Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

3 ta' Marzu 2005 (*)

«Is-Sitt Direttiva VAT – L-Artikolu 13B(b) – Eżenzjonijiet – Kiri ta' proprjeta immobbli – Kiri ta' għall-parkeġġ ta' vetturi – Irmiġġi għad-dgħajjes – Magazzinaġġ ta' dgħajjes fuq l-art»

Fil-kawża C-428/02

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta' Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Novembru 2002, fil-proċedura

Fonden Marselisborg Lystbådehavn

vs

Skatteministeriet,

u

Skatteministeriet

vs

Fonden Marselisborg Lystbådehavn,

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

Komposta minn A. Rosas, President  ta' l-Awla,  A. Borg Barthet, J.-P. Puissochet, J. Malenovský u U. Lõhmus (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur:  H. von Holstein, Assistent Reġistratur

Wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Settembru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

- għal Fonden Marselisborg Lystbådehavn, minn L. Henriksen u M. Andersen, advokaterne,

- għal Skatteministeriet u l-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn  P. Biering, advokat,

- għall-Gvern Grieg, minn M. Apessos et K. Georgiadis, fil-kwalita' ta' aġenti,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa et T. Fich, fil-kwalita' ta' aġenti,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13B (b) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 143, p.1), kif emendat mid-Direttiva tal-Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 1992 (ĠU L 384, p.47, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' żewġ kawżi, bejn, il-Fonden Marselisborg Lystbådehavn [Fondazzjoni tal-port ta' dgħajjes tal-pjaċir ta' Marselisborg (Danimarka), aktar 'il-quddiem "FML"] u l-Iskatteministeriet (Ministeru tat-Taxxa Daniż) u bejn dan ta' l-aħħar u l-FML dwar l-obbligu tat-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem "VAT") fuq kirjiet, f'port ta' dgħajjes tal-pjaċir, rmiġġ u siti ta' magazzinaġġ fuq l-art għal dgħajjes tal-pjaċir.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond il-premessa ħdax, is-Sitt Direttiva għandha l-għan, b'mod partikolari, li tistabbilixxi lista komuni ta' eżenzjonijiet mill-VAT sabiex ir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom ikunu jistgħu jinġabru b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

4       L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, tissuġġetta għall-VAT, il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali"

5        L’Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva jiddisponi:

"1. "Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizzi] [inklużi], attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika".

6       L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, li jidher taht it-Titolu X tiegħu intitolat "Eżenzjonijiet" jiddisponi :

"Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż"

[…]

(b) il-kiri jew l-aljenazzjoni ta’ proprjeta immobbli esklużi:

1. il-proviżjoni ta’ akkomadazzjoni, kif definita fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, fis-settur tal-lukandi jew fis-setturi b’funzjoni simili, inklużi l-proviżjoni ta’ akkomodazzjoni f’kampijiet tal-vaganzi jew f’siti żviluppati għall-użu bħala siti ta’ kkampjar;

2. [il-kiri] ta’ fondi u si[t]i għall-ipparkjar tal-[vetturi]

3. [il-kiri] ta’ tagħmir u makkinarju installat permanenti;

4. il-kiri ta’ kaxxiforti.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw iżjed esklużjonijet għall-iskop ta’ din l-eżenzjoni;

[…]"

 Il-Liġi Nazzjonali

7       L-Artikolu 13(1)(8) tal-momsloven (liġi dwar il-VAT) tiddisponi:

"L-oġġetti u s-servizzi li ġejjin huma eżenti mill-VAT:

[...]

8)      L-amministrazzjoni, il-kiri, u l-qbiela ta' proprjetà immobbli inkluż l-għoti ta' gass, ilma, elettriku, u ta' servizz ta' tisħin, li huma parti mill-kiri jew qbiela. Madankollu l-eżenzjoni ma tikkomprendix, il-kiri ta' kmamar f' lukandi jew f'ta' stabbilimenti simili, il-kiri ta' kmamar f'negozji għal żmien inqas minn xahar, il-kiri ta' siti għal camping, ta' żoni ta' parkegġġ u ta' spazju għar-riklamar, u l-kiri ta' kaxxaforti."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8       It-tmexxija tal-port għal dgħajjes tal-pjaċir ta' Marselisborg hija fdata lil FML. Din l-istituzzjoni awtonoma b'mod partikolari tikri rmiġġi fuq l-ilma għal dgħajjes u siti fuq l-art għal magazzinaġġ ta' dawn id-dgħajjes matil ix-xitwa.

9       Is-siti għall-irmiġġ fuq l-ilma jistgħu jinkrew għal sena, jew għal xahar, jew għal żmien iqsar, jiġifieri għal ġurnata waħda jew għan numru ta' ġranet.

10     Fil-każ ta' kirja għal sena, il-kerrej jikseb id-dritt li juża sit fiss u ddelineat, kif ukoll id-dritt li juża l-faċilitajiet komuni tal-port, bħal ma huma l-latrini u d-doċċi. Is-siti huma adattati għad-dgħajjes skond id-daqs tagħhom. Kull wieħed minnhom għandu numru għalih u dan huma mmarkat permezz ta' stekkat, jew Y-beam, jew minn pontun b'Y-beam. Jekk il-kerrej ta' tali post ma jridx jużahx għal tul ta' żmien aktar minn 24 siegħa, dan ikun disponibbli għall-viżitaturi mingħajr ebda kumpens.

11     Il-persuni li għandhom kera għal żmien twil ta' siti għal dgħajjes bid-dritt ta' post fuq l-art għandhom iħallsu miżata ta' kera annwali u għandhom jagħmlu depożitu li huwa kkalkolat skond, b'mod partikolari, id-daqs tad-dgħajsa. Minn-naħa l-oħra Bil-maqlub, ma hemmx ħtieġa ta' depożitu f'każ ta' kirja ta' sit għall-irmiġġ fuq il-baħar mingħajr id-dritt ta' post fuq l-art. Madankollu, il-kera ta' sena hija aktar għolja f'din l-aħħar sitwazzjoni.

12     Fil-każ ta' kiri bix-xahar, il-kera titħallas kull xahar iżda ma hemmx ħtieġa ta' depożitu. Il-kerrej huwa, fil-prinċipju, assigurat post ta' rmiġġ numerat, delineat, u adattat għad-dgħajsa tiegħu.

13     Il-kirja għal żmien qasir hija maħsuba għall-viżitaturi, li jieħdu sit ta' rmiġġ fil-port għal ġurnata jew numru ta' ġranet. L-ebda depożitu ma hu meħtieġ f'dan it-tip ta' kiri.

14     Dwar il-kiri ta' siti fuq l-art, dan jippermetti lil min juzah li jikseb id-dritt li juża sit determinat li huwa destinat għall-magazzinaġġ tad-dgħajsa fix-xitwa. Dan is-sit huwa magħmul minn ifilsa, jiġifieri, struttura li fuqha titqiegħed dgħajsa, li għandha numru, u li għaliha l-kerrej għandu aċċess liberu sabiex jieħu ħsieb u jipprepara d-dgħajsa tiegħu.

15     Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta mill-fatt li, f'risposta għal domanda magħmula fl-1999 mill-FML lill-Awtorità Fiskali Reġjonali ta' Århus (Danimarka), din ta' l-aħħar ikkunsidrat li d-dħul mill-attività tal-kiri ta' siti ta' rmiġġ ta' dgħajjes hija suġġetta għall-VAT. L-FML ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteret (Danimarka).

16     Permezz ta' digriet tas-6 ta' Diċembru 2000, din il-Qorti iddeċidiet li l-kera ta' siti ta' rmiġġ għad-dgħajjes fuq l-ilma ma jgawdux mill-eżenzjoni għall-VAT maħsuba fl-Artikolu 13(1), punt (8) tal-momsloven, għaliex din l-attività ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kera ta' proprjetà immobbli. Il-Landsskatteret ikkunsidra li l-sid ta' dgħajsa ma jikrix żona delineata u identifikabbli, jew parti minn immobbli, iżda jikseb biss id-dritt ta' użu li huwa magħmul minn sit ta' rmiġġ għad-dgħajsa tiegħu fil-port.

17     Min-naħa l-oħra, dwar dak li għandu x'jaqsam mal-magazzinaġġ tad-dgħajsa fix-xitwa, il-Landsskatteret iddeċieda li din l-attività mhijiex suġġetta għall-VAT, għax hija tista' tikkwalifika bħala li hija "kiri ta' proprjetà immobbli" skond l-Artikolu 13(1)(8) tal-momsloven. Hija infatti qiset li s-sid ta' dgħajsa jikri, għal prezz ffissat skond id-daqs taż-żona okkupata, li hija żona delineata u identifikabbli huwa għandu aċċess liberu matul l-istaġun tax-xitwa. Skond din il-qorti, din il-lokazzjoni mhijiex koperta bl-eżenzjoni dwar "kirjiet ta' siti ta' l-ipparkjar ta' [vetturi]", mħabba li d-dgħajjes m'humiex inklużi fil-kunċett ta' [vetturi]" skond l-Artikolu 13B(b)(2) tas-Sitt Direttiva.

18     Kemm l-FML kif ukoll Skatteministeriet għamlu rikors kontra l-imsemmi digriet tal-Landsskatteret quddiem il-Vestre Landsret. Peress illi dan ta' l-aħħar, ikkunsidra li għas-soluzzjoni tal-kwistjoni li tressqet quddiemu hemm bżonn interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, huwa iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 13B(b), tas-Sitt Direttiva VAT […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' proprjetà immobbli tinkludi l-kiri ta' sit ta' irmiġġ għad-dgħajjes, li jikkonsisti f'parti mill-art ta' żona ta' port, kif ukoll sit delineat u identifikabbli?

2)      L-Artikolu 13B(b)(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' vetturi tinkludi d-dgħajjes?"

 Fuq l-ewwel domanda

19     Bl-ewwel domanda, il-qorti ta' rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' proprjetà immobbli tinkludi l-kiri ta' siti tad-dgħajjes maħsuba għall-irmiġġ fuq l-ilma, kif ukoll siti għall-magazzinaġġ fuq l-art ta' dgħajjes fiż-żona tal-port.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

20     L-FML issostni li l-attività tagħha ta' kiri ta' siti fil-baħar għal dgħajjes kif ukoll ta' siti fl-art għall-magazzinaġġ ta' dgħajjes fix-xitwa tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex jikkostitwixxi proprjetà immobbli skond is-Sitt Direttiva. Fil-fatt, skond hi, din l-attività tagħti lok għall-ħlas ta' kera, is-sit huwa mikri għal żmien miftiehem preċiż b'mod kontrattwalment u dan il-kiri iġib miegħu it-trasferiment lill-kerrej tad-dritt li juża il-proprjetà u li jeskudi terzi persuni.

21     F'dak li għandu x'jaqsam man-natura ta' l-oġġett mikri, hija ssostni li l-installazzjonijiet tal-port jikkostitwixxu strutturi fissi li ma jisgħux jiġu faċilment żarmati jew imċaqalqa.

22     Il-Gvern Daniż jikkonsidra li l-kiri ta' rmiġġi għad-dgħajjes ma jistax jiġi meqjus bħala kiri ta' proprjetà immobbli skond l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, għaliex l-eżenzjonijiet previsti f'dak l-Artikolu għandhom jiġu interpretati restrittivament.

23     Skond dak il-Gvern, jekk l-istallazzjonijiet tal-port jistgħu jiġu msejħa "proprjetà immobbli", li huwa terminu li jikkostitwixxi element meħtieġ għall-analiżi tal-kunċett ta' "proprjetà immobbli" skond is-Sitt Direttiva, l-użu ta' l-istess istallazzjonijiet għall-irmiġġ ta' dgħajjes ma jikkostitiwixxix ħlief servizz aċċessorju li, għal raġunijiet fiskali, għandu jkun trattat bħas-servizz prinċipali, jiġifieri li jagħti lis-sidien ta' dgħajjes sit fil-port. Dan ta' l-aħħar ma jissodisfax il-kondizzjonijiet sabiex jaqa' taħt il-kunċett ta' proprjetà immobbli.

24     Min-naħa l-oħra, il-kiri ta' żona delineata b'mod ċar fuq l-art għal sid ta' dgħajsa biex tinħażen tul ix-xitwa għandu jitqies kiri ta' proprjetà immobbli skond is-Sitt Direttiva.

25     Il-Gvern Grieg qies, kif għamel il-Gvern Daniż, li l-kunċett ta' "kiri ta' proprjetà immobbli" ma tinkludix sit delineat u identifikabbli fuq l-ilma, imma tinkludi l-kiri ta' żoni fuq l-art għal magazzinaġġ tad-dgħajjes fix-xitwa.

26     Il-Kummissjoni tal-Komuntajiet Ewropej issostni li mill-interpretazzjoni wiesgħa ħafna tat-termini "il-kiri ta' proprjetà immobbli" mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kiri ta' parti minn żona tal-port fuq l-art, maħsub għall-magazzinaġġ tad-dgħajjes fix-xitwa, jikkostitwixxi mingħajr dubju kiri ta' proprjetà immobbli skond is-Sitt direttiva. Barra dan, il-kiri ta' rmiġġ fuq l-ilma ma għandux ikun trattat b'mod differenti minħabba li hemm partikularijiet tekniċi, bħall-irmiġġ ta' dgħajsa ma' baga jew ma' pontun, pjuttost milli jiġi ankrat mal-qiegħ tal-baħar jew ma' arblu ta' rmiġġ mdaħħal fl-art.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27     Skond ġurisprudenza kostanti, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju u għalhekk għandhom jingħataw tifsira Komunitarja (ara sentenzi tat-12 ta' Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-358/97 Gabra p.I-6301, punt 51; tas-16 ta' Jannar 2003, Maierhofer, C-315/00, Ġabra p.I-563, punt 25; tat-12 ta' Ġunju 2003, Sinclair Collis, C-2750/01, Ġabra p. I-5965, punt 22, u tat-18 ta' Novembru 2004, Temco Europe, C-284/03 għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 16).

28     Fin-nuqqas ta' tifsira tal-kunċett ta' "kiri ta' proprjetà immobbli" fl-Artikolu 13B (b) tas-Sitt Direttiva, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest li fih hi tintuża, ta' l-għanjiet u l-istruttura ta' din id-Direttiva filwaqt li tittieħed in konsiderazzjoni, b'mod parikolari, ir-ratio legis ta' l-eżenzjoni li hi tipprovdi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Temco Europe, iċċitata aktar 'il fuq, punt 18).

29     F'dan ir-rigward, peress li l-eżenzjonijiet indikati fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li l-VAT hija miġbura fuq kull għoti ta' servizz magħmul b'titolu oneruż minn persuna taxxabbli, dawn għandhom jiġu interpretati b'mod strett (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummisssjoni vs l-Irlanda, punt 52; tat-12 ta' Settembru 2000, Il-Kumissjoni vs ir-Renju Unit, C-359/97, Ġabra p. 1-6355, punt 64, u Sinclair Collis, iċċitata aktyar 'il fuq, punt 23).

30     F'diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja fissret il-kiri ta' proprjetà immobbli skond l-Artikolu 13 B(b) tas-Sitt Direttiva bħala dritt mogħti mis-sid ta' immobbli lill-kerrej, kontras ħlas u għal perijodu miftiehem, li jokkupa dak l-immobbli u li jeskludi kull persuna oħra mill-benefiċċju ta' dak id-dritt (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi il-Kummissjoni vs l-Irlanda, iċċitata aktar 'il fuq, punti 52 sa 57 tad- 9 ta' Ottubru 2001, C-409/98 Mirror Group, Ġabra p. I-7175, punt 31; ta' l-4 ta' Ottubru 2001, C-326/99, "Goed Wonen", Ġabra p I-6831, punt 55, u Temco Europe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).

31     Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li r-relazzjonijiet bejn l-FML u dawk li jużaw is-siti fuq l-art, li għandhom għal perijodu ta' żmien definit l-użu esklużiv tas-sit mogħti lilhom, jidħlu taħt il-kunċett ta' kiri skond l-imsemmija dispożizzjoni. L-istess jgħodd għar-relazzjonijiet bejn l-FML u dawk li jużaw l-irmiġġi anki jekk xi kultant minħabba li meta persuna li għandha dritt ma tkunx qed tużah għad-dgħajsa tagħha tali rmiġġ jista' jiġi użat temporanjament minn dgħajsa oħra. Dan l-użu okkażjonali ma jġib l-ebda ħsara lil min għandu d-dritt u lanqas ma jista' jiġi ikkunsidrat li jħassar ir-relazzjoni ta' dan ta' l-aħħar ma' min imexxi l-port.

32     Għalhekk sabiex tirrispondi l-ewwel domanda, għandu jiġi stabbilit jekk, rispettivament, is-siti għal dgħajjes fuq l-art u s-siti għal dgħajjes fuq l-ilma għandhomx jiġu ikkunsidrati bħala proprjetà immobbli.

33     Dwar is-siti fuq l-art, għandu jiġi ikkonstatat li l-art użata għal magazzinaġġ tad-dgħajjes hija proprjetà immobbli.

34     Dwar is-siti fuq l-ilma, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-FML hija s-sid ta' l-art u tal-baċir tal-port. Il-fatt li din l-art hija kollha jew parti minnha taħt l-ilma ma jżommhiex milli tkun meqjusa bħala proprjetà immobbli li tista' tinkera. Bħala sid, l-FML tista' tagħti l-art kollha b'kiri, inkluż il-partijiet delineati ta' l-istess. Il-kirja ma tistax, madanakollu ssir għal kwantità partikolari ta' ilma, imma fuq parti speċifika tal-baċir tal-port. Din l-art taħt l-ilma hija delineata b'mod permanenti u ma tistax tigi mċaqalqa.

35     Konsegwentement, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki b'interpretazzjoni ristretta ta' l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, rmiġġ f'baċir ta' port jaqa' taħt it-tifsira ta' proprjetà immobbli skond dik id-dispożizzjoni.

36     Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' kiri ta' proprjetà immobbli tinkludi l-kiri ta' siti maħsuba għall-irmiġġ ta' dgħajjes fuq l-ilma, kif ukoll siti għall-magazzinaġġ ta' dawn id-dgħajjes fuq l-art fiż-żona tal-port.

 Fuq it-tieni domanda

37     Fuq it-tieni domanda, il-Qorti ta' rinviju saqsiet jekk l-idea ta' "karozzi" [vetturi] li tidher fl-Artikolu 13B(b)2, tas-Sitt Direttiva tinkludix id-dgħajjes.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti

38     L-FML issostni li jirriżulta mill-Artikoli 15(2), 28A(2)(a), u 28N(4)(b) u (c) tas-Sitt Direttiva, li l-leġiżlatur Komunitarju jagħmel distinzjoni bejn it-teriminu "mezzi ta' trasport" u "vetturi". Meta dispożizzjoni tkopri kull mezz ta' trasport, jiġifieri ajruplani, vetturi bil-mutur, dgħajjes, eċċ, l-espressjoni "mezzi ta' trasport" tiġi użata. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta' "vetturi" tintuża biss biex tinkludi mezzi ta' trasport fuq l-art bir-roti. Il-kunċett ta' "vetturi" fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva ma tkoprix ħlief mezzi ta' trasport fuq l-art, u għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fin-negattiv.

39     Il-Gvernijiet Daniż u Grieg iqisu li l-kunċett ta' "vetturi" ma għandux jiġi interpretat strettament. Dan il-kunċett għandu tkopri kull mezz li jittrasporta persuna minn post għal ieħor, inklużi d-dgħajjes.

40     Il-Kummissjoni wkoll issostni li, minkejja t-terminoloġija differenti fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti l-Artikolu 13B(b)(2) tas-Sitt Direttiva, it-terminu "vetturi" huwa użat b'mod konsistenti tul id-Direttiva u jinkludi mezzi ta' trasport fis-sens wiesgħa, inklużi d-dgħajjes. Interpretazzjoni kuntrarja twassal għal konsegwenzi illoġiċi, li jkunu inkompatibbli mal-prinċipju tan-newtralità fiskali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41     Il-kliem użat fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta' l-imsemmi Artikolu 13B(b) (2), biex jirreferu għall-kunċett ta' "vetturi" mhumiex konsistenti. Kif il-Kummissjoni sewwa stqarret, xi verżjonijiet lingwistiċi, fosthom il-verżjoni Franċiża, Ingliża, Taljana, Spanjola, Portugiża, Ġermaniża, u Finlandiża, jinkludu f'dan il-kunċett kull mezz ta' trasport in ġenerali, kompriżi l-ajruplani u d-dgħajjes. Min-naħa l-oħra l-verżjoni Daniża, Svediża, Olandiza, u Griega għażlu terminu aktar preċiż u li għandu tifsira aktar ristretta, li sservi biex tindika b'mod speċjali "mezzi ta' trasport fuq l-art". B'mod aktar speċjali, il-kelma Daniża "kjøretøjer" tirreferi għal mezz ta' trasport bir-roti.

42     F'dan ir-rigward, irid jiġi mfakkar, li skond ġurisprudenza kostanti, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta' dispożizzjoni Komunitarja, din għandha tiġi interpretata skond l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġislazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara b'mod partikolari sentenzi tas-27 ta' Marzu 1990, C-372/88 Cricket St Thomas, Ġabra, p. I-1345, punt 19, u tal-14 ta' Settembru 2000, D., C-384/98, Ġabra, p. I-6795, punt 16).

43     Għal dak li jirrigwarda l-kiri ta' siti għall-ipparkjar ta' vetturi, l-Artikolu 13B(b)(2) tas-Sitt Direttiva, daħlet eċċezzjoni għall-eżenzjoni prevista f'dan l-Artikolu għall-kiri ta' proprjetà immobbli. Hija għalhekk tpoġġi t-tranżazzjonijiet li tirreferi għalihom taħt ir-regola ġenerali ta' dik id-Direttiva, li tissoġġetta għall-VAT it-tranżazzjonijiet kollha li huma taxxabbli, ħlief fil-każ ta' derogi espressament imsemmija. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b'mod strett. (Ara sentenza tat-12 ta' Frar 1998, Blasi, C-346/95, Ġabra p. I-481, punt 19).

44     Għalhekk it-terminu "vetturi" użat f'dik id-Direttiva għandu jiġi interpretat li jkopri kull mezz ta' trasport, inkluż dgħajjes.

45     Fil-fatt, il-kiri ta' rmiġġ għad-dgħajjes mhijiex limitata biss għad-dritt li tokkupa privatament wiċċ l-ilma imma timplika wkoll li wieħed ipoġġi għad-dispożizzjoni diversi apparat tal-port li jippermetti, b'mod partikolari l-irmiġġ ta' dgħajsa, faċilitajiet ta' żbark u ta' imbark għall-ekwipaġġ tiegħu, l-użu tad-diversi faċiltajiet sanitarji jew faċilitajiet oħra. Kif sostna l-Avukat Ġenerali, fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, xi konsiderazzjonijiet, speċjalment dawk ta' ordni soċjali, li kellhom rwol sabiex jiġġustifikaw l-eżenzjoni mill-VAT għall-proprjetà immobbli, ma tistax tiġi applikata għal-kiri ta' rmiġġi għad-dgħajjes bħal fiċ-ċirkostanzi tal-kawża prinċipali.

46     Għaldaqstant, u fid-dawl ta' l-għanjiet ta' l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, il-punt 2 ta' dik id-diżpożizzjoni li teskludi mill-eżenzjoni li tkun suġġett għall-VAT, il-kiri ta' siti għaal-ipparkjar tal-vetturi għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, b'mod ġenerali, għall-kiri ta' siti għall-parkeġġ tal-mezzi kollha ta' trasport, inkluż id-dgħajjes.

47     Fid-dawl ta' dak kollu li ngħad qabel, ir-risposta għat-tieni għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 13B(b)(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li l-kunċett ta' "vetturi" tinkludi d-dgħajjes.

 Fuq l-ispejjeż

48     Peress li l-proċeduru għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta l-imsemmijin partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 13 B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1977, 77/388 KEE, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud : bażi uniformi ta' stima, kif emendat bid-Direttiva 92/111/KEE, ta' l-14 ta' Diċembru 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' kiri ta' proprjetà immobbli jinkludi l-kiri ta' siti maħsuba għall-irmiġġ ta' dgħajjes fuq l-ilma, kif ukoll siti fuq l-art għall-magazzinaġġ ta' dawn id-dgħajjes fiż-żona tal-port.

2)      L-Artikolu 13B(b)(2) tas-Sitt Direttiva, kif emendata mid-Direttiva 92/111, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' "vetturi" jinkludi d-dgħajjes.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.