SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)
12 ta' Jannar 2006 (*)
"Is-Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 2(1), Artikolu 4(1) u (2) Artikolu 5(1) – Tnaqqis ta' l-input VAT imħallsa – Attività ekonomika - Persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali – Provvista ta' oġġetti – Tranżazzjoni li tifforma parti minn sensiela ta' provvisti li tinvolvi operatur li jonqos minn dmirijietu jew operatur li juża numru tal-VAT li mhux awtorizzat – Frodi tat-tip 'carousel'
Fil-kawżi magħquda C-354/03, C-355/03 u C-484/03
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (Ingilterra u Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), bid-deċiżjonijiet tat-28 ta' Lulju 2003 (C-354/03 u C-355/03) u tas-27 ta' Ottubru 2003 (C-484/03), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Awwissu u fid-19 ta' Novembru 2003, rispettivament, fil-kawżi
Optigen Ltd (C-354/03),
Fulcrum Electronics Ltd (C-355/03),
Bond House Systems Ltd (C-484/03)
vs
il-Kummissarju tad-Dwana u s-Sisa,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' Awla, J. Malenovský, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), u U. Lõhmus, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Diċembru 2004,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati :
– għall-Optigen Ltd, minn T. Beazley, QC, u J. Herberg, barrister,
– għall-Fulcrum Electronics Ltd, minn R. Englehart, QC, u A. Lewis, barrister,
– għall-Bond House Systems Ltd, minn K. P. E. Lasok, QC, u M. Patchett-Joyce, barrister,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C.Jackson (C-354/03, C-355/03 u C-484/03) u K. Manji (C-484/03), bħala aġenti, assistiti minn R. Anderson, QC, u I. Hutton, barrister,
– għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent (C-354/03, C-355/03 u C-484/03),
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde u A. Rahbøl Jacobsen, bħala aġenti, assistiti minn P. Biering, advokat, (C-484/03),
– għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn A.-M. Colaert u J. Monteiro, bħala aġenti (C-354/03 u C-355/03),
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent (C-354/03, C-355/03 u C-484/03),
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Frar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta' April 1967 fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (67/227/KEE) (ĠU 1967, 71, p. 1301), hekk kif emendata permezz tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud bażi uniformi ta' stima (77/388/KEE) (ĠU L L 145, p.1, iktar 'il quddiem "l-Ewwel Direttiva"), kif ukoll l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta' l-10 ta' April 1995, (ĠU L 102, p. 18, iktar 'il quddiem "is-Sitt Direttiva").
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' tliet kawżi bejn Optigen Ltd (iktar 'il quddiem "Optigen"). Fulcrum Electronics Ltd, fil-likwidazzjoni, (iktar 'il quddiem "Fulcrum"), u Bond House Systems Ltd (iktar 'il quddiem "Bond House") u l-Kummissarji tad-Dwana u s-Sisa (iktar'il quddiem il-"Kummissarji") dwar ċaħda minn dawn ta' l-aħħar tat-talbiet għal ħlas lura tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar'il quddiem il-"VAT") mħallsa fuq xiri, li sar fir-Renju Unit, ta' mikro-proċessuri li wara ġew esportati lejn Stat Membru ieħor.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva hu jipprovdi kif ġej:
"Il-prinċipju tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tinvolvi d-dħul ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ transazzjonijet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-isadju li fih titħallas it-taxxa.
Fuq kull transazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud, kalkulata fuq il-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-valur miżjud li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.
Is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun applikata sa l-istadju tal-kummerċ bl-imnut (dan l-istadju inkluż)."
4 Skond l-Artikolu 2(1), tas-Sitt Direttiva, għandhom ikunu soġġetti għal VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.
5 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(1), ta' l-imsemmija Direttiva, hi kkunsidrata bħala persuna taxxabbli kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Il-kunċett ta' "attivitajiet ekonomiċi" huwa definit fl-imsemmi paragrafu (2) bħala li jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jipprovdu s-servizzi, u b'mod partikulari l-tranżazzjonijiet li jwasslu għall-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.
6 Skond l-Artikolu 5(1), ta' l-istess Direttiva, "Provvista ta’ oġġetti" tfisser it-trasferiment tad-dritt ta' sid li jiddisponi minn proprjetà korporali."
7 L-Artikolu 17 (1) sa (3), tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:
"1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
(a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;
(b) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa fir-rigward ta’ oġġetti importati;
[…]
3. L-Istati Membri għandhom jagħtu wkoll lil kull persuna taxxabbli d-dritt ta’ tnaqqis jew ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq il-valur miżjud riferut f’paragrafu 2 sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet ta’:
(a) transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet ekonomiċi kif riferuti fl-Artikolu 4 (2) mwettqa f’pajjiż ieħor, li jistgħu jkunu eleġibbli għal tnaqqis tat-taxxa jekk huma saru fit-territorju tal-pajjiż;
[…]"
Il-kawża prinċipali
8 Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jidher li, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-attività tal-kumpanniji Optigen, Fulcrum u Bond House, kienet tikkonsisti prinċipalment fix-xiri ta' mikroproċessuri mingħand kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit u l-bejgħ mill-ġdid tagħhom lil xerrejja stabbiliti fi Stati Membri oħra.
9 Għax-xahar ta' Lulju 2002, Optigen talbet il-ħlas lura ta' bilanċ nett ta' VAT irkuprabbli li kien aktar minn GBP 7 miljuni. Bid-deċiżjoni tas-16 u l-31 ta' Ottubru 2002, il-Kummissarji ċaħdu din it-talba inkwantu din kienet tirrigwarda ammont ta' ftit aktar minn GBP 7 miljuni. Fl-istess ħin, bid-deċiżjoni tat-30 ta' Ottubru 2002, il-Kummissarji ċaħdu lil din il-kumpannija il-ħlas lura ta' somma ta' ftit aktar minn GBP 13-il miljun fix-xahar ta' Lulju ta' l-istess sena.
10 Għax-xahar ta' Ġunju 2002, Fulcrum talbet il-ħlas lura ta' bilanċ nett ta' input VAT fuq l-input ta' kważi GBP 7.2 miljun. Bid-deċiżjoni tal-11 ta' Novembru 2002, il-Kummissarji ċaħdu sa l-ammont ta' kważi GBP 2 miljuni. Bl-istess mod, fix-xahar ta' Lulju 2002, huma ċaħdu l-ħlas lura ta' somma ta' madwar GBP 1.1 miljun fuq talba ta' ammont totali ta' kważi GBP 4 miljun. Barra minn hekk, fi Frar 2003, il-Kummissarji bagħtu lil Fulcrum avviż ta' impożizzjoni dwar somma ta' madwar GBP 160 000 bħala input VAT u li tikkorispondi, skond dawn, għall-ammont imħallas lura bi żball fix-xahar ta' Mejju 2002.
11 Bond House ippreżentat, għax-xahar ta' Mejju 2002, talba għal ħlas lura ta' ammont ta' madwar, GBP 16.3 miljun bħala VAT mħallsa fuq l-input, talba li ġiet miċħuda mill-Kummissarji. F'Settembru 2002, dawn ta' l-aħħar għarrfu lil din il-kumpannija li huma ammettew li, fuq l-ammont totali mitlub, jista' jingħata lilhom ħlas lura ta' ftit aktar minn ĠPB 2.7 miljun.
12 Jidher mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu jiffurmaw parti minn sensiela ta' provvisti li fihom intervjena, mingħajr ma kienu jafu l-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali, operatur li naqas mill-obbligu tiegħu, jiġifieri operatur li kellu jħallas il-VAT imma li kien sparixxa mingħajr ma ħallas din il-VAT lill-awtortitajiet fiskali, jew operatur li uża numru tal-VAT użurpat ta' persuna oħra suġġetta għal VAT, jiġifieri numru li ma jappartjenix lilu, prattika li tikkostitwixxi, skond il-Kummissarji, frodi tat-tip "carousel".
13 Skond id-deċiżjonijiet tar-rinviju, fil-kawżi C-354/03 u C-355/03, u skond il-Kummissarji, fil-kawża C-484/03, frodi tat-tip "carousel" hi prinċipalment organizzata skond il-metodi li ġejjin:
– Kumpannija (A) stabbilita fi Stat Membru tbiegħ oġġetti lill-kumpannija (B) stabbilita fit-tieni Stat Membru.
– Il-kumpannija B, li hi l-operattriċi li naqset mill-obbligu tagħha jew li tuża numru użurpat ta' persuna oħra suġġetta għall-VAT, terġa' tbiegħ dawn l-oġġetti b'telf lill-kumpannija intermedjarja (C), stabbilita fit-tieni Stat Membru. Il-bejgħ ulterjuri jista' għalhekk ikun bi profitt. Il-kumpannija B hi taxxabbli għal VAT fuq ix-xiri ta' dawn l-oġġetti, imma, peress li utilizzat l-istess oġġetti għall-tranżazzjonijiet taxxabbli, hi tibbenefika wkoll mid-dritt li tiġi mnaqqsa din il-VAT inkwantu t-taxxa ta' input. Għall-kuntrarju, hi trid tħallas it-taxxa output, iffatturata lill-kumpannija C, iżda din tisparixxi qabel tkun ħalset l-ammont lit-Teżor Pubbliku.
– Min-naħa tagħha l-kumpannija C terġa' tbiegħ min-naħa tagħha l-oġġetti kkonċernati lill-kumpannija oħra intermedjarja (D) fit-tieni Stat Membru, u tħallas l-output VAT dovuta lit-Teżor Pubbliku wara li tkun naqqset minnha l-input VAT mħallsa, u tibqa' sejra hekk sakemm kumpannija, fit-tieni Stat Membru, tesporta dawn l-oġġetti lejn Stat Membru ieħor. Din l-esportazzjoni hi eżenta mill-VAT imma l-kumpannija li tesporta għandha xorta waħda d-dritt li titlob il-ħlas lura ta' input VAT għax-xiri ta' l-imsemmija oġġetti. Meta x-xerrejja tkun l-kumpannija A, din tikkonsisti fi frodi vera tat-tip "carousel".
– Il-proċedura tista' tiġi ripetuta.
14 Fil-kawżi C-354/03 u C-355/03, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Kummissarji bbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-affermazzjoni li l-ewwel nett, f'dak li jikkonċerna x-xiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Optigen u Fulcrum ma kienux is-suġġetti tal-provvisti użati jew sabiex jiġu użati għall-bżonnijiet ta' attività kummerċjali għall-finijiet tal-VAT, b'tali mod li l-ammonti tal-VAT li presuntament tħallsu fl-okkażżjoni ta' dan ix-xiri ma jikkostitwixxux taxxi input skond il-liġi ta' l-1994 fuq il-VAT (Att dwar it-Taxxa fuq il-valur Miżjud, 1994). Sussegwentement, fir-rigward tal-VAT, il-bejgħ korrispondenti ma jikkostitwixxix provvisti effettwati fil-kuntest ta' attività kummerċjali u għalhekk ma joħolqu l-ebda dritt għal ħlas lura. Fl-aħħar, meta evalwati oġġettivament, ix-xiri u l-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu mingħajr sustanza ekonomika u ma kienux parti minn kuntest ta' attività ekonomika. Għalhekk, dan ix-xiri ma jistax jiġi kkunsidrat bħala provvisti użati jew li ser jintużaw għal bżonnijiet ta' tali attività, u dan il-bejgħ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala provvisti effettwati fil-kuntest ta' attività ekonomika għall-finijiet tal-VAT.
15 Optigen u Fulcrum ikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissarji quddiem il-VAT and Duties Tribunal, Londra. Dan għaqqad iż-żewġ kawżi.
16 Permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta' Mejju 2003, il-VAT and Duties Tribunal, Londra, ċaħad ir-rikorsi ppreżentati minn dawn il-kumpanniji, u ddeċida li l-Kummissarji kienu ġustament ikkunsidraw li t-tranżazzjonijiet in kwistjoni ma kienux jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT. Hu kkunsidra li operatur m'għandux dritt għal-ħlas lura ta' VAT input għal oġġetti li wara hu reġa' biegħ lill-kumpanniji stabbiliti barra mir-Renju Unit meta operatur li jonqos mill-obbligi tiegħu, jew operatur li uża numru tal-VAT użurpat ta' persuna oħra, daħal f'sensiela ta' provvisti, anke meta l-operatur li jitlob dan il-ħlas lura ma kien bl-ebda mod involut fin-nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligu jew fl-użurpazzjoni, tan-numru tal-VAT ta' persuna taxxabbli b'dannu għall-operatur l-ieħor, u ma kellu l-ebda għarfien b'dan kollu, u kif ukoll meta s-sensiela ta' provvisti li jkopru x-xiri u l-bejgħ ta' l-operatur ikkonċernat kienu jagħmlu parti, mingħajr ma kien jaf, minn frodi tat-tip "carousel" mwettqa minn terzi.
17 Optigen u Fulcrum appellaw mid-deċiżjoni tal-VAT and Duties Tribunal, Londra, quddiem il-High Court of Justice (Ingilterra u Wales), Chancery Division.
18 Fil-kawża C-484/03, jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Kummissarji osservaw li, sakemm l-għan tas-sensiela tal-provvisti inkwistjoni kien il-frodi, it-tranżazzjonijiet kollha li fformulaw dawn ta' l-aħħar, fosthom dawk effettwati minn Bond House, kienu mingħajr sustanza ekonomika. Minn dan kien isegwi li, peress illi it-tranżazzjonijiet illegali ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT, l-ammonti mħallsa fuq l-input minn Bond House lil fornituri tagħha bħala VAT ma kienux jikkostitwixxu ħlas tal-VAT u għalhekk din il-kumpannija ma kellhiex dritt għal ħlas lura ta' dawn l-ammonti.
19 F'Awwissu 2002, Bond House ppreżentat rikors quddiem il-VAT and Duties Tribunal, Manchester, kontra id-deċiżjoni tal-Kummissarji.
20 Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' April 2003, emendata b'addendum tat-8 ta' Mejju 2003, il-VAT and Duties Tribunal, Manchester, iddeċieda li 26 mis-27 –il xirja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi fis-sens tas-Sitt Direttiva u għalhekk kienu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT. Huwa kkonstata li dan ix-xiri kien jagħmel parti minn sensiela ta' tranżazzjonijiet b'għan frodulenti. Għalkemm Bond House ma kinitx taf b'dan l-għan u ma wettqet l-ebda ksur ta' liġi, dawn it-tranżazzjonijiet kienu mingħajr sustanza ekonomika u għalhekk iridu jiġu valutati skond kriterji oġġettivi. Għalhekk huwa irrilevanti l-fatt li l-attriċi fil-kawża prinċipali ma wettqet l-ebda ksur ta' liġi. Fl-aħħar, Bond House ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi sabiex tiġi milqugħa t-talba tagħha għal ħlas lura ta' l-input VAT u l-Kummissarji, meta ċaħdu lil imsemmija parti li għamlet it-talba għal dan il-ħlas lura, ma kienux kisru la l-prinċipji ta' proporzjonalità jew ta' ċertezza legali, u lanqas id-drittijiet tal-bniedem.
21 Għalhekk Bond House ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court of Justice (Ingilterra u Wales), Chancery Division.
Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22 Fil-kawżi C-354/03 et C-355/03, il-qorti tar-rinviju rrilevat li l-fatti tal-kawża prinċipali huma preżuntament stabbiliti. Hi semmiet il-fatti li ġejjin bħala pertinenti:
– Kien hemm frodi ta' tip "carousel".
– Optigen u Fulcrum, partijiet innoċenti, ma kienux parti minn din il-frodi, frodi li huma ma kienux jafu biha u ma kellhomx raġuni li jkunu jafu biha, ħlief inkwantu klijenti ordinarji ta' kummerċjant u fornituri ordinarji ta' kumpannija stabbilta fi Stat Membru ieħor.
– Optigen u Fulcrum ma kellhom l-ebda kuntatt ma' l-operatur li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu jew li uża numru tal-VAT użurpat ta' persuna taxxabbli.
– Id-9 xirjiet magħmula minn Fulcrum u li għalihom il-ħlas lura tal-VAT kien ġie miċħud ma kienux jidhrulu differenti mill-467 xirja oħra li hi għamlet matul it-tliet xhur kkonċernati.
– Fid-data li fiha Optigen u Fulcrum xtraw l-oġġetti u ħallsu l-input VAT il-"carousel" ma kienx intlaħaq u l-operatur li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu kien għadu ma "għebx", b'tali mod li wieħed minn dawn l-avvenimenti seta' ma kienx ser iseħħ.
23 Fil-kawża C-484/03, il-qorti tar-rinviju rrilevat li Bond House kkontestat numru limitat ta' konstatazzjonijiet ta' fatti jew tal-konklużjonijiet tal-VAT and Duties Tribunal, Manchester. Il-fatti li ġejjin huma fost dawk li ma ġewx ikkontestati:
– Bond House kienet ikkunsidrata pożittivament mill-Kummissarji u ma kinitx issuspettata bl-ebda frodi tal-VAT.
– Din il-kumpannija ma kinitx taf l-eżistenza tal-frodi allegata mill-Kummissarji u ma aġġixxietx b'mod imprudenti.
– Bond House ma nnegozjat ma' l-ebda wieħed mill-fornituri li kienu, skond il-Kummissarji, aġixxew f'mod frodulenti.
– It-tranżazzjonijiet kollha magħmula minn Bond House kif ukoll dawk li ġew imwettqa qabel u wara li din il-kumpannija kienet xtrat u biegħet il-merkanzija kkonċernata kienu reali: matul kull operazzjoni, din il-merkanzija biddlet l-idejn u tat lok għal ħlas.
– It-tranżazzjonijiet li l-VAT and Duties Tribunal, Manchester, sabhom mingħajr sustanza ekonomika, ma kienux differenti minn tranżazzjonijiet oħra mwettqa minn Bond House u li s-sustanza ekonomika tagħhom ma ġietx ikkontestata peress li xejn ma kien jindika li huma kienu jiffurmaw parti minn frodi tat-tip "carousel".
24 Bond House sostniet sostanzjalment li, peress li x-xiri u l-provvisti inkwistjoni fil-kawża prinċipali verament kienu saru, ma jistax jiġi affermat li dawn ma jikkostitwixxux "provvisti" jew "attivitajiet ekonomiċi" għall-finijiet tal-VAT biss minħabba l-fatt li, f'punt ieħor tas-sensiela tal-provvisti, u mingħajr ma Bond House ma kellha għarfien, persuna frodulenti ħarġet fattura bil-VAT lil klijent iżda ma ddikjarathiex lill-Kummissarji. Barra minn hekk, m'hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li t-tranżazzjonijiet li ġew imwettqa qabel, jew wara, it-twettiq tal-frodi u li jinvolvu persuni li ma kienux jafu bl-eżistenza ta' din il-frodi jew tal-persuna frodulenti, kienu jagħmlu parti mill-imsemmija frodi jew mill-pjan tal-persuna frodulenti. Id-deċiżjoni tal-VAT and Duties Tribunal, Manchester, hija kontra l-ispirtu tas-sistema tal-VAT. Inkwantu mezz għal ġlieda kontra l-frodi, din id-deċiżjoni hija sproporzjonata u jista' jkollha effett ta' deterrent fuq il-kummerċ leġittimu, bi ksur ta' l-Artikolu 28 KE. L-imsemmija deċiżjoni hija wkoll kuntrarja għall-prinċipju taċ-ċertezza legali peress illi persuni taxxabbli ma jistgħux joħorġu aktar fatturi li jinkludu l-VAT, jew jimlew id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħhom, b'minimu ta' ċertezza.
25 Il-Kummissarji jsostnu, sostanzjalment, li t-tranżazzjonijiet mwettqa fil-kuntest ta' frodi tat-tip "carousel" ma jikkostitwixxux attività ekonomika fis-sens tas-Sitt Direttiva. Is-26 operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk kienu mingħajr sustanza ekonomika u kienu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva. Dawn it-tranżazzjonijiet ma kienux parti minn "attività ekonomika" u ma kienux "provvisti" għal, jew magħmula minn Bond House. Id-deċiżjoni li ċaħdet lil din ta' l-aħħar il-ħlas lura tal-VAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienet twassal għall-ebda ksur tal-prinċipji ta' proporzionalità, ta' certezza legali jew tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.
26 Kien f'dan il-kuntest li l-High Court of Justice (Ingilterra u Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:
Fil-kawżi C-354/03 et C-355/03:
"1) Fis-sistema komuni tal-VAT, u fid-dawl ta' l-Ewwel Direttiva […] u tas-Sitt Direttiva […], id-dritt ta' operatur li jitħallas lura l-VAT mħallsa fuq tranżazzjoni għandu jiġi determinat b'referenza għal:
a) l-operazzjoni speċifika biss li fiha l-operatur ħa sehem inklużi l-motivi tiegħu sabiex jieħu parti, jew
b) t-totalità ta' l-operazzjonijiet, inklużi t-tranżazzjonijiet sussegwenti, li jikkomponu sensiela ta' provvisti ċirkolari, fejn t-tranżazzjoni speċifika tifforma parti, inklużi l-motivi ta' parteċipanti oħra fis-sensiela, li l-operatur ma kienx jaf bihom u/jew ma setax ikun jaf bihom, u/jew
c) l-atti u intenzjoni frodulenti, li seħħew qabel jew wara t-tranżazzjoni speċifika, ta' atturi oħra fis-sensiela ċirkolari li l-involviment tagħhom fiha ma kienx magħruf għall-operatur u li dan ma kienx jaf u/jew ma setax ikun jaf bl-atti u l-intenzjonijiet ta' l-imsemmija parteċipanti, jew
d) kriterju ieħor u, jekk hu l-każ, għal-liema?
2) L-esklużjoni, mis-sistema tal-VAT, ta' tranżazzjonijiet li fihom ipparteċipat parti innoċenti, imma li jikkostitwixxu rabtiet ma' frodi tat-tip "carousel" magħmula minn terzi, tikser il-prinċipji ġenerali ta' proporżjonalità, ta' trattament ugwali jew ta' ċertezza legali?"
Fil-kawża C-484/03:
"1) Fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju (b'mod partikulari, il-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sigurtà ġuridika) u ta' l-Artikolu 28 [KE]:
a) f'ċirkustanzi rilevanti, il-parti li għamlet it-talba hija 'persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali' skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva meta, fis-26 operazzjoni, hi xtrat il-mikroproċessuri minn bejjiegħa brittaniċi u reġgħet biegħthom lil xerrejja li mhumiex brittaniċi?
b) f'dawn iċ-ċirkostanzi pertinenti, il-parti li għamlet it-talba teżerċità "attività ekonomika" skond l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva meta, fis-26-il tranżazzjoni, hi xtrat il-mikroproċessuri minn bejjiegħa britanniċi u biegħethom lil xerrejja li mhumiex britanniċi?
c) f'ċirkustanzi rilevanti, ix-xiri mill-parti li għamlet it-talba, fis-26-il tranżazzjoni, tal-mikroproċessuri mingħand bejjiegħa britanniċi kien xiri ta' 'provvista ta' oġġetti' għall-parti li għamlet it-talba skond l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva?
d) f'ċirkostanzi rilevanti, il-bejgħ mill-parti li għamlet it-talba, fis-26-il tranżazzjoni, tal-mikroproċessuri lill-bejjiegħa mhux britanniċi kien bejgħ ta' 'provvista ta' oġġetti' mill-parti li għamlet it-talba skond l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva?
2) Hemm lok sabiex jiġi kkonstatat, fir-rigward tar-risposti għall-ewwel mistoqsija (a) sa (d) iktar 'il fuq, li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Kommunitarju ġew miksura (b'mod partikolari l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' ċertezza legali)?"
27 Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2003, il-kawżi C-354/03 u C-355/03 ġew magħquda għall-iskopijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll tas-sentenza.
28 Sussegwentement, b'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta' Ġunju 2004, dawn il-kawżi ġew mal-kawża C-484/03 għall-iskopijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.
Fuq l-ewwel domandi
29 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha f'kull waħda mill-kawżi, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tixtieq tkun taf, minn naħa, jekk tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li mhumiex vizzjati bil-frodi tal-VAT, imma li huma parti minn sensiela ta' provvisti fejn tranżazzjoni oħra, li saret qabel jew wara dawn it-tranżazzjonijiet, hi vizzjata b'tali frodi, mingħajr ma' l-operatur ekonomiku li beda l-ewwel tranżazzjonijiet kien jaf biha jew seta' jkun jaf biha, jikkostwixxux provvisti ta' oġġetti magħmula minn persuna taxxabli li taġixxi bħala tali u attività ekonomika skond l-Artikoli 2(1) 4 u 5(1), tas-Sitt Direttiva u, minn naħa l-oħra, jekk, f'dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt ta' dan l-operatur ekonomiku li jnaqqas l-input VAT jistax jiġi limitat.
Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30 Optigen u Fulcrum issotnu li fis-sistema komuni tal-VAT, u fir-rigward ta' l-Ewwel u s-Sitt Direttivi, id-dritt ta' operatur għal ħlas lura tat-taxxa mħallsa minħabba tranżazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tat-tranżazzjoni speċifika li fiha l-operatur ħa sehem, inklużi l-motivi tiegħu li jieħu sehem fiha, u mhux b'referenza għat-tranżazzjonijiet li saru qabel jew wara fejn dan l-operatur ma kienx jew ma setgħax ikun jaf, u lanqas b'referenza għall-atti u l-intenzjonijiet frodulenti ta' operaturi oħra, li l-involviment ta' dawn mhix magħrufa għal dan l-operatur u li dan ma kienx u/jew ma setax ikun jaf biha.
31 Skond Bond House, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-kawża C-484/03 għandha tkun fl-affermattiv.
32 Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li fis-sistema komuni tal-VAT u fid-dawl ta' l-Ewwel u s-Sitt Direttivi, id-dritt ta' operatur għall-ħlas lura tat-taxxa mħallsa minħabba operazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kollha, inklużi tranżazzjonijiet ulterjuri, li jifformaw cirku ta' provvvisti f'sensiela fejn it-tranżazzjoni speċifika tkun parti minnhom, u għandhom jiġu kkunsidrati l-motivi tal-partijiet l-oħra f'din is-sensiela li dan l-operatur ma kienx u /jew ma setax ikun jaf bihom, u ta' l-atti u l-intenzjonijiet frodulenti, qabel jew wara t-transazzjoni speċifika, tal-partijiet l-oħra tas-sensiela ċirkulari fejn l-imsemmi operatur ma kienx jaf bl-involviment tagħhom u fejn hu ma kienx u/jew ma setax ikun jaf bihom. It-tranżazzjonijiet kollha tas-sensiela ta' provvisti fejn l-uniku għan hu li tiġi kommessa frodi fis-sistema tal-VAT, għaldaqstant, jaqgħu totalment barra mill-kamp ta' applikazzjoni tas-Sitt Direttiva u l-fatt li ċerti tranżazzjonijiet minn dawn involvew operatur innoċenti mhux tali jwassal biex jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva.
33 Il-Gvern Ċek isostni li, minħabba li l-għan imfittex minn dawn it-tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hu illegali, dawn m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi skond is-Sitt Direttiva.
34 Skond il-Gvern Daniż, minn naħa, hija l-persuna taxxabbli li tixtieq tnaqqas il-VAT għall-"provvista ta' oġġett" li għandha turi li d-dritt li wieħed jiddisponi mill-merkanzija bħala proprjetarju ġie konkretament trasferit lill-interessat u, minn naħa l-oħra, tranżazzjonijiet magħmula f'ċirku magħluq ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT, peress illi l-persuna kkonċernata, billi daħlet f'dan iċ-ċirku, ma kinitx qed taġixxi bħala persuna taxxabbli.
35 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li fis-sistema komuni tal-VAT, u fid-dawl ta' l-Ewwel u s-Sitt Direttivi, id-dritt ta' operatur għall-ħlas lura tal-VAT imħallsa fuq transazzjoni għandha tiġi vvalutata b'referenza għat-transazzjoni speċifika li fiha dan l-operatur kien parti. It-tranżazzjonijiet li ma kienx jaf bihom u l-atti jew l-intenzjonijiet frodulenti ta' parteċipanti oħra fis-sensiela tal-provvisti, li l-involviment tagħhom hu ma kienx jaf bih, ma jaffettwawx dan id-dritt. Għaldaqstant l-esklużjoni mis-sistema tal-VAT ta' transazzjoni li trid tiġi kkunsidrata bħala operazzjoni taxxabbli tmur kontra s-Sitt Direttiva.
Il-Valutazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 L-ewwelnett għandu jiġi mfakkar li s-Sitt Direttiva tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT bbażata, b'mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2003, MGK-Kraftfahrzeuge-Factoring, C-305/01, Ġabra p. I-6729, punt 38).
37 F'dan ir-rigward, is-Sitt Direttiva tassenja kamp ta' applikazzjoni wiesa' ħafna lil VAT billi ssemmi, fl-Artikolu 2, dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli, minbarra l-importazzjonijiet ta' oġġetti, il-provvisti ta' oġġetti u s-servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.
38 Għal dak li jikkonċerna l-ewwel nett il-kunċett ta' "provvisti ta' oġġetti", l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva, jippreċiża li hu kkunsidrat bħala tali provvista t-trasferiment tad-dritt ta' sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.
39 Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan il-kunċett jinkludi t-tranżazzjonijiet kollha ta' trasferiment ta' oġġett korporali minn parti li tawtorizza lil parti l-oħra sabiex fil-fatt tiddisponi minn dan l-oġġett bħal li kieku hi kienet il-proprjetarja (ara, b'mod partikolari, sentenzi tat-8 ta' Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, Ġabra p. I-285, punt 7, u tal-21 ta' April 2005, C-25/03, HE, Ġabra p. I-3123, punt 64).
40 Sussegwentement, skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, huwa kkunsidrat bħala persuna taxxabbli kull min b'mod indipendenti iwettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
41 Il-kunċett ta' "attivitajiet ekonomiċi" huwa definit fl-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha" tal-produttur, tal-kummerċjant jew ta' min jipprovdi servizzi u, skond il-ġurisprudenza, din tinkludi l-istadji kollha tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u ta' l-għotja tas-servizzi (ara, b'mod partikulari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 1990, Van Tiem, C-186/89, Ġabra p. I-4363, punt 17, u MGK-Kraftfahrzeuge-Factoring, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42).
42 Fl-aħħarnett, in kwantu l-kunċett ta' "persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali", jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-persuna taxxabbli taġixxi taħt din il-kwalità meta hi twettaq tranżazzjonijiet fil-kuntest ta' l-attività taxxabbli tagħha (ara, f'dan is-sens is-sentenzi ta' l-4 ta' Ottubru 1995, Armbrecht, C-291/92, Ġabra p. I-2775, punt 17, u tad-29 ta' April 2004, EDM, C-77/01, Ġabra p. I-4295, punt 66).
43 Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat f'punt 26 tas-sentenza tat-12 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni vs il-Greċja (C-260/98, Ġabra p. I-6537), l-analiżi tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta' persuna taxxabbli u ta' l-attivitajiet ekonomiċi turi b'mod ċar li l-kamp ta' applikazzjoni kopert mill-kunċetti ta' attivitajiet ekonomiċi huwa wiesa' u l-karattru oġġettiv tagħhom, fis-sens li l-attività nnifisha hi kkunsidrata, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha (ara, wkoll, is-sentenza tas-26 ta' Marzu 1987, il-Kummissjoni vs l-Olanda, 235/85, Ġabra p.1471, punt 8, kif ukoll, f'dan is-sens, b'mod partikulari is-sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1985, Rompelman, 268/83, Ġabra p. 655, punt 19¸ u tas-27 ta' Novembru 2003, Zita Modes, C-497/01, Ġabra p. I-14393, punt 38).
44 Fil-fatt l-imsemmija analiżi kif ukoll dik tal-kunċetti tal-provvisti ta' oġġetti u tal-persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali juru li dawn il-kunċetti, li jiddefinixxu t-tranżazzjonijiet taxxabbli skond is-Sitt Direttiva, għandhom kollha karattru oġġettiv u li dawn japplikaw indipendentement mill-għanijiet u r-riżultati tat-tranżazzjonijiet kkonċernati.
45 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 24 tas-sentenza tas-6 ta' April 1995, BLP Group (C-4/94, Ġabra p. I-983), l-obbligu ta' l-awtorità tat-taxxa li tipproċedi għall-investigazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-intenzjoni tal-persuna taxxabbli imur kontra l-għanijiet tas-sistema komuni tal-VAT li tassigura ċ-ċertezza legali u tiffaċilita l-atti inerenti għall-applikazzjoni tal-VAT billi tittieħed in kunsiderazzjoni, ħlief f'każijiet eċċezzjonali, in-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni kkonċernata.
46 Ikun a fortiori imur kontra dawn l-imsemmija għanijiet l-obbligu ta' l-awtorità tat-taxxa, sabiex tiddetermina jekk tranżazzjoni tikkostitwixxix provvista mwettqa minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u attività ekonomika, li tieħu in kunsiderazzjoni l-intenzjoni ta' operatur barra minn dik tal-persuna taxxabbli kkonċernata li pparteċipat fl-istess sensiela ta' provvisti u/jew in-natura eventwalment frodulenti, li biha din il-persuna taxxabbli ma kinitx u ma setgħatx tkun taf, ta' tranżazzjoni oħra li kienet tagħmel parti minn din is-sensiela, qabel jew wara t-tranżazzjoni magħmula mill-imsemmija persuna taxxabbli.
47 Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull transazzjoni għandha tiġi kkunsidrata għaliha u n-natura ta' tranżazzjoni partikulari fis-sensiela tal-provvisti fil-fatt ma għandhiex tiġi affettwata bl-avvenimenti li jsiru qabel jew wara.
48 Fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata mill-Gvern tar-Renju Unit li skond dan il-kwalità tal-persuna taxxabbli tiġi definittivament akkwistata biss jekk id-dikjarazzjoni ta' l-intenzjoni li tibda l-attivitajiet ekonomiċi maħsuba tkun saret in bona fide mill-interessat (ara, b'mod partikulari, s-sentenzi tat-8 ta' Ġunju 2000, Breitsohl, C-400/98, Ġabra p. I-4321, punt 39, u tal-21 ta' Marzu 2000, Gabalfrisa et., C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 46), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-kwistjoni ta' l-intenzjoni li tibda, u għalhekk li tmexxi, attivitajiet ekonomiċi u mhux dik tal-finalità mfittxa minn dawn l-attivitajiet.
49 In kwantu għall-argument tal-Gvern tar-Renju Unit ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas ta' assuġġettar għal VAT ta' tranżazzjonijiet illegali, għandu jiġi mfakkar li, minn naħa, din il-ġurisprudenza tipprevedi merkanziji li, minħabba in-natura tagħhom stess u tal-karatteristiċi partikulari tagħhom, ma jistgħux jitpoġġew fil-kummerċ leċitu u lanqas li jiġu integrati f'ċirku ekonomiku. Min naħa l-oħra, jidher minn ġurisprudenza kostanti li l-prinċipju ta' newtralità fiskali huwa kontra distinzjoni ġenerali bejn it-tranżazzjonijiet leċitu u t-tranżazzjonijiet illeċitu. Jirriżulta li l-kwalifikazzjoni ta' komportament bħala wieħed ta' tmaqdir, waħidha ma twassalx għall-eċċezzjoni għall-impożizzjoni. Tali eċċezzjoni hija kkunsidrata biss f'sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom, minħabba karatteristiċi partikulari ta' ċerti merkanziji jew ta' ċerti prestazzjonijiet, il-kompetizzjoni kollha bejn is-settur ekonomiku leċitu u s-settur illeċitu hi eskluża (ara, b'mod partikulari, is-sentenzi tad-29 ta' Ġunju 1999, Coffeeshop "Siberië", C-158/98, Ġabra p. I-3971, punti 14 u 21, kif ukoll tad-29 ta' Ġunju 2000, Salumets et, C-455/98, Ġabra p. I-4993, punt 19).
50 Issa, huwa kostanti li dan ma kienx il-każ tal-mikroproċesuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
51 Isegwi li tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma stess mhumiex vizzjati bi frodi tal-VAT, jikkostitwixxu provvisti ta' oġġetti li saru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u attività ekonomika skond l-Artikoli 2 (1), 4 u 5(1), tas-Sitt Direttiva, inkwantu huma jissodisfaw kriterji oġġettivi li fuqhom huma fonduti l-imsemmija kunċetti, indipendentement mill-intenzjoni ta' operatur differenti mill-persuna taxxabbli kkonċernata li ħadet sehem fl-istess sensiela ta' provvisti u/jew in-natura eventwalment frodulenti, li biha l-persuna taxxabbli ma kinitx jew ma setgħetx tkun taf, ta' tranżazzjoni oħra li kienet tagħmel parti minn din is-sensiela ta' provvisti, qabel jew wara t-tranżazzjoni magħmula mill-imsemmija persuna taxxabbli.
52 Id-dritt ta' persuna taxxabbli li jwettaq tali tranżazzjonijiet li tnaqqas l-input VAT lanqas m'għandu jiġi affettwat miċ-ċirkostanza li fis-sensiela ta' provvisti li minnhom dawn it-tranżazzjonijiet huma parti, mingħajr ma' l-persuna taxxabbli tkun taf jew tista' tkun taf, li tranżazzjoni oħra, li sseħħ qabel jew wara dik li titwettaq minn dan ta' l-aħħar, hi vizzjata bi frodi tal-VAT.
53 Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f'diversi drabi, id-dritt għal tnaqqis prevvist fl-Artikoli 17 et seq tas-Sitt Direttiva jagħmlu parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u fil-prinċipju, ma jistax jiġi limitat. Id-dritt għal tnaqqis għandu jiġi eżerċitat immedjatament fir-rigward tat-taxxi kollha imposti fuq it-tranżazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-inputs. (ara, b'mod partikulari, is-sentenzi tas-6 ta' Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I-1883, punt 18, u Gabalfrisa et, iċċitati iktar 'il fuq, punt 43).
54 Id-domanda sabiex jiġi stabbilit jekk il-VAT dovuta fuq tranżazzjonijiet ta' bejgħ li saru qabel jew wara fir-rigward ta' l-oġġetti kkonċernati tħallsitx lit-Teżor Pubbliku ma taffettwax id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas l-input VAT (ara, f'dan is-sens, digriet tat-3 ta' Marzu 2004, Transport Service, C-395/02, Ġabra p. I-1991, punt 26). Jirriżulta minn ġurisprudenza konstanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li, skond il-prinċipju fundamentali inerenti tas-sistema komuni tal-VAT u kif jirriżulta mill-Artikoli 2 ta' l-Ewwel u s-Sitt Direttivi, il-VAT tapplika għal kull tranżazzjoni ta' produzzjoni jew ta' distribuzzjoni, wara li titnaqqas it-taxxa direttament imposta fuq l-ammont tad-diversi elementi kostituttivi tal-prezz (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Ġunju 2000, Midland Bank, C-98/98, Ġabra p. I-4177, punt 29, u Zita Modes, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).
55 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari f'kull waħda mill-kawżi għandha tkun li tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li m'humiex per se vizzjati bi frodi tal-VAT, jikkostitwixxu provvisti ta' oġġetti mwettqa minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u attività ekonomika skond l-Artikoli 2 (1), 4 u 5(1), tas-Sitt Direttiva peress illi jissodisfaw il-kriterji oġġettivi li fuqhom huma bbażati l-imsemmija kunċetti, indipendentement mill-intenzjoni ta' operatur differenti barra mill-persuna taxxabbli kkonċernata li ipparteċipa fl-istess sensiela ta' provvisti u/jew in-natura eventwalment frodulenti li biha, din il-persuna taxxabbli ma kinitx u ma setgħetx tkun taf, ta' tranżazzjoni oħra li kienet tagħmel parti minn din is-sensiela, qabel jew wara t-tranżazzjoni magħmula mill-imsemmija persuna taxxabbli. Id-dritt ta' persuna taxxabbli li twettaq tranżazzjonijiet bħal dawn li tnaqqas l-input VAT m'għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li fis-sensiela ta' provvisti li huma parti minnhom dawn it-tranżazzjonijiet, mingħajr ma' din l-istess persuna taxxabbli tkun taf jew setgħet tkun taf, tranżazzjoni oħra, qabel jew wara dik imwettqa minn din ta' l-aħħar, hi vizzjata bi frodi tal-VAT.
Fuq it-tieni domanda
56 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda f'kull waħda mill-kawżi, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda għal kull waħda minn dawn il-kawżi.
Fuq l-ispejjeż
57 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:
Tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li m'humiex per se vizzjati bi frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jikkostitwixxu provvisti ta' oġġetti mwettqa minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u attività ekonomika skond l-Artikoli 2 (1), 4 u 5(1), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud bażi uniformi ta' stima (77/388/KEE), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill Nru. 95/7/KE ta' l-10 ta' April 1995, peress illi jissodisfaw il-kriterji oġġettivi li fuqhom huma bbażati l-imsemmija kunċetti, indipendentement mill-intenzjoni ta' operatur differenti barra mill-persuna taxxabbli kkonċernata li ipparteċipa fl-istess sensiela ta' provvisti u/jew in-natura eventwalment frodulenti li biha, din il-persuna taxxabbli ma kinitx u ma setgħetx tkun taf, ta' tranżazzjoni oħra li kienet tagħmel parti minn din is-sensiela, qabel jew wara t-tranżazzjoni magħmula mill-imsemmija persuna taxxabbli. Id-dritt ta' persuna taxxabbli li twettaq tranżazzjonijiet bħal dawn li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud input m'għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li fis-sensiela ta' provvisti li huma parti minnhom dawn l-tranżazzjonijiet, mingħajr ma' din l-istess persuna taxxabbli tkun taf jew setgħet tkun taf, tranżazzjoni oħra, qabel jew wara dik imwettqa minn din ta' l-aħħar, hi vizzjata bi frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.