Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Avviż Legali Importanti

|

62003J0403



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C403/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Lulju 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Settembru 2003, fil-proċedura

Egon Schempp

vs

Finanzamt München V ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, J.P. Puissochet, A. La Pergola, R. Schintgen, N. Colneric, J. Kluka, U. Lhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara l-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

- għas-Sinjur Schempp, minn J. Seest, Rechtsanwalt,

- għall-Gvern Ġermaniż, minn W.D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti,

- għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. A. H. M. ten Dam, bħala aġenti,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Grossi u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 12 KE u 18 KE.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjur Schempp u Finanzamt München V (aktar 'il quddiem il-"Finanzamt"), fir-rigward tar-rifjut ta' din ta' l-aħħar li tikkunsidra l-manteniment imħallas mis-Sinjur Schempp lill-ex-konjuġi tiegħu residenti l-Awstrija bħala spiża speċjali li għandha titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul.

Il-kuntest ġuridiku

3. Skond l-Artikolu 10(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, aktar 'il quddiem "EStG"), l-ispejjeż segwenti jikkostitwixxu "spejjeż speċjali" meta dawn ma jkunux infiq jew spejjeż professjonali:

"Il-manteniment imħallas lill-konjuġi separat jew lill-ex-konjuġi li hu suġġett għal obbligu ta' taxxa illimitat, jekk il-persuna taxxabbli tagħmel talba f'dan is-sens bil-kunsens tal-benefiċjarju, sa l-ammont ta' DEM 27 000 fis-sena kalendarja. It-talba tista' tiġi ppreżentata għal sena kalendarja biss u ma tistax tiġi rtirata [...]"

4. Skond l-Artikolu 22(1) ta' l-EStG, l-ammonti li jistgħu jiġu mnaqqsa mill-persuna li tħallas il-manteniment jiffurmaw parti mid-dħul taxxabbli tal-benefiċjarju, skond il-prinċipju magħruf bħala ta' "korrispondenza". It-tnaqqis li tista' tagħmel il-persuna taxxabbli mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju effettivament iħallas it-taxxa fuq dawn l-ammonti. Madankollu, fil-każ fejn il-benefiċjarju jkollu jħallas it-taxxa fuq il-manteniment li jirċievi, hija l-persuna li tħallas il-manteniment li għandha, taħt il-liġi ċivili, tħallas dik it-taxxa.

5. Skond l-Artikolu 1a(1)(1) ta' l-EStG:

"L-ispejjeż ta' manteniment imħallsa lill-ex-konjuġi jew lill-konjuġi separat (Artikolu 10(1)(1)) għandhom ukoll jiġu mnaqqsa bħala spejjeż speċjali jekk il-benefiċjarju mhuwiex suġġett għal obbligu ta' taxxa illimitat. Għaldaqstant il-benefiċjarju għandu jkollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' Stat li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Barra minn hekk, it-tassazzjoni tal-manteniment f'idejn il-benefiċjarju għandha tiġi ċċertifikata mill-awtorità tat-taxxa barranija kompetenti [...]"

6. Skond l-Artikolu 52(2) ta' l-EStG, din id-dispożizzjoni għandha tapplika fir-Repubblika ta' l-Awstrija mis-sena tat-taxxa ta' l-1994 peress kien fl-1 ta' Jannar ta' din is-sena li dan l-Istat daħal fil-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7. Minn wara d-divorzju tiegħu, is-Sinjur Schempp, ċittadin Ġermaniż residenti l-Ġermanja, iħallas manteniment lill-ex-konjuġi tiegħu residenti l-Awstrija.

8. Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu tas-snin finanzjarji ta' l-1994 sa l-1997, is-Sinjur Schempp ipprova jnaqqas dan il-manteniment, skond l-ewwel u t-tieni sentenzi tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1a(1)(1) ta' l-EStG. Madankollu, fl-evalwazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul għas-snin 1994 sa l-1997, il-Finanzamt irrifjutatlu dan it-tnaqqis minħabba li ma kinitx irċeviet ċertifikat mill-awtorità tat-taxxa Awstrijaka li turi li l-ex-konjuġi tiegħu kienet taxxabbli fl-Awstrija għall-imsemmi manteniment, kif previst fit-tielet sentenza ta' l-istess Artikolu 1a(1)(1).

9. F'dan il-każ, is-Sinjur Schempp ma setgħax iġib tali ċertifikat peress illi d-dritt Awstrijak dwar it-taxxa, bħala prinċipju, ma jimponix taxxa fuq il-manteniment u lanqas jippermetti li jiġi mnaqqas. Madankollu, mill-fajl tas-Sinjur Schempp jirriżulta li seta' jnaqqas l-ammont totali tal-manteniment li jħallas lill-ex-konjuġi tiegħu, jekk din kienet tgħix il-Ġermanja. Fir-rigward ta' din l-ex-konjuġi, hija ma kienx ikollha tħallas taxxa fuq l-imsemmi manteniment, sakemm id-dħul tagħha jkun inqas mill-minimu taxxabbli fil-Ġermanja.

10. Is-Sinjur Schempp ikkunsidra li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni hija inkompatibbli ma' l-Artikoli 12 KE u 18 KE u ressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu kontra l-evalwazzjoni tal-Finanzamt. Din ċaħdet dawn l-oġġezzjonijiet permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Lulju 1999.

11. Wara li l-Finanzgericht München ċaħdet ir-rikors magħmul mis-Sinjur Schempp kontra l-imsemmija deċiżjoni, dan ta' l-aħħar beda proċeduri ta' "Reviżjoni" quddiem il-qorti tar-rinviju. Peress illi l-imsemmija kawża qajmet kwistjonijiet ta' interpretazzjoni tad-dritt komunitarju, il-Bundesfinanzhof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi segwenti:

"1) L-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 1a(1)(1) u 10(1)(1) ta' l-EStG, li bis-saħħa tagħhom ma jippermettux lil persuna taxxabbli residenti l-Ġermanja li tnaqqas il-manteniment li tħallas lill-ex-konjuġi tagħha li jgħix l-Awstrija, meta kien ikollha dan id-dritt kieku dan ta' l-aħħar kien għadu residenti l-Ġermanja?

2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija negattiva: l-Artikolu 18(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1a(1)(1) u 10(1)(1) ta' l-EStG, li bis-saħħa tagħhom ma jippermettux lil persuna taxxabbli residenti fil-Ġermanja li tnaqqas il-manteniment imħallas lill-ex-konjuġi li jgħix l-Awstrija, meta kien ikollha dan id-dritt kieku dan ta' l-aħħar kien għadu residenti l-Ġermanja?"

Dwar id-domandi preliminari

12. Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 12 u l-Artikolu 18(1) KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil persuna taxxabbli residenti l-Ġermanja milli ma titħalliex, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tnaqqas, mid-dħul taxxabbli tagħha f'dan l-Istat Membru, il-manteniment li tħallas lill-ex-konjuġi tagħha residenti l-Awstrija, meta kien ikollha dan id-dritt kieku dan ta' l-aħħar kien għadu residenti l-Ġermanja.

13. Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt komunitarju.

14. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 12 KE jipprojbixxi, fl-iskop ta' applikazzjoni tat-Trattat u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tiegħu, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

15. Sabiex jiġi eżaminat l-iskop ta' applikazzjoni tat-Trattat skond l-imsemmi artikolu, dan ta' l-aħħar għandu jinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni. Fil-fatt, l-istat ta' ċittadin ta' l-Unjoni huwa intiż li jkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri u b'hekk jippermetti lil dawk li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni jiksbu, independentement min-nazzjonalità tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f'dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punti 30 u 31; tat-2 ta' Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punti 22 u 23, u tal-15 ta' Marzu 2005, Bidar, C-209/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

16. Skond l-Artikolu 17(1) KE, kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta' Stat Membru għandha l-istat ta' ċittadin ta' l-Unjoni. Peress illi għandu nazzjonalità Ġermaniża, is-Sinjur Schempp jibbenefika minn tali stat.

17. Kif ġie diġà deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 17(2) KE jorbot l-obbligi u d-drittijiet previsti fit-Trattat, inkluż id-dritt li jiġi invokat l-Artikolu 12 fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt l-iskop ta' applikazzjoni ratione materi tad-dritt komunitarju, ma' l-istat ta' ċittadin ta' l-Unjoni (ara s-sentenza tat-12 ta' Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 62).

18. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu, b'mod partikolari, dawk illi jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u dawk li jaqgħu taħt id-dritt ta' moviment u residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri, kif mogħtija mill-Artikolu 18 KE (sentenza Bidar, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33).

19. Peress illi, fl-istat attwali tad-dritt komunitarju, it-tassazzjoni diretta taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom mill-inqas jeżerċitaw din il-kompetenza b'ħarsien għad-dritt komunitarju, b'mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta' moviment u residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri, u, konsegwentement, li tiġi evitata kull diskriminazzjoni, apparenti jew moħbija, ibbażata fuq in-nazzjonalità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punti 21 u 26, u tat-12 ta' Diċembru 2002, De Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 75).

20. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta ukoll li l-għan taċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni, prevista fl-Artikolu 17 KE, mhuwiex li testendi l-kamp ta' applikazzjoni materjali tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li m'għandhom ebda rabta mad-dritt komunitarju (sentenzi tal-5 ta' Ġunju 1997, Uecker u Jacquet, C-64/96 u C-65/96, Ġabra p. I-3171, punt 23, u Garcia Avello, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26).

21. Skond il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż, il-kawża prinċipali taqa' taħt tali sitwazzjoni. Fil-fatt, il-parti li tinvoka l-Artikolu 12 KE, f'dan il-każ is-Sinjur Schempp, m'għamilx użu mid-dritt tiegħu ta' moviment liberu previst fl-Artikolu 18 KE. Huwa ċert li l-ex-konjuġi tiegħu eżerċitat tali dritt. Madankollu, din il-kawża mhijiex dwar it-taxxa ta' din l-aħħar persuna iżda dwar dik tas-Sinjur Schempp. Il-Gvern Ġermaniż josserva li, f'din il-kawża, l-uniku element barrani għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa l-fatt li s-Sinjur Schempp iħallas il-manteniment lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor. Madankollu, peress illi l-manteniment m'għandu ebda effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju ta' oġġetti u servizzi, is-sitwazzjoni preżenti ma taqax taħt l-Artikolu 12 KE.

22. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż, is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta' Stat Membru li, bħas-Sinjur Schempp, m'għamilx użu mid-dritt tiegħu għall-moviment liberu ma jistax, minn dan il-fatt biss, jiġi assimilat ma' sitwazzjoni purament interna (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta' Ottubru 2004, Zhu u Chen, C-200/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19).

23. Fil-fatt, jekk inhuwa eżatt li s-Sinjur Schempp ma eżerċitax tali dritt, għall-kuntrarju, huwa kostanti li, peress illi l-ex-konjuġi tiegħu stabbiliet ir-residenza tagħha fl-Awstrija, hija eżerċitat id-dritt ta' moviment u residenza libera fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, rikonoxxut fl-Artikolu 18 KE lil kull ċittadin ta' l-Unjoni.

24. Kif ġie essenzjalment osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress illi, sabiex tiġi ddeterminata n-natura ta' tnaqqis ta' manteniment imħallas minn persuna taxxabbli residenti l-Ġermanja lil benefiċjarju residenti fi Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tieħu in kunsiderazzjoni t-trattament fiskali ta' l-imsemmi manteniment fl-Istat Membru tar-residenza ta' l-imsemmi benefiċjarju, isegwi neċessarjament li l-eżerċizzju, f'dan il-każ, mill-ex-konjuġi tas-Sinjur Schempp tad-dritt tagħha ta' moviment u residenza libera fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 18 KE kien ta' natura li jkollu influwenza fuq il-possibbiltà ta' l-ex-konjuġi tagħha li jnaqqas il-manteniment imħallas minnu mid-dħul taxxabbli tiegħu fil-Ġermanja.

25. Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li, peress illi l-eżerċizzju, mill-ex-konjuġi tas-Sinjur Schempp, ta' dritt ipprovdut fis-sistema legali komunitarja kellu effett fuq id-dritt ta' tnaqqis tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi meqjusa bħala sitwazzjoni interna mingħajr ebda rabta mad-dritt komunitarju.

26. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 12 KE u 18 KE jipprekludux lill-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi milli jirrifjutaw it-tnaqqis tal-manteniment imħallas mis-Sinjur Schempp lill-ex-konjuġi tiegħu residenti l-Awstrija.

Fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 12 KE

27. F'dan il-każ, huwa kostanti li, jekk l-ex-konjuġi tas-Sinjur Schempp kienet residenti l-Ġermanja, dan ta' l-aħħar kien ikollu d-dritt li jnaqqas il-manteniment li jħallasha. Madankollu, peress illi din ta' l-aħħar tirrisjedi l-Awstrija, is-Sinjur Schempp ġie rrifjutat l-imsemmi tnaqqis mill-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi.

28. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-prinċipju li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni previst fl-Artikolu 12 KE jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux trattati b'mod differenti, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, National Farmers' Union et , C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 61).

29. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni tas-Sinjur Schempp, li jħallas manteniment lill-ex-konjuġi tiegħu li tirrisjedi l-Awstrija mingħajr ma jista' jnaqqas dawn is-somom fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-taxxa fuq id-dħul, tistax tiġi mqabbla ma' dik ta' persuna li tħallas tali somom lil ex-konjuġi residenti l-Ġermanja u li tibbenefika minn dan il-vantaġġ ta' taxxa.

30. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bis-saħħa tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 1a(1)(1) ta' l-EStG, it-tnaqqis fil-Ġermanja tal-manteniment imħallas minn persuna taxxabbli residenti fi Stat Membru lil benefiċjarju residenti fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għall-fatt li dan jiġi ntaxxat f'dan l-aħħar Stat Membru.

31. Minn dan jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, peress illi l-manteniment mhuwiex intaxxat fl-Istat Membru ta' residenza ta' l-ex-konjuġi tas-Sinjur Schempp, dan ta' l-aħħar ma ġiex awtorizzat li jnaqqas l-imsemmi manteniment mid-dħul tiegħu fil-Ġermanja.

32. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li t-trattament sfavorevoli li jilmenta minnu s-Sinjur Schempp jirriżulta, fil-verità, mill-fatt li s-sistema tat-taxxa applikabbli għall-manteniment fl-Istat Membru ta' residenza ta' l-ex-konjuġi tiegħu hija differenti minn dik stabbilita fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu.

33. Kif isostni l-Gvern Olandiż, kieku din l-ex-konjuġi kienet għażlet li tirrisjedi fi Stat Membru li fih il-manteniment, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li tipprevali fl-Awstrija, kien intaxxat, bħal, per eżempju, fl-Olanda, is-Sinjur Schempp kien ikollu d-dritt, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni f'din il-kawża, li jnaqqas il-pagamenti mħallsa lill-ex-konjuġi tiegħu.

34. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-Artikolu 12 KE ma jikkonċernax id-differenzi fit-trattament li jistgħu jirriżultaw, għall-persuni u intrapriżi suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Komunità, minn diverġenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri differenti, sakemm dawn jaffettwaw il-persuni kollha li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tagħhom skond kriterji oġġettivi u mingħajr kunsiderazzjoni għan-nazzjonalità tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers' Union, C-137/00, Ġabra p. I-7975, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35. Isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni s-Sinjur Schempp, il-ħlas tal-manteniment lil benefiċjarju residenti fil-Ġermanja ma jistax jiġi mqabbel mal-ħlas ta' tali manteniment lil benefiċjarju residenti fl-Awstrija. Fil-fatt, il-benefiċjarju ta' l-imsemmi manteniment huwa, f'kull waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, suġġett, safejn jikkonċerna t-tassazzjoni tiegħu, għal leġiżlazzjoni tat-taxxa differenti.

36. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-impossibbiltà li persuna taxxabbli residenti l-Ġermanja tnaqqas, bis-saħħa ta' l-Artikolu 1a(1)(1) ta' l-EStG, manteniment imħallas lill-ex-konjuġi tiegħu residenti l-Awstrija ma jikkostitwixxix trattament diskriminatorju skond l-Artikolu 12 KE.

37. Madankollu, skond is-Sinjur Schempp in-nuqqas ta' ugwaljanza fit-trattament in kwistjoni f'dan il-każ jirriżulta mill-fatt li, filwaqt li t-tnaqqis tal-manteniment imħallas minn persuna residenti l-Ġermanja mhuwiex suġġett għal tassazzjoni effettiva ta' din il-persuna, tali tassazzjoni effettiva hija meħtieġa sabiex jinkiseb it-tnaqqis tal-manteniment imħallas għall-benefiċċju ta' persuna residenti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

38. Madankollu, f'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss dwar jekk id-dritt komunitarju jipprekludix lil persuna taxxabbli residenti l-Ġermanja milli ma titħalliex tnaqqas il-manteniment imħallas lill-ex-konjuġi tagħha residenti l-Awstrija. Konsegwentement, sabiex l-qorti nazzjonali tingħata interpretazzjoni li tkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-problema mqajma mis-Sinjur Schempp, dwar il-ħlas ta' manteniment lil benefiċjarju residenti fi Stat Membru li fih il-manteniment huwa taxxabbli, ma tinqalax f'dan il-każ peress illi huwa kostanti li, fl-Awstrija, il-manteniment m'huwa taxxabbli fl-ebda każ.

39. Għal dak li jikkonċerna l-fatt mhux ikkontestat li, jekk l-ex-konjuġi tas-Sinjur Schempp kienet residenti l-Ġermanja dan ta' l-aħħar kien ikollu d-dritt li jnaqqas il-manteniment li jħallasha, u dan, minkejja l-fatt li f'tali każ l-imsemmi manteniment ma kienx taxxabbli, peress illi d-dħul ta' l-ex-konjuġi tiegħu fil-Ġermanja, matul il-perjodu kkonċernat, kien inqas mil-limiti ta' taxxa stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tat-taxxa Ġermaniża, dan ma jistax jikkontesta l-konklużjoni li tidher fil-punt 36 ta' din is-sentenza. Fil-fatt, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, in-nuqqas ta' taxxa fuq il-manteniment għal dan il-motiv fil-Ġermanja ma jistax jiġi assimilat man-nuqqas ta' taxxa fuq il-manteniment fl-Awstrija minħabba n-natura mhux taxxabbli tiegħu f'dan l-Istat Membru, peress illi l-konsegwenzi tat-taxxa marbuta ma' kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet fir-rigward tat-tassazzjoni fuq id-dħul huma differenti għall-persuna taxxabbli kkonċernata.

Fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 18 KE

40. Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 18(1) KE, "[k]ull ċittadin ta' l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett."

41. Fil-kwalità tiegħu ta' ċittadin ta' Stat Membru, u għaldaqstant ta' ċittadin ta' l-Unjoni, is-Sinjur Schempp għandu d-dritt li jinvoka din id-dispożizzjoni.

42. Fis-sottomissjonijiet tiegħu, is-Sinjur Schempp isostni li l-Artikolu 18(1) KE jipproteġi mhux biss id-dritt ta' moviment u stabbiliment fi Stati Membri oħra, iżda ukoll id-dritt li jagħżel ir-residenza tiegħu. Huwa jsostni li, peress illi l-manteniment mhuwiex imnaqqas mid-dħul taxxabbli meta l-benefiċjarju tiegħu jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, l-imsemmi benefiċjarju jista' jitqiegħed taħt ċerta pressjoni sabiex ma jitlaqx mill-Ġermanja, u b'hekk dan ikun jikkostitwixxi restrizzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 18(1) KE. Din il-pressjoni tista' tidher b'mod konkret ħafna meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-manteniment peress illi din id-determinazzjoni ssir billi wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet tat-taxxa.

43. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jsostnu l-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni bl-ebda mod ma tostakola lis-Sinjur Schempp, fil-kwalità tiegħu ta' ċittadin ta' l-Unjoni, fid-dritt tiegħu ta' moviment u residenza libera fi Stati Membri oħra bis-saħħa ta' l-Artikolu 18(1) KE.

44. Huwa minnu li, kif ġie rrilevat, it-trasferiment tar-residenza ta' l-ex-konjuġi tiegħu lejn l-Awstrija ġab miegħu konsegwenzi tat-taxxa sfavorevoli għas-Sinjur Schempp fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu.

45. Madankollu, il-Qorti diġà tat sentenzi fis-sens li t-Trattat ma jiggarantixxix lil ċittadin ta' l-Unjoni li t-trasferiment ta' l-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih kien jirrisjedi sa dakinhar huwa newtrali fir-rigward ta' tassazzjoni. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni d-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar dan is-suġġett, tali trasferiment jista', skond il-każijiet, ikun vantaġġuż jew żvantaġġuż għaċ-ċittadin fuq livell ta' tassazzjoni indiretta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Lulju 2004, Lindfors, C-365/02, Ġabra p. I-7183, punt 34).

46. L-istess prinċipju japplika a fortiori għal sitwazzjoni bħal dik in eżami fil-kawża prinċipali li fiha l-persuna kkonċernata ma eżerċitatx hija stess id-dritt tagħha ta' moviment, iżda ssostni li kienet vittma ta' differenza fi trattament wara t-trasferiment tar-residenza ta' l-ex-konjuġi tagħha fi Stat Membru ieħor.

47. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula lill-Qorti għandha tkun li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 12 KE u l-Artikolu 18(1) KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux lil persuna taxxabbli fil-Ġermanja milli ma titħalliex, bis-saħħa ta' leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha f'dan l-Istat Membru l-manteniment imħallas lill-ex-konjuġi tiegħu residenti fi Stat Membru ieħor li fih l-imsemmi manteniment mhuwiex taxxabbli, meta kien ikollha dan id-dritt kieku l-ex-konjuġi tagħha kien għadu jirrisjedi l-Ġermanja.

Fuq l-ispejjeż

48. Peress illi l-proċedura hija parti mill-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali. L-ispejjeż involuti sabiex jiġu ppreżentati sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, apparti dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tiddeċiedi li:

L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 12 KE u l-Artikolu 18(1) KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux lil persuna taxxabbli fil-Ġermanja milli ma titħalliex, bis-saħħa ta' leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha f'dan l-Istat Membru l-manteniment imħallas lill-ex-konjuġi tiegħu residenti fi Stat Membru ieħor li fih l-imsemmi manteniment mhuwiex taxxabbli, meta kien ikollha dan id-dritt kieku l-ex-konjuġi tagħha kien għadu jirrisjedi l-Ġermanja.