Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

9 ta' Frar 2006(*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – is-Sitt Direttiva VAT – Artikoli 2( 1), 5(4)(c), 12(3) u 16(1) – Transazzjoni fit-territorjiu tal-pajjiż – Bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti importati taħt l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja – Kummissjoni ta' l-irkantaturi"

Fil-kawża C-305/03

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226KE, imressaq fis-16 ta' Lulju 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn C. Jackson u R. Caudwell, bħala aġenti, assistiti minn N. Paines, QC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, S. von Bahr, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Diċembru 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta ta' l-24 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta billi applikat rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT"), fir-rigward tal-kummissjoni li nġabret mill-irkantaturi, matul il-bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet importati fil-kuntest ta' l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu bis-saħħa ta' l-Artikoli 2 (1), 5(4)(c), 12(3) u 16(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1) kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/49/KE (ĠU L 139, p. 27) (iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Dan ir-rikors jirrigwarda aktar preċiżament it-trattament tal-VAT applikat għall-bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet imdaħħla fir-Renju Unit taħt arranġamenti ta' importazzjoni temporanja u importati fit-territorju Komunitarju wara l-bejgħ tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Is-Sitt Direttiva

3       L-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva jipprovdi:

"Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

2.      l-importazzjoni ta' oġġetti."

4       Skond l-Artikolu 5(4)(c) ta' din id-Direttiva, għandu jitqies ukoll bħala provvista skond it-tifsira tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

"it-trasferiment ta' oġġetti skond kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri jew bejgħ."

5        L-Artikolu 11, B, (1), (3) u (6) tas-Sitt Direttiva jgħid:

"1.       L-ammont taxxabbli għandu jinkludi għall-importazzjoni ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 7(1)(b), il-valur definit bħala l-valur doganali mid-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ.

[…]

3.       L-ammont taxxabbli għandu jinkludi, sa kemm m'humiex diġa inklużi:

a)      taxxi, dazji, imposti u ħlasijiet oħrajn dovuti barra [l-Istat Membru ta' importazzjoni] u dawk dovuti bir-raġuni ta' l-importazzjoni, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun imposta;

b)       spejjeż aċċidentali, bħal kummissjoni, ippakkjar, trasport u spejjeż ta' l-assigurazzjoni, li saru sa l-ewwel post tad-destinazzjoni [fl-Istat Membru ta' importazzjoni.]

"L-ewwel post tad-destinazzjoni" għandu jfisser il-post imsemmi fuq in-nota tal-konsenja jew kwalunkwe dokument ieħor tat-trasport li permezz tiegħu l-oġġetti [jidħlu fl-Istat Membru ta' importazzjoni]. Fl-assenza tat-tali indikazzjoni, l-ewwel post tad-destinzzjoni għandu jkun ikkonsidrat [ikkunsidrat] li hu l-post ta' l-ewwel trasferiment ta' merkanzija [fl-Istat Membru ta' importazzjoni.]

[Għandhom ugwalment jiġu inklużi] fl-ammont taxxabbli, l-ispejjeż aċċidentali riferuti fuq fejn huma jirriżultaw mit-trasport għal post ieħor ta' destinazzjoni li jinsab fit-territorju tal-Komunità, jekk dan ta' l-aħħar hu magħruf fiż-żmien meta l-fatt taxxabbli jseħħ.

[…]

6.       [B'deroga għall-paragrafi 1 sa 4, l-Istati Membri li, fl-1 ta' Jannar 1993, ma jagħmlux użu mill-għażla prevista fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 12(3)(a) jistgħu jipprovdu li għall-importazzjoni ta' xogħlijiet ta' l-arti, ta' oġġetti tal-kollezzjoni jew ta' antikitajiet definiti fl-Artikolu 26a, A, punti (a), (b) u (c), l-ammont taxxabbli huwa ugwali għal frazzjoni mill-ammont iddeterminat skond il-paragrafi 1 sa 4.

Din il-frazzjoni hija ddetermina b'tali mod li t-taxxa fuq il-valur miżjud għaldaqstant dovuta minħabba l-importazzjoni tkun, f'kull każ, għall-anqas ugwali għal 5% ta' l-ammont iddeterminat skond il-paragrafi 1 sa 4."]

[it-traduzzjoni tal-kliem f'parenteżi kwadri mhijiet uffiċjali]

6       L-Artikolu 12(3) ta' din id-Direttiva ngħid dan li ġej:

"a)       Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun iffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta' l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta' l-oġġetti u għall-provvista ta' servizzi. [Mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru, 2000, dan il-persentaġġ ma jistax ikun inqas minn 15%.]

[…]

[L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw kemm rata waħda mnaqqsa, kif ukoll żewġ rati mnaqqsin. Dawn ir-rati huma ffissati għal persentaġġ ta' l-ammont taxxabbli li ma jistax ikun inqas minn 5%, u dawn japplikaw biss għall-provvista ta' oġġetti u għall-provvista ta' servizzi tal-kategoriji msemmija fl-Anness H.]

[…]

c)       l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rata mnaqqsa, jew waħda mir-rati mnaqqsa, li japplikaw skond id-dispożizzjonijiet previsiti fit-tielet paragrafu tal-punt (a) tapplika wkoll għall-importazzjoni ta' xogħlijiet ta' l-arti, ta' oġġetti tal-kollezzjoni jew ta' antikitajiet msemmija fl-Artikolu 26a(A)(a) (b) u (C).

[…]"

[it-traduzzjoni tal-kliem f'parenteżi kwadru mhijiex uffiċjali]

7       L-Artikolu 14(1) ta' din id-Direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw fuq l-importazzjonijiet, fost l-oħrajn:

"i)       il-provvista ta' servizzi, in konnessjoni ma' l-importazzjoni ta' l-oġġetti fejn il-valur tat-tali servizzi hu inkluż fl-ammont taxxabbli b'mod konformi ma' l-Artikolu 11 B (3) (b)."

8       L-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 28c ta' l-istess Direttiva, jipprovdi ċertu numru ta' eżenzjonijiet marbuta mat-traffiku internazzjonali ta' merkanzija u jippreċiża fil-paragrafu (1) tiegħu:

"1.       Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu, soġġetti għall-konsultazzjonijiet pprovduti fl-Artikolu 29, jieħdu l-miżuri speċjali maħsuba biex [jeżentaw] it-transazzjonijiet li ġejjin kollha jew xi uħud minnhom, dejjem jekk m'humiex intiżi għall-użu finali u/jew konsum u l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovut matul il-ħruġ minn arranġamenti jew sitawazzjonijiet speċifikati minn A sa E jikkorrispondi ma' l-ammont tat-taxxa li kienet tkun dovuta li kieku kull waħda minn dawn it-transazzjonijiet ġew taxxati fit-territorju tal-pajjiż.

[…]

[E. Il-Provvista:

–       ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 7(1)(a) li xorta waħda soġġetti għal arranġamenti ta' importazzjoni temporanja bl-eżenzjoni totali ta' dazji fuq l-importazzjoni jew ta' transitu estern,

[…]

kif ukoll is-servizzi relatati ma' dawn il-provvisti.

B'deroga għall-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 21(1) il-persuna li għandha tħallas it-taxxa dovuta skond l-ewwel paragrafu hija l-persuna li tneħħi l-oġġetti minn taħt arranġamenti jew sitwazzjonijiet elenkati f'dan il-paragrafu.

Meta t-tneħħija ta' oġġetti minn taħt arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu tagħti lok għal importazzjoni skond l-Artikolu 7(3), l-Istat Membru ta' importazzjoni għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jevita tassazzjoni doppja ġewwa l-pajjiż.

[…]"

[it-traduzzjoni tal-kliem f'parenteżi kwadri mhijiex uffiċjali]

9       Id-Direttiva tal-Kunsill 94/5/KEE ta' l-14 ta' Frar 1994 li tissuplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-VAT u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (ĠU L 60, p. 16) li kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri qabel l-1 ta' Jannar 1995, daħħlet l-Artikolu 26a fis-Sitt Direttiva. Din id-dispożizzjoni, intitolata "Arranġamenti speċjali applikabbli għall-oġġetti wżati, xogħlijiet ta' l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet" hija miktuba kif ġej:

 "A. Tifsir

Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità,

[…]

e)       'bejjiegħ taxxabbli' tfisser persuna taxxabbli li, fil-kors ta' l-attività ekonomika tagħha, tixtri jew takkwista għall-għanijiet tal-impriża tagħha, jew timporta bil-għan li terġa' tbiegħhom, oġġetti wżati u/jew xogħlijiet ta' l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet, kemm jekk dik il-persuna taxxabbli qed taġixxi għan-nom tagħha stess jew għan-nom ta' xi persuna oħra bis-saħħa ta' xi kuntratt li permezz tiegħu titħallas kummissjoni fuq ix-xiri jew il-bejgħ;

f)       'organizzatur ta' bejgħ pubbliku bl-irkant' tfisser kull persuna taxxabbli li, fil-kors ta' l-attività [ekonomika] tagħha, toffri l-oġġetti għall-bejgħ bl-irkant pubbliku bil-għan li tagħtihom lil min joffri l-aktar għalihom;

g)       'il-prinċipal ta' l-organizzatur ta' xi bejgħ b'irkant pubbliku' tfisser kull persuna li twassal l-oġġett lil xi organizzatur ta' xi bejgħ b'irkant pubbliku skond kuntratt li permezz tiegħu tkun pagabbli kummissjoni fuq xi bejgħ soġġetta għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

–       l-organizzatur tal-bejgħ b'irkant pubbliku joffri l-oġġetti għall-bejgħ f'ismu iżda għan-nom tal-prinċipal tiegħu,

–       l-organizzatur tal-bejgħ b'irkant pubbliku jagħti l-oġġetti, f'ismu iżda għan-nom tal-prinċipal tiegħu, lil min joffri l-aktar waqt bejgħ b'irkant pubbliku.

[…]

 C. Arranġamenti speċjali għal bejgħ permezz ta' rkant pubbliku

1.       Bħala deroga minn B, l-Istati membri jistgħu jistabbilixxu, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin, l-ammont taxxabbli ta' fornituri ta' oġġetti wżati, xogħlijiet ta' l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet magħmula minn xi organizzatur ta' bejgħ permezz ta' rkant pubbliku, li jiġixxi f'ismu propju, bis-saħħa ta' xi kuntratt li permezz tiegħu tkun pagabbli kummissjoni fuq il-bejgħ ta' dawk l-oġġetti permezz ta' rkant pubbliku, għan-nom ta' :

[…]

2.       L-ammont taxxabbli ta' kull forniment ta' l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun l-ammont totali tal-fattura skond il-paragrafu 4 lix-xerrej mill-organizzatur tal-bejgħ b'irkant pubbliku, bit-tnaqqis ta':

–       l-ammont nett imħallas jew li għandu jitħallas mill-organizzatur tal-bejgħ b'irkant pubbliku lill-prinċipali tiegħu, stabbilit skond il-paragrafu 3,

u

–       l-ammont tat-taxxa dovuta mill-organizzatur tal-bejgħ b'irkant pubbliku għar-rigward tal-forniment tiegħu.

3.       l-ammont nett imħallas jew li għandu jitħallas mill-organizzatur tal-bejgħ b'irkant pubbliku lill-prinċipal tiegħu għandu jkun ugwali għad-differenza bejn:

–       il-prezz ta' l-oġġetti fl-irkant pubbliku

u

–       l-ammont tal-kummissjoni miksub jew li għandu jkun maħsub mill-organizzatur tal-bejgħ b'irkant pubbliku mill-prinċipal, skond il-kuntratt li permezz tiegħu il-kummissjoni tkun pagabbli fuq il-bejgħ.

[…]

7.      Il-forniment ta' l-oġġetti li xi persuna taxxabbli li jkun l-organizzatur ta' bejgħ b'irkant pubbliku [għandha tkun meqjusa] li jkun sar meta l-bejgħ ta' dawk l-oġġetti permezz ta' rkant pubbliku jkun sar attwalment.

[…]"

10     L-Artikolu 28(1)(a) tas-Sitt Direttiva, li kliem tiegħu jirriżulta mid-Direttiva 94/5, jippreċiża li r-Renju Unit jista' japplika, sat-30 ta' Ġunju 1999, rata mnaqqsa, li ma tistax tkun ta' inqas minn 2.5% għall-importazzjonijiet ta' xogħlijiet ta' l-arti, ta' oġġetti tal-kollezzjoni jew ta' antikitajiet. Minn din id-data dan l-Istat Membru kien obbligat japplika rata standard jew, skond id-deroga msemmija fl-Artikolu 11 B (6), rata mnaqqsa ta' mhux inqas minn 5%, għal dawn l-importazzjonijiet.

 Il-Kodiċi Doganali

11     L-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali") jippreċiża li:

"1.      Il-valur doganali ta' merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivamnet imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33 […].

[…]

3.      a)     Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa l-ħlas totali li jkun sar jew li ser isir mix-xerrej lil jew għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil terz persuna biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ […]".

12     Ir-regoli ddettaljati ta' applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali huma elenkati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament […] Nru 2913/92 […] (ĠU L 253, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 993/2001 ta' l-4 ta' Marzu 2001 (ĠU L 141, p. 1). Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma s-segwenti:

"Artikolu 576

[…]

3.       Ħelsien totali mid-dazji ta' importazzjoni għandu jingħata għal dan li ġej:

a)       xogħlijiet ta' l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet kif definiti fl-Anness I li jinsab mad-Direttiva 77/388/KEE, importati għall-għanijiet ta' esebizzjoni, bil-ħsieb possibbli ta' bejgħ;

b)       oġġetti barra minn dawk manifatturati ġodda importati bil-ħsieb tal-bejgħ tagħhom permezz ta' rkant."

Artikolu 582

1.       Fejn oġġetti mqegħda taħt arranġamenti skond l-Artikolu 576 huma skarikati bid-dħul tagħhom għal ċirkolazzjoni ħielsa, l-ammont tad-debitu għandu jkun stabbilit fuq il-bażi ta' l-elementi ta' l-istima xierqa ta' dawn l-oġġetti fil-mument ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għal ċirkolazzjoni ħielsa.

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13     Jirriżulta mill-proċess li d-Digriet ta' l-10 ta' Mejju 1995 fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (dispożizzjonijiet speċjali) [Value Added Tax (Special Provisions) Order 1995 – S.I. 1995/1268], li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 1995 u li ttraspona d-Direttiva 94/5 fir-Renju Unit jipprovdi, fl-Artikolu 12 tiegħu, l-applikazzjoni tas-sistema ta' marġni għall-provvista ta' xogħlijiet ta' l-arti, ta' kollezzjoni jew ta' antikitajiet mill-organizzaturi ta' bejgħ pubbliku bl-irkant.

14     L-Artikolu 3 tad-Digriet tat-30 ta' Marzu 1995 fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (trattament tat-transazzjonijiet) [Value Added Tax (Treatment of Transactions) Order 1995 – (S.I. 1995/958)] jgħid li t-trasferiment ta' proprjetà ta' xogħol ta' l-arti importat sabiex jerġa jinbiegħ, li jsir meta x-xogħol ta' l-arti jkun għadu soġġett taħt l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni totali mid-dazji fuq l-importazzjoni skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali, għandhom jiġu kkunsidrati la bħala provvista ta' oġġetti u lanqas bħala provvista ta' servizzi.

 Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

15     Fir-Renju Unit, ix-xogħlijiet ta' l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet (iktar 'il quddiem ix-"xogħlijiet ta' l-arti") huma importati bl-għan li possibbilment jinbiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta' l-importazzjoni temporanja b'eżenzjoni totali mid-dazji fuq l-importazzjoni. Jekk, wara l-bejgħ bl-irkant, ix-xogħol huwa definittivament importat fil-Komunità Ewropea, il-VAT hija kkalkulata fuq il-bażi tal-prezz li nġab matul il-bejgħ bl-irkant, li jinkludi marġni ta' profitt ta' l-irkantatur. Din is-somma hija sussegwentement imnaqqsa skond l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 11 B (6) tas-Sitt Direttiva, b'mod li r-rata ta' taxxa effettiva hija ugwali għal 5% ta' l-ammont taxxabbli.

16     Wara li kkonstatat li r-Renju Unit ma jintaxxax, kuntrarjament għall-obbligi li huwa għandu bis-saħħa ta' l-Artikoli 28(1a) u 28c(E)(1), tas-Sitt Direttiva, bir-rata standard il-marġni ta' profitt ta' l-irkantaturi għall-bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti importati, il-Kummissjoni, fis-17 ta' Marzu 1997, intimat lil dan l-Istat Membru u bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE

17     Sabiex tippreċiża l-fehma tagħha, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni supplimentarja lir-Renju Unit datata l-10 ta' Awwissu 1998, li fiha ppreċiżat li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu bis-saħħa ta' l-Artikoli 28(1a) bis u 28c(E)(1), tas-Sitt Direttiva, imma wkoll bis-saħħa ta' l-Artikoli 2(1), 5(4)(c), 12(3) u 26a ta' l-istess Direttiva.

18     Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposti ta' l-awtoritajiet tar-Renju Unit tal-15 ta' Mejju 1997 u tat-12 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni, fit-3 ta' Awwissu 2002, bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru filwaqt li biha stiednitu jieħu l-miżuri neċesasrji sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni fi żmien xahrjen min-notifika tagħha.

19     Permezz ta' ittra tas-16 ta' Novembru 2000, l-awtoritajiet tar-Renju Unit irrispondew, billi sostnew il-fehmiet żviluppati preċedentement. Billi kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma kienx ħa l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-opinjoni motivata fit-terminu perskritt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

20     Il-Gvern tar-Renju Unit sostna fil-kontroreplika tiegħu u matul il-proċedura orali li l-Kummissjoni, fir-replika tagħha, qajmet ilment ġdid li ma kienx ġie invokat fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, li jrendi dan ir-rikors inammissibbli.

21     Fl-opinjoni motivata u fir-rikors introduttiv tagħha, il-Kummissjoni kienet akkużat lir-Renju Unit li ma kienx issuġġetta l-marġni ta' profitt ta' l-irkantatur mill-bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti importati taħt l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja għall-VAT fuq il-provvisti fit-territorju tal-pajjiż, skond l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva. Min-naħa l-oħra, fir-replika, hija kienet ikkunsidrat li r-Renju Unit kien ġustament inkluda din il-kummissjoni fl-ammont taxxabbli għall-importazzjoni, iżda li huwa kien ikkalkula l-VAT fuq l-importazzjoni b'mod żbaljat.

22     Is-suġġett ta' rikors imressaq b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 226 huwa ċirkoskritt mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi ta' l-10 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 23; tal-15 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 11, u tas-16 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-456/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35). Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi bbażat fuq l-istess motivi u raġunijiet bħall-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-1 ta' Diċembru 1993, il-Kummissjoni vs id-Danimrka, C-234/91, Ġabra p. I-6273, punt 16, u tat-18 ta' Ġunju 1998, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 28). Sakemm ilment ma jkunx ġie ifformulat fl-opinjoni motivata, dan huwa inammissibbli fl-istadju tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-15 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 11).

23     Madankollu, din l-eżiġenza ma tistax tiġi mtawwla sabiex timponi li f'kull każ ikun hemm koinċidenza perfetta bejn id-dispożittiv ta' l-opinjoni motivata u l-konklużjonijiet tar-rikors, meta s-suġġett tal-kawża ma kienx ġie estiż jew mibdul, iżda għall-kuntrarju kien ġie sempliċement ristrett (sentenzi tal-11 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni vs Spanja, C-139/00, Ġabra p. I-6407, punt 19, ta' l-1 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-203/03, Ġabra p. I-935, punt 29).

24     F'dan il-każ, il-Kummissjoni dejjem sostniet matul il-proċedura prekontenzjuża u kontenzjuża li r-Renju Unit japplika rata mnaqqsa ta' VAT għall-marġni ta' profitt ta' l-irkantatur kuntrarjament għall-obbligi li huwa għandu skond is-Sitt Direttiva. Il-kwistjoni dwar jekk il-marġni ta' l-irkantatur huwa element tal-valur doganali jew le ma jbiddel xejn mill-fatt li r-Renju Unit tapplikalu rata mnaqqsa effettiva. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li dan il-marġni għandu jiġi ntaxxat b'rata standard, ma nbidlitx matul il-proċedimenti.

25     B'hekk it-talba tar-Renju Unit intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni invokat ilment ġdid għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

26     Il-kwistjoni prinċipali f'din il-kawża hija jekk il-marġni ta' profitt ta' l-irkantatur mill-bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti importati taħt arranġamenti ta' importazzjoni temporanja għandux jiġi ntaxxat bħala transazzjoni fit-territorju tal-pajjiż skond il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, il-Kummissjoni tinvoka wkoll ksur ta' l-Artikoli 2(1), 5(4)(c) u 12(3). Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-ksur allegat ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwiex stabbilit sewwa.

27     Il-Kummissjoni tosserva li s-sitwazzjoni f'dan il-każ tinkludi żewġ fatti taxxabbli: minn naħa, importazzjoni ta' oġġetti, u min-naħa l-oħra, transazzjoni fit-territorju tal-pajjiż. Fil-każijiet kollha fejn importazzjoni hija segwita minn bejgħ minn persuna taxxabbli, kemm l-importazzjoni kif ukoll il-bejgħ għandhom jiġu ntaxxati.

28     Hija takkuża lir-Renju Unit li ma sseparax it-tieni fatt taxxabbli, jiġifieri l-bejgħ bl-irkant, u li ma ntaxxatux bħala transazzjoni fit-territorju tal-pajjiż. Minħabba dan il-fatt, dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu bis-saħħa ta' l-Artikoli 2(1), 5(4)(c) u 12(3) tas-Sitt Direttiva.

29     Il-Gvern tar-Renju Unit jirrikonoxxi li jeżistu potenzjalment żewġ fatti taxxabbli, jiġifieri l-importazzjoni ta' l-oġġetti u l-bejgħ tagħhom bl-irkant. Madankollu, skond huwa, filwaqt li l-oġġetti huma mqiegħda taħt arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, il-bejgħ bl-irkant in kwistjoni huwa bejgħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità skond l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, u ma jistax jikkostitwixxi fl-istess ħin transazzjonijiet fir-Renju Unit.

30     L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jiddistingwi żewġ kategoriji ta' transazzjonijiet suġġetti għall-VAT, minn naħa, it-transazzjonijiet li saru ġewwa t-territorju tal-pajjiż, min-naħa l-oħra, l-importazzjoni ta' oġġetti.

31     Jirriżulta mill-Artikolu 5(4)(c) ta' din id-Direttiva li l-irkantatur jwettaq provvista ta' oġġetti meta huwa jittrasferixxi oġġett skond kuntratt li bih titħallas kummissjoni konkluż bejnu u l-bejjiegħ jew ix-xerrej.

32     L-Artikolu 12(3) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi rata standard ta' VAT applikabbli għal kull transazzjoni taxxabbli li ma tagħtix lok għal rata mnaqqsa.

33     Kif il-Qorti diġà ddeċidiet, l-analiżi tal-karatteristiċi tas-sistema komuni tal-VAT tippermetti li jiġi stabbilit li għal kull transazzjoni fit-territorju ta' Stat Membru, il-fatt taxxabbli huwa kkostitwit mill-provvista ta' oġġett mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali, filwaqt li għal kull importazzjoni, il-fatt taxxabbli huwa kkostitwit mis-sempliċi dħul ta' oġġett fit-territorju ta' Stat Membru, kemm jekk kien hemm transazzjoni jew le, u irrispettivament minn jekk it-transazzjoni ssir bi ħlas jew mingħajr ħlas, kemm minn persuna taxxabbli kif ukoll minn individwu (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Mejju 1982, Schul, 15/81, Ġabra p. 1409, punt 14).

34     F'dan il-każ, ix-xogħlijiet ta' l-arti importati bl-iskop ta' bejgħ bl-irkant jitqiegħdu minn wara li jiddaħħlu fil-Komunità taħt arranġamenti ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni totali mid-dazji fuq l-importazzjoni, bil-kundizzjoni li d-destinazzjoni finali tagħhom ma tkunx magħrufa qabel il-bejgħ. Meta l-oġġett jinbiegħ lil xerrej tal-Komunità, l-importazzjoni ssir fi Stat Membru u fit-territorju tiegħu l-oġġett jitneħħa minn taħt dan l-arranġament.

35     Is-Sitt Direttiva tipprovdi żewġ arranġamenti fiskali differenti li għandhom jiġu applikati rispettivament f'każ ta' importazzjoni u ta' bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti. Minn naħa, għal dak li jkkonċerna l-importazzjoni, li hija suġġetta għall-VAT, bis-saħħa ta' l-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 12(3)(c), u bħala deroga, l-Artikolu 11B(6) tagħha jipprovdu rata ta' VAT imnaqqsa li għandha tiġi applikata fuq il-valur doganali ta' l-oġġett importat. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-bejgħ bl-irkant, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 26a(C) tas-Sitt Direttiva għandhom b'mod partikolari bħala effett li jindividwalizzaw il-kummissjoni ta' l-irkantatur fir-rigward tal-valur globali ta' l-oġġett, meta l-irkantatur iwettaq provvista skond l-Artikolu 5(4)(c) ta' din id-Direttiva. Din il-kummissjoni ta' l-irkantatur b'hekk tikkostitwixxi l-ammont taxxabbli għall-bejgħ bl-irkant, intaxxat bir-rata standard prevista fl-Artikolu 12(3)(a) ta' l-istess Direttiva.

36     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva jimponi li t-transazzjonijiet kollha li jsiru sakemm il-merkanzija tkun suġġetta għall-arranġamenti għall-importazzjoni temporanja għandhom, jekk huma jkunu sussegwentement importati, jiġu ntaxxati bħala kieku dawn it-transazzjonijiet ikunu saru wara l-importazzjoni definittiva tagħhom. Għaldaqstant, ir-rata mnaqqsa effettiva għandha tiġi applikata fuq il-valur tal-merkanzija qabel il-bejgħ tagħha bl-irkant, jiġifieri għall-prezz imħallas mix-xerrej matul dan il-bejgħ, wara li titnaqqas il-kummissjoni ta' l-irkantatur. Ir-rata standard ta' VAT għandha tiġi applikata wara fuq din il-kummissjoni skond l-Artikolu 26a(C) ta' din id-Direttiva.

37     Hija tippreċiża, minbarra dan, li din ir-regola tapplika indipendentement mir-regoli ġenerali dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali speċifikati fl-Artikoli 29 u 144 tal-Kodiċi Doganali u dawk li jinsabu fl-Artikolu 11 B (1) tas-Sitt Direttiva.

38     Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta dan l-argument. Skond huwa, is-sistema ta' taxxa li huwa japplika hija kompatibbli ma' l-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva, minħabba li jirriżulta ċar minn din id-dispożizzjoni u mill-Artikolu 11 B ta' l-istess Direttiva li l-ispejjeż ta' tali transazzjonijiet huma inklużi fl-ammont taxxabbli fir-rigward ta' l-importazzjoni u mhux intaxxati bħala transazzjoni fit-territorju tal-pajjiz, bħal ma jkun il-każ għal transazzjoni li sseħħ wara l-importazzjoni definittiva. Kien ikun hemm tassazzjoni doppja jekk il-kummissjonijiet kienu taxxabbli mill-ġdid bħala kunsiderazzjoni għal transazzjoni ġewwa t-territorju.

39     Huwa paċifiku li l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva, b'rigward għall-arranġamenti msemmija fit-titolu E tiegħu, jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-VAT ċerti transazzjonijiet fuq oġġetti suġġetti għall-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, bil-kundizzjoni li dawn mhumiex intiżi għall-użu finali jew għall-konsum finali u l-ammont tal-VAT dovut meta dawn jitneħħew minn taħt l-arranġamenti jikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa li kellha tiġi mħallsa kieku kull waħda mit-transazzjonijiet kienet intaxxata fit-territorju tal-pajjiż.

40     Peress illi din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jeżentaw ċerti transazzjonijiet li saru fit-territorju tal-pajjiż fir-rigward ta' oġġetti mqiegħda taħt l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, inklużi l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, hija timponilhom ukoll ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tapplika din l-eżenzjoni.

41     Għalkemm il-mument ta' l-importazzjoni definittiva ta' oġġett, mqiegħed mid-dħul tiegħu fit-territorju tal-Komunità taħt arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, huwa differit, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tas-Sitt Direttiva, għall-mument li fih l-oġġett jitneħħa minn taħt dan l-arranġament, jirriżulta mid-deroga pprovduta fl-Artikolu 16(1) li t-transazzjonijiet kollha li saru taħt l-arranġament temporanju għandhom jiġu ntaxxati daqs li kieku kienu saru fit-territorju tal-pajjiż wara l-importazzjoni definittiva tal-merkanzija.

42     Minħabba dan il-fatt, fil-każ fejn xogħol ta' l-arti tinbiegħ bl-irkant taħt arranġamenti ta' importazzjoni temporanja u jiġi importat wara din it-transazzjoni fit-territorju Komunitarju, il-bejgħ bl-irkant għandu jiġi distint mill-importazzjoni u dawn għandhom jiġu ntaxxati separatament.

43     Konsegwentement, sabiex jiġu intaxxati kemm l-importazzjoni kif ukoll il-bejgħ bl-irkant skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva, għandha ssir distinzjoni fil-prezz tal-bejgħ bl-irkant bejn il-parti li tikkorrispondi għall-kummissjoni ta' l-irkantatur u dik li tikkorrispondi għall-valur doganali ta' l-oġġett importat. L-ewwel waħda tikkostitwixxi b'hekk l-ammont taxxabbli għall-bejgħ bl-irkant, ikkalkulat skond l-Artikolu 26a tas-Sitt Direttiva u ntaxxat bir-rata standard prevista fl-Artikolu 12(3)(a) ta' din id-Direttiva, filwaqt li t-tieni waħda tikkorrispondi għall-valur doganali tal-merkanzija li hija suġġetta għall-VAT fuq l-importazzjoni u ntaxxata b'rata mnaqqsa effettiva applikabbli fir-Renju Unit skond l-Artikolu 11 B (6) ta' din id-Direttiva.

44     Din l-interpretazzjoni taqbel ma' l-għan ta' l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva, li huwa, b'mod partikolari, li jassigura n-newtralità fiskali bejn, minn naħa, it-transazzjonijiet li jirrigwardaw oġġetti li jitqiegħdu taħt arranġamenti ta' importazzjoni temporanja u importati sussegwentement, u, min-naħa l-oħra, dawk li jirrigwardaw oġġetti li jinsabu diġà fit-territorju tal-Komunità.

45     B'kunsiderazzjoni għall-analiżi li saret fil-punt 43 ta' din is-sentenza u b'mod iktar partikolari tal-fatt li l-valur tal-kummissjoni ta' l-irkantatur għandu jiġi distint mill-valur doganali tal-merkanzija, għall-finijiet tat-tassazzjoni rispettiva tagħhom, l-argument tar-Renju Unit li l-marġni ta' profitt ta' l-irkantatur jifforma parti mill-valur ta' importazzjoni skond id-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 11 B (1) u (3)(b) tas-Sitt Direttiva, moqrija flimkien ma' dawak ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, mhuwiex fondat.

46     Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-Renju Unit li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva huwa dispożizzjoni fakultattiva għall-Istati Membri, peress illi l-aħħar paragrafu ta' din l-istess dispożizzjoni, jiġifieri l-obbligu li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, jikkostitwixxi dispożizzjoni mandatorja. Dan l-aħħar obbligu jeżiġi li l-Istati Membri ma jitrattawx it-transazzjoni li saret mill-irkantatur bħala transazzjoni fit-territorju tal-pajjiż.

47     Kif ġustament issostni l-Kummissjoni, meta l-Istat Membru jagħmel użu mill-għażla mogħtija mill-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva billi jadotta miżuri partikulari li jippermettu li jiġu eżentati t-transazzjonijiet li jikkonċernaw il-merkanzjia taħt l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, huwa għandu jikkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet kollha imposti minn din id-dispożizzjoni.

48     Fir-rigward ta' l-obbligu li tiġi evitata it-tassazzjoni doppja, prevista mill-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tirrigwarda il-persuna taxxabbli. Kif jirriżulta mill-paragrafu preċedenti, b'deroga għall-Artikolu 21(1)(a) ta' l-istess Direttiva, il-persuna taxxabbli għat-transazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 16(1), hija dik li tneħħi l-oġġetti minn taħt arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija f'din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, sabiex tevita wkoll konfużjoni fuq il-persuna taxxabbli, is-Sitt Direttiva tipprovdi l-obbligu li tiġi evitata tassazzjoni doppja, mingħajr ma tinfluwenza bl-ebda mod ir-rata applikabbli għall-marġni ta' profitt ta' l-irkantatur.

49     F'dawn il-kundizzjonijiet, b'rigward għall-fatt li l-bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti fil-kuntest ta' l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, li segwit mill-importazzjoni fuq it-territorju ta' l-Istat Membru, għandu jiġi kkunsidrat bħala transazzjoni li saret fit-territorju tal-pajjiż u għandu jiġi ntaxxat bħala tali, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni rigward ksur ta' l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva huwa fondat.

50     Peress illi l-bejgħ bl-irkant għandu għaldaqstant jiġi kkwalifikat bħala transazzjoni li seħħet fit-territorju tal-pajjiż, għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-ksur ta' l-Artikoli 2(1), 5(4)(c u 12(3) tas-Sitt Direttiva huwa stabbilit.

51     Fid-dawl ta' dak li jippreċedi, għandu jiġi kkonstatat li, billi applika r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-kummissjoni li nġabret mill-rikantaturi matul il-bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet importati taħt l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu bis-saħħa ta' l-Artikoli 2(1), 5(4)(c) 12(3) u 16(1) tas-Sitt Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

52     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi applika r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-kummissjoni li nġabret matul il-bejgħ bl-irkant ta' xogħlijiet ta' l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet importati taħt l-arranġamenti ta' importazzjoni temporanja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obligi li huwa għandu bis-saħħa ta' l-Artikoli 2(1), 5(4)(c), 12(3) u 16(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/49/KE.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Iralnda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.