Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

tal-21 ta’ Frar 2006 (*)

"Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dħul – Artikolu 48 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 48 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita t-teħid in kunsiderazzjoni tat-telf tad-dħul minn lokazzjoni ta’ beni immobbli li jinsabu f’territorju ta’ Stat Membru ieħor"

Fil-kawża C-152/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja), permezz ta’ Deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2003, fil-proċedura

Hans-Jürgen Ritter-Coulais,

Monique Ritter-Coulais

vs

Finanzamt Germersheim,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, N. Colneric, S. von Bahr (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sinjur u s-Sinjura Ritter-Coulais, minn M. Ross, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann u K.-D. Müller, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn R. Plender, QC,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Grunwald u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 52 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u ta’ l-Artikolu 73 B tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 56 KE).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H.J. Ritter-Coulais u M. Ritter-Coulais (iktar ’il quddiem il-"konjuġi Ritter-Coulais") u l-Finanzamt Germersheim fuq it-taxxa fuq id-dħul li kienu ssuġġettati għaliha fil-Ġermanja fis-sena bażi 1987.

 Il-Qafas Ġuridiku, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3       Il-konjuġi Ritter-Coulais kienu suġġetti fil-Ġermanja kemm abbażi tas-sena fiskali 1987, kif ukoll bħala persuni fiżiċi li huma taxxabbli fuq id-dħul kollu tagħhom, skond l-Artikolu 1(3) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), fil-verżjoni fis-seħħ fl-1987 (iktar ’il quddiem "EStG 1987"). Huma kellhom dħul fl-Istat Membru msemmi għal xogħol bħala għalliema tal-liċeo, iżda kienu jgħixu f’dar individwali fi Franza, li tagħha kienu l-proprjetarji. Jidher li, f’dak iż-żmien, H.J. Ritter-Coulais kellu ċ-ċittadinanza Ġermaniża u M. Ritter-Coulais kellha ċ-ċittadinanza doppja Franċiża u Ġermaniża.

4       Skond l-Artikolu 32 b(2) punt 2 ta’ l-EStG 1987, il-konjuġi Ritter-Coulais talbu t-teħid in kunsiderazzjoni tad-"dħul negattiv" (telf ta’ dħul) li jirriżulta mill-użu personali tagħhom tad-dar għal skop ta’ abitazzjoni, għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul li kienu suġġetti għaliha għas-sena fiskali msemmija.

5       L-imsemmija "dħul negattiv" huma dħul relatati ma’ l-isfruttament ta’ beni immobbli li huma taxxabbli biss fl-Istat Membru fejn jinstabu dawn il-beni, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, fi Franza, skond l-Artikolu 3(1), tal-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Franċiza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-għan li tiġi evitata l-impożizzjoni doppja u li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ assistenza amministrattiva u ġuridiċi reċiproċi fil-qasam ta’ taxxa fuq id-dħul u fuq kapital kif ukoll fil-qasam ta’ kontribuzzjonijiet ta’ taxxi fuq ix-xogħol u ta’ taxxi fuq il-proprjetà, iffirmata f’Pariġi fil-21 ta’ Lulju 1959, kif emendata permezz ta’ ftehim sussegwenti tad-9 ta’ Ġunju 1969 (iktar ’il quddiem il-"Konvenzjoni Fiskali Franko-Ġermaniża").

6       Madankollu, l-Artikolu 20(1)(a), tal-Konvenzjoni Fiskali Franko-Ġermaniża jipprovdi li dan il-fatt ma jillimitax id-dritt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tieħu in kunsiderazzjoni dawn id-dħul meta tkun qed tiġi stabbilita r-rata ta’ taxxa dovuta f’dan l-Istat Membru.

7       B’hekk, skond l-Artikolu 32 b(1) u (2), ta’ l-EStG 1987, l-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża tieħu in kunsiderazzjoni, għall-kalkolu tar-rata ta’ taxxa, dħul minn sors barrani. Fir-rigward tal-punt 4 ta’ l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 2 a(1) ta’ din il-liġi, dan madankollu jipprovdi li, fin-nuqqas ta’ dħul pożittiv provenjenti minn lokazzjoni ta’ beni immobbli li tinsab fi Stat ieħor, mhemmx lok li wieħed jieħu in kunsiderazzjoni t-telf tad-dħul ta’ l-istess tip provenjenti minn l-istess Stat sabiex tiġi stabbilita l-istima tat-taxxa u lanqas għall-kalkolu tar-rata ta’ taxxa.

8       Il-konjuġi Ritter-Coulais ippreżentaw protest quddiem il-Finanzamt Germersheim li bih qalu li r-rata tat-taxxa tagħhom dovuta għas-sena fiskali 1987 trid tiġi kkalkulata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul negattivi konnessi ma’ dan l-eżerċizzju. Peress li dan il-protest ġie rrifjutat bil-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ikkonfermat il-pożizzjoni ta’ l-amministrazzjoni fiskali, huma ressqu rikors ta’ "Reviżjoni" quddiem il-Bundesfinanzhof.

9       Il-Bundesfinanzhof issaqsi jekk, fir-rigward tal-persuni taxxabbli fil-Ġermanja, it-trattament differenti ta’ dħul negattiv li jirriżulta mill-isfruttament ta’ l-imobbli, skond jekk dawn jinstabux fil-Ġermanja jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, huwiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, mal-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital.

10     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lil Qorti:

"1)      Il-fatt li persuna fiżika, suġġetta għall-obbligu fiskali illimitat fil-Ġermanja, li taqla’ minn sors Ġermaniż dħul minn xogħol bħala impjegata, mhix awtorizzata li tnaqqas mill-bażi tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tagħha fil-Ġermanja t-telf ta’ dħul minn lokazzjoni li sseħħ fi Stat Membru ieħor, imur kontra l-Artikoli 43 u 56 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea?

2)      Jekk mhux il-każ, il-fatt li t-telf imsemmi lanqas ma jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni abbażi ta’ dik li tissejjaħ il-klawżola ta’ progressività negattiva jmur kontra l-Artikoli 43 u 56 tat-Trattat?"

 Fuq l-ewwel domanda

11     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża pinċipali. Din il-qorti tgħid li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-persuni fiżiċi, li jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni tal-konjuġi Ritter-Coulais, li jaqilgħu dħul fi Stat Membru minn xogħol bħala impjegati u huma taxxabbli b’mod illimitat, tnaqqas mill-bażi tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom dovuta f’dak l-Istat Membru, it-telf tad-dħul konness ma’ dar għal skop ta’ abitazzjoni li huma jużaw personalment għal dan il-għan u li tinsab fi Stat Membru ieħor.

12     Issa, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konjuġi Ritter-Coulais talbu lill-Finanzamt Germersheim, fil-kuntest ta’ kawża prinċipali, li jittieħed in kunsiderazzjoni t-telf ta’ dħul minn lokazzjoni għas-sena fiskali 1987 mhux sabiex tiġi stabbilita l-bażi taxxabbli abbażi tagħha, iżda biss għall-kalkolu tar-rata ta’ impożizzjoni applikabbli, sitwazzjoni prevista mit-tieni domanda magħmula fid-deċiżjoni preliminari.

13     F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija għodda ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-imħallfin nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Lourenço Dias, C-343/90, Ġabra p. I-4673, punt 14; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom, C-314/01, Ġabra p. I-2549, punt 33).

14     Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, l-imħallef nazzjonali li jkun qed jisma’ l-kawża, li huwa l-uniku li għandu konoxxenza diretta tal-fatti fil-kawża prinċipali u li jkollu jassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li jintervjeni, huwa, fir-rigward tad-dettalji tal-kawża, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa n-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikun f’pożizzjoni li jagħti d-deċiżjoni tiegħu, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jiġu mistoqsija lill-Qorti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lourenço Dias, iċċitati iktar ’il fuq, punt 15, tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 18; Schmidberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, kif ukoll Siemens u ARGE Telekom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

15     Ma jibqax ħlief li tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ bżonn, li teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija msejħa mill-imħallef nazzjonali, sabiex tiġi vverifikata l-kompetenza proprja tagħha u, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit jekk l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huwa mfittex jippreżenta konnessjoni mar-realtà u l-għan tal-kawża prinċipali, b’tali mod li l-Qorti mhix marbuta tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq id-domandi ġenerali jew ipotetiċi. Jekk jidher li d-domanda magħmula mhix manifestament rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, il-Qorti trid tikkonstata t-twaqqif milli tiddeċiedi (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21; Lourenço Dias, ċitata, punt 20; Canal Satélite Digital, iċċitata, punt 19; tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155, punti 44 u 45, kif ukoll Siemens u ARGE Telekom, iċċitata, punt 35).

16     Peress li l-kawża li qegħda tinstema mill-qorti tar-rinviju ma tikkonċernax is-sitwazzjoni prevista fl-ewwel domanda, jiġifieri li tiġi stabbilita l-bażi taxxabbli, iżda biss is-sitwazzjoni li hija s-suġġett tat-tieni domanda, jiġifieri l-kalkolu tar-rata taxxabbli applikabbli, risposta għall-ewwel domanda mhix rilevanti għas-soluzzjoni ta’ l-imsemmija kawża.

17     Kif jirriżulta minn dak li ntqal, mhemmx lok li tingħata risposta għal-ewwel domanda u jeħtieġ li r-risposta tal-Qorti tiġi limitata għat-tieni domanda.

 Fuq it-tieni domanda

18     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk ir-regoli tat-Trattat li jirreferu għal-libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hi dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil persuni fiżiċi li jirċievu dħul fi Stat Membru minn ta’ xogħol bħala impjegati u li huma taxxabbli b’mod illimitat, li jitolbu, għall-finijiet li tiġi stabbilita r-rata ta’ impożizzjoni applikabbli ta’ l-imsemmija dħul f’dan l-Istat, it-teħid in kunsiderazzjoni tat-telf tad-dħul minn lokazzjoni ta’ dar għal skop ta’ abitazzjoni li huma jużaw personalment għal dan il-għan u li tinsab fi Stat Membru ieħor.

19     F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, hija tinkludi attivitajiet li persuna tista’ tagħmel għal rasha, u l-eżerċizzju tagħhom (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 40 u ġurisprudenza ċċitata).

20     Issa, il-kawża li l-qorti tar-rinviju qeda tisma’ tirrigwarda persuni fiżiċi, li jeżerċitaw attività bil-paga bħala għalliema f’liċeo pubbliku fil-Ġermanja, li qed jitolbu t-teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-impożizzjoni tad-dħul tagħhom fil-Ġermanja, ta’ telf ta’ dħul minn lokazzjoni tad-dar tagħhom għal skop ta’ abitazzjoni li tinsab fi Franza.

21     Jirriżulta li interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma twassal għal ebda benefiċċju għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

22     Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li jiġi indikat li n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-impożizzjoni tad-dħul maqlugħ fil-Ġermanja, telf ta’ dħul minn lokazzjoni ta’ dar fi Franza hija sitwazzjoni li, a priori u fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 56 KE.

23     Issa, il-kawża prinċipali tikkonċerna s-sena fiskali 1987, jiġifieri sitwazzjoni fattwali u ġuridika preċedenti kemm għall-introduzzjoni mit-Trattat UE ta’ l-Artikolu 73 B fit-Trattat KE, kif ukoll għall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (88/361/KEE) (ĠU L 178, p. 5), li wettaq il-liberalizzazzjoni sħiħa tal-movimenti tal-kapital.

24     Hemm lok li jiġi mfakkar li l-Artikolu 67(1), tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 67(1) tat-Trattat KE, hu stess imħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam) ma implikax, mit-tmiem tal-perjodu tranżitorju, it-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapitali. Din it-tneħħija kienet, fil-fatt, ir-riżultat tad-direttivi tal-Kunsill meħuda abbażi ta’ l-Artikolu 69 tat-trattat KEE (li sar l-Artikolu 69 Trattat KE, hu stess imħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam) (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, Casati, 203/80, Ġabra p. 2595, punti 8 sa 13, u ta’ l-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson, C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 5).

25     Fir-rigward tas-sena fiskali 1987, id-direttiva rilevanti kienet l-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 1960, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU 1960, 43, p. 921), kif emendata u kkompletata fl-aħħar lok mid-Direttiva 86/566/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Novembru 1986 (ĠU L 332, p. 22).

26     Din l-ewwel direttiva għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-trattat kienet tillimita ruħha li tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tagħha, l-għoti mill-Istati Membri ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ kambju meħtieġ għall-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet u għat-trasferimenti bejn residenti ta’ Stati Membri konnessi ma’ ċerti movimenti tal-kapital imsemmija fl-annessi ta’ l-imsemmija direttiva.

27     Jidher li r-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, jiġifieri fl-1987, ma jipprekludux il-projbizzjoni tat-teħid in kunsiderazzjoni, għall-kalkolu tar-rata ta’ impożizzjoni tad-dħul taxxabbli fi Stat Membru, tat-telf tad-dħul minn lokazzjoni ta’ dar li tinsab fi Stat Membru ieħor.

28     Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitwazzjoni tal-konjuġi Ritter-Coulais għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema msemmi fl-Artikolu 48 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 48 tat-Trattat KE, li hu stess sar, wara modifiki, l-Artikolu 39 KE).

29     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi indikat li, anki jekk, fil-livell formali, il-Qorti tar-rinviju limitat id-domanda tagħha għal deċiżjoni preliminari għall-interpretazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital, ċirkustanza bħal din ma tostakolax li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utili għas-sentenza tal-kawża li tkun qeda tisma’, sew jekk din il-qorti għamlet referenza jew le meta għamlet id-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP, C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8; tat-2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb, magħrufa bħala "Clinique", C-315/92, Ġabra p. I-317, punt 7; ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C-87/97, Ġabra p. I-1301, punt 16, u tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 44).

30     Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat.

31     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li kull ċittadin Komunitarju, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor minn dak tar-residenza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, De Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 76, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 23, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2005, Van Pommeren-Bourgondiën, C-227/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 19, 44 u 45).

32     Jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-konjuġi Ritter-Coulais, li kienu jaħdmu fi Stat Membru differenti minn dak fejn tinsab ir-residenza reali tagħhom, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat.

33     Minbarra dan, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li d-dispożizzjonijiet flimkien tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandu l-għan li jiffaċilità, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Komunità u jipprekludu miżuri li jistgħu jagħtu żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta huma jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C-370/90, Ġabra p. I-4265, punt 16; tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, punt 37; tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C-190/98, Ġabra p. I-493, punt 21; tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer, C-302/98, Ġabra p. I-4585, punt 32, kif ukoll Schilling u Fleck-Schilling, iċċitata, punt 24).

34     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jiġifieri l-Artikoli 32 b(1) u (2), kif ukoll 2 a(1), l-ewwel frażi, punt 4, ta’ l-EStG 1987, jieħdu in kunsiderazzjoni dħul pożittivi konnessi ma’ l-isfruttament ta’ djar li jinsabu f’pajjiż barrani għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul, hija ma tieħux in kunsiderazzjoni, fin-nuqqas ta’ dħul pożittivi bħal dawn, it-telf ta’ dħul ta’ l-istess tip.

35     Jirriżulta li l-persuni li, bħall-konjuġi Ritter-Coulais, jaħdmu fil-Ġermanja filwaqt li jirrisjedu fid-dar proprja tagħhom li tinsab fi Stat Membru ieħor, ma kellhomx, fin-nuqqas ta’ dħul pożittiv, id-dritt li jitolbu li jittieħed in kunsiderazzjoni t-telf tad-dħul marbut ma l-isfruttament tad-dar tagħhom sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ impożizzjoni tad-dħul tagħhom, b’differenza ma’ persuni li jaħdmu u jirrisjedu fid-dar proprja tagħhom fil-Ġermanja.

36     Anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni ma ssemmix direttament in-nonresidenti, dawn ta’ l-aħħar huma aktar spiss proprjetarji ta’ dar li tinsab barra mit-territorju Ġermaniż milli r-residenti.

37     Jirriżulta li t-trattament irriżervat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-ħaddiema mhux residenti, hija inqas vantaġġuża minn dik li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema li jirrisjedu l-Ġermanja fid-djar tagħhom stess.

38     Konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali hija bħala prinċipju prekluża mill-Artikolu 48 tat-Trattat.

39     Madankollu huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Gvern Ġermaniż isostni li t-trattament żvantaġġuz tal-persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex residenti, huwa ġġustifikat bin-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza fiskali tas-sistema nazzjonali li fiha tinsab l-imsemmija leġiżlazzjoni.

40     F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, peress li s-sistema fiskali Ġermaniża tieħu in kunsiderazzjoni, għall-iskop li tiġi stabbilita r-rata ta’ impożizzjoni, dħul pożittivi konnessi ma’ l-isfruttament ta’ dar għal skop ta’ abitazzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor, l-ebda kunsiderazzjoni ta’ koerenza fiskali ma tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika r-rifjut li jittieħed in kunsiderazzjoni għall-istess finijiet ta’ telf ta’ dħul ta’ l-istess tip, u provenjenti mill-istess Stat.

41     Fir-rigward ta’ l-osservazzjonijiet imsemmija, jeħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 48 tat-Trattat irid jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hi dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil persuni fiżiċi, li jirċievu dħul fi Stat Membru abbażi ta’ xogħol bħala impjegati u li huma taxxabbli b’mod illimitat, li jitolbu, għall-finijiet li tiġi stabbilita r-rata ta’ impożizzjoni applikabbli ta’ l-imsemmija dħul f’dan l-Istat, it-teħid in kunsiderazzjoni tat-telf tad-dħul minn lokazzjoni ta’ dar għal skop ta’ abitazzjoni li huma jużaw personalment għal dan il-għan u li tinsab fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dħul pożittivi minn lokazzjoni konnessi ma’ dar bħal din ikunu, għal dan il-għan, meħuda in kunsiderazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

42     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 48 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 48 KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) irid jiġi interpretat fis-sens li dan jipprojbixxi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hi dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil persuni fiżiċi, li jirċievu dħul fi Stat Membru abbażi ta’ xogħol bħala impjegati u li huma taxxabbli b’mod illimitat, li jitolbu, għall-finijiet li tiġi stabbilita r-rata ta’ impożizzjoni applikabbli ta’ l-imsemmija dħul f’dan l-Istat, it-teħid in kunsiderazzjoni tat-telf tad-dħul minn lokazzjoni ta’ dar għal skop ta’ abitazzjoni li huma jużaw personalment għal dan il-għan u li tinsab fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dħul pożittivi minn lokazzjoni konnessi ma’ dar bħal din ikunu, għal dan il-għan, meħuda in kunsiderazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.