Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Settembru 2004 (*)

"Is-Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 13Ċ – Eżenzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri ta' proprjetà immobbli – Dritt ta' l-għażla għat-tassazzjoni – Tnaqqis ta' l-input tax – Kisba ta' l-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-awtoritajiet tat-taxxa"

Fil-kawża C-269/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Cour d'appel (Il-Lussemburgu), permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Ġunju 2003, li waslet fl-20 ta' Ġunju 2003, fil-proċedura

Administration de l'enregistrement et des domaines,

État du grand-duché de Luxembourg,

vs

Vermietungsgesellschaft Objekt Kirchberg Sàrl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, A. Rosas u S. von Bahr (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Administration de l'enregistrement et des domaines u l-Gvern Lussemburgiż, minn F. Kremer, avocat,

–       għall-Vermietungsgesellschaft Objekt Kirchberg Sàrl, minn P. Kinsch, avocat,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u G. Berscheid, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, aktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din id-domanda ġiet imqajma fil-kuntest ta' kawża bejn, fuq naħa, l-Administration de l'enregistrement et des domaines (Awtorità tar-Reġistrazzjoni u ta' l-Artijiet, aktar 'il quddiem l-"Awtorità") u l-État du grand-duché de Luxembourg (Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu) u, fuq in-naħa l-oħra, il-kumpannija Vermietungsgesellschaft Objekt Kirchberg Sàrl (aktar 'il quddiem "VOK"), kumpannija b'responsabbiltà limitata stabbilita fil-Lussemburgu (Il-Lussemburgu), fir-rigward ta' l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT") imnaqqas minn VOK fil-kuntest tal-kiri ta' proprjetà immobbli.

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 13B(b) u Ċ tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

"B. Eżenzjonijiet oħra

Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

[…]

(b) il-kiri […] ta’ proprjeta immobbli […]

[…]

Ċ. Għażliet

L-Istati Membri jistgħu iħallu lil min iħallas t-taxxa dritt għal għażla għal tassazzjoni f’każijiet ta’:

(a) kiri […] ta’ proprjeta immobbli;

[…]

L-Istati Membri jistgħu jirristrinġu l-iskop ta’ dan id-dritt u għandhom jiffissaw id-dettalji ta’ l-użu tiegħu."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       L-Artikolu 44(1)(g) tal-Liġi tat-12 ta' Frar 1979 (Mémorial A 1979, p. 451) dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata, jipprovdi li:

"Is-segwenti huma eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' Regolament tal-Gran Dukat:

[…]

(g) il-kiri ta' proprjetà immobbli […]"

5       L-Artikolu 45 ta' din il-liġi jipprovdi għall-possibbiltà ta' rinunzja ta' din l-eżenzjoni bil-kundizzjoni li jiġu mħarsa d-dispożizzjonijiet tar-regolament li jimplementa din il-liġi.

6       Ir-Regolament tal-Gran Dukat tas-7 ta' Marzu 1980, li jiddetermina l-limiti u l-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju tad-dritt ta' l-għażla li tiġi applikata t-taxxa fuq il-valur miżjud għat-tranżazzjonijiet ta' proprjetà immobbli (Mémorial A 1980, p. 242, aktar 'il quddiem ir-"Regolament tal-Gran Dukat"), ġie adottat b'applikazzjoni tal-Liġi tat-12 ta' Frar 1979. L-Artikolu 1 tiegħu jippermetti lill-persuni taxxabbli "li jagħżlu li tiġi applikata t-taxxa fuq il-valur miżjud għat-tranżazzjonijiet ta' proprjetà immobbli hawn taħt imsemmija:

[…]

(b) kull persuna li, bis-saħħa ta' kuntratt privat magħmul bil-miktub, tikri proprjetà immobbli lil persuna taxxabbli."

7       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Gran Dukat jipprovdi li:

"Id-dritt ta' l-għażla jista' jiġi eżerċitat biss fir-rigward ta' proprjetà immobbli li hija użata kompletament jew, f'każ ta' diversi użi differenti, li l-biċċa l-kbira tagħha hija użata mill-[…] kerrej għall-eżerċizzju ta' attivitajiet li jawtorizzawh inaqqas l-input tax".

8       Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Gran Dukat:

"Kull persuna li tagħmel użu mid-dritt ta' l-għażla, għandha tippreżenta dikjarazzjoni ta' l-għażla bil-miktub għall-approvazzjoni ta' l-Awtorità ta' Reġistrazzjoni.

F'każ ta' provvista taħt titolu oneruż, l-approvazzjoni għandha tinkiseb qabel il-kompletar formali ta' l-att awtentiku. L-Awtorità għandha tiddeċiedi dwar id-dikjarazzjoni ta' l-għażla sa l-aħħar tax-xahar li fih tiġi ppreżentata.

F'każ ta' kiri, l-applikazzjoni tat-taxxa għandha tiġi awtorizzata mill-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tkun ġiet approvata d-dikjarazzjoni ta' l-għażla. Id-deċiżjoni amministrattiva għandha tittieħed matul ix-xahar li fih tiġi rċevuta din id-dikjarazzjoni."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       VOK bniet binja ta' uffiċċji fil-Lussemburgu li kriet lill-kumpannija ta' awdituri mill-1 ta' Jannar 1993, id-data li fiha tlesta x-xogħol tal-bini. Bil-bidu tal-kera, VOK bagħtet lil din il-kumpannija rċevuti ta' kull xahar li kienu suġġetti għall-VAT.

10     VOK eżerċitat id-dritt tagħha ta' l-għażla għall-VAT billi, fid-29 ta' Ġunju 1993, ippreżentat dikjarazzjoni ta' għażla lill-Awtorità għall-approvazzjoni tagħha. L-approvazzjoni ngħatatilha fit-30 ta' Ġunju 1993, b'effett mill-1 ta' Lulju 1993.

11     VOK ippreżentat id-dikjarazzjonijiet tagħha tal-VAT bit-tnaqqis totali tal-VAT li hija kienet ħallset minħabba x-xogħlijiet tal-bini.

12     B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Gran Dukat, l-Awtorità madankollu rrifjutat it-tnaqqis ta' 50% ta' l-input VAT imħallsa għar-raġuni li l-kera matul is-sitt xhur bejn Jannar u Ġunju 1993 kienet eżentata mill-VAT peress li ma kinitx koperta mill-approvazzjoni. Konsegwentement, hija ħarġet avviżi li kienu jaġġustaw d-dikjarazzjonijiet tal-VAT ex officio.

13     VOK ressqet ilment quddiem id-Direttur ta' l-Awtorità.

14     Dan ta' l-aħħar adotta deċiżjoni f'Jannar 1998 li, fuq il-bażi tagħha, inħarġu avviżi ġodda b'aġġustamenti fi Frar ta' wara. L-ewwel nett, huwa kkunsidra li l-1 ta' Jannar 1993 kienet id-data minn meta bdiet tintuża l-proprjetà immobbli. Peress li l-għażla kienet biss effettiva mill-1 ta' Lulju 1993, il-kera tal-proprjetà ma kinitx suġġetta għall-VAT matul nofs is-sena 1993 u l-input VAT setgħet biss titnaqqas sa 50%, fatt li kien jiġġustifika l-aġġustament tad-dikjarazzjoni ta' l-1993. It-tieni nett, huwa kkunsidra li l-eżerċizzju ta' l-għażla kellu jinvolvi tieni aġġustament fl-1994, jiġifieri li 9/10 tal-VAT li ma setgħetx titnaqqas fl-1993 kellha tiġi aġġustata favur VOK. Finalment, kien baqa' 5% ta' l-input VAT imħallsa li ma setgħetx tiġi mnaqqsa u għalhekk din kellha titħallas minn VOK.

15     F'Marzu 1998 VOK ressqet rikors kontra d-deċiżjoni tad-Direttur ta' l-Awtorità. Permezz ta' sentenza tas-7 ta' Novembru 2001, it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (Il-Lussemburgu) laqa' t-talba ta' VOK billi eskluda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Gran Dukat u billi sostna li VOK kienet eżerċitat attività suġġetta għall-VAT matul is-sena 1993 kollha.

16     L-Awtorità u l-État du grand-duché de Luxembourg ressqu appell minn din is-sentenza fl-14 ta' Marzu 2002.

17     Peress li kellha dubji dwar il-legalità ta' proċedura ta' approvazzjoni kif stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva dwar il-kiri ta' proprjetà immobbli, eżaminati fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt għal tnaqqis, il-Cour d'appel tal-Lussemburgu, b'sentenza tat-18 ta' Ġunju 2003, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

"Is-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragafu ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva […] jippermetti lil Stat Membru, li jkun eżerċita s-setgħa li jagħti lill-persuni taxxabbli d-dritt ta' l-għażla għat-tassazzjoni tal-kiri ta' proprjetà immobbli, li jissuġġetta t-tnaqqis totali ta' l-input VAT għall-kundizzjoni li tingħata l-approvazzjoni minn qabel, li mhijiex retroattiva, ta' l-awtoritajiet tat-taxxa?"

 Fuq id-domanda preliminari

18     VOK u l-Kummissjoni jsostnu li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva dwar il-kiri ta' proprjetà immobbli ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinvolvi proċedura ta' approvazzjoni minn qabel li, f'ċerti każijiet, twassal għal impossibbiltà li jitnaqqas l-input VAT kollu mħallas.

19     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li d-dritt għal tnaqqis huwa prinċipju fundamentali tas-sistema tal-VAT. Huwa importanti li jiġi vverifikat jekk proċedura ta' approvazzjoni, bħal dik adottata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tikkostitwixxix implementazzjoni inkorretta tad-dritt ta' l-għażla għat-tassazzjoni previst fid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva peress li jeffettwa dan il-prinċipju b'mod negattiv.

20     Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li t-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta' kiri hija setgħa li l-leġiżlatur ta lill-Istati Membri b'deroga mir-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, li t-tranżazzjonijiet ta' kiri huma, fil-prinċipju, eżenti. Għalhekk, f'dan il-kuntest, id-dritt għal tnaqqis mhuwiex eżerċitat b'mod awtomatiku iżda huwa eżerċitat biss jekk l-Istati Membri jkunu eżerċitaw is-setgħa msemmija fl-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva u taħt il-kundizzjoni li l-persuni taxxabbli jeżerċitaw id-dritt ta' għażla mogħti lilhom.

21     Kif ġie diġà deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri jistgħu, bis-saħħa ta' din is-setgħa, jagħtu lill-benefiċjarji ta' l-eżenzjonijiet previsti fis-Sitt Direttiva l-possibbiltà li jirrinunzjaw għall-eżenzjoni, jew fil-każijiet kollha, jew f'ċerti limiti nkella taħt ċerti regoli ddettaljati. Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13B u Ċ tas-Sitt Direttiva (ara s-sentenza tat-3 ta' Diċembru 1998, Belgocodex, C-381/97, Ġabra p. I-8153, punti 16 u 17).

22     Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fl-eżerċizzju tas-setgħa msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva, limita d-dritt ta' l-għażla għall-każijiet li fihom il-kerrej ikun huwa stess persuna taxxabbli li għandha d-dritt għal tnaqqis u ssuġġetta l-eżerċizzju ta' din l-għażla għal proċedura ta' approvazzjoni minn qabel.

23     Għandu jiġi kkunsidrat li din il-proċedura ta' approvazzjoni tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, dettall ta' l-eżerċizzju tad-dritt ta' l-għażla skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva.

24     Huwa xieraq li jiġi vverifikat jekk din il-proċedura ddettaljata tippermettix l-implementazzjoni tad-dritt ta' l-għażla mingħajr ma tippreġudika d-dritt għal tnaqqis.

25     Skond l-État du grand-duché de Luxembourg u l-Awtorità, il-proċedura ta' approvazzjoni hija neċessarja sabiex tippermetti lill-Awtorità tivverifika jekk il-kundizzjonijiet legali dwar, b'mod partikolari, il-kwalità tal-kerrej bħala persuna taxxabbli, humiex sodisfatti. Dawn iż-żewġ appellanti fil-kawża prinċipali jippreċiżaw li din il-proċedura tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali billi tippermetti li sid il-kera jkun informat mill-aktar fis possibbli bl-impossibbiltà eventwali li kiri ta' proprjetà immobbli tiġi suġġetta għall-VAT. Huma jżidu jgħidu li l-imsemmija proċedura hija intiża, b'mod partikolari, sabiex jiġu evitati l-każijiet ta' frodi jew ta' abbuż u m'hija bl-ebda mod intiża sabiex tirrestrinġi d-dritt għal tnaqqis.

26     F'dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi ammess li, meta Stat Membru jissuġġetta d-dritt ta' l-għażla għat-tassazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet legali, proċedura ta' approvazzjoni minn qabel tippermetti li jiġi vverifikat li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti.

27     It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, mhuwiex ikkontestat li kien ikun biżżejjed li l-parti kkonċernata, VOK, tippreżenta d-dikjarazzjoni ta' l-għażla tagħha qabel il-bidu tal-kera, fil-prattika, qabel l-aħħar ta' Diċembru 1992, sabiex tikseb l-approvazzjoni matul dan ix-xahar u tkun tista' teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis b'mod komplut, mill-bidu tal-kera fl-1 ta' Jannar 1993.

28     Għalhekk jidher li tali proċedura ta' approvazzjoni mhijiex intiża sabiex tippreġudika d-dritt għal tnaqqis, iżda għall-kuntrarju tippermetti li dan id-dritt jiġi eżerċitat kompletament, taħt il-kundizzjoni li jiġu mħarsa ċerti ħtiġijiet, b'mod partikolari, il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' l-għażla u l-kisba ta' l-approvazzjoni f'ċerti termini.

29     In-nuqqas ta' retroattività tal-proċedura ta' approvazzjoni ma jagħmilhiex sproporzjonata. Għall-kuntrarju, hija tista' tiġi kkunsidrata utli sabiex tinkoraġġixxi lil sidien il-kera jippreżentaw id-dikjarazzjoni ta' għażla tagħhom bil-quddiem. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li proċedura ta' approvazzjoni retroattiva tkun ta' natura tali li tipproduċi effett oppost billi twassal lil sidien il-kera sabiex jippreżentaw id-dikjarazzjoni ta' l-għażla tagħhom tard u li għalhekk tkun inqas adattata sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni korretta ta' l-eżerċizzju tad-dritt ta' l-għażla u sabiex jintlaħaq l-għan ta' ċertezza legali msemmi fil-punt 25 ta' din is-sentenza.

30     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva ma jipprekludux lil Stat Membru, li jkun eżerċita s-setgħa li jagħti lill-persuni taxxabbli d-dritt ta' l-għażla għat-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri ta' proprjetà immobbli, milli jadotta leġiżlazzjoni li tissuġġetta t-tnaqqis komplut ta' l-input VAT imħallas għall-kisba ta' approvazzjoni minn qabel, li mhijiex retroattiva, mill-awtoritajiet tat-taxxa.

 Fuq l-ispejjeż

31     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi l-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima ma jipprekludux lil Stat Membru, li jkun eżerċita s-setgħa li jagħti lill-persuni taxxabbli d-dritt ta' l-għażla għat-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri ta' proprjetà immobbli, milli jadotta leġiżlazzjoni li tissuġġetta t-tnaqqis komplut ta' l-input VAT imħallas għall-kisba ta' approvazzjoni minn qabel, li mhijiex retroattiva, mill-awtoritajiet tat-taxxa.

Firem.


*Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.