Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

26 ta' Jannar 2006 (*)

"Regolament (KE) Nru 1798/2003 – Direttiva 2003/93/KE – Għażla tal-bażi ġuridika"

Fil-kawża C-533/03

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fid-19 ta' Diċembru 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.-M. Colaert u E. Karlsson, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn:

l-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, bħala aġent,

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn D. Wyatt, QC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, li tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU L 264, p. 1), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2003/93/KE tas-7 ta' Ottubru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE rigward l-għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' tassazzjoni diretta u indiretta (ĠU L 264 p. 23, iktar 'il quddiem, flimkien, l-"atti kkontestati"), u, min-naħa l-oħra, li żżomm l-effetti ta' dawn iż-żewġ atti sad-dħul fis-seħħ ta' l-atti li jissostiwixxuhom adottati fuq il-bażi ġuridika xierqa.

2       Permezz ta' Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Ġunju 2004, l-Irlanda, ir-Repubblika Portugiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq ġew awtorizzati sabiex jintervjenu għas-sostenn tat-talbiet tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, li jitlob lill-Qorti tiċħad ir-rikors.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest ġuridika

3       Id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ta' ċerti dazji tas-sisa u ta' tassazzjoni ta' primjums ta' l-assigurazzjoni (ĠU L 336, p. 15), tipprovdi, skond l-Artikolu 1(1) tagħha, l-iskambju bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ta' kull informazzjoni li tista' tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta' taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital. Skond l-Artikoli 2 u 4 ta' din id-Direttiva, din l-informazzjoni tiġi skambjata skond il-każ kemm fuq talba, kemm b'mod awtomatiku u kemm b'mod spontanju. Madankollu, skond it-termini ta' l-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva, din m'għandha timponi l-ebda obbligu sabiex isiru inkjesti jew li tingħata informazzjoni jekk l-Istat Membru, li għandu jagħti l-informazzjoni, jkun miżmum mil-liġijiet tiegħu jew mill-prassi amministrattivi milli jagħmel dawn l-inkjesti, jew milli jiġbor jew juża din l-informazzjoni għall-għanijiet ta' dan l-Istat.

4       Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 218/92 (KEE) tas-27 ta' Jannar 1992, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxi indiretti (VAT) (ĠU L 24, p. 1), jistabbilixxi sistema ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali ta' l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet intrakomunitarji, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' frodi marbut mat-tneħħija tal-kontrolli fiskali fil-fruntieri interni.

5       Fit-18 ta' Ġunju 2001, il-Kummissjoni ppreżentat lil Kunsill proposta ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 270 E, p. 87) u proposta ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/799 (ĠU C 270 E, p. 96). Dawn il-proposti, li kellhom bħala għan li jikkonsolidaw u li jsaħħu d-dispożizzjonijiet fuq il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT"), li jinsabu f'din id-Direttiva u fir-Regolament Nru 218/92, li jeskludu l-VAT mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva u li jżidu magħha t-taxxi fuq il-primjums ta' l-assigurazzjoni, kienu bbażati fuq l-Artikolu 95 KE.

6       Fis-6 ta' Frar 2002, il-Parlament Ewropew ippreżenta, fl-ewwel qari, opinjoni favorevoli fir-rigward ta' din il-proposta ta' regolament, taħt riserva ta' emenda żgħira tagħha (ĠU C 284, p. 178).

7       Il-Kunsill għamel xi emendi għal dawn il-proposti u ddeċieda li jbiddel il-bażi ġuridika tagħhom għar-raġuni li huma kienu jikkonċernaw kwistjonijiet fiskali u ma setgħux għaldaqstant jiġu adottati ħlief fuq il-bażi ta' l-Artikoli 93 KE u 94 KE. B'hekk il-Parlament ġie kkonsultat mill-ġdid. B'riżoluzzjoni tat-2 ta' Settembru 2003, huwa kkonferma li, fl-opinjoni tiegħu, il-bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni ta' dawn iż-żewġ atti huwa l-Artikolu 95 KE.

8       Fis-7 ta' Ottubru 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 1798/2003 fuq il-bażi ta' l-Artikolu 93 KE u d-Direttiva 2003/93 fuq il-bażi ta' l-Artikoli 93 KE u 94 KE.

9       Sussegwentement għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni rreġistrat fil-minuti tas-sessjoni tal-Kunsill li saret fl-imsemmija data komunikazzjoni skond liema hija "tieħu konjizzjoni ta' l-adozzjoni b'unanimità mill-Kunsill ta' test għal regolament fuq il-kooperazzjoni amministrativa fil-materja tal-VAT ibbażat fuq l-Artikoli 93 tat-Trattat u għal direttiva li tikkonċerna l-għajnuna reċiproka fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta bbażata fuq l-Artikoli 93 u 94 tat-Trattat; [hija] tafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha, li hija konformi mal-proposta oriġinali tagħha li l-Artikolu 95 tat-Trattat għandu jkun il-bażi ġuridika u tfakkar li l-iskop prinċipali tar-Regolament u tad-Direttiva mhuwiex li jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet fiskali, imma li jipprovdu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri".

10     L-ewwel ħames premessi tar-Regolament Nru 1798/2003 huma miktubin kif ġej:

"(1)      L-evażjoni tat-taxxa u l-frodi li jestendu mal-fruntieri ta' l-Istati Membri mhux biss iwasslu għal telf fil-budget [baġit] imma anke jwasslu għal vjolazzjonijiet tal-prinċipji ta' ġustizzja fiskali u jistgħu jipprovokaw distorsjonijiet ta' movimenti ta' kapital u tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Huma għalhekk jolqtu l-attività tas-suq intern.

(2)      Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tesiġi kooperazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet amministrattivi f'kull Stat Membru li hu responsabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f'dak il-qasam.

(3)      Il-miżuri ta' l-armonizzazzjoni tat-taxxa meħuda biex jitlesta s-suq intern għandhom għalhekk jinkludu l-istabbiliment ta' sistema komuni għal skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fejn l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom għandhom jassistu lil xulxin u jikkooperaw mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata applikazzjoni tajba tal-VAT fuq provvisti ta' prodotti u servizzi, fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta' prodotti u fuq l-importazzjoni ta' prodotti.

(4)      Ħażna elettronika u trasmissjoni ta' ċerta informazzjoni għal skopijiet ta' kontroll tal-VAT huma indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT.

(5)      Il-kundizzjonijiet għal tibdil ta' u aċċess dirett ta' Stati Membri għal, informazzjoni miżmuma b'mod elettroniku f'kull Stat għandhom jiġu mfissra b'mod ċar. L-operaturi għandhom jkollhom aċess għal xi informazzjoni, meta meħtieġ, għal qadi ta' dmirijiethom."

11     L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1798/2003 jgħid:

"1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-VAT għall-provvisti ta' oġġetti u servizzi, għall-akkwist intra-Komunitarju ta' oġġetti u għall-importazzjoni ta' oġġetti għandhom jikkooperaw flimkien u mal-Kummissjoni biex jiżguraw konformità ma' dawn il-liġijiet.

Għal dak il-għan, huma stabbiliti regoli u proċeduri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri biex jikkooperaw u jibdlu informazzjoni bejniethom li tista' tgħinhom biex jagħmlu valutazzjoni korretta tal-VAT.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju ta' ċerta informazzjoni b'mezzi elettroniċi, b'mod partikolari fir-rigward ta' VAT fuq transazzjonijiet intra-Komunitarji.

Għall-perijodu pprovdut fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/38/KE […], jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju b'mezzi elettroniċi ta' informazzjoni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fuq servizzi forniti b'mod elettroniku skond l-iskema speċjali pprovduta fl-Artikolu 26ċ tad-Direttiva 77/388/KEE, u wkoll, għal skambju sussegwenti ta' informazzjoni u, sa fejn is-servizzi koperti b'dik l-iskema speċjali huma kkonċernati, għat-trasferiment ta' flus bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

2.      Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli għal għajnuna reċiproka f'kwistjonijiet kriminali fl-Istati Membri."

12     Skond it-termini ta' l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament:

"1.      Fuq talba ta' l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, inkluża kull informazzjoni relatata ma' każ jew każijiet speċifiċi.

2.      Għall-iskop ta' trasmissjoni ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tirranġa għat-tmexxija ta' kull inkjesta amministrattiva neċessarja biex tinkiseb din l-informazzjoni.

3.      It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista' tinkludi talba raġonevoli għal inkjesta amministrattiva speċifika. Jekk l-Istat Membru jikkunsidra li l-ebda inkjesta m'hija neċessarja, għandu jinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

4.      Sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa jew sabiex tmexxi l-inkjesta amministrattiva mitluba, l-awtorità rikjesta jew l-awtorità amministrattiva li għaliha għandha rikors għandha tipproċedi bħallikieku qed taġixxi għaliha jew fuq talba ta' awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha."

13     L-Artikolu 11(1) u (2) ta' l-istess Regolament jgħid:

"1.      Bi ftehim bejn awtorità rikjedenti u awtorità rikjesta u skond l-arranġamenti stabbiliti minn din ta' l-aħħar, uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu jkunu preżenti fl-uffiċċji fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-awtorità rikjesta biex jibdlu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1. Meta l-informazzjoni mitluba f'dokumentazzjoni li għalih għandhom aċċess l-uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta, l-uffiċjali ta' l-awtorità għandhom jingħataw kopji tad-dokumentazzjoni li fiha l-informazzjoni mitluba.

2.      Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skond l-arranġamenti stabbiliti minn din ta' l-aħħar, uffiċjali maħtura mill-awtorità rikjedenti jistgħu jkunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi bil-għan li jibdlu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1. Inkjesti amminstrattivi għandhom isiru b'mod esklussiv mill-uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta. L-uffiċjali ta' l-awtorità rikjedenti ma jistgħux jeżerċitaw il-poteri ta' kontroll mogħtija lil uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta. Huma jistgħu, madankollu, ikollhom aċċess għall-istess bini u għall-istess dokumenti bħal dawn ta' l-aħħar, permezz ta' l-intermedjarju tagħhom u biss minħabba l-inkjesta amministrattiva li qed issir."

14     L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1798/2003 jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli V u VI, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tipproċedi bi skambju awtomatiku jew bi skambju awtomatiku strutturat, ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ma' l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru ieħor ikkonċernat, fil-każijiet li ġejjin:

1)      fejn it-tassazzjoni ħa sseħħ fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u l-effettività tas-sistema ta' kontroll tiddependi neċessarjament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru ta' l-oriġini;

2)      fejn Stat Membru għandu raġuni jemmen li fi Stat Membru ieħor sar jew jista' jkun li sar ksur tal-leġiżlazzjoni tal-VAT;

3)      fejn hemm riskju ta' telf ta' taxxa fi Stat Membru ieħor."

15     L-Artikolu 22(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdi:

"Kull Stat Membru għandu jżomm bażi ta' informazzjoni elettronika li fiha se jkun hemm maħżuna u proċessata l-informazzjoni li tinġabar skond l-Artikolu 22(6)(b) fil-verżjoni mogħtija fl-Artikolu 28h tad-Direttiva 77/388/KEE.

Sabiex dik l-informazzjoni tkun tista' tiġi utilizzata fil-proċeduri pprovduti f'dan ir-Regolament, l-informazzjoni għandha tkun maħżuna minn ta' l-inqas għal ħames snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jingħata aċċess għall-informazzjoni."

16     L-Artikolu 23 ta' l-istess Regolament huwa miktub kif ġej:

"Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni maħżuna skond l-Artikolu 22, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tikseb minn kull Stat Membru ieħor komunikazzjoni awtomatika u mingħajr dewmin ta' l-informazzjoni li ġejja, li għaliha għandu jkollu aċċess dirett:

1)      numri ta' identifikazzjoni tal-VAT maħruġa mill-Istat Membru li qed jirċievi l-informazzjoni;

2)      Il-valur totali tal-fornituri intra-Komunitarji ta' oġġetti lill-persuni li għandhom numru ta' identifikazzjoni tal-VAT mill-operaturi kollha identifikati għall-iskopijiet tal-VAT fl-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni.

Il-valuri msemmija f'punt 2 għandhom ikunu mfissra fil-munita ta' l-Istat membru li qed jipprovdi l-informazzjoni u għandhom jirrelataw ma' kull tliet xhur kalendarji."

17     Skond it-termini ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1798/2003:

"Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni maħżuna skond l-Artikolu 22 u biss sabiex ma jitħalliex ksur tal-leġiżlazzjoni tal-VAT, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha, meta tikkonsidra neċessarju għall-kontroll ta' l-akkwist intra-Komunitarju ta' oġġetti, tikseb komunikazzjoni awtomatika u immedjata ta' l-informazzjoni kollha li ġejja, li għalihom hi għandha aċċess dirett b'mezzi elettroniċi:

1)      in-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-persuni li affettwaw il-provvisti msemmija f'punt 2 ta' l-Artikolu 23; u

2)      il-valur totali ta' dawn il-provvisti minn kull persuna bħal din għal kull persuna li għandha numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi f'punt 1 ta' l-Artikolu 23.

Il-valuri msemmija f'punt 2 għandhom ikunu mfissra fil-munita ta' l-Istat Membru li qed jipprovdi l-informazzjoni u għandhom jirrilataw ma' kull tliet xhur kalendarji."

18     L-Artikolu 27(1) sa (3) ta' dan ir-Regolament jipprovdi:

"1.      Kull Stat Membru għandu jżomm bażi ta' informazzjoni elettronika li tinkludi reġistru ta' persuni li għalihom inħarġu numri ta' l-identifikazzjoni tal-VAT f'dak l-Istat Membru.

2.      F'kwalunkwe ħin l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tikseb direttament jew tkun ikkomunikata, l-informazzjoni maħżuna skond Artikolu 22, b'konferma tal-validità tan-numru ta' l-identifikazzjoni tal-VAT taħt liema persuna effettwat jew irċiviet fornitura intra-Komunitarja ta' oġġetti jew servizzi.

Fuq talba speċifika, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika wkoll id-data tal-ħruġ, u fejn xieraq, id-data ta' skadenza tan-numru ta' l-identifikazzjoni tal-VAT.

3.      Fuq talba, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi wkoll mingħajr dewmien l-isem u l-indirizz tal-persuna li nħarġilha n-numru, sakemm din l-informazzjoni mhiex miżmuma mill-awtorità rikjedenti bil-ħsieb ta' użu possibbli f'xi żmien fil-futur."

19     Skond it-termini ta' l-Artikolu 41(5) ta' dan ir-Regolament:

"5.      Stati Membri għandhom, għall-iskop ta' applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, jirrestrinġu l-iskop ta' l-obbligi u d-drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1), fl-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data] sal-limitu meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(e) ta' dik id-Direttiva."

20     Jirriżulta mill-premessi u mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/93 li din testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 għat-tassazzjoni ta' primjums ta' l-assigurazzjoni msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u dazji doganali (ĠU L 73, p. 18).

21     Minbarra dan, id-Direttiva 203/93 tibdel il-verżjoni oriġinali ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 77/799 permezz tat-test segwenti:

"L-informazzjoni kollha mgħarrfa lil Stat Membru skond din id-Direttiva għandha tinżamm sigrieta f'dak l-Istat bl-istess mod bħal informazzjoni li jirċievi skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. F'kull każ, din l-informazzjoni:

–       tista' ssir disponibbli biss lill-persuni direttament involuti fl-assessjar tat-taxxa jew fil-kontroll amministrattiv ta' dak l-assessjar,

–       tista' tkun mgħarrfa biss b'konnessjoni mal-proċedimenti ġudizzjarji jew proċedimenti amministrattivi li jinvolvu sanzjonijiet meħuda bl-iskop li, jew relatati ma', l-għemil jew reviżjoni ta' l-assessjar tat-taxxa u lil dawk il-persuni biss li huma direttament involuti f'dawn il-proċedimenti; din l-informazzjoni tista', madankollu, tkun żvelata matul seduti pubbliċi jew f'sentenzi jekk l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jkun jipprovdi l-informazzjoni ma jkollu l-ebda oġġeżżjoni.

–       m'għandha fl-ebda ċirkustanza tintuża għal skopijiet għajr dawk ta' tassazzjoni jew rigward proċedimenti ġudizzjarji jew proċedimenti amministrattivi li jinvolvu sanzjonijiet meħuda bl-iskop li, jew rigward ta' l-għemil jew reviżjoni ta' l-assessjar tat-taxxa.

B'żieda ma' dan, Stati Membri jistgħu jagħmlu provvediment għall-informazzjoni msemmija fl-ewwel sottoparagrafu li għandha tintuża għall-assessjar ta' imposti, dazji u taxxi oħra koperti bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/308/KEE."

22     Peress illi l-atti kkontestati kellhom jiġu adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 KE, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

23     Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikoli 93 KE u 94 KE ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni ta' l-atti kkontestati. Din il-kunsiderazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 95(1) KE, l-għażla ta' dan l-Artikolu bħala bażi ġuridika ma tkunx xierqa biss fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet ta' l-atti kkontestati jikkostitwixxu "dispożizzjonijiet fiskali" skond l-Artikolu 95(2) KE.

24     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE) kien ġie adottat bl-iskop li jiffaċilita l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa sabiex jintlaħaq is-suq intern qabel it-tmiem tas-sena 1992. Kienu biss ċerta oqsma partikolarment sensittivi u strettament konnessi mas-sovranità ta' l-Istati Membri li kienu ġew esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 95 KE. Fost dawn l-oqsma hemm il-fiskalità, li fir-rigward tagħha ġie kkunsidrat li l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kellha tibqa' soġġetta għar-rekwiżit ta' l-unanimità. Madankollu, din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b'mod strett minħabba li hija tneħħi minn dik li għandha tiġi kkunsidrata bħala l-proċedura leġiżlattiva "normali" għall-adozzjoni ta' atti intiżi għall-ikkompletar tas-suq intern.

25     Jekk l-eċċezzjoni għandha tiġi applikata għal dispożizzjonijiet rigward id-determinazzjoni ta' persuni taxxabbli, ta' operazzjonijiet taxxabbli, tal-bażi u tar-rati ta' taxxa, ta' eżenzjonijiet kif ukoll il-metodi ta' kalkolu u ta' rkupru tat-taxxa, l-assistenza reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet fil-qasam fiskali ma taqax taħt tali eċċezzjoni. Fil-fatt, miżuri ta' kooperazzjoni, ta' verifika u ta' informazzjoni intiżi sabiex jiffaċilitaw it-tneħħija tal-fruntieri mingħajr ma jaffettwaw il-kontenut materjali tal-liġijiet fiskali nazzjonali ma jaffettwawx is-sovranità fiskali ta' l-Istati Membri. Il-leġiżlazzjoni rigward din l-għajnuna ma tarmonizzax ir-regoli fiskali bħala tali, imma hija ntiża biss sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni minn kull Stat Membru tal-leġiżlazzjoni tiegħu stess.

26     Madankollu, preċiżament, ir-Regolament Nru 1798/2003 ma jwassalx la għal armonizzazzjoni, u lanqas għal approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali minħabba li huwa ntiż unikament sabiex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri differenti jkunu fil-pożizzjoni li jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni. Dan ir-Regolament ma jmiss l-ebda dispożizzjoni li tista' tiġi kkunsidrata bħala "dispożizzjoni fiskali" skond l-Artikolu 95(2) KE, jew bħala dispożizzjoni li taqa' taħt "leġiżlazzjoni li tittratta dwar taxxi fuq it-turnover" skond l-Aritkolu 93 KE.

27     Id-Direttiva 2003/93, min-naħa tagħha, tillimita ruħha sabiex temenda d-Direttiva 77/799, fis-sens li hija teskludi l-VAT mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-aħħar Direttiva u żżid magħha t-tassazzjoni fuq il-primjums ta' l-assigurazzjoni. Hija ma taffettwa b'ebda mod in-natura ta' l-imsemmija Direttiva, li tikkonċerna l-iskambju ta' informazzjoni, u ma tarmonizzax id-"dispożizzjonijiet fiskali" skond l-Artikolu 95(2)KE.

28     Minn dan isegwi li l-bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni ta' l-atti kkontestati huwa l-Artikolu 95 KE. Konsegwentement, dawn kienu bbażati fuq bażi ġuridika żbaljata u għandhom, sabiex jirrispettaw l-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mit-Trattat, jiġu annullati.

29     Madankollu, fir-rigward ta' l-effetti ta' benefiċċju li l-atti kkontestati kellhom fuq l-istabbiliment tas-suq komuni, il-Kummissjoni tikkunsidra li, f'każ ta' annullament, ikun xieraq li jinżammu l-effetti ta' dawn l-atti sakemm jiġu sostitwiti minn atti ġodda, adottati fuq il-bażi ġuridika xierqa.

30     Il-Kunsill josserva, fl-ewwel lok, li, mill-introduzzjoni ta' l-Artikolu 100 A fit-Trattat permezz ta' l-Att Uniku Ewropew, numru kbir ta' atti dwar miżuri ta' assistenza reċiproka fil-qasam tal-fiskalità kienu ġew adottati fuq il-bażi ta' bażi ġuridika differenti minn dik ikkostitwita minn dan l-Artikolu.

31     Huwa jfakkar, fit-tieni lok, li hija ġurisprudenza kostanti li l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jkunu is-suġġetti ta' stħarriġ ġudizzjarju. Fost dawn l-elementi hemm, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att (sentenza tas-17 ta' Marzu 1993, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-155/91, Ġabra p. I-939, punt 7).

32     Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, l-għan ta' l-atti kkontestati, il-Kunsill isostni li jirriżulta mill-premessi u mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1798/2003 li dan huwa intiż sabiex jiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali u sabiex jassigura r-rispett tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-VAT bħall-benefiċċju ta' l-estimi nazzjonali u tal-funzjoni ġusta tas-suq intern. Id-Direttiva 2003/93, min-naħa tagħha, kellha wkoll bħala skop li tiġġieled kontra l-frodi fiskali sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji ta' l-Istati Membri u n-newtralità tas-suq intern. Hija ssaħħaħ id-Direttiva 77/799 li hija ntiża sabiex tassigura d-determinazzjoni preċiża ta' l-ammont taxxabbli għall-kalkolu tat-taxxi diretti u indiretti. Madankollu, dispożizzjonijiet fejn l-iskop tagħhom huwa li jiġi assigurat li l-ammont taxxabbli huwa korrettament stabbilit isegwu għan fiskali.

33     Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kontenut ta' l-atti kkontestati, il-Kunsill isostni li l-eżami fil-fond tar-Regolament Nru 1798/2003 juri li dan jassigura l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijet fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali filwaqt li jipproċedi għall-armonizzazzjoni tar-regoli u proċeduri ta' akkwist u ta' skambju ta' informazzjoni bejn il-fruntieri fil-każ fejn dawn huma meħtieġa għall-istabbiliment ta' l-ammont taxxabbli fil-materja tal-VAT. Dan ir-Regolament kellu għaldaqstant impatt dirett fuq id-drittijiet tal-persuni taxxabbli u d-determinazzjoni ta' l-ammont taxxabbli, kif ukoll fuq dħul fiskali ta' l-Istati Membri.

34     Fir-rigward tad-Direttiva 2003/93, jirriżulta b'mod partikolari mill-Artikolu 1(2) u (3), minn naħa, li hija temenda l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 billi testendiha għat-tassazzjoni ta' primjums fuq l-assigurazzjoni u billi teskludi minnha l-VAT u, min-naħa l-oħra, li hija tippermetti lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li jużaw l-informazzjoni akkwistata għall-kalkolu tat-taxxi u ta' imposti elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/308. Peress li d-Direttiva 2003/93 hija intiża sabiex timplementa l-ġlieda kontra l-frodi fiskali billi tipproċedi għall-armonizzazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri previsti għall-akkwist ta' informazzjoni bejn il-fruntieri, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali. Sa fejn hija intiża li tinkludi kemm it-taxxi diretti kif ukoll it-taxxi indiretti, hija kienet ġiet korrettament adottata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 93 KE u 94 KE flimkien.

35     Skond il-Kunsill, m'għandu jkun hemm għalhekk ebda dubju li l-atti kkontestati jinkludu dispożizzjonijiet li jaffettwaw l-"armonizzazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tittratta dwar taxxi fuq it-turnover" li "tkun neċessarja biex tiżgura l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern" skond l-Artikolu 93 KE. Barra l-fatt li ma tistax issir referenza, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għal proċedura leġiżlattiva "normali", il-pożizzjoni difiża minn din l-istituzzjoni ma tikkunsidrax il-fatt li l-Artikoli 93 KE u 94 KE jikkostitwixxu bażijiet ġuridiċi aktar speċifiċi għall-adozzjoni ta' miżuri bħal dawk li jidhru fl-atti kkonstestati u li l-Artikolu 95 KE ma jirrestrinġix il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-Artikoli.

36     Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 95(2) KE rrakkomandata mill-Kummissjoni hija restrittiva wisq. Fil-fatt, ma setgħetx issir distinzjoni skond in-natura sostanzjali jew mhux tar-regola li għandha tiġi armonizzata minħabba li tali distinzjoni mhijiex iġġustifikata la fit-test tat-Trattat u lanqas fil-liġi ta' l-Istati Membri.

37     Barra minn hekk, l-interpretazzjoni teleoloġika proposta mill-Kummissjoni tmur kontra l-istess kliem ta' l-Artikolu 95(2) KE u ma tistax għaldaqstant tiġi milqugħa. Minbarra dan, barra li tagħti l-għażla tal-bażi ġuridika xierqa li jiddependi minn evalwazzjoni politika, il-kwalifika ta' "dispożizzjoni fiskali" skond dan il-paragrafu (2), ma tistax tiddependi mill-kwistjoni jekk dispożizzjoni tfixkilx fuq is-sovranità ta' l-Istati Membri fil-materja fiskali jew jekk hija taffettwa s-sustanza tar-regoli fiskali tagħhom.

38     Sussidjarjament, u fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla l-atti kkontestati, il-Kunsill jitlob li l-effetti ġuridiċi tagħhom jinżammu sakemm huma jiġu mibdula minn atti adottati fuq il-bażi ġuridika xierqa.

39     Skond il-Gvern tar-Renju Unit, jirriżulta ċar mill-għan u mill-kontenut ta' l-atti kkontestati li dawn jipproċedu għal armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna t-taxxi indiretti. B'hekk, ir-Regolament Nru 1798/2003 li huwa intiż sabiex jiġġieled kontra l-evażjoni fiskali u l-ħrib mit-taxxa, jiggarantixxi l-effikaċità tad-dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali li jikkonċernaw l-istabbiliment u l-ġbir tal-VAT. Dan l-istess Regolament, b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu, kellu għaldaqstant impatt manifest fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni taxxabbli u kien superfluwu li jiġi kkunsidrat li tali miżuri ma jikkostitwixxux armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar it-taxxi indiretti.

40     Fir-rigward tad-Direttiva 2003/93, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li huwa jqiegħed lill-Istati Membri fil-pożizzjoni li jakkwistaw, 'il barra mill-fruntieri tagħhom, informazzjoni li tippermettilhom li jiddeterminaw it-taxxa dovuta u li jiġbru ammonti dovuti fir-rigward tal-persuni taxxabbli tagħhom stess. Bħar-Regolament Nru 1798/2003, din id-Direttiva b'hekk tipproċedi għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijet nazzjonali li jikkonċernaw it-taxxi diretti u indiretti.

41     Skond l-Irlanda, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b'mod aktar partikolari mis-sentenza tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Kunsill (C-338/01, Ġabra p. I-4829), li l-Artikolu 93 KE u 94 KE jikkostitwixxu l-bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni ta' l-atti kkontestati li, kif jirriżulta mill-premessi tagħhom u mid-dispożizzjonijiet tagħhom, jipproċedu għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq il-VAT billi jipprovdu proċeduri uniformi għall-akkwist u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni rigward persuni taxxabbli, sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni ġusta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jikkonċernaw l-amministrazzjoni, id-determinazzjoni u l-irkupru tal-VAT.

42     Il-Gvern Portugiż jikkunsidra li jirriżulta mill-qari ta' l-atti kkontestati li wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistabbilixxu termini u li oħrajn, bħall-Artikolu 41(5) tar-Regolament Nru 1798/2003, jillimitaw direttament id-drittijiet ta' min iħallas it-taxxi. Minbarra dan, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 77/799, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Direttiva 2003/93, jirregola aspetti materjali tad-dritt fiskali. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijet, li jirregolaw direttament id-drittijiet ta' min iħallas it-taxxi u li jirrestrinġuhom, jikkostitwixxu "dispożizzjonijiet fiskali" skond l-Artikolu 95(2) KE.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi suxxettibli għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, imsejħa "Diossidu tat-titanju", C-300/89, Ġabra p. I-2867, punt 10; ta' l-4 ta' April 2000, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-269/97, Ġabra p. I-2257, punt 43, tal-11 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-211/01, Ġabra p. I-8913, punt 38, u tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, ċċitata iktar 'il fuq, punt 54).

44     Għal dak li jikkonċerna l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95 KE, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni ssostni li dan kellu jservi bħala bażi ġuridika għall-adozzjoni ta' l-atti kkontestati, għandu jiġi osservat, minn naħa, li jirriżulta mill-istess kliem tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li dan ma japplikax ruħu ħlief jekk it-Trattat ma jgħidx mod ieħor.

45     Minn dan isegwi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 60 tas-sentenza tagħha tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, iċċitata iktar il-fuq, li, peress li teżisti, fit-Trattat, dispożizzjoni aktar speċifika li tista' tikkostitwixxi l-bażi ġuridika ta' l-att in kwistjoni, din għandha tiġi bbażata fuq din id-dispożizzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ ta' l-Artikolu 93 KE, fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni li titratta dwar taxxa fuq it-turnover, dazji tas-sisa u forom oħra ta' tassazzjoni indiretta.

46     Għandu jiġi mfakkar, min-naħa l-oħra, li l-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 95 jeskludi espliċitament ċerti oqsma mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Fosthom hemm, b'mod partikolari, "dispożizzjonijiet fiskali" fejn l-approssimazzjoni ma jistax b'hekk isseħħ fuq il-bażi ta' dan l-Artikolu (sentenza tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61).

47     Fir-rigward b'mod aktar partikolari ta' l-interpretazzjoni tat-termini "dispożizzjonijiet fiskali" li jinsabu fl-Artikolu 95(2) KE, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 63 tas-sentenza tagħha tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għar-raġuni tan-natura ġenerali tagħhom, dawn it-termini jkopru mhux biss l-oqsma kollha tal-fiskalità, mingħajr ma jiddistingwu t-tipi ta' taxxi jew ħlasijiet ikkonċernati, imma wkoll l-aspetti kollha ta' din il-materja, kemm jekk jirrigwardaw regoli materjali jew proċedurali.

48     Peress illi, f'dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li l-atti kkontestati huma meħtieġa għall-funzjoni tas-suq intern, huwa biżżejjed li jiġi ddeterminat jekk dawn għandhom bħala skop uniku jew predominanti li japprossimaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta' l-Istati Membri fil-materja fiskali.

 Għal dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 1798/2003

49     Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-finalità tar-Regolament Nru 1798/2003, jirriżulta mill-ewwel żewġ premessi tiegħu li dan huwa intiż sabiex jiġġieled kontra l-frodi kif ukoll l-evażjoni fiskali u sabiex jassigura r-rispett tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-VAT għall-benefiċċju ta' estimi nazzjonali u għall-funzjoni ġusta tas-suq intern.

50     Skond it-termini tat-tielet premessa ta' dan ir-Regolament, sabiex jassigura l-effikaċità tal-miżuri ta' armonizzazzjoni tat-taxxa meħuda biex jintlaħaq is-suq intern, dawn "għandhom […] jinkludu l-istabbiliment ta' sistema komuni għal skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fejn l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom għandhom jassistu lil xulxin u jikkooperaw mal-Kummissjoni […]".

51     Fir-rigward ta' dawn il-premessi tar-Regolament Nru 1798/2003, jidher b'hekk li l-iskop ta' dan ta' l-aħħar huwa li jistabbilixxi, fil-kuntest tal-miżuri ta' armonizzazzjoni fiskali użati sabiex jintlaħaq is-suq intern, sistema ta' skambju ta' informazzjoni sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni ġusta tal-VAT.

52     Madankollu, l-iskambju ta' informazzjoni kif implementata ma tiġġustifikax ruħha ħlief mill-iskop ta' l-istabbiliment ġust tal-VAT li għaliha l-persuni taxxabbli huma responsabbli, sabiex jiġi assigurat effikaċità aħjar fil-ġbir ta' dan il-ħlas.

53     Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kliem ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1798/2003, skond liema dan ta' l-aħħar jiddetermina l-kundizzjonijet li fihom l-awtoritajiet amministrativi kompetenti fl-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw ir-rispett ta' din il-leġiżlazzjoni. Minbarra dan, jirriżulta mit-tieni sentenza ta' l-istess paragrafu li r-regoli u proċeduri hekk implementati huma maħsuba sabiex jippermettu l-istabbiliment korrett tal-VAT fl-Istati Membri differenti.

54     Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-kontenut tar-Regolament Nru 1798/2003, għandu mal-ewwel jiġi osservat li, skond l-Artikolu 5 tiegħu, l-awtoritajiet ta Stat Membru għandhom obbligu li jikkomunikaw, fuq talba ta' l-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor, l-informazzjoni kollha li tista' twassal għall-istabbiliment korrett tal-VAT fl-Istat Membru li taħtu jaqgħu dawn l-awtoritajiet u għandhom, għal dan il-għan, jipproċedu jekk ikun il-każ għal inkjesti amministrattivi sabiex jiksbu din l-informazzjoni.

55     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm huwa veru li l-informazzjoni hekk mibgħuta għandha, bħala prinċipju, tibbenefika fl-Istat Membru li għaliha tappartjeni l-awtorità li qed titlob l-informazzjoni mill-istess garanziji ta' kunfidenzjalità li jeżistu fl-Istat Membru li taqa' taħtu l-awtorità rikjesta, jibqa' l-fatt li r-Regolament Nru 1798/2003 jobbliga l-Istati Membri li jwessgħu ċ-ċirku ta' persuni li għandhom aċċess għal din l-informazzjoni, li hija ta' spiss is-suġġett ta' protezzjoni speċifika prevista mil-leġiżlazzjoni fiskali, billi b'hekk timponi fuq dawn ta' l-aħħar, jekk ikun il-każ, obbligu li jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

56     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1798/2003 jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jipproċedu, f'ċerti sitwazzjonijiet determinanti, bi skambju awtomatiku jew bi skambju awtomatiku strutturat, ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra. B'hekk din id-dispożizzjoni tipprovdi obbligu fuq l-Istati Membri li ma jistgħux jaħarbu minnu.

57     Minbarra dan, għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-qari flimkien ta' l-Artikoli 22 da 24 kif ukoll ta' l-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu u li jżommu aġġornata bażi ta' informazzjoni elettronika li fiha huma jaħżnu u jipproċessaw l-informazzjoni dwar persuni li lilhom jkun ġie assenjat numru ta' identifikazzjoni tal-VAT, dwar in-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT kif ukoll il-valur totali tal-fornituri intra-Komunitarji effettwati minn persuni u għall-profitt ta' persuni li għandhom dawn in-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT; tali bażi ta' informazzjoni hija direttament aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra.

58     F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ma jistax jiġi miċħud li l-aċċess dirett għal dawn il-bażijiet ta' informazzjoni jpoġġi l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-pożizzjoni li jiddeterminaw l-ammont taxxabbli ta' persuna taxxabbli, inkluż ukoll li jistabbilixxu t-taxxa dovuta minn din il-persuna, u li b'hekk tista' taffettwa l-kunfidenzjalità speċjali li tgawdi minnha ċerta informazzjoni fil-qasam fiskali f'numru kbir ta' Stati Membri. F'ċerti kundizzjonijiet, iċ-ċirku tal-persuni li għandhom aċċess għall-informazzjoni li jiddisponu minnha l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru b'hekk huwa konsiderevolment imkabbar u dan jeħtieġ, kif jirriżulta mill-punt 55 ta' din is-sentenza, jekk ikun il-każ, emenda tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali. Dan huwa aktar u aktar il-każ peress illi, skond l-Artikolu 41(5) tar-Regolament Nru 1798/2003, l-Istati Membri għandhom jirristrinġu l-iskop tal-protezzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 peress illi din l-informazzjoni fiha informazzjoni li tista' twassal għall-istabbiliment korrett tal-VAT.

59     Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 1798/2003 li l-awtoritajiet rikjesti jistgħu jawtorizzaw il-preżenza ta' uffiċjali ta' l-amministrazzjoni rikjedenti, minn naħa, fl-uffiċċji fejn is-servizzi amministrattivi ta' l-Istat Membru li taħthom jaqgħu dawn l-imsemmija awtoritajiet jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, matul l-inkjesti amministrattivi.

60     Kif l-Avukat Ġenerali tosserva fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni, barra l-fatt li hija tobbliga parti kbira mill-Istati Membri sabiex jipproċedu għal emenda tal-leġiżlazzjoni tagħhom rigward il-proċeduri fil-materja fiskali, għandha riperkussjonijiet konsiderevoli fuq id-drittijiet tal-persuni taxxabbli. Fil-fatt, dawn ta' l-aħħar jistgħu, f'numru ta' Stati Membri, jopponu l-preżenza ta' uffiċjali fis-servizz ta' amministrazzjoni ta' Stat Membru ieħor matul inkjesta. Madankollu, skond l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 1798/2003, il-persuni taxxabbli ma jibbenefikawx aktar minn tali dritt ta' oppożizzjoni.

61     F'dawn il-kundizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1798/2003 huma ta' natura li jikkontribwixxu għal approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali fil-materja fiskali.

62     Fir-rigward ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li r-Regolament Nru 1798/2003 għandu bħala għan u bħala kontenut l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali fil-materja fiskali sabiex jiffaċilita l-ġbir tal-VAT u sabiex iżid id-dħul ta' l-Isati Membri li jiġi minn din it-taxxa.

63     Madankollu, kif ġie mfakkar fil-punt 47 ta' din is-sentenza, ir-regoli proċedurali fil-materja fiskali għandhom, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 95(2)KE, jiġu kkunsidrati bħala "dispożizzjonijiet fiskali" skond din id-dispożizzjoni.

64     F'dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Artikolu 95(1)KE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1798/2003.

65     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud safejn jitlob l-annullament ta' dan ir-Regolament.

 Għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2003/93

66     Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-finalità tad-Direttiva 2003/93, għandu jiġi osservat li din hija intiża, minn naħa, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali ta' l-Istati Membri sabiex jiġġieldu b'mod aħjar il-frodi tal-VAT u, min-naħa l-oħra, kif tippreċiża t-tielet premessa tagħha, sabiex tipproteġi aħjar l-interessi finanzjarji ta' dawn ta' l-aħħar u n-newtralità tas-suq intern billi testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 għat-tassazzjoni fuq il-primjums ta' l-assigurazzjoni msemmija fid-Direttiva 76/308.

67     Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kontenut tad-Direttiva 2003/93, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan jillimita ruħu, prinċipalment, għall-introduzzjoni ta' l-emendi meħtieġa għall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 għat-tassazzjoni fuq il-primjums ta' assigurazzjoni u għas-sostituzzjoni tal-verżjoni oriġinali ta' l-Artikolu 7(1) ta' din ta' l-aħħar minn verżjoni ġdida ta' din id-dispożizzjoni.

68     Il-verżjoni l-ġdida ta' dan l-Artikolu 7(1) hija kkaratterizzata meta mqabbla mal-verżjoni l-qadima, prinċipalment mill-fatt li hija tirrikonoxxi lill-Istati Membri l-faċilità li jutilizzaw l-informazzjoni li jkunu rċevew permezz ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva sabiex jistabbilixxu levies, dazji u ħlasijiet oħra li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/308.

69     Fir-rigward tal-fatt li d-Direttiva 2003/93 b'hekk għandha essenzjalment bħala għan li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 għat-tassazzjoni fuq il-primjums ta' l-assigurazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din id-Direttiva hija intiża għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta' l-Istati Membri fil-materja fiskali.

70     Kif jirriżulta mill-ewwel, ir-raba' u s-sitt premessa tagħha, id-Direttiva 77/799 hija intiża sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali li jestendu matul il-fruntieri ta' l-Istati Membri, billi ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali ta' dawn ta' l-aħħar b'mod li tpoġġihom fil-pożizzjoni li jistabbilixxu b'mod aktar korrett it-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital.

71     Sabiex jilħaq dan l-iskop, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/799 jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri sabiex jagħmlu skambju ta' kull informazzjoni li tista' tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta' dawn it-taxxi. Kif ġie ppreċiżat fil-punt 3 ta' din is-sentenza, din id-Direttiva tipprovdi, minbarra dan, fl-Artikoli 2 sa 4 tagħha, il-mezzi ta' skambju ta' din l-informazzjoni, li tingħata kemm fuq talba, kemm b'mod awtomatiku jew b'mod spontanju.

72     Għalkemm l-obbligu li jsiru riċerki u li tibgħat l-informazzjoni in kwistjoni mhijiex mingħajr limitu, minħabba li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799 jipprovdi li tali obbligu mhuwiex impost fuq l-awtoritajiet kompetenti meta l-liġijiet jew il-prassi amministrattivi nazzjonali ma jawtorizzahomx sabiex jagħmlu dawn l-inkjesti u lanqas li jirċievu jew li jutilizzaw din l-informazzjoni għall-bżonnijiet ta' l-Istat Membru kkonċernat stess, jibqa' fil-fatt li, minħabba l-eżistenza ta' dan l-obbligu, iċ-ċirku ta' persuni li għandhom aċċess għal din l-informazzjoni hija konsiderevolemnt imwessa' sabiex tippermetti l-istabbiliment korrett tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital.

73     Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet u l-kontenut tad-Direttiva 77/799 huma, fil-parti l-kbira, analogi jekk mhux identiċi għal dawk tar-Regolament Nru 1798/2003 u li, fir-rigward tal-karatteristiċi tagħha, din id-Direttiva taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95(2) KE.

74     Minn dan isegwi li d-Direttiva 2003/93 taqa' wkoll taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95(2) KE u li ma jistax jiġi validament sostnut li hija kellha tiġi adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95(1) KE.

75     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud safejn jitlob l-annullament tad-Direttiva 2003/93.

76     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu u, għalhekk, m'hemmx lok għall-Qorti sabiex tiddeċiedi fuq it-talba dwar iż-żamma ta' l-effetti ta' l-atti kkontestati.

 Fuq l-ispejjeż

77     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kunsill. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4), l-Irlanda, ir-Repubblika Portugiża kif ukoll ir-Renju Unit, intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż (rispettivi) tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

3)      L-Irlanda, ir-Repubblika Portugiża kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.