SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
tat-30 ta' Marzu 2006 (*)
"VAT – Tnaqqis ta' l-input tax – Beni ta' investiment – Proprjetà immobbli – Regolarizzazzjoni tat-tnaqqis"
Fil-kawża C-184/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (Il-Finlandja), permezz ta' Deċiżjoni tat-16 ta' April 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-19 ta' April 2004, fil-proċedura mressqa minn
Uudenkaupungin kaupunki,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann (Relatur), N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Ġunju 2005,
wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għall-Uudenkaupungin kaupunki, minn M. Pikkujämsä, asianajaja,
– għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä u E. Bygglin, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström van Lier u I. Koskinen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Settembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13C, tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 17(6), u ta' l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388 tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, ta' l-10 ta' April 1995 (ĠU L 102, p. 18, aktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").
2 Hija fis-sustanza ssaqsi jekk, fid-dawl tas-Sitt Direttiva, regolarizzazzjoni tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT") mħallsa bħala taxxa input għall-beni ta' investiment, għandhiex tiġi konċessa fil-każ li proprjetà immobbli li fil-bidu kienet ikkunsidrata bħala attività eżenti, u, wara, ikkunsidrata bħala attività taxxabbli, wara l-eżerċizzju tad-dritt ta' għażla, skond l-Artikolu 13C tas-Sitt Direttiva.
3 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' appell mressaq mill-Uudenkaupungin kaupunki (il-belt ta' Uusikaupunki, aktar 'il quddiem "Uusikaupunki") kontra deċiżjoni tal-Helsingin hallinto-oikeus (Tribunal amministrattiv ta' Helsinki), li ċaħad ir-rikors imressaq mill-Uusikaupunki kontra ż-żewġ deċiżjonijiet meħuda mill-Lounais-Suomen verovirasto (iċ-ċentru ta' taxxi tal-Finlandja ta' lbiċ) fuq it-talbiet ta' regolarizzazzjoni u ħlas lura tal-VAT ippreżentati minn Uusikaupunki.
Il-Kuntest Ġuridiku
Is-Sitt Direttiva
4 L-Artikolu 5(6) u (7), tas-Sitt Direttiva huwa fformulat kif ġej:
"6. L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta' oġġetti li jifformaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas, jew b'mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-oġġetti in kwistjoni jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli setgħet titnaqqas kollha jew parti minnha, għandhom jitqiesu bħala provvisti bi ħlas. Iżda applikazzjonijet biex jingħataw kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir għall-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli m’għandhomx ikunu hekk meqjusa.
7. Stati Membri jistgħu iqisu bħala provvisti bi ħlas:
(a) l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli għal skopijiet tan-negozju tagħha ta’ oġġetti magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati, mixtrija jew importati matul in-negozju, fejn il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti, kieku kienu ġew akkwistati minn persuna oħra taxxabbli, ma tkunx deduċibbli kollha seta' jitnaqqas kollu;
(b) l-applikazzjoni ta’ oġġetti minn persuna taxxabbli għal skopijiet ta’ operazzjoni mhux taxxabbli, fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti tkun deduċibbli seta' jitnaqqas kollu jew parti minnu meta jsir l-akkwist tagħhom jew meta jkunu applikati skond is-sub-paragrafu (a);
(ċ) bla ħsara għal dawk il-każijiet imsemmija fil-paragrafu 8, iż-żamma ta’ l-oġġetti minn persuna taxxabbli jew l-eredi tagħha, meta hija ma tibqax tagħmel attività ekonomika taxxabbli, fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawk l-oġġetti kienet deduċibbli kollha jew parti minnha fuq l-akkwist tagħhom jew fuq l-applikazzjoni tagħhom skond is-sub-paragarafu (a)".
5 L-Artikolu 6 (2) u (3) ta' l-istess Direttiva jiddisponi:
"2. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:
(a) l-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b'mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju tiegħu fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;
(b) il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha jew b'mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu.
Stati Membri jistgħu jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, iżda li din id-deroga ma twassalx għal distorzjoni tal-kompetizzjoni.
3. Biex ma jħallux li jkun hemm distorzjoni ta' kompetizzjoni u suġġetti għall-konsultazzjonijet imsemmija fl-Artikolu 29, Stati Membri jistgħu iqisu bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas minn persuna taxxabbli ta' servizz għall-iskopijiet ta’ l-impriża tagħha fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dan is-servizz, kieku ingħata minn persuna oħra taxxabbli, ma kinitx tkun deduċibbli kollha."
6 B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 13(B)(b) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kiri ta' proprjeta' immobbli mill-VAT. Skond l-Artikolu 13C ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jħallu lil persuna taxxabbli dritt għal għażla għal intaxxar f’każijiet ta’ kiri ta’ proprjeta immobbli; madankollu l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-iskop ta’ dan id-dritt u għandhom jiffissaw id-dettalji ta’ l-użu tiegħu.
7 L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Oġġetti u skop tad-dritt li jitnaqqas", jiddisponi:
"1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
(a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra:
[…]
6. Qabel perjodu ta’ erba’ snin ta’ l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m’għandiex tkun eleġġibli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-taxxa fuq il-valur miżjud fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż li mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.
Sa kemm ir-regoli ta’ fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ."
8 Sa llum, ir-regoli Komunitarji li hemm fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva għandhom ma ġewx adottati, minħabba nuqqas ta' ftehim fil-Kunsill fuq l-ispejjeż li għalihom eżenzjoni ta' dritt mill-VAT tista' tkun intiża.
9 L-Artikolu 18(1) u (2), tas-Sitt Direttiva jippreċiżaw ċerti eżiġenzi dwar il-proċeduri ta' eżerċizzju tad-dritt ta' tnaqqis. Il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jipprovdi f'dan ir-rigward li l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li għalihom persuna taxxabbli tista' jiġi awtorizzata teffettwa t-tnaqqis li m'għamlitx b'mod konformi mal-paragrafi 1 u 2 ta' l-imsemmi Artikolu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
10 L-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Aġġustamenti [Regolarizzazzjoni] tat-tnaqqis" għandu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
"1. It-tnaqqis inizzjali għandu jkun aġġustat b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri b’mod partikolari:
(a) fejn it-tnaqqis jkun ogħla jew inqas minn dak li għalih l-persuna taxxabbli hi ntitolata;
(b) fejn wara li jsir il-prospett xi tibdil isir fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, b’mod partikolari fejn ix-xirjiet huma kanċellati jew roħs fil-prezz hu miksub; madanakollu, regolarizzazzjonijiet m’għandhomx isiru fil-każijiet ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u distrutti, telf jew serq tal-proprjetà verament ippruvati jew ikkonfermati, lanqas fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-iskopijiet ta’ għoti ta’ regali ta’ valur żgħir u ta’ l-għoti ta’ kampjuni speċifikati fl-Artikolu 5 (6). Madanakollu, Stati Membri jistgħu jeħtieġu regolarizzazzjonijiet fil-każijiet ta’ transazzjonjiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u ta’ serq.
2. Fil-każ ta’ beni ta' investiment, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluż dik meta l-oġġetti jkunu akkwistati jew fabbrikati. L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tat-taxxa imposta fuq l-oġġetti. L-aġġustament għandu jsir fuq bażi tal-varjazzjonijet fit-tnaqqis intitolat fis-snin konsekwenti b’ relazzjoni għal dik is-sena meta l-oġġetti kienu akkwistati jew fabbrikati.
Permezz ta’ deroga mis-sub-paragrafu preċedenti, Stati Membri jistgħu jibbażaw l-aġġustament fuq perjodu ta’ ħames snin sħaħ li jibdew miż-żmien meta l-oġġetti huma użati għall-ewwel darba.
Fil-każ ta’ proprjetà immobbli akkwistata bħala oġġetti kapitali [beni ta' investiment] il-perjodu ta’ l-aġġustament jista’ jkun estiż sa 10 snin.
[…]
4. Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu:
- jiddefinixxu l-kunċett ta’ l-oġġetti kapitali,
- jindikaw l-ammont tat-taxxa li trid tittieħed in kunsiderazzjoni għall-aġġustament,
- jaddottaw kalunkwe’ miżuri xierqa bil-ħsieb li jassiguraw li l-aġġustament ma jinvolvix kwalunkwe vantaġġ mhux ġustifikat,
- jippermetti simplifikazzjonijet amministrattivi.
5. Jekk fi kwalunkwe Stat Membru l-effett prattiku ta’ l-applikazzjoni ta’ paragrafi 2 u 3 jkun insinifikanti, dak l-Istat Membru jista’ jkun soġġett għall-konsultazzjoni pprovduta fl-Artikolu 29 jgħaddu mingħajr l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi wara li kkunsidraw il-bżonn li jevitaw tfixkil fil-kompetizzjoni, l-effett totali tat-taxxa fl-Istat Membru kkonċernat u l-bżonn ta’ ekonomija vera fl-amministrazzjoni.
[...]"
11 L-Artikolu 29 tas-Sitt Direttiva stabbilixxa "Kumitat Konsultatttiv fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud", kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li huwa kompetenti li jeżamina l-kwisjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12 Id-dispożizzjoniet nazzjonali dwar it-trattament fiskali tal-kiri ta' immobbli jinsbu fl-Artikoli 27 sa 30 tal-liġi fuq il-VAT (arvonlisäverolaki, liġi nru 1501, tat-30 ta' Diċembru 1993, aktar 'il-quddiem l-"AVL"). Skond it-termini ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 27, ta' l-istess liġi, il-kiri ta' immobbli huma eżenti mill-VAT. L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 30 ta' l-imsemmija liġi jagħti lill-persuni taxxabbli d-dritt li jagħżlu taxxa ta' kiri ta' immobbli bil-kundizzjoni li l-immobbli jiġi użat mill-Istat jew b'mod kostanti għal attivitajiet li jagħtu dritt għal tnaqqis, jiġifieri fil-kuntest ta' attivitajiet taxxabbli.
13 Skond l-Artikolu 33 ta' l-AVL, il-prestazzjoni ta' xogħol fil-kuntest ta' bini ġdid jew ta' tiġdid ta' immobbli huwa kkunsidrat bħala kunsinna għal użu propriju meta l-operatur ekonomiku jbiegħ l-immobbli jew jagħmel użu ieħor li jagħti dritt għal tnaqqis, meta l-prestazzjoni ta' servizz jew akkwist ta' immobbli jagħti lok għal tnaqqis jew fejn il-prestazzjoni ta' servizz lill-istess huwa magħmul fil-kuntest ta' attivitajiet li jagħtu d-dritt għal tnaqqis.
14 Id-dispożizzjonijiet dwar dritt għal tnaqqis huma s-suġġett ta' l-Artikoli 102 sa 118 ta' l-AVL. Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 102(1) ta' din il-liġi, dwar id-dritt ġenerali għal tnaqqis, il-persuna taxxabbli tista', fil-kuntest ta' attività taxxabbli, tnaqqas it-taxxa fuq proprjetà jew servizz akkwistat minn persuni taxxabbli oħra. Skond l-Artikolu 106 ta' l-AVL, dwar tnaqqis fil-kuntest ta' prestazzjonijiet ta' servizz ta' kostruzzjoni, il-proprjetarju ta' immobbli li talab li jkun suġġett għall-VAT skond l-Artikolu 30 ta' din il-liġi, jista' fil-prinċipju japplika t-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 102 ta' l-imsemmija liġi għas-servizzi jew prodotti li huwa akkwistati għall-għanijiet ta' kiri taxxabbli ta' l-imsemmi immobbli
15 It-tnaqqis tal-VAT għal investimenti immobiljari magħmula qabel l-eżerċizzju tad-dritt ta' għażla għal persuna taxxabbli mhuwiex possibbli ħlief jekk dan id-dritt jiġi eżerċitat f'terminu ta' sitt xhur li jibdew mim meta jkun jista' jintuża l-immobbli kkonċernat. L-AVL ma tħallix li jiġi rrivedut jew li jiġi rregolarizzat favur persuna taxxabbli tnaqqis dwar tiġdid, għal bini ġdid jew għall-akkwist ta' immobbli, fil-każ fejn it-talba li jkun intaxxat tkun ġiet ippreżentata qabel l-għeluq tat-terminu msemmi, għalkemm l-immobbli fil-bidu kien mqiegħed għall-użu fil-kuntest ta' attività eżenti mill-VAT qabel ma ġie applikat għal attività taxxabbli.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 Uusikaupunki ġedded immobbli li tagħha hija proprjetarja u kriet partijiet ta' dan l-immobbli lill-Istat Finlandiż, parti b'sehh mill-1 ta' Ġunju 1995, u parti oħra b'sehh mill-1 ta' Settembru ta' l-istess sena. Uusikaupunki wkoll kriet, b'sehh mill-31 ta' Awissu 1995, bini industrijali mibni b'inkarigu minn impriża taxxabbli għall-VAT. L-ispejjeż ta' dawn iż-żewġ proġetti jinkludu ammont ta' VAT ta' 2,206,224 FIM.
17 Fl-4 ta' April 1996, Uusikaupunki ppreżentat, skond l-Artikolu 30 ta' l-AVL, quddiem it-Turun lääninverovirasto (iċ-ċentru reġjonali tat-taxxi ta' Turku) talba peress li kienet taxxabbbli għall-VAT għall-kiri taż-żewġ immobbli in kwistjoni fil-kawża prinċipali. L-amministrazzjoni fiskali laqgħat din it-talba għall-perjiodu li jmur mid-data tal-preżentata ta' l-imsemmija talba, għalkemm ma ġietx ippreżentata fit-terminu ta' sitt xhur li jgħoddu minn meta tqiegħed għall-użu l-immobbli, previst fl-Artikolu 106 ta' l-AVL.
18 B'żewġ talbiet tat-8 ta' Settembru 1998 u 30 ta' Marzu 2000, Uusikaupunki, taħt l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, talbet lil-Lounais-Suomen verovirasto r-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis tat-taxxa u l-ħlas lura ta' parti mill-VAT imħallsa fil-kuntest tax-xogħlijiet ta' bini u tiġdid li saru mis-snin 1996 sa 1999. Is-somma mitluba telgħet għal 1,651 653 FIM, miżjuda bl-imgħax legali.
19 B'deċiżjoni tat-3 ta' Mejju 2000, il-Lounais-Suomen verovirasto ċaħdet dawn it-talbiet għar-raġuni li t-tnaqqis tal-VAT imħallsa fil-kuntest ta' xogħlijiet ta' bini u tiġdid m'għandux, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 106 ta' l-AVL, jkun possibbli jekk l-għażla li jkun suġġett għat-taxxa tkun ġiet eżerċitata fit-terminu ta' sitt xhur li jgħoddu minn meta tpoġġew għall-użu l-proprjetajiet immobbli.
20 Uusikaupunki ressqet, quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus, rikors għall-annullament ta' dawn id-deċiżjonijiet, li ġie miċħud. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk għamel appell kontra din is-sentenza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema).
21 Il-Korkein hallinto-oikeus issaqsi jekk il-kundizzjonijiet li għalihom hija l-AVL tissuġġetta d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT humiex kontra s-Sitt Direttiva f'li huwa impossibbli fil-liġi Finlandiża li taġġusta t-tnaqqis tal-VAT fil-kuntest ta' immobbli jekk l-immobbli kien fil-bidu mqieħed għall-użu fil-kuntest ta' attività eżenti mill-VAT li kien applikat b'attività taxxabbli sakemm it-talba ta' suġġett tat-taxxa tal-kirja tkun ġiet ippreżentata fit-terminu ta' sitt xhur wara t-tqegħid għall-użu ta' l-immobbli.
22 Skond il-qorti tar-rinviju, hija kkontestat li l-Uusikaupunki, fil-kuntest ta' l-akkwisti magħmula għat-tiġdid u bini ġdid in kwistjoni, aġixxiet fil-kwalità ta' persuna taxxabbli u li dawn l-akkwisti saru għall-għanijiet ta' attività ekonomika tar-rikorrent.
23 Kien f'dawn iċ-ċirkostanzi li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) L-Artikolu 20 tas-[Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 tagħha, ir-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis imsemmija f'dan l-Artikolu hija obbligatorja għall-Istat Membru f'dak li jikkonċerna l-beni ta' investiment?
2) L-Artikolu 20 tas-[Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis imsemmija f'dan l-istess Artikolu hija applikabbli wkoll f'sitwazzjoni fejn beni ta' investiment, f'dan il-każ immobbli, li fil-bidu kien ikkunsidrat attività eżenti, fejn it-tnaqqis kienu fil-bidu totalment esklużi, filwaqt li kien biss wara, waqt il-perijodu ta' regolarizzazzjoni, li l-immobbli kien użat għall-għanijiet ta' attività suġġetta għall-VAT?
3) It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13C tas-[Sitt] Direttiva jista' jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal tnaqqis għal akkwisti dwar investimenti immoblijari jista' jiġi ristrett mill-Istat Membru bil-mod previst fil-liġi Finlandiża fuq il-VAT, b'mod li dan id-dritt ikun għal kollox eskluż f'sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża preżenti?
4) It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 17(6) tas-[Sitt] Direttiva jista' jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal tnaqqis għal akkwisti dwar investimenti immobiljari jista' jiġi ristrett mill-Istat Membru bil-mod previst fil-liġi Finlandiża fuq il-VAT, b'mod li dan id-dritt ikun għal kollox eskluż f'sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża preżenti ?"
Fuq l-ewwel domanda
24 Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li skond il-loġika tas-sistema stabbilita mis-Sitt Direttiva, l-input tax fuq il-beni jew servizzi użati minn persuna taxxabbli għall-għanijiet ta' dawn it-tranżazzjonijiet taxxabbli tista' tkun imnaqqsa. It-tnaqqis ta' input tax huwa marbut mal-ġbir ta' l-output tax. Meta l-beni jew servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli huma użati għall-bżonnijiet ta' tranżazzjonijiet eżenti jew li joħorġux mill-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT, ma jkun hemm la l-ġbir ta' outputtax u lanqas tnaqqis ta' input tax. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-oġġetti jew is-servizzi huma użati għall-għanijiet ta' tranżazzjonijiet ta' output tax, tnaqqis ta' taxxa fuqhom jiġi impost sabiex tiġi evitata taxxa doppja.
25 Il-perijodu ta' regolarizzazzjoni tat-tnaqqis previst mill-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva jippermetti li jiġu evitati ineżattezzi fil-kalkolu tat-tnaqqis u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi inġustifikati meta, b'mod partikolari, tibdil fl-elementi li fil-bidu jittieħdu in kunsiderazzjoni għad-derminazzjoni ta' l-ammont ta' tnaqqis jintervjenu wara d-dikjarazzjoni. Il-probabbiltà ta' tibdil simili huma partikolarment importanti fil-każ ta' beni ta' investiment li huma użati waqt perijodu ta' diversi snin li fihom il-pożizzjoni tagħhom tvarja. Is-Sitt Direttiva tipprovdi għalhekk perijodu ta' regolarizzazzjoni ta' ħames snin, li jista' jkun estiż għal għoxrin sena fil-każ ta' beni ta' investiment, perijodu li fih jista' jkun hemm tnaqqis li jvarja.
26 Is-sistema ta' regolarizzazzjoni ta' tnaqqis tikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema istitwita mis-Sitt Direttiva, li għandha bħala għan li tassigura l-eżattezza tat-tnaqqis u għalhekk in-newtralita' tal-piż fiskali. L-Artikolu 20(2) tas-Sitt Direttiva, li jikkonċerna l-beni ta' investiment, rilevanti fil-kawża prinċipali, huwa wkoll ifformulat b'termini li ma jħallu ebda dubju fuq in-natura obbligatorja tiegħu.
27 Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, li meta r-restrizzjonijiet ta' dritt għal tnaqqis, u għalhekk ta' regolarizzazzjonijiet ta' tnaqqis, għandhom jiġu applikati b'mod simili fl-Istati Membri kollha, id-derogi m'humiex permessi ħlief fil-każijiet espressament previsti mis-Sitt Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 1991, Lennartz, C-97/90, Ġabra. p. I-3795, punt 27). Il-fatt li l-Artikolu 20 (5), tas-Sitt Direttiva jipprovdi kundizzjonijiet preċiżi ħafna li għandhom ikunu sodisfatti sabiex Stat Membru jkun jista', taħt titolu ta' derogazzjoni, jirrinunzja għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu, isaħħaħ in-natura obbligatorja ta' din l-istess dispożizzjoni. Għandu jkun irrilevat f'dan il-kuntest li, waqt is-seduta, ġie espress nuqqas ta' qbil bejn il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni dwar il-kwistjoni jekk konsultazzjoni tal-Kumitat istitwit bl-Artikolu 29 tas-Sitt Direttiva kinitx seħħet, kif jipprovdi l-Artikolu 20(5) ta' din l-istess Direttiva, u jekk kienx hemm riżultat. B'danakollu, id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali ma għandhomx manifestament l-għan li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni derogatorja humiex ssodisfatti f'dan il-każ.
28 F'dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Finlandiż li, skond hu, l-Artikolu 20(4) tas-Sitt Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jiddefinixxu l-kunċett ta' "beni ta' investiment" u li l-prestazzjonijiet ta' servizzi ta' bini m'għandhomx neċessarjament ikunu inklużi f'dan il-kunċett, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Gvern ammetta li ebda definizzjoni ta' din l-espressjoni ma ġiet adottata fid-dritt Finlandiż, peress li l-proċedura prevista fl-Artikolu 20(2) sa (5) tas-Sitt Direttiva ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali. Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li Stat Membru li ma jittrasponix fl-ordni ġuridiku nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta' Direttiva ma jistax jopponi liċ-ċittadini Komunitarju r-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta' Novembru 1991, Francovich et., C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 21, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Aslanidou, C-142/04, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).
29 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Finlandiż, ir-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis ta' l-input tax b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva ma tikkostitwixxix alternattiva sempliċi għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 5(6), u 6(2), ta' din l-istess Direttiva, dwar l-intaxxar ta' applikazzjonijiet u prestazzjonijiet ta' servizzi magħmula minn persuna taxxabbli għal skopijiet privati tagħha, u l-Istati Membri m'għandhom ebda għażla bejn it-traspożizzjoni tal-mekkaniżmu ta' regolarizzazzjoni u l-intaxxar ta' skopijiet privati proprji, peress li t-tnejn huma obbligatorji.
30 Għalkemm kemm l-Artikolu 20 kif ukoll l-Artikoli 5 u 6 jistgħu, bil-mod ta kif inhuma fformulati, bħala prinċipju, ikunu applikabbli għal sitwazzjoni fejn beni li l-użu tiegħu jagħti dritt għal tnaqqis wara jiġi kkunsidrat li ma jagħtix dritt għal tnaqqis, u għalkemm iż-żewġ mekkaniżmi jkollom l-istess effett ekonomiku f'din is-sitwazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 et C-7/02, Ġabra p. I-5337, punt 90), dan mhux madankollu l-każ fis-sitwazzjoni inversa, rilevanti għall-kawża prinċipali, fejn il-beni li l-użu tiegħu ma jagħtix dritt għal tnaqqis li wara jiġi kkunsidrat għal użu li jagħti dan id-dritt. Fil-fatt, dritt ta' regolarizzazzjoni għal tnaqqis favur persuna taxxabbli, rilevanti fit-tieni sitwazzjoni, jista' biss ikun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva u mhux fuq dawk ta' l-Artikoli 5 sa 6 tiegħu. F'dawn is-sitwazzjonijiet, applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 20 ta' l-imsemmi Direttiva hija għalhekk indispensabbli, indipendentement mill-applikazzjoni fid-dritt nazzjonali ta' l-Artikoli 5 u 6 tas-Sitt Direttiva.
31 Fil-fatt, anki f'dak li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet fejn il-beni jinbidillu l-kunsiderazzjoni minn użu li jagħti dritt għal tnaqqis għal użu li ma jagħtix dritt, u fejn, b'konsegwenza, jeżisti riskju ta' sovrapożizzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet, ma tirriżulta, bil-kontra ta' dak li sostna l-Gvern Finlandiż, ebda kontradizzjoni li tista' tiġġustifika li ma titpoġġix fis-seħħ il-proċedura ta' regolarizzazzjoni ta' tnaqqis prevista mill-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva.
32 Waqt is-seduta, il-Gvern Finlandiż iċċita l-każ ta' eżempju ta' immobbli li kien ġie akkwistat għal attivitajiet taxxabbli, u, sena wara l-akkwist tiegħu, ġie kkunsidrat għal attività eżenti għall-erba' snin ta' wara. Dan il-Gvern irrileva li, bħala prinċipju, għalkemm l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikoli 5(6) u 6 (2) tiegħu, ikunu applikabbli għal din is-sitwazzjoni, iżda l-applikazzjoni ta' dawn l-Artikoli jwassal għal riżultati differenti u irrikonċiljabbli. B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 20 (2) tas-sitt Direttiva, regolarizzazzjoni tat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq il-prezz tal-bejgħ mit-tieni sena jkollha l-konsegwenza li żżomm it-taxxa mnaqqqsa sa livell ta' 1/5 ta' l-ammont tagħha, li hija frazzjoni li tikkorrispondi għall-ewwel sena ta' użu ta' l-immobbli. Min-naħa l-oħra, applikazzjoni ta' l-Artikoli 5(6) u (2), tas-Sitt Direttiva twassal għal intaxxar tal-valur totali ta' l-immobbli fil-mument ta' bdil tal-kunsiderazzjoni tiegħu.
33 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-Artikoli 5 (6) u 6 (2) ma jistgħux isibu applikazzjoni ħlief fil-każ ta' applikazzjoni ġdida ieħor tal-beni kkonċernat għal użu privat iżda, mhux fil-każ ta' użu ġdid ta' dan l-oġġett għall-għanijiet ta' attività eżenti.
34 L-applikabblità rispettiva tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni tiddependi allura fuq il-kwistjoni jekk persuna taxxabbli fil-fatt kinitx iddeċidiet li tuża l-immobbli in kwistjoni b'mod permanenti għal skopijiet ta' użu privat tagħha, jew min-naħa l-oħra, jekk ħasbitx għall-possibiltà ta' użu futur għall-għanijiet ta' l-impriża tiegħu u ddeċieda, għalhekk, li jżommha fl-assi ta' l-impriża tiegħu. Fl-ewwel ipoteżi, ikunu l-Artikoli 5(6) u 6 (2) tas-Sitt Direttiva li japplikaw u fit-tieni, l-Artikolu 20 ta' din l-istess Direttiva. Il-fatt li persuna taxxabbli għandha l-possibbiltà ta' għażla, għall-għanijiet ta' applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, li ddaħħal jew le fl-impriża tagħha l-parti tal-beni li hija użata għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti (ara, partikolarment, is-sentenzi ta' l-4 ta' Ottubru 1995, Armbrecht, C-291/92, Ġabra p. I-2775, punt 20, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Charles u Charles-Tijmens, C-434/03, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 23). Fil-każ ta' l-eżempju ċċitat mill-Gvern Finlandiż, ebda kunflitt reali għalhekk jeżisti.
35 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, għandha tingħata risposta lill-ewwel domanda li l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt riżerva tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 tiegħu, jimponi lill-Istati Membri li jipprevedu regolarizzazzjoni ta' tnaqqis tal-VAT f'dak li jikkonċerna l-beni ta' investiment.
Fuq it-tieni domanda
36 It-tieni domanda hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-fatt li l-attività rilevanti kienet eżenti u li t-tnaqqis kien, konsegwentement, għal kollox eskluż, għandux effett fuq din ir-regolarizzazzjoni.
37 Kif ukoll irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' regolarizzazzjoni jiddependi mill-kwistjoni li wieħed ikun jaf jekk dritt għal tnaqqis ibbażat fuq l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva jeżistix.
38 Skond l-Artikolu 17(1), tas-Sitt Direttiva, intitilotat, "Oġġetti u skop tad-dritt li jitnaqqas", id-dritt għal tnaqqis tal-VAT jinħloloq fil-mument li t-taxxa li tista' titnaqqas issir eżiġibbli. Konsegwentement, il-kwalità biss li biha wieħed jaġixxi f'dak il-mument tista' jiddetermina l-eżistenza ta' dritt għal tnaqqis (sentenza Lennartz, iċċitata qabel, punt 8).
39 Il-Qorti tal-Ġustizzja barra dan iddeċidiet li l-użu li jsir mill-beni ta' investiment jiddetermina biss l-estensjoni tat-tnaqqis fil-bidu li bih il-persuna taxxabbli għandha dritt skond l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva u l-estensjoni ta' regolarizzazzjonijiet eventwali, fil-kors tal-perijodi ta' wara, ma jeffettwawx l-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis. Konsegwentement, l-użu immedjat tal-beni għal tranżazzjonijiet taxxabbli ma jikkostitwixxix, fih inniffsu, kundizzjoni ta' applikazzjoni tas-sistema ta' regolarizzazzjoni tat-tnaqqis (sentenza Lennartz, iċċitata aktar 'il fuq, punti 15 u 16).
40 Fl-aħħar nett, u kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Taljan, ir-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis skond l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva tapplika neċessarjament ukoll meta t-tibdil tad-dritt għal tnaqqis jiddependi minn għażla volontarja tal-kontribwent, bħall-eżerċizzju ta' għażla previst mill-Artikolu 13C tas-Sitt Direttiva. L-eżerċizzju ta' din l-għażla m'għandu l-ebda effett fuq l-eżistenza ta' dritt għal tnaqqis li hija rregolata, kif ġie mfakkar, mill-Artikolu 17.(1) tas-Sitt Direttiva. Meta l-kiri ta' immobbli huwa ntaxxat qabel l-eżerċizzju ta' l-għażla għat-taxxa, regolarizzazzjoni ta' tnaqqis issir neċessarja saviex tiġi evitata taxxa doppja ta' l-ispejjeż input, u dan independentement mill-fatt li l-intaxxar huwa konsegwenza ta' l-għażla volontarja tal-kontribwent.
41 L-Artikolu 18(3) tas-Sitt Direttiva, iċċittat mill-Gvern Taljan, huwa mingħajr rilevanza fil-kuntest peress li dan il-paragrafu jirrigwarda l-ipoteżi li fiha kontribwent naqas li jagħmel tnaqqis li għalih kellu dritt jipproċedi, dan ma jistax ikun il-każ qabel ma jkun eżerċita l-għażla prevista mill-Artikolu 13C tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, l-estensjoni tat-tnaqqis fil-bidu kien null, u kien biss wara li kien eżerċita din l-għażla li d-dritt għal tnaqqis tal-kontribwent jakkwista valur reali li jista' jkun oġġett ta' tnaqqis.
42 Għandu għalhekk, ikun hemm tweġiba għat-tieni domanda li l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regolarizzazzjoni li hija prevista hija wkoll applikabbli fis-sitwazzjoni fejn beni ta' investiment fil-bidu kien ikkunsidrat għal attività eżenti, li ma tagħtix dritt għal tnaqqis, li wara, matul il-perijodu ta' regolarizzazzjoni, jiġi utilizzat għall-għanijiet ta' attività suġġetta għall-VAT.
Fuq it-tielet domanda
43 Bit-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex fis-sustanza li tkun taf jekk it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13C tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jagħti lil persuna taxxabbli d-dritt ta' għażla għat-taxxa ta' kiri ta' immobbli, huwiex awtorizzat li jeskludi tnaqqis mill-VAT għal investimenti immoblijari magħmula qabel ma jkun ezerċita dan id-dritt ta' għażla, meta t-talba ppreżentata minħabba din l-għażla ma tkunx ġiet magħmula fis-sitt xhur li jibdew minn meta tpoġġa għall-użu dan l-immobbli.
44 Kif ukoll ġie kkonstatat fil-punt 24 tal-preżenti sentenza, skond il-loġika tas-sistema li twaqqfet bis-Sitt Direttiva, it-taxxi li hemm bħala input għal beni jew servizzi użati minn persuna taxxabbli għall-għanijiet ta' tranżazzjonijiet ta' taxxa għandhom ikunu mnaqqsa. B'konsegwenza, fil-miżura li dawk il-persuni taxxabbli għandhom, skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 13C tas-Sitt Direttiva, il-possibbiltà ta' għażla għal taxxa ta' kiri ta' immobbli, l-eżerċizzju ta' din l-għażla ma ġġibx biss l-intaxxar tal-kiri iżda wkoll it-tnaqqis tat-taxxi rilevanti li hemm fuq l-imsemmi immobbli bħala input.
45 Huwa ċertament permess lill-Istat Membri li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet proċedurali li fihom dritt ta' għażla jista' jiġi eżerċitat, u dan jinkludi wkoll il-possibbiltà li jipprevedi li t-taxxa ma tkunx effettiva ħlief wara l-preżentazzjoni tat-talba, u biss wara din l-istess data, it-tnaqqis tat-taxxa mħallsa bħala input tkun possibbli (sentenza tad-9 ta' Settembru 2004, Vermietungsgesellschaft Objekt Kirchberg, C-269/03, Ġabra p. I-8067, punt 23). Madankollu, dawn ir-regoli ma jistax ikollhom il-konsegwenza li jirrestrinġu d-dritt li jitħaddem it-tnaqqis marbut ma' tranżazzjonijiet taxxabbli jekk id-dritt ta' għażla jkun, konformemement ma' dawn ir-regoli, eżerċitat validament. B'mod partikolari, l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali ma jistax ikollhom il-konsegwenza li jirrestrinġu l-perijodu li fihom it-tnaqqis jista' jiġi mħaddem għal żmien iqsar minn dak previst mis-Sitt Direttiva għar-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis.
46 Barra dan, ir-restrizzjoni tat-tnaqqis marbut ma' tranżazzjonijiet taxxabbli wara l-ezerċizzju tad-dritt għal għażla ma jikkonċernax il-"portata" tad-dritt ta' l-għażla, li hemm fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13C tas-Sitt Direttiva, iżda l-konsegwenzi ta' l-eżerċizzju ta' dan id-dritt. Din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax, konsegwentement, lill-Istati Membri li jirrestrinġu d-dritt li jħaddmu t-tnaqqis previst mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, lanqas il-bżonn ta' regolarizzazzjoni ta' dan it-tnaqqis skond l-Artikolu 20 ta' l-istess Direttiva.
47 Għandha, għalhekk, tingħata risposta għat-tielet domanda li t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13 C tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jagħti lil persuni taxxabbli tiegħu d-dritt ta' għażla għat-taxxa ta' kiri ta' immobbli ma jkunx awtorizzat skond din id-dispożizzjoni li jeskludi t-tnaqqis tal-VAT għal investimenti immobiljari magħmula qabel ma jkun ġie eżerċitat dan id-dritt ta' għażla, meta t-talba ppreżentata għall-eżerċizzju ta' din l-għażla ma ġietx ippreżentata fis-sitt xhur li jibdew minn meta tpoġġa għall-użu dan l-immobbli.
Fuq ir-raba' domanda
48 B'din l-aħħar domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi fis-sustanza jekk l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Mmembru li jagħti lil persuna taxxabbli d-dritt ta' għażla għat-taxxa ta' kiri ta' immobbli huwa awtorizzat li jeskludi tnaqqis mill-VAT għal investimenti immobiljari magħmula qabel ma jkun ezerċitat dan id-dritt ta' għażla, meta t-talba ppreżentata għal din l-għażla ma tkunx ġiet magħmula fis-sitt xhur li jibdew minn meta tpoġġa għall-użu dan l-immobbli.
49 Analiżi tal-ġenesi ta' l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva turi li fakultà mogħtija lill-Istati Membri bit-tieni inċiż ta' din id-dispożizzjoni ma tapplikax ħlief għaż-żamma ta' esklużjonijiet tat-tnaqqis f'dak li jikkonċerna l-kategoriji ta' spejjeż b'riferenza għan-natura ta' l-oġġett jew tas-servizz akkwistat u mhux b'riferenza għall-applikazzjoni magħmula jew għall-modi ta' din l-applikazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999, Royscot et., C-305/97, Ġabra p. I-6671, punti 21 sa 25).
50 Kif ukoll irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 102(1) ta' l-AVL jipprevedi espressament il-possibbiltà ta' tnaqqis, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-VAT imposta fuq investimenti għal immobbli bħall-ispejjeż ta' bini u x-xiri marbut ma' ċerti immobbli. L-eżenzjoni in kwistjoni f'dak li jikkonċerna l-ispejjeż spjegati qabel l-eżerċizzju tal-VAT m'għandhomx għalhekk id-deroga prevista mit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.
51 Għandha għalhekk tingħata risposta għar-raba' domanda li l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li meta Stat Membru jagħti lil persuni taxxabbli tiegħu d-dritt ta' għażla għat-taxxa ta' kiri ta' immobbli ma jkunx awtorizzat skond din id-dispożizzjoni jeskludi t-tnaqqis tal-VAT għal investimenti immobiljari magħmula qabel ma jiġi eżerċit dan id-dritt ta' għażla, meta din l-għażla ma tkunx ġiet ippreżentata fis-sitt xhur li jibdew minn meta tpoġġa għall-użu dan l-immobbli.
Fuq il-limitazzjoni ta' l-effetti ta' sentenza fiż-żmien
52 Il-Gvern Finlandiż talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi li hija ma tilqax l-argumenti tiegħu, li tillimita fiż-żmien is-sentenza preżenti għal perijodu qabel l-għoti tagħha.
53 Skond ġurisprudenza kostanti, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt Komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tikkjarifika u tispeċifika, jekk neċessarju, is-sinjifikat u l-iskop ta’ din ir-regola, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja anki għal rapporti ġuridiċi mfassla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar talba għal interpretazzjoni, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li tiġi mressqa kontroversja dwar l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot, 24/86, Ġabra p. 379, punt 27, u tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 141).
54 Skond ukoll ġurisprudenza kostanti, il-persuni individwali għandhom dritt jieħdu ħlas lura tat-taxxi mħallsa bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju (ara, partikolarment, is-sentenzi tad-9 ta' Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595, punt 12, u ta' l-14 ta' Jannar 1997, Comateb et., C-192/95 sa C-218/95, Ġabra p. I-165, punt 20).
55 Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretata sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede. Sabiex tali limitazzjoni tista' tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jiġu sodisfatti, jiġifieri l-bona fede tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ konsegwenzi serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Vroege, C-57/93, Ġabra p. I-4541, punt 21, u ta' l-10 ta' Jannar 2006, Skov et Bilka, C-402/03, li għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).
56 F'dan il-każ, għandu jiġi ikkonstatat, kif ukoll semma ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Gvern Finlandiż ibbaża ruħu biss fuq id-diffikultajiet prattiċi li għandhom ikunu kkunsidrati fl-ipoteżi li l-effetti ta' din is-sentenza ma jkunux limitati fiż-żmien.
57 Għandu wkoll jiġi rrilevat f'dan il-kuntest li l-imsemmi Gvern indika li kien invoka d-deroga prevista mill-Artikolu 20(5) tas-Sitt Direttiva. Issa, l-applikabbiltà ta' din id-dispożizzjoni jkollha, skond il-formulazzjoni stess tagħha, tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikazzjoni tas-sistema ta' regolarizzazzjoni tat-tnaqqis tagħti "riżultat negliġibbli". Indipendentement mill-kwistjoni li wieħed jara jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 29 tas-Sitt Direttiva jkunux hemm, għandu jiġi kkonstatat li l-istess invokazzjoni ta' l-Artikolu 20(5) ta' l-isemmija Direttiva għall-Gvern Finlandiż hija ta' natura li toħloq dubju dwar in-natura gravi tar-riperkussjonijiet li jirriżultaw minn applikazzjoni retroattiva tas-sistema ta' regolarizzazzjoni ta' tnaqqis.
58 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 26 tal-preżenti sentenza, li l-Artikolu 20(2) tas-Sitt Direttiva, li jikkonċerna r-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis in kwistjoni, huwa fformulat f'termini li ma jħallu ebda dubju fuq in-natura obbligatorja tagħha. L-argument tal-Gvern Finlandiż li jgħid li d-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva għandhom natura oskura li twassal għal inċertezzi dwar l-applikazzjoni tagħhom għandu għalhekk jiġi miċħud.
59 Għalhekk, ma hemmx lok li jiġi limitat fiż-żmien l-effett ta' din is-sentenza.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul - sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt riserva tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 tiegħu, jimponi lill-Istati Membri li jipprevedu regolarizzazzjoni tat-tnaqqis fuq il-valur miżjud f'dak li jikkonċerna l-beni ta' investiment.
2) L-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regolarizzazzjoni li hija prevista hija wkoll applikabbli fil-każ fejn beni ta' investiment li fil-bidu kien intiż bħala attività eżenti, li ma tagħtix dritt għal tnaqqis, wara, matul il-perijodu ta' regolarizzazzjoni, jiġi utilizzat għall-għanijiet ta' attività suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.
3) It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 13 C tas-Sitt Direttiva 777/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jagħti lil persuni taxxabbli tiegħu d-dritt ta' għażla għat-taxxa ta' kiri ta' immobbli mhwiex awtorizzat, skond din id-dispożizzjoni, li jeskludi t-tnaqqis tal-taxxa fuq il-valur miżjud għal investimenti immobiljari effettwati qabel ma jkun ġie eżerċitat dan id-dritt ta' għażla, meta t-talba ppreżentata għal din l-għażla ma tkunx ġiet ippreżentata fis-sitt xhur li jibdew minn meta tpoġġa għall-użu dan l-immobbli.
4) L-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta Stat Membru jagħti lil dawk il-persuni taxxabbli tiegħu d-dritt ta' għażla għat-taxxa ta' kiri ta' immobbli, mhuwiex awtorizzat, skond din id-dispożizzjoni, li jeskludi t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal investimenti immobiljari effettwati qabel ma jkunu eżerċitaw din l-għażla meta t-talba ppreżentata għal din l-għażla ma tkunx ġiet ippreżentata fis-sitt xhur li jibdew minn meta tpoġġa għall-użu dan l-immobbli.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.