Avviż Legali Importanti
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawżi magħquda C-544/03 u C-545/03,
li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d'État (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjonijiet tat-8 ta' Diċembru 2003, li waslu l-Qorti fit-23 ta' Diċembru 2003, fil-proċeduri
Mobistar SA (C-544/03)
vs
Komun ta' Fléron,
u
Belgacom Mobile SA (C-545/03)
vs
Komun ta' Schaerbeek,
IL-QORTI (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, N. Colneric (Relatur), E. Juhász u Ilei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2005,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
- għal Mobistar SA, minn Y. van Gerven, A. Vallery u A. Desmedt, avocats,
- għal Belgacom Mobile SA, minn H. De Bauw, advocaat, u P. Carreau, avocat,
- għall-Komun ta' Fléron, minn M. Vankan, avocat,
- għall-Komun ta' Schaerbeeck, minn J. Bourtembourg, avocat,
- għall-Gvern Belġjan, minn A. Goldman u E. Dominkovits, bħala aġenti,
- għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.P. Keppenne, Shotter u L. Ström van Lier, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-7 ta' April 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 59 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 49 KE) u 3c tad-Direttiva tal-Kummissjoni 90/388/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet (ĠU L 192 p. 10) kif emendata, f'dak li jikkonċerna t-twettiq tal-kompetizzjoni sħiħa fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE, tat-13 ta' Marzu 1996 (ĠU L 74, p. 13, iktar 'il quddiem, id-"Direttiva 90/388").
2. Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' kawżi mressqa minn operaturi tat-telefonija mobbli stabbiliti fil-Belġju, il-kumpannija Mobistar SA (iktar 'il quddiem "Mobistar") u l-kumpannija Belgacom Mobile SA (iktar 'il quddiem "Belgacom Mobile"). Dawn iż-żewġ operaturi qed jitolbu l-annullament tat-taxxi adottati mill-Komun ta' Fléron (il-Belġju) u dak ta' Schaerbeek (il-Belġju) rispettivament fuq l-antenni, l-arbli u l-piluni ta' trażmissjoni għall-GSM jew għall-antenni esterjuri.
3. B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Marzu 2004, il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u tas-sentenza.
Il-Kuntest Ġuridiku
4. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat KE jipprovdi li:
"Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta' hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta' ċittadini ta' Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi."
5. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 82, KE) jipprovdi li:
"Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista' jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn posizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq komuni u jkun projbit."
6. L-Artikolu 90 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86 KE) jiddisponi li:
"1. Dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f'dan it-Trattat, b'mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 u fl-Artikoli 81 sa 89 inklużi.
2. Kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta' monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta' dan it-Trattat, b'mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b' mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.
3. Il-Kummissjoni għandha tassigura l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u għandha, fejn meħtieġ, toħroġ direttivi jew deċiżjonijiet opportuni lill-Istati Membri."
7. Skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva 90/388:
"Barra mill-kundizzjonijiet iddefiniti fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2, l-Istati Membri li jimponu kundizzjonijiet fil-liċenzji jew l-awtorizazzjonijiet ġenerali għas-sistemi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali, għandhom jassiguraw li:
i) il-kundizzjonijiet ta' l-għoti tal-liċenzji ma jkunux jinkludu kundizzjonijiet li mhumiex iġġustifikati minn ħtiġijiet essenzjali u, fil-każ ta' sistemi maħsuba għall-pubbliku ġenerali, minn ħtiġijiet ta' servizz pubbliku taħt is-sura ta' regolamentazzjoni tal-kummerċ skond l-Artikolu 3;
ii) il-kundizzjonijiet ta' l-għoti tal-liċenzji għall-operaturi ta' netwerks mobbli jiggarantixxu mġiba trasparenti u mhux diskriminatorja min-naħa ta' l-operaturi ta' netwerks fissi u mobbli li għandhom tagħmir komuni;
iii) il-kundizzjonijiet ta' l-għoti tal-liċenzji ma jinvolvu ebda restrizzjoni teknika mhux ġustifikata. L-Istati Membri għandhom jastjenu, b'mod partikolari, milli jostakolaw l-abbinament ta' liċenzji jew li jillimitaw il-provvista ta' teknoloġiji differenti li jużaw frekwenzi distinti meta tagħmir multistandard huwa disponibbli.[Traduzzjoni mhux Uffiċjali]
[...]"
8. L-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388 jipprovdi li:
"L-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-restrizzjonijiet kollha imposti fuq operaturi ta' sistemi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali f'dak li jikkonċerna l-ħolqien ta' l-infrastruttura propja tagħhom, l-użu ta' infrastrutturi terzi u l-użu komuni ta' infrastutturi, ta' installazzjonijiet oħra u siti jitneħħew, bil-kundizzjoni li huma jillimitaw l-użu ta' dawn l-infrastrutturi għal dawk l-attivitajiet koperti mil-liċenzja jew l-awtorizazzjoni tagħhom."[Traduzzjoni mhux Uffiċjali]
9. L-Artikoli 3a u 3c tad-Direttiva 90/388 ġew inseriti mid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/2/KE tas-16 ta' Jannar 1996, li temenda d-Direttiva 90/388 f'dak li jikkonċerna l-komunikazzjonijiet mobbli u personali (ĠU L 20, p. 59). L-ewwel premessa tad-Direttiva 96/2 tgħid:
"Billi fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-konsultazzjoni fuq il-Green Paper dwar il-komunikazzjonijiet mobbli u personali tat-23 ta' Novembru 1994, il-Kummissjoni fissret l-azzjonijiet ewlenija li għandhom jittieħdu sabiex jinħoloq il-qafas regolatorju neċessarju biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' dan il-mezz ta' komunikazzjoni Hija saħqet fuq il-ħtieġa li jitneħħew, mill-aktar fis possibbli, id-drittijiet esklussivi u speċjali kollha li għad baqa' f'dan is-settur billi jiġu applikati b'mod sħiħ ir-regoli Komunitarji fuq il-kompetizzjoni u billi tiġi emendata, fejn jeħtieġ, id-Direttiva 90/388[...], l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 95/51/KE[...]. Barra minn dan il-komunikazzjoni kkunsidrat it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' l-operaturi tan-netwerks mobbli li jisfruttaw u li jiżviluppaw in-netwerk tagħhom bil-għan li jeżerċitaw l-attivitajiet koperti mil-liċenzji jew mill-awtorizazzjonijiet tagħhom, fosthom l-għażla ħielsa ta' l-infrastruttura li fuqha n-networks jiġu msejsa. Dan il-pass kien ikkunsidrat bħala essenzjali biex jingħelbu d-distorsjonijiet ta' kompetizzjoni li jeżistu, u partikolarment, biex tippermetti lil dawn l-operaturi li jikkontrollaw l-ispejjeż tagħhom".[Traduzzjoni mhux Uffiċjali]
10. Skond ir-raba' premessa ta' din l-istess Direttiva:
"billi numru ta' Stati Membri diġà fetħu ċerti servizzi ta' komunikazzjonijiet mobbli għall-kompetizzjoni u introduċew sistemi ta' liċenzjar għal dawn is-servizzi. Minkejja dan, f'ħafna Stati Membri, l-għoti tal-liċenzji għadu limitat fuq bażi diskrezzjonali jew, fil-każ ta' operaturi li jikkompetu ma' organizzazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet, soġġett għal restrizzjonijiet tekniċi bħall-projbizzjoni ta' l-użu ta' infrastruttura għajr minn dawk li huma pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet, [...]" [Traduzzjoni mhux Uffiċjali]
11. Is-sittax-il premessa ta' l-imsemmija Direttiva tgħid:
"[...] li, barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet għall-ħolqien ta' l-infrastruttura propja tagħhom mill-operaturi mobbli nfushom u l-użu ta' infrastrutturi terzi jnaqqsu r-rata ta' żvilupp tas-servizzi mobbli, b'mod partikolari minħabba li roaming fuq skala pan-Ewropea effikaċi għall-GSM jippresupponi l-applikazzjoni ta' sistema komuni ta' sinjalazzjoni, u li din it-teknoloġija għadha mhijiex offruta mill-organizzazzjonijiet kollha ta' telekomunikazzjonijiet fi ħdan il-Komunità;
Tali restrizzjonijiet fuq il-provvista u fuq l-użu ta' infrastrutturi jillimitaw il-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali mill-operaturi ta' Stati Membri oħra u huma għalhekk inkompatibbli ma' l-Artikolu 90, flimkien ma' l-Artikolu 59 tat-Trattat. Safejn il-kompetizzjoni fil-qasam ta' provvista ta' servizzi vokali mobbli hija mwaqqfa minħabba li l-organizzazzjoni ta' telekomunikazzjonijiet mhijiex kapaċi tissodisfa d-domanda ta' l-operatur mobbli għal infrastrutturi, jew ma tistax tissodisfaha jekk mhux fuq il-bażi ta' tariffi li mhumiex orjentati lejn l-ispejjeż tal-linji mikrija kkonċernati, dawn ir-restrizzjonijiet inevitabbilment jiffavorixxu l-offerta ta' servizzi telefoniċi fissi min-naħa ta' l-organizzazzjoni ta' telekomunikazzjonijiet, għal liema servizzi l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri għadhom iżommu drittijiet esklużivi. Ir-restrizzjoni fuq il-provvista u l-użu ta' infrastuttura tikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 90, flimkien ma' l-Artikolu 86 tat-Trattat. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jneħħu dawn ir-restrizzjonijiet u jagħtu l-aċċess, fuq talba, lill-operaturi mobbli kkonċernati fuq bażi mhux diskriminatorja għar-riżorsi rari meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-infrastruttura propja tagħhom, inklużi l-frekwenzi tar-radju".[Traduzzjoni mhux Uffiċjali]
12. L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' April 1997 dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 117 p. 15), li jġib it-titlu "Taxxi u miżati li japplikaw għal-liċenzji individwali" jgħid dan li ġej:
"L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-taxxi imposti fuq l-impriżi bħala parti mill-proċeduri ta' awtorizzazzjoni jkollhom biss bħala għan li jkopru l-ispejjeż amministrattivi konnessi mal-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liċenzji individwali applikabbli. It-taxxi applikabbli għal liċenzja individwali għandhom ikunu proporzjonali ma' l-ammont ta' xogħol involut u għandhom jiġu ppubblikati b'mod xieraq u dettaljat biżżejjed sabiex l-informazzjononi tkun aċċessibli faċilment." [Traduzzjoni mhux Uffiċjali]
13. Id-Direttivi 90/388 u 97/13 ġew imħassra, b'effett mill-25 ta' Lulju 2003, mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta' Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 249, p. 21) u d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, p. 33) rispettivament li, madankollu, ġew fis-seħħ wara l-kawżi prinċipali.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-kawża C-544/03
14. Il-kunsill tal-Komun ta' Fléron adotta, fis-seduta tiegħu tas-27 ta' Jannar 1998, regolament ta' taxxa fuq il-piluni, l-arbli u l-antenni ta' trażmissjoni għall-GSM. It-taxxa kellha tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 1998, għal perijodu ta' tliet snin li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2000. It-taxxa kienet tlaħħaq il-100 000 BEF għal kull pilun, arblu jew antenna u kienet dovuta mis-sid ta' tali pilun, arblu jew antenna.
15. Fit-12 ta' April 1999, Mobistar talbet lill-Conseil d'État l-annullament ta' l-imsemmi regolament ta' taxxa.
16. Fost il-motivi għall-annullament ippreżentati minn Mobistar biex issostni r-rikors tagħha, hija sostniet li r-regolament ta' taxxa kkuntestat kien jikkostitwixxi restrizzjoni fuq l-iżvilupp tan-network tagħha ta' telefonija mobbli, restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388.
17. Billi min-naħa, kkunsidra li hu ma kienx f'pożizzjoni li jiddeċiedi fuq il-fondatezza ta' dan il-motiv mingħajr ma japplika regola tad-dritt komunitarju li tqajjem problema ta' interpretazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-kompatibilità tat-taxxa kkontestata ma' l-Artikolu 49 KE kienet ukoll tqajjem problema, il-Conseil d'État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti d-domandi li ġejjin:
"1) L-Artikolu 49 [KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni ta' awtorità nazzjonali jew ta' kolletività lokali tistabbilixxi taxxa fuq l-infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali użati fil-kuntest ta' l-isfruttar ta' l-attivitajiet koperti mil-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet?
2) L-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388 [...], safejn dan jirreferi għat-tneħħija tar "restrizzjonijiet kollha", jipprekludi li leġiżlazzjoni ta' awtorità nazzjonali jew ta' kolletività lokali tistabbilixxi taxxa fuq l-infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali użati fil-kuntest ta' l-isfruttar ta' attivitajiet koperti mil-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet?"
Il-kawża C-545/03
18. Il-kunsill tal-Komun ta' Schaerbeek adotta, fis-seduta tiegħu tat-8 ta' Ottubru 1997, regolament ta' taxxa dwar it-taxxa fuq l-antenni esterjuri, li jemenda regolament ta' taxxa dwar l-antenni b'sistema parabolika, li dan l-istess kunsill kien adotta qabel. Ġiet stabbilita taxxa għall-antenni esterni għall-antenni esterni għall-baġitx mill-1997 sa l-1999. Il-frażi antenna esterna kienet tkopri mhux biss l-antenni b'sistema parabolika, iżda wkoll l-antenni relays għal GSM jew oħrajn. L-ammont tat-taxxa ġie stabbilit bħala 100 000 BEF għal kull antenna relay għal GSM u 5 000 frank Belġjan għal kull antenna b'sistema parabolika jew ta' tip ieħor.
19. Fid-19 ta' Diċembru 1997, Belgacom Mobile talbet lill-Conseil d'État l-annullament ta' l-imsemmi regolament ta' taxxa.
20. Wieħed mill-motivi ppreżentati sabiex isostnu r-rikors jirriżulta mill-ksur tad-dispożizzjonijiet komunitarji dwar l-istabbiliment ta' netwerk ta' telefonija mobbli ta' kwalità u ħieles minn restrizzjonijiet, b'mod partikolari l-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388
21. Billi kkunsidra wkoll li ma kienx f'pożizzjoni li jiddeċiedi fuq il-fondatezza ta' dan il-motiv mingħajr ma japplika regola ta' dritt komunitarju li tqajjem problema ta' interpretazzjoni, il-Conseil d'État iddeċieda li, skond l-Artikolu 234 KE, kien hemm lok li jiġu magħmula żewġ domandi preliminari identiċi għal dawk magħmula fil-kawża C-544/03.
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
22. B'att iddepożitat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Mejju 2005, il-gvern Olandiż talab lill-Qorti tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.
23. Sabiex isostni t-talba tiegħu, dan il-Gvern jisħaq li, fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali ssuġġerixxa li r-risposta tiġi bbażata fuq sisien differenti minn dawk li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, jiġifieri fuq id-Direttiva 97/13, li ma kienet is-suġġett ta' ebda diskussjoni fil-fond bejn il-partijiet kollha, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub, u lanqas f'dawk ippreżentati matul is-seduta. L-imsemmi Gvern jixtieq jagħmel xi osservazzjonijiet f'dan ir-rigward.
24. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tista' ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hi tqis li m'għandhiex tagħrif biżżejjed jew jekk il-kawża għandha tinqata' fuq il-bażi ta' argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara d-digriet ta' l-4 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18, is-sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et , C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 42, u tat-30 ta' Marzu 2004, Alabaster, C-147/02, Ġabra p. I-3101, punt 35).
25. Madankollu, f'din il-kawża, il-Qorti, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex twieġeb id-domanda magħmula u li dawn l-elementi kienu s-suġgett ta' diskussjonijiet li saru quddiemha. Konsegwentement, jeħtieġ li t-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tiġi miċħuda.
Fuq l-ewwel domanda
26. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 49 KE) għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta' awtorità nazzjonali jew ta' kolletività lokali li tistabbilixxi taxxa fuq l-infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali użati fil-kuntest ta' l-isfruttar ta' l-attivitajiet koperti mil-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet.
27. Jekk, fl-istat preżenti tad-dritt komunitarju, is-suġġett ta' taxxi diretti ma jaqax bħala tali fil-kompetenza tal-Komunità, jibqa' l-fatt li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi li żammew b'mod konformi mad-dritt komunitarju (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 21, tal-21 ta' Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p.I-10829, punt 32, u tal-11 ta' Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 44).
28. Fil-qasam tal-provvista libera tas-servizzi, l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li miżura fiskali nazzjonali li tostakola l-eżerċizzju ta' din il-libertà tista' tikkostitwixxi miżura pprojbita, kemm jekk toħroġ mill-Istat minnu nnifsu, kemm jekk toħroġ minn kolletività lokali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta' Novembru 2001, De Coster, C-17/00, Ġabra. p. I-9445, punti 26 u 27).
29. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 59 tat-Trattat jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta' servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta' kull restrizzjoni, anke jekk tali restrizzjoni tapplika indistintament kemm għall-fornituri nazzjonali, kif ukoll għal dawk ta' Stati Membri oħra, ladarba hija ta' natura li tipprojbixxi jew tfixkel aktar l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi legalment servizzi simili (is-sentenzi tad-9 ta' Awwissu 1994, Vander Elst, C-43/93, Ġabra p. I-3803, punt 14, u De Coster, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29).
30. Barra minn hekk, il-Qorti diġà ddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 59 jipprekludi l-applikazzjoni ta' kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tagħmel l-provvista tas-servizzi bejn l-Istati Membri aktar diffiċli minn provvista ta' servizzi purament interna fi Stat Membru (is-sentenza De Coster, ċitata aktar 'il fuq, punt 30 u ġurisprudenza ċitata, kif ukoll punt 39).
31. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 59 tat-Trattat ma jkoprix miżuri li għandhom bħala effett waħdieni li jnisslu spejjeż addizzjonali għall-provvista in kwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta' servizzi bejn l-Istati Membri u l-provvista interna fi Stat Membru.
32. Dwar il-kwistjoni jekk il-ġbir mill-awtoritajiet komunali ta' taxxi bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxix ostaklu inkompatibbli ma' l-imsemmi Artikolu 59, għandu jiġi nnutat li tali taxxi huma applikabbli indistintament għall-proprjetarji kollha ta' l-installazzjonijiet ta' telefonija mobbli fuq it-territorju tal-komun ikkonċernat u li l-operaturi barranin mhumiex, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, affetwati b'mod aktar oppressiv mill-operaturi nazzjonali minn dawn il-miżuri.
33. Il-miżuri ta' taxxa in kwistjoni lanqas ma jagħmlu l-provvista transkonfini ta' servizzi aktar diffiċli mill-provvista interna ta' servizzi. Ċertament, l-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-piluni, l-arbli u l-antenni tista' trendi aktar għoljin it-tariffi tal-komunikazzjonijiet permezz tat-telefonija mobbli mill-esteru għall-Belġju u viċe-versa. Madankollu, il-provvista ta' servizzi telefoniċi interni huma, bl-istess mod, soġġetti għar-riskju ta' riperkussjoni tat-taxxa fuq it-tariffi.
34. Għandu jingħad ukoll li xejn fil-fajl ma juri li l-effett kumulattiv tat-taxxi lokali jikkomprometti l-provvista ħielsa ta' servizzi ta' telefonija mobbli bejn l-Istati Membri l-oħra u r-Renju tal-Belġju.
35. It-tweġiba għall-ewwel domanda għandha għaldaqstant tkun li l-Artikolu 59 tat-Trattat għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta' awtorità nazzjonali jew ta' kolletività lokali li tintroduċi taxxa fuq l-infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali użati fil-kuntest ta' l-isfruttar ta' l-attivitajiet koperti mil-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet li hija indistintament applikabbli għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta' Stati Membri oħrajn u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista interna ta' servizzi lil Stat Membru u l-provvista ta' servizzi bejn Stati Membri.
Fuq it-tieni domanda
36. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk miżuri ta' natura fiskali li japplikaw għal infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli jaqgħux taħt l-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388.
37. B'mod preliminari, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fatt li jiġġenera taxxi fuq l-infrastrutturi ta' komunikazzjoni mhuwiex l-għotja ta' liċenzja. Għaldaqstant, id-Direttiva 97/13, li ġiet invokata minn Mobistar waqt is-seduta, ma tapplikax għall-fatti tal-kawża.
38. F'dak li jirrigwarda d-Direttiva 90/388, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta' l-Artikolu 3c tagħha, safejn jistipula t-tneħħija tar-"restrizzjonijiet kollha" imposti fuq l-operaturi ta' sistemi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali li jikkonċernaw l-infrastruttura, ma teskludix li l-imsemmija restrizzjonijiet jirrigwardaw ukoll miżuri ta' natura fiskali li japplikaw għal infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli.
39. Skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti, għall-interpretazzjoni ta' diżpożizzjoni ta' dritt Komunitarju, hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss it-termini tagħha, iżda ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet persegwiti mill-leġiżlazzjoni li minnha hi tagħmel parti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 1051, punt 12, tal-21 ta' Frar 1984, St. Nikolaus Brennerei, 337/82, Ġabra p. 1051, punt 10, u tas-7 ta' Ġunju 2005, Vereniging voor Energie, Milieu en Water et , C-17/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).
40. Fil-verżjoni oriġinali tagħha, id-Direttiva 90/388 kienet tipprevedi l-abolizzjoni ta' drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija mill-Istati Membri biex jipprovdu servizzi ta' telekomunikazzjonijiet, imma ma kinitx tinkludi s-servizzi ta' komunikazzjonijiet mobbli fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Sabiex testendi l-iskop tagħha għall komunikazzjonijiet mobbli u personali, hija ġiet emendata permezz tad-Direttiva 96/2.
41. Din ta' l-aħħar hi maħsuba biex tistabbilixxi qafas leġiżlattiv li jippermetti li l-potenzjal tal-komunikazzjonijiet mobbli u personali jiġi sfruttat billi jitneħħew mill-aktar fis possibli d-drittijiet esklużivi u speċjali kollha, billi jiġu eliminati, għall-operaturi tan-netwerks mobbli, kemm ir-restrizzjonijiet għall-libertà li jiġu sfruttati u żviluppati l-imsemmija netwerks bil-ħsieb li jiġu eżerċitati l-attivitajiet koperti mil-liċenzji jew mill-awtorizzazzjonijiet tagħhom, kif ukoll id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u billi jippermetti lil dawn l-operaturi jeżerċitaw kontroll fuq l-ispejjeż tagħhom (ara s-sentenzi tas-16 ta' Ottubru 2001, il-Kummissjoni/il-Greċja, C-396/99 u C-397/99, Ġabra p. I-7577, punt 25, u tat-22 ta' Mejju 2002, Connect Austria, C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 96)
42. Id-Direttiva 96/2 hija bbażata fuq l-Artikolu 90(3) tat-Trattat KE. Konsegwentement, l-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388 huwa applikabbli biss għal restrizzjonijiet inkompatibbli ma' l-Artikolu 90 tat-Trattat.
43. Skond is-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/2, din id-Direttiva ġiet adottata minħabba sitwazzjoni fejn il-kompetizzjoni fil-qasam tal-provvista ta' servizzi vokali mobbli kienet ostakolata minħabba li l-organizzazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet ma kinux kapaċi jissodisfaw id-domanda għal infrastrutturi ta' l-operatur mobbli u minħabba li l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri żammew drittijiet esklużivi favur dawn l-organizzazzjonijiet. Filwaqt li bdiet mill-konstatazzjoni li r-restrizzjoni fuq il-provvista u l-użu ta' infrasturttura tikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 90 tat-Trattat KE flimkien ma' l-Artikolu 86 tat-Trattat KE, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Istati Membri għandhom jabolixxu dawn ir-restrizzjonijiet u jagħtu, fuq talba, l-aċċess lill-operaturi mobbli kkonċernati fuq bażi mhux diskriminatorja għar-riżorsi rari meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-infrastruttura propja tagħhom.
44. Minn dan jirriżulta li r-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388 huma kkaratterizzati, min-naħa, mir-rabta tagħhom mad-drittijiet esklussivi u speċjali ta' l-operaturi stabbiliti u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li wieħed jista jirrimedja għalihom b'aċċess fuq bażi mhux diskriminatorja għar-riżorsi rari meħtieġa.
45. B'dan il-mod huma kkonċernati restrizzjonijiet bħal dawk imsemmija bħala eżempju fir-raba' premessa tad-Direttiva 96/2, jiġifieri l-limitazzjoni ta' l-għoti ta' liċenzji fuq bażi diskrezzjonali jew, fil-każ ta' operaturi li huma kompetituri ta' l-organizzazzjonijiet ta' telekomunikazzjonijiet, is-sottomissjoni ta' din l-għotja għal restrizzjonijiet tekniċi bħall-projbizzjoni li tintuża infrastruttura differenti minn dawk ipprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet.
46. Barra minn hekk, huma biss dawk il-miżuri li jaffettwaw is-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni b'mod apprezzabbli li jaqgħu taħt il-kunċett ta' restrizzjoni fis-sens speċifiku ta' l-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388.
47. Min-naħa l-oħra, miżuri nazzjonali li japplikaw mingħajr distinzjoni għall-operaturi kollha tat-telefonija mobbli u li ma jiffavorixxux, direttament jew indirettament, l-operaturi li jistgħu jgawdu jew li gawdew minn drittijiet speċjali jew esklużivi għad-detriment ta' l-operaturi l-ġodda li qegħdin f'pożizzjoni ta' kompetizzjoni ma jaqgħux taħt l-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388.
48. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura li dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti fil-kawżi prinċipali.
49. Fil-kuntest ta' l-eżami tagħha, il-qorti tar-rinviju se jkollha tivverifika l-effetti tat-taxxi filwaqt li tqis, b'mod partikolari, iż-żmien meta kull wieħed mill-operaturi konċernati daħal fis-suq. Jista' jirriżulta li l-operaturi li jistgħu jgawdu jew li gawdew minn drittijiet speċjali jew esklużivi setgħu ibbenefikaw, qabel operaturi oħrajn, minn sitwazzjoni li tippermettilhom jiddepprezzaw l-ispejjeż tagħhom biex jistabilixxu netwerk. Issa, il-fatt li l-operaturi li jidħlu fis-suq huma soġġetti għal obbligi ta' servizz pubbliku, fosthom dak tal-kopertura territorjali, għandu mnejn ipoġġihom, fir-rigward tal-kontroll ta' l-ispejjeż tagħhom, f'sitwazzjoni żvantaġġuża meta mqabbla ma' dik ta' l-operaturi stabbiliti.
50. Minn dan kollu li jippreċedi jirriżulta li t-tweġiba għat-tieni domanda għandha tkun li miżuri ta' natura fiskali li japplikaw għal infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli ma jaqgħux taħt l-Artikolu 3c tad-Direttiva 90/388 ħlief jekk dawn il-miżuri jiffavorixxu, direttament jew indirettament, l-operaturi li jistgħu jgawdu jew li gawdew minn drittijiet speċjali jew esklużivi għad-detriment ta' l-operaturi l-ġodda u jaffettwaw b'mod sostanzjali s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni.
Dwar l-ispejjeż
51. Peress li l-proċedura, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, hi ta' natura ta' inċident imqajjem quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra minn dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 49 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni ta' awtorità nazzjonali jew ta' kolletività lokali li tintroduċi taxxa fuq l-infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli u personali użati fil-kuntest ta' l-isfruttar ta' l-attivitajiet koperti mil-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet li hija indistintament applikabbli għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta' Stati Membri oħra u li taffetwa bl-istess mod il-provvista interna ta' servizzi lil Stat Membru u l-provvista ta' servizzi bejn Stati Membri.
2) Miżuri ta' natura fiskali li japplikaw għal infrastutturi ta' komunikazzjonijiet mobbli ma jaqgħux taħt l-Artikolu 3c tad-Direttiva tal-Kummissjoni 90/388/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet, kif emendata, f'dak li jikkonċerna t-twettiq ta' kompetizzjoni sħiħa fis-suq ta' telekomunikazzjonijiet, mid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE, tat-13 ta' Marzu 1996, ħlief jekk dawn il-miżuri jiffavorixxu, direttament jew indirettament, l-operaturi li jistgħu jgawdu jew li gawdew minn drittijiet speċjali jew esklużivi għad-detriment ta' l-operaturi ġodda u li jaffettwaw b'mod sostanzjali is-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni.