Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JACOBS

ippreżentati fid-9 ta' Diċembru 2004 (1)


Kawża C-39/04


Laboratoires Fournier SA

v

Direction des vérifications nationales et internationales






1.     Din il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għal kreditu ta’ taxxa għar-riċerka biss meta r-riċerka ssir f’dak l-Istat Membru hijiex kompatibbli mal-liġiżlazzjoni Komunitarja.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

2.     L-Artikolu 244(c)B, tal-Code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa), jipprovdi li:

“L-impriżi industrijali u kummerċjali jew agrikoli, li huma suġġetti għat-taxxa abbażi tal-profitt attwali tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn kreditu ta’taxxa ekwivalenti għal 50% ta' l-ammont li bih l-ispejjeż għar-riċerka li saru matul sena jeċċedi l-ispiża medja ta' l-istess natura, ikkalkolata mill-ġdid skond iż-żieda fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum bl-eċċezzjoni tat-tabakk, matul is-sentejn preċedenti [...].”

3.     L-Artikolu 49 (g) H ta’ l-Anness III ta’ dan il-Kodiċi jipprovdi li:

“L-ispejjeż li jirrigwardaw attivitajiet mwettqa fi Franza jagħtu dritt għall-kreditu ta’ taxxa msemmi fl-Artikolu 244 (c)B tal-Code général des impôts”.

 Il-fatti u d-domandi magħmula

4.     Laboratoires Fournier SA (aktar ‘il quddiem “Fournier”), kumpannija stabbilta fi Farnza li timmanifattura u tbiegħ prodotti farmaċewtiċi, ikkummissjonat numru ta’ ċentri ta' riċerka stabbiliti f'diversi Stati Membri sabiex iwettqu diversi proġetti ta’ riċerka u inkludiet l-ispejjeż relatati għall-finijiet tal-kalkolu tal-kreditu tat-taxxa għar-riċerka għas-snin 1995 u 1996. Id-Direction des verifications (Dipartiment tal-verifiki tat-taxa) eskludiet dawn l-ispejjeż minħabba li r-riċerka ma saritx fi Franza. Fournier ippreżentat oġġezzjoni abbażi li dawk id-dispożizzjonijiet jiksru l-Artikolu 49 KE.  Din l-oġġezzjoni ġiet miċħuda.

5.     Għalhekk, Fournier ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Administratif de Dijon (Qorti Amministrattiva ta’ Dijon), li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja (i) jekk id-dispożizzjonijiet in kwistjoni, safejn jirriżervaw l-benefiċċju tal-kreditu ta' taxxa għar-riċerka għall-operazzjonijiet ta’ riċerka mwettqa fi Franz, humiex kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 49 KE u (ii) jekk iva, jekk il-kundizzjoni li r-riċerka ssir fi Franza, tikkonformax mal-prinċipju ta' koerenza tat-taxxa tal-kumpanniji

6.     Fournier u l-Kummissjoni, li t-tnejn li huma, flimkien mal-Gvern Franċiż, kienu rrapreżentati waqt is-seduta, ressqu ossevazzjonijiet bil-miktub.

7.     L-ewwel nett ser nikkunsidra jekk id-dispożizzjonijiet in kwistjoni, safejn jirriżervaw il-benefiċċju tal-kreditu ta' taxxa għar-riċerka biss għal riċerka li ssir fi Franza, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE.  It-tieni nett ser nikkunsidra jekk ristrezzjoni bħal din tistax tkun iġġustifikata.

 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE

8.     Il-Gvern Franċiż jammetti li l-leġiżlazzjoni tagħmel differenza fit-trattament bejn persuni taxxabbli abbażi ta’ fejn is-servizz jiġi pprovdut li tista’ tkun ta’ detriment għall-fornituri ta’ servizzi fi Stati Membri oħra. Madankollu huwa jissottometti li d-differenza fit-trattament tirriżulta direttament mill-prinċipju tat-territorjalità fiskali, li l-Qorti tal-Ġustizzja espressament irrikonoxxiet fil-kawża Futura,(2) u għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE.

9.     Fis-sentenza Futura l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi l-Artikolu 43 KE ma jipprekludix Stat Membru milli jissuġġetta l-inklużjoni fil-kontabbilta ta’ telft minn snin ta’ qabel, mitlub minn persuna taxxabbli li għandha fergħa f’dak l-Istat imma mhijiex residenti hemm, għall-kundizzjoni li dan it-telf ikun ekonomikament relatat mad-dħul tal-persuna taxxabbli f’dak l-Istat, sakemm persuni taxxabbli residenti ma jirċevux trattament aktar favorevoli. B’mod aktar speċifiku l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni li t-telf għandu jkun ekonomikament relatat mad-dħul lokali kienet espressjoni tal-prinċipju tat-territorjalità fil-liġi fiskali u għalhekk ma setgħatx tiġi kkunsidrata li hija tikkonsisti f’diskriminazzjoni, ċara jew moħbija, ipprojbita mit-Trattat.

10.   Il-Gvern Farnċiż jikkunsidra li r-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet fil-kawża Futura fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment jista’ jiġi traspost għall-libertà ta’ provvista ta’ servizzi. Il-fatt li l-kreditu ta’taxxa in kwistjoni f’din il-proċedura huwa applikabbli biss għall-operazzjonijiet ta’ riċerka li jsiru fi Franza jirrizulta mill-prinċipju tat-territorjalità fiskali. Is-sistema tat-taxxa tirrikjedi rabta ekonomika bejn l-ispejjeż tar-riċerka u l-attività ekonomika suġġetta għat-taxxa tal-kumpanniji. Il-koerenza tagħha tiġi affettwata jekk l-operazzjonijiet ta’ riċerka li jsiru barra mill-pajjiż joħolqu dritt għall-kreditu ta’ taxxa fi Franza għalkemm ma kienux intaxxati hemmhekk.

11.   Fl-opinjoni tiegħi huwa sinjifikanti li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Futura kienet qegħdha tikkunsidra l-kompatibbiltà ta’ regoli tat-taxxa nazzjonali li japplikaw għal impriżi residenti jew li mhumiex residenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Mhinix konvint kemm il-mod ta’ kif il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju ta’ territorjalità f’dik il-kawża jista’ jiġi faċilment traspost għal kawża bħal dik preżenti, li tirrigwarda r-riperkussjonijiet ta’ regoli tat-taxxa nazzjonali fuq min jipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra. Dawn ir-regoli jittrattaw kumpannija residenti li aċċettat is-servizzi pprovduti mit-territorju ta’ l-Istat Membru in kwistjoni b’mod aktar favorevoli minn kumpannija residenti li aċċettat servizzi pprovduti mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Għalhekk, għalkemm b’mod indirett, dawn huma bbażati fuq il-post ta’ l-istabbiliment ta’ min jipprovdi s-servizzi u konsegwentement jistgħu jfixxklu l-attivitajiet trans fruntaljieri tagħha; konsegwentement dawn huma f’kunflitt manifest ma’ l-Artikolu 49 KE.

12.   Abbażi ta’ analiżi identika, l-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Safir(3) ikkonkluda li regoli nazzjonali li jipprovdu li premji mħallsa taħt polza ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja maħruġa minn kumpanniji li mhumiex residenti huma taxxabbli, filwaqt li premji taħt poloz maħruġa minn kumpanniji residenti mhumiex taxxabbli jmorru kontra l-Artikolu 49 KE, u dan minkejja l-argument mressaq mill-Istat Membru kkonċernat u minn tnejn oħra li ntervenew, li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni implimentat il-prinċipju tat-territorjalità fiskali. L-Avukat Ġenerali b’mod partikolari sostna li “l-argument li, skond il-prinċipju tat-territojalità fiskali, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [49] tidher kompletament mingħajr bażi”.  Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx espressament dak l-argument, hija ddeċidiet li l-Artikolu 49 kien jipprekludi leġiżlazzjoni bħal din.

13.   Għalhekk ma naħsibx li l-pożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet fil-kawża Futura tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża.

14.   Ta’ min josserva wkoll li fil-kawża Futura argument ewlieni tar-raġunament tal-Qorti – u kundizzjoni espliċita ta’ l-argument li Franza tagħmel f’dan il-każ – kien li l-persuni taxxabbli residenti ma rċevewx trattament aktar favorevoli minn dawk mhux residenti. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, l-element essenzjali tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni huwa li l-persuni taxxabbli li jużaw ċentri ta’ riċerka nazzjonali jirċievu trattamenti aktar favorevoli minn dawk li jużaw ċentri ta’ riċerka stabbiliti fi Stati Membri oħra.

15.   Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ‘il fuq jiena, għalhekk, ma nikkunsidrax li, abbażi tal-prinċipju tat-territorjalità fiskali, din il-leġiżlzzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE.

16.   Barra minn hekk Fournier u l-Kummissjoni jissottomettu li, b’anoliġija mall-kawża Baxter,(4) il-leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikolu 49 KE peress li toħloq “ostakolu fiskali” billi tiddiswadi impriżi stabbiliti fi Franza milli jużaw ċentri ta’ riċerka fi Stati Membri oħra u għalhekk tfixkel l-provvista trans fruntaljiera ta’ servizzi.

17.   Jiena naqbel li l-kawża Baxter tipprovdi analoġija tajba ħafna. Din il-kawża kienet tirrigwarda l-kompattibbiltà tal-libertà ta’ stabbiliment li tinsab fl- Artikolu 43 KE mal-leġiżlazzjoni Franċiża li kienet timponi taxxa fuq l-impriżi fis-settur tal-prodotti farmaċewtiċi filwaqt li kienet tippermetti t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż li nħarġu għar-riċerka li saret esklussivament fi Franza. L-atturi f’dik il-kawża, sussidjarji Franċiżi ta’kumpanniji prinċipali stabbiliti fi Stati Membri oħra, argumentaw li l-leġiżlazzjoni kienet tiddiskrimina bejn laboratorji franċiżi li kienu jagħmlu riċerka prinċipalment fi Franza u laboratorji barranin li l-unitajiet ta’ riċerka prinċipali tagħhom kienu jinsabu barra Franza.

18.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li konċessjoni ta’taxxi in kwistjoni kienet tidher li topera b’mod partikolari b’detriment għall-impriżi li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stati Membri oħra u li joperaw fi Franza permezz ta’ postijiet tan-negozju sekondarji; kienu tipikament dawk l-impriżi li, f’ħafna mill-każijiet, kienu żviluppaw l-attività tar-riċerka tagħhom barra minn dak l-Istat. Fuq il-bażi li r-regoli dwar it-trattament ugwali li jinsabu fl-Artikolu 43 KE jipprojbixxu mhux biss diskriminazzjoni ċara minħabba nazzjonalità (jew, fil-każ ta’ kumpannija, l-uffiċju prinċipali tagħha), iżda ukoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ differenza fit-trattament, fil-fatt, twassal għall-istess riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni kienet tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment.(5)

19.   Bl-istess mod, f’din il-kawża jidher ċar li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tiffavorixxi lill-impriżi stabbiliti fi Franza li jagħmlu riċerka fi Franza u jiskoraġġixxu lill-impriżi bħal dawn milli jużaw ċentri ta’ riċerka fi Stati Membri oħra. Tali trattament ta’ taxxa differenti, inevitabbilment, ikollu bħala konsegwenza diretta li jirrestrinġi l-provvista ta’ servizzi lil dawn l-impriżi minn gruppi ta’ riċerka stabbiliti fi Stati Membri oħra; li barra minn hekk dan kollu jidher li huwa aċċettat minn Franza. Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li l-Artikolu 49 KE mhux biss jeżiġi l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kollha abbażi tan-nazzjonalità kontra fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor iżda wkoll t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni li tista’ tagħmel anqas vantaġġjużi l-attivitajiet ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn leglament jipprovdi servizzi simili.(6)

20.   Kif dikuss iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Safir (7) iddeċidiet li leġiżlazzjoni simili kienet tmur kontra l-Artikolu 49 KE. B’mod aktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-kawża Vestergaard(8), li regoli ta’ Stat Membru li jagħmlu t-tnaqqis mit-taxxa ta' spejjeż relatati mal-parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ taħriġ professjonali organizzati barra mill-pajjiż aktar diffiċli mit-tnaqqis ta’ spejjeż relatati ma’ korsijiet bħal dawn organizzati f’dak l-Istat Membru, jinvolvu differenza fit-trattament, ibbażata fuq il-post ta' fejn is-servizz jiġi pprovdut, li hija pprojbita mill-Artikolu 49 KE.

21.   Għaldaqstant jien nikkonkludi li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni, safejn jirriżervaw il-benefiċċju ta’ kreditu ta’ taxxa għar-riċerka biss għal riċerka li ssir fi Franza, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE u, bir-riżerva għall-ġustifikazzjonijiet possibbli li ser jiġu kkunsidrati aktar 'il quddiem, imorru kontra l-imsemmi Artikolu.

 Ġustifikazzjonijiet possibbli

22.   Hija ġurisprudenza stabbilita li l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, li hija waħda mill-prinċipji fundamentali tat-Trattat, tista’ tiġi llimitata biss minn dispożizzjonijiet li huma ġustifikati minn raġunijiet imperattivi relatati ma’ l-interess pubbliku, li huma xierqa sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan mixtieq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan.(9)

23.   Tliet ġustifikazzjonijiet possibbli tqajjmu f’din il-kawża.

24.   L-ewwel nett il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni hijiex iġġustifikata, fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza Bachmann(10) u L-Kummissjoni vs Il-Belgju(11), mill-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema tat-taxxa tal-kumpanniji fi Franza.

25.   Bachmann u l-Belġju, l-uniċi kawżi fejn din il-ġustifikazzjoni ġiet permessa, kienu dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet tippermetti t-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet għall-pensjoni u l-assigurazzjoni fuq il-ħajja bil-kondizzjon li dawn jitħallsu fl-Istat Membru kkonċernat, kinitx kompatibbli ma’ l-Artikolu 39 KE, li jistabbilixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet evidentement influwenzata ħafna mill-konnessjoni jew rabta diretta bejn id-dritt ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet u l-obbligu ta’ ħlas ta’ taxxa ta’ somom imħallsa mill-assiguraturi taħt kuntratti ta’ pensjoni u assikurazzjoni fuq il-ħajja, li kien ifisser li t-telf fuq id-dħul li kien jirriżulta mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja mid-dħul kollu taxxabbli kien ikkumpensat mit-taxxa fuq il-pensjonijiet, annwalitajiet jew somom kapitali mħallsa mill-assiguraturi, u ddeċidiet li dispożizzjonijiet bħal dawk in kwistjoni huma ġustifikati mill-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema tat-taxxa li kienu jiffurmaw parti minnha..

26.   Minn meta ngħataw dawn is-sentenzi kien hemm diversi tentattivi mill-Istat Membri sabiex jargumentaw li dispożizzjonijiet fiskali partikolari kienu ġustifikati mill-ħtieġa li tiġi mħarsa l-koerenza fiskali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ippreċiżat li sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din jiġi aċċettat, għandha tiġi stabbilta rabta diretta bejn il-vantaġġ ta’ taxxa kkonċernat u t-tpaċċija ta’ dak il-vantaġġ minn obbligu ta’ ħlas ta’ taxxa partikolari.(12)  Ħlief fi tnejn minn dawk iż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ċaħdet l-argument fuq il-bażi li ma kienx hemm l-ebda rabta diretta; f’dawk iż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni kienet kontra l-liġi għaliex ma kinitx tidher bħala li hija neċessarja sabiex tħares il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.(13)

27.   F’din il-kawża l-impriżi farmaċewtiċi suġġetti għat-taxxa tal-kumpanniji Franċiża huma intitolati li jnaqqsu l-ispejjeż fuq riċerka li tkun saret fi Franza. Mhemm l-ebda rabta diretta bejn it-tnaqqis u t-taxxa fuq il-kumpanniji skond kif ġie deskritt aktar 'il fuq.

28.   Għalhekk ma nikkunsdrax li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tista’ tiġi ġustifikata b’referenza għall-prinċipju ta’ koerenza tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

29.   It-tieni nett, matul is-seduta il-Gvern Franċiż argumenta li l-leġiżlazzjoni kienet ġġustifikata mill-fatt li kienet tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp.

30.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tadotta proċedura ta' eżami każ b'każ fir-rigward ta' raġunijiet imperattivi relatati ma’ l-interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw l-ostakoli, maħluqa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-libertà li jiġu provduti servizzi. Għalhekk, il-fatt li l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp għadha qatt ma ġiet aċċettata bħala ġustifikazzjoni possibbli, mhux bilfors huwa sinjifikattiv.(14)

31.   Kif il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta, il-raġuni wara l-promozzjoni tar-riċerka għandha ċertament tkun dik li tiġi inkoraġġita l-eċċellenza; l-eċċellenza, madankollu, mhijiex neċessarjament llimitata għaċ-ċentri ta’ riċerka Franċiżi. Għalhekk ma nistax nifhem kif il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tista' titqies bħala xierqa sabiex tassigura r-riżultat ta’ l-għan allegatament mixtieq. L-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni bħal din turi x-xewqa li jiġi protett is-settur Franċiż tar-riċerka farmaċewtika; madankollu, għanijiet ekonomiċi bħal ma hija l-protezzjoni ta’ settur ekonomiku partikolari fi Stat Membru, evidentement ma jistgħux jiġġustifikaw ostakolu għall-prinċipju fundamentali tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi.(15)

32.   Barra minn hekk leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni tmur direttament kontra l-għanijiet espressi fit-Titolu XVIII tat-Tielet Parti tat-Trattat, "L-Iżvilupp fir-riċerka u t-teknoloġija", speċifikamant imsemmija mill-Gvern Franċiż in sostenn ta' l-argument tiegħu dwar il-promozzjoni tar-riċerka. Dan it-titolu jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-ħtieġa li l-impriżi jkunu jistgħu "jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-suq intern, speċjalment … bit-tneħħija ta’ … xkiel fiskali għal [kooperazzjoni bejn impriżi u ċentri ta’ riċerka]". (16)

33.   Fl-aħħarnett, il-Gvern Franċiż sostna li l-leġiżlazzjoni hija ġustifikata mill-fatt li tassigura l-effettività tas-superviżjoni fiskali.

34.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-effettività tas-superviżjoni fiskali tikkostitwixxi ħtieġa imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat(17) u li Stati Membri għalhekk jistgħu japplikaw miżuri li jippermettu li l-ammont ta’ spejjeż li jista' jitnaqqas f’dak l-Istat a titolu ta' spejjeż għar-riċerka jkun aċċertat b’mod ċar u preċiż.(18)  Madankollu, hija ddeċidiet ukoll, f’kuntest kważi analogu ma’ dak in kwistjoni f’din il-kawża, li leġiżlazzjoni nazzjonali li b’mod assolut tipprojbixxi lil persuna taxxabbli milli tissottometti evidenza li turi li fil-fatt kienet għamlet spejjeż relatati ma’ riċerka li saret fi Stati Membri oħra ma tistax tiġi ġustifikata abbażi tal-prinċipju ta’ l-effetività tas-superviżjoni fiskali: il-persuna taxxabbli ma tistax, a priori, tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tipprovdi l-evidenza dokumentata relevanti li tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat Membru li jimponi t-taxxa li jaċċertaw, b’mod ċar u preċiż, in-natura u l-ġenwinità ta’ l-ispejjeż għar-riċerka li saru fi Stati Membri oħra.(19)

35.   Il-leġiżlazzjoni in kwistjoni għalhekk ma tistax tkun ġustifikata mill-prinċipju ta’ l-effettività tas-superviżjoni fiskali.

 Konklużjoni

36.   Għaldaqstant jiena nikkonkludi, b'risposta għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Administratif deDijon, li l-Artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għal kreditu ta’ taxxa fuq il-kumpanniji għar-riċerka, biss meta r-riċerka ssir f’dak l-Istat Membru.


1 – Lingwa originali: l-Ingliż.


2  – Sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C-250/95, Ġabra p. I-2471, punt 22.


3  – Sentenza tat-28 ta’ April 1998, C-118/96, Ġabra p. I-1897, punti 20 sa 25 tal-Konklużjoni.


4  – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, C-254/97, Ġabra p, I-4809.


5  – Punti 10, 13 u 21 tas-sentenza, li jiċċitaw is-sentenza tat-13 ta' Lulju 1993, Commerzbank, C-330/91 Ġabra p. I-4017, punt 14.


6  – Sentenza tad-9 ta' Lulju 1997, Socitété Civile Immobilière Parodi, C-222/95, Ġabra p. I-3899, punt 18.


7  – Iċċitata fin-nota 3.


8  – Sentenza tat-28 ta' Ottubru 1999, C-55/98, Ġabra p. I-7641.


9  – Ara, per eżempju, is-sentenza tat-23 ta' Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punti 34 u 35 u s-sentenzi li hemm iċċitati.


10  – Sentenza tat-28 ta' Jannar 1992, C-204/90,Ġabra p. I-249.


11  – Sentenza tat-28 ta' Jannar 1992, C-300/90, Ġabra p. I-305.


12  – Ara, l-aktar kawża riċenti tas-7 ta' Settembru 2004 Manninen, C-319/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42 u s-sentenzi ċċitati, u għal analiżi li tiċċara l-prinċipju tal-koerenza fiskali ara l-punti 51 sa 80 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Kokott.


13  – Sentenza ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 42, u Manninen, iċċitata fin-nota 12, punt 45.


14  – Bħala eżempju ta' ġustifikazzjonijiet possibbli li ġew rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest, ara l-punt 59 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colmer fil-kawża Arblade et, iċċitata fin-nota 9.


15  – Ara s-sentenzi tal-5 ta' Ġunju 1997, SETTG, C-398/95, Ġabra p. I-3091, punt 23 u tat-28 ta' April 1998, Kohll, Ġabra p. I-1931, punt 41.


16  – Artikolu 163(2) KE.


17  – Ara, per eżempju, Futura, iċċitata fin-nota 2, punt 31.


18  – Baxter, iċċitata fin-nota 4, punt 18.


19  – Baxter, punti 19 u 20.