "il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali".

3       L-Artikolu 11(A)(1)(a) ta' l-istess direttiva jipprovdi li:

"L-ammont taxxabbli għandu jkun:

(a)      fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi […] dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur [mingħand] ix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti."

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għajnuniet mogħtija għall-għalf imnixxef

4       L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 603/95 jipprovdi li għandha tingħata għajnuna ta' EUR 68.83 għal kull tunnellata ta' għalf imnixxef artifiċjalment bis-sħana u ta' EUR 38.64 għal kull tunnellata ta' għalf imnixxef bix-xemx.

5       L-Artikolu 4, emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/95, tad-9 ta' Ġunju 1995 (ĠU L 131, p. 1), jistabbilixxi, għal kull sena tas-suq, kwantitajiet massimi garantiti ta' prodotti li fir-rigward tagħhom tista' tingħata l-għajnuna. Barra minn hekk, dan l-artikolu jaqsam dawn il-kwantitajiet bejn l-Istati Membri.

6       L-Artikolu 5 jipprovdi li:

"Meta l-ammont ta' għalf imnixxef li għalih [tintalab għajnuna] […] f'kull sena [tas-suq] jeċċedi l-[kwantità massima garantita] imsemmija fl-Artikolu 4 […] l-għajnuna li għandha titħallas f'dik is-sena għandha tiġi kalkolata kif ġej:

–       għall-ewwel 5% li bihom tinqabeż [il-kwantità massima garantita], l-għajnuna għandha titnaqqas fl-Istati Membri kollha b'ammont li jkun proporzjonali għal dak l-eċċess,

–       għal kull eċċess aktar minn 5% tnaqqis addizjonali jista' jsir f'kull Stat Membru li fih il-produzzjoni taqbeż [il-kwantità nazzjonali garantita] miżjud[a] b'5% in proporzjon ma' dan l-eċċess.

[…]"

7       L-Artikolu 6(2) jissuġġetta l-ħlas bil-quddiem ta' l-għajnuna għall-kundizzjoni li l-għalf imnixxef ikun ħareġ mill-impriża ta' l-ipproċessar.

8       L-Artikolu 8 jipprovdi li:

"L-għajnuna skond l-Artikolu 3 għandha tingħata, fuq applikazzjoni mill-parti konċernata, dwar l-għalf imnixxef li jkun [ħareġ] mill-impriża ta' l-ipproċessar u li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-kontenut ta' ndewwa għandu jinżel għal bejn il-11 u l-14% u jista' jvarja skond il-mod kif jiġi preżentat il-prodott;

(b)      il-kontenut minimu ta' proteina kruda fil-materja niexfa għandu jkun anqas minn:

–       15% fil-każ ta' prodotti elenkati fl-Artikolu 1(a) u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(b),

–       45% fil-każ tal-prodotti elenkati fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1(b);

(ċ)      l-għalf imnixxef għandu jkun ta' kwalità soda, ġenwina u li tista' tkun negozjata.

Kundizzjonijiet oħra, b'mod partikolari rigward il-kontenut ta' karotina u ta' fibra, jistgħu jkunu stipulati […]"

9       L-Artikolu 9(ċ) jipprovdi li:

"L-għajnuna skond l-Artikolu 3 għandha tingħata biss lill-impriżi li jipproċessaw il-prodotti […] li:

         […]

(ċ)       jidħlu f'ta' l-anqas waħda minn dawn il-kategoriji:

–       impriżi li jkunu ffirmaw kuntratti mal-produtturi ta' l-għalf għat-tnixxif,

–       impriżi li jkunu pproċessaw l-uċuħ tagħhom jew, fil-każ ta' gruppi, dawk tal-membri tagħhom,

–       impriżi li jkunu kisbu l-provvisti tagħhom mingħand persuni morali jew fiżiċi li joffru ċerti garanziji li għandhom jiġu determinati, u li jkunu ffirmaw kuntratti ma' produtturi ta' l-għalf għall-inxif; dawk il-persuni morali jew fiżiċi għandhom ikunu xerrejja approvati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li fihom l-għalf jinħasad […]"

10     L-Artikolu 11(2) jippreċiża li:

"Meta l-kuntratti msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(ċ) huma kuntratti ta' ordni speċjali għall-ipproċessar ta' l-għalf ipprovdut mill-istess produtturi, il-kuntratti għandhom jispeċifikaw ta' l-anqas l-inħawi li l-wiċċ tagħhom għandu jiġi konsenjat u għandhom jinkludu klawsola li tistipula l-obbligu fuq l-impriżi ta' proċessar biex iħallsu lill-produtturi l-għajnuna speċifikata fl-Artikolu 3 li huma jkunu rċevew għall-kwantitajiet ipproċessati skond il-kuntratti."

 Il-proċedura prekontenzjuża u r-rikors

11     Fl-20 ta' Novembru 1998, minħabba li kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx qegħda tapplika l-VAT fir-rigward ta' l-għajnuniet mogħtija skond ir-Regolament Nru 603/95 u minħabba li kkunsidrat li din is-sitwazzjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva, il-Kummissjoni, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 169 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 226 KE), indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ittra ta' intimazzjoni fejn stednitha tippreżentalha l-osservazzjonijiet tagħha f'terminu ta' xahrejn.

12     Permezz ta' ittra tal-25 ta' Marzu 1999, il-Gvern Ġermaniż irrisponda li sussidju għandu jiġi inkluż fl-ammont taxxabbli biss meta jifforma parti mill-kunsiderazzjoni, ipprovduta minn terza persuna. Sabiex dan ikun il-każ hawnhekk, għandu jkun hemm rabta diretta bejn l-għoti tas-sussidju u l-provvista ta' l-għalf imnixxef effettwata mill-impriżi produtturi lill-bejjiegħa. L-għajnuna mogħtija favur is-settur ta' l-għalf imnixxef għandha tkun konnessa ma' diversi provvisti tiegħu. Madankollu, huwa impossibli li l-għajnuna in kwistjoni tiġi konnessa mal-bejgħ ta' kwantità determinata ta' imgħalef imnixxef.

13     Fil-15 ta' Settembru 1999, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u stednitha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha magħha f'terminu ta' xahrejn. Addizzjonalment, hija sostniet li, fin-nuqqas ta' għajnuna, l-għalf imnixxef jinbiegħ bi prezz għola, li l-ammont kollu tiegħu huwa suġġett għall-VAT.

14     Peress li l-Gvern Ġermaniż ma rrispondiex għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

15     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Settembru 2002, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja ġew awtorizzati jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-konvenuta.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

16     Il-Kummissjoni tqis li għandhom jiġu suġġetti għall-VAT l-operazzjonijiet imwettqa mill-impriżi li jipproċessaw għalf skond tnejn mit-tliet possibbiltajiet ta' kif jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, jiġifieri:

–      ix-xiri ta' għalf aħdar mingħand il-produtturi biex imbagħad il-prodott ipproċessat jerġa' jinbiegħ lil terzi;

–      il-konklużjoni mal-produtturi ta' kuntratti ta' ordni speċjali dwar għalf aħdar mingħajr ma tiġi trasferita l-proprjetà tiegħu, biex imbagħad il-prodott ipproċessat jingħata lura lil dawn il-produtturi.

17     Fil-każ ta' impriżi ta' l-ipproċessar li jixtru l-għalf mingħand produtturi biex imbagħad jerġgħu jbigħuh lil terzi, jiġu konklużi kuntratti ta' xiri u ta' bejgħ ta' oġġetti, operazzjonijiet li għandhom manifestament jitqiesu bħala provvisti ta' oġġetti għall-finijiet tas-Sitt Direttiva u għaldaqstant taxxabbli.

18     Fil-każ ta' kuntratti ta' ordni speċjali, mill-fatt li l-għalf imnixxef jingħata lura mill-impriża ta' l-ipproċessar lill-produttur ta' għalf aħdar, l-operazzjoni għandha titqies bħala l-għoti ta' servizz ta' tnixxif ta' l-għalf. Għaldaqstant, dan l-għoti ta' servizz huwa taxxabbli bħala tali abbażi tas-Sitt Direttiva.

19     Skond l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva, l-operazzjonijiet taxxabbli għandhom jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-VAT fir-rigward ta' l-għajnuniet mogħtija taħt ir-Regolament Nru 603/95.

20     Il-Kummissjoni tosserva li, skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 603/95, "[l]-għajnuna skond l-Artikolu 3 għandha tingħata biss lill-impriżi li jipproċessaw il-prodotti […]". Għalhekk dawn l-impriżi huma d-destinatarji tas-sussidji, fis-sens legali tal-kelma, li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jidentifika billi fl-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva jirreferi għall-"konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur". Ir-Regolament Nru 603/95 ma jsemmi l-ebda benefiċjarju ieħor, fis-sens legali tal-kelma, ta' l-għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni ta' l-għalf imnixxef.

21     Il-Kummissjoni tammetti li sussidju mogħti lil kategorija determinata ta' impriżi jista' jkollu effetti ekonomiċi vantaġġjużi għall-operaturi li, fil-proċess tal-produzzjoni, jinstabu kemm 'il fuq mill-impriżi sussidjati (f'dan il-każ il-produtturi ta' għalf aħdar) u kemm 'l isfel minnhom (f'dan il-każ min irabbi l-bhejjem). Hija tosserva li, fil-każ tal-kuntratti ta' ordni speċjali, il-leġiżlatur Komunitarju stess jeżiġi, fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 603/95, li l-impriża ta' l-ipproċessar tgħaddi lill-produtturi l-għajnuna miksuba mingħand l-aġenzija ta' l-intervent.

22     Madankollu, il-possibbiltà li operaturi oħra jibbenefikaw minn sussidju jew l-obbligu li s-sussidju kollu jew parti minnu jingħata lil operaturi oħra ma tbiddel xejn mill-aspetti legali tal-problema. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn id-destinatarju ta' l-għajnuna fis-sens legali tal-kelma, jiġifieri l-impriża ta' l-ipproċessar, u l-benefiċjarju indirett tas-sussidju fis-sens ekonomiku tal-kelma.

23     Il-Kummissjoni ssostni li billi fl-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva l-leġiżlatur Komunitarju uża l-kunċett ta' "sussidji marbuta direttament mal-prezz", huwa xtaq jinkludi fl-ammont taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT l-għajnuniet kollha li għandhom effett dirett fuq l-ammont tal-kunsiderazzjoni miksuba mill-fornitur jew mill-persuna li tipprovdi servizz. Dawn is-sussidji għandu jkollhom rabta diretta, jew ta' l-inqas rabta kawżali, mal-provvista ta' oġġetti jew servizzi kkwantifikati jew li jistgħu jiġu kkwantifikati b'mod preċiż: l-għajnuna tingħata skond kemm dawn l-oġġetti jew servizzi jkunu effettivament mibjugħa fis-suq. Dan huwa l-każ f'din il-kawża.

24     Il-Gvern Ġermaniż isostni li, sabiex ikunu taxxabbli, is-"sussidji marbuta direttament mal-prezz" skond l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandhom:

–       jikkostitwixxu kunsiderazzjoni ta' provvista oġġetti jew ta' servizzi mill-benefiċjarju tas-sussidju

–       ikunu marbuta mill-qrib mal-prezz.

25     Sostnut mill-Gvern Finlandiż u dak Żvediż, huwa jgħid li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti f'dan il-każ.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26     Billi jipprovdi li l-ammont taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT jinkludi, fil-każijiet determinati minnu, is-sussidji mogħtija lill-persuni taxxabbli, l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva jissuġġetta għall-VAT il-valur kollu ta' l-oġġetti jew tas-servizzi u, għalhekk, jevita li l-għoti ta' sussidju jwassal għal dħul inqas mit-taxxa.

27     Skond il-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni tapplika meta s-sussidju huwa marbut direttament mal-prezz ta' l-operazzjoni in kwistjoni.

28     Sabiex dan ikun il-każ, is-sussidju għandu l-ewwel nett ikun mogħti speċifikament lill-operatur issussidjat sabiex dan jipprovdi oġġett jew iwettaq servizz partikolari. Huwa biss f'dan il-każ li s-sussidju jista' jitqies bħala kunsiderazzjoni għall-provvista ta' oġġett jew għall-għoti ta' servizz u li, għaldaqstant ikun taxxabbli. Għandu jiġi kkonstatat, b'mod partikolari, li d-dritt tal-benefiċjarju li jirċievi sussidju huwa rikonoxxut meta dan iwettaq operazzjoni taxxabbli (sentenza tat-22 ta' Novembru 2001, Office des produits wallons, C-184/00, Ġabra p. I-9115, punti 12 u 13).

29     Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat li x-xerrejja ta' l-oġġett jew il-persuni li jirċievu s-servizz jibbenefikaw mis-sussidju mogħti lill-benefiċjarju tiegħu. Fil-fatt, huwa meħtieġ li l-prezz li għandu jitħallas mix-xerrej jew mill-persuna li tirċievi s-servizz jiġi stabbilit b'tali mod li jonqos bi proporzjon mas-sussidju mogħti lill-bejjiegħ ta' l-oġġett jew lill-persuna li tipprovdi s-servizz, liema sussidju għalhekk jikkostitwixxi element li jiddetermina l-prezz mitlub minn dawn ta' l-aħħar. Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk, oġġettivament, il-fatt li ngħata sussidju lill-bejjiegħ jew lill-persuna li tipprovdi servizz jippermettilhomx li jbigħu l-oġġett jew li jipprovdu s-servizz bi prezz irħas minn dak li kien ikollhom jitolbu fin-nuqqas ta' sussidju (sentenza Office des produits wallons, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14).

30     Il-kunsiderazzjoni rappreżentata mis-sussidju għandha, ta' l-inqas, tkun tista' tiġi ddeterminata. Mhux meħtieġ li l-ammont tas-sussidju jikkorrispondi strettament għat-tnaqqis fil-prezz ta' l-oġġett jew tas-servizz provdut. Huwa biżżejjed li r-relazzjoni bejn il-prezz u l-imsemmi sussidju, li jista' jkun ta' rata fissa, tkun waħda sinjifikanti (ara Office des produits wallons, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).

31     Finalment, il-kunċett ta' "sussidji marbuta direttament mal-prezz" fis-sens ta' l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva jinkludi biss is-sussidji li jammontaw għall-kunsiderazzjoni totali jew parzjali ta' operazzjoni ta' provvista ta' oġġetti jew ta' għoti ta' servizzi u li jingħataw minn persuna terza lill-bejjiegħ jew lill-persuna li tipprovdi servizz (sentenza Office des produits wallons, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18).

32     Għandu jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, il-kundizzjonijiet biex l-għajnuniet in kwistjoni jiġu suġġetti għall-VAT ma huma sodisfatti fir-rigward ta' l-ebda waħda miż-żewġ kategoriji ta' operazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni, jiġifieri, minn naħa, il-bejgħ minn impriża ta' l-ipproċessar, wara tnixxif, ta' għalf mixtri mingħand il-produtturi ta' għalf aħdar, u min-naħa l-oħra, il-kuntratt ta' ordni speċjali konkluż minn impriża ta' l-ipproċessar ma' produttur ta' għalf aħdar.

 Bejgħ wara tnixxif ta' għalf mixtri mingħand produtturi

33     Kif issostni l-Kummissjoni, il-bejgħ ta' għalf imnixxef minn impriża ta' l-ipproċessar wara li tkun akkwistat il-materja prima mingħand produtturi ta' għalf aħdar, jammonta għal provvista ta' oġġetti skond is-Sitt Direttiva.

34     L-għajnuna tingħata mill-Istat għall-benefiċċju ta' l-impriża ta' l-ipproċessar, li tista' tagħmel użu minnha.

35     Madankollu, din l-għajnuna mhix marbuta direttament mal-prezz ta' l-operazzjoni taxxabbli fis-sens ta' l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva.

36     Fil-fatt, l-għajnuna ma tingħatax mill-Istat speċifikament sabiex l-impriża ta' l-ipproċessar tipprovdi l-għalf imnixxef lil xerrej.

37     F'dan il-każ, il-partijiet jaqblu li fis-suq dinji ma jeżistix nuqqas ta' għalf imnixxef. Huwa wkoll kostanti li l-għan ta' l-iskema ta' għajnuna mill-Istat huwa, minn naħa, li tiġi inkoraġġita l-produzzjoni fi ħdan il-Komunità, minkejja li l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar għoljin minn dawk fis-suq dinji, u dan sabiex ikun assigurat sors ta' provvista interna, u, min-naħa l-oħra, li jiġi prodott għalf imnixxef ta' kwalità. F'dan ir-rigward, il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 603/95 tenfasizza l-għan li "tiġi [i]nkoraġġita fornitura regolari ta' għalf aħdar lill-[impriżi ta' l-ipproċessar] u [li] il-produtturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta' għajnuna", u l-għaxar premessa tikkonstata l-ħtieġa li jiġu ddeterminati l-kriterji relattivi għall-kwalità minima ta' l-għalf imnixxef intitolat għall-għajnuna, kriterji li huma stabbiliti fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

38     F'dan il-kuntest ma jidhirx li l-iskema ta' għajnuna hija skema li tippromwovi l-konsum. Hija mhix intiża li tinkoraġġixxi lil terzi biex jixtru l-għalf imnixxef minħabba prezzijiet li, minħabba l-għajnuna, huma inqas mill-prezz fis-suq dinji, sitwazzjoni fejn ammont taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT limitat għall-prezz imħallas ma jkunx jikkorrispondi għall-valur kollu ta' l-oġġett provdut. Din is-sistema hija intiża biex tippermetti lil dawn it-terzi persuni li jiksbu provvista fil-Komunità bi prezz komparabbli għall-prezz fis-suq dinji, prezz li bih huma jkunu jistgħu, f'kull każ, jiksbu provvista barra mill-Komunità jekk, fin-nuqqas ta' għajnuna, l-offerta ta' għalf imnixxef fi ħdan il-Komunità tkun ineżistenti jew insuffiċjenti. Għaldaqstant, il-VAT applikata għal dan il-prezz tkopri l-valur kollu ta' l-oġġett fis-suq.

39     Għal dawn il-motivi biss, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-inklużjoni ta' l-għajnuna mill-Istat fl-ammont taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT humiex sodisfatti, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment mressaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ wara tnixxif ta' għalf mixtri mingħand produtturi mhuwiex fondat.

 Kuntratt ta' ordni speċjali

40     Kif tosserva l-Kummissjoni, l-għan tal-kuntratt ta' ordni speċjali huwa li jiġi pprovdut servizz ta' tnixxif mill-impriża ta' l-ipproċessar għall-benefiċċju tal-produttur ta' għalf aħdar.

41     Madankollu, l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva jirrikjedi li, biex ikun taxxabbli, is-sussidju għandu jingħata lill-persuna li tipprovdi l-oġġett jew lill-persuna li tipprovdi s-servizz, b'tali mod li din tkun tista' tużah.

42     Madankollu, fil-każ ta' kuntratti ta' ordni speċjali, l-għajnuna rċevuta mill-impriża ta' l-ipproċessar ma tingħatax għall-benefiċċju tagħha.

43     Ċertament, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 603/95 jipprovdi li "[l-]għajnuna […] għandha tingħata biss lill-impriżi li jipproċessaw […]".

44     Madankollu, il-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 603/95 tipprovdi li, fir-rigward tal-kuntratti ta' ordni speċjali, l-għajnuna għandha tingħata lura lill-produttur u l-Artikolu 11(2) ta' l-istess regolament jobbliga lill-impriżi ta' l-ipproċessar li jgħaddu lill-produtturi l-għajnuna li huma jirċievu mill-Istat fir-rigward tal-kwantitajiet ipproċessati taħt il-kuntratti konklużi.

45     Għalhekk, l-impriża ta' l-ipproċessar ma tistax tuża l-għajnuna rċevuta. Hija tassumi biss rwol ta' intermedjarja bejn l-aġenzija li tagħti l-għajnuna u l-produttur ta' għalf. F'dan ir-rigward, il-kriterju propost mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-kunċett ta' "destinatarju legali" ta' sussidju, irrispettivament mill-benefiċċju ekonomiku ta' dan ta' l-aħħar, ma jistax jiġi aċċettat.

46     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-għajnuna ma tistax titqies bħala l-kunsiderazzjoni, għall-impriża ta' l-ipproċessar, tas-servizz li tipprovdi u lanqas ma tippermettilha li tipprovdi dan is-servizz bi prezz aktar baxx.

47     Għaldaqstant, il-prezz tas-servizz ta' tnixxif għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż normali ta' l-ipproċessar b'tali mod li l-VAT applikata għal dan il-prezz tkopri l-valur kollu tas-servizz mogħti.

48     L-għajnuna mogħtija lill-produttur tnaqqaslu l-ispiża ta' l-għalf imnixxef. Madankollu, dan it-tnaqqis ma jseħħx meta jsir il-ħlas tal-prezz ta' l-operazzjoni taxxabbli. It-tnaqqis seħħ a posteriori, wara li jsir il-ħlas ta' prezz li jikkorrispondi għall-valur totali tas-servizz mogħti

49     Jekk fl-ammont taxxabbli tkun inkluża wkoll l-għajnuna mogħtija b'mod definittiv lill-produttur ta' għalf aħdar, l-operazzjoni ta' tnixxif tkun, kuntrarjament għall-għan ta' l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva, intaxxata iktar milli suppost.

50     Għal dawn il-motivi biss, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-inklużjoni ta' l-għajnuna fl-ammont taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT humiex sodisfatti, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imressaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kuntratti ta' ordni speċjali mhix fondata.

51     Finalment, peress li l-ebda wieħed miż-żewġ ilmenti mressqa mill-Kummissjoni ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

52     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-kawża, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-konvenuta.

53     Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja, li intervenew sabiex isostnu t-talbiet tal-konvenuta, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija ordnata tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Timmermans

Gulmann

Puissochet

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.

R. Grass

 

C. W. A. Timmermans

Reġistratur

 

President tat-Tieni Awla


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż