Avviż Legali Importanti
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-498/03
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Novembru 2003, fil-proċedura fl-ismijiet
Kingscrest Associates Ltd,
Montecello Ltd
vs
Commissioners of Customs & Excise,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Borg Barthet, A. La Pergola, J. Malenovsk u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Jannar 2005,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
- għal Kingscrest Associates Ltd u Montecello Ltd, minn A. Hitchmough, barrister, mandatarju ta' C. Mainprice, solicitor,
- għar-Renju Unit, minn K. Manjiil-Kummissjoni u C. White, bħala aġenti, assistiti minn N. Paines, QC, u P. Mantle, barrister,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta' Frar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem "is-Sitt Direttiva").
2. Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' kawża bejn, min-naħa l-waħda, Kingscrest Associates Ltd u Montecello Ltd u, min-naħa l-oħra, il-Commissioners of Customs & Excise (iktar 'il quddiem "il-Commissioners"), l-awtorità kompetenti fir-Renju Unit fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem "il-VAT"), li tirrigwarda l-eżenzjoni mill-VAT ta' provvisti fornuti minn Kingscrest Residential Care Homes (iktar 'il quddiem "Kingscrest"), soċjetà li ġiet imwaqqfa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bl-iskop li tmexxi djar residenzjali ta' kura fir-Renju Unit, filwaqt li, skond dawn ta' l-aħħar, dawn il-provvisti għandhom jiġu ssoġġettati għall-VAT.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3. L-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jiddisponi:
"Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kundizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta' kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:
[...]
(g) il-provvediment [provvista] tas-servizzi u ta' l-oġġetti marbuta mal-konfort [ welfare ] u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk fornuti mid-djar ta' l-anzjani, mill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità [ recognized as charitable ] mill-Istat Membru konċernat;
(h) il-provvista ta' servizzi u ta' oġġetti marbuta mill-qrib mal-protezzjoni tat-tfal u ta' żgħażagħ minn entitajiet regolati bid-dritt pubbliku jew minn organizazzjonijet rikonoxxuti bħala tal-karita [ recognized as charitable ] mill-Istat Membru konċernat;
[...]"
4. L-Artikolu 13A(2) tas-Sitt Direttiva jistipula:
"2. (a) L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti lill-entitjajiet għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta' kull eżenzjoni pprovduta f'(1) (b) (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta' dan l-Artikolu soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kundizzjonijet li ġejjin:
- huma m'għandhomx sistemikament jimmiraw biex jagħmlu profitt, imma kwalunkwe profitti li mandanakollu jirriżultaw m'għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti,
[...]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-persuni li jmexxu djar residenzjali ta' kura
5. Qabel l-1 ta' April 2002, ir-reġistrazzjoni, mill-awtoritajiet lokali kompetenti, ta' djar residenzjali ta' kura għall-adulti kienet regolata mil-liġi ta' l-1984 dwar id-djar ta' kura reġistrati (Registered Homes Act 1984) u r-reġistrazzjoni tad-djar għat-tfal kienet regolata mil-liġi ta' l-1989 dwar il-protezzjoni tat-tfal (Children Act 1989). Mill-1 ta' April 2002, ir-reġistrazzjoni min-National Care Standards Commission (il-Kummissjoni Nazzjonali għall- Istandards tal-Kura) ta' persuni jew entitajiet li jmexxu djar ta' dan it-tip hi regolata mil-liġi ta' l-2000 dwar l- istandards tal-kura (Care Standars Act 2000).
6. Il-Care Standards 2000 Act jiddefinixxi "dar għat-tfal" bħala stabbiliment li joffri kura u alloġġ esklużivament jew prinċipalment għat-tfal u "dar ta' kura" bħala stabbiliment li joffri alloġġ kif ukoll kura mogħtija minn infermiera u kura personali għal persuni li huma jew li kienu morda, li għandhom jew kellhom xi mard mentali, li għandhom diżabilità jew infermità, jew li huma jew li kienu dipendenti fuq ix-xorb jew id-droga.
7. Skond il-Care Standards Act 2000, persuni jew entitajiet li jmexxu djar għat-tfal jew djar ta' kura għandhom ikunu reġistrati man-National Care Standards Commission. Din ta' l-aħħar tista' tilqa' applikazzjoni għal reġistrazzjoni biss jekk tkun tal-fehma li l-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi se jiġu sodisfatti. Ir-reġistrazzjoni tista' tiġi annullata sussegwentement jekk, b'mod partikolari, l-applikant jinstab ħati ta' reat skond il-Care Standards Act 2000, jew skond ir-Registered Homes Act 1984, jew iċ-Children Act 1989, jew jekk l-istabbiliment ma jkunx tmexxa skond il-kundizzjonijiet tal-Care Standards Act 2000 jew ta' kwalunkwe liġi relevanti oħra.
8. In-National Care Standards Commission tista', f'kull waqt, teżiġi informazzjoni dwar stabbiliment jew teżiġi li tidħol fih u tispezzjonah, li teżamina jew tneħħi dokumenti u li jkollha diskussjonijiet privati mal-personal u ma' residenti, bil-kundizzjoni li dawn ta' l-aħħar jagħtu l-kunsens tagħhom.
9. Il-Care Standards Act 2000 jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali bil-bażi ġuridika neċessarja biex jadottaw regoli li jiddefinixxu eventwali eżiġenzi supplimentari xierqa jew biex ikunu jistgħu jippubblikaw dikjarazzjonijiet dwar l- istandards minimi nazzjonali applikabbli għal dawn l-istabbilimenti.
Il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT
10. Skond il-liġi ta' l-1994 dwar il-VAT (Value Added Tax Act 1994, iktar 'il quddiem il-"VAT Act"), provvisti ta' servizzi ta' welfare jistgħu jiġi eżentati mill-VAT.
11. Qabel il-21 ta' Marzu 2002, il-punt 9 tal-Grupp 7 tad-Disa' Skeda tal-VAT Act kien jeżenta biss provvisti ta' servizzi ta' welfare fornuti, għal skop ieħor milli biex isir profitt, minn "charity" jew entità regolata mid-dritt pubbliku u provvisti ta' oġġetti marbutin magħhom.
12. Skond il-liġi Ingliża, "charity" għandha tiġi stabbilita esklużivament għal finijiet karitatevoli u għalhekk ma jistax ikollha l-iskop li tagħmel profitt.
13. Il-punt 9 tal-Grupp 7 tad-Disa' Skeda tal-VAT Act, kif emendat mir-Regolament dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fil-qasam tas-saħħa u tal- welfare [Value Added Tax (Health and Welfare) Order 2002 (SI 2002/762), iktar 'il quddiem "il-VAT Act emendat"], jeżenta "il-provvista ta' servizzi ta' welfare u ta' oġġetti marbuta magħhom minn:
a) charity',
b) stabbiliment privat ta' welfare li hu regolat mill-Istat,
c) entità regolata mid-dritt pubbliku".
14. Skond in-nota 6 tal-Grupp 7 tal-VAT Act emendat, is-servizzi ta' welfare koperti mill-eżenzjoni huma definiti bħala s-servizzi direttament marbuta mal-kura, mat-trattamenti u mat-tagħlim mogħti biex itejjeb il-benessri fiżiku jew mentali ta' l-anzjani, tal-morda, tal-persuni mdejqin jew li għandhom diżabilità u mal-protezzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waqqfu s-soċjetà Kingscrest bil-għan li jmexxu djar residenziali ta' kura fir-Renju Unit. Kingscrest għandha l-iskop li tagħmel profitt u għalhekk m'hijiex "charity" skond it-tifsira tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hija tmexxi erbat idjar, li lkoll kienu preċedentement reġistrati mill-awtoritajiet lokali kompetenti skond ir-Registered Homes Act 1984 jew iċ-Children Act 1989, u llum huma reġistrati skond il-Care Standards Act 2000.
16. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, m'huwiex ikkontestat li l-provvisti fornuti minn Kingscrest huma "servizzi ta' welfare " skond it-tifsira tal-punt 9 tal-Grupp 7 tad-Disa' Skeda tal-VAT Act emendat, u li din is-soċjetà hi "stabbiliment privat ta' welfare li hu regolat mill-Istat" skond it-tifsira ta' l-istess dispożizzjoni.
17. Sal-21 ta' Marzu 2002, il-provvisti fornuti minn Kingscrest kienu soġġetti għall-VAT. Minn dik id-data 'l hawn, dawn il-provvisti ġew eżentati mill-VAT, permezz ta' deċiżjoni tal-Commissioners, minħabba li l-imsemmija soċjetà waqfet milli tagħmel provvisti taxxabbli wara dik id-data, konformement ma' l-imsemmi punt 9.
18. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw kontra din id-deċiżjoni fuq il-bażi li l-punt 9 tal-Grupp 7 tad-Disa' Skeda tal-VAT Act emendat m'huwiex kompatibbli ma' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva. Bl-introduzzjoni tal-kunċett ta' "stabbiliment privat ta' welfare li hu regolat mill-Istat", il-leġiżlazzjoni nazzjonali marret lil hinn minn dak li s-Sitt Direttiva tippermetti.
19. Il-Commissioners wieġbu li t-terminu "charitable" użat fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva jirreferi għal kunċett ta' dritt Komunitarju li m'għandux l-istess tifsira bħal dik tat-terminu "charitable" fil-liġi domestika. "L-organizzazzjonijiet ... rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru kkonċernat", skond it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni, jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet reġistrati skond ir-Registered Homes Act 1984, iċ-Children Act 1989 jew il-Care Standards Act 2000.
20. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-VAT and Duties Tribunal, London, ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Huwa permissibbli li wieħed jirrikorri għal verżjonijiet lingwistiċi oħra tas-Sitt Direttiva [...] biex tiġi determinata t-tifsira tat-terminu 'charitable' [fil-verżjoni Ingliża ta'] l-Artikolu 13A(1)(g) u (h), jew dan it-terminu għandu jkollu l-istess tifsira bħalma għandu fil-liġi domestika?
2) Jekk l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) [tas-Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal organizzazzjoni rikonoxxuta bħala li għandha natura soċjali, l-Artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li hu applikabbli għal entità li għandha l-iskop li tagħmel profitt bħas-soċjetà [Kingscrest]?
3) L-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-[Sitt] Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu, għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, organizzazzjoni reġistrata skond il-Care Standards Act 2000 (jew skond ir-Registered Homes Act 1984 jew iċ-Children Act 1989), iżda li ma tkunx entità regolata mid-dritt pubbliku u li ma jkolliex l-istatus ta' [charity'] skond il-liġi domestika ta' l-Istat Membru kkonċernat?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
21. Permezz ta' l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-terminu "charitable" msemmi fil-verżjoni Ingliża ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva għandux jingħata definizzjoni proprja li tkun differenti minn dik mogħtija fil-liġi domestika u, f'każ ta' tweġiba affermattiva, jekk l-interpretazzjoni ta' dan it-terminu għandiex tqis it-totalità tal-verżjonijiet lingwistiċi tas-Sitt Direttiva.
22. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-Dritt Komunitarju u għalhekk għandhom jingħataw definizzjoni Komunitarja (ara s-sentenzi tat-12 ta' Settembre 2000, il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-358/97, Ġabra p. I6301, punt 51; tat-12 ta' Ġunju 2003, Sinclair Collis, C-275/01, Ġabra p. I5965, punt 22, u tat-18 ta' Novembru 2004, Temco Europe, C-284/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16).
23. Dan għandu jkun il-każ ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet speċifiċi li huma meħtieġa sabiex wieħed igawdi minn dawn l-eżenzjonijiet u, b'mod partikolari, ta' dawk li jikkonċernaw il-kwalità jew l-identità ta' l-operatur ekonomiku li jforni provvisti li huma koperti mill-eżenzjoni (sentenza tal-11 ta' Awwissu 1995, BulthuisGriffioen, C-453/93, Ġabra p. I2341, punt 18).
24. Fil-fatt, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm skond il-frażi introduttiva ta' l-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet sabiex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara u sabiex jimpedixxu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jaffettwaw id-definizzjoni tal-kontenut ta' l-eżenzjonijiet provduti (sentenza ta' l-20 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-287/00, Ġabra p. I-5811, punt 50)
25. Fid-dawl ta' dan, il-fatt li tranżazzjoni partikolari tiġi ssoġġettata għal jew eżentata mill-VAT, ma jiddependix mill-mod kif tkun kwalifikata fil-liġi domestika (ara s-sentenzi tal-11 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni vs Franza, C-76/99, Ġabra p. I249, punt 26, u tas-16 ta' Jannar 2003, Maierhofer, C-315/00, Ġabra p. I563, punt 26).
26. Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li n-neċessità ta' interpretazzjoni uniformi tad-direttivi Komunitarji teskludi li, f'każ ta' dubju, it-test ta' dispożizzjoni jiġi meqjus għalih waħdu u għall-kuntrarju titlob li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenzi tat-2 ta' April 1998, EMU Tabac e.a., C-296/95, Ġabra p. I1605, punt 36, u tas-17 ta' Ġunju 1998, Mecklenburg, C-321/96, Ġabra p. I3809, punt 29).
27. F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li t-terminu "charitable" fil-verżjoni Ingliża ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxi kunċett awtonomu ta' dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat billi jitqiesu t-totalità tal-verżjonijiet lingwistiċi ta' l-imsemmija direttiva.
Fuq it-tieni domanda
28. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta' "organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru kkonċernat" fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva jistax jiġi applikat għal entitajiet privati li għandhom l-iskop li jagħmlu profitt.
29. Għandu jiġi mfakkar li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati restrittivament, peress illi dawn jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jiddisponi li l-VAT għandha tiġi ntaxxata fuq il-provvisti ta' servizzi kollha fornuti b'titolu oneruż minn persuna taxxabbli (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi l-Kummissjoni vs il-Ġermanja, ċitata iktar 'il fuq, punt 43; ta' l-20 ta' Novembru 2003, Taksatorringen, C8/01, Ġabra p. I-13711, punt 36, u Temco Europe, ċitata iktar 'il fuq, punt 17). Madankollu, l-interpretazzjoni tat-termini użati f'din id-dispożizzjoni għandha tkun konsistenti ma' l-għanijiet li dawn l-eżenzjonijiet jippruvaw jilħqu u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-prinċipju ta' newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni ta' VAT (sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Dornier, C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 42).
30. F'dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-għanijiet li l-eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva jippruvaw jilħqu, jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-imsemmija eżenzjonijiet, billi jassiguraw trattament aktar favorevoli, fil-kamp tal-VAT, fir-rigw ard ta' ċerti provvisti ta' servizzi ta' interess pubbliku magħmula fis-settur soċjali, huma intiżi sabiex inaqqsu l-ispejjeż ta' dawn is-servizzi u li jagħmluhom aktar aċċessibbli għall-individwi li jistgħu jibbenefikaw minnhom.
31. Fid-dawl ta' dan l-għan, għandu jiġi mfakkar, min-naħa l-waħda, li n-natura kummerċjali ta' attività ma teskludix, fil-kuntest ta' l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva, li l-attività tkun waħda ta' interess pubbliku (sentenza tat-3 ta' April 2003, Hoffmann, C-144/00, Ġabra p. I-2921, punt 38).
32. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta' "organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala tal-karità" fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva, ma jeħtieġx interpretazzjoni partikolarment restrittiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dornier, ċitata iktar 'il fuq, punt 48).
33. Għandu jiġi rilevat li, bl-eċċezzjoni, skond il-każ, tal-verżjonijiet Daniżi u Żvediżi ta' din id-dispożizzjoni, li essenzjalment jirreferu għat-tfittxija ta' l-interess pubbliku, l-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta' din id-dispożizzjoni ma tillimita l-benefiċċju ta' l-eżenzjonijiet provduti fiha biss għal entitajiet li ma jagħmlux profitt.
34. Skond interpretazzjoni letterali tat-test ta' dawn il-verżjonijiet l-oħra ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva, sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni, hu biżżejjed li jissodisfa żewġ kundizzjonijiet, li huma, min-naħa l-waħda, li jforni provvisti marbutin, kemm mal- welfare u mas-sigurtà soċjali, kif ukoll mal-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, u min-naħa l-oħra, li l-imsemmija provvisti jkunu fornuti minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti mill-Istat membru kkonċernat bħala li huma essenzjalment tal-karità.
35. It-terminu "organiżmu" hu, in prinċipju, wiesa' biżżejjed biex jinkludi entitajiet privati li għandhom l-iskop li jagħmlu profitt (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Settembru 1999, Gregg, C-216/97, Ġabra p. I-4947, punt 17, u Hoffmann, ċitata iktar 'il fuq, punt 24).
36. Għaldaqstant, għandu jiġi rilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta' entità privata li tipprova tikseb profitt, li l-espressjoni "organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru konċernat", fl-Artikolu 13A(1)(g) tas-Sitt Direttiva, ma teskludix lill-persuni naturali li jmexxu "negozju" mill-benefiċċju ta' l-eżenzjoni (ara s-sentenza Gregg, ċitata iktar 'il fuq, punt 21).
37. Barra minn hekk, għandu jingħad, kif ġustament argumentaw il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Renju Unit, li, meta l-leġiżlatur Komunitarju ried jillimita l-għoti ta' l-eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva għal ċerti entitajiet li ma jagħmlux profitt, jew li m'humiex ta' natura kummerċjali, huwa indika dan b'mod espliċitu, kif jirriżulta mill-Artikolu 13A(1)(i), (m) u (q).
38. Fl-aħħarnett, għandu jiġi rilevat li l-ewwwl inċiż ta' l-Artikolu 13A(2)(a) tas-Sitt Direttiva, li jikkostitwixxi kundizzjoni fakoltattiva li l-Istati Membri jistgħu jimponu b'mod supplimentari għall-għoti ta' wħud mill-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13A(1) ta' din id-Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Zoological Society, C-267/00, Ġabra p. I3353, punt 16), jawtorizza, iżda ma jobbligax, lill-Istati Membri biex jillimitaw il-benefiċċju ta' l-eżenzjonijiet provduti, b'mod partikolari, fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h), għal entitajiet, għajr dawk regolati mid-dritt pubbliku, li ma jimmirawx sistematikament biex jagħmlu profitt (sentenza Hoffmann, ċitata iktar 'il fuq, punt 38).
39. Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni stipulata fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 13A(2)(a) tas-Sitt Direttiva dwar in-nuqqas ta' mira sistematika biex isir profitt hi bażikament l-istess bħall-kriterju ta' organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt, kif inhu stipulat b'mod partikolari fl-Artikolu 13A(1)(m) ta' din id-Direttiva (sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Kennemer Golf, C-174/00, Ġabra p. I3293, punt 33).
40. F'dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ma jitneħħiex l-iskop ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 13A(2)(a) tas-Sitt Direttiva, għandu bilfors jiġi aċċettat li, meta l-leġiżlatur Komunitarju, bħal fil-każ ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h), ma ssoġġettax, b'mod espliċitu, il-benefiċċju ta' l-eżenzjonijiet in kwistjoni għan-nuqqas ta' skop li jsir profitt, it-tfittxija ta' tali skop ma teskludix il-benefiċċju ta' l-imsemmija eżenzjonijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi hawn fuq ċitati Kennemer Golf, punt 34, u Hoffmann, punt 38).
41. Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta' newtralità fiskali, għandu jiġi mfakkar li dan il-prinċipju jipprekludi, b'mod partikolari, li provvisti ta' servizzi simili, li għalhekk ikunu jikkompetu ma' xulxin, jiġu trattati b'mod differenti għall-finijiet ta' VAT (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-10 ta' Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I6833, punt 30, u tat-23 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-109/02, Ġabra p. I12691, punt 20).
42. Għandu jingħad, kif irrileva l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punt 29 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li dan il-prinċipju jinkiser jekk, fejn il-leġiżlatur nazzjonali ma jkunx issoġġetta l-eżenzjoni għall-kundizzjoni stipulata fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 13A(2)(a) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi ta' welfare koperti mill-Artikolu 13A(1)(g) u (h) jiġu trattati b'mod differenti, għall-finijiet ta' VAT, skond jekk l-entitajiet li jfornuhom ikollhomx jew le l-iskop li jagħmlu profitt.
43. Jirriżulta mit-totalità ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li t-tfittxija ta' tali skop mhijiex tali li teskludi l-benefiċċju ta' l-eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva.
44. M'għandux jitqajjem dubju dwar din il-konklużjoni mill-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress illi għandhom l-iskop li jagħmlu profitt, m'għandhomx l-istatus ta' "charity" skond il-liġi domestika, meta l-verżjoni Ingliża ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u(h) tas-Sitt Direttiva tirriżerva l-eżenzjonijiet provduti fiha għal organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala "charitable". Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tweġiba għall-ewwel domanda, il-kunċetti msemmija fis-Sitt Direttiva huma kunċetti awtonomi ta' dritt Komunitarju u mhux kunċetti ta' liġi domestika.
45. Konsegwentement, billi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma organizzazzjoni rikonoxxuta bħala tal-karità skond it-tifsira ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva, l-eżenzjonijiet provduti f'din id-dispożizzjoni japplikaw għalihom, minkejja l-fatt li għandhom l-iskop li jagħmlu profitt u għalhekk, m'għandhomx l-istatus ta' "charity" skond il-liġi domestika.
46. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stess ammettew li t-tfittxija ta' l-skop li jsir profitt, filwaqt illi tikkostitwixxi kriterju relevanti li għandu jitqies biex jiġi determinat jekk organizzazzjoni tkunx tal-karità skond it-tifsira ta' l-imsemmija dispożizzjoni, bl-ebda mod ma teskludi li l-organizzazzjoni tkun waħda tal-karità.
47. Għaldaqstant, it-tweġiba għat-tieni domanda għandha tkun li l-kunċett ta' "organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru kkonċernat" imsemmi fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva ma jeskludix lil entitajiet privati li għandhom l-iskop li jagħmlu profitt.
Fuq it-tielet domanda
48. Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Istati Membri għandhomx setgħa diskrezzjonali biex jirrikonoxxu lil entità privata li għandha l-iskop li tagħmel profitt u li m'għandix l-istatus ta' "charity" skond il-liġi domestika, bħala tal-karità għall-finijiet ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva.
49. F'dan ir-rigward, għandu mill-bidu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta' kif entitajiet għajr dawk regolati mid-dritt pubbliku jiġu rikonoxxuti bħala tal-karità. Għaldaqstant, bħala prinċipju, hu d-dritt nazzjonali ta' kull Stat Membru li għandu jistipula r-regoli skond liema tali rikonoxximent jista' jingħata lil tali entitajiet. (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dornier, ċitata iktar 'il fuq, punt 64).
50. L-adozzjoni ta' regoli nazzjonali f'dan ir-rigward hija wkoll prevista fl-Artikolu 13A(2)(a) tas-Sitt Direttiva, skond liema: "[l]-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti lill-entitjajiet għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta' kull eżenzjoni pprovduta f'(1) [...] (g), (h), [...] ta' dan l-Artikolu soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kundizzjonijet" imsemmija iktar 'il quddiem f'dik id-dispożizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dornier, ċitata iktar 'il fuq, punt 65).
51. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva jagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' l-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenza Kügler, ċitata iktar 'il fuq, punt 54), biex jirrikonoxxu lil ċerti entitajiet li mhumiex regolati mid-dritt pubbliku, bħala tal-karità.
52. Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li, meta persuna taxxabbli tikkontesta r-rikonoxximent ta' organizzazzjoni bħala tal-karità, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivvalutaw jekk l-awtoritajiet kompetenti ikunux irrispettaw il-limiti tad-diskrezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva billi japplikaw il-prinċipji Komunitarji, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' trattament ugwali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi hawn fuq ċitati Kügler, punt 56, u Dornier, punt 69).
53. F'dan ir-rigward, isegwi mill-ġurisprudenza, li huma l-awtoritajiet nazzjonali, skond id-dritt Komunitarju u taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali, li għandhom iqisu, b'mod partikolari, l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet speċifiċi, sew jekk ikunu nazzjonali jew reġjonali, leġiżlattivi jew amministrattivi, fiskali jew ta' sigurtà soċjali, l-interess pubbliku fl-attivitajiet tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-fatt li persuni taxxabbli oħra li jwettqu l-istess attivitajiet diġà jibbenefikaw minn rikonoxximent simili, kif ukoll il-fatt li l-parti l-kbira ta' l-ispejjeż tal-provvisti in kwistjoni eventwalment tiġi mħallsa minn skemi ta' assigurazzjoni tas-saħħa jew minn entitajiet oħra ta' sigurtà soċjali. (ara s-sentenzi hawn fuq ċitati Kügler, punti 57 u 58, u Dornier, punt 72).
54. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' newtralità fiskali jipprekludi, b'mod partikolari, li provvisti ta' servizzi simili, li għalhekk ikunu jikkompetu ma' xulxin, jiġu trattati b'mod differenti għall-finijiet ta' VAT (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi hawn fuq ċitati Kügler, punt 30, u tat-23 ta' Ottubru 2003 il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, punt 20).
55. Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, filwaqt li tqis dawn l-elementi kollha, jekk ir-rikonoxximent ta' Kingscrest bħala organizzazzjoni tal-karità għall-finijiet ta' l-eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva jwassalx jew le għall-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali meta tiġi mqabbla ma' operaturi oħra li jfornu l-istess provvisti f'sitwazzjonijiet kumparabbli.
56. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jsegwi mit-tweġiba għat-tieni domanda li l-kundizzjoni skond liema entitajiet privati li għandhom l-iskop li jagħmlu profitt jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala tal-karità, ma taqbiżx il-limiti tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva.
57. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' jekk il-limiti ta' din id-diskrezzjoni ġewx maqbuża f'dan il-każ, il-qorti nazzjonali tkun tista', min-naħa l-oħra, tqis, b'mod partikolari, il-fatt li, skond il-VAT Act emendat, il-benefiċċju ta' l-eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva jestendi ruħu għall-organizzazzjonijiet kollha reġistrati skond il-Care Standards Act 2000, kif ukoll il-fatt li dan l-Att u l-VAT Act emendat għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi li mhux biss jirriżervaw il-benefiċċju ta' dawn l-eżenzjonijiet biss għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' welfare li l-kontenut tagħhom hu definit minn dawn il-liġijiet, iżda jistabbilixxu wkoll il-kundizzjonijiet tat-twettiq ta' dawn il-provvisti, billi l-organizzazzjonijiet li jfornuhom jiġu ssoġġettati għal restrizzjonijiet u kontrolli min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali, f'termini ta' reġistrazzjoni, ta' spezzjoni u ta' regoli kemm dwar l-installazzjonijiet, kif ukoll dwar il-kwalifiki tal-persuni li jkunu awtorizzati biex imexxuhom.
58. Għaldaqstant, it-tweġiba għat-tielet domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, filwaqt li tikkunsidra, b'mod partikolari, il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' newtralità fiskali, u billi tqis f'xiex jikkonsistu l-provvisti tas-servizzi in kwistjoni u l-kundizzjonijiet skond liema jitwettqu, jekk ir-rikonoxximent bħala organizzazzjoni tal-karità għall-finijiet ta' l-eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 13A(1)(g) u(h) tas-Sitt Direttiva ta' entità privata li għandha l-iskop li tagħmel profitt u li, għalhekk, m'għandix l-istatus ta' "charity" skond il-liġi domestika, jaqbiżx il-limiti tad-diskrezzjoni mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-Istati Membri għall-finijiet ta' tali rikonoxximent.
Fuq l-ispejjeż
59. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħalsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) It-terminu "charitable" fil-verżjoni Ingliża ta' l-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, jikkostitwixxi kunċett awtonomu ta' dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat billi jitqiesu t-totalità tal-verżjonijiet lingwistiċi ta' l-imsemmija direttiva.
2) Il-kunċett ta' "organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru kkonċernat" imsemmi fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva 77/388 ma jeskludix lil entitajiet privati li għandhom l-iskop li jagħmlu profitt.
3) Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, filwaqt li tikkunsidra, b'mod partikolari, il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' newtralità fiskali, u billi tqis f'xiex jikkonsistu l-provvisti tas-servizzi in kwistjoni u l-kundizzjonijiet skond liema jitwettqu, jekk ir-rikonoxximent bħala organizzazzjoni tal-karità għall-finijiet ta' l-eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva 77/388 ta' entità privata li għandha l-iskop li tagħmel profitt u li, għalhekk, m'għandix l-istatus ta' "charity" skond il-liġi domestika, jaqbiżx il-limiti tad-diskrezzjoni mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-Istati Membri għall-finijiet ta' tali rikonoxximent.