SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
26 ta’ Mejju 2005(*)
"Is-Sitt Direttiva VAT – Artikolu 25 – Skema komuni ta' rata fissa applikabbli għall-bdiewa – Kiri ta' żoni ta' kaċċa fil-kuntest ta' impriża forestali komunali – Kunċett ta' servizzi agrikoli"
Fil-kawża C-43/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja), permezz tad- deċiżjoni tat-27 ta’ Novembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Frar 2004, fil-proċedura
Finanzamt Arnsberg
vs
Stadt Sundern,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta’ l-Awla , A. Borg Barthet, A. La Pergola, J. Malenovský u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C.-D. Quassowski u A. Tiemann, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn E. Svolopoulou u K. Marinou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u K. Gross, bħala aġenti,
wara li li rat id-deċiżjoni, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, aktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva")
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Stadt Sundern (distrett ta' Sundern) u l-Finanzamt Arnsberg (aktar 'il quddiem il-"Finanzamt") rigward l-applikazzjoni ta' l-iskema komuni tar-rata fissa agrikola, prevista fl-imsemmi Artikolu, għall-kiri ta' żoni ta' kaċċa fil-kuntest ta' impriża forestali muniċipali.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjonii komunitarja
3 L-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Skema komuni ta' rata fissa għall-bdiewa", jipprovdi li:
"1. Fejn l-applikazzjoni għall-bdiewa għall-iskema normali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jew l-iskema simplifikata pprovduta fl-Artikolu 24, twassal għal ċertu diffikultajiet, Stati Membri jistgħu japplikaw għall-iskema ta’ rata fissa għall-bdiewa li għandha it-tendenza li tagħmel tajjeb għat-taxxa fuq il-valur miżjud miġbura fuq ix-xiri ta’ l-oġġetti u s-servizzi magħmula mill-bdiewa tar-rata fissa skond dan l-Artikolu.
2. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, id-definizjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
- 'bidwi': persuna taxxabbli li twettaq l-attività tagħha f’waħda mill-impriżi definiti taħt,
- 'impriżi agrikolturali, tal-foresti u tas-sajd': impriża kkunsidrata li tkun tali minn kull Stat Membru fl-istruttura ta’ l-attivitajiet tal-produzzjoni mniżżla fl-Anness A,
- 'bidwi b’rata fissa': bidwi soġġett għall-iskema tar-rata fissa pprovduta f’paragrafi 3 et seq.,
- 'prodotti agrikoli': oġġetti maħduma minn impriża agrikola, forestrija jew sajd f’kull Stat Membru bħala riżultat ta’ l-attivitajiet mniżżlin fl-Anness A,
- 'servizz agrikolu': kwalunkwe servizz stabbilit fl-Anness B provdut minn bidwi li juża’ x-xogħol tiegħu u/jew permezz ta’ tagħmir normalment disponibbli mill-impriża agrikola, forestali jew sajd imħaddma minnu,
– […]
5. Il-persentaġġi tar-rata fissa li hemm ipprovduti f'paragrafu 3 għandhom ikunu applikati għall-prezz, esklużi mit-taxxa […]. Dan il-kumpens għandu jeskludi l-forom oħra ta' tnaqqis.
– […]
9. Kull Stat Membru jista’ jeskludi mill-iskema ta’ rata fissa ċertu kategoriji ta’ bdiewa u bdiewa għal minn l-applikazzjoni ta’ l-iskema normali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jew l-iskema simplifikata provduta fl-Artikolu 24(1), ma tirriżultax f’diffikultajiet amministrattivi.
[…]"
4 L-Anness B ta' din l-istess Direttiva, intitolat "Lista ta' servizzi agrikoli", jipprovdi li:
"Provvisti ta’ servizzi agrikoli li normalment jagħmlu parti mill-produzzjoni agrikola għandhom jkunu kkunsidrati il-provvista ta’ servizzi agrikoli, u jinkludu li ġejjin b’mod partikolari:
– […]
– il-kiri, għal skopijiet agrikoli, ta’ tagħmir normalment użat f’impriżi agrikoli, tal-foresti u tas-sajd
– […]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 2 tal-liġi dwar id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz, aktar 'il quddiem l-"UStG"), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi li:
"1) Imprenditur huwa dak li jeżerċita b'mod indipendenti attività industrijali, kummerċjali jew professionali. L-impriża tinkludi l-attività industrijali, kummerċjali jew professionali kollha ta' l-imprenditur […]
[…]
3) L-entitajiet legali kollha li huma suġġetti għad-dritt pubbliku għandhom biss jeżerċitaw attività industrijali, kummerċjali jew professjonali fil-kuntest ta' l-istabbilimenti industrijali jew kummerċjali [Artikolu 1(1)(6), u Artikolu 4 tal-Körperschaftsteuergesetz] u ta' l-impriżi agrikoli jew forestali tagħhom."
6 L-Artikolu 24 ta' l-UStG jipprovdi li:
"1) Għall-operazzjonijiet ta' impriża agrikola u forestali, it-taxxa hija ffissata kif ġej, bla ħsara għat-tieni, it-tielet u r-raba' sentenzi:
1. għall-kunsinna ta' prodotti li ġejjin minn impriża forestali, bl-eċċezzjoni tal-prodotti ta' injam isserrat, bħala 5% tal-bażi ta' stima,
[…]
3. għall-operazzjonijiet oħra fis-sens ta' l-Artikolu 1(1)(1), bħala 9% tal-bażi ta' stima […]. L-ammont ta' taxxa f'ras il-għajn huma stabbiliti rispettivament bħala 5% għall-operazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 ta' l-ewwel sentenza u bħala 9% għall-operazzjonijiet l-oħra fis-sens ta' l-ewwel sentenza, tal-bażi ta' stima ta' dawk l-operazzjonijiet. M'għandux ikun hemm aktar tnaqqis ta' taxxa f'ras il-għajn […]
2) Huma kkunsidrati bħala impriżi agrikoli u forestali
1. l-agrikoltura, il-foresterija, il-vitikultura, l-ortikultura, it-tkabbir tas-siġar, il-kultivazzjoni tal-ħaxix u tal-pjanti ornamentali, l-impriżi kollha li jrabbu pjanti u partijiet ta' pjanti b'mezzi naturali, is-sajd fl-ilmijiet interni, l-akwakultura fl-għadajjar, l-akwakultura għas-sajd fl-ilmijiet interni u għall-akwakultura fl-għadajjar, it-trobbija tan-naħal, iċ-ċaqliq tal-bhejjem ta' kull staġun minn reġjun għal ieħor, kif ukoll il-kultivazzjoni taż-żerriegħa;
2. […]
L-impriżi konnessi, li huma intiżi biex jagħtu servizz lill-impriżi agrikoli u forestali, jagħmlu wkoll parti mill-impriżi agrikoli u forestali. […]
3) Meta l-imprenditur, minbarra l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jagħmel ukoll operazzjonijiet oħra, l-impriża agrikola u forestali għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża amministrata separatament fl-istruttura ta' l-intrapriża.
[…]"
Il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari
7 Mill-1994 sa 1999, is-Stadt Sundern kellha dħul mill-bejgħ ta' l-injam u ta' l-impriża forestali, kif ukoll tal-kiri ta' żoni ta' kaċċa privata. Peress li assimilat dawn il-kirjiet ma' operazzjonijiet fis-sens tas-"skema ta' rata fissa" prevista fl-Artikolu 24 ta' l-UStG, hija ma ddikjaratx, f'dan ir-rigward, it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.
8 Wara li sar kontroll fuq il-post, il-Finanzamt ikkunsidrat li l-kiri taż-żoni ta' kaċċa kkonċernati ma kinux jaqgħu taħt operazzjonijiet agrikoli u forestali skond dik id-dispożizzjoni imma kellhom jiġu intaxxati bir-rata normali, skond is-sistema ġenerali ta' tassazzjoni. Huwa għaldaqstant talab lis-Stadt Sundern il-pagament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (minn aktar 'il quddiem il-"VAT") fuq id-dħul minn dawn il-kirjiet.
9 Is-Stadt Sundert ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht kontra l-avviżi ta' taxxa kkonċernati. Dan ta' l-aħħar laqa' dan ir-rikors filwaqt li kkunsidra li l-kiri taż-żoni ta' kaċċa la kien jaqa' fil-kuntest ta' impriża agrikola u forestali u lanqas fil-kuntest ta' impriża ta' natura industrijali jew kummerċjali, fis-sens ta' l-Artikolu 2(3) ta' l-UStG. Fil-fatt, dan kien biss is-sempliċi amministrazzjoni ta' patrimonju.
10 Il-Finanzamt ressqet appell għal reviżjoni ta' din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof. Huwa sostna li dawn iż-żoni kienu ngħataw b'kera, skond l-Artikolu 2(3) ta' l-UStG, fil-kuntest ta' l-impriża forestali tas-Stadt Sundern, imma li din il-kirja ma kinitx tikkostitwixxi operazzjoni agrikola fis-sens ta' l-Artikolu 24 ta' l-UStG. Minn dan huwa kkonkluda li, konsegwentement, din il-kirja kellha tiġi suġġetta għas-sistema ġenerali ta' tassazzjoni.
11 Il-Bundesfinanzhof jistaqsi jekk il-ġurisprudenza tiegħu, li skondha l-kiri ta' żoni ta' kaċċa ma jaqax taħt l-iskema komuni ta' rata fissa applikabbli għall-bdiewa u huwa suġġett għas-sistema ġenerali ta' tassazzjoni, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, meta l-artijiet li magħhom ikun marbut id-dritt ta' kaċċċa jkunu jagħmlu parti minn impriża agrikola jew forestali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) L-Istati Membri li għamlu traspożizzjoni ta' l-iskema komuni ta' rata fissa applikabbli għall-bdiewa prevista fl-Artikolu 25 tas-[Sitt] Direttiva […] fil-liġi interna tagħhom għandhom il-fakoltà jew l-obbligu li jeżentaw lill-bdiewa b'rata fissa mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ?
2) Fil-każ ta' risposta affermativa għall-ewwel domanda: dan japplika biss għall-kunsinni ta' prodotti agrikoli u għall-prestazzjonijiet ta' servizzi agrikoli jew ukoll għal operazzjonijiet oħra tal-bidwi b'rata fissa, jew l-operazzjonijiet l-oħra huma suġġetti għas-sistema ġenerali tas-[Sitt] Direttiva […]?
X'jirriżulta minn dan kollu għall-kiri ta' permess ta' kaċċa minn bidwi b'rata fissa?"
Osservazzjonijiet preliminari
12 Preliminarjament, għandu jiġi osservat l-portata preċiża ta' l-ewwel domanda u r-relazzjoni tagħha mat-tieni waħda ma jirriżultawx b'mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju.
13 Madankollu, l-ewwel domanda tista' tinftiehem bħala intiża sabiex tiddetermina jekk Stat Membru, li għamel użu, skond l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, mill-fakultà li japplika l-iskema komuni ta' rata fissa għall-bdiewa, għandux l-obbligu li jissuġġetta lil dawn il-bdiewa għal din l-iskema meta dawn iwettqu operazzjonijiet li jaqgħu taħt din l-iskema, jew li jekk din hijiex pjuttost fakultà li dan għandu.
14 It-tieni domanda, min-naħa tagħha, essenzjalment tinkludi żewġ partijiet. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob jekk l-operazzjonijiet mwettqa mill-bidwi b'rata fissa, minbarra l-kunsinni ta' prodotti agrikoli u l-prestazzjonijiet ta' servizzi agrikoli, huma suġġetti għall-iskema komuni ta' rata fissa. Min-naħa l-oħra, hija qiegħda tipprova tifhem jekk il-kiri taż-żoni ta' kaċċa jikkostitwixxix servizzi agrikoli fis-sens ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva.
15 Madankollu, ma jidhirx li hemm bżonn li tingħata tweġiba għall-ewwel domanda, kif interpretata fil-punt 13 ta' din is-sentenza, jekk it-tieni parti tat-tieni domanda tirrikjedi risposta affermattiva.
16 F'ċirkustanzi bħal dawn, tajjeb li jinqaleb l-ordni tad-domandi u li l-ewwel jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet tat-tieni domanda, u mbagħad, jekk ikun il-każ, l-ewwel domanda.
Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda
17 Permezz ta' l-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iskema komuni ta' rata fissa applikabbli għall-bdiewa tapplika biss għall-kunsinna ta' prodotti agrikoli u għall-provvista ta' prestazzjonijiet ta' servizzi agrikoli, kif definiti fl-Artikolu 25(1), u jekk l-operazzjonijiet l-oħra mwettqa mill-bdiewa b'rata fissa humiex suġġetti għas-sistema ġenerali tal-VAT.
18 Il-Gvern Ġermaniż u dak Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, qegħdin jippropronu li tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda.
19 Għandu jiġi nnutat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni fuq ir-relazzjoni bejn l-iskema komuni ta' rata fissa applikabbli għall-bdiewa u s-sistema ġenerali tal-VAT fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-15 ta' Lulju 2004, Harbs (C-321/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
20 Minn din is-sentenza jirriżulta li apparti l-kunsinna ta' prodotti agrikoli u l-provvista ta' prestazzjonijiet servizzi agrikoli, l-operazzjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva, li jitwettqu mill-bidwi b' rata fissa fil-kuntest ta' l-impriża agrikola jibqgħu suġġetti għas-sistema ġenerali tas-Sitt Direttiva (ara, f'dan is-sens, sentenza Harbs, iċċitata iktar 'il fuq, punti 31 u 36).
21 KonsegwentementKonsegwentment, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda hija li l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-iskema komuni ta' rata fissa applikabbli għall-bdiewa tapplika biss għall-kunsinna ta' prodotti agrikoli u għall-provvista ta' prestazzjonijiet ta' servizzi agrikoli, bħalma huma definiti fl-Artikolu 25(2), u li l-operazzjonijiet l-oħra mwettqa mill-bdiewa b' rata fissa huma suġġetti għas-sistema ġenerali ta' din id-Direttiva.
Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda
22 Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment titlob jekk il-kiri ta' żoni ta' kaċċa minn bidwi b'rata fissa jikkostitwixxix prestazzjoni ta' servizzi agrikoli fis-sens tal-ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien ma' l-Anness B ta' l-istess Direttiva li jelenka l-prestazzjonijiet ta' servizzi agrikoli.
23 Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li din id-domanda tirrikjedi risposta negattiva, peress li l-kiri ta' żoni ta' kaċċa ma jinsabx fl-Anness B tas-Sitt Direttiva. Huma jenfasizzaw f'dan ir-rigward li l-Artikolu 25 ta' dik id-Direttiva għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv, skond in-natura derogatorja tiegħu.
24 Għandu jiġi mfakkarGħandu li, sabiex jiġi stabbilit l-għan ta' dispożizzjoni ta' dritt komunitarju, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm il-kliem tagħha kif ukoll il-kuntest u l-għanijiet tagħha (sentenzi tal-15 ta' Ottubru 1992, Tenuta l Bosco, C-162/91, Ġabra p. I-5279, punt 11, u Harbs, iċċitata aktar 'il fuq, punt 28). Minbarra dan, mir-rekwiżiti kemm ta' l-applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju kif ukoll tal-prinċipju ta' ugwaljanza jirriżulta li l-kliem użat f'dispożizzjoni tad-dritt komunitarju li ma jkun fiha ebda riferiment speċifiku għad-dritt ta' l-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u ta' l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11, u tas-17 ta' Marzu 2005, Feron, C-170/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).
25 Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni hija kkorroborata mill-kliem tad-dispożizzjonijiet kkonċernati, mill-kuntest tagħhom, kif ukoll mill-għanijiet ta' l-iskema komuni ta' rata fissa.
26 Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, bis-saħħa tal-ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva u ta' l-Anness B ta' l-istess Direttiva, huma kkunsidrati bħala prestazzjonijiet ta' servizzi agrikoli dawk il-prestazzjonijiet ta' servizzi li normalment jagħmlu parti mill-produzzjoni agrikola, b'mod partikolari "il-kiri, għal skopijiet agrikoli, ta' tagħmir normalment użat f'impriżi agrikoli". Il-kiri ta' żoni ta' kaċċa mhuwiex espliċitament imsemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet u, minbarra dan, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti minnhom.
27 Barra minn dan, fil-każ tafil-każ tafill-kuntest ta' dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirrigwardaw skema partikolari li tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ġenerali tas-Sitt Direttiva. Hija ġurisprudenza stabbilita li kull deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et., C-399/93, Ġabra p. I-4515, punt 23, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-5/01, Ġabra p. I-11991, punt 56). Għaldaqstant, bħall-iskemi speċjali l-oħra previsti mis-Sitt Direttiva, din l-iskema għandha biss tiġi applikata safejn huwa neċessarja sabiex tilħaq l-għan tagħha (ara s-sentenza Harbs, iċċitata aktar 'il fuq, punt 27).
28 Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-eżami ta' l-għanijiet ta' l-iskema komuni ta' rata fissa, għandu jiġi mfakkar li din tissodisfa ħtieġa ta' semplifikazzjoni. Kif jirriżulta mill-punt 29 tas-sentenza Harbs, iċċitata iktar 'il fuq, din is-sistema għandha t-tendenza li tagħmel tajjeb għall-piż tat-taxxa fuq ix-xiri ta' oġġetti u servizzi tal-bdiewa permezz tal-ħlas ta' kumpens b'rata fissa lill-bdiewa li jwettqu l-attività tagħhom fil-kuntest ta' impriża agrikola, forestali jew tas-sajd, meta huma jikkunsinjaw prodotti agrikoli jew iwettqu prestazzjonijiet ta' servizzi agrikoli.
29 L-applikazzjoni ta' l-iskema komuni ta' rata fissa mhijiex ibbażata fuq kriterju wieħed li jirrigwarda l-kwalità formali ta' bidwi, imma tiddependi wkoll fuq in-natura ta' l-operazzjonijiet ekonomiċi mwettqa minn dan ta' l-aħħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Harbs, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31). L-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "servizz agrikolu", li jinsab fil-ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva li jkopri kiri, bħall-kiri ta' żonijiet ta' kaċċa li mhumiex intiżi għal skopijiet agrikoli u li m'għandhomx x'jaqsmu ma' mezzi normalment użati fl-impriżi agrikoli, forestali jew ta' sajd, la hija konformi man-natura u lanqas ma' l-iskop ta' din l-iskema.
30 B'hekk, meta, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, bidwi jikri żoni ta' kaċċa, huwa ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li qiegħed iwettaq prestazzjoni ta' servizzi agrikoli skond il-ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien ma' l-Anness B tad-Direttiva.
31 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien ma' l-Anness B tad-Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kiri ta' żoni ta' kaċċa minn bidwi b'rata fissa ma jikkostitwixxix servizz agrikolu fis-sens ta' din id-Direttiva.
32 Fid-dawl tar-risposta li ngħatat lit-tieni parti tat-tieni domanda u għar-raġunijiet li ngħataw fil-punti 12 sa 16 ta' din is-sentenza, m'hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.
Fuq l-ispejjeż
33 Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskema komuni ta' rata fissa applikabbli għall-bdiewa tapplika biss għall-kunsinna ta' prodotti agrikoli u għall-provvista ta' prestazzjonijiet ta' servizzi agrikoli, kif definiti fl-Artikolu 25(2), u li l-operazzjonijiet l-oħra mwettqa mill-bdiewa b'rata fissa huma suġġetti għas-sistema ġenerali ta' din id-Direttiva.
2) Il-ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 77/388, moqri flimkien ma' l-Anness B ta' l-istess Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kiri ta' żoni ta' kaċċa minn bidwi b'rata fissa ma jikkostitwixxix prestazzjoni ta' servizzi agrikoli fis-sens ta' din id-Direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.