Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

15 ta' Lulju 2004 (*)

"Direttiva 83/183/KEE – Bdil ta' residenza minn Stat Membru għal ieħor – Taxxa miġbura qabel ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' vettura"

Fil-kawża C-365/02,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Korkein hallinto-oikeus (Finlandja) u intiża sabiex tikseb, fil-proċedimenti mressqa minn

Marie Lindfors,

deċizjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn xi Stat Membru tal-proprjetà personali ta' individwi (ĠU L 105, p. 64), 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn. P. Jann, President ta' l-Awla,  A. Rosas, S. von Bahr,  R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għas-Sinjura Lindfors, minn P. Snell, oikeustieteen kandidaatti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,

–       għall-Gvern Elleniku, minn P. Panagiotounakos, D. Kalogiros u P. Mylonopoulos, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali tas-Sinjura Lindfors, irrappreżentata minn P. Snell, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn T. Pynnä, tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn M. Apessos, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn  R. Lyal u I. Koskinen,  fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B'digriet ta' l-10 ta' Ottubru 2002, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' Ottubru 2002, il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti amministrattiva suprema) ressqet, skond l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn xi Stat Membru tal-proprjetà personali ta' individwi (ĠU L 105, p. 64).

2       Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura Lindfors u l-awtoritajiet Finlandiżi fir-rigward tat-taxxa fuq il-vetturi, prevista mil-leġiżlazzjoni Finlandiża, li għaliha ġiet assuġġettata wara li biddlet ir-residenza tagħha għall-Finlandja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 83/183

3       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/183 jipprovdi:

"1. Kull Stat Membru għandu, bla ħsara għall-kondizzjonijiet u fil-każijiet stabbiliti hawn iktar 'il quddiem, jeżenta minn taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, taxxa tas-sisa u taxxi oħra [fuq i]l-konsum li normalment japplikaw għal dik il-proprjetà, proprjetà importata permanentament minn Stat Membru ieħor minn individwi privati.

2. Drittijiet speċifiċi u/jew taxxi konnessi ma' l-użu ta' dik il-proprjetà ġewwa l-pajjiż, bħal, per eżempju, drittijiet ta' reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur, taxxi għall-użu tat-toroq u liċenzi tat-televixin, mhumiex koperti b'din id-Direttiva."

 Il-leġiżlazzjoni Finlandiża

4       Id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jinsabu fl-autoverolaki (1482/1994) (liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi), tad-29 ta' Diċembru 1994, fil-verżjoni tagħha li kienet tapplika fl-1999 (iktar 'il quddiem "il-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi").

5        L-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi jipprovdi li din it-taxxa (iktar 'il quddiem imsejħa wkoll "autovero") hija "dovuta lill-Istat […] qabel ma vettura [privata] tiġi rreġistrata jew tidħol fis-servizz fil-Finlandja".

6       Skond l-Artikolu 2 ta' l-imsemmija liġi, "dħul fis-servizz fil-Finlandja tfisser id-dħul fis-servizz ta' vettura fit-territorju Finlandiż, anke jekk din ma tkunx ġiet irreġistrata fil-Finlandja". Din id-dispożizzjoni tgħid ukoll: "Madankollu mhuwiex meqjus bħala operazzjoni taxxabbli l-użu ta' vettura rreġistrata fi Stat li mhuwiex il-Finlandja, importata temporanjament fil-pajjiż minn individwu privat li jkollu r-residenza permanenti tiegħu fi Stat li mhuwiex il-Finlandja għall-ħtiġijiet privati tiegħu u intiża biss għall-użu privat tiegħu għal terminu massimu ta' sitt xhur […]".

7       Skond l-Artikolu 4(1) ta' l-istess liġi, "il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-vetturi huwa l-importatur tal-vettura jew il-kostruttur jekk il-vettura ġiet manufatturata fil-Finlandja". Bl-istess mod, l-Artikolu 5 jispeċifika li "il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-vetturi huwa obbligat li jħallas ukoll taxxa fuq il-valur miżjud ibbażata fuq it-taxxa fuq il-vetturi".

8       Meta ġraw il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, l-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi kien jipprovdi:

"It-taxxa dovuta hija l-valur taxxabbli tal-vettura mnaqqas b'FIM 4 600. Madankollu l-ammont tat-taxxa dejjem għandu jkun mill-inqas 50% tal-valur taxxabbli tal-vettura."

9       Skond l-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmija liġi, vettura użata importata hija suġġetta għall-istess taxxa bħal vettura ġdida ekwivalenti, mnaqqsa madankollu skond skala proporzjonali li tieħu in kunsiderazzjoni ż-żmien (ikkalkulat f'numru ta' xhur) li l-vettura tkun ilha tintuża.

10     Skond l-Artikolu 25(1) ta' l-istess liġi, "jingħata tnaqqis ta' taxxa ta' mhux iktar minn FIM 80 000 għal vettura taxxabbli appartenenti lil nukleju familjari, li tiġi importata fil-kuntest ta' bdil ta' residenza għall-Finlandja", jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11     Wara li kienet residenti fi Stati Membri oħra, is-Sinjura Lindfors marret toqgħod b'mod permanenti l-Finlandja u, fil-kuntest ta' dan il-bdil ta' residenza, fl-4 ta' Awwissu 1999, hija impurtat vettura privata, li kienet tagħmel parti mill-proprjetà personali tagħha, u li hija kienet daħħlet fis-servizz fl-Olanda fl-1995 wara li kienet xtratha mill-Ġermanja.

12     Fi stima ta' taxxa ta' l-4 ta' Awwissu 1999, il-Hangon tullikamari (uffiċċju tad-dwana ta' Hanko) (Finlandja), ikkonċeda tnaqqis ta' FIM 80 000 lis-Sinjura Lindfors u stabbilixxa l-autovero li hija kellha tħallas fl-ammont ta' FIM 16 556, li magħhom kellhom jiżdiedu FIM 3 642 bħala taxxa fuq il-valur miżjud, jiġifieri total ta' FIM 20 198 (bejn wieħed u ieħor 3 400 EUR).

13     Is-Sinjura Lindfors ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (Qorti amministrattiva ta' Helsinki) (Finlandja). Fil-fatt hija tqis li l-autovero tikkostitwixxi taxxa fuq il-konsum li l-ġbir tagħha huwa projbit mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183.

14     Dan ir-rikors ġie miċħud. Il-Helsingin hallinto-oikeus iddeċidiet li l-autovero, bħala taxxa marbuta mar-reġistrazzjoni jew mad-dħul fis-servizz ta' vettura fil-Finlandja, għandha tiġi kkunsidrata bħala taxxa speċifika konnessa ma' l-użu ta' proprjetà ġewwa l-pajjiż, fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 83/183, liema taxxa ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

15     Is-Sinjura Lindfors talbet l-awtorizzazzjoni tal-Korkein hallinto-oikeus sabiex tressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-Helsingin hallinto-oikeus.

16     Il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Għandu l-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/183 jiġi interpretat […] fis-sens li t-taxxa fuq il-vetturi (autovero) imposta skond il-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi (autoverolaki) fuq vettura importata fil-Finlandja minn Stat Membru ieħor fil-kuntest ta' bdil ta' residenza hija taxxa fuq il-konsum fis-sens ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, jew inkella dritt jew taxxa speċifika konnnessa ma' l-użu ta' din il-proprjetà ġewwa l-pajjiż fis-sens ta' l-Artikolu 1(2)?"

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

17     Fis-sentenza tagħha tad-19 ta' Settembru 2002, Tulliasiamies u Siilin (C-101/00, Ġabra p. I-7487, punti 61 u 80), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-autovero tikkostitwixxi taxxa interna diskriminatorja u projbita mill-Artikolu 90 KE safejn l-ammont ta' l-imsemmija taxxa fuq vettura użata importata jaqbeż l-ammont tat-taxxa residwa inkorporata fil-valur ta' vettura użata simili diġà rreġistrata fit-territorju Finlandiż.

18     Id-domanda preliminari tikkonċerna biss il-legalità tal-ġbir ta' taxxa bħalma hija l-autovero – indipendentement minn kif din tiġi kkalkolata jew mill-ammont tagħha – fl-okkazjoni ta' bdil ta' residenza minn Stat Membru għal ieħor.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

19     Is-Sinjura Lindfors issostni li l-autovero hija taxxa fuq il-konsum li tinġabar minħabba l-importazzjoni ta' vettura fit-territorju Finlandiż. Tali taxxa għandha tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183.

20     Il-fatt li l-autovero hija taxxa fuq il-konsum fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta, skond is-Sinjura Lindfors, mhux biss mill-karatteristiċi ta' din it-taxxa iżda wkoll, indirettament, mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE, tat-28 ta' Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU L 105, p. 59), kif ukoll mill-proposta ta' Direttiva tal-Kunsill 98/C 108/12 li tirregola t-trattament fiskali tal-vetturi bil-mutur privati trasferiti permanentement fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta' bdil ta' residenza jew użati temporanjament fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih huma rreġistrati [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1998, C 108, p. 75, u – proposta emendata – ĠU 1999, C145, p.6).

21     Il-Gvernijiet tal-Finlandja, tad-Danimarka u tal-Greċja josservaw li l-autovero ma tistax tiġi mqabbla ma' taxxa li normalment tinġabar fuq l-importazzjoni permanenti, minn individwu privat, ta' proprjetà personali minn Stat Membru ieħor fis-sens ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza determinanti sabiex din tinġabar hija l-użu tal-vettura fit-toroq pubbliċi tal-Finlandja, anke jekk, normalment, din it-taxxa tiġi imposta meta ssir ir-reġistrazzjoni. F'kull każ, peress illi hija taxxa speċifika konnessa ma' l-użu jew ir-reġistrazzjoni, l-autovero hija espressament eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva skond l-Artikolu 1(2) ta' din ta' l-aħħar.

22     Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 83/183 teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha, "drittijiet ta' reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur". Kuntrarjament għat-taxxi li huma intiżi sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-amministrazzjoni pubblika, id-"drittijiet" jikkostitwixxu l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi. Skond il-Kummissjoni, l-autovero mhuwiex "dritt" impost mar-reġistrazzjoni, iżda taxxa fuq il-konsum li l-ġbir tagħha huwa projbit mill-paragrafu 1 ta' l-imsemmi Artikolu fil-kuntest ta' bdil ta' residenza. Din il-projbizzjoni tikkonċerna t-taxxi li l-ġrajja taxxabbli tagħhom hija l-importazzjoni ta' proprjetà fil-kuntest ta' bdil ta' residenza.

23     Il-Kummissjoni tenfasizza li diġà kienet tħallset taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vettura u fuq id-dħul tagħha fis-servizz fl-Istat ta' oriġini. Il-moviment liberu jkun kompromess jekk l-Istat Membru ta' destinazzjoni jkun jista' jimponi taxxa mill-ġdid fuq din il-bażi. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/183 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għall-moviment liberu taċ-ċittadini ta' l-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 18 KE.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

24     Qabel kollox għandu jiġi eżaminat jekk l-autovero taqax, kif isostnu s-Sinjura Lindfors u l-Kummissjoni, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183. F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-isem mogħti lit-taxxa mil-liġi nazzjonali mhuwiex – bħala tali – deċiżiv għall-evalwazzjoni ta' jekk it-taxxa kkonċernata hijiex koperta minn din id-dispożizzjoni.

25     Qari flimkien ta' l-Artikoli 1 u 2 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi juri li l-autovero hija imponibbli qabel ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' vettura privata fil-Finlandja. Jirriżulta mill-proċess, u b'mod partikolari mill-Artikolu 2 ta' din il-liġi kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż u tas-Sinjura Lindfors, li, minbarra fil-każ ta' importazzjoni temporanja, l-użu ta' vettura fit-toroq Finlandiżi jġib miegħu l-impożizzjoni ta' l-imsemmija taxxa. Fil-fatt, dan il-Gvern jispjega li ċ-ċirkustanza determinanti għall-impożizzjoni ta' l-autovero huwa l-fatt li l-vettura tintuża fit-triq, anke jekk, normalment, it-taxxa tiġi imposta mar-reġistrazzjoni. Is-Sinjura Lindfors tikkonferma wkoll li l-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi hija msejsa fuq il-prinċipju li kull użu tal-vettura, anke jekk minimu, iġib miegħu l-impożizzjoni tat-taxxa.

26     F'dawn iċ-ċirkustanzi, taxxa bħalma hija l-autovero ma tistax tiġi meqjusa bħala taxxa marbuta ma' l-importazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183. Fil-fatt, il-ġrajja taxxabbli għal din it-taxxa hija l-użu ta' vettura fit-territorju Finlandiż, li mhuwiex neċessarjament marbut ma' l-operazzjoni ta' importazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Weigel, C-387/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

27     Minn dan isegwi li taxxa li tippreżenta l-karatteristiċi ta' l-autovero ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183.

28     Din il-konklużjoni hija korroborata mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 83/183. Fil-fatt, peress li l-autovero hija imposta minħabba l-użu ta' vettura fil-Finlandja, taxxi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu "taxxi speċifiċi konnessi ma' l-użu ta' […] proprjetà ġewwa l-pajjiż" fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

29     Is-Sinjura Lindfors lanqas ma tista' tibbaża l-argumenti tagħha fuq il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 83/182, li tikkonċerna l-eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli fl-ambitu ta' importazzjoni temporanja ta' ċerti mezzi ta' trasport. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li, konformement ma' l-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva, ċittadin ta' l-Unjoni li temporanjament jimporta vettura fil-Finlandja jkun eżentat mill-autovero, ma tippermettix li jiġi konkluż li din it-taxxa taqa' taħt l-eżenzjoni mit-taxxa stabbilita mid-Direttiva 83/183, li tittratta l-importazzjoni permanenti tal-vetturi.

30     Il-proposta ta' Direttiva 98/C 108/12 ma tippermettix li d-Direttiva 83/183 tiġi interpretata bħalma jinterpretawha s-Sinjura Lindfors u l-Kummissjoni. Bil-kontra ta' dan, mir-raba', mill-ħames u mis-seba' premessi ta' din il-proposta jirriżulta li l-adozzjoni ta' Direttiva li tipprojbixxi lill-Istati Membri li japplikaw, kif jipprovdi l-Artikolu 1 ta' l-imsemmija dispożizzjoni, "taxxi tas-sisa, taxxi ta' reġistrazzjoni, [jew] taxxi oħra fuq il-konsum […] fuq vetturi bil-mutur privati rreġistrati fi Stat Membru ieħor u trasferiti permanentement fit-territorju tagħhom fil-kuntest tal-bdil tar-residenza normali ta' individwu privat" [traduzzjoni mhux uffiċjali] hija meħtieġa proprju minħabba n-nuqqasijiet tas-sistema prevista minn din id-Direttiva, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Weigel (sentenza ċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

31     Huwa minnu li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-autovero tista' tinfluwenza negattivament id-deċiżjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, kif stabbilit b'mod partikolari mill-Artikolu 18 KE.

32     Anke jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/183, din iċ-ċirkustanza ma żżommx il-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex din tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet speċifikament għalihom fid-domanda tagħha kif ukoll jekk le (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1990, SARPP, C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8; tat-2 ta' Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb, magħrufa bħala "Clinique", C-315/92, Ġabra p. I-317, punt 7; ta' l-4 ta' Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C-87/97, Ġabra p. I-1301, punt 16; u Weigel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44).

33     Għandu għalhekk jiġi eżaminat l-effett ta' l-Artikolu 18 KE sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista' tevalwa jekk l-applikazzjoni ta' l-autovero, f'każ bħal dak tal-kawża prinċipali, hijiex konformi mal-ħtiġijiet li joħorġu minn din id-dispożizzjoni.

34     F'dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li t-Trattat KE ma jassigurax lil ċittadin ta' l-Unjoni li t-trasferiment ta' l-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru ieħor barra dak fejn huwa kien residenti qabel ikun ħieles mit-tassazzjoni. Fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam, tali trasferiment jista', skond il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż jew ta' żvantaġġuż għaċ-ċittadin f'dak li jirrigwarda t-taxxazzjoni indiretta. Minn dan jirriżulta li, fil-prinċipju, eventwali żvantaġġ, meta mqabbel mas-sitwazzjoni li fiha dan iċ-ċittadin ikun eżerċita l-attivitajiet tiegħu qabel l-imsemmi trasferiment, ma jmurx kontra l-Artikolu 18 KE, bil-kundizzjoni madankollu li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma tkunx iktar ta' żvantaġġ għal dan iċ-ċittadin milli għal dawk li diġà kienu assuġġettati għal tali taxxazzjoni (ara s-sentenza Weigel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).

35     Jirriżulta mill-proċess li l-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi tipprovdi, fl-Artikolu 25(1) tagħha, tnaqqis ta' taxxa ta' mhux iktar minn FIM 80 000 (13 455 EUR) b'mod partikolari għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fil-kuntest ta' bdil ta' residenza fil-Finlandja. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni u ta' eventwali dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali hijiex tali li tassigura li, f'dak li jirrigwarda l-imsemmija taxxa, is-Sinjura Lindfors ma titpoġġiex f'sitwazzjoni anqas vantaġġuża minn dik li jinsabu fiha ċ-ċittadini li ilhom jirresjedu b'mod permanenti fil-Finlandja. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li teżisti tali sitwazzjoni anqas vantaġġuża, hija għandha teżamina jekk din id-differenża fit-trattament hijiex ġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti mir-residenza tal-persuni kkonċernati u proporzjonati għall-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jrid jilħaq (ara s-sentenza tal-11 ta' Lulju 2002, D'Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 36).

36     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tweġiba għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun:

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/183 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-kuntest ta' bdil ta' residenza tal-proprjetarju ta' vettura minn Stat Membru għal ieħor, taxxa bħal dik prevista mil-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi tinġabar qabel ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz tal-vettura fl-Istat Membru li fih tiġi trasferita r-residenza. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 18 KE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali hijiex tali li tassigura li, f'dak li jirrigwarda din it-taxxa, l-imsemmi proprjetarju ma jitpoġġiex f'sitwazzjoni anqas vantaġġuża minn dik li jinsabu fiha ċ-ċittadini li ilhom jirresjedu b'mod permanenti fl-Istat Membru in kwistjoni u, jekk ikun il-każ, jekk tali differenza fit-trattament hijiex ġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti mir-residenza tal-persuni kkonċernati u proporzjonati għall-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jrid jilħaq.

 Fuq l-ispejjeż

37     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Finlandiż, Daniż u Elleniku, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

bi tweġiba għad-domanda li tressqet quddiemha mill-Korkein hallinto-oikeus, b'digriet ta' l-10 ta' Ottubru 2002, taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn xi Stat Membru tal-proprjetà personali ta' individwi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-kuntest ta' bdil ta' residenza tal-proprjetarju ta' vettura minn Stat Membru għal ieħor, taxxa bħal dik prevista mill-autoverolaki (1482/1994) (liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi) tinġabar qabel ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz tal-vettura fl-Istat Membru li fih tiġi trasferita r-residenza. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 18 KE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali hijiex tali li tassigura li, f'dak li jirrigwarda din it-taxxa, l-imsemmi proprjetarju ma jitpoġġiex f'pożizzjoni anqas vantaġġuża minn dik li jinsabu fiha ċ-ċittadini li ilhom jirresjedu b'mod permanenti fl-Istat Membru in kwistjoni u, jekk ikun il-każ, jekk tali differenza fit-trattament hijiex ġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti mir-residenza tal-persuni kkonċernati u proporzjonati għall-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jrid jilħaq.

Jann

Rosas

von Bahr

Silva de Lapuerta

 

Lenaerts

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.

R. Grass

 

P. Jann

Reġistratur

 

Il-President ta' l-Ewwel Awla


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.