SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
20 ta' Jannar 2005 (*)
"Sitt Direttiva VAT - Artikoli 2, 5(6) u 6(2) – Provvista ta' ikel fil-kantin ta' kumpannija bi prezz iktar baxx mill-prezz tax-xiri – Ammont taxxabbli"
Fil-kawża C-412/03
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Regeringsrätten (l-Iżvezja), permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Ottubru 2003, fil-kawża
Hotel Scandic Gåsabäck AB
vs
Riksskatteverket,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla K. Lenaerts (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, E. Juhász u Ilešič, Imħallfin
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta' Ottubru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse u K. Wistrand, bħala aġenti
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,
– għall-Gvern Grieg, minn M. Apessos, V. Pelekou u I. Pouli, bħala aġenti,
– għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u L. Ström, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-23 ta' Novembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2, 5(6) u 6(2)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/338/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ- Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").
2 Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Hotel Scandic Gåsabäck AB (iktar 'il quddiem "Scandic") u Riksskatteverket (amministrazzjoni tat-Taxxa) dwar id-determinazzjoni ta' l-ammont taxxabbli għall-provvista ta' ikel minn din il-kumpannija lill-membri tal-persunal tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, "il-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali" għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ' il quddiem il-"VAT").
4 L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jistipola li, bħala regola ġenerali, l-ammont taxxabbli ta’ provvisti ta' oġġetti u ta' servizzi huwa kostitwit minn "dak kollox li jikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti".
5 L-Artikolu 5(6), tas-sitt Direttiva jipprovdi:
"L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta' oġġetti li jifformaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas, jew b'mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-oġġetti in kwistjoni jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli setgħet titnaqqas kollha jew parti minnha, għandhom jitqiesu bħala provvisti bi ħlas. Iżda applikazzjonijet biex jingħataw kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir għall-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli m’għandhomx ikunu hekk meqjusa."
6 Fil-każ ta' applikazzjoni ta' oġġett hekk kif deskritt fl-Artikolu 5(6), l-Artikolu 11A(1) tas-Sitt Direttiva fih regola speċifika għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta' l-ammont taxxabbli, li tgħid kif ġej:
"L-ammont taxxabbli għandu jkun:
[…]
b) fir-rigward ta' provvisti riferuti fl-Artikolu 5[...] (6) [...], għall-prezz tax-xiri ta' l-oġġetti jew ta' oġġetti simili jew, fl-assenza tal-prezz tax-xiri, il-prezz kemm jiġi, determinat fiż-żmien tal-provvista;
[…]"
7 F'dak li jikkonċerna l-provvista ta' servizzi, l-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva jiddisponi:
" Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:
a) l-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b'mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju tiegħu fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;
b) il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha jew b'mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu.
[…]"
8 Skond l-Artikolu 11A(1)(c), tas-Sitt Direttiva, l-ammont taxxabbli għandu jkun "fir-rigward ta’ provvisti riferuti fl-Artikolu 6 (2), l-ispejjeż kollha lill-persuna taxxabbli tal-provvediment tas-servizzi".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Skond l-Artikolu 2(2) tal-Kapitolu 2, tal-mervärdesskattelagen (Liġi Żvediża dwar il-VAT) (SFS 1994, Nru 200, iktar 'il quddiem il-"Liġi Żvediża"), applikazzjoni ta' oġġett tfisser, b'mod partikolari, trasferiment ta' oġġett minn persuna taxxabbli lil terz, bla ħlas jew bi ħlas, għal valur inqas minn dak ikkalkulat skond l-Artikolu 3(2)(a) tal-Kapitolu 7 ta' l-istess liġi u fejn tali tnaqqis mhuwiex iddeterminat mill-kundizzjonijet tas-suq. Il-valur previst f'din l-aħħar dispożizzjoni jikkonsisti fil-valur ta' xiri ta' l-oġġetti jew ta' oġġetti simili jew, fin-nuqqas ta' tali valur, fil-prezz tax-xiri determinat fil-mument ta' l-applikazzjoni.
10 Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi Żvediża, "provvista ta’ servizzi għal użu privat" tfisser, b'mod partikolari, il-provvista, l-arranġament għall-provvista, jew l-offerta b'xi mod jew ieħor minn persuna taxxabbli ta' servizz għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha jew għal skopijiet oħra li mhumiex relatati ma' l-attività eżerċitata mill-persuna taxxabbli, jekk dan is-servizz huwa offert bla ħlas jew bi ħlas, għal valur inqas minn dak ikkalkulat skond l-Artikolu 3(2)(a ) tal-Kapitolu 7, ta' l-istess liġi u fejn tali tnaqqis mhuwiex iddeterminat mill-kundizzjonijiet tas-suq. Jirriżulta minn din l-aħħar dispożizzjoni li dan il-valur huwa kkostitwit mill-prezz tas-servizz fil-mument ta' l-"applikazzjoni".
11 L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 7 tal-Liġi Żvediża jipprovdi li l-ammont taxxabbli tal-provvista ta' oġġetti u ta' servizzi hekk applikati jikkonsisti fil-valur ikkalkulat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(2)(a) jew (b) tal-Kapitolu 7 ta' l-istess liġi.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Scandic teżerċita l-attività tagħha fl-Iżvezja, fis-setturi tal-lukandi u tar-ristoranti. Hija tipprovdi lill-persunal tagħha, li huwa magħmul minn madwar 25 persuna, l-ikla ta' nofsinhar bi prezz stabbilit f'kantin ipprovduta speċjalment mill-impriża.
13 Il-membri tal-persunal iħallsu għall-ikla tagħhom prezz iktar għoli minn dak sostnut minn Scandic. Madankollu, fil-futur, jista' jkun possibbli li dan il-prezz ikun inqas minn dak sostnut. Sabiex issir taf il-konsegwenzi fiskali tal-provvista ta' ikla lill-persunal tagħha, Scandic saqsiet lill-iSkatterattsnamden (Kummissjoni speċjali responsabbli biex tagħti deċiżjonijiet preliminarji fil-qasam tat-taxxa) jekk il-provvista ta' ikla lill-membri tal-persunal tagħha tikkostitwix provvista ta' ikel (intaxxata b'12%) jew provvista ta' servizzi (intaxxata b'25%) u jekk il-fatt li l-kumpannija tipprovdi ikliet bi prezz inqas minn dak sostnut għall-provvista ta' oġġetti jew ta' servizzi għandhux bħala effett li din il-provvista tiġi intaxxata skond id-dispożiżżjonijiet tal-Liġi Żvediża dwar l-applikazzjonijiet ta' skopijiet privati jew jekk il-prezz imħallas mill-impjegat jikkostitwix dan l-ammont taxxabbli.
14 L-iSkatterattsnamden qiset, f'deċiżjoni preliminari ta' l-10 ta' Ġunju 2002, li l-provvista ta' ikla minn Skandic lill-membri tal-persunal tagħha kellha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta' servizzi u li hija kienet suġġetta għall-VAT b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 2 u ta' l-Artikolu 3(2)(b) tal-Kapitolu 7 tal-Liġi Żvediża jekk il-prezz ta' l-ikla kien inqas minn dak sostnut minn Scandic.
15 Scandic ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Regeringsratten (Qorti Amministrattiva Suprema). Hija tqis, minn naħa, li l-provvista ta' ikla lill-membri tal-persunal tagħha għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta' oġġetti u mhux bħala provvista ta' servizzi u, min-naħa l-oħra, li r-regoli dwar l-applikazzjonijiet ta' użu privat ma jistgħux jiġu applikati peress li l-persunal iħallas kunsiderazzjoni għall-provvista ta' dawn l-ikliet.
16 Ir- Regeringsratten ikkonstatat li, skond il-Liġi Żvediża, il-provvisti ta' servizzi u ta' oġġetti għal użu privat huma intaxxati kemm fil-każ fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-servizzi jew ta' l-oġġetti isir bla ħlas u kemm ma dan isir b'kunsiderazzjoni li hija inqas mill-prezz tax-xiri jew mill-prezz tal-bejgħ ta' oġġett jew skond il-każ, mill-prezz tal-provvista ta' servizzi. Fil-proċedimenti prinċipali, tqajmet il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2, 5(6) u 6(2)(b), tas-Sitt Direttiva jipprekludux din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regeringsratten ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Fil-każ fejn ir-Regeringsratten, hija u tiddeċiedi fuq il-kwistjoni, tikkonkludi li l-provvisti mwettqa mill-kumpannija huma provvisti ta' oġġetti, l-Artikoli 2 u 5(6), tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tagħhom jipprekludu li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tippreskrivi li applikazzjoni ta' oġġetti għal użu privat tfisser li persuna taxxabbli titrasferixxi oġġett lil persuna taxxabbli oħra bi ħlas li huwa inqas mill-valur ta' xiri ta' l-oġġett jew ta' oġġetti simili jew, f'nuqqas ta' tali valur, mill-prezz ta' bejgħ?
2) Fil-każ fejn ir-Regeringsratten, hija u tiddeċiedi fuq il-kwistjoni, tikkonkludi li l-provvisti mwettqa mill-kumpannija huma provvisti ta' ikel , l-Artikoli 2 u 6(2)(b), tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tagħhom jipprekludu li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tippreskrivi li provvista ta' servizzi għal użu privat tfisser li persuna taxxabbli twettaq, jew tirranġa biex jitwettqu, jew b'xi mod ieħor tipprovdi servizz għall-użu privat taħha jew tal-persunal tagħha, jew għal skopijiet oħra li mhumiex relatati ma' l-attività eżerċitata mill-persuna taxxabbli, jekk dan is-servizz huwa offert bi ħlas li huwa inqas mill-prezz tal-provvista ta' servizzi?"
Fuq id-domandi preliminari
18 Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' l-ammont taxxabbli għal provvista ta' oġġetti jew ta' servizzi minn persuna taxxabbli lill-membri tal-persunal tagħha għal prezz inqas mill-prezz ta' bejgħ. Dawn huma intiżi, b'mod partikolari, sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kompattibbiltà, mad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, tal-Liġi Żvediża li tapplika r-regoli li jinsabu fl-Artikoli 5(6) u 6(2)(b), ta' din id-direttiva, fil-każ fejn teżisti effetivament kunisderazzjoni għall-provvista ta' oġġett jew ta' servizz iżda fejn din il-kunsiderazzjoni hija inqas mill-prezz ta' bejgħ ta' l-imsemmi oġġett jew ta' l-imsemmi servizz.
19 Il-Gvern Grieg u dak Żvediż iqisu li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 5(6) u 6(2)(b), tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu estensjonijiet tal-kamp ta' provvisti taxxabbli fis-sens li l-VAT tolqot ukoll it-trasferimenti ta' oġġetti u servizzi li ma jsirux "bi ħlas" skond l-Artikolu 2 ta' l-istess Direttiva. Jirriżulta minn dawn l-istess dispożizzjonijiet, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 11A ta' l-imsemmija direttiva, li l-għan tagħha huwa li jiġi evitat li persuna taxxabbli jew il-membri tal-persunal tagħha jgawdu minn vantaġġi mhux ġustifikati meta mqabbla mal- konsumaturi normali (ara s-sentenzi tat-8 ta' Marzu C415/98 Bakcsi [2001] Ġabra I-1831, punt 42, kif ukoll tas-17 ta' Mejju 2001, Fischer u Brandenstein C322/99 u C323/99 [2001] Ġabra I-4049, punt 56). F'dan is-sens, is-Sitt Direttiva, tissuġġetta għal taxxa mhux biss it-trasferimenti bla ħlas, iżda wkoll it-trasferimenti għal prezz inqas mill-prezz ta' bejgħ.
20 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern Daniż isostnu li l-Artikoli 5(6) u 6(2)(b) tas-Sitt Direttiva japplikaw skond il-kliem tagħhom, biss fil-każ ta' provvisti mwettqa bla ħlas. Skond l-Artikolu 11A(1)(a), ta' din id-direttiva, l-ammont taxxabbli jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni effettivament imħallsa mill-impjegat lil min iħaddmu, anki jekk din il-kunsiderazzjoni hija inqas mill-prezz ta' bejgħ ta' l-ikla pprovduta.
21 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ir-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 11A(1)(a), tas-Sitt Direttiva, l-ammont taxxabbli fuq provvista ta' oġġett jew ta' servizz, mwettqa bi ħlas, huwa kostitwit mill-kunsiderazzjoni li l-persuna taxxabbli effettivament irċeviet. Għaldaqstant din il-kunsiderazzjoni tikkostitwixxi l-valur suġġettiv, jiġifieri dak realment irċevut, u mhux il-valur stmat skond kriterji oġġettivi (ara s-sentenzi ta' l-5 ta' Frar 1981, kawża 154/80, Cooperatieve Aardappelenbewaarplaats, Ġabra p. 445, punt 13; 23 ta' Novembru 1988, kawża 230/87, Naturally Yours Cosmetics, Ġabra p. 6365 punt16; tas-27 ta' Marzu 1990, kawża C126/88 Boots Company, Ġabra p. I-1235, punt 19; tas-16 ta' Ottubru 1997, kawża C258/95 Fillibeck, Ġabra p. I-5577, punt 13 u tad-29 ta' Marzu 2001 kawża C404/99 Il-Kummissjoni vs Franza, Ġabra I-2667, punt 38). Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni għandha tkun tista' tiġi espressa fi flus (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Cooperatieve Aardappelenbewaarplaats punt 13; Naturally Yours Cosmetics punt 16 u Fillibeck, punt 14).
22 Kif jenfasizza ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li provvista kummerċjali ssir għal prezz li huwa iktar jew inqas mill-prezz ta' bejgħ huwa irrelevanti għall-kwalifika ta' provvista bħala "provvista bi ħlas". Fil-fatt, dan l-aħħar kunċett jissoponi biss l-eżistenza ta' rabta diretta bejn il-provvista ta' oġġetti jew ta' servizzi u kunsiderazzjoni effettivament irċevuta mill-persuna taxxabbli (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Marzu kawża 102/86, Apple and Pear Development Council, Ġabra p. 1443, punt 12).
23 L-Artikoli 5(6) u 6(2), tas-Sitt Direttiva jassimilaw ċerti provvisti li għalihom ebda kunisderazzjoni mhija rċevuta mill-persuna taxxabbli ma' provvisti ta' oġġetti u ta' servizzi mwettqa bi ħlas. L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-persuna taxxabbli li tapplika oġġett jew li tipprovdi servizz għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, minn naħa, u l-konsumatur finali li jakkwista' oġġett jew servizz ta' l-istess tip, min-naħa l-oħra (ara s-sentenzi tas-26 ta' Settembru 1996, kawża C230/94 Enkler. Ġabra p. I4517, punt 35; Fillibeck, iċċitat iktar 'il fuq punt 25, u Fischer u Brandenstein, iċċitat iktar 'il fuq punt 56). Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-imsemmija Artikoli 5(6) u 6(2)(a), tas-Sitt Direttiva jimpedixxu li persuna taxxabbli li setgħat tnaqqas il-VAT fuq ix-xiri ta' oġġett intiż għall-impriża tagħha tevita li tħallas din it-taxxa meta hija tapplika dan l-oġġett mill-patrimonju ta' l-impriża tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha u li għaldaqstant tapprofitta minn vantaġġi li mhijiex intolata għalihom meta mqabbla mal-konsumatur finali li jixtri l-oġġett u jħallas il-VAT fuqu (ara s-sentenzi tas-6 ta' Mejju kawża C20/91 De Jong Ġabra p. I41517 punt 15; Bakcsi ċċitat iktar 'il fuq punt 42; Enkler iċċitat iktar 'il fuq punt 33 u Fischer u Brandenstein, ċċitat iktar 'il fuq punt 56). Bl-istess mod, l-Artikolu 6(2)(b), tas-Sitt Direttiva jimpedixxi li persuna taxxabbli, jew membri tal-persunal tagħha jiksbu mingħajr taxxa provvisti ta' servizzi mill-persuna taxxabbli li għalihom persuna privata kien ikollha tħallas il-VAT.
24 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li fil-futur il-membri tal-persunal ta' Scandic ser ikomplu jħallsu kunsiderazzjoni għall-ikliet ipprovduti mill-kumpannija. Peress illi l-provvista kkonċernata issir bi ħlas skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, l-Artikoli 5(6) u 6(2)(b) tas-Sitt Direttiva m'għandhomx għalfejn jiġu applikati. Fil-fatt, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jikkonċernaw biss il-provvisti mwettqa bla ħlas li huma meqjusa bħala provvisti mwettqa bi ħlas għall-finijiet ta’ l-impożizzjoni tal-VAT.
25 Skond il-Gvern Żvediż, l-għan u l-effett utli ta' l-Artikoli 5(6) u 6(2)(b), tas-Sitt Direttiva jkunu qegħdin jiġu kompromessi jekk provvista mwettqa għal kunsiderazzjoni simbolika ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, il-ħlas tal-VAT jista' fil-biċċa kbira jiġi evitat jekk il-persuna taxxabbli jew l-impjegati tagħha setgħu jiksbu oġġett jew servizz għall-somma simbolika u jkunu intaxxati fuq il-bażi ta' din il-kunsiderazzjoni.
26 F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju bl-ebda mod ma’ tindika li s-somma mħallsa fil-futur mill-membri tal-persunal ta' Scandic għall-provvista ta' ikliet fil-kantin tal-kumpannija ser issir simbolika. F'kull każ, ir-riskju mqajjem mill-Gvern Żvediż jista' jagħti lok biss għal domanda ibbażata fuq l-Artikolu 27 ta' din id-Direttiva, dwar l-introduzzjoni minn Stat Membru kkonċernat ta' miżuri derogatorji bil-għan li jiġu evitati ċerti frodi jew evażjonijiet mit-taxxa.
27 Barra minn hekk, il-Gvern Żvediż josserva li skond l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, is-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvisti taxxabbli, jiffurmaw parti mill-ammont taxxabbli. Jekk impriża tissusidja l-ikliet offruti lill-membri tal-persunal tagħha billi tirrikorri għal kumpanija ta’ l-ikel esterna hija tħallas direttament lil din l-ammont tas-sussidju li jikkompleta l-prezz imħallas mill-persunal lill-kumpannija ta’ l-ikel. Għalhekk is-sussidju jkun ikkunsidrat bħala somma marbuta direttament mal-prezz u jidħol fl-ammont taxxabbli b’applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni. Issa, kumpannija li tissussidja ikliet billi tuża s-servizzi tagħha stess ta’ ikel għandha tkun intaxxata bl-istess mod.
28 F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond ir-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, l-ammont taxxabbli għall-provvista ta' oġġett jew ta' servizz huwa kostitwit mill-kunsiderazzjoni effettivament irċevuta mill-persuna taxxabbli "mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti".
29 Il-parti tal-frażi li għaliha jirreferi l-Gvern Żvediż tirrigwarda sitwazzjonijiet li jinvolvu tliet partijiet, jiġifieri dik li tagħti s-sussidju, il-fornitur ta' l-oġġett jew tas-servizz u x-xerrej ta’ l-oġġett jew dik li tirċievi s-servizz (ara s-sentenza tat-22 ta' Novembru 2001, kawża C184/00 Office des produits wallons, Ġabra p. I-9115, punt 10). F’din il-kawża hawn biss żewġ partijiet, jiġifieri Scandic bħala l-fornitur ta' oġġetti jew servizzi minn naħa, u l-membri tal-persunal tagħha, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, kif jirriżulta b'mod ċar mill-Artikolu 11A(1)(a), tas-Sitt Direttiva, il-kunsiderazzjoni hija dejjem mogħtija mix-"xerrej, [il-] klijent jew […] it-tielet parti", u għaldaqstant m’hija qatt mogħtija mill-fornitur stess jew minn min jipprovdi s-servizz stess. Il-prezz imħallas mill-persuna taxxabbli stess għall-provvista ta' ikla lill-persunal tagħha ma jistax għaldaqstant jidħol fl-ammont taxxabbli għall-provvista kkonċernata.
30 Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Artikoli 2, 5(6) u 6(2)(b), tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra bħala l-applikazzjoni ta' oġġett jew il-provvista ta' servizzi għall-użu privat, provvisti li għalihom kunsiderazzjoni hija mħallsa anki jekk din il-kunsiderazzjoni hija inqas mill-prezz ta' xiri ta' l-oġġett jew tas-servizz ipprovdut.
Dwar l-ispejjeż
31 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikoli 2, 5(6) u 6(2)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/338/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom ikunu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra bħala l-applikazzjoni ta' oġġett jew il-provvista ta' servizzi għall-użu privat, provvisti li għalihom il-kunsiderazzjoni hija mħallsa anki jekk din il-kunsiderazzjoni hija inqas mill-prezz ta' xiri ta' l-oġġett jew tas-servizz ipprovdut.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.