Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta' Marzu 2005 (*)

"Sitt Direttiva VAT – Status tal-persuna taxxabbli – Dritt għat-tnaqqis – Stralċ – Rabta diretta u immedjata – Transazzjonijiet li jagħmlu parti mill-attività ekonomika kollha"

Fil-kawża C-32/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Højesteret (Danimarka), permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Jannar 2003 li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Jannar 2003, fil-proċedura

I/S Fini H

vs

Skatteministeriet

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla , A. Borg Barthet, J.-P. Puissochet, J. Malenovský u U. Lõhmus (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F . G. Jacobs,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

- għal I/S Fini H, minn S. Halling-Overgaard u M. Krarug, advokaterne,

- għal Skatteministeriet, minn P. Biering, bħala aġent,

- għall-Gvern Daniż, minn J. Molde u P. Biering, bħala aġenti,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn MM. E. Traversa u T. Fich, bħala aġenti

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4, (1) sa (3), tas-sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendatat mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta' l-10 ta' April 1995 (ĠU L 102, p. 18, wara is-"sitt Direttiva").

2       Din it-talba saret fil-kuntest tal-proċeduri bejn is-soċjetà in akkomandita I/S Fini H (il-quddiem «Fini H») u l-Skatteministeriet (Ministeru tat-taxxa). Dan ta' l-aħħar jitlob li din is-soċjetà tħallas lura l-ammont negattiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-quddiem "VAT") li tħallsitilha mill-perijodu bejn l-1 ta' Ottubru 1993 sal-31 ta' Marzu 1998. Barra minn hekk hi tirrifjuta li tħallas lil Fini H l-ammont negattiv tal-VAT għal-perijodu mil l-1 ta' April sat-30 ta' Settembru 1998

 Il-kuntest ġuridiku

3       Skond ir-raba' premessa tagħha, is-sitt Direttiva hija intiża b'mod partikolari li tiggarantixxi n-newtralità tas-sistema komuni ta' taxxi fuq il-valur tan-negozju.

4       L-Artikolu 4 tas-sitt Direttiva jgħid:

"1.      "Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. 

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.

3.      L-Istati Membri jistgħu wkoll iqisu bħala persuna taxxabbli lil kull min jagħmel attività kultant li jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 […]".

5       L-Artikolu 17(2) jgħid kif ġej:

"       Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

(a)       taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;

[…]"

 Il-legiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 3 tal-momsloven (liġi fuq il-VAT), hekk kif ippubblikata fir-regolament konsolidat tas-16 ta' Awissu 2000 nru 804, "liġi fuq il-VAT" jgħid kif ġej:

"Huma kkunsidrati bħala persuni taxxabbli dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw attività ekonomika indipenenti.»

7       Id-dritt li titnaqqas il-VAT minn spejjeż marbuta ma' attività ekonomika indipendenti jinsab fl-Artikolu 37 tal-liġi tal-VAT.

 Il-Kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8       Fini H hija soċjetà in akkomandita li ġiet iffurmata fl-1989 u kellha bħal għan it-tmexxija ta' ristorant. Biex teżerċita din l-attività, bdiet tikri post mill-20 ta' Mejju 1988. Il-kuntratt ta' kera kien ta' għaxar snin, u setgħa jiġi rexiss wara t-30 ta' Septtembru 1998 biss.

9       Fini H waqfet mill-attività ta' ristorazzjoni tagħha fl-aħħar tas-sena 1993 u l-post mikri baqa ma jintużax. Hi ppruvat tittermina l-kuntratt ta' kera imma sid il-kera, minħabba l-fatt li l-kuntratt ma kellux klawzola biex ikun jista' jintemm il-kuntratt qabel, irrifjuta. Barra min hekk, Fini H ma rnexxilliex issib lokatarju ieħor biex tissuloka l-kera, li spiċċat meta għadda ż-żmien tal-kuntratt.

10     Mill-aħħar tas-sena 1993 sat-30 ta' Settembru 1998, Fini H kienet għadha rreġistrata fir-reġistru tal-VAT minkejja l-fatt li ma kinitx għad teżerċita l-attività ta' ristorazzjoni. Hi għalhekk baqgħet titlob deduzzjoni mill-input tax għall-ekwivalenti ta' l-ammonti tal-kirja in kwistjoni, bħall-kera, it-tisħin, l-elettriku u t-telefon. Meta r-restorant għalaq ma kienx hemm aktar output tax x'tiġi ddikjarata, dan irriżulta f'pagamenti netti favur Fini H.

11     F'Settembru, it-told-og skatteregionen (amministrazzjoni reġjonali tat-taxxi, aktar il-quddiem l-"amministrazzjoni") talbet ir-rifużjoni tal-flus li hi kienet ħallset bħala "VAT negattiva" lil Fini H fix-xhur bejn Ottubru 1993 u Marzu 1998. Hi ddeċidiet ukoll illi l-ammont ta' VAT li kienet għadha ma ħallsitx għall-perijodu li jmur bejn l-1 ta' April 1998 u t-30 ta' Settembru 1998 ma kienx ser jiġi rimborsat. F'dan ir-rigward l-amministrazzjoni ndikat illi Fini H ma eżerċitat l-ebda attività suġġetta għall-VAT wara t-tielet trimestru tas-sena 1993.

12     Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata mil-Landsskatteretten (L-awtorità amministrattiva suprema fil-qasam fiskali). Hi kkunsidrat li Fini H, wara li għalqet l-attività tagħha ta' ristorazzjoni, ma kienet eżerċitat ebda attività ekonomika hekk kif imfisser fl-Artikolu 3 tal-liġi tal-VAT. Il-kuntratt tal-kera, minnu nnifsu, ma setax jagħti lok għal impożizzjoni tal-VAT minħabba l-istess Artikolu 3. Il-Landsskatteretten żiedet tgħid li l-fatt li l-post intuża għal-perijodu ta' żmien, għal finijiet ta' attività ekonomika fil-forma ta' ristorant ma deherx li kellu jiġġustifika l-fatt li Fini H kellha tkun suġġetta għall-VAT skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3 tal-liġi tal-VAT ġa la darba dik l-attività kienet twaqqfet.

13     Minħabba f'hekk Fini H ippreżentat rikors quddiem il-Vestre Landsret (Danimarka) kontra d-deċiżjoni ta' l-Landsskatteretten li ċaħdu bis-sentenza tad-29 ta' Awissu 2001. Din il-qorti kkunsidrat li d-dritt biex jitnaqqas l-input tax jitlob li n-nefqa taxxabbli tkun marbuta ma' attività ekonomika indipendenti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3 tal-liġi fuq il-VAT. Hi kkunsidrat li d-dritt għat-tnaqqis ta' output tax jippreżumi li l-ispejjeż taxxabbli jkunu marbuta ma attività ekonomika indipendenti skond l-Artikolu 3 tal-VAT. Hija kkunsidrat fil-fatt li l-ispejjeż tal-kera u l-infiq magħmul wara li ntemmet l-attività ta' ristorazzjoni ta' Fini H la jkunu ġustifikati fil-kuntest ta' stralċ ordinarju u lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala nefqa operattiva marbuta ma attività ekonomika indipendent skond it-tifsira ta' l-imsemmi Artikolu 3.

14     Fini H ressqet apell mis-sentenza tal-Vestre Landsret quddiem il-Højesteret.

15     Fid-dawl ta' dak li ntqal fuq Højesteret iddeċidiet li twaqqaf il-proċeduri u tirreferi d-domandi preliminari li ġejjin lil-Qorti tal-Ġustizzja :

"1)      Tista' persuna titqies li qed teżerċita attività ekonomika independenti skond l-Artikolu 4 (1) sa (3) tas-sitt Direttiva tal-VAT f'sitwazzjoni fejn l-interessat daħal f'kuntratt ta' kera fil-kuntest ta' attività ekonomika indepedenti, li llum waqfet, filwaqt li l-kuntratt ta' kera baqa' fis-seħħ għal perijodu ta' żmien, minħabba klawżola li ma kinitx tħalli li l-kuntratt jiġi rexxiss, u mingħajr, wara li waqfet l-attività ekonomika, ma tkun seħħet l-ebda transazzjoni hi suġġetta għal-VAT intiża biex tiġġenera dħul fuq bażi kontinwa? 

2)       It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija tkun differenti kieku l-parti kkoncernata tkun fittxet attivament, matul il-bqija taż-żmien li fih ma setgħatx tirrinunzja għall-kirja, li tinqeda bil-kirja kummerċjali biex teffettwa transazzjonijiet taxxabbli sabiex tikseb irċevuti ta' natura permanenti jew biex iċċedi l-kirja. Il-perijodu li fih ma ġiex iddenunċjat il-kuntratt jew il-bqija ta' dan il-perijodu huma importanti f'dan ir-rigward?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

16     Bl-ewwel domanda tagħha l-qorti talbet jekk l-Artikolu (1) sa (3), tas-sitt Direttiva jistax jiġi interpretat b'mod illi persuna li temmet l-attività kummerċjali imma li jkompli jħallas il-kera u l-ispejjeż għal stabbiliment li kien użat għal dik l-attività, tistax tiġi meqjusa bħal persuna taxxabbli, u, għalhekk għandhiex dritt tnaqqas il-VAT fuq l-ammonti mħallsa .

17     Fini H issostni li hi kisbet id-dritt għat-tnaqqis mill-fatt li l-kuntrattt ta' kera ġie stipulat għall-finijiet kummerċjali jew sabiex twettaq attività ekonomika. Li kieku ma jkunx irrikonoxxut lilha li għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT, hi jkollha tħallas il-VAT fuq affarijiet u provvisti mixtrija għal l-iskop li topera n-negozju.

18     Skond il-gvern Daniż u l-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea, jekk persuna taxxabbli ma għadhiex teżerċita attività ekonomika, id-dritt ta' tnaqqis ma jibqax japplika mid-data li hu temm dik l-attività jew wara perijodu raġonevolment qasir ikkalkolat minn dik id-data. Persuna taxxabbli ma tistax tgawdi d-dritt ta' tnaqqis b'mod indefinit minħabba li fil-passat hi kienet teżerċita attività ekonomika.

19      F'dan ir-rigward, huwa tajjeb jitfakkar li, skond l-Artikolu 4 (1) tas-sitt Direttiva, il-kunċett ta' persuna taxxabbli hija ddefinita b'riferenza għal dik ta' attività ekonomika. Fil-fatt, hija l-eżistenza ta' tali attività li tiġġustifika l-istatus ta' persuna taxxabbli li lilha s-sitt Direttiva tirrikonoxxi d-dritt għat-tnaqqis.

20     L-Artikolu 4(2) jelenka dak li għandu jiġi miftiehem b' "attivitjiet ekonomiċi", u jinkludi fost l-oħrajn, l-attivitajiet ta' produttur, negozjant jew persuna li qed tagħti servizz, inklużi attivitajiet ta' tħaffir u attivitajiet agrikoli u dawk ta' professjonijiet liberali jew simili. L-espressjoni "kull attività", li qegħda f'din id-dispożizzjoni, tindika li l-attività ekonomika kkonċernata tista' tkun diversi operazzjonijet konsekuttivi.

21     Mill-ġurisprudenza jidher ukoll li l-kunċett ta' attività ekonomika, kif mifhuma fis-sitt Direttiva, ma tikkonsistix biss neċessarjament f'att wieħed, imma tista' tikkonsisti f'serje ta' atti konsekuttivi (ara, fost l-oħrajn, is-sentenza ta' 14 ta' Frar 1985, Rompelman, 268/83, Ġabra. p. 655, punt 22).

22     L-attivitajiet preparatorji għandhom għalhekk jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi skond is-sitt Direttiva. Kull min iwettaq att preparatorju hu meqjus, għaldaqstant, persuna taxxabbli skond l-Artikolu 4 ta' l-istess Direttiva u għandu dritt għat-tnaqqis (Sentenzi Rompelman, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23, tad-29 ta' Frar 1996, INZO, Ġabra. p. I-857, punt 18). Dan it-tnaqqis jibqa' akkwiżit anke jekk, wara, abbażi tar-riżultat ta' studju fuq il-kapaċità ta' qligħ, jiġi deċiż li dak li jkun ma jgħaddix għall-parti operattiva u jistralċa l-kumpannija, b'mod illi l-attività ekonomika ppjanata ma tagħtix lok għal operazzjonijet taxxabbli (sentenza INZO, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20).

23     Fil-każ tat-trasmissjoni ta' l-universalità tal-assi, il-Qorti rrikonoxxiet li, jekk il-persuna suġġetta għat-taxxa ma twettaqx operazzjonijiet wara li wżat is-servizzi pprovduti biex tagħmel dan it-trasferiment, l-ispejjeż ta' dawn ta' l-aħħar għandhom jitqiesu bħal parti mill-attività ekonomika ta' l-impriża qabel it-trasferiment u għalhekk id-dritt għat-tnaqqis għandhu jiġi rrikonoxxut lilu. Kull interpretazzjoni oħra tkun distinzjoni arbitrarja bejn, min-naħa waħda, l-ispejjeż li saru għall-eżiġenzi ta' l-intrapriża qabel ma tibda topera u l-ispejjeż li seħħu waqt l-operat tagħha u min naħa l-oħra l-ispejjeż inkorsi biex jsir l-istralċ (ara s-sentenza tat-22 ta' Frar 2001, Abbey National, Ġabra. p. I-1361, punt 35, u tad-29 ta' April 2004, Faxworld, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 39).

24     L-istess kunsiderazzjonijiet jimponu li operazzjonijiet bħal pagamenti li Fini H kellha tibqa' tagħmel, matul il-perijodu ta' l-istralċ ta' l-attività ta' ristorazzjoni tagħha, għandhom jitqiesu bħala parti mill-attività ekonomika skond l-Artikolu 4 tas-sitt Direttiva.

25     Tali interpretazzjoni hija ġġustifikata mis-sistema ta' tnaqqis li l-qorti ripetutament ikkunsidrat li hija intiża biex jeħles kompletament in-negozjant mill-piż tal-VAT dovut jew li ġie mħallas fil-kuntest ta' l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, konsegwentement, in-newtralità perfetta fil-qasam ta' tassazzjoni għal kull attività ekonomika, ikunu x'ikunu l-iskopijiet jew ir-riżultati ta' dawn l-attivitajiet, sakemm huma jkunu suġġetti għall-VAT (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Rompelman, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19; tal-15 ta' Jannar 1998, Ghent Coal Terminal, Ġabra. p. I-1, punt 15; tal-21 ta' Marzu 2000, Gabalfrisa et , Ġabra p. I-1577, punt 44; tat-8 ta' Ġunju 2000, Midland Bank, Ġabra. p. I-4177, punt 19, et Abbey National, iċċitata aktar 'il fuq, punt 24).

26     Madankollu hemm bżonn ta' rabta diretta u immedjata bejn transazzjoni partikolari lejn is-sors u transazzjoni jew iktar li jmorru l-isfel li jagħtu d-dritt għat-tnaqqis sabiex dritt għat-tnaqqis tal-VAT imħallsa qabel tiġi rikonoxxuta lil-persuna taxxabbli u biex tiġi ddeterminata l-firxa ta' dan id-dritt (Sentenza Midland, iċcitata iktar 'il fuq, punt 24).

27     Fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-obbligu ta' Fini H, li tkompli tħallas il-kirjiet kummerċali u l-ispejjeż marbutin ma l-immobbli li hi kriet biex teżerċita l-attività ta' ristorazzjoni sad-dekorrenza tal-kuntratt tal-kera, minħabba l-fatt li hemm klawżola li ma tippermettix rexissjoni , tista' bħala prinċipju titqies li hija direttament u immedjatament marbuta ma' l-attività ta' ristorazzjoni.

28     Fil-fatt, safejn Fini H kkonkludiet kuntratt ta' kera biex ikollha l-ispazju neċessarju ħa teżerċita l-attività tagħha ta' ristorazzjoni, u meta wieħed iqis illi dan il-post effettivament intuża għal din l-attività, għandu jiġi rrikonoxxut illi l-obbligu li kellha s-soċjetà li tħallas il-kera u l-ispejjez l-oħra wara li waqfet mill-attività ġej direttament mill-eżerċizju ta' dik l-attività.

29     F'dawn il-kundizzjonijiet, iż-żmien ta' l-obbligu li titħallas il-kera u l-ispejjez marbutin mal-post ma għandu l-ebda piż fuq l-eżistenza ta' l-attività ekonomika skond it-tifsira fl-Artikolu 4(1) tas-sitt Direttiva sakemm jgħaddi l-perijodu ta' żmien neċessarju biex jintemm l-istralċ.

30     Min dan jsegwi li għall-ħlas tal-kera u l-ispejjeż tal-post li kien qabel iddestinat għal l-eżerċizju ta' l-attività ta' ristoratorazzjoni, li tħallsu fil-perijodu li fih l-attività ta' ristorazzjoni ma kinitx qed tiġi eżerċitata, jiġifieri minn Ottubru 1993 sa Settembru 1998, il-persuna suġġetta għat-taxxa għanda tkun tista' tibbenefika mid-dritt tat-tnaqqis tal-VAT bl-istess mod fil-perijodu tal-bidu ta' l-attività ta' ristorazzjoni sad-data li din spiċċat, għax waqt it-tul tal-kuntratt ta' kera il-post kien direttament u immediatament marbut ma' l-attività ekonimika ta' din il-persuna taxxabbli.

31     Id-dritt ta' tnaqqis tal-VAT, minħabba il-fatt li l-attività qed tiġi stralċata, għaldaqstant trid tiġi rrikonoxxuta sakemm ma tagħtix lok għas-sitwazzjonijiet ta' abbuż jew ta' frodi .

32     F'dan ir-rigward il-qorti diġà kkunsidrat li l-interessati ma jistgħux jużaw b'mod abbużiv jew frawdolenti d-dritt Ewropew (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Mejju 1998, Kefalas et., u tat-23 ta' Marzu 2000, Diamantis, Ġabra. p. I-1705, punt 33). Dan ikun il-każ kieku Fini H, filwaqt li uża d-dritt tat-tnaqqis tal-VAT għal-ħlas tal-kera u ta' l-ispejjeż marbutin mal-perijodu wara li waqfet mill-attività ta' ristorazzjoni, tkompli tuża għall-interessi purament privati l-post li qabel kien intiż għar-ristorazzjoni.

33     Kieku l-amministrazzjoni fiskali kellha tikkonstata li d-dritt għat-tnaqqis intuża b'mod frawdolenti jew abbużiv, hija tkun tista' titlob, b'effett retroattiv, ir-rifużjoni tas-somom mnaqqsa (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Rompelman, punt 24; INZO, punt 24, u Gabalfrisa et , punt 46).

34     Hija dejjem il-qorti nazzjonali, f'kull każ, li tista' tiċħad il-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta' elementi oġġettivi, li dan id-dritt qed jiġi nvokat b'mod frawdolenti jew abbużivament.

35      It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija għandha tkun li l-Artikolu 4 (1) sa (3), tas-sitt Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna li waqfet minn attività kummerċjali imma kompliet tħallas il-kirja u l-ispejjeż marbutin mal-post minħabba l-fatt li l-kuntratt fih klawżola li ma tippermettix li jiġi rexiss huwa meqjus bħala suġġett taxxabbli fis-sens ta' dan l-Artikolu u jista' jitnaqqas il-VAT fuq l-ammonti mħallsa dejjem sakemm ikun hemm rabta diretta w immedjata bejn il-pagamenti li saru u l-attività kummerċjali, u fin-nuqqas ta' intenzjoni frawdolenti jew abbużiva.

 Fuq it-tieni mistoqsija

36     Jekk wieħed iqis it-tweġiba ta' l-ewwel domanda , it-tieni domanda bla skop u m'hemmx lok li tingħatalha tweġiba.

 Fuq l-ispejjeż

37     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti (it-Tielet Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

L'Artikolu 4(1) sa (3), tas-sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhu jiġi interpretat fis-sens li persuna, li waqfet minn attività ekonomika, imma baqat tħallas il-kera u l-ispejjeż marbutin mal-post li serva għal din l-attività minħabba l-fatt li l-kuntratt ta' kera fih klawżola li ma tippermettix li jiġi rexiss, hija kkunsidrata persuna taxxabbli skond it-tifsira ta' dan l-Artikolu, u għalhekk tista tnaqqas il-VAT fuq l-ammonti hekk imħallsa, sakemm teżisti rabta diretta u immediata bejn il-pagmenti li saru u l-attività kummerċjali, u ġie stabbilit li ma hemmx intenzjoni frawdolenta jew abbużiva

Firem.


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.