Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Avviż Legali Importanti

|

62003J0376



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-376/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-24 ta' Lulju 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-8 ta' Settembru 2003, fil-proċedura

D.

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Particulieren/Ondernemingen buitenland te Heerlen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u A. Borg Barthet, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr (Relatur), M. Ilei, J. Malenovsk, J. Kluka u U. Lhmus, Imħallfin

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

- għal D., minn D. M. Weber u E.M.S. Spierts, advocaten,

- għal l'Inspecteur van de Belastingdienst/Particulieren/Ondernemingen buitenland te Heerlen, minn G. P. Soethoudt, bħala aġent,

- għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u J. G. M. van Bakel, bħala aġenti,

- għall-Gvern Belġjan, minn E. Dominkovits, bħala aġent,

- għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann, bħala aġent,

- għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Jurgensen-Mercier, bħala aġenti,

- għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Bethell u K. Manji, bħala aġenti, assistiti minn D. Wyatt, QC,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u A. Weimar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 73 B u 73D tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 56KE u 58KE).

2. Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sur D., residenti Ġermaniż, kontra l-Ispettur van de Belastingdienst/Particulieren/Ondernemingen buitenland te Heerlen (amministrazzjoni fiskali Olandiża) rigward ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jagħtih il-benefiċċju ta' tnaqqis ta' taxxa fuq il-proprjetà.

Il-kuntest ġuridiku

Il-liġi dwar it-taxxa fuq il-proprjetà

3. Fil-perjodu tal-fatti prinċipali, ir-Renju ta' l-Olanda kienet applikat taxxa fuq il-proprjetà bbażata fuq il-liġi tas-16 ta' Diċembru 1964 dwar it-taxxa fuq il-proprjetà (Wet op de vermogensbelasting 1964, Stbl. 1964, p. 520, iktar 'il quddiem il-Wet VB). Din kienet tirrigwarda t-taxxa diretta fuq il-patrimonju, fejn ir-rata hija ta' 8 għal kull 1 000 ta' l-ammont.

4. Skond l-Artikolu 1 tal-Wet VB, fl-abbozzar tagħha applikabbli għas-sena fiskali fil-kawża prinċipali, kienu suġġetti għat-taxxa fuq il-proprjetà l-persuni naturali kollha residenti fl-Olanda (il-persuni residenti li jħallsu t-taxxa) kif ukoll dawk li li, anke jekk residenti f'dak l-Istat membru, għandhom patrimonju f'dak il-pajjiż (il-persuni mhux residenti li jħallsu t-taxxa).

5. Skond l-Artikolu 3(1) u (2) ta' din il-liġi, ir-residenti li jħallsu t-taxxa huma ntaxxati fuq il-bażi tal-patrimonju dinji tagħhom fil-bidu tas-sena ċivili. Il-proprjetà taxxabbli tagħhom hija ugwali għall-valur tal-proprjetà kollha tagħhom imnaqqsa bl-ammont tad-djun kollha tagħhom.

6. Skond l-Artikolu 12 ta' din il-liġi, il-persuni mhux residenti li jħallsu t-taxxa huma ntaxxati fir-rigward tal-patrimonju li jippossjedu ġewwa l-Olandu fil-bidu tas-sena ċivili kkonċernata. Il-proprjetà taxxabbli tagħhom hija ugwali għal valur tal-proprjetà tagħhom li tinsab fl-Olanda imnaqqsa bil-valur tad-djun tagħhom f'dak l-Istat membru.

7. L-Artikolu 14(2) tal-Wet VB jgħid li l-persuni residenti li jħallsu t-taxxa jibbenefikaw minn tnaqqis applikat għall-patrimonju dinji tagħhom filwaqt li l-persuni mhux residenti li jħallsu t-taxxa, li huma ntaxxati fuq il-patrimonju tagħhom fl-Olanda, ma jibbenefikawx minn dan it-tnaqqis.

8. Skond l-Artikolu 14(3) ta' din il-liġi, l-ammont ta' tnaqqis ivarja skond il-persuni residenti li jħallsu t-taxxi relatati mal-klassi ta' taxxa I, fir-rigward ta' persuni waħedhom jew mal-klassi ta' taxxa II, li tikkonċerna l-koppji miżżewġa. Dan jogħla, għas-sena fiskali tal-kawża prinċipali, għal 193 000 NLG għall-ewwel klassi u għal 241 000 NLG għat-tieni klassi.

9. Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' April 2003, meħuda fuq il-bażi ta' deċiżjoni tal-Gerechtshof te 's-Gravenhage tat-18 ta' Lulju 2000, il-Ministru tal-Finanzi aċċetta li dak it-tnaqqis kellu japplika wkoll għal persuni mhux residenti li jħallsu t-taxxa, meta 90% mill-inqas ta' l-ammont tal-proprjetà jinżamm fl-Olanda.

Il-Konvenzjoni sabiex jiġu evitati t-taxxi doppji

10. Il-Konvenzjoni bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju ta' l-Olanda li għandha l-għan li tiġi evitata t-taxxa doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-proprjetà u sabiex tirregola ċerti kwistjonijiet oħra fil-qasam fiskali, ġiet iffirmata fid-19 ta' Ottubru 1970 (iktar 'il quddiem il-Konvenzjoni Belġjana-Olandiża).

11. L-Artikolu 23(1) ta' dik il-Konvenzjoni li jinsab taħt il-kapitlu dwar it-taxxa fuq il-propjetà, jgħid:

Il-proprjetà kkostitwita minn proprjetà immobbli, [...], hija taxxabbli fl-Istat fejn dik il-proprjetà tinsab.

12. L-Artikolu 24 ta' din il-Konvenzjoni jinsab taħt il-kapitolu intitolat Dispożizzjonijiet preventivi tat-taxxa doppja. Il-paragrafi (1) u (2) jirrigwardaw rispettivament ir-residenti ta' l-Olanda u dawk tal-Belġju. Skond il-paragrafu 1, punt 1 ta' dan l-Artikolu tiegħu, l-Olanda tista', meta tintaxxa r-residenti tagħha, tinkludi fil-bażi taxxabbli fatturi tad-dħul jew tal-proprjetà li, konformement mad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, huma taxxabbli fil-Belġju. Il-punt 2 ta' l-istess paragrafu jgħid li, f'dan il-każ, tnaqqis fuq l-ammont tat-taxxa jiġi applikat sabiex tiġi kkunsidrata t-taxxa mħallsa fil-Belġju u jistabbilixxi regola tal-kalkolu ta' dak it-tnaqqis. Il-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu fih dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għar-residenti tal-Belġju li kellhom dħul ta' provenjenza mill-Olanda.

13. L-Artikolu 25(3) tal-Konvenzjoni Belġjana-Olandiża ntitolat Non-diskriminazzjoni, jgħid:

Il-persuni naturali residenti f'wieħed mill-Istati li jibbenefikaw fi Stat ieħor minn tnaqqis personali, tnaqqis u riduzzjonijiet li huma mogħtija minn dak l-Istat l-ieħor għar-residenti proprji tiegħu minħabba s-sitwazzjoni tagħhom jew minħabba r-responsabbiltajiet tal-familja tagħhom.

Il-leġiżlazzjoni dwar ir-rimbors ta' l-ispejjeż legali

14. Skond il-liġi ġenerali dwar il-liġi amministrattiva (Algemene Wet Bestuursrecht) u tas-sentenza fuq l-ispejjeż legali (Besluit proceskosten bestuursrecht), ir-rimbors ta' l-ispejjeż legali huwa ddeterminat skond sistema ta' rata fissa. L-atti effettwati minn professjonista tal-liġi jiġu attribwiti punti li jissarfu f' ammont ta' rimbors. F' ċerti każijiet, huwa possibbli li jidderoga minn dik is-sistema u li jieħu ammont ta' rimbors aktar għoli.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15. Is-Sur D. huwa residenti fil-Ġermanja. Fl-1 ta' Jannar 1998, 10% ta' l-ammont tal-proprjetà tiegħu kienet ikkostitwita minn proprjetà immobbli li tinsab fl-Olanda, il-bqija kienet tinsab fil-Ġermanja. Konformement ma' l-Artikolu 1 tal-Wet VB, l-interessat kien suġġett għal taxxa fuq il-propjetà, bħala persuna mhux residenti li tħallas it-taxxa, fis-sena 1998.

16. Għalkemm ma kellux 90% ta' l-ammont tal-proprjetà tiegħu fl-Olanda, is-Sur D. talab li jibbenefika mit-tnaqqis li jinsab fl-Artikolu 14(2) tal-Wet VB, skond id-dritt komunitarju. Id-domanda tiegħu madankollu ġiet miċħuda mill-ispettur tat-taxxi.

17. Għaldaqstant is-Sur D ressaq rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad dik id-domanda quddiem il-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch, fejn in sostenn tiegħu huwa invoka l-eżistenza ta' diskriminazzjoni fir-rigward partikolarment tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 56KE u 58KE kif ukoll tal-Konvenzjoni Belġjana-Olandiża.

18. Is-Sur D jikkontesta wkoll il-leġittimità tal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar ir-rimbors ta' l-ispejjeż legali għar-raġuni li, anke jekk l-argumenti tiegħu kienu ġew milqugħa, huwa ma setgħax jiġi rimborsat ħlief b'mod limitat, li kien jirrendi diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mis-sistema ġuridika komunitarja.

19. Quddiem id-dubji għal dak li jikkonċerna l-argumenti tad-dritt komunitarju mressqa mis-Sur D., il-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lil Qorti:

1) Id-dritt komunitajru, u b'mod partikolari l-Artikoli 56KE u segwenti, jopponu l-leġiżlazzjoni bħal dik fil-proċedura prinċipali, li fiha persuna residenti li tħallas it-taxxa għandha dejjem id-dritt li tibbenefika minn tnaqqis fil-kuntest tat-taxxa fuq il-propjetà, meta persuna mhux residenti li tħallas it-taxxa m'għandhiex dan id-dritt meta l-patrimonju tagħha tinsab il-parti kbira tagħha fl-Istat tar-residenża tagħha (fejn ebda taxxa fuq il-proprjetà ma kienet miġbura)?

2) Fil-każ ta' risposta negattiva, is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ tal-fatt li, fl-applikazzjoni ta' trattat bilaterali, l-Olanda tirrikonoxxi d-dritt għal dak it-tnaqqis għal persuni li jgħixu fil-Belġju (fejn mhemmx aktar it-taxxa fuq il-propjetà), li jsibu ruħhom għaldaqstant f'ċirkustanzi li jistgħu jitqabblu?

3) Fil-każ ta' risposta affermattiva għal waħda miż-żewġ domandi preċedenti, huwa l-każ, f'kawża fejn il-parti rebħet il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali minħabba ksur tad-dritt komunitajru mwettaq minn Stat membru, id-dritt komunitarju jopponi leġiżlazzjoni fir-rigward ta' l-ispejjeż tal-proċess bħalma għadna f'dan il-każ, skond id-dispożizzjonijiet li fihom l-ispejjeż tal-proċess ma jistgħux bħala prinċipju jagħtu lok ħlief għal ħlas ta' kumpens limitat?

Dwar l-ewwel domanda

Osservazzjonijiet imressqa lil Qorti

20. Is-Sur D isostni li leġiżlazzjoni bħal dik Olandiża fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment ħieles tal-kapital, li jmur kontra l-Artikolu 56KE u li mhuwiex ġustifikat mill-Artikolu 58KE, għar-raġuni li dan joħloq diskriminazzjoni fir-rigward ta' persuni mhux residenti li jinvestu fil-propjetajiet immobbli fl-Olanda. Minbarra dan, għal proprjetà li tinżamm ukoll f'dak l-Istat membru, hija biss persuna residenti li tibbenefika minn tnaqqis fuq il-kalkolu tat-taxxa fuq il-propjetà.

21. Ma kien hemm ebda ċirkustanza oġġettiva li setgħet tiġġustifka differenza ta' trattament bejn iż-żewġ kategoriji ta' persuni li jħallsu t-taxxa skond il-ġurisprudenza tal-Qorti (sentenza ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225). Iċ-ċirkustanza li l-persuni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa fuq il-proprjetà b'mod limitat, jiġifieri fuq il-proprjetà tagħhom li tinsab fl-Olanda biss, filwaqt li r-residenti huma suġġetti għal dik it-taxxa mingħajr limitazzjonijiet, fuq il-patrimonju dinji tagħhom, ma kienx jikkostitwixxi differenza oġġettiva. Dik id-differenza kienet tispjega ruħha permezz tal-limitazzjoni ta' kompetenza fiskali ta' l-Istati membri.

22. Is-Sur D. iżid li għandha ssir dintinzjoni bejn it-taxxa fuq il-proprjetà minn taxxa fuq id-dħul li kienet id-domanda fil-kawża kienet tagħat lok għas-sentenza Schmacker, iċċitata iktar 'il fuq. Is-soluzzjonijiet applikati fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul ma kienux neċessarjament ser jiġu trasposti għat-taxxa fuq il-propjetà. Kuntrarjament għal dak li huwa ammess għal dak li tikkonċerna t-taxxa fuq id-dħul, ma kienx wisq ta' importanza, fir-rigward tat-taxxa fuq il-propjetà, li l-parti l-kbira tal-proprjetà tal-persuna li tħallas it-taxxa tkun ikkonċentrata fl-Istat ta' residenza tagħha.

23. Skond il-Gvernijiet Olandiżi, Belġjani, Ġermaniżi, Franċiżi, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, min-naħa l-oħra, il-persuni residenti u l-persuni mhux residenti mhumiex, bħala regola ġenerali, f'sitwazzjoni komparabbli fil-qasam tat-taxxi diretti u d-differenza ta' trattament ikkontestat mis-Sur D. huwa kompatibbli mar-regoli tat-Trattat.

Risposta tal-Qorti

24. Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li investiment fl-immobbli bħal dak effettwat mis-Sur D. fl-Olanda jikkostitwixxi moviment ta' kapital skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE ta' l-24 ta' Ġunju 1988 għall-implementazzjoni ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, p. 5), u tan-Nomenklatura tal-movimenti ta' kapital li jinsabu fl-Anness 1 ta' dik id-Direttiva. Din in-Nomenklatura kkonservat il-valur indikattiv li kien il-bażi sabiex jiddefinixxi l-kunċett ta' "moviment ta' kapital" (ara s-sentenza tat-23 ta' Settembru 2003, Opelt u Schlössle Weissenberg, C-452/01, Ġabra p. I-9743, punt 7). Investiment bħal dan jaqa' taħt il-kamp ta' l-applikazzjoni tar-regoli relatati mal-moviment ħieles tal-kapital previsti mill-Artikoli 56KE et seq.

25. L-Artikolu 56KE jipprojbixxi restrizzjonijiet għall-movimenti ta' kapital bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 58KE. Jirriżulta mill-paragrafi 1 u 3 ta' din l-aħħar dispożizzjoni li l-Istati membri jistgħu, fil-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom, jistabbilixxu distinzjoni bejn il-persuni residenti li jħallsu t-taxxa u dawk il-persuni mhux residenti li jħallsu t-taxxa sakemm dik id-distinzjoni ma tikkostitwixxix la mezz ta' diskriminazzjoni artibitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija għall-moviment ħieles tal-kapital.

26. F' materja ta' taxxi diretti, il-Qorti irrikonoxxiet li s-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti mhijiex, bħala regola ġenerali, komparabbli (sentenza Schumacker, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).

27. Fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, il-Qorti ddeċidiet li s-sitwzzjoni tal-persuni residenti hija differenti minn dik tal-persuni mhux residenti fejn il-parti l-kbira tad-dħul tagħhom huwa normalment iċċentralizzat fl-Istat ta' residenza. Għaldaqstant, dak l-Istat għandu ġeneralment l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jevalwa l-kapaċità kontributtiva globali tal-persuna li tħallas it-taxxa filwaqt li tikkunsidra s-sitwazzjoni personali u familjari tagħha (sentenza Schumacker, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

28. Il-Qorti kkonkludiet li l-fatt għal Stat membru li ma jħallix li tibbenefika persuna mhux residenti minn ċerti vantaġġi fiskali li jingħataw lil persuni residenti mhuwiex, bħala regola ġenerali, diskriminatorju minħabba li dawk iż-żewġ kategoriji ta' persuni li jħallsu t-taxxa mhumiex f'sitwazzjoni komparabbli.

29. Il-Qorti madankollu kkunsidrat li dan seta' jkun differenti meta l-persuna mhux residenti ma tiġborx dħul sinjifikattiv fl-Istat membru ta' residenza u tieħu l-parti kbira tar-riżorsi taxxabbli tagħha ta' attività eżerċitata fl-Istat ta' impjieg b'mod li l-Istat ta' residenza mhuwiex f'pożizzjoni li jagħtiha vantaġġi li jirriżultaw mill-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha. B'hekk ma jeżistix bejn din il-persuna mhux residenti u persuna residenti li teżerċita attività bis-salarju komparabbli, differenza oġġettiva ta' natura li tiġġustifika differenza ta' trattament għal dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjoni, għall-finijiet tat-taxxa, tas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna li tħallas it-taxxa (ara, partikolarment, is-sentenzi Schumacker, iċċitata iktar 'il fuq, punti 36 u 37 kif ukoll ta' l-1 ta' Lulju 2004, Wallentin, C-169/03, Ġabra p. I-6443, punt 17).

30. Il-Qorti wkoll irrikonoxxiet li Stat membru jissuġġetta l-applikazzjoni ta' vantaġġ għal persuni mhux residenti bil-kundizzjoni li 90% mill-inqas ta' l-ammont tad-dħul dinji tagħhom ikun suġġett għat-taxxa ta' dak l-Istat (sentenza ta' l-14 ta' Settembru 1999, Gschwind, C-391/97, Ġabra p. I-5451, punt 32).

31. Is-sitwazzjoni tal-persuna li tħallas it-taxxa fuq il-proprjetà u dik tal-persuna li tħallas it-taxxa fuq id-dħul hija, għal ħafna raġunijiet, simili.

32. Fl-ewwel nett, it-taxxa fuq il-propjetà, bħat-taxxa fuq id-dħul, tikkostitwixxi taxxa diretta stabbilita fil-funzjoni tal-kapaċità kontributtiva tal-persuna li tħallas it-taxxa. It-taxxa fuq il-proprjetà ta' spiss hija kkunsidrata bħala suppliment tat-taxxa fuq id-dħul, partikolarment fuq il-kapital.

33. Għaldaqstant, il-persuna li tħallas it-taxxa fuq il-proprjetà żżomm, bħala regola ġenerali, il-parti l-kbira tal-patrimonju tagħha fl-Istat fejn hija residenti. Kif ukoll il-Qorti diġa stabbiliet, dak l-Istat membru jikkostitwixxi l-aktar spiss il-post fejn il-persuna li tħallas it-taxxa għandha ċ-ċentru ta' l-interessi personali u patrimonjali tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta' Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I-5933, punt 43).

34. B'konsegwenza ta' dan, għandu jiġi eżaminat jekk, bħal fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, is-sitwazzjoni ta' persuna residenti u dik ta' persuna mhux residenti, fil-kuntest tat-taxxa fuq il-propjetà, jistgħux bħala regola ġenerali jiġu kkomparati.

35. F'dan ir-rigward, għandha tiġi analizzata s-sitwazzjoni ta' persuna bħas-Sur D., li żżomm 90% ta' l-ammont tal-proprjetà tagħha fi Stat membru li fih hija residenti u 10% fi Stat ieħor li għandu leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq il-proprjetà bħal dik prevista fl-Olanda. Din il-persuna hija suġġetta għat-taxxa fuq il-proprjetà f'dak l-Istat membru l-ieħor fuq il-parti korrispondenti għal 10% tal-patrimonju li hija żżomm, mingħajr ma tibbenefika minn ebda tnaqqis. Il-persuni residenti ta' dak l-Istat l-ieħor huma ntaxxati fuq il-valur li tirrappreżenta l-proprjetà kollha li huma jżommu fid-dinja, u mhux biss fuq it-territorju ta' dak l-Istat, imnaqqas mill-ammont ta' tnaqqis.

36. Hemm lok li jiġi kkonstatat li dak it-tnaqqis - li għandu l-għan li jassigura li, għall-anqas, parti mill-patrimonju gobali tal-persuna kkonċernata li tħallas it-taxxa jiġi eżentat mit-taxxa fuq il-proprjetà - ma tibbenefikax għal kollox ir-rwol tagħha ħlief jekk it-taxxa titħallas fuq it-totalità tal-proprjetà ta' l-interessat. B'konsegwenza ta' dan, il-persuni nmhux residenti li mhumiex intaxxati f'dak l-Istat membru l-ieħor ħlief fuq parti mill-proprjetà tagħhom mhumiex ġeneralment intitolati sabiex jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis.

37. Bħal fis-suġġett tat-taxxa fuq id-dħul, għandu jiġi kkunsidrat, għal dak li jikkonċerna t-taxxa fuq il-propjetà, li s-sitwazzjoni ta' persuna mhux residenti hija differenti minn dik ta' persuna residenti safejn mhux biss il-parti l-kbira tad-dħul, imma wkoll il-parti l-kbira tal-proprjetà ta' din ta' il-persuna hija normalment iċċentralizzata fi Stat li fih hija residenti. B'konsegwenza ta' dan, dak l-Istat membru huwa l-aħjar post sabiex jikkunsidra l-kapaċità kontributtiva globali tar-residenti li tapplika għaliha, jekk ikun il-każ, it-tnaqqis previsti mill-leġiżlazzjoni tiegħu.

38. Minn dan isegwi li persuna li tħallas it-taxxa li ma żżomx ħlief parti minima tal-proprjetà tagħha fi Stat minnbarra l-Istat li hija residenti mhijiex, bħala regola ġenerali, f'sitwazzjoni li tiġi kkomparata ma' dik tar-resident ta' dak l-Istat l-ieħor u li r-rifjut ta' l-awtoritajiet ikkonċernati li jagħtuha t-tnaqqis li minnu jibbenefikaw dawn ta' l-aħħar ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni kontriha.

39. Skond is-Sur D., madankollu, iċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat membru ta' residenza ta' l-interessat ma tipprevedix it-taxxa fuq il-proprjetà timplika li dak l-interessat ma jibbenefika f'ebda mill-Istati membri kkonċernati mill-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha għall-iskop ta' l-applikazzjoni ta' tnaqqis u toħloq sitwazzjoni diskriminatorja kontrih. Is-Sur D isostni li fl-Olanda, it-tnaqqis applikat lil persuni residenti jikkunsidra s-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom minħabba li din tvarja skond il-funzjoni tas-sitwazzjoni matrimonjali tal-persuna li tħallas it-taxxa kkonċernata. Sabiex jevita li jiġi applikat lejh trattamant inqas favorevoli minn dak riservat għar-residenti ta' l-Olanda, skond is-Sur D., li dak l-Istat membru għandu jagħtih l-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom dawn ta' l-aħħar.

40. Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

41. Fil-fatt it-trattament differenzjat bejn il-persuni residenti u persuni mhux residenti applikat mill-Istat membru li fih l-interessat ma jżommx ħlief 10% ta' l-ammont ta' proprjetà u n-nuqqas, f'dan il-każ, ta' applikazzjoni ta' tnaqqis jispjega ruħu mill-fatt li l-interessat ma jżommx ħlief parti minima tal-proprjetà tiegħu f'dak l-Istat u li huwa ma jsibx ruħu għaldaqstant f'sitwazzjoni komparabbli ma' dik tal-persuni residenti. Iċ-ċirkustanza li l-Istat ta' residenza ta' l-interessat kien abolixxa t-taxxa fuq il-proprjetà hu mingħajr effett fuq dik is-sitwazzjoni ta' fatt. Sakemm l-interessat iżomm il-parti l-kbira tal-proprjetà tiegħu fl-Istat li fih huwa residenti, l-Istat membru li fih huwa jżomm biss parti mill-proprjetà tiegħu mhuwiex obbligat li jagħtih vantaġġi li dan jagħti lir-residenti proprji tiegħu.

42. Għandu jiġi miżjud li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jiddistingwu ruħhom minn dawk li fuqhom kienet ibbażata l-kawża li tagħat lok għas-sentenza Wallentin, iċċitata iktar 'il fuq, fejn l-ammonti bħal ma kienu l-pensjoni alimentari meħuda mis-Sur Wallentin tal-ġenituri tiegħu kif ukoll l-għajnuna li huwa kien irċieva mill-Istat Ġermaniż ma kienux jikkostitwixxu, min-natura tagħhom, dħul taxxabbli skond il-liġi fiskali ta' dak l-Istat. F'dawk iċ-ċirkustanzi, l-ammonti miksuba mis-Sur Wallentin fil-Ġermanja, min-naħa, u l-proprjetà miżmuma mis-Sur D., f'dak l-Istat membru, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jiġu kkunsidrati komparabbli għall-iskop li jiġi determinat jekk, għat-taxxa fuq il-proprjetà li huwa jipppossjedi fl-Olanda, is-Sur D. għandu jibbenefika minn tnaqqis previst mill-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat.

43. Għaldaqstant għandu jiġi rispost għall-ewwel domanda li l-Artikoli 56KE u 58KE ma jmorrux kontra li leġiżlazzjoni li fiha fejn Stat membru jirrifjuta lil persuni mhux residenti li jħallsu t-taxxa, li jżommu l-parti l-kbira tal-proprjetà tagħhom fl-Istat fejn huma residenti, il-benefiċċju ta' tnaqqis li huwa jagħti lil persuni residenti li jħallsu t-taxxa.

Dwar it-tieni domanda

Osservazzjonijiet preliminari

44. It-tieni domanda hija relativa ma' l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Belġjana-Olandiża għar-rigward tar-regoli previsti mit-Trattat li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-moviment ħieles tal-kapital. Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 25(3) ta' dik il-Konvenzjoni, liema dispożizzjonijiet jiġu applikati għaż-żewġ Stati membri kontraenti tagħha, persuna naturali residenti fil-Belġju tibbenefika fl-Olanda minn tnaqqis u vantaġġi oħra li dan l-Istat japplika għar-residenti proprji tiegħu.

45. Minn dan jirriżulta li residenti tal-Belġju jsib ruħu f'sitwazzjoni analoga għal dik tas-Sur D., li jippossjedu fl-Olanda proprjetà immobbli li ma tirrappreżentax ħlief 10% ta' l-ammont tal-proprjetà kollha tagħhom, jibbenefikaw, kuntrarjament għas-Sur D., minn tnaqqis mogħti mir-Renju ta' l-Olanda għar-residenti proprji tagħha fil-qasam tat-taxxa fuq il-propjetà.

46. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi dwar ir-rabta fir-rigward tat-Trattat tad-differenza ta' trattament li kien jeżisti, f'dan il-każ, bejn ir-resident tal-Belġju u r-resident tal-Ġermanja. Dik il-qorti titlob, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 56KE u 58KE ma jippermettux li, fl-applikazzjoni ta' Konvenzjoni bilaterali intiża sabiex tevita t-taxxa doppja, Stat membru jirrikonoxxi biss għar-residenti ta' l-Istat l-ieħor, parti kontraenti mill-Konvenzjoni t-tnaqqis li huwa jagħti lir-residenti proprji tiegħu, mingħajr ma jagħti l-istess lir-residenti ta' l-Istati membri l-oħra.

Osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti

47. Is-Sur D. isostni li d-differenza, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Belġjana-Olandiża, bejn is-sitwazzjoni tiegħu u dik ta' residenti tal-Belġju li jsib ruħu f'sitwazzjoni ekwivalenti tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mit-Trattat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti ċertament għarfet id-differenza ta' trattament bejn ċittadini komunitarji li tirriżulta mill-allokazzjoni tal-kompetenzi fiskali imma l-għoti ta' tnaqqis għar-residenti tal-Belġju biss ma kienx ir-riżultat ta' din l-allokazzjoni. Min-naħa l-oħra, it-trattament irriservat mir-Renju ta' l-Olanda għar-residenti tal-Belġju ma kienx jirrifletti aktar it-trattament reċiproku mogħti lir-residenti ta' l-Olanda mir-Renju tal-Belġju, minħabba li dan l-aħħar Stat ma jipprevediex aktar it-taxxa fuq il-proprjetà u b'hekk ma jagħti ebda tnaqqis lir-residenti ta' l-Olanda li ghandhom proprjetà immobbli fuq it-territorju tiegħu.

48. Il-Gvernijiet kienu ppreżentaw l-osservazzjonijiet u l-Kummissjoni sostniet bil-kontra li d-differenza ta' trattament bejn perusna bħas-Sur D. u resident tal-Belġju mhijiex diskriminatorja. Huma sostnew li Stat membru, parti kontraenti ta' konvenzjoni bilaterali, mhuwiex obbligat, skond it-Trattat, li jestendi lir-residenti komunitarji kollha l-vantaġġi li huwa jagħti lir-residenti ta' l-Istat membru kontraenti. Dawn il-Gvernijiet u l-Kummissjoni huma konxji tal-perikli li jwassal, għall-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet bilaterali eżistenti, u ta' dawk ta' l-Istati Membri li jistgħu jiġu konklużi fil-futur, l-estensjoni tal-vantagġġi previsti minn konvenzjoni bilaterali għar-residenti komunitarji kollha u ta' l-insigurtà li dik l-estensjoni tista' toħloq.

Risposta tal-Qorti

49. Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 293KE, l-Istati membri iwiegħdu bejniethom, kemm minħabba bżonn, negozjati sabiex jassiguraw favur iċ-ċittadini tagħhom, l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja ġewwa l-Komunità.

50. Il-Qorti stabbiliet fis-sentenza tat-12 ta' Mejju 1998, Gilly (C-336/96, Ġabra p. I-2793, punt 23), li, astrazzjoni magħmula tal-Konvenzjoni 90/436/KEE dwar l-eliminazzjoni tat-taxxi doppji fil-każ ta' korrezzjoni tal-benefiċċji ta' impriżi assoċjati (ĠU 1990, L 225, p. 10), ebda miżura ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni ntiża sabiex telimina t-taxxi doppji ma ġiet adottata fil-kuntest komunitarju u li l-Istati membri ma kkonkludew skond l-Artikolu 293KE, ebda konvenzjoni multilaterali f'dan is-sens.

51. Fin-nuqqas ta' miżuri komunitarji oħra jew ta' konvenzjonijiet li jimplikaw l-Istati membri oħra, bosta konvenzjonijiet bilaterali ġew konklużi bejn dawn ta' l-aħħar.

52. Kif il-Qorti diġa fakkret, l-Istati membri huma ħielsa fil-kuntest ta' dawk il-konvenzjonijiet li jistabbilixxu fatturi ta' unfikazzjoni għall-iskop ta' l-allokazzjoni ta' kompetenza fiskali (ara s-sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57). Il-Qorti rrikonoxxiet ukoll li differenza ta' trattament bejn ċittadini taż-żewġ Stati kontraenti, riżultat ta' din l-allokazzjoni, ma kellhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-Artikolu 39KE (ara s-sentenza Gilly, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

53. Il-kawża prinċipali madankollu m'għandhiex bħala suġġett il-konsegwenzi ta' allokazzjoni tal-kompetenzi fiskali fir-rigward taċ-ċittadini jew tar-residenti ta' l-Istati membri parti kontraenti għall-istess konvenzjoni, imma hija intiża sabiex tistabbilixxi komparazzjoni bejn is-sitwazzjoni ta' persuna, residenti fi Stat terz għal din il-konvenzjoni, u dik ta' persuna li taqa' taħt dik il-konvenzjoni.

54. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-qasam ta' applikazzjoni ta' konvenzjoni fiskali bilaterali huwa limitat għal persuni naturali jew morali msemmija fiha.

55. Madankollu, jeżistu sitwazzjonijiet fejn il-vantaġġi jew żvantaġġi ta' konvenzjoni bilaterali jistgħu jilħqu resident ta' Stat membru li m'għandux il-karatteristika ta' membru ta' din il-konvenzjoni.

56. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li, fir-rigward ta' konvenzjoni preventiva ta' taxxa doppja konkluża bejn Stat membru u pajjiż terz, il-prinċipju ta' trattament nazzjonali jimponi lill-Istat membru li huwa membru ta' din il-konvenzjoni li jagħti lill-istabbilimenti fissi ta' kumpanniji mhux residenti l-vantaġġi previsti mill-konvenjzoni taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għal kumpaniji residenti (ara s-sentenza Saint-Gobain AN, ċitata iktar 'il fuq, punt 59).

57. F'dan il-każ, il-persuna mhux residenti li tħallas it-taxxa li għandha stabbiliment fiss fl-Istat membru hija kkunsidrata li tinsab f'sitwazzjoni ekwivalenti għal dik ta' persuna residenti li tħallas it-taxxa ta' dak l-Istat.

58. Għandu jiġi mfakkar mandankollu li t-tieni domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li persuna mhux residenti, bħal ma huwa s-Sur D., mhijiex f'sitwazzjoni komparabbli ma' dik ta' residenti ta' l-Olanda. Id-domanda intiża sabiex jiġi deċiż jekk is-sitwazzjoni tas-Sur D., hija komparabbli ma' dik ta' persuna mhux residenti oħra li tibbenefika minn trattament partikolari skond konvenzjoni preventiva tat-taxxa doppja.

59. Trattament li jixxiebaħ fir-rigward tat-taxxa fuq il-proprjetà fl-Olanda, ta' persuna li tħallas it-taxxa, bħal ma huwa s-Sur D., residenti fil-Ġermanja u persuna li tħallas it-taxxa residenti fil-Belġju tippreżupponi li dawk iż-żewġ persuni li jħallsu t-taxxi għandhom jiġu kkunsidrati li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

60. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, sabiex tevita li l-istess dħul u l-istess patrimonju jiġu ntaxxati kemm fl-Olanda u fil-Belġju, il-Konvenzjoni Belġjana-Olandiżia tipprevedi fl-Artikolu 24 tagħha, l-allokazzjoni tal-kompetenza fiskali bejn dawk iż-żewġ Stati membri, kif ukoll regola li tinsab fl-Artikolu 25(3) li tgħid li l-persuni naturali residenti f'wieħed minn dawk iż-żewġ Stati jibbenefikaw fi Stat ieħor minn tnaqqis personali li jingħataw minn dan il-pajjiż lir-residenti proprji tiegħu.

61. Il-fatt li dawk id-drittijiet u obbligazzjonijiet reċiproċi ma japplikawx ħlief għal persuni residenti ta' wieħed miż-żewġ Stati membri kontraenti hija konsegwenza inerenti għall-konvenzjonijiet bilaterali preventivi tat-taxxa doppja. Minn dan jirriżulta li persuna residenti fil-Belġju li tħallas it-taxxa ma tinsabx fl-istess sitwazzjoni ta' persuna residenti barra mill-Belġju li tħallas it-taxxa għal dak li jikkonċerna t-taxxa fuq il-proprjetà stabbilita għar-raġuni tal-proprjetajiet immobbli li jinsabu fl-Olanda.

62. Regola bħal dik prevista fl-Artikolu 25(3) tal-Konvenzjoni Belġjana-Olandiża ma għandhiex tiġi analizzata bħala vantaġġ separat mill-bqija tal-Konvenzjoni, imma li tagħmel parti integra u tikkontribwixxi għall-ekwilibriju ġenerali tagħha.

63. Fir-rigward għall-kunsiderazzjonijiet ta' qabel, hemm lok li wieħed jirrispondi għat-tieni domanda mressqa li l-Artikoli 56KE u 58KE ma jmorrux kontra li regola prevista minn konvenzjoni bilaterali intiża sabiex tevita t-taxxa doppja bħal ma hija r-regola fil-kawża prinċipali, ma tkunx, f'sitwazzjoni u fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, estiża għar-residenti ta' Stat membru mhux membru ta' din il-Konvenzjoni.

Dwar it-tielet domanda

64. Peress li t-tielet domanda ma tressqitx ħlief għal każ fejn risposta affermattiva kellha tingħata għal waħda mill-ewwel żewġ domandi, m'hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

Fuq l-ispejjeż

65. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni imqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti barra minn dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1) l-Artikoli 56KE u 58KE ma jmorrux kontra leġiżlazzjoni li fiha Stat membru jirrifjuta lil persuni mhux residenti li jħallsu t-taxxa, li jżommu l-parti l-kbira tal-proprjetà tagħhom fl-Istat fejn huma residenti, il-benefiċċju ta' tnaqqis li huwa jagħti lil persuni residenti li jħallsu t-taxxa.

2) L-Artikoli 56KE u 58KE ma jmorrux kontra li regola prevista minn konvenzjoni bilaterali ntiża sabiex tevita t-taxxa doppja bħal ma hija r-regola fil-kawża prinċipali, ma tkunx, f'sitwazzjoni u fiċ-ċirkostanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, estiża għaċ-ċittadin ta' Stat membru mhux membru ta' din il-Konvenzjoni.