SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta' April 2005 (*)
"Sitt Direttiva VAT – Bini ta' dar għall-abitazzjoni minn żewġ konjuġi li jifformaw komunità li ma teżerċitax attività ekonomika – Użu ta' waħda mill-kmamar minn wieħed mill-ko-proprjetarji għal skopijiet professjonali – Kwalità ta' persuna taxxabbli – Dritt għal tnaqqis – Regoli dwar l-eżerċizzju ta' dak id-dritt – Eżiġenzi fir-rigward ta' l-irċevuta"
Fil-kawża C-25/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta' Awwissu 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta' Jannar 2003, fil-proċedura
Finanzamt Bergisch Gladbach
vs
HE,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Settembru 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Finanzamt Bergisch Gladbach, irrappreżentat minn A. Eich, bħala aġent,
– għas-Sur HE, irrappreżentat minn C. Fuhrmann, Rechtsanwalt u K. Korn, Steuerberater,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u K. Gross, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Novembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2, 4,17, 18 u 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1) kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll f'dik li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta' Diċembru 1991, li tissuplementa s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388 bil-ħsieb li tneħħi l-frunitieri fiskali (ĠU L 376, p. 1, aktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").
2 Din it-talba ġiet ippreżenata fil-kuntest ta' kawża bejn Finanzamt Bergisch Gladbach (aktar 'il quddiem il-"Finanzamt") u s-Sur HE, intiża sabiex jiġi magħruf jekk u, jekk ikun il-każ, safejn is-Sur HE, li huwa ko-proprjetarju flimkien mal-mara tiegħu ta' immobbli għal abitazzjoni li fiha huwa juża kamra waħda biss għal skopijiet unikament professjonali, jista' jibbenifika mid-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT"), li għandha titħallas fuq il-bini ta' dan l-immobbli.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3 Skond l-Artikolu 2, li jikkostitwixxi t-Titolu II intitolat "Applikazzjoni" tas-Sitt Direttiva:
"Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
1. il-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
2. l-importazzjoni ta' oġġetti."
4 L-Artikolu 4, li jifforma t-Titolu IV, intitolat "Persuni Taxxabbli" ta' din id-direttiva jgħid li:
"1. "Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta' dik l-attività.
2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, [inklużi] attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta' proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta' dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.
[...]"
5 L-Artikolu 5, "Provvista ta' oġġetti", tat-Titolu V, intitolat "Operazzjonijiet taxxabbli" ta' l-istess direttiva, fl-ewwel paragrafu tiegħu jgħid:
"Provvista ta' oġġetti" tfisser it-trasferiment tad-dritt ta' sid li jiddisponi minn proprjetà korporali [tanġibbli]."
6 Skond l-Artikolu 17, "Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas", li jinsab fit-Titolu XI, intitolat "Tnaqqis", tas-Sitt Direttiva:
"1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
2. Sakemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-tran[ż]azzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
(a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa fir-rigward ta' oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;
[...]
6. Qabel perjodu ta' erba' snin ta' l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-Kunsill jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m'għandhiex tkun eleġibbli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-taxxa fuq il-valur miżjud fl-ebda ċirkostanza m'għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.
Sakemm ir-regoli ta' fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.
[...]"
7 Matul il-perjodu tal-kawża prinċipali daħlet fis-seħħ id-Direttiva 91/680 li fl-Artikolu 3, tobbliga lill-Istati Membri biex jadattaw is-sistema tagħhom tal-VAT għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-direttiva u biex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dawn it-tibdiliet jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1993. Dan l-Artikolu 17(2) fil-verżjoni tad-Direttiva 91/680 jgħid li:
"2. Sakemm il-merkanzija [l-oġġetti] u s-servizzi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għand[ha] [tit]ħallas:
(a) taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa għal merkanzija [oġġetti] jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiż;
[...]"
8 L-Artikolu 18, intitolat "Regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li tnaqqas" u li huwa parti mill-istess Titolu XI tas-Sitt Direttiva, huwa fformulat kif isegwi :
"1. Biex teżerċita d-dritt li tnaqqas, il-persuna taxxabbli trid:
(a) fir-rigward tad-deduzzjonijiet taħt Artikolu 17(2)(a), iżżomm fattura [irċevuta], miktuba b'mod konformi ma' l-Artikolu 22(3);
[...]"
9 Konformi ma' l-Artikolu 22, "Obbligazzjonijiet taħt is-sistema interna", li jinsab fit-Titolu XIII, intitolat "Obbligazzjonijiet ta' persuni responsabbli għall-ħlas", tas-Sitt Direttiva:
[...]"
3. (a) Kull persuna taxxabbli għandha toħroġ fattura [irċevuta], jew dokument ieħor li jservi bħala fattura [irċevuta] fir-rigward ta' l-oġġetti u s-servizzi fornuti minnu lill-persuna taxxabbli oħra, u għandu jżomm kopja ta' dan.
[...]
(b) Il-fattura [l-irċevuta] għandha tgħid ċar il-prezz ekslussiv tat-taxxa u t-taxxa korrispondenti f'kull rata kif ukoll kwalunkwe eżenzjonijiet.
(ċ) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji biex jaraw jekk dokument iservix bħala fattura [rċevuta].
[...]
8. […] l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligazzjonijiet oħrajn li huma jqisu neċessarji għall-impożizzjoni ġusta u l-ġbir tat-taxxa u għall-prevenzjoni ta' frodi.
[...]"
10 Dan l-Artikolu 22 ġie emendat bil-mod segwenti mid-Direttiva 91/680:
"[...]
3.(a) Kull persuna taxxabbli trid toħroġ fattura [irċevuta], jew xi dokument ieħor li jservi ta' fattura [irċevuta], għal merkanzija [oġġetti] u servizzi li tkun forniet jew ipprovidet lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux taxxabbli. [...] Persuna taxxabbli trid iżżomm kopja ta' kull dokument maħruġ.
[...]
(b) Il-fattura [l-irċevuta] trid tiddikjara b'mod ċar il-prezz qabel it-taxxa u t-taxxa rilevanti u kull rata ta' taxxa kif ukoll xi eżenzjonijiet.
[...]
(ċ) Stati Membri jistabbilixxu l-kriterji li jiddeterminaw jekk dokument jistax jitqies bħala fattura [irċevuta].
[...]
8. Stati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa għall-ġbir tajjeb ta' taxxa u biex ma ssirx evażjoni, suġġetti għall-ħtieġa ta' trattament indaqs ta' transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta' fruntieri.
[...]"
Id-dritt nazzjonali
11 Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Ġermaniża ta' l-1991 u ta' l-1993 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz, aktar 'il quddiem il-"UStG"), fil-verżjonijiet tagħhom applikabbli matul is-snin tat-taxxa 1991 sa 1993 (ara BGBl. 1991 I, p. 351, u BGBl. 1993 I, p. 566), in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu jgħidu kif isegwi :
"Artikolu 14 Ħruġ ta' irċevuti
(1) Meta persuna taxxabbli tipprovdi oġġetti jew servizzi taxxabbli skond l-Artikolu 1(1) punti 1 u 3, din tista' u, sakemm hija tagħmel dawn l-operazzjonijiet għall-iskopijiet ta' l-intrapriża ta' persuna taxxabbli oħra, hija għandha, fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, tipprovdi irċevuti li juri l-ammont tat-taxxa b'mod ċar. L-irċevuti għandhom ikollhom l-informazzjoni li ssegwi:
1. l-isem u l-indirizz tal-persona taxxabbli li tipprovdi l-oġġetti jew servizzi;
2. l-isem u l-indirizz tal-benefiċjarju tal-provvista jew ta' l-għoti tas-servizzi.
3. il-kwantità u d-deskrizzjoni kummerċjali komuni ta' l-oġġetti pprovduti jew in-natura u l-portata tas-servizzi;
4. id-data tal-provvista ta' l-oġġetti jew tas-servizzi;
5. il-ħlas tal-provvista ta' l-oġġetti jew ta' l-għoti tas-servizzi (Artikolu 10), u
6. l-ammont tat-taxxa mħallsa (punt 5).
[...]
Artikolu 15 Tnaqqis ta' l-input tax.
(1) Il-persuna taxxabbli tista' tnaqqas l-ammont ta' l-input tax kif isegwi:
1. it-taxxa mniżżla separatament fuq l-irċevuti skond l-Artikolu 14 maħruġa minn persuni taxabbli oħra għal provvista ta' oġġetti jew servizzi magħmula għall-iskopijiet ta' l-intrapriża tiegħu. Meta l-ammont tat-taxxa indikat separatament jirrigwarda l-operazzjonijiet ta' dak it-tip li jkunu mħallsa qabel ma jiġu eżegwiti, huwa jitnaqqas mill-mument li fih tinħareġ il-fattura [l-irċevuta] u jkun sar il-ħlas;
[...]"
12 Peress li fid-deċiżjoni nazzjonali tiegħu l-Bundesfinanzhof irrefera għas-sitwazzjoni ġuridika li teżisti dwar dan is-suġġett fir-Repubblika ta' l-Awstrija, wieħed għandu jippreċiża li f'dak l-Istat Membru, l-Artikolu 12(2)(2) tal-liġi ta' l-1994 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz, BGB1. 663/1994) jgħid kif isegwi :
"Is-segwenti provvisti ta' oġġetti, servizzi jew importazzjonijiet mhumiex ikkunsidrati bħala li saru għall-iskopijiet ta' l-intrapriża
(a) dawk li l-ħlas tagħhom ma jikkostitwixxix prinċipalment in-nefqiet (spejjeż) li jitnaqqsu skond l-Artikolu 20(1) (1) sa (5) tal-liġi ta' l-1988 dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergestez, BGBI. 100/1988)
[...]"
13 Din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar hija fformulata kif isegwi :
"Is-segwenti ma jistgħux jitnaqqsu minn irċevuti differenti:
[...]
2. [...]
d) il-ħlasijiet jew spejjeż relatati ma' uffiċċju li jinsab f'abitazzjoni u li għandu l-apparat tiegħu, kif ukoll ma' installazzjoni permanenti fl-abitazzjoni. Jekk uffiċċju li jinsab ġo residenza jikkostitwixxi ċ-ċentru ta' l-attivitajiet kollha ta' l-intrapriża u ta' l-attività professjonali tal-persuna taxxabbli, il-ħlasijiet u l-ispejjeż relatati, li jinkludu spejjeż ta' installazzjonijiet, għandhom jitnaqqsu."
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Mid-dokument tal-kawża prinċipali joħroġ li, matul is-sena 1990, is-Sur HE xtara art indiviża flimkien mal-mara tiegħu. L-ishma kienu jinqasmu kwart għar-raġel u tliet kwarti għal mara tiegħu. Sussegwentement, dawn il-konjuġi qabbdu diversi intrapriżi sabiex jibnu dar fuq din l-art għall-użu ta' abitazzjoni. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant tas-Sur HE qal li fir-rigward ta' dan l-immobbli, l-ishma tal-ko-proprjetarji kienu wkoll ta' kwart għar-raġel u ta' tliet kwarti għal mara tiegħu. L-irċevuti kollha li jikkonċernaw dak il-bini ġew indirizzati lis-Sur u s-Sinjura HE mingħajr ma saret distinzjoni skond is-sehem ta' kull wieħed mill-ko-proprjetarji.
15 Huwa paċifiku li s-Sur HE uża parti minn dik id-dar bħala uffiċċju, sabiex jeżerċita, paralellament ma' l-impjieg tiegħu remunerattiv, attività professjonali aċċessorja bħala awtur speċjalizzat.
16 Għall-iskop tad-dikjarazzjonijiet tiegħu tal-VAT għal perijodu tas-snin taxxabbli 1991, 1992 u 1993, is-Sur HE, fuq il-bażi ta' l-irċevuti relatati mal-bini ta' l-immobbli, għamel tnaqqis proporzjonali fejn huwa kkalkula li l-parti li kellha titnaqqas kienet ta' 12%, li tikkorrispondi għall-erja ta' l-uffiċċju meta mqabbla ma l-erja residenzjali totali tad-dar.
17 Madankollu, il-Finanzamt rrifjutat dan it-tnaqqis, għar-raġuni li s-sid tal-bini u benefiċjarja tal-bini kienet il-komunità magħmula mill-konjuġi HE u mhux mis-Sur HE individwalment.
18 Ir-rikors imressaq mis-Sur HE kontra dik id-deċizjoni ta' rifjut ġie milqugħ parzjalment fl-ewwel istanza mill-Finanzgericht.
19 Minn barra dan, skond dik il-qorti, taħt id-dritt ċivili, is-Sur HE kien biss is-sid tal-bini u dak li rċieva x-xogħol ta' kostruzzjoni li jikkorrispondi għall-uffiċċju fir-rigward ta' kwart mill-proprjetà. Fin-nuqqas ta' elementi oħra, din il-qorti hija fil-fatt ibbażata fuq il-qsim, bejn il-konjuġi, tal-proprjetà ta' l-immobbli. Fid-dawl tal-fatt li s-sehem tal-mara kien ta' tliet kwarti, il-Finanzgericht irrikonoxxiet li s-Sur HE kellu d-dritt li jnaqqas l-input VAT marbuta ma' l-uffiċċju, fir-rigward biss ta' kwart, jiġifieri kwart ta' 12% ta' l-input tax totali. Skond l-istess qorti, il-fatt li l-irċevuti kellhom jiġu indirizzati lil konjuġi mingħajr distinzjoni huwa irrilevanti f'dan il-kuntest.
20 Kemm il-Finanzamt kif ukoll is-Sur HE ressqu appell dwar punti ta' dritt kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof.
21 Skond il-Finanzamt, wieħed għandu jagħmel distinzjoni bejn is-servizzi in kwistjoni fil-kawża prinċipali skond jekk ġewx mogħtija lill-komunità magħmula mill-konjuġi jew lil wieħed mill-ko-proprjetarji. Jekk l-identità tas-sid tal-bini ma toħroġx ċara mill-istruzzjonijiet, il-komunità tkun ikkunsidrata bħala l-benefiċjarja tax-xogħlijiet. Ir-relazzjonijiet bejn is-Sur u s-Sinjura HE fir-rigward tal-proprjetà immobbli hija rrilevanti f' dak ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas tal-qsim ta' l-input VAT bejn dawn ta' l-aħħar kif ukoll il-ħruġ ta' irċevuti f'isem il-konjuġi mingħajr distinzjoni ma jippermettux li s-Sur HE jibbenefika minn tnaqqis normali.
22 Min-naħa l-oħra, is-Sur HE kkunsidra li minħabba li huwa għandu dritt esklużiv ta' użu tal-parti ta' l-immobbli użata bħala uffiċċju, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala l-uniku sid tal-bini għal dak li jikkonċerna x-xogħlijiet tal-bini ta' dik il-parti. Skond hu, ir-rifjut tat-tnaqqis mitlub, fuq il-bażi biss tad-dritt ċivili nazzjonali, huwa inkompatibbli mas-sistema Komunitarja tal-VAT. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim' Istanza, id-dritt għal tnaqqis għandu jiġi estiż għal VAT kollu relatat mal-bini ta' l-uffiċċju, jiġifieri 12% tal-VAT kollu relatat mad-dar.
23 Il-Bundesfinanzhof jirrileva li, fl-applikazjoni tad-dritt Ġermaniż, meta ordni ssir minn bosta persuni f'daqqa li ma jkunux qed jaġixxu bħala entità ġuridika awtonoma – kumpannija ta' persuni jew ta' kapital -, imma bħala sempliċi komunità ta' fatt, kull membru huwa benefiċjarju tas-servizz fir-rigward tal-parti tiegħu biss. Fil-kawża prinċipali, jekk wieħed iħares mill-aspett tal-VAT, il-komunità bħala tali ma aġġixxietx, u b'hekk għandu jiġi kkunsidrat li ż-żewġ konjuġi huma l-benefiċjarji tas-servizzi in kwistjoni.
24 Din il-qorti tgħid ukoll li, skond il-konstatazzjonijiet tal-Finanzgericht, kien biss is-Sur HE li eżerċita attività professjonali fl-uffiċċju li jinsab fl-immobbli li l-konjuġi kienu bnew flimkien. Konformi mal-ġurisprudenza tagħha, fil-każ ta' komunità ta' l-akkwisti, kull wieħed mill-intraprendituri li jkun akkwista proprjetà għall-użu professjonali għandu d-dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-parti tagħhom fil-komunità. Fil-każ fejn konjuġi jikru uffiċċju professjonali li wieħed biss mill-koppja juża għall-bżonnijiet ta' l-intrapriża t-tiegħu, il-Bundesfinanzhof ibbażat, fin-nuqqas ta' elementi oħra, fuq l-Artikolu 742 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch) li jistabbilixxi li d-drittijiet u l-obbligi huma maqsumin fin-nofs bejn il-membri tal-komunità, u konsegwentement iddeċidiet li t-tnaqqis favur wieħed minn dawn il-membri li jkun juża l-proprjetà għal skopijiet professjonali japplika biss għal nofs l-input tax totali.
25 Dan kien ukoll ir-riżultat li f'dan il-każ kellha tasal għalih il-Finanzgericht, li ddeċidiet b'mod korrett li dak ir-raġunament ma nbidilx minħabba l-fatt li l-irċevuti kienu miktubin f'isem il-konjuġi.
26 Madankollu, il-Bundesfinanzhof jistaqsi jekk dik is-soluzzjoni hijiex kompatibbli mas-Sitt Direttiva.
27 Qabel kollox, m'huwiex possibbli li nirrispondu b'ċertezza li x-xogħol ta' bini ta' l-immobbli għal abitazzjoni, li fih hemm uffiċċju, kien inxtara mis-Sur HE "bħala persuna taxxabbli" u "għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu", skond l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, jew inkella li kien għal bżonnijiet privati residenzjali, a fortiori peress li, per eżempju, l-awtoritajiet Awstrijaċi jeskludu d-dritt għal tnaqqis.
28 F'dan il-kuntest wieħed għandu wkoll jiddetermina jekk l-ispejjeż għall-bini ta' uffiċċju f'residenza għandhomx karattru "strettament […] tan-negozju" li, f'dan l-aħħar każ, ikun xorta waħda eskluż mid-dritt għal tnaqqis skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.
29 Jekk jiġi presuppost li, f'dan il-każ, bħala prinċipju jeżisti d-dritt għal tnaqqis, għandu jiġi deċiż kif dan għandu jiġi eżerċitat taħt id-dritt Komunitarju, meta jinxtara assi kapitali minn komunità li tirriżulta minn ishma indiviżi jew minn żwieġ u li ma taġixxix hija stess bħala persuna taxxabbli.
30 Fl-aħħar, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 18(1)(a) u fl-Artikolu (22)(3)(a) u (ċ) tas-Sitt Direttiva iqajmu dubji fir-rigward tal-ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li l-eżiġenzi relatati ma' l-indikazzjonijiet supplementari li jinsabu fl-irċevuta għal dak li jikkonċerna l-ishma rispettivi li huma ta' importanza żgħira.
31 Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
"(1) Persuna li tixtri jew tibni dar għal użu ta' abitazzjoni taġixxi bħala persuna taxxabbli matul ix-xiri jew il-bini ta' din id-dar, jekk hija għandha l-intenzjoni li tuża parti waħda minn dan l-immobbli bħala uffiċċju għal attività indipendenti aċċessorja?
(2) Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda:
Jekk komunità li tirriżulta minn ishma indiviżi jew minn żwieġ, li m'hijiex relatata ma' skopijiet professionali, tordna, bħala komunità, assi kapitali, għandu jiġi kkunsidrat li hemm xiri minn persuna mhux taxxabbli, li m'għandhiex dritt li tnaqqas mill-VAT ammont li għandu jitħallas fuq ix-xiri, jew għandu jiġi kkunsidrat li l-ko-proprjetarji kollha huma benefiċjarji ta' l-operazzjoni?
(3) Fil-każ ta' risposta affermattiva għat-tieni domanda:
Jekk konjuġi jakkwistaw assi kapitali indiviż u dan l-assi huwa użat għal skop professjonali minn wieħed mill-ko-proprjetarji biss għall-intrapriża tiegħu, id-dritt għal tnaqqis jista' jiġi eżerċitat
(a) minn dan il-ko-proprjetarju fir-rigward biss tal-parti ta' l-input tax li tikkorrispondi għas-sehem tiegħu bħala xerrej,
jew
(b) dan il-proprjetarju jista', skond l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, inaqqas l-ammont ta' l-input tax li jikkorrispondi għal parti ta' l-użu professjonali tiegħu tal-proprjetà kollha (bla ħsara għall-kundizzjonijiet li tinħareġ l-irċevuta deskritta fir-raba' domanda)?
(4) Sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis skond l-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva, l-irċevuta, skond l-Artikolu 22(3) ta' din id-direttiva, għandu jkollha miktub l-isem ta' dak il-ko-proprjetarju /konjuġi biss – u ssemmi l-proporzjon tal-prezz u tat-taxxa li tikkorrispondi għas-sehem tiegħu – jew huwa biżżejjed li tingħata lil ko-proprjetarji/konjuġi mingħajr ma turi kif ikun sar dan il-qsim?"
Osservazzjonijiet preliminari
32 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-proċess joħroġ li:
– il-konjuġi HE kienu xtraw, bħala ko-proprjetarji, art li fuqha bnew dar għal abitazzjoni li huma ko-proprjetarji tagħha;
– fil-komunità kif magħmula mill-koppja HE minħabba ż-żwieġ tagħhom, is-sehem tar-raġel huwa ta' kwart u dak tal-mara tiegħu huwa ta' tliet kwarti għal dak li jikkonċerna kemm l-art kif ukoll id-dar;
– minbarra l-professjoni remunerattiva tiegħu, is-Sur HE jeżerċita, aċċessorjament, attività professjonali indipendenti bħala awtur speċjalizzat;
– għal bżonnijiet ta' din l-aħħar attività, huwa juża parti mid-dar komuni esklużivament bħala uffiċċju; huwa paċifiku li dik il-parti tirrappreżenta 12% mill-erja totali abitabbli ta' l-immobbli;
– il-mara tas-Sur HE ma teżerċita ebda attività ekonomika skond is-Sitt Direttiva u f'ebda mument m'għamlet użu minn dan l-uffiċċju;
– il-komunità magħmula mill-konjuġi HE minħabba ż-żwieġ tagħhom ma teżerċita ebda attività ekonomika skond is-Sitt Direttiva, m'għandhiex personalità ġuridika, u lanqas għandha poter awtonomu;
– peress li m'għandhomx il-kwalità ta' persuna taxxabbli, la l-mara tas-Sur HE u lanqas din il-komunità ma jibbenefikaw mid-dritt għal tnaqqis fl-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva;
– l-irċevuti relatati mal-bini tad-dar ġew indirizzati lill-konjuġi HE mingħajr ma saret distinzjoni bejniethom u ma kinux jippreċiżaw il-proporzjonijiet tal-prezz u tal-VAT li jikkorrispondu għas-sehem ta' kull wieħed mill-konjuġi fil-ko-proprjetà;
– Is-Sur HE talab it-tnaqqis ta' l-input VAT għall-uffiċċju kollu użat minnu għal skop esklużivament professjonali, jiġifieri 12%, filwaqt li huwa żamm sehem ta' 25% fil-ko-proprjetà immobbli.
33 Huwa fid-dawl ta' dawn il-karattistiċi tal-kawża prinċipali li għandha tingħata risposta għad-domandi preliminari.
34 Wieħed għandu jżid jgħid li, għall-finijiet ta' dawk ir-risposti, fir-rigward ta' l-Artikoli 17 u 22 tas-Sitt Direttiva, m'għandhiex issir distinzjoni bejn il-verżjoni tal-bidu ta' dawk id-dispożizzjonijiet u dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 91/680, għar-raġuni li huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom essenzjalment portata identika għall-għanijiet ta' l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa li tagħti fil-kuntest tal-kawża preżenti.
Fuq l-ewwel domanda
35 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk persuna li tixtri jew tibni dar għal skop ta' abitazzjoni flimkien mal-familja tagħha għandhiex il-kwalità ta' persuna taxxabbli u b'hekk tibbenefikax mid-dritt għal tnaqqis skond l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, fil-każ fejn hija tuża' parti minn dik l-immobbli bħala uffiċċju għal bżonnijiet ta' eżerċizzju, aċċessorjament, ta' attività ekonomika skond l-Artikolu 2 u 4 ta' l-istess direttiva.
36 F'dak ir-rigward, wieħed għandu jfakkar li s-Sitt Direttiva stabbilixxiet sistema komuni ta' VAT ibbażata, partikolarment, fuq definizzjoni uniformi ta' operazzjonijiet taxxabbli (ara, partikolarment, sentenza tas-26 ta' Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, C-305/01, Ġabra, p. I-6729, punt 38).
37 Mill-Artikolu 2 ta' din id-direttiva, li jiddefinixxi l-qasam ta' applikazzjoni tal-VAT u li għandu jinqara flimkien ma' l-Artikolu 4 ta' l-istess direttiva, jirriżulta li għandhom jiġu intaxxati biss l-attivitajiet li għandhom karattru ekonomiku, sakemm jiġu effettwati ġewwa l-Istati Membru minn persuna taxxabbli bħala tali.
38 Skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, hija kkunsidrata bħala persuna taxxabbli kull persuna li tagħmel, b'mod indipendenti, waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu.
39 Il-kunċett ta' "attivitajiet ekonomiċi" huwa definit fil-paragrafu 2 bħala li jinkludi l-attivitajiet "kollha" ta' produttur, ta' kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi, u partikolarment l-operazzjonijiet dwar l-isfruttament ta' oġġett tanġibbli jew intanġibbli f'każ li jitneħħew l-irċevuti li għandhom karattru permanenti. Dan il-kunċett ta' "sfruttament" jirreferi, konformi għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta' newtralità tas-sistema komuni ta' VAT, għall-operazzjonijiet kollha, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħhom (ara sentenza tal-21 ta' Ottubru, BBL, C-8/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).
40 Skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jagħti lill-VAT applikazzjoni wiesgħa ħafna, sabiex tinkludi l-istadji kollha tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u ta' l-għoti ta' servizzi (ara, partikolarment, sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 1990, Van Tiem, C-186/89, Ġabra p. I-4363, punt 17, u MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, iċċitat aktar 'il fuq, punt 42).
41 Madankollu, fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 ta' din id-direttiva, li fir-rigward tagħhom biss għandha tkun evalwata l-kwalità ta' persuna taxxabbli (ara sentenzi msemmija qabel Van Tiem, punt 25, u BBL, punt 36) persuna bħas-Sur HE għandha tiġi kkunsidrata bħala li għandha dik il-kwalità.
42 Fil-fatt, mill-proċess joħroġ li, matul il-perijodu tal-kawża prinċipali mill-1991 sa 1993, il-persuna kkonċernata effettivament eżerċitat, anke jekk biss aċċessorjament – attività ekonomika indipendenti fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 4.
43 Minn barra dan, mill-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li, safejn il-persuna taxxabbli, li tkun qed taġixxi bħala tali, tuża l-proprjetà għal bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha, hija awtorizzata li tnaqqas il-VAT li jkollha tħallas jew li tkun ħallset fir-rigward ta' dik il-proprjetà. Bil-kontra, jekk proprjetà m'hijiex użata għall-bżonnijiet ta' l-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli skond l-Artikolu 4 ta' l-istess direttiva, imma din ta' l-aħħar tużaha għall-konsum privat tagħha, ebda dritt għal tnaqqis ma jista' jingħata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 1991, Lennartz C-97/90, Ġabra p. I-3795, punti 8 u 9).
44 Madankollu, f'dak ir-rigward mill-proċess joħroġ li fil-perijodu tal-kawża prinċipali, is-Sur HE, għal bżonnijiet ta' l-eżerċizzju ta' l-attività ekonomika indipendenti tiegħu bħala awtur speċjalizzat, uża esklużivament parti mill-immobbli li huwa bena flimkien mal-mara tiegħu u għalhekk huwa l-ko-proprjetarju tagħha.
45 Il-fatt li f'dan il-każ, il-persuna kkonċernata użat biss parti minn dak l-immobbli għal bżonnijiet ta' l-attività ekonomika tagħha mhuwiex rilevanti.
46 Fil-fatt skond ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta' użu ta' assi kapitali għal skopijiet kemm professjonali kif ukoll privati, il-persuna kkonċernata għandha l-għażla, għall-iskopijiet tal-VAT, li tintegra din il-proprjetà fil-patrimonju kollu ta' l-intrapriża tagħha, sabiex tikkonserva l-patrimonju privat tagħha kollu billi teskludih kompletament mis-sistema ta' VAT, sabiex – bħal fil-kawża prinċipali, tintegrah biss fl-intrapriża tagħha safejn hija effettivament użata għal skopijiet professjonali effettiva (ara, f'dan is-sens, partikolarment, is-sentenzi tat-8 ta' Marzu 2001, Bakcsi, C-415/98, Ġabra p. I-1831, punti 24 sa 34, u tat-8 ta' Mejju 2003, Seeling, C-269/00, Ġabra p. I-4101, punti 40 u 41).
47 F'dan l-aħħar każ, wieħed għandu jikkunsidra li, fil-limitu ta' l-użu professjonali tal-proprjetà, l-operatur ikkonċernat aġixxa bħala persuna taxxabbli matul fl-akkwist jew il-bini ta' l-immobbli li, f'dak il-każ, għandu jiġi kkunsidrat bħala użat għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli ta' dak l-operatur skond l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva.
48 L-interpretazzjoni preċedenti hija korroborata mill-prinċipju ta' newtralità, li bis-saħħa tagħha l-persuna kkonċernata għandha tħallas il-VAT biss meta din tkun relatata ma' oġġetti jew servizzi li din il-persuna tuża għall-konsum privat tagħha u mhux għall-attivitajiet professjonali taxxabbli tagħha.
49 Madankollu, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, id-dubji espressi mill-qorti nazzjonali fir-rigward tad-domanda dwar jekk tranżazzjoni bħalma dik fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta' l-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, mhumiex fondati.
50 Infatti, il-fatt li Stat Membru ieħor (bħal f'dan il-każ, ir-Repubblika ta' l-Awstrija) jeskludi d-dritt għal tnaqqis fil-każ ta' uffiċċju li jinsab f'residenza huwa rrilevanti, fid-dawl tal-karattru komuni tas-sistema tal-VAT u l-għan ta' armonizzazzjoni li jipprova jilħaq, li bħala riżultat ta' dan id-derogi għad-dritt għal tnaqqis m'humiex awtorizzati ħlief fil-każ espressament ipprovdut mis-Sitt Direttiva, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni identika tagħhom fl-Istati Membri kollha.
51 Għaldaqstant, sakemm il-qorti nazzjonali tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, ma jeżistix att tal-Kunsill li jeskludi d-dritt għal tnaqqis ta' l-ispejjeż li m'għandhomx il-karattru strettament professjonali, bħal ma huma l-ispejjeż relatati mal-lussu jew mad-divertiment. Għaldaqstant, il-liġi Ġermaniża li kienet tapplika fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmija direttiva ma kinitx teskludi d-dritt għal tnaqqis għal uffiċċji li jinsabu f'residenza. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx awtorizzata li tintroduċi miżuri partikolarment derogatorji fir-rigward ta' din id-direttiva skond l-Artikolu 27 tagħha.
52 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li persuna li tkun akkwistat jew bniet dar sabiex tgħix fiha flimkien mal-familja tagħha għandha l-kwalità ta' persuna taxxabbli u b'hekk, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis, safejn hija tuża parti minn dak l-immobbli bħala uffiċċju għal bżonnijiet ta' l-eżerċizzju, għalkemm aċċessorja, ta' attività ekonomika skond l-Artikoli 2 u 4 ta' l-istess direttiva u talloka dik il-parti ta' l-immobbli fil-patrimonju ta' l-intrapriża tagħha.
Fuq it-tieni domanda
53 Din id-domanda tirrigwarda essenzjalment il-punt dwar jekk, fil-każ li komunità li tirriżulta minn żwieġ, li m'għandhiex personalità ġuridika u li ma teżerċitax attività ekonomika skond is-Sitt Direttiva, li tordna assi kapitali, il-ko-proprjetarji li jiffurmaw din il-komunità għandhomx jiġu kkunsidrati bħala benefiċjarji tat-tranżazzjoni għall-bżonnijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-direttiva.
54 F'dak ir-rigward, mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komunità magħmula mill-konjuġi HE minħabba ż-żwieġ tagħhom ma kinitx teżerċita attività ekonomika taħt il-forma ta' kumpannija rregolata mid-dritt ċivili li għandha personalità ġuridika proprja jew taħt il-forma ta' entità li, għalkemm nieqsa minn dik il-personalità, fil-fatt għandha l-poter li taġixxi b'mod indipendenti. Fil-fatt, dawn il-konjuġi limitaw lilhom infushom li jaġixxu b'mod konġunt fl-akkwist ta' l-art u fil-bini ta' l-immobbli.
55 Għalhekk, għall-iskopijiet tal-VAT, din il-komunità ma kinitx interveniet fit-tranżazzjonijiet fil-kawża prinċipali u ma tistax, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala persuna taxxabbli skond is-Sitt Direttiva.
56 F'dawn il-kundizzjonijiet u fin-nuqqas ta' elementi oħra rilevanti, wieħed għandu jikkunsidra li l-konjuġi HE fil-kwalità tagħhom ta' ko-proprjetarji ta' assi kapitali, huma benefiċarji tal-provvista ta' dan l-assi għal bżonnijiet ta' l-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva.
57 Din is-soluzzjoni hija wkoll konformi mal-prinċipju ta' newtralità. Filwaqt li l-komunità magħmula minn dawn il-konjuġi m'hijiex taxxabbli u ma tistax, għaldaqstant, tnaqqas il-VAT mill-ammont, dan id-dritt għal tnaqqis għandu jiġi rikonoxxut lil konjuġi individwalment sakemm huma jkollhom il-kwalità ta' persuna taxxabbli.
58 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, meta komunità li tirriżulta minn żwieġ, li m'għandhiex personalità ġuridika u li ma teżerċitax attività ekonomika skond is-Sitt Direttiva, għandha kontroll ta' assi kapitali, il-ko-proprjetarji li jiffurmaw din il-komunità għandhom jiġu kkunsidrati bħala benefiċjarji tat-tranżazzjoni għal bżonnijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-direttiva.
Fuq it-tielet domanda
59 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk, meta konjuġi fil-komunità minħabba ż-żwieġ tagħhom jakkwistaw proprjetà li parti minnha tkun użata għal skop professjonali esklużivament minn wieħed mill-konjuġi ko-proprjetarji, dan jibbenefikax mid-dritt għal tnaqqis ta' l-input VAT kollu relatat mal-parti tal-proprjetà li huwa juża għall-bżonnijiet ta' l-intrapriża tiegħu jew fir-rigward biss ta' l-input VAT li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu bħala xerrej.
60 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, tajjeb li niftakru li l-qorti nazzjonali ta' l-ewwel istanza ddeċidiet li, skond id-dritt ċivili Ġermaniż, is-Sur HE ma kienx benefiċjarju tax-xogħlijiet ta' bini relatati ma' l-uffiċċju fir-rigward biss ta' kwart. F'dan ir-rigward, din ibbażat ruħha fuq il-qsim ta' l-art bejn il-konjuġi ko-proprjetarji, peress li s-sehem tar-raġel kien jammonta biss għal 25% tal-ko-proprjetà. Għaldaqstant, din il-qorti rrikonoxxiet li s-Sur HE kellu d-dritt li jnaqqas kwart biss ta' l-input tax relatata ma' l-uffiċċju użat għall-skopijiet ta' l-intrapriża, jiġifieri kwart ta' 12% ta' l-ammont totali ta' l-input VAT.
61 Min-naħa l-oħra, is-Sur HE jsostni li, skond is-Sitt Direttiva, huwa jibbenefika mid-dritt li jnaqqas l-ammont ta' l-input VAT, ammont li jikkorrispondi għal parti ta' l-użu professjonali tiegħu tal-proprjetà kollha, jiġifieri 12% ta' l-ammont totali ta' l-input tax.
62 F'dan ir-rigward, mill-ewwel għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-istess titolu tagħha, is-Sitt Direttiva hija intiża li tistabbilixxi sistema komuni ta' VAT fejn tiddetermina b'mod uniformi u skond ir-regoli Komunitarji t-tranżazzjonijiet taxxabbli (ara punt 36 ta' din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq).
63 Minn barra dan, skond ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta' dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva li ma fiha ebda referenza espressa għal-liġi ta' l-Istati Membri biex jiġi ddeterminat is-sinifikat u l-iskop tagħha għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi, fil-Komunità kollha, sabiex tiġi evitata d-diverġenza fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara s-sentenza tas-27 ta' Novembru 2003, Zita Modes, C-497/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).
64 Fir-rigward, b'mod aktar partikolari, ta' l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva, li jistabbilixxi li provvista ta' oġġetti hija t-trasferiment tad-dritt ta' sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta' provvista ta' oġġetti ma tirreferix għat-trasferiment tal-proprjetà kif previst mil-liġi nazzjonali applikabbli, imma tinkludi t-tranżazzjonijiet kollha ta' trasferiment ta' proprjetà tanġibbli minn parti li tagħti s-setgħa lill-parti l-oħra li tiddisponi minnha bħallikieku kienet il-proprjetarju ta' dak l-oġġett. L-għan ta' din id-direttiva jista' jiġi kompromess jekk il-konstatazzjoni ta' provvista ta' oġġetti, li hija waħda mit-tliet tranżazzjonijiet taxxabbli, kienet suġġetta għas-sodisfazzjon ta' kundizzjonijiet li jvarjaw skond id-dritt ċivili ta' l-Istat Membru kkonċernat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta' Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, Ġabra p. I-285, punti 7 u 8; ta' l-4 ta' Ottubru 1995, Armbrecht, C-291/92, Ġabra p. I-2775, punti 13 u 14, kif ukoll tas-6 ta' Frar 2003, Auto Lease Holland, C-185/01, Ġabra p. I-1317, punti 32 u 33).
65 B'konsegwenza ta' dan, la l-pożizzjoni tal-qorti nazzjonali ta' l-ewwel istanza, li tibbaża r-raġunament tagħha fuq ir-regoli dwar il-proprjetà taħt id-dritt ċivili Ġermaniż, la dik li ġiet difiża mill-Kummissjoni fin-nota ta' l-osservazzjonijiet tagħha li fiha tgħid li t-talba tas-Sur HE ma setgħetx tiġi milqugħa jekk, skond il-liġi nazzjonali dwar il-liġi taż-żwieġ, huwa ma kellux id-dritt li jiddisponi mill-assi kapitali kollha, ma jistgħu jiġu milqugħa.
66 Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar liema wieħed mill-ko-proprjetarji fil-fatt ħallas l-irċevuti relatati mal-kostruzzjoni ta' l-immobbli, hija irrilevanti għal finijiet tar-risposta għad-domanda magħmula, peress li mill-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li l-parti l-oħra tista' wkoll titħallas minn terza persuna.
67 Sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda, huwa neċessarju li għall-kuntrarju jiġi mfakkar li, f'dan il-każ, is-Sur HE juża l-uffiċċju li jinsab fid-dar għall-abitazzjoni personalment u jużah kollu kemm hu għall-bżonnijiet ta' l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu u li huwa ddeċieda li juża' din il-parti kollha kemm hi għall-intrapriża tiegħu. Jidher ukoll li l-persuna kkonċernata, fil-fatt, tuża' din il-parti komuni bħala proprjetarju u b'hekk tissodisfa l-kundizzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 64 ta' din is-sentenza.
68 Għandu jingħad ukoll li s-Sur HE jitlob li mill-input VAT inaqqas ammont li huwa ekwivalenti għal dak relatat mal-parti tal-proprjetà li juża esklużivament għal skopijiet professjonali u li huwa kien iddeċieda li jikkunsidra bħala assi ta' l-intrapriża.
69 Minn barra dan, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-uffiċċju ma jistax joħloq dritt għal tnaqqis fir-rigward ta' operatur ieħor barra mis-Sur HE, jiġifieri li m'hemm ebda riskju ta' frodi jew ta' abbuż f'dan il-każ.
70 It-talba tas-Sur HE sabiex jitnaqqas l-ammont kollu tal-VAT li għandu x'jaqsam ma' l-uffiċċju għandha, f'dawk il-kundizzjonijiet, tiġi kkunsidrata bħala konformi mas-sistema tat-tnaqqis li hija intiża biex teħles lill-intraprenditur mill-piż tal-VAT li għandu jħallas jew li jkun ħallas fil-kuntest ta' l-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni ta' VAT b'hekk tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-ħlas fiskali ta' l-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikunu xi jkunu l-għanijiet jew ir-riżultati ta' dawk l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu, bħala prinċipju, xorta waħda suġġetti għal VAT (ara, partikolarment, is-sentenza Zita Modes, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38).
71 Minn dan isegwi li operatur li, bħas-Sur HE, inkluda l-kamra kollha użata bħala uffiċċju fil-patrimonju ta' l-intrapriża tiegħu, għandu d-dritt li jibbenefika mit-tnaqqis tal-VAT kollha li hija relatata direttament ma' l-ispejjeż ta' elementi diversi li jikkostitwixxu l-prezz ta' dik il-kamra ta' l-immobbli. Jekk huwa seta' jnaqqas biss parti mill-VAT li huwa jkun ħallas għal dik il-kamra użata kollha kemm hi għat-tranżazzjonijiet taxxabbli tiegħu – parti ddeterminata skond is-sehem tiegħu fil-ko-proprjetà ta' l-immobbli kollha kemm hi – dan l-operatur ma kienx ikun jista' jiġi eżentat mit-taxxa kollha relatata mal-proprjetà li huwa juża għall-iskopijiet ta' l-attività ekonomika tiegħu, kuntrarjament għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta' newtralità.
72 L-interpretazzjoni preċedenti taqbel ukoll mal-prinċipju ta' trattament ugwali, li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta' newtralità.
73 B'hekk, żewġ persuni taxxabbli, li oġġettivament isibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni fejn kull wieħed juża, b'mod esklużiv, l-istess perċentwali ta' immobbli bħala uffiċċju li jagħmel parti mill-intrapriża tiegħu, huma kkunsidrati b'mod identiku, minħabba lil huma għandhom id-dritt li jnaqqsu l-istess ammont ta' VAT. Bil-kontra, wieħed għandu jikkunsidra d-differenza li tikkaratterizza s-sitwazzjoni tagħhom – waħda hija s-sid esklużiv ta' immobbli filwaqt li l-oħra tippossjedi biss parti – minħabba l-fatt li l-ewwel persuna tibbenefika mill-possibbiltà li tnaqqas l-ammont kollu ta' l-input VAT sa 100% sakemm tagħżel li tinkludi l-immobbli għall-użu varjat fl-intrapriża tagħha, filwaqt li t-tieni persuna ma tista' qatt tevita li tħallas ammont ta' VAT aktar minn dak li realment tiflaħ, jiġifieri dak attribwit għas-sehem tagħha fil-ko-proprjetà (jiġifieri 25% fil-kawża prinċipali).
74 Fid-dawl ta' l-iżviluppi kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, fejn konjuġi f'komunità minħabba ż-żwieġ tagħhom jakkwistaw proprjetà li parti minnha hija użata għal skop professjonali esklużivament minn wieħed mill-konjuġi ko-proprjetarji, dan jibbenefika mid-dritt għal tnaqqis fir-rigwarda ta' l-input VAT kollu li jirrigwarda l-parti tal-proprjetà li hija użata għall-iskopijiet ta' l-intrapriża tiegħu, sakemm l-ammont imnaqqas ma jeċċedix il-limitu tas-sehem li l-persuna taxxabbli għandha fil-ko-proprjetà ta' din il-proprjetà.
Fuq ir-raba' domanda
75 Din id-domanda hija essenzjalment intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 18(1)(a) u l-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva jirrikjedux li, biex tkun tista' teżerċita d-dritt għal tnaqqis f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-persuna taxxabbli jkollha irċevuta f'isimha, fejn jidhru l-proporzjonijiet tal-prezz u tal-VAT li jikkorrispondu għas-sehem tagħha fil-ko-proprjetà jew oġġett, jew jekk irċevuta maħruġa mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn il-konjuġi ko-proprjetarji u mingħajr ma ssemmi dan il-qsim hijiex biżżejjed f'dak ir-rigward.
76 F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva, kemm fil-verżjoni oriġinali tiegħu kif ukoll dak li jirriżulta mid-Direttiva 91/680 joħroġ partikolarment li, għal bżonnijiet ta' l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, l-irċevuta għandha tiddikjara b'mod ċar il-prezz qabel it-taxxa u t-taxxa rilevanti u kull rata ta' taxxa kif ukoll xi eżenzjonijiet.
77 Minn dan jirriżulta li, minbarra l-eżiġenzi minimi, is-Sitt Direttiva ma timponix obbligi oħra, bħal dawk li ssir referenza għalihom fir-raba' domanda preliminari.
78 Huwa ċert li, skond l-Artikolu 22(3)(c) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu l-kriterji li jekk ikun jikkonforma magħhom, dokument jista' jiġi kkunsidrat bħala rċevuta u, skond il-paragrafu 8 ta' l-istess artikolu, dawk l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jimponu obbligi oħra li huma jikkunsidraw neċessarji biex jassiguraw l-eżatt kalkolu u ġbir tat-taxxa u biex jevitaw il-frodi.
79 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu minn din il-possibbiltà ta' l-aħħar. Minbarra dan, f'dan l-Istat Membru, il-UstG jgħid li l-irċevuti għandhom ikollhom, b'mod partikolari, l-isem u l-indirizz tal-benefiċjarju ta' l-operazzjoni, il-kwantità u d-deskrizzjoni kummerċjali normali ta' oġġetti pprovduti u s-servizzi mogħtija, kif ukoll ir-renumerazzjoni tat-tranżazzjoni.
80 Madankollu, kif osservat ukoll il-Kummissjoni, skond ġurisprudenza stabbilita, il-bżonn, għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, kif imsemmi fuq l-irċevuta li hija msemmija fl-Artikolu 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju biex jiġi assigurat il-ġbir tal-VAT u l-kontroll tiegħu mill-amministrazzjoni fiskali. Minn barra dan, din id-deskrizzjoni ma tistax, minħabba n-numru jew minħabba n-natura teknika tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis prattikament impossibbli jew eċċessivament difffiċli (sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1988, Jeunehomme u EGI, 123/87 u 330/87, Ġabra p. 4517, punt 17). Minn barra dan, il-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jadottaw skond l-Artikolu 22(8) ta' l-istess direttiva, sabiex jassiguraw il-kalkolu u l-ġbir eżatt tat-taxxa u biex jevitaw il-frodi, ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jiġu użati b'mod li jerġgħu jqegħdu fid-dubju n-newtralità tal-VAT, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar dan il-qasam (sentenzi tal-21 ta' Marzu 2000, Gabalfrisa et, C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 52 u tad-19 ta' Settembru 2000, Schmeink & Cofreth u Strobel, C-454/98, Ġabra p. I-6973, punt 59).
81 Madankollu, f'każ bħal dak tal-kawża prinċipali, ma jeżisti ebda riskju ta' frodi jew ta' abbuż, minħabba li dan il-każ jikkonċerna tip ta' proprjetà tipika ta komunità, jiġifieri ko-proprjetà bejn konjuġi li m'għandhiex hija stess il-kwalità ta' persuna taxxabbli u li fiha wieħed biss mill-koppja jeżerċita attività ekonomika, b'mod li jeskludi li l-irċevuti, anke dawk bl-isem "Sur u Sinjura HE" u mingħajr ma jsemmu l-proporzjonijiet tal-prezz u tal-VAT li jikkorrispondu għas-sehem ta' kull wieħed mill-konjuġi fil-ko-proprjetà, tista' tiġi użata mill-koppja mhux taxxabbli jew mill-komunità, sabiex terġa' tibbenefika minn tnaqqis ta' l-istess ammont ta' VAT.
82 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta' proporzjonalità li lill-konjuġi taxxabbli jiġi rrifjutat li jingħatalhom id-dritt għal tnaqqis għar-raġuni biss li l-irċevuti ma fihomx id-dettalji stabbiliti mil-liġi nazzjonali applikabbli.
83 Minn dan isegwi li r-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(1)(a) u l-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva ma jirrikjedux li biex tkun tista' teżerċita d-dritt għal tnaqqis f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli jrid ikollha irċevuta maħruġa f'isimha u li fiha jidhru l-proporzjonijiet tal-prezz u tal-VAT li jikkorrispondu għas-sehem tagħha fil-ko-proprjetà. Irċevuta maħruġa mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn il-konjuġi ko-proprjetarji u mingħajr ma ssemmi kif sar dan il-qsim hija biżżejjed għal dak l-għan.
Fuq l-ispejjeż
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwsitjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll f'dik li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta' Diċembru 1991, li tissuplementa s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388 bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali, għandha tiġi nterpretata kif isegwi/bil-mod segwenti:
– persuna li takkwista jew tibni dar sabiex tgħix fiha flimkien mal-familja tagħha għandha l-kwalità ta' persuna taxxabbli u b'hekk, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388, tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis, safejn hija tuża parti minn dak l-immobbli bħala uffiċċju għal bżonnijiet ta' l-eżerċizzju, għalkemm aċċessorja, ta' attività ekonomika skond l-Artikoli 2 u 4 ta' l-istess direttiva u talloka dik il-parti ta' l-immobbli fil-patrimonju ta' l-intrapriża tagħha;
– meta komunità li tirriżulta minn żwieġ, li m'għandhiex personalità ġuridika u li ma teżerċitax attività ekonomika skond is-Sitt Direttiva 77/388, għandha kontroll ta' assi kapitali, il-ko-proprjetarji li jiffurmaw din il-komunità għandhom jiġu kkunsidrati bħala benefiċjarji tat-tranżazzjoni għal bżonnijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-direttiva;
– fejn konjuġi f'komunità minħabba ż-żwieġ tagħhom jakkwistaw proprjetà li parti minnha hija użata għal skop professjonali esklużivament minn wieħed mill-konjuġi ko-proprjetarji, dan jibbenefika mid-dritt għal tnaqqis fir-rigwarda ta' l-input taxxa fuq il-valur miżjud kollu li jirrigwarda l-parti tal-proprjetà li hija użata għall-iskopijiet ta' l-intrapriża tiegħu, sakemm l-ammont imnaqqas ma jeċċedix il-limitu tas-sehem li l-persuna taxxabbli għandha fil-ko-proprjetà ta' din il-proprjetà;
– L-Artikolu 18(1)(a) u l-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva ma jirrikjedux li biex tkun tista' teżerċita d-dritt għal tnaqqis f'ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli jrid ikollha irċevuta maħruġa f'isimha u li fiha jidhru l-proporzjonijiet tal-prezz u tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jikkorrispondu għas-sehem tagħha fil-ko-proprjetà. Irċevuta maħruġa mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn il-konjuġi ko-proprjetarji u mingħajr ma ssemmi kif sar dan il-qsim hija biżżejjed għal dak l-għan.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.