SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
13 ta’ Jannar 2005 (*)
"Għajnuna mogħtija mill-Istat – Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE) – Proġett ta’ għajnuna – Projbizzjoni ta’ implementazzjoni ta’ miżuri ppjanati qabel id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni – Portata tal-projbizzjoni jekk l-għajnuna tikkonsisti f’eżenzjoni minn taxxa – Iffissar tal-persuni li jistgħu jinvokaw ksur eventwali"
Fil-kawża C-174/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ Deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2002, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2002, fil-proċedura
Streekgewest Westelijk Noord-Brabant
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Rosas, K. Lenaerts, S. von Bahr u K. Schiemann (Relatur), imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
· għal Streekgewest Westelijk Noord-Brabant, minn H. Gilliams u P. H. L. M. Kuypers, advocaten,
· għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
· għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Flett u H. van Vliet, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-4 ta’ Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE), sabiex, b’mod partikolari, jiġi ppreċiżat, minn naħa, min jista’ jagħmel użu mill-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, min-naħa l-oħra, li tikkjarifika f’liema ċirkustanzi teżisti rabta suffiċjenti bejn għajnuna u taxxa li tiffinanzja din l-għajnuna, b’mod li l-projbizzjoni pprovduta mill-imsemmija dispożizzjoni tiġi estiża għat-taxxa.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Streekgewest Westelijk Noord-Brabant (organizzazzjoni lokali mqabbda tiġbor skart domestiku) (iktar ’il quddiem "Streekgewest"), u s-Staatssecretaris van Financiën (iktar ’il quddiem "Staatssecretaris"). Is-Streekgewest titlob lill-din ta’ l-aħħar il-ħlas lura tat-taxxi fuq l-iskart imħallsa skond l-Artikolu 18 tal-Wet belastingen op milieugrondslag tat-23 ta’ Diċembru 1994 (liġi li intoduċiet taxxi għall-protezzjoni ta’ l-ambjent, Staatsblad 1994, 923, 924 u 925, iktar ’il quddiem "WBM"), peress li dawn ġew imposti bi ksur tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 93(3) tat-Trattat jipprovdi:
"Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu [92], hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 Skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 1992, il-Gvern Olandiż innotifika, lill-Kummissjoni, l-abbozz tal-Wet op de verbruiksbelastingen op milieugrondslag (liġi li tintroduċi taxxi fuq il-konsum għall-protezzjoni ta’ l-ambjent), li, f’forma modifikata, sussegwentement tat lok għal WBM. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 1992, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Olandiż li hija kienet ħadet id-deċiżjoni, fil-25 ta’ Novembru 1992, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżuri ta’ għajnuna li kienu inklużi f’dan l-abbozz ta’ liġi. Din id-deċiżjoni hija ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-24 ta’ Marzu 1993 (ĠU C 83, p. 3).
5 Waqt l-eżami parlamentari ta’ l-abbozz ta’ liġi, ġie deċiż li jsiru xi emendi. Wara li l-Gvern Olandiż kien, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 1993, innotifika dawn l-emendi lill-Kummissjoni, din informat, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 1994, li hija kienet ħadet id-deċiżjoni, fid-29 ta’ Marzu 1994, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-emendi proposti. Din id-deċiżjoni hija ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-4 ta’ Ġunju 1994 (ĠU C 153, p. 20).
6 Fit-13 ta’ Ottubru 1994, abbozz ta’ liġi li jemenda l-WBM permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ emenda permanenti u żewġ emendi temporanji, tressaq quddiem il-Parlament Olandiż. Għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq l-iskart, dan l-abbozz ta’ liġi kien jipprovdi żieda fl-ammont tagħha ta’ 28.50 NLG sa 29.20 NLG għal kull 1000 kg ta’ skart, u l-possibbiltà ta’ ħlas lura ta’ din it-taxxa lill-persuni kollha li jikkonsenjaw residwi li jirriżultaw minn tneħħija ta’ inka għal ipproċessar u lill-persuni kollha li jikkunsinnaw l-iskart provenjenti mir-reċiklaġġ tal-materjali plastiċi lill-kumpannija li tipproċessa l-iskart. Il-Gvern Olandiż innotifika dawn il-miżuri, imsemmija bħala "preċiżazzjonijiet", lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 1994.
7 Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 1994, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern Olandiż fuq il-fatt li n-notifika ma kinitx kompluta u f’dan ir-rigward hija għamlet numru ta’ domandi. Dan il-gvern irrisponda permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994. F’dik l-ittra, huwa qal ukoll li l-abbozz ta’ liġi jikkonċerna wkoll żewġ miżuri ġodda ta’ għajnuna. Waħda minn dawk il-miżuri kienet tikkonsisti f’eżenzjoni temporanja tat-taxxa fuq l-iskart relatati ma’ tajn li jittalla mit-tħaffir fil-baħar li jista’ jiġi ppurifikat.
8 Il-WBM, il-liġi ta’ implementazzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, kif ukoll il-liġi li temenda, ġew adottati mill-Ewwel Awla ta’ l-iStaten-Generaal fil-21 ta’ Diċembru 1994. Permezz ta’ Digriet Rjali tat-23 ta’ Diċembru 1994, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-WBM emendata ġiet iffissata għall-1 ta’ Jannar 1995.
9 Il-Kummissjoni qieset li l-WBM, kif emendata, kienet daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995, u permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 1995, hija informat lill-Gvern Olandiż li hija kienet tikkunsidra l-miżuri ta’ għajnuna in kwistjoni bħala għajnuna li ma ġietx innotifikata, peress li kienet ġiet adottata qabel mal-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fir-rigward tagħhom, u talbitu jikkomunikalha, fost affarijiet oħra, it-testi integrali tal-WBM. Il-Kummissjoni ppronunzjat ruħha biss fl-aħħar tal-perijodu ta’ impożizzjoni in kwistjoni. Permezz ta’ faks tat-23 ta’ Mejju 1995, ikkompletata permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 1995, hija qalet li, skond hi, ma kinux jeżistu elementi ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 Streekgewest hija organizzazzjoni li għandha personalità ġuridika, inizjalment ikkostitwita u kkontrollata minn 18-il muniċipalità tar-reġjun Olandiż tal-Westelijk Noord-Brabant. Mill-1 ta’ Jannar 1997, il-muniċipalitajiet li jifformaw parti minn din l-organizzazzjoni huma 7. Streekgewest hija mqabbda tiġbor l-iskart domestiku u li tittrasportah lejn impjant ta’ pproċessar, li hija responsabbli wkoll li twettaq. Kull darba li l-iskart huwa kkunsinnat lill-impjant ta’ pproċessar, it-taxxa hija dovuta skond l-Artikolu 18 tal-WBM.
11 Għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 1995, Streekgewest ħallset ammont ta’ 499914.00 NLG bħala taxxa fuq l-iskart. Iżda hija ppreżentat ilment u talbet il-ħlas lura tas-somma mħallsa. Din id-domanda ġiet irrifjutata permezz tad-deċiżjoni ta’ l-ispettur tat-taxxi. Streekgewest ipprżentat rikors quddiem il-Gerechtshof te’s-Gravenhage (L-Olanda) kontra dik id-deċiżjoni u din l-aħħar imsemmija ordnat il-ħlas lura ta’ 80796.40 NLG.
12 Staatssecretaris appellat kontra s-sentenza ta’ l-imsemmija qorti quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. Streekgewest ikkontestat ukoll, quddiemha, ir-rifjut tal-Gerechtshof li tagħtiha l-ħlas lura ta’ l-ammont kollu.
13 Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti:
"1) Id-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat [...] jistgħu jiġu invokati biss minn individwu effettwat mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni internazzjonali li tirriżulta minn miżura ta’ għajnuna?
2) Fil-każ li miżura ta’ għajnuna, bħal dik prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat [...], tikkonsisti fl-eżenzjoni mit-taxxa (li tinkludi tnaqqis tat-taxxa u tnaqqis fiskali), fejn ir-rikavat huwa mħallas lit-Teżor, u fejn ma kienx previst f’dan ir-rigward li l-eżenzjoni tkun sospiża waqt il-proċedura ta’ notifikazzjoni, din it-taxxa diġà trid tiġi kkunsidrata bħala element ta’ din il-miżura ta’ għajnuna minħabba l-fatt li l-impożizzjoni tat-taxxa fuq persuni li ma jibbenefikawx minn eżenzjoni huwa l-mezz li permezz tiegħu li jintlaħaq effett favorevoli, b’mod li l-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, tkun applikabbli wkoll (għall-ġbir ta’) din it-taxxa sakemm kemm l-implemetazzjoni ta’ din il-miżura ta’ għajnuna mhijiex permessa abbażi ta’ l'imsemmija dispożizzjoni?
3) Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti: fil-każ fejn rabta, bħal[l-fatt li parti żgħira tat-taxxa in kwistjoni (0.70 NLG għal kull tunnelata ta’ skart) isservi sabiex tikkumpensa l-effetti tas-sistemi tal-ħlas lura previsti fil-punt 6 tas-sentenza preżenti], trid tiġi stabbilita bejn iż-żieda ta’ taxxa partikolari, fejn ir-rikavat jmur għat-Teżor, u miżura ta’ għajnuna proposta skond l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat[…], l-introduzzjoni ta’ din iż-żieda trid tkun ikkunsidrata bħala (bidu) ta’ l-implementazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ l-imsemmija miżura ta’ għajnuna? Jekk ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-intensità ta’ din ir-rabta, liema ċirkustanzi huma importanti f’dan ir-rigward?
4) Jekk il-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna tapplika wkoll għat-taxxa, deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, li tiddikjara l-miżura ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, m’għandhiex bħala effett li l-illegalità tat-taxxa tkun koperta a posteriori?
5) Jekk il-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna tkopri wkoll it-taxxa, il-persuna li fuqha ġiet imposta din it-taxxa tista’, billi tinvoka l-effett dirett ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat […], topponi b’mezz ġudizzjarju l-ammont kollu tat-taxxa jew biss parti minnha?
6) F’dan l-aħħar każ, il-liġi Komunitarja timponi eżiġenzi speċifiċi għal dak li jikkonċerna l-mod fejn trid tiġi stabbilita l-parti tat-taxxa li taqa’ fuq il-projbizzjoni prevista fl-aħħar tas-sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat […]?"
Fuq l-ewwel domanda
14 Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat jistgħux jiġu invokati biss minn individwu effettwat mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni internazzjonali li tirriżulta minn miżura ta’ għajnuna.
15 Konformement mal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-effett dirett irrikonoxxut fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat li n-natura immedjatament applikabbli tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista minn dan l-Artikolu testendi għal kull għajnuna li tista’ tiġi implementata mingħajr ma tkun innotifikata (ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punt 11, iktar ’il quddiem is-"sentenza FNCE").
16 Hija ddeċidiet ukoll li meta l-metodu tal-finanzjament ta’ għajnuna permezz ta’ taxxa tkun parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn nuqqas, min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, ta’ l-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat trid tapplika wkoll għal dan l-aspett tal-miżura ta’ għajnuna (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Van Calster et, C-261/01 u C-262/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52). F’ċirkustanzi bħal dawn, jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali huma marbuta, bħala prinċipju, li jħallsu lura t-taxxi imposti bi ksur tal-liġi Komunitarja (ara s-sentenzi ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C-192/95 sa C-218/95, Ġabra p. I-165, punt 20, u s-sentenza Van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).
17 Hija responsabbiltà tal-qrati nazzjonali li jipproteġu d-drittijiet ta’ l-individwi fil-każ ta’ inosservanza eventwali, min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni ta’ l-għajnuniet. Inosservanza bħal din, invokata mill-individwi li jistgħu jiddependu fuqha u li hija kkonstatata mill-qrati nazzjonali, trid twassal lil dawn sabiex jieħdu l-konsegwenzi kollha b’mod konformi mal-liġi nazzjonali tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi FNCE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12, u s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et, C-17/91, Ġabra p. I-6523, punt 30).
18 Fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar il-kwalità u l-interess ta’ individwu sabiex jieħu passi legali, il-Qorti ddeċidiet li l-liġi Komunitarja teżiġi li regoli ma jipperikolawx id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1991, Verholen et, C-87/90 sa C-89/90, Ġabra p. I-3757, punt 24, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero, C-13/01, Ġabra p. I-8679, punt 50).
19 Individwu jista’ jkollu interess li jirrikorri quddiem il-qrati nazzjonali għall-effett dirett tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat mhux biss sabiex jitneħħew l-effetti negattivi tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġġenerata bl-għoti ta’ għajnuna illegali, iżda wkoll bil-għan li jinkiseb ħlas lura ta’ taxxa imposta bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. F’din l-aħħar ipoteżi, il-punt dwar jekk individwu ġiex effettwat mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-miżura ta’ għajnuna huwa irrilevanti sabiex jiġi evalwat l-interess tiegħu li jaġixxi. Biss irid jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-individwu huwa ssuġġettat għal taxxa li hija parti integrali minn miżura ta’ għajnuna implementata bi ksur tal-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.
20 Minbarra dan, din il-konklużjoni hija ġġustifikata mill-għan li jiġi assigurat l-effett utili tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza FNCE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
21 Għalhekk hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat trid tiġi interpretata fis-sens li din tista’ tiġi invokata minn individwu ssuġġettat għal taxxa li hija parti integrali minn miżura ta’ għajnuna u implementata bi ksur tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, indipendentement mid-domanda dwar jekk l-individwu huwiex effettwat mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-miżura ta’ għajnuna.
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
22 It-tieni u tielet domanda jirrigwardaw iċ-ċirkustanzi li fihom teżisti rabta suffiċjenti bejn taxxa u miżura ta’ għajnuna li tikkonsisti f’eżenzjoni minn din it-taxxa mar-riżultat li l-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat tapplika mhux biss għall-miżura ta’ għajnuna iżda wkoll għat-taxxa. Jeħtieġ li dawn iż-żewġ domandi jiġu ttrattati flimkien.
23 Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat tapplika għal taxxa meta miżura ta’ għajnuna tikkonsisti f’eżenzjoni minn din it-taxxa. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tipprova tiskopri f’liema kundizzjonijiet il-kumpens tat-telf tad-dħul minħabba l-eżenzjoni permezz taż-żieda tat-taxxa toħloq rabta suffiċjenti bejn l-għajnuna u t-taxxa, b’tali mod li l-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni testendi ruħha għat-taxxa.
24 Jeħtieġ li mill-bidu jingħad li, kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-trattat jipprovdi distinzjoni ċara bejn is-sistemi li jikkonċernaw, minn naħa, l-Artikoli 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE), 93 tat-Trattat KE u 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE), l-għajnuniet mogħtija mill-Istat u, min-naħa l-oħra, għall-Artikoli 101 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 96 KE) u 102 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 97 KE), id-distorsjonijiet li jirriżultaw mid-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi ta’ l-Istati Membri, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fiskali tagħhom.
25 It-taxxi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat li jikkonċernaw l-għajnuna mogħtija mill-Istat sakemm dawn ma jikkostitwixxux il-mezz ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, b’mod li huma jagħmlu parti integrali ta’ din il-miżura.
26 Sabiex taxxa, jew parti minn taxxa, tkun tista’ tiġi kkunsidrata parti minn miżura ta’ għajnuna, irid neċessarjament ikun hemm rabta ta’ destinazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li r-rikavat tat-taxxa huwa essenzjalment allokat għall-finanzjament ta’ l-għajnuna. Jekk teżisti tali rabta, ir-rikavat tat-taxxa jinfluwenza direttament l-importanza ta’ l-għajnuna u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il-Kummissjoni, 47/69, Ġabra p. 487, punti 17, 20 u 21). Għalhekk il-Qorti qieset li, fil-każ fejn teżisti rabta bħal din bejn il-miżura ta’ għajnuna u l-finanzjament tagħha, in-notifika tal-miżura ta’ l-għajnuna, prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat, trid tkopri wkoll il-metodu ta’ finanzjament tagħha sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipproċedi bl-eżami tagħha abbażi ta’ informazzjoni kompluta. Fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx eskluż li tiġi ddikjarata kompatibbli miżura ta’ għajnuna li, jekk il-Kummissjoni kienet taf bil-metodu ta’ finanzjament tiegħu, ma kienx ikun jista’ jiġi ddikjarat hekk (sentenzi Van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C-345/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).
27 Fil-kawża prinċipali, il-miżura ta’ għajnuna tieħu l-forma ta’ eżenzjoni tat-taxxa fuq l-iskart. Anki jekk, għall-ħtiġijiet tal-previżjonijiet tal-baġit ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, il-vantaġġ fiskali ġie kkumpensat permezz taż-żieda ta’ l-ammont tat-taxxa fuq l-iskart ta’ 28.50 NLG sa 29.20 NLG għal kull 1000 kg ta’ skart, dak il-fatt waħdu mhux suffiċjenti sabiex tiġi murija l-eżistenza ta’ rabta ta’ destinazzjoni bejn it-taxxa u l-vantaġġ fiskali.
28 Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mis-sentenza tar-rinviju li t-test tal-WBM ma stabbilixxa l-ebda rabta ta’ destinazzjoni bejn it-taxxa fuq l-iskart u l-finanzjament ta’ l-eżenzjoni fiskali. Min-naħa l-oħra, ir-rikavat ta’ din it-taxxa m’għandu l-ebda impatt fuq l-ammont ta’ għajnuna. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali u l-livell ta’ applikazzjoni tagħha ma jiddependux mir-rikavat ta’ l-imsemmija taxxa.
29 Għalhekk jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda li l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat trid tiġi interpretata fis-sens li l-projbizzjoni fiha tapplika biss għal taxxa jekk teżisti rabta ta’ destinazzjoni bejn ir-rikavat ta’ din it-taxxa u l-miżura ta’ għajnuna in kwistjoni. Il-fatt li l-għajnuna hija konċessa taħt forma ta’ eżenzjoni tat-taxxa jew li t-telf tad-dħul minħabba din l-eżenzjoni hija, għall-ħtiġijiet tal-previżjonijiet tal-baġit ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, ikkumpensati permezz ta’ żieda ta’ l-ammont tat-taxxa, waħidhom mhux suffiċjenti sabiex jammontaw għal rabta bħal din.
30 Fir-rigward tar-risposta mogħtija għat-tieni u t-tielet domandi, mhemmx lok li tingħata risposta għar-raba’, għall-ħames u għas-sitt domanda.
Fuq l-ispejjeż
31 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla), taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li saret l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE) trid tiġi interpretata fis-sens li din tista’ tiġi invokata minn individwu suġġett għal taxxa li hija parti integrali minn miżura ta’ għajnuna u implementata bi ksur tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-individwu huwiex effettwat mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-miżura ta’ għajnuna.
2) L-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat trid tiġi interpretata fis-sens li l-projbizzjoni fiha tapplika biss għal taxxa jekk teżisti rabta ta’ destinazzjoni bejn ir-rikavat ta’ din it-taxxa u l-miżura ta’ għajnuna in kwistjoni. Il-fatt li l-għajnuna hija konċessa taħt il-forma ta’ eżenzjoni tat-taxxa jew li t-telf tad-dħul minħabba din l-eżenzjoni hija, għall-ħtiġijiet tal-previżjonijiet tal-baġit ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, ikkumpensati permezz ta’ żieda ta’ l-ammont tat-taxxa, waħidhom mhumiex suffiċjenti sabiex jammontaw għal rabta bħal din.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.