Avviż Legali Importanti
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Deċiżjoni dwar l-ispejjeż
Parti operattiva
Fil-kawża C-39/04
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal administratif de Dijon (Franza), permezz ta' deċiżjoni tat-
30 ta' Diċembru 2003
, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-
2 ta' Frar 2004
, fil-proċedura fl-ismijiet
Laboratoires Fournier SA
vs
Direction des vérifications nationales et internationales
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla) ,
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), J. Malenovsk u U. Lhmus, Mħallfin
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-
28 ta' Ottubru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
- għal Laboratoires Fournier SA, minn B. Eme, avocat,
- għall-Gvern Franċiż, minn C. Jurgensen-Mercier, bħala aġent,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u C. Giolito, bħala aġenti,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-
9 ta' Diċembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE fir-rigward ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' kreditu ta' taxxa għar-riċerka riservat għal dawk l-attivitajiet ta' riċerka mwettqa fi Franza.
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Laboratoires Fournier SA (iktar 'il quddiem Laboratoires Fournier), kumpannija li taqa' taħt il-liġi Franċiża u d-direction des vérifications nationales et internationales de la direction générale des impôts du ministère de l'Économie, des Finances et de l'Industrie (Direttorat tal-Verifiki Nazzjonali u Internazzjonali fid-Direttorat ĠGenerali tat-Taxxa tal-Ministeru ta' l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta' l-Industrija, iktar 'il quddiem id-Direction des vérifications) dwar aġġustamenti nnotifikati minn din ta' l-aħħar u li jirriżultaw mill-kontestazzjoni ta' kreditu ta' taxxa għar-riċerka li Laboratoires Fournier kienu rċevew fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
3. Skond l-Artikolu 244 quater B, tal-Code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa, iktar 'il quddiem il- Code général), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti li wasslu għhall-kawża prinċipali:
I. L-impriżi industrijali u kummerċjali jew agrikoli, li huma soġġetti għat-taxxa abbażi tal-profitt attwali tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn kreditu tat-taxxa ekwivalenti għal 50% ta' l-ammont li bih l-ispejjeż għar-riċerka li saru matul sena jeċċedi l-ispiża medja ta' l-istess natura, ikkalkolata mill-ġdid skond iż-żjieda fl-indiċi tal-prezzijiet ta' l-oġġetti kollha li jinbiegħu bl-imnut bl-eċċezzjoni tat-tabakk, matul is-sentejn preċedenti [...].
4. L-Artikolu 49 septies H ta' l-Anness III mal-Code général, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, jipprovdi li:
L-ispejjeż li jirrigwardaw attivitajiet mwettqa fi Franza inisslu d-dritt għall-kreditu tat-taxxa msemmi fl-Artikolu 244 quater B tal-Code général des impôts.
Il-kawża prinċipali u d-domandi rrinvijati għal deċiżjoni preliminari
5. Mill-ordni tar-rinviju jirriżulta li Laboratoires Fournier, li jimmanifatturaw u jbiegħu prodotti farmaċewtiċi speċjali, taw numru ta' inkarigi ta' riċerka b'subkuntratt lil ċentri ta' riċerka stabbiliti f'diversi Stati membri, filwaqt li qiesu l-ispejjeż relatati għall-finijiet tal-kalkolu tal-kreditu tat-taxxa għar-riċerka tagħhom għas-snin 1995 u 1996.
6. Fl-1998, Laboratoires Fournier kienu s-suġġett ta' verifika tal-kontabilità ta' dawn l-istess snin.
7. B'riżultat ta' din il-verifika, ġew innotifikati xi aġġustamenti lill-imsemmija Laboratoires, abbażi ta' l-Artikoli 244 quater B tal-Code général u 49 septies H ta' l-Anness III ma' l-imsemmija Kodiċi, peress li d-Direction des vérifications eskludiet l-ispejjeż imsemmija aktar 'il fuq għall-finijiet tal-kalkolu tal-kreditu tat-taxxa għar-riċerka li kienu bbenefikaw minnu Laboratoires Fournier. It-taxxa supplementari li tikkorrispondi għall-perijodu ikkonċernat fil-kawża prinċipali ġiet imposta fuq Laboratoires Fournier.
8. Il- Laboratoires Fournier ippreżentaw oġġezzjoni fir-rigward ta' l-imsemmija taxxa. Din ġiet miċħuda fil-25 ta' Lulju 2001.
9. Fit-8 ta' Settembu 2001, huma ppreżentaw rikors quddiem it-tribunal administratif de Dijon (qorti amministrattiva ta' Dijon). B'dan ir-rikors huma qiegħdin jitolbu il-ħelsien mill-kontribuzzjonijiet supplementari ta' taxxafuq il-kumpanniji li jirriżultaw mill-aġġustamenti li kienu ġew innotifikati lilhom, kif ukoll mill-interessi għal ħlas tardiv.
10. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li Laboratoires Fournier isostnu li l-Artikoli 244 quater B tal-Code général u 49 septies H ta' l-Anness III mal-Code général imorru kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 49 KE.
11. Skond din il-qorti, id-Direction des vérifications issosti li, bis-sentenza tagħha tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Rec. p. I-249), il-Qorti tal-Ġustizzja irrikonoxxiet li, sabiex tinżamm il-koerenza tas-sistema tat-taxxa ta' kull Stat Membru, jista' jkun hemm restrizzjonijiet fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 49 KE.
12. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il- F'dawn iċ-ċirkostanzi, it-tribunal administratif de Dijon iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jirrinvija id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
Id-dispożizzjonijiet [ta' l-Artikolu 244 quater B tal-Code général des impôts u ta' l-Artikolu 49 septies H ma' l-Anness III lill-imsemmija Kodiċi], safejn jirriservaw il-benefiċċju ta' kreditu ta' taxxa għar-riċerka għall-operazzjonijiet ta' riċerka mwettqa fi Franza, huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 49 [KE] [?]
[F]il-każ ta' tweġiba fl-affermativ għal din id-domanda, [...] il-kundizzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-attivitajiet ta' riċerka jitwettqu fi Franza, tikkonforma mal-prinċipju ta' koerenza tat-taxxa fuq il-kumpanniji u tippermetti, għaldaqstant, li jkun hemm restrizzjonijiet fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 49 [KE] [?]
Fuq id-domandi rinvijati għal deċiżjoni preliminari
13. Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti nazzjonali qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirriserva l-benefiċcċju ta' kreditu tat-taxxa għar-riċerka għal dawk l-attivitajiet ta' riċerka imwettqa fuq it-territorju ta' dak l-Istat Membru biss.
14. Għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn għandhom, madankollu, jeżerċitaw tali kompetenza b'mod li jirrispetta d-dritt komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Awissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I 2493, punt 16, u tal-15 ta' Lulju 2004, Weidert u Paulus, C-242/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 12).
15. Madankollu, il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik li hija s-suġgġett tal-kawża prinċipali, billi tirriserva l-benefiċċju ta' kreditu tat-taxxa għar-riċerka għal dawk l-attivitajiet ta' riċerka mwettqa fl-imsemmi Stat Membru biss, tissottometti l-provvista ta' servizzi kostitwita mill-attività ta' riċerka għal sistema tat-taxxa differenti skond jekk din ġietx imwettqa fi Stati Membri oħra jew fl-Istat Membru kkonċernat (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta' Ottubru 1999, Vestergaard, C-55/98, Ġabra p. I-7641, punt 21).
16. Leġiżlazzjoni bħal din tinvolvi differenza fit-trattament ibbażata fuq il-post fejn is-servizzi huma pprovduti li tmur kontra l-Artikolu 49 KE.
17. Il Madankollu, il-Gvern Franċiż isostni li din id-differenza fit-trattament tirriżulta direttament mill-prinċipju ta' territorjalità fiskali, espressament rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta' Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C-250/95, Ġabra p. I 2471, punt 22), u li, għaldaqstant, tali differenza fit-trattament ma tistax tiġi kkunsidrata li twassal għal diskriminazzjoni ċara jew moħbija pprojbita mit-Trattat.
18. Madankollu, fil-kawża li wasslet għal din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibilità ta' dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali li japplikaw għal impriżi residenti u dawk mhux residenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta' stabbiliment filwaqt li, fil-kawża prinċipali li wasslet għal din il-kawża, għandha tiġi analizzata l-kompatibilità ta' dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali li minnhom jibbenefikaw impriżi stabbiliti fi Stat membru għall-provvista ta' servizzi magħmula minnhom f'dan l-Istat Membru biss mat-Trattat. Dispożizzjonijiet bħal dawn huma kontra l-Artikolu 49 KE għaliex huma fondati, anki jekk indirettament, fuq il-post fejn min jipprovdi s-servizzi huwa stabbilit u huma għaldaqstant ta' natura li jirrestrinġu l-attivitajiet trans-konfini ta' dan ta' l-aħħar.
19. Jeħtieġ madankollu li jiġi eżaminat jekk l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta minn dispożizzjonijiet bħal dawn tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
20. Huwa veru, f'dan ir-rigward, li fis-sentenza Bachmann (ċitata iktar 'il fuq fil-punt 28) u fis-sentenza tat-28 ta' Jannar 1992, il-Kummissjoni/il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I305, punt 21), il-Qorti rrikonoxxiet li n-neċessità li tkun garantita l-koerenza tas-sistema tat-taxxa ta' kull Stat Membru tista' tiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat. Madankollu, sussegwentement, hija ppreċiżat li, fil-kawżi li wasslu għall-imsemmija sentenzi, kien hemm rabta diretta, fir-rigward ta' l-istess persuna soġġetta għat-taxxa fuq id-dħul, bejn il-possibiltà li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet mħallsa għall-assigurazzjoni mid-dħul taxxabbli u t-tassazzjoni sussegwenti ta' l-ammonti mħallsa mill-assiguraturi taħt kuntratti ta' assigurazzjoni kontra r-riskji tax-xjuħija u fuq il-ħajja, rabta li kien hemm bżonn li tinżamm sabiex tiġi mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali kkonċernata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-14 ta' Novembru 1995, Svensson u Gustavsson, C-484/93, Ġabra p. I3955, punt 18, u tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen, C-319/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42). Meta rabta diretta bħal din tkun nieqsa, l-argument ibbażat fuq il-bżonn li tkun garantita l-koerenza tas-sistema fiskali ma jistax jiġi invokat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Weidert u Paulus, ċitati iktar 'il fuq, punti 20 u 21).
21. F'sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, m'hemm ebda rabta diretta ta' din in-natura bejn, min-naħa, it-tassazzjoni ġenerali fuq il-kumpanniji u, min-naħa l-oħra, il-kreditu tat-taxxa li jikkorrispondi għal parti mill-ispejjeż ta' riċerka sostnuti minn impriża.
22. Il-Gvern Franċiż madankollu isostyn Il-Gvern Franċiż madankollu jsostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-għan li tiġi promossa r-riċerka u min-neċessità li tkun garantita l-effettività tal-kontrolli fiskali.
23. Għalkemm ma jistax ikun eskluż li, kif isostni l-Gvern Franċiż, l-promozzjoni tar-riċerka u ta' l-iżvilupp tikkostitwixxi raġuni ta' interess ġenerali li tieħu preċedenza, dan xorta ma tistax tiġġustifika miżura nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju tal-kreditu tat-taxxa għar-riċerka kull operazzjoni ta' riċerka li ma titwettaqx fl-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, leġiżlazzjoni bħal din hija direttament kuntrarja għall-għan tal-politika komunitarja fil-qasam tar-riċerka u ta' l-iżvilupp teknoloġiku li, konformement ma' l-Artikolu 163(1) KE, huwa, inter alia , li ssaħħaħ il-bażi xjentifiċi u teknoloġiċi ta' l-industrija tal-Komunità u tħeġġiġha biex issir aktar kompetittiva fuq livell internazzjonali. It-tieni paragrafu ta' l-istess Artikolu jippreċiża li, għal dawn il-għanijiet, il-Komunità tappoġġa l-isforzi [ta' l-impriżi] li jikkoperaw ma' xulxin, u timmira fuq kollox li tagħti[hom] l-opportunità [...] li jisfruttaw il-potenzjal kollu ta' suq intern, [...] bit-tneħħija ta' xkiel legali u fiskali għal dik il-kooperazzjoni.
24. L-effettività tal-kontrolli fiskali tikkostitwixxi raġuni ta' interess ġenerali li tieħu preċedenza li tista' tiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Futura Participations u Singer, ċitata iktar 'il fuq, punt 31). Għaldaqstant, Stat Membru huwa awtorizzat li japplika miżuri li jippermettu l-verifika, b'mod ċar u preċiż, ta' l-ammont ta' spejjeż li jistgħu jitnaqqsu f'dan l-Istat bħala spejjeż għar-riċerka. (ara s-sentenza tat-8 ta' Lulju 1999, Baxter et , C-254/97, Ġabra p. I4809, punt 18).
25. Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi b'mod assolut lil min iħallas it-taxxa milli jġib il-prova li l-ispejjeż relatati ma' attivitajiet ta' riċerka magħmula fi Stati Membri oħra kienu verament saru u li jirrispettaw il-kriterji preskritti, ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba l-effettività tal-kontrolli fiskali. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż a priori lil min iħallas it-taxxa jista' jipprovdi dokumenti rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa ta' l-Istat Membru ta' tassazzjoni, li jivverifikaw, b'mod ċar u preċiż, l-awtentiċità u n-natura ta' l-ispejjeż ta' riċerka sostnuti fi Stati Membri oħra (ara s-sentenza Baxter et , ċitata iktar 'il fuq, punti 19 u 20).
26. Għaldaqstant, it-tweġiba għad-domandi rrinvijati għandha tkun li l-Artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirriserva l-benefiċċju ta' kreditu tat-taxxa għar-riċerka għhal dawk l-attivitajiet ta' riċerka mwettqa fuq it-territorju ta' dak l-Istat Membru biss.
Dwar l-ispejjeż
27. Peress li l-proċedura preżenti għandha, fir-rigward għal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' inċident imressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha għaldaqstant tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra minn dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirriserva l-benefiċċju ta' kreditu tat-taxxa għar-riċerka għal dawk l-attivitajiet ta' riċerka mwettqa fuq it-territorju ta' dak l-Istat Membru biss.