Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta' Marzu 2006 (*)

"Sitt Direttiva VAT – Artikoli 2 u 9 – Stabbiliment fiss – Kumpannija li mhijiex residenti – Relazzjoni ġuridika – Akkordju fuq id-distribuzzjoni ta' l-ispejjeż –Konvenzjoni OECD kontra t-tassazzjoni doppja – Kunċett ta' 'persuna taxxabbli' – Provvista ta' servizz bi ħlas – Prassi amministrattiva"

Fil-kawża C-210/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (L-Italja), permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Frar 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Mejju 2004, fil-kawża

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Agenzia delle Entrate

vs

FCE Bank plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris (Relatur) u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Ġunju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal FCE Bank plc, minn B. Gangemi, avvocato,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, Â. Seiça Neves u R. Laires, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Hill, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u M. Velardo, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad-29 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2(1) u 9(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem is-" Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Ministero dell’Economia e delle Finanze u l-Agenzia delle Entrate (Ruma) (iktar 'il quddiem l-" aġenzija") u FCE Bank plc, kumpannija bankarja stabbilita fir-Renju Unit (iktar 'il quddiem "FCE Bank") fir-rigward tal-ħlas lura ta' somom imħallsa bħala taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") mill-istabbiliment sekondarju tagħha li jinsab fl-Italja (iktar 'il quddiem "FCE IT").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

 Is-Sitt Direttiva

3       L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

"Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1. il-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;"

[...]"

4       L-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva jipprovdi:

""Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta' dik l-attività."

5       L-Artikolu 9(1) ta' l-istess Direttiva jipprovdi:

"Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta' post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti."

 It-Tmien Direttiva 79/1072/KEE

6       L-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE tas-6 ta' Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m'humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU L 331, p. 11, iktar 'il quddiem it-" Tmien Direttiva") jipprovdi:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, "persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż" għandha tfisser persuna kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(1) ta' Direttiva 77/388/KEE li, matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta' l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 7(1), li la kellha l-post ta' l-attività ekonomika f'dak il-pajjiż, u lanqas kellha stabbiliment li minnu jkunu magħmula transazzjonijiet tan-negozju, lanqas, jekk ma jkunx jeżisti tali post jew stabbiliment fiss, id-dar tagħha jew il-post normali ta' residenza, u li, matul l-istess perjodu, ma tkunx issuplixxiet la merkanzija u lanqas servizzi meqjusa li kienu ġew ipprovduti f'dak il-pajjiż [...]".

 Id-Direttiva 2000/12/KE

7       L-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Parmament Ewropew u tal-Kunsill 2000/13/KE, ta' l-20 ta' Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 126, p. 1) li jikkonċerna [fergħat] ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati fi Stat Membru ieħor, jipprovdi:

"L-Istati Membri li jospitaw ma jistgħux jenħtieġu awtorizzazzjoni jew l-għoti ta' kapital lill-[fergħat] ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati fi Stat Membru ieħor. […]"

 Il-Konvenzjoni OECD

8       L-Artikolu 7(2) tal-mudell tal-Konvezjoni fiskali dwar id-dħul u l-kapital, li sar mill-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiċi (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni OECD"), jipprovdi:

"[…] [M]eta impriża ta' Stat Kontraeneti tmexxi negozju fl-Istat Kontraenti l-ieħor permezz ta' stabbiliment permanenti li jkun qiegħed hemmhekk, għandhom jiġu attribwiti lil dak l-istabbiliment permanenti f'kull Stat Kontraenti l-profitti li kien ikun mistenni jagħmel kieku kien impriża distinta u separata li taħdem fl-istess attivitajiet jew oħrajn bħalhom taħt l-istess kundizzjonijiet jew oħrajn bħalhom u li taħdem indipendentament għal kollox mill-impriża li tagħha hija stabbiliment permanenti […]"

9       L-Artikolu 7(3) ta' din il-Konvenzjoni jipprovdi:

"Biex jiġu stabbiliti l-profitti ta' stabbilimenti permanenti, għandhom ikunu permessi bħala tnaqqis dawk l-ispejjeż li jsiru għall-għanijiet ta' l-istabbiliment permanenti magħquda l-ispejjeż eżekuttivi u amministrattivi li jsiru, sewjekk ikunu saru fl-Istat li fih ikun hemm l-istabbiliment permanenti jew jekk ikunu saru band'oħra."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     Il-liġi Nru 329 tal-5 ta' Novembru 1990 li tirrigwarda r-ratifika u l-implementazzjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Taljana u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u għall-prevenzjoni ta' l-evażjoni mit-taxxa fil-qasam ta' taxxi fuq id-dħul, b' skambju ta’ noti, iffirmat f' Pallanza fil-21 ta' Ottubru 1988 (supplement ordinarju tal-GURI, Nru 267 tal-15 ta' Ottubru, p.107), tirrepeti fl-Artikolu 7(2) u (3) tagħha, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni OECD.

11     L-Artikolu 1 tal-liġi fundamentali fuq il-VAT, jiġifieri d-Digriet Nru 633 tal-President tar-Repubblika, tas-26 ta' Ottubru 1972 (suppliment ordinarju tal-GURI, Nru 292 tal-11 ta' Novembru 1972, p.2) jipprovdi:

"It-taxxa fuq il-valur miżjud tapplika għall-kunsinna ta' oġġetti u għall-provvista ta' servizzi mwettqa fit-territorju ta' l-Istat fil-kuntest ta' l-eżerċizzju ta' l-attività ta' impriża, ta' xogħol jew ta' professjoni kif ukoll fuq l-importazzjonijiet imwettqa minn kull persuna […]"

12     L-Artikolu 3 ta' din il-liġi jippreċiża:

"Il-provvisti mwettqa b' korrispettiv taħt il-forma ta' kuntratti diversi, suq pubbliku, trasport, mandat, trasport bil-baħar, aġenzija, senserija, depożitu, u b'mod ġenerali, l-obbligi ta' aġir jew ta' nuqqas ta' aġir u li jiġi permess, indipendentament mis-sors, jikkostitwixxu provvisti ta' servizzi."

13     L-Artikolu 7(3) ta' l-istess liġi jipprovdi li l-provvisti ta' servizzi "huma meqjusa li ġew imwettqa fit-territorju ta' l-Istat meta huma pprovduti minn persuni li għandhom id-domiċilju fit-territorju ta' l-Istat Membru jew minn persuni residenti li ma stabbilewx id-domiċilju tagħhom barra mill-pajjiż kif ukoll meta dawn huma provvduti minn stabbilimenti fissi fl-Italja ta' persuni domiċiljati jew residenti barra mill-pajjiż."

 Il-kawża prinċipli u d-domandi preliminari

14     FCE IT huwa stabbiliment sekondarju li jinsab fl-Italja tal-kumpannija FCE Bank stabbilita fir-Renju Unit li l-għan tagħha huwa li tipprovdi attivitajiet finanzjarji li huma eżentati mill-VAT.

15     FCE IT ibbenefika minn provvisti ta' servizzi fil-qasam ta' konsulenza, ta' ġestjoni, ta' taħriġ tal-persunal, ta' pproċessar ta' informazzjoni kif ukoll ta' provvista u ta' ġestjoni ta' softwer ta' applikazzjoni minn FCE Bank. Huwa talab il-ħlas lura tal-VAT fuq dawn is-servizzi għas-snin 1996 sa l-1999 fuq il-bażi ta' fatturi maħruġa minnu stess (operazzjoni msejħa "awtofatturazzjoni").

16     Wara li l-amministrazzjoni ċaħdet impliċitament li tilqa' din it-talba, FCE IT ressaqha quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Roma li laqgħet it-talba tiegħu. L-aġenzija appellat minn din id-deċiżjoni billi invokat, min-naħa waħda, il-preskrizzjoni tat-talba għas-snin 1996 u 1997 u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' mertu tat-talba għal ħlas lura għas-snin 1998 u 1999.

17     Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Marzu/25 ta' Mejju 2002, il-Commissione tributaria regionale del Lazio ċaħdet l-appell għar-raġunijiet, min-naħa waħda, li l-preskrizzjoni ma tapplikax għal ħlas li sar bi ksur tad-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li l-kwalifikazzjoni ta' "provvista ta' servizzi" ma setgħatx tiġi aċċettata għal dak li jirrigwarda operazzjonijiet mwettqa mingħajr korrispettiv mill-kumpannija parent favur l-istabbiliment tagħha peress li l-kundizzjoni oġġettiva ta' l-implementazzjoni tal-VAT hija nieqsa. L-attribuzzjoni ta' l-ispejjeż tas-servizzi ta' FCE Bank lil FCE IT tirrapreżenta allokazzjoni ta' l-ispejjeż fi ħdan kumpannija.

18     Il-Ministero dell’Economia e delle Finanze appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione. Ir-raġuni tal-appell hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-VAT għas-servizzi pprovduti minn FCE Bank minħabba l-awtonomija fiskali suġġettiva ta' FCE IT. B'hekk, il-ħlasijiet li saru favur il-kumpannija parent għandhom jitqiesu bħala korrispettiv u għalhekk jikkostitwixxu l-bażi taxxabbli.

19     Għall-kuntrarju, skond FCE Bank, FCE IT m'għandhux personalità ġuridika u għalhekk huwa jikkostitwixxi biss punt ta' kollagament għall-iskopijiet ta' applikazzjoni tal-VAT għall-attivitajiet li jirrigwardaw l-għan tal-kumpannija. Barra minn hekk, ebda VAT mhija dovuta f'dak li jikkonċerna servizzi li ġew ipprovduti bejn żewġ entitajiet li jikkostitwixxu persuna taxxabbli waħda.

20     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"1)       L-Artikoli 2(1) u 9(1) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li sussidjarja ta' kumpannija li s-sede tagħha tinstab fi Stat ieħor (kemm jekk dan jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea jew kif ukoll jekk le), li għandha l-karatteristiċi ta' unità ta' produzzjoni, tista' tiġi kkunsidrata bħala persuna awtonoma u għalhekk li relazzjoni ġuridika tista' teżisti bejn iż-żewġ entitajiet u li, konsegwentament, il-provvisti ta' servizzi mill-kumpannija parent huma suġġetti għall-VAT? Sabiex tiġi mwieġba din id-domanda, jista' jintuża l-kriterju ta' l-"arm's length" li jinsab fl-Artikolu 7(2) u 7(3) tal-mudell OECD tal-Konvenzjoni fuq it-tassazzjoni doppja u tal-Ftehim tal-21 ta' Ottubru 1988 konkluż bejn l-Italja u r-Renju Unit [tal-Gran Brittanja] u [ta' l-]Irlanda ta' Fuq? Jista' jkun hemm relazzjoni ġuridika fil-każ li jeżisti "cost-sharing agreement" rigward il-provvisti ta' servizzi lill-istabbiliment sekondarju? Jekk dan huwa l-każ, liema huma l-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm relazzjoni ġuridika bħal din? Il-kunċett ta' relazzjoni għandu jiġi evalwat skond id-dritt nazzjonali jew skond id-dritt Komunitarju?

2)       L-attribuzzjoni ta' l-ispejjeż ta' dawn is-servizzi lis-sussidjarja tista' - u jekk iva, safejn - tiġi meqjusa bħala korrispettiv tas-servizzi pprovduti fis-sens ta' l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, indipendentament mill-limitu ta' l-attribuzzjoni u indipendentament mill-ksib ta' profitt kummerċjali?

3)       Jekk il-provvisti ta' servizzi bejn kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha jiġu meqjusa li huma, bħala regola, eżentati mill-VAT minħabba n-nuqqas ta' awtonomija tad-destinatarju u, konsegwentament, minħabba n-nuqqas ta' relazzjoni ġuridika bejn iż-żewġ entitajiet, u fil-każ fejn il-kumpannija parent hija residenti fi Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea, prassi nazzjonali amministrattiva li, f'tali każ, tissuġġetta l-imsemmija provvisti għat-taxxa, tmur kontra l-prinċipju tal-libertà ta' l-istabbiliment ipprovdut fl-Artikolu 43 KE?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21     Skond ġurisprudenza stabblita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fil-kuntest tal-proċedura ta' kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita mill-Artikolu 234 KE, tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi dwar il-kawża quddiemha (ara s-sentenzi tas-17 ta' Lulju 1997, Krüger, C-334/95, Ġabra p. I-4517, punt 22 u tat-28 ta' Novembru 2000, Roquette Frères, C-88/99, Ġabra p. I-10465, punt 18). Fid-dawl ta' dan, hija il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tirriformula d-domanda li saritilha (ara s-sentenzi Krüger, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23 u tal-11 ta' Lulju 2002, Marks & Spencer plc, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 32).

22     Rigward dan, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi safejn il-provvisti ta' servizzi minn kumpannija stabbilita fir-Renju Unit lill-istabbiliment tagħha stabbilit fl-Italja jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tas-Sitt Direttiva. Minn dan jirriżulta li mhemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ipoteżi li s-sede tal-kumpannija tinsab fi Stat Membru li ma jagħmilx parti mill-Unjoni Ewropea.

23     Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li huwa stabbilit li FCE IT, li huwa stabbiliment sekondarju ta' FCE Bank, m'għandhux personalità ġuridika proprja u jikkostitwixxi għalhekk fergħa ta' din ta' l-aħħar.

24     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2(1) u 9(1) tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li stabbiliment fiss, li mhuwiex entità ġuridika distinta mill-kumpannija li minnha huwa jifforma parti, li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor u li l-kumpannija pprovditlu servizzi, għandux jiġi kkunsidrat bħala taxxabbli minħabba l-ispejjeż li ġew attribwiti lilu għall-imsemmija provvisti.

 L-argumenti tal-partijiet

25     FCE Bank, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li s-servizzi pprovduti fi ħdan l-istess entità ġuridika ma jikkostitwux provvisti ta' servizzi suġġetti għall-VAT.

26     Skond FCE Bank, ebda relazzjoni ġuridika ma tista' teżisti bejnha u FCE IT għar-raġuni li huma jikkostitwixxu persuna taxxabbli waħda. Għalhekk ma jistax ikun hemm provvista ta' servizzi bi ħlas bejn iż-żewġ stabbilimenti li huma stabbiliti f'żewġ Stati Membri distinti. Fil-fatt, FCE Bank ma kinitx imħallsa għat-twettiq ta' attivitajiet interni li saru fl-interess stess tal-kumpannija, għal finijiet ta' pproċessar uniformi tad-data tal-kontijiet, ta' marketing u oħrajn.

27     Skond il-Kummissjoni, il-provvisti ta' servizzi bejn kumpannija parent stabbilita fi Stat Membru u persuna li mhijiex irreġistrata bħala entità ġuridika awtonoma u li tikkostitwixxi stabbiliment fiss fi Stat Membru ieħor m'għandhomx ikunu meqjusa bħala operazzjonijiet taxxabbli taħt il-VAT.

28     Skond il-Gvern Taljan, anki jekk, mil-lat ċivili, il-kumpannija parent u l-fergħa tagħha jirrizultaw fl-istess persuna legali u dan jista' jikkostitwixxi ostaklu għat-twettiq sfurzat ta' l-obbligi li jiffurmaw is-suġġett ta' l-operazzjoni taxxabbli, dan ma jipprekudix li huma jikkostitwixxu persuni taxxabbli distinti fuq il-livell fiskali b'mod ġenerali u b'mod partikolari għall-iskopijiet tal-VAT.

29     Rigward il-kliem ta' l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, li jagħmel referenza għan-natura oneruża tas-servizzi sabiex dawn ikunu suġġetti għall-VAT, l-eventuali gratwità tas-servizzi biss tippermetti li dawn l-operazzjonijiet jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din it-taxxa. Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm relazzjoni ġuridika li tista' tagħti lok għal operazzjoni taxxabbli huma dawk li jirriżultaw mill-prinċipji stabbiliti mis-Sitt Direttiva.

30     Barra minn dan, skond l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva, stabbiliment fiss stabbilit fl-Istat Membru ospitanti għandu jiġi meqjus bħala persuna taxxabbli awtonima, liema fatt jeskludi l-possibbiltà li l-ħlas lura tal-VAT jista' jiġi deċiż favur il-kumpannija parent.

31     Skond il-Gvern Portugiż, il-VAT, minkejja l-livell għoli ta' armonizzazzjoni tagħha, tidher bħala taxxa nazzjonali ta' l-Istati Membri, li għalhekk għandhom il-fakultà li jikkwalifikaw lill-istabbilimenti li jinsabu fit-territorju tagħhom bħala persuna taxxabbli. Barra minn hekk, stabbiliment fiss li għandu r-rekwiżiti umani u tekniċi neċessarji għar-realizzazzjoni ta' operazzjonijiet taxxabbli, jikkostitwixxi realtà ekonomika u ċentru ta' interessi suffiċjentament awtonomu sabiex ikun is-suġġett, hu stess, ta' l-attribuzzjoni ta' relazzjonijiet u ta' drittijiet u obbligi fil-qasam tal-VAT.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     Min-naħa waħda, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li huma, b'mod partikolari suġġetti għall-VAT, il-provvisti ta' servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġġixxi bħala tali.

33     Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jiddefinixxi l-"persuni taxxabbli". Il-persuni, li huma meqjusa hekk, huma dawk li jwettqu attività ekonomika "b'mod indipendenti". L-Artikolu 4(4) jippreċiża li l-kliem "b'mod indipendenti" jeskludu mit-taxxa l-persuni li huma marbutin ma' min jimpjega b'kull irbit legali li joħloq ir-relazzjoni ta' bejn min jimpjega u impjegat dwar, b'mod partikolari, kundizzjonijiet ta' xogħol, ħlas u responsabbiltà ta' min jimpjega (ara s-sentenza tas-6 ta' Novembru 2003 Karageorgou e.a., C-78/02 sa C-80/02, Ġabra p. I-13295, punt 35).

34     Rigward dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li servizz huwa taxxabbli biss meta teżisti, bejn il-persuna li tagħti s-servizzi u l-benefiċjarju, relazzjoni ġuridika li matulha jsir skambju tas-servizzi reċiproki (ara s-sentenzi tat-3 ta' Marzu 1994, Tolsma, C-16/93, Ġabra p. I-743, punt 14; tal-21 ta' Marzu 2002, Kennemer Golf, C-174/00,Ġabra p. I-3293, punt 39).

35     Sabiex jiġi stabbilit li tali relazzjoni ġuridika teżisti bejn kumpannija li mhijiex residenti u waħda mill-fergħat tagħha sabiex jiġu suġġetti għall-VAT is-servizzi pprovduti, għandu jiġi vverifikat jekk FCE IT twettaqx attività ekonomika indipendenti. Rigward dan, għandu jiġi stabbilit jekk fergħa bħal FCE IT tistax tiġi kkunsidrata li hija awtonoma bħala bank, b'mod partikolari f'dak illi hija tbati r-riskju ekonomiku li jirriżulta mill-attività tagħha.

36     Kif jenfasiżża l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fergħa ma tbatix, hija nfisha, ir-riskji ekonomici marbuta ma’ l-eżercizzju ta’ l-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu bħal per eżempju, in-nuqqas ta’ ħlas lura ta’ dejn minn klijent. Il-bank, bħala persuna legali, isostni dan ir-riskju u huwa, minħabba dan, suġġett għal kontroll tas-solidità finanzjarja tiegħu u tas-solvenza tiegħu fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu.

37     Fil-fatt, bħala fergħa, FCE IT m’għandhiex kapital disponibbli. Għalhekk, ir-riskju marbut ma’ l-attività ekonomika jaqa’ kollu fuq FCE Bank. Għaldaqstant, FCE IT hija dipendenti fuq din ta’ l-aħħar li magħha hija tikkostitwixxi persuna taxxabbli waħda.

38     Din il-kunsiderazzjoni mhijiex ikkontestata mill-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiġi ddeterminata l-persuna taxxabbli għal dak li jikkonċerna tranżazzjonijiet bejn fergħa u partijiet terzi. Għalhekk hija irrilevanti għal każ bħal dak f'din il-kawża li jikkonċerna tranżazzjonijiet bejn kumpannija residenti fi Stat Membru u waħda mill-fergħat tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor.

39     Rigward il-Konvenzjoni OECD, għandu jiġi kkonstatat li hija irrilevanti, peress li hija tirrigwarda t-tassazzjoni diretta filwaqt li l-VAT taqa' taħt it-tassazzjoni indirettta.

40     Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-eżistenza ta' akkordju fuq id-distribuzzjoni ta' l-ispejjeż, dan huwa wkoll element irrilevanti għal din il-kawża peress li tali akkordju ma kienx ġie nnegozjat bejn partijiet indipenedenti.

41     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 2(1) u 9(1) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala li stabbiliment fiss, li mhuwiex entità ġuridika distinta mill-kumpannija li minnha huwa jifforma parti, li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor u li l-kumpannija pprovditlu servizzi, m'għandux jiġi kkunsidrat bħala persuna taxxabbli minħabba l-ispejjeż li ġew attribwiti lilhu għall-imsemmija provvisti.

 Fuq it-tieni domanda  

42     Peremezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva għandhux jiġi interpretat fis-sens li l-attribuzzjoni ta' l-ispejjez ta' servizzi pprovduti lill-istabbiliment sekondarju mill-kumpannija li mhijiex residenti tikkostitwix korrispettiv, indipendentament mill-limitu ta' l-attribuzzjoni u mill-ksib ta' profitt kummerċjali.

43     Skond il-punt 37 ta' din is-sentenza, il-fergħa in kwistjoni mhijiex indipendenti mill-kumpannija. Għalhekk mhemmx lok li tingħata tweġiba għat-tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

44     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk prassi amministrattiva nazzjonali, li tissuġġetta għall-VAT, provvista ta' servizzi minn kumpannija parent lil stabbiliment sekondarju, li jinsab fi Stat Membru ieħor, tmurx kontra l-prinċipju tal-libertà ta' l-istabbiliment stabbilit fl-Artikolu 43 KE.

 L-argumenti tal-partijiet

45     Skond FCE Bank, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, il-prassi amministrattiva Taljana tikser il-libertà ta' l-istabbiliment garantita mill-Artikolu 43 KE.

46     FCE Bank tikkunsidra li l-prassi nazzjonali in kwistjoni għandha, bħala effett, li tikkonsolida l-VAT li ssir li ma tistax titnaqqas. Din tirrappreżenta spiża addizzjonali u definittiva li ma jsostnix bank Taljan li jipprovdi l-istess servizzi lill-istabbilmenti sekondarji stabbiliti fit-territorju Taljan u li ma tistax tkun ikkunsidrata bħala miżura li tiggarantixxi l-effettività tal-kontrolli fiskali.

47     Il-Gvern tar-Renju Unit jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-prassi amministrattiva Taljana tikser il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni li jinsab fid-dritt ta' stabbiliment meta t-trattament fiskali fil-qasam tal-VAT huwa iktar għoli għas-sussidjarja ta' bank barrani milli għal dak ta' bank nazzjonali – mingħajr ma hemm, barra minn hekk, differenzi oġġettivi oħra bejn dawn iż-żewġ tipi ta' sussidjarji. Bl-istess mod, is-suġġezzjoni għall-VAT ta' servizzi bejn kumpannija parent u sussidjarja, kemm jekk nazzjonali kif ukoll barranija, tikkostitwixxi ostaklu għall-libertà ta' l-istabbiliment permezz ta' fergħa, li ma jistax jiġġustifika ebda interess "ġenerali" skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32,u tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37).

48     Il-Gvern Taljan m'għamel ebda ossevazzjoni fuq dan il-punt, billi jikkunsidra li l-istabbiliment fiss huwa persuna awtonoma taxxabbli għall-VAT.

49     Skond il-Gvern Portugiż, jirriżulta mill-għanijiet u mir-regoli li jikkostitwixxu s-sistema komuni tal-VAT li dan ma jirrigwardax qasam li huwa esklużivament dipendenti fuq prassi amministrattivi nazzjonali. Għalhekk, mhux neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda dwar id-dritt ta' stabbiliment stabbilit mill-Artikoli 43 KE sa 48 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50     Kif jenfassizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjoni ta' l-inkompatibbiltà ta' leġiżlazzjoni jew ta' prassi nazzjonali mas-Sitt Direttiva, teżenta mill-bżonn li jiġi eżaminat jekk il-libertajiet fundamentali previsti fit-Trattat, li jinkludu l-libertà ta' l-stabbiliment, ġewx miksura.

51     Fil-fatt, fil-punt 37 ta' din is-sentenza ntqal li fergħa ta' kumpannija, li mhijiex residenti, m'għandhiex awtonomija u li, għaldaqstant, ma teżisti ebda relazzjoni ġuridika bejnithom. Huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-unika u l-istess persuna taxxabbli skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva. Għalhekk FCE IT hija biss element ta' FCE Bank.

52     Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li l-prassi amministrattiva nazzjonali Taljana hija inkompattibbli mas-Sitt Direttiva mingħajr mhuwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43 KE.

 Fuq l-ispejjeż

53     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, minn barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 2(1) u 9 (1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandhom jiġu interpretati bħala li stabbiliment fiss, li mhuwiex entità ġuridika distinta mill-kumpannija li minnha huwa jifforma parti, li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor u li l-kumpannija pprovditlu servizzi, m'għandux jiġi kkunsidrat bħala persuna taxxabbli minħabba l-ispejjeż li ġew attribwiti lilhu għall-imsemmija provvisti.

Firem.


** Lingwa tal-kawża: it-Taljan.