SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
7 ta' Settembru 2004 (*)
"Taxxa fuq id-dħul – Kreditu fiskali fir-rigward ta' dividendi mħallsa minn kumpanniji Finlandiżi – Artikoli 56 KE u 58 KE – Koerenza tas-sistema fiskali"
Fil-kawża C-319/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Settembru 2002, li ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Settembru 2002, fil-proċedura mibdija minn
Petri Manninen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann, J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awli, R. Schintgen, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u K. Lenaerts (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Frar 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għas-Sur Manninen, minnu stess,
– għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin u T.Pynnä, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Petrausch, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. Hoskins, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u I. Koskinen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-18 ta' Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 56 KE u 58 KE.
2 Din it-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura mibdija quddiem il-Korkein hallinto-oikeus minn Petri Manninen fejn dan ikkontesta l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża dwar it-tassazzjoni tad-dividendi (aktar 'il quddiem il-"leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża") mad-dritt Komunitarju.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3 L-Artikolu 56(1) KE jipprovdi li:
"Fil-kwadru tad-dispo[ż]izzjonijiet indikati f'dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita."
4 L-Artikolu 58(1) KE jipprovdi li:
"Id-dispo[ż]izzjonijiet ta' l-Artikolu 56 m'għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta' l-Istati Membri:
a) li japplikaw id-dispo[ż]izzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta' residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.
b) li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali [...]"
5 L-Artikolu 58(3) jipprovdi li:
"Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta' kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56."
Id-dritt Finlandiż
6 Skond l-Artikolu 32 tat-tuloverolaki (Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) (1535/1992), id-dividendi li persuna prinċipalment suġġetta għat-taxxa fil-Finlandja tirċievi mingħand kumpannija Finlandiża jew barranija kkwotata fil-borża huma ntaxxati bħala dħul mill-kapital.
7 Skond l-Artikolu 124 ta' l-imsemmija tuloverolaki, kif emendata bil-Liġi 1459/2001, id-dħul mill-kapital huwa suġġett għal taxxa b'rata ta' 29%.
8 Il-kumpanniji stabbiliti fil-Finlandja jħallsu taxxa fuq il-qligħ tagħhom b'rata li hija wkoll ta' 29%. Sabiex tkun evitata tassazzjoni doppja fuq dan id-dħul marbuta mat-tqassim tad-dividendi, l-Artikolu 4(1) tal-laki yhtiöveron hyvityksestä (Liġi dwar il-Kreditu Fiskali) (1232/1998), kif emendat mil-Liġi 1224/1999, jagħti lill-azzjonisti kreditu fiskali li huwa ugwali għal 29/71 ta' l-ammont tad-dividendi li huma jkunu rċevew matul is-sena tat-taxxa in kwistjoni.
9 Skond l-Artikolu 4(2) tal-Liġi dwar il-Kreditu Fiskali, kif emendata bil-Liġi 1224/1999, id-dividend u l-kreditu fiskali jammontaw għal dħul taxxabbli ta' l-azzjonist. L-għoti ta' kreditu fiskali għandu l-effett li t-taxxa totali fuq qligħ imqassam minn kumpannija kkwotata f'borża tammonta għal 29%.
10 Skond l-Artikoli 1 tal-Liġi dwar il-Kreditu Fiskali, il-kreditu fiskali japplika biss għad-dividendi mqassma minn kumpannija Finlandiżi lill-persuni prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja.
11 Jekk jirriżulta li t-taxxa mħallsa minn kumpannija Finlandiża bħala taxxa fuq il-kumpanniji hija anqas minn 29/71 ta' l-ammont tad-dividendi li t-tqassim tagħhom kien ġie deċiż matul is-sena fiskali kkonċernata, id-differenza, skond l-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Kreditu Fiskali, kif emendat mil-Liġi 1542/1992, għandha titħallas minn din il-kumpannija permezz ta' taxxa addizzjonali.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Petri Manninen huwa prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja. Huwa għandu ishma f'kumpannija Żvediża kkwotata fil-borża ta' Stokkolma (l-Iżvezja).
13 Il-qligħ imqassam mill-kumpannija Żvediża kkonċernata fil-forma ta' dividendi lil Petri Manninen kien diġà ġie ntaxxat fl-Iżvezja taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji. Fl-Iżvezja, id-dividendi huma wkoll suġġetti għal taxxa fuq id-dħul mill-kapital permezz ta' tnaqqis f'ras il-għajn. Peress li d-dividendi mqassma minn kumpanniji barranin lil Finlandiżi suġġetti għat-taxxa ma jagħtux dritt għal kreditu fiskali fil-Finlandja, dawn id-divideni huma suġġetti, f'dan l-aħħar Stat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul li tolqot id-dħul mill-kapital u li r-rata tagħha hija ta' 29%. Madankollu, skond il-konvenzjoni (26/1997) konkluża bejn il-pajjiżi membri tal-Kunsill Nordiku bil-għan li tkun evitata t-tassazzjoni doppja fil-qasam ta' taxxi fuq id-dħul u ta' taxxi fuq il-ġid, it-taxxa li titnaqqas f'ras il-għajn fl-Iżvezja, ir-rata ta' liema, skond l-Artikolu 10 ta' din il-konvenzjoni, ma tistax taqbeż il-15%, għandha tiġi mnaqqsa mit-taxxa dovuta mill-azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja bħala taxxa fuq id-dħul li taffettwa d-dħul mill-kapital.
14 Fit-23 ta' Novembru 2000, Petri Manninen ressaq talba quddiem il-keskusverolautakunta (Kummissjoni Ċentrali tat-Taxxi) sabiex ikun jaf jekk, fid-dawl ta' l-Artikoli 56 KE u 58 KE, id-dividendi li huwa jirċievi minn kumpannija Żvediża humiex taxxabbli fil-Finlandja.
15 Fid-deċiżjoni preliminari tagħha tas-7 ta' Frar 2001, il-keskusverolautakunta ddeċidiet li Petri Manninen ma kellux dritt li jibbenefika mill-kreditu fiskali fir-rigward tad-dividendi li huwa jirċievi minn kumpannija Żvediża.
16 Petri Manninen ressaq appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema).
17 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta' kreditu fiskali bħas-sistema Finlandiża deskritta [fil-punti 6 sa 11 ta' din is-sentenza] fejn persuna li hija prinċipalment suġġetta għat-taxxa fil-Finlandja għandha dritt għall-kreditu fiskali fir-rigward ta' dividendi li tirċievi minn kumpannija b'responsabbiltà limitata nazzjonali iżda [m'għandhiex dritt għalih] fir-rigward ta' dawk id-dividendi li hija tirċievi minn kumpannija simili rreġistrata fl-Iżvezja?
2) Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, huwa possibbli li l-Artikolu 58 KE jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 56 KE ma jillimitawx id-dritt tal-Finlandja li tapplika d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Liġi dwar il-Kreditu Fiskali peress li l-għoti tal-kreditu fiskali huwa suġġett għall-ħlas fil-Finlandja, mill-kumpannija li tqassam id-dividendi, ta' taxxa jew ta' taxxa addizzjonali korrispondenti, li mhuwiex il-każ fir-rigward ta' dividendi mħallsa minn kumpannija barranija, sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda tassazzjoni?"
Fuq id-domandi preliminari
18 Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li d-dritt ta' persuna prinċipalment suġġetta għat-taxxa fi Stat Membru li tgawdi mill-kreditu fiskali minħabba d-dividendi li tirċievi minn kumpanniji b'responsabbiltà limitata huwa eskluż meta dawn il-kumpanniji ma jkunux stabbiliti f'dan l-Istat.
19 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' fil-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza in konformità mad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-11 ta' Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16; tas-16 ta' Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 19, u tad-29 ta' April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 19).
20 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni fiskali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tinvolvix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens ta' l-Artikolu 56 KE, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tal-kreditu fiskali previst fil-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża huwa li tkun evitata t-tassazzjoni doppja fuq il-qligħ tal-kumpanniji mqassam lill-azzjonisti billi ssir tpaċija tat-taxxa dovuta mill-kumpannija li tqassam id-dividendi bħala taxxa fuq il-kumpanniji mat-taxxa dovuta mill-azzjonist bħala t-taxxa fuq id-dħul li tolqot id-dħul mill-kapital. Ir-riżultat finali ta' sistema bħal din huwa li d-dividendi ma jibqgħux taxxabbli mil-lat ta' l-azzjonist. Peress li l-kreditu fiskali japplika biss favur dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Finlandja, l-imsemmija leġiżlazzjoni tqiegħed fi żvantaġġ lill-persuni prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja li jirċievu dividendi ta' kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra li, min-naħa tagħhom, huma ntaxxati bir-rata ta' 29% taħt it-taxxa fuq id-dħul li tolqot id-dħul mill-kapital.
21 Huwa stabbilit li l-konvenzjoni fiskali konkluża bejn il-pajjiżi tal-Kunsill Nordiku u intiża sabiex tkun evitata t-tassazzjoni doppja mhijiex ta' natura tali li telimina dan it-trattament żvantaġġuż. Fil-fatt, din il-konvenzjoni ma tistabbilixxi l-ebda sistema ta' tpaċija tat-taxxa dovuta bħala taxxa fuq il-kumpanniji mat-taxxa dovuta bħala taxxa fuq id-dħul li tolqot id-dħul mill-kapital. Hija intiża biss sabiex tnaqqas l-effetti ta' tassazzjoni doppja fil-każ ta' l-azzjonist taħt din l-aħħar taxxa.
22 Minn dan isegwi li l-effett tal-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża huwa li tiddisswadi lill-persuni prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja milli jinvestu l-kapital tagħhom f'kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor.
23 L-imsemmija leġiżlazzjoni għandha wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn safejn, fil-konfront tagħhom, hija tammonta għal ostakolu għall-ġbir ta' kapital fil-Finlandja. Fil-fatt, safejn id-dħul mill-kapital b'oriġini li mhijiex Finlandiża huwa, għal skopijiet fiskali, trattat b'mod anqas favorevoli mid-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fil-Finlandja, għall-investituri residenti fil-Finlandja, l-ishma tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra huma anqas attraenti minn dawk ta' kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f'dan l-Istat Membru (ara s-sentenzi tas-6 ta' Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 35, u ta' l-4 ta' Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).
24 Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tammonta għal restrizzjoni għall-moviment liberu ta' kapital li, fil-prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 56 KE.
25 Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.
26 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 58(1)(a) KE, "[i]d-dispo[ż]izzjonijiet ta' l-Artikolu 56 m'għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta' l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispo[ż]izzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward [...] il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit".
27 Skond il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b'mod ċar li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jirriservaw il-benefiċċju tal-kreditu fiskali għal dawk id-dividendi biss li jkunu mħallsa mill-kumpanniji stabbiliti fit-territorju tagħhom.
28 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 58(1)(a) KE, li, bħala deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni suġġetti għat-taxxa skond il-post fejn huma jinvestu l-kapital tagħhom tkun awtomatikament kompatibbli mat-Trattat. Fil-fatt, l-istess deroga prevista fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija limitata mill-Artikolu 58(3) KE li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu (1) ta' dan l-artikolu "m'għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta' kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56".
29 Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni bejn it-trattament mhux ugwali permess taħt l-Artikolu 58(1)(a) KE u d-diskriminazzjoni arbitrarja pprojbita mill-paragrafu (3) ta' l-istess artikolu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fir-rigward tal-persuna prinċipalment suġġetta għat-taxxa fl-Istat Membru kkonċernat, tagħmel distinzjoni bejn id-dħul minn dividendi nazzjonali u dak minn dividendi barranin, tkun tista' titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa meħtieġ li d-differenza fit-trattament tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli jew li tkun iġġustifikata minn ta' raġuni imperattiva ta' interess ġenerali, bħalma hija l-ħtieġa li tkun imħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali (sentenza Verkooijen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43). Barra minn hekk, sabiex tkun iġġustifikata, id-differenza fit-trattament bejn kategoriji differenti ta' dividendi m'għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni.
30 Il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit iqisu, fl-ewwel lok, li d-dividendi mħallsa għandhom karatteristiċi fundamentalment differenti skond jekk joriġinawx minn kumpanniji Finlandiżi jew minn kumpanniji li mhumiex Finlandiżi. F'dan ir-rigward huma jsostnu li, kuntrarjament għall-qligħ imqassam minn dawn ta' l-aħħar, il-qligħ imħallas fil-forma ta' dividendi minn kumpanniji stabbiliti fil-Finlandja huwa suġġett, f'dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq il-kumpanniji li tagħti d-dritt għall-kreditu fiskali lill-azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja. Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament bejn dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti f'dan l-Istat u dawk imħallsa minn kumpanniji li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni hija ġġustifikata fid-dawl ta' l-Artikolu 58(1)(a) KE.
31 Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li l-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża hija konformi mal-prinċipju ta' territorjalità u għaldaqstant ma tistax titqies bħala kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital (sentenza tal-15 ta' Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C-250/95, Ġabra p. I-2471, punti 18 sa 22).
32 F'dan ir-rigward għandu jiġi eżaminat jekk, skond l-Artikolu 58(1)(a) KE, id-differenza fit-trattament ta' l-azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja skond jekk jirċevix dividendi ta' kumpanniji stabbiliti f'dan l-Istat Membru jew ta' kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, hijiex konnessa ma' sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli.
33 Għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża hija intiża sabiex tipprevjeni tassazzjoni doppja tal-qligħ tal-kumpanniji billi tagħti lill-azzjonist li jirċievi dividendi vantaġġ fiskali marbut mat-teħid in kunsiderazzjoni tat-taxxa dovuta mill-kumpannija li tqassam dividendi bħala taxxa fuq il-kumpanniji.
34 Fid-dawl ta' leġiżlazzjoni bħal din, is-sitwazzjoni ta' persuni prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja tista' ċertament tkun differenti abbażi tal-post fejn huma jinvestu l-kapital tagħhom. Dan ikun il-każ b'mod partikolari meta l-leġiżlazzjoni fiskali ta' l-Istat Membru fejn ikun sar l-investiment tkun diġà telimina r-riskju ta' tassazzjoni doppja tal-qligħ ta' kumpanniji mqassam fil-forma ta' dividendi billi, per eżempju, tissuġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji dak il-qligħ biss li ma jkunx imqassam mill-impriża kkonċernata.
35 Dan iżda mhux il-każ fil-każ in eżami. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, kemm id-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fil-Finlandja kif ukoll dawk imħallsa minn kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Iżvezja jistgħu, apparti mill-kreditu fiskali, jintlaqtu minn tassazzjoni doppja. Fiż-żewġ każijiet id-dħul huwa l-ewwel suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji u mbagħad – safejn ikun imqassam fil-forma ta' dividendi – għat-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-benefiċjarji.
36 Għaldaqstant, il-fatt li persuna prinċipalment suġġetta għat-taxxa fil-Finlandja tinvesti kapital f'kumpannija stabbilita fl-Iżvezja ma jippermettix li tkun evitata t-tassazzjoni doppja tal-qligħ imqassam mill-kumpannija li fiha jkun sar l-investiment. Fil-preżenza ta' regola fiskali li tieħu in kunsiderazzjoni t-taxxa dovuta minn kumpannija bħala taxxa fuq il-kumpanniji sabiex tkun evitata tassazzjoni doppja tal-qligħ imqassam, l-azzjonisti prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni komparabbli kemm jekk jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita f'dan l-Istat Membru jew minn kumpannija li għandha s-sede tagħha fl-Iżvezja.
37 Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża tissuġġetta l-għoti tal-kreditu fiskali għall-kundizzjoni li d-dividendi jkunu mqassma minn kumpanniji stabbiliti fil-Finlandja filwaqt li l-azzjonisti prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni komparabbli, kemm jekk jirċievu dividendi minn kumpanniji stabbiliti f'dan l-Istat Membru jew minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta' Ġunju 1996, Asscher, C-107/94, Ġabra p. I-3089, punti 41 sa 49, u tat-12 ta' Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I-5933, punti 47 sa 54).
38 Barra minn hekk, b'differenza mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Futura Participations u Singer, iċċitata aktar 'il fuq, il-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża ma tistax titqies bħala emanazzjoni tal-prinċipju ta' territorjalità. Fil-fatt, kif tosserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-prinċipju ma jipprekludix l-għoti ta' kreditu fiskali lil persuna prinċipalment suġġetta għat-taxxa fil-Finlandja favur dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara s-sentenza Futura Participations u Singer, iċċitata aktar 'il fuq, punti 18 sa 22).
39 F'kull każ, fid-dawl ta' l-Artikolu 58(1)(a) KE, il-prinċipju ta' territorjalità ma jistax jiġġustifika trattament differenti tad-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fil-Finlandja u dawk imħallsa minn kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra jekk il-kategoriji ta' dividendi milquta minn dan it-trattament differenti jinstabu fl-istess sitwazzjoni oġġettiva.
40 Fit-tieni lok, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li l-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża hija oġġettivament iġġustifikata mill-ħtieġa li tkun assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali (sentenzi tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-300/90, Ġabra p. I-305). B'mod partikolari, huma jsostnu li, b'differenza mis-sistema fiskali eżaminata fil-kawża li wasslet għas-sentenza Verkooijen, iċċitata aktar 'il fuq, fil-kawża prinċipali teżisti rabta diretta bejn it-tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpannija u l-kreditu fiskali mogħti lill-azzjonist li jirċievi dividendi. Fil-fatt, il-kreditu fiskali jingħatalu biss bil-kundizzjoni li din il-kumpannija tkun effettivament ħallset it-taxxa fuq il-qligħ tagħha. Jekk din it-taxxa ma tkoprix it-taxxa minima fuq id-dividendi li għandhom jitqassmu, l-imsemmija kumpannija għalhekk tkun marbuta tħallas taxxa addizzjonali.
41 Il-Gvern Finlandiż iżid li, kieku kreditu fiskali kellu jingħata lill-benefiċjarji ta' dividendi mħallsa minn kumpannija Żvediża lil azzjonisti prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja, l-awtoritajiet ta' dan l-Istat Membru jkunu marbuta li jagħtu vantaġġ fiskali taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji li ma tkunx miġbura mill-imsemmi Stat, sitwazzjoni li thedded il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.
42 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 28 u 21 rispettivament tas-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Bachmann u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-ħtieġa li tkun imħarsa l-koerenza ta' sistema fiskali tista' tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din ikun jista' jirnexxi, huwa meħtieġ li tkun stabbilita l-eżistenza ta' rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta' dan il-vantaġġ permezz ta' imposta fiskali determinata (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-14 ta' Novembru 1995, Svensson u Gustavsson, C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 18; Asscher, iċċitata aktar 'il fuq, punt 58; ICI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29; tat-28 ta' Ottubru 1999, Vestergaard, C-55/98, Ġabra p. I-7641, punt 24, kif ukoll tal-21 ta' Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punt 52). Hekk kif jirriżulta mill-punti 21 sa 23 tas-sentenza Bachmann, iċċitata aktar 'il fuq, u mill-punti 14 sa 16 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar 'il fuq, dawn is-sentenzi huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li, fid-dritt Belġjan, teżisti rabta diretta, fir-rigward ta' l-istess persuna suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul, bejn il-fakultà li jitnaqqsu kontribuzzjonijiet ta' assigurazzjoni mid-dħul taxxabbli u t-tassazzjoni sussegwenti ta' l-ammonti mħallsa mill-assiguraturi.
43 Għandu jiġi mfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li argument ibbażat fuq il-ħtieġa li tkun imħarsa l-koerenza ta' sistema fiskali għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta' l-għan tal-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni (ara s-sentenza tal-11 ta' Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C-9/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67).
44 Kif kien diġà osservat fil-punt 33 ta' din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża hija intiża sabiex tipprevjeni tassazzjoni doppja tal-qligħ tal-kumpanniji li jitqassam lill-azzjonisti. Dan il-għan huwa milħuq billi l-azzjonist jingħata kreditu fiskali kkalkulat abbażi tar-rata ta' tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpanniji taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji (ara punt 8 ta' din is-sentenza). Fid-dawl tar-rata ta' tassazzjoni identika tal-qligħ tal-kumpanniji u tad-dħul fuq il-kapital, jiġifieri ta' 29%, din is-sistema fiskali għandha r-riżultat finali li tissuġġetta għat-tassazzjoni, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fil-Finlandja biss, il-qligħ li jkun imqassam minn dawn il-kumpanniji lill-azzjonisti prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja, b'dawn ta' l-aħħar li huma sempliċement eżentati mit-taxxa fuq id-dividendi riċevuti. Jekk jirriżulta li t-taxxa mħallsa minn kumpannija Finlandiża li tħallas dividendi tkun anqas mill-ammont tal-kreditu fiskali, id-differenza għandha titħallas minn din il-kumpannija permezz ta' taxxa addizzjonali.
45 Għalhekk, anki jekk din il-leġiżlazzjoni fiskali hija bbażata fuq rabta bejn il-vantaġġ fiskali u l-imposta fiskali ta' tpaċija, billi tipprovdi li l-kreditu fiskali mogħti lill-azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja huwa kkalkulat abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija stabbilita f'dan l-Istat Membru fir-rigward tal-qligħ imqassam minnha, leġiżlazzjoni bħal din ma jidhirx li hija meħtieġa għall-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali Finlandiża.
46 Fil-fatt, fid-dawl ta' l-għan tal-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża, il-koerenza ta' l-imsemmija sistema fiskali tibqa' assigurata sakemm tinżamm il-korrelazzjoni bejn il-vantaġġ fiskali mogħti lill-azzjonist u t-taxxa dovuta bħala t-taxxa fuq il-kumpanniji. Għaldaqstant, f'każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-għoti ta' kreditu fiskali lil azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja u li għandu ishma f'kumpannija stabbilita fl-Iżvezja, liema kreditu jkun ikkalkulat abbażi tat-taxxa dovuta minn din il-kumpannija bħala t-taxxa fuq il-kumpanniji f'dan l-Istat ta' l-aħħar, ma jheddidx il-koerenza tas-sistema fiskali Finlandiża u jammonta għal miżura anqas ristrettiva għall-moviment liberu tal-kapital minn dik prevista fil-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża.
47 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Bachmann u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitati aktar 'il fuq, l-għan tad-dispożizzjonijiet fiskali in kwistjoni kien ukoll li tiġi evitata tassazzjoni doppja. Fil-fatt, il-possibbiltà mogħtija mil-leġiżlazzjoni Belġjana lill-persuni fiżiċi li jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet mħallsa taħt kuntratti ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja mid-dħul taxxabbli tagħhom – bir-riżultat finali li d-dħul użat għall-ħlas ta' dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunx intaxxat – kienet ibbażata fuq il-ġustifikazzjoni li l-kapital ikkostitwit permezz ta' dawn il-kontribuzzjonijiet ikun sussegwentament intaxxat f'idejn id-detenturi tiegħu. F'sistema bħal din, it-tassazzjoni doppja kienet evitata permezz tal-posponiment tat-tassazzjoni unika dovuta sal-mument meta jitħallas il-kapital ikkostitwit permezz tal-kontribuzzjonijiet eżentati. Il-koerenza tas-sistema fiskali kienet neċessarjament timplika li, kieku l-awtoritajiet fiskali Belġjani kellhom jaċċettaw it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja mid-dħul taxxabbli, huma kellhom ikollhom iċ-ċertezza li l-kapital imħallas mill-kumpannija ta' assigurazzjoni fi tmiem il-kuntratt ikun attwalment intaxxat sussegwentament. Huwa f'dan il-kuntest preċiż li l-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad qieset li ma kienx hemm miżuri anqas restrittivi minn dawk in kwistjoni fil-kawżi li wasslu għall-imsemmija sentenzi Bachmann u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, u li kienu adegwati sabiex iħarsu l-koerenza tas-sistema fiskali in kwistjoni.
48 Fil-kawża prinċipali, il-kuntest fattwali huwa differenti. Fil-fatt, fil-mument meta l-azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja jirċievi xi dividendi, il-qligħ imqassam b'dan il-mod ikun diġà ġie suġġett għal tassazzjoni taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dividendi humiex ġejjin minn kumpanniji Finlandiżi jew Żvediżi. L-għan tal-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża, jiġifieri li tkun eliminata t-tassazzjoni doppja ta' qligħ imqassam fil-forma ta' dividendi, jista' jintlaħaq billi l-kreditu fiskali jingħata wkoll favur qligħ imqassam b'dan il-mod mill-kumpanniji Żvediżi lill-persuni prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Finlandja.
49 Ċertament, l-għoti ta' kreditu fiskali taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fi Stat Membru ieħor jinvolvi, għar-Repubblika tal-Finlandja, tnaqqis fid-dħul fiskali tagħha fir-rigward tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tnaqqis fid-dħul fiskali m'għandux jitqies bħala raġuni imperattiva ta' interess ġenerali li tista' tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, fil-prinċipju, tmur kontra liberta fundamentali (sentenzi Verkooijen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 59; tat-3 ta' Ottubru 2002, Danner, C-136/00, Ġabra p. I-8147, punt 56, kif ukoll X u Y, iċċitata aktar 'il fuq, punt 50).
50 Matul is-seduta, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit semmew diversi ostakoli prattiċi li jipprekludu l-għoti ta' kreditu fiskali lil azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja li jikkorrispondi għat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Huma enfasizzaw li r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital ma japplikawx biss għall-movimenti tal-kapital bejn Stati Membri iżda wkoll għall-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Skond dawn il-gvernijiet, fid-dawl tad-diversità tas-sistemi fiskali fis-seħħ, fil-prattika, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat b'eżattezza l-ammont ta' taxxa li, bħala taxxa fuq il-kumpanniji, ikun laqat id-dividendi mħallsa minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz. Impossibbiltà bħal din hija dovuta, b'mod partikolari, għall-fatt li l-ammont taxxabbli fil-każ tat-taxxa fuq il-kumpanniji jvarja minn pajjiż għall-ieħor u li r-rati ta' tassazzjoni jistgħu jvarjaw minn sena għall-oħra. Barra minn hekk, huma josservaw li d-dividendi mħallsa minn kumpannija ma jiġux neċessarjament mill-qligħ ta' sena ta' kontijiet partikolari.
51 F'dan ir-rigward għandu, qabel kollox, jiġi enfasizzat li l-kawża prinċipali ma tikkonċerna bl-ebda mod il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Fil-fatt, din il-kawża tikkonċerna ċ-ċaħda mill-awtoritajiet fiskali ta' Stat Membru ta' vantaġġ fiskali lil persuna prinċipalment suġġetta għat-taxxa f'dan l-Istat meta din il-persuna tkun irċeviet dividendi minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.
52 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, fil-Finlandja, il-kreditu fiskali allokat favur l-azzjonist huwa ugwali għal 29/71 tad-dividendi mħallsa mill-kumpannija stabbilita f'dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kreditu fiskali, in-numeratur tal-frazzjoni applikata huwa daqs ir-rata ta' tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpanniji bħala taxxa fuq il-kumpanniji u d-denominatur huwa daqs ir-riżultat miksub meta, mill-bażi ta' 100, titnaqqas din l-istess rata ta' tassazzjoni.
53 Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fid-dritt Finlandiż, il-kreditu fiskali jikkorrispondi dejjem għall-ammont tat-taxxa attwalment imħallas bħala t-taxxa fuq il-kumpanniji mill-kumpannija li tqassam id-dividendi. Fil-fatt, jekk jirriżulta li t-taxxa mħallsa taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji hija anqas mill-ammont tal-kreditu fiskali, id-differenza għandha titħallas mill-kumpannija li tqassam id-dividendi permezz ta' taxxa addizzjonali.
54 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kalkolu ta' kreditu fiskali mogħti lil azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja, li jkun irċieva dividendi mingħand kumpannija stabbilita fl-Iżvezja, għandu jieħu in kunsiderazzjoni t-taxxa attwalment imħallsa mill-kumpannija stabbilita f'dan l-Istat Membru l-ieħor, kif tirriżulta mir-regoli ġenerali applikabbli għall-kalkolu ta' l-ammont taxxabbli kif ukoll tar-rata ta' tassazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji f'dan l-aħħar Stat Membru. Il-possibbiltà ta' diffikultajiet fir-rigward tad-determinazzjoni tat-taxxa attwalment imħallsa ma tistax, f'kull każ, tiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital bħal dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29).
55 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni li tipprovdi li d-dritt ta' persuna prinċipalment suġġetta għat-taxxa fi Stat Membru li tibbenefika mill-kreditu fiskali minħabba dividendi li tkun irċeviet mingħand kumpanniji b'responsabbiltà limitata huwa eskluż meta dawn il-kumpanniji ma jkunux stabbiliti f'dan l-Istat.
Fuq l-ispejjeż
56 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni li tipprovdi li d-dritt ta' persuna prinċipalment suġġetta għat-taxxa fi Stat Membru li tibbenefika mill-kreditu fiskali minħabba dividendi li tkun irċeviet mingħand kumpanniji b'responsabbiltà limitata huwa eskluż meta dawn il-kumpanniji ma jkunux stabbiliti f'dan l-Istat
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.