SENTENZA TAL-QORTI (it-Tieni Awla)
10 ta' Jannar 2006 (*)
"Għajnuniet ta' l-Istat – Artikoli 87 KE u 88 KE – Banek – Fondazzjonijiet bankarji – Kunċett ta' impriża – Tnaqqis tat-taxxa diretta fuq id-dividendi miġbura mill-fondazzjonijiet bankarji – Kwalifikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat – Kompatibbiltà mas-suq komuni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/146/KE – Evalwazzjoni ta' validità – Inammissibbiltà – Artikoli 12 KE, 43 KE u 56 KE – Prinċipju ta' non-diskriminazzjoni – Libertà ta' l-istabbiliment – Moviment liberu tal-kapitali"
Fil-kawża C-222/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Marzu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Mejju 2004, fil-proċedura
Ministero dell’Economia e delle Finanze
vs
Cassa di Risparmio di Firenze SpA,
Fondazione Cassa di Risparmio di San Miniato,
Cassa di Risparmio di San Miniato SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta u G. Arestis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Lulju 2005,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għall-Cassa di Risparmio di Firenze SpA, minn P. Russo u G. Morbidelli, avvocati,
– għall-Fondazione Cassa di Risparmio di San Miniato u la Cassa di Risparmio di San Miniato SpA, minn A. Rossi u G. Roberti, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u V. Di Bucci, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-27 ta' Ottubru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 12KE, 43KE et seq., 56KE et seq., 87 KE u 88KE, kif ukoll il-validità tad-Deciżjoni tal-Kummissjoni 2003/146/KE tat-22 ta' Awwissu 2002, dwar miżuri fiskali implementati mill-Italja favur fondazzjonijiet bankarji (ĠU 2003, L 55, p. 56). [traduzzjoni mhux uffiċjali]
2 Din it-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Cassa di Risparmio di Firenze SpA (iktar 'il quddiem il-"Cassa di Risparmio di Firenze"), il-Fondazione Cassa di Risparmio di San Miniato u l-Cassa di Risparmio di San Miniato SpA (iktar 'il quddiem il-"Cassa di Risparmio di San Miniato"), stabbiliti fl-Italia, u l-Ministero dell'Economia e delle Finanze (Ministeru ta' l-Ekonomija u tal-Finanzi Taljan) fir-rigward ta' talba tal-Fondazione Cassa di Risparmio di San Miniato sabiex tingħata eżenzjoni minn tnaqqis fiskali fuq id-dividendi għas-sena fiskali 1998.
I – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
3 Fl-Italja, id-dividendi mqassma minn kumpanniji permezz ta' ishma huma suġġetti għal tnaqqis ta' ħlas bil-quddiem fuq it-taxxi dovuti skond l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 1745 tad-29 ta' Diċembru 1962, rigward l-istabbiliment ta' ħlas bil-quddiem jew ta' taxxa fuq id-dividendi mqassma mill-kumpannija u emendi tal-leġiżlazzjoni tan-natura obbligatorja tar-reġistrazzjoni ta' l-ishma (GURI Nru 5 tas-7 ta' Jannar 1963, p. 61), kif emendata permezz tad-Digriet leġiżlattiv Nru 22, tal-21 ta' Frar 1967, dwar dispożizzjonijiet ġodda fil-qasam ta' ħlas bil-quddiem jew ta' taxxi fuq id-dividendi mqassma mill-kumpanniji (GURI Nru 47, tat-22 ta' Frar 1967, p. 1012), mibdula f'liġi, b'emendi, permezz tal-Liġi Nru 209, tal-21 ta' April 1967 (GURI Nru 101, tat-22 ta' April 1967, p. 2099, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 1745/62").
4 L-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 1745/62 jipprevedi li d-dividendi dovuti lill-organizzazzjonijiet ta' persuni jew ta' proprjetà mhux suġġetti għal taxxa fuq il-kumpanniji, sa fejn dawn huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din it-taxxa, kif ukoll għal persuni taxxabbli fuq il-bażi tal-bilanċ tagħhom, imma eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji, huma suġġetti, minflok it-tnaqqis ta' ħlas bil-quddiem imsemmija fl-Artikolu 1 ta' l-istess liġi, għal tnaqqis ta' taxxa ta' 30%.
5 L-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 jeżenta, mit-tnaqqis previst fl-Artikolu 10, id-dividendi dovuti lil persuni ġuridiċi ta' dritt pubbliku jew lil fondazzjonijiet, eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji, li jsegwu esklużivament għanijiet ta' karità, ta' edukazzjoni, ta' tagħlim, ta' studju u ta' riċerka xjentifika.
6 L-Artikolu 6 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 601, tad-29 ta' Settembru 1973, dwar il-leġiżlazzjoni tal-vantaġġi fiskali (supplement ordinarju tal-GURI Nru 268, tas-16 ta' Ottubru 1973, p. 3, iktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 601/73"), jipprevedi t-tnaqqis ta' nofs it-taxxa fuq id-dħul ta' persuni ġuridiċi favur korpi u stabbilimenti ta' għajnuna soċjali, assoċjazzjonijiet ta' għajnuna mutwa, korpi ta' sptarijiet, korpi ta' assistenza u ta' karità, stabbilimenti ta' tagħlim u stabbilimenti ta' studju u ta' esperimentazzjoni ta' interess ġenerali bla skop ta' profitt, korpijiet xjentifiċi, akkademiċi, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet storiċi, letterarji, xjentifiċi ta' esperimentazzjoni u ta' riċerka li jsegwu esklużivament għanijiet kulturali, kif ukoll korpi l-għanijiet tagħhom huma l-istess bħal dawk ta' karità u ta' tagħlim skond il-liġi.
7 Proċess ta' privattizzazzjoni tas-sistema bankarja pubblika Talijana ġiet implementata permezz tal-Liġi Nru 218 tat-30 ta' Lulju 1991, dwar dispożizzjonijiet fil-qasam ta' ristrutturar u ta' rinfurzar ta' l-allokazzjoni patrimonjali ta' l-istabbilimenti ta' kreditu ta' dritt pubbliku (GURI Nru 182, tas-6 ta' Awwissu 1990, p. 8, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 218/90"), u d-Digriet leġiżlattiv Nru 356 ta' l-20 ta' Novembru 1990, rigward dispożizzjonijiet għar-ristrutturar u l-leġiżlazzjoni tal-grupp bankarju (supplement ordinarju tal-GURI Nru 282, tat-3 ta' Diċembru 1990, p. 5, iktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 356/90").
8 L-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 356/90 ippreveda, partikolarment, il-possibbiltà għall-istabbilimenti bankarji pubbliċi, fosthom il-banek ta' tfaddil, li jittrasferixxu l-impriża bankarja lejn kumpannija b'responsabbiltà limitata ffurmata minnhom stess. Il-korp mibdul, fil-prattika msejjaħ "fondazzjoni bankarja" (iktar 'il quddiem il-"fondazzjoni bankarja"), sar l-uniku azzjonist ta' din il-kumpannija (iktar 'il quddiem il-"kumpannija bankarja"), li kellha bħala għan it-twettiq ta' l-attività bankarja preċedentement eżerċitata mill-istabbiliment bankarju pubbliku.
9 L-Artikolu 11 ta' l-istess Digriet kien jipprevedi li l-fondazzjonijiet bankarji li jiġu rregolati minn dan id-Digriet kif ukoll mill-istatuti tagħhom, ikollhom kapaċità ġuridika sħiħa ta' dritt pubbliku u ta' dritt privat u fuq kollox ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet legali dwar il-ħatra tal-korpi ta' amministrazzjoni u ta' kontroll.
10 L-Artikolu 12 kien jippreċiża li l-fondazzjonijiet bankarji li kellhom fondi kapitali mhux miksuba minn azzjonisti kellhom isegwu għanijiet ta' interess pubbliku u ta' utilità soċjali, prinċipalment fis-setturi tar-riċerka xjentifika, tat-tagħlim, ta' l-arti u tas-saħħa, u li l-iskopijiet oriġinali ta' assistenza u ta' protezzjoni tal-kategoriji soċjali żvantaġġjati setgħu jinżammu.
11 L-istess Artikolu kien iżid jgħid, b'mod partikolari, li:
– il-fondazzjonijiet bankarji setgħu jeffettwaw l-operazzjonijiet finanzjarji, kummerċjali, immobbli u mobbli meħtieġa jew opportuni għat-twettiq ta' dawn l-għanijiet;
– huma jamministraw l-ishma tagħhom fil-kumpannija bankarji sakemm huma jibqgħu titolari;
– madankollu, huma ma jistgħux jeżerċitaw direttament l-attività bankarja u lanqas li jżommu ishma ta' kontroll fil-kapital ta' impriżi bankarji jew finanzjarji barra l-kumpannija bankarja;
– min-naħa l-oħra, huma jistgħu jakkwistaw u jċedu ishma ta' minoranza fil-kapital ta' impriżi bankarji u finanzjarji oħra;
– tranżitorjament, il-kontinwità operazzjonali bejn il-fondazzjoni bankarja u l-kumpannija bankarja kellha tiġi assigurata permezz ta' dispożizzjonijiet li jipprevedu li membri tal-kumitat ta' amministrazzjoni jew tal-korp ekwivalenti tal-fondazzjoni bankarja jiġu nnominati fil-kunsill ta' amministrazzjoni u tal-membri tal-korp ta' kontroll għall-kunsill ta' sorveljanza tal-kumpannija bankarja;
– il-fondazzjonijiet bankarji għandhom jagħtu kontribuzzjoni determinata tad-dħul li ġej minn ishma fil-kumpanniji bankarji għal riżerva ddestinata għas-sottoskrizzjoni għal żidiet ta' kapital ta' dawn il-kumpanniji;
– din ir-riżerva setgħet tiġi investita f'ishma ta' kumpanniji li fihom il-fondazzjonijiet bankarji għandhom sehem jew f'titoli maħruġin jew garantiti mill-Istat.
– Il-fondazzjonijiet bankarji setgħu jidħlu f'dejn permezz tal-kumpanniji bankarji jew jirċievu garanziji min-naħa ta' dawn ta' l-aħħar f'limiti ddeterminati.
12 Skond l-Artikolu 13 tad-Digriet Nru 356/90:
– it-trasferimenti pubbliċi ta' ishma tal-kumpanniji bankarji għandhom isiru permezz ta' offerta pubblika ta' bejgħ;
– fil-limitu globali ta' wieħed fil-mija tal-kapital tal-kumpannija bankarja, it-trasferimenti fuq il-borża ta' ishma kkwotati jistgħu jsiru liberament;
– ir-rikors għal proċeduri oħra kien suġġett għal awtorizzazzjoni tal-Ministru tat-Teżor;
– meta mill-fatt tat-trasferiment jew ta' kull operazzjoni oħra, il-fondazzjoni bankarja titlef, anki jekk temporanjament, il-kontroll tal-maġġoranza ta' l-ishma li jagħtu dritt għall-vot fil-laqgħa ġenerali ordinarja tal-kumpannija bankarja, l-operazzjoni għandha tiġi approvata permezz ta' Digriet tal-Ministru tat-Teżor;
– il-fondazzjoni bankarja li ċċedi s-sehem ta' kontroll tista' takkwista sehem ieħor ta' kontroll f'kumpannija bankarja wara li tkun ħadet awtorizzazzjoni permezz ta' Digriet tal-Ministru tat-Teżor.
13 L-Artikolu 14 tad-Digriet Nru 356/90 kien jissuġġetta l-fondazzjonijiet bankarji għas-sorveljanza tal-Ministeru tat-Teżor, li lilu kienu bagħtu l-estimi provviżorji u l-bilanċi annwali.
14 Skond l-istess dispożizzjoni:
– il-fondazzjoni bankarji għandhom barra minn hekk jibagħtu lill-Ministeru tat-Teżor u lill-Bank ta' l-Italja l-informazzjoni, anki perjodika, li tkun ġiet mitluba lilhom;
– il-Ministeru tat-Teżor seta jordna spezzjonijiet.
15 L-Artikolu 1(7-bis), tad-Digriet-leġiżlattiv Nru 332, tal-31 ta' Mejju 1994, dwar dispożizzjonijiet għat-tħaffif tal-proċeduri ta' trasferiment ta' l-ishma ta' l-Istat u tal-korpi pubbliċi f'kumpanniji permezz ta' ishma (GURI Nru 126, ta' 1 ta' Ġunju 1994, p 38), mibdul f'liġi, flimkien ma' emendi, permezz tal-Liġi Nru 474, tat-30 ta' Lulju 1994 (GURU Nru 177, tat-30 ta' Lulju 1994, p. 5), ħassar id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13 tad-Digriet Nru 356/90, imsemmija fil-punt 12 ta' din is-sentenza, li kienu jipprevedu l-awtorizzazzjoni tal-Ministru tat-Teżor, min-naħa, għal kull operazzjoni li b'effett tagħha l-fondazzjoni bankarja kienet titlef il-kontroll tal-kumpannija bankarja, u min-naħa l-oħra, għall-akkwist ta' sehem ieħor ta' kontroll f'kumpannija bankarja.
16 Is-sistema stabbilita permezz tal-Liġi Nru 218/90 u d-Digriet Nru 356/90 ġiet emendata permezz tal-Liġi Nru 461 tat-23 ta' Diċembru 1998, dwar id-delegazzjoni tal-kompetenza lill-Gvern għar-riorganizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ċivili u fiskali tal-korpi provvedituri msemmija fl-Artikolu 11(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 356, ta' l-20 ta' Novembru 1990, kif ukoll tas-sistema fiskali ta' l-operazzjonijiet ta-ristrutturar bankarju (GURI Nru 4, tas-7 ta' Jannar 1999, p. 4, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 461/98"), u permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 153, tas-17 ta' Mejju 1999, rigward leġiżlazzjoni ċivili u fiskali tal-korpi provvedituri msemmija fl-Artikolu 11(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 356, ta' l-20 ta' Novembru 1990, u tas-sistema fiskali ta' l-operazzjonijiet ta' ristrutturar bankarju, skond l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 461, tat-23 ta' Diċembru 1998 (GURI Nru 125, tal-31 ta' Mejju 1999, p. 4, iktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 153/99").
17 L-Artikolu 30 tad-Digriet Nru 153/99 ħassar, b'mod partikolari, l-Artikoli 11, 12, 13 u 14 tad-Digriet Nru 356/90.
18 L-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 153/93, li jirriproduċi l-isem li deher fil-prattika, jippreċiża "fondazzjoni" tfisser il-korp li jiddisponi mill-impriża bankarja skond id-Digriet Nru 356/90.
19 L-Artikolu 2(1) tad-Digriet Nru 153/99 jgħid li:
– il-fondazzjonijiet bankarji huma persuni ġuridiċi ta' dritt privat bla skop ta' profitt, li għandhom awtonomija leġiżlattiva u amministrativa sħiħa u kompluta;
– huma jsegwu esklużivament l-għanijiet ta' utilità soċjali u ta' promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-istatuti rispettivi tagħhom.
20 L-Artikolu 3 iżid jgħid li:
– il-fondazzjonijiet bankarji jsegwu l-għanijiet tagħhom skond il-modalitijiet kollha kompatibbli man-natura ġuridika tagħhom, kif definita fl-Artikolu 2;
– huma joperaw fir-rispett lejn il-prinċipji ta' amministrazzjoni li toħloq profitt;
– huma ma jistgħux jamministraw ħlief impriżi għall-operat li jservu direttament għat-twettiq ta' l-għanijiet leġiżlattivi tagħhom u esklużivament fis-setturi rilevanti;
– huma mhumiex awtorizzati li jeżerċitaw funzjonijiet bankarji;
– huwa pprojbit lilhom kull forma ta' finanzjament, ta' ħlas jew ta' sussidju, dirett jew indirett, lil korpi li jsegwu skopijiet ta' profitt jew favur impriżi, tkun xi tkun in-natura tagħhom, bl-eċċezzjoni ta' impriżi operattivi u ta' kooperattivi soċjali.
21 Skond l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 153/99, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, is-"setturi rilevanti" għandhom jintgħażlu fost is-setturi segwenti: riċerka xjentifika, tagħlim, arti, konservazzjoni u l-valorizzazzjoni ta' proprjetà u attivitajiet kulturali u proprjetà ambjentali, is-saħħa u għajnuna lill-kategoriji soċjali żvantaġġjati.
22 Wara emenda ta' din id-dispożizzjoni permezz ta' l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 448, tat-28 ta' Diċembru 2001, rigward dispożizzjonijiet dwar ta' l-istabbiliment tal-estimi annwali u pluriannwali ta' l-Istat (liġi tal-finanzi 2002) (supplement ordinarju tal-GURI Nru 301, tad-29 ta' Diċembru 2001, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 448/01"), is-setturi rilevanti għandhom fil-preżent jintgħażlu jost is-setturi segwenti: familja u valuri marbuta magħha; edukazzjoni u taħriġ taż-żgħażagħ; edukazzjoni, tagħlim u taħriġ, li jinkludi x-xiri ta' prodotti ta' pubblikazzjoni għall-iskola; volontarjat, filantropija u karità; reliġjon u żvilupp spiritwali; għajnuna lill-anzjani, drittijiet ċiviċi, prevenzjoni tal-kriminalità u sigurtà pubblika, sigurtà ta' l-ikel u agrikoltura ta' kwalità, żvilupp lokali u kostruzzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali fil-livell lokali; protezzjoni tal-konsumaturi; protezzjoni ċivili, saħħa pubblika, mediċina preventiva u kurativa; attivitajiet sportivi, prevenzjoni u trattament tal-vizzju tad-drogi, patoloġiji u disturbi fiżiċi u mentali; riċerka xjentifika u teknoloġika, protezzjoni u kwalità ta' l-ambjent; arti, attivitajiet u proprjetà kulturali.
23 L-Artikolu 4(3) tad-Digriet Nru 153/99, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jgħid li l-membri tal-korp ta' amministrazzjoni ma setgħux jokkupaw il-funzjonijiet ta' membru tal-kunsill ta' amministrazzjoni fil-kumpannija bankarja.
24 Fil-verżjoni li tirriżulta mil-liġi Nru 350 ta' l-24 ta' Diċembru 2003, rigward dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-estimi annwali u pluriannwali ta' l-Istat (liġi tal-finanzi 2004) (supplement ordinarju tal-GURI Nru 299 tas-27 ta' Diċembru 2003, p. 1), l-istess dispożizzjoni tgħid li:
– il-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ta' amministrazzjoni, ta' direzzjoni jew ta' kontroll fil-fondazzjoni bankarja ma jistgħux jokkupaw funzjonijiet ta' amministrazzjoni, ta' direzzjoni jew ta' kontroll fil-kumpannija bankarja jew fil-kumpanniji li hija tikkontrolla jew li fihom hija għandha sehem.
– il-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ta' direzzjoni fil-fondazzjoni bankarja ma jistgħux jokkupaw funzjonijiet ta' amministrazzjoni, ta' direzzjoni jew ta' kontroll fil-kumpannija bankarja.
25 Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Nru 153/99 jgħid li l-patrimonju tal-fondazzjoni bankarja għandu jkun kollu kemm hu użat għat-twettiq ta' għanijiet leġiżlattivi u li, fil-kuntest ta' l-amministrazzjoni tal-patrimonju tagħhom, il-fondazzjonijiet bankarji jamministraw ir-riskji filwaqt li josseraw il-kriterji ta' prudenza b'tali mod li jikkonservaw il-valur u jagħmlu profitt adegwat. L-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 448/01 żied ma' din id-dispożizzjoni preċiżazzjoni li l-amministrazzjoni għandha tkun skond in-natura tal-fondazzjonijiet bankarji bħala korpi mingħajr skop ta' profitt li joperaw skond il-prinċipji ta' trasparenza u ta' moralità.
26 L-Artikolu 6(1) tad-Digriet Nru 153/99 jgħid li l-fondazzjonijiet bankarji ma jistgħux iżommu ishma ta' kontroll ħlief f'korpi u kumpanniji li għandhom bħala skop esklużiv l-amministrazzjoni ta' impriżi għall-operat.
27 Għal dak li jikkonċerna s-sehem fil-kumpanniji bankarji, l-Artikolu 25(1) u (2), fil-verżjoni oriġinali, jgħid li:
– l-ishma ta' kontroll f'dawn il-kumpanniji jistgħu jinżammu matul perijodu ta' erba' snin li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet, fid-dawl tat-trasferiment tagħhom;
– fin-nuqqas ta' trasferiment f'dan it-terminu, l-ishma jistgħu jiġu kkonservati matul perijodu supplementari li ma jaqbiżx sentejn;
– l-ishma ta' kontroll fil-kumpanniji barra l-kumpanniji bankarji, bl-esklużjoni ta' dawk miżmuma mill-fondazzjonijiet bankarji fl-impriżi għall-operat, għandhom jiġu ċeduti fit-terminu stabbilit mill-Awtorità ta' sorveljanza, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-eżiġenza ta' salvagwardja tal-valur tal-patrimonju u, f'kull każ, għat-tmiem tat-terminu ta' erba' snin previst.
28 B'riżultat ta' l-emenda ta' dawn id-dispożizzjonijiet permezz ta' l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 448/01, wara mill-Artikolu 4 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 143 ta' l-24 ta' Ġunju 2003 (GURI Nru 144, ta' l-24 ta' Ġunju 2003), mibdula f'liġi, b'emendi, permezz tal-Liġi Nru 212, ta' l-1 ta' Awwissu 2003 (supplement ordinarju tal-GURI Nru 185, tal-11 ta' Awwissu 2003, iktar 'il quddiem id-"Digriet leġiżlattiv Nru 143/03"):
– it-terminu massimu ta' erba' snin ta' konservazzjoni ta' l-ishma ta' kontroll ġie ssostitwit permezz tad-data limitu tal-31 ta' Diċembru 2005;
– ġiet introdotta l-possibbiltà li jingħataw ishma fil-kumpanniji bankarji lil kumpanniji ta' amministrazzjoni ta' tfaddil magħżula fir-rispett tal-proċeduri ta' tqegħid f'kompetizzjoni u inkarigati li jamministraw dawn l-ishma f'isimhom stess skond kriterji ta' professjonalità u ta' indipendenza, il-fondazzjonijiet bankarji jikkonservaw f'ċerti każijiet il-possibbiltà li jagħtu indikazzjonijiet fir-rigward tal-laqgħat ġenerali straordinarji u t-trasferiment ta' dawn l-ishma qabel ma jseħħu, f'kull każ, mhux aktar tard mit-tmiem tat-tielet sena wara l-31 ta' Diċembru 2005;
– il-Ministru ta' l-Ekonomija u tal-Finanzi kif ukoll il-Banca d'Italia jeżerċitaw setgħat li ngħatawlhom permezz tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-materja bankarja u ta' kreditu;
– l-ishma ta' kontroll fil-kumpanniji barra l-kumpanniji bankarji, bl-esklużjoni ta' dawk miżmuma mill-fondazzjonijiet bankarji f'impriżi operattivi, għandhom jiġu ċeduti fit-terminu stabbilit mill-Awtorità ta' sorveljanza filwaqt li tiġi kkunsidrata l-eżiġenza ta' salvagwardja tal-valur tal-patrimonju u, f'kull każ, mhux aktar tard mid-data tal-31 ta' Diċembru 2005.
29 L-Artikolu 25(3) tad-Digriet Nru 153/99, fil-verżjoni oriġinali tiegħu mhux emendat permezz tal-Liġi Nru 448/01, jipprevedi li, meta l-fondazzjonijiet bankarji, wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti għall-konservazzjoni ta' l-ishma ta' kontroll, ikomplu jżommuhom, l-Awtorità ta' Sorveljanza tipproċedi għat-trasferiment tagħhom sakemmm ikun meħtieġ sabiex ittemm il-kontroll.
30 F' materja fiskali, l-Artikolu 12(1) tad-Digriet Nru 153/99 jgħid li l-fondazzjonijiet bankarji li jkunu adattaw l-istatuti tagħhom għad-dispożizzjonijiet ta' dan id-Digriet huma kkunsidrati bħala korpi mhux kummerċjali, anki jekk huma jsegwu l-għanijiet leġiżlattivi tagħhom permezz ta' impriżi operattivi.
31 Fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 12(2) kien jgħid li:
– is-sistema prevista fl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 601/73 kienet applikabbli għall-fondazzjonijiet bankarji li kienu adattaw l-istatuti tagħhom għad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 153/99 u li joperaw fis-setturi rilevanti;
– l-istess sistema kienet tapplika, sa l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' adattament ta' l-istatuti għad-Digriet Nru 153/99, għall-fondazzjonijiet bankarji li m'għandhomx in-natura ta' korpi kummerċjali li kienu segwew prinċipalment għanijiet ta' interess pubbliku u ta' utilità soċjali fis-setturi indikati fl-Artikolu 12 tad-Digriet Nru 356/90 u fl-emendi ulterjuri tiegħu.
32 L-Artikolu 12(3) tad-Digriet Nru 153/99, kif emendat permezz tad-Digriet leġiżlattiv Nru 143/03, jgħid li l-fondazzjonijiet bankarji jitilfu n-natura tagħhom ta' korpi mhux kummerċjali u jieqfu milli jibbenefikaw mit-tnaqqis fiskali previst jekk, wara d-data tal-31 ta' Diċembru 2005, huma jkunu għadhom iżommu sehem ta' kontroll fil-kumpanniji bankarji.
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
33 Il-Fondazione Cassa di Risparmio di San Miniato talbet lill-amministrazzjoni fiskali Taljana, skond l-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dividendi li huma dovuti lejh għas-sena fiskali 1998, imposta fuq l-ishma tiegħu fil-Cassa di Risparmio di San Miniato kif ukoll fil-kumpannija Casse Toscane SpA, għad-drittijiet li ħadet mingħandha l-Cassa di Risparmio di Firenze.
34 Din it-talba kienet ġiet miċħuda għar-raġuni li t-tmexxija minn fondazzjoni bankarja ta' l-ishma tagħha f'kumpanniji bankarji għandha tiġi kkunsidrata bħala attività kummerċjali inkompatibbli ma' l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62.
35 Il-Fondazione Cassa di Risparmio di San Miniato, kif ukoll il-Cassa di Risparmio di Firenze u l-Cassa di Risparmio di San Miniato kkontestaw id-deċiżjoni ta' ċaħda quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Firenze.
36 Ir-rikors tagħhom ġie miċħud.
37 It-tliet rikorrenti kkontestaw id-deċiżjoni tal-Commissione tributaria provinciale di Firenze quddiem il-Commissione tributaria regionale di Firenze, li laqgħet ir-rikors tagħhom.
38 Skond il-qorti tar-rinviju, il-Commissione tributaria regionale di Firenze kienet iddeċidiet li l-Fondazione Cassa di Risparmio di San Miniato, għar-raġuni ta' l-għan tagħha ta' interess pubbliku jew ta' utilità soċjali f'setturi ddeterminati, kellha tibbenefika mit-tnaqqis ta' nofs it-taxxa fuq id-dħul ta' persuni ġuridiċi skond l-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 601/73 u li dan it-tnaqqis kellu jitwettaq ma' l-eżenzjoni ta' tnaqqis skond l-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62, indipendentement miċ-ċirkustanza li fondazzjoni bankarja tista' teżerċita, barra l-attività prinċipali, attività ekonomika ta' impriża.
39 Skond il-qorti tar-rinviju wkoll, il-Commissione tributaria regionale di Firenze rreferiet, f'dan ir-rigward, għal sistema ġdida li tirriżulta mil-Liġi Nru 461/98 u mid-Digriet Nru 153/99, li tipprevedi espressament l-applikabbiltà għal fondazzjonijeit bankarji tal-vantaġġ fiskali in kwistjoni.
40 Hija kkunsidrat li, fil-każ li ġie sottomess lilha, il-prova ta' primarjetà ta' attività ekonomika ta' impriża fuq l-għanijiet ta' utilità soċjali ma kinitx disponibbli.
41 Il-Ministero dell'Economia e delle Finanza ressaq Appell fil-Kassazzjoni kontra d-deċiżjoni mogħtija.
42 Huwa invoka, b'mod partikolari, ksur ta' l-Artikoli 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62, 6 tad-Digriet Nru 601/73 u 14 tad-dispożizzjonijiet preliminari tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li skond dawn il-liġijiet li jagħmlu eċċezzjoni għal regoli ġenerali jew għal liġijiet oħra ma japplikawx lil hinn minn każijiet u ċirkustanzi li għalihom huma previsti.
43 Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Corte suprema di cassazione osservat li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali fuq il-bażi tad-dritt nazzjoniali għandha tikkunsidra l-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tas-sistema fiskali tal-fondazzjonijiet bankarji mad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari flimkien ma' l-Artikoli 12 KE, 43 KE u segwenti, 56 KE u segwenti, kif ukoll 87 KE u 88 KE. Hija ssostni li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li japplikaw, ex officio, ir-regoli ta' dritt Komunitajri, jekk hemm bżonn billi ma japplikawx ir-regoli nazzjonali kuntrarji għalihom.
44 Għal dak li jikkonċerna l-Artikoli 87 KE u 88 KE, hija tosserva li, jekk il-miżuri fiskali in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu għajnuniet ta' l-Istat favur ċerti impriżi jew ta' ċerti produzzjonijiet, huma ma jistgħux jiġu implementati mingħajr deċiżjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tagħhom. Sa l-adozzjoni ta' tali deċiżjoni, il-qrati għandhom, minħabba ta' l-effett dirett ta' l-Artikolu 88(3)KE, jirrifjutaw li japplikawhom.
45 F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-Deċiżjoni 2003/146 eżaminat il-miżuri fiskali previsti fl-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99 fir-rigward ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE.
46 Skond din id-deċiżjoni, il-miżuri eżaminati, implementati favur fondazzjonijiet bankarji li ma jeżerċitawx direttament attività fis-setturi elenkati fl-Artikolu 1 ta' dan id-Digriet, kif emendat permezz tal-Liġi Nru 448/01, ma jikkostitwixxux għajnuna ta' l-Istat skond l-Artikolu 87(1)KE, għar-raġuni li mhumiex maħsuba bħala "impriżi" skond din l-aħħar dispożizzjoni.
47 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li n-natura kummerċjali jew mhux tal-fondazzjonijiet bankarji kienu s-suġġett ta' diverġenzi ta' analiżi.
48 L-amministrazzjoni fiskali Taljana kienet kostantement sostniet li l-fondazzjonijiet bankarji għandhom natura kummerċjali, b'tali mod li huma kienu suġġetti għal sistema fiskali ordinarja.
49 Il-Gvern Taljan, fil-kuntest tal-proċedura li kienet waslet għad-Deċiżjoni 2003/146, kien min-naħa tiegħu sostna li l-fondazzjonijiet bankarji ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala "impriżi" għall-finijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni.
50 Diverġenzi kienu jeżistu fi ħdan stess il-qorti tar-rinviju. Ċerti deċiżjonijiet kienu wrew in-natura mhux kummerċjali tal-fondazzjonijiet bankarji, għar-raġuni li l-amministrazzjoni ta' ishma fl-impriżi bankarji, kif ukoll ishma miżmuma f'impriżi oħra barra l-kumpannija bankarja, ma kinux jikkostitwixxu ħlief strument maħsub li jġib mezzi finanzjarji indispensabbli għat-twettiq ta' l-għanijiet soċjali u kulturali limitati għall-korp. Deċiżjonijiet oħra kienu deċiżi bil-kontra meta ġie kkunsidrat in-nuqqas ta' rilevanza ta' missjonijiet soċjali u kulturali fir-rigward tas-sistema fiskali ta' tnaqqis, peress illi l-korpi in kwistjoni setgħu jaġixxu fuq is-suq bankarju u fuq swieq oħra f'kompetizzjoni ma' l-impriżi l-oħra.
51 Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99 jinkludi espressament is-sistema prevista fl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 601/73, sakemm huma kienu adottaw dispożizzjonijiet ta' adattament ta' l-istatuti tagħhom għad-Digriet Nru 153/99, għal fondazzjonijiet bankarji li m'għandhomx in-natura ta' korpi kummerċjali li kienu segwew prinċipalment għanijiet ta' interess pubbliku u ta' utilità soċjali.
52 Hija żżid tgħid li skond parti tal-ġurisprudenza nazzjonali, l-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99 huwa ta' natura interpretattiva, fejn is-sistema fiskali in kwistjoni tapplika wkoll għas-snin fiskali qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Nru 153/99.
53 Hija tikkunsidra li b'hekk għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2003/146. F'dan ir-rigward, jekk għandu jiġi kkunsidrat li l-fondazzjonijiet bankarji huma min-natura tagħhom impriżi, din l-aħħar deċiżjoni hija nieqsa minn validità.
54 Madankollu, skond il-qorti tar-rinviju, l-assenjazzjoni simultanja, skond obbligu legali, għal suġġetti ta' dritt speċjalment ikkostitwiti għal dan il-għan, tal-proprjetà dominanti ta' kontribuzzoni sinifikanti ta' impriżi bankarji u l-manteniment ta' din is-sitwazzjoni matul tul ta' żmien kunsiderevoli kif ukoll l-użu ta' dħul tat-trasferiment ta' tali ishma għall-finijiet ta' xiri u ta' amministrazzjoni ta' ishma sinifikanti f'impriżi oħra, għal diversi finalitajiet għan-numru li permezz tagħhom jidher l-iżvilupp ekonomiku tas-sistema, jagħti lok għal attività ekonomika li minnha tipproċedi r-riċerka ta' prodott, anki jekk dan il-prodott ma jistax jiġi distribwit u għandu bħala prijorità jservi għal skopijiet nieqsa minn skop ta' profitt.
55 Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fit-tmien tas-sena fiskali 1995-1996, il-fondazzjonijiet bankarji kellhom patrimonju ta' ITL 50000 biljun u li, fil-31 ta' Diċembru 2002, l-attiv tagħhom kien għola għal EUR 37 biljun, mingħajr ma tinkludi ż-żieda fil-valur ta' l-ishma miżmuma, normalment irreġistrati skond il-valur storiku tagħhom.
56 Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-eżerċizzju ta' missjonijiet mingħajr skop ta' profitt mill-fondazzjonijiet bankarji kien ivvizzja l-element karatteristiku tas-sistema, jiġifieri li dawn il-fondazzjonijiet bankarji għandhom bħala missjoni, kemm bħala kostituzjoni kif ukoll fil-funzjoni tagħhom, li jieħdu l-proprjetà u l-amministrazzjoni ta' numru importanti ta' impriżi bankarji filwaqt li jeżerċitaw fuqhom setgħat ta' kontroll, li fosthom hemm dawk tal-ħatra u tar-revoka ta' l-amministraturi.
57 Tali funzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tevita r-regoli tal-kompetizzjoni. Din il-funzjoni kienet element essenzjali tas-sistema bankarja pubblika u, skond il-prinċipji tad-dritt Komunitarju, tikkonsisti dejjem fl-eżerċizzju ta' attività ekonomika. Hija tirrappreżenta inkontestabbilment fattur li jista' jfixkel is-suq u l-iskambji intrakomunitarji, aktar u aktar meta l-fondazzjonijiet bankarji jistgħu jixtru wkoll ishma f'impriżi oħra, li jinkludu impriżi bankarji.
58 Barra minn hekk il-fondazzjonijiet bankarji jgħixu f'simbjożi ġuridika u ekonomika mas-sistema bankarja pubblika, fejn huma ma jkunux barranin għal din is-sistema u għas-suq in kwistjoni.
59 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk is-sistema fiskali fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 12 KE u, fl-istess ħin, ksur tal-prinċipji ta' libertà ta' l-istabbiliment u ta' moviment liberu tal-kapital, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 43KE u 56KE.
60 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari:
"1) Għandhom jiġu kkunsidrati, bħala suġġetti għar-regoli ta' kompetizzjoni Komunitarja, sensiela ta' persuni suġġetti ta' dritt (li għandhom jiġu msejħa "fondazzjonijiet bankarji"), maħluqa skond il-Liġi [Nru 218/93] u tad-[Digriet Nru 356/90], li jinkludi l-emendi li saru sussegwentement, biex ikunu titolari ta' ishma ta' kontroll ta' kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet bankarji u sabiex jamministraw tali ishma, relatati ma' kontribuzzjoni suffiċentement sinifikanti ta' l-operaturi tas-suq, peress li dawn ikollhom magħhom l-attribuzzjoni lil dawn il-persuni tal-benefiċċji ta' l-impriżi kkontrollati, inklużi dawk li jingħatawlhom missjonijiet ta' utilità soċjali? Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti permezz tad-[Digriet Nru 153/99], il-possibbiltà mogħtija lil tali korpi li jaffettwaw il-prodott tat-trasferiment ta' tali ishma fix-xiri u fl-amministrazzjoni ta' l-ishma sinifikanti fl-impriżi l-oħra, b'mod partikolari l-impriżi bankarji, inklużi ishma ta' kontroll ta' impriżi mhux bankarji, b'għanijiet differenti minn dak ta' l-iżvilupp ekonomiku tas-sistema, hija bl-istess mod kostituttiva ta' l-eżerċizzju ta' l-attività ta' impriża għal finijiet ta' l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni?
2) Konsegwentement, tali korpi, bħal dak li huma rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet tal-[Liġi Nru 218/90] u tad-[Digriet Nru 356/90], li jinkludu emendi li saru sussegwentement, kif ukoll permezz tad-dispożizzjonijiet li ħarġu mir-riforma li nħolqot permezz tal-[Liġi Nru 461/98] u permezz tad-[Digriet Nru 153/99], huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar għajuniet ta' l-Istat (Artikoli 87 KE u 88 KE) fir-rigward ta' sistema fiskali favorevoli li tagħha huma d-destinatarji?
3) Fil-każ ta' risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, is-sistema ta' tnaqqis ta' taxxa diretta fuq id-dividendi li nġabru, f'dan il-każ, huma jew le għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87KE?
4) Dejjem fil-każ ta' risposta affermattiva għad-domanda li saret [fil-punt 2], id-[Deċiżjoni 2003/146] li tirrikonoxxi l-inapplikabbiltà għall-fondazzjonijiet ta' oriġini bankarja tad-dispożizzjonijiet dwar għajnuna mill-Istat hija valida meta tiġi kkunsidrata mill-punt tal-leġittimità tagħha u mill-punt ta' nuqqas u/jew insuffiċjenza ta' raġunijiet […]?
5) Indipendentement mill-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni dwar għajnuniet ta' l-Istat, l-adozzjoni ta' sistema fiskali aktar favorevoli għad-distribuzzjoni tal-benefiċċji ta' l-impriżi ta' banek benefiċjarji, esklużivament nazzjonali, ikkontrollati minn fondazzjonijet, benefiċċji li nġabru minn dawn ta' l-aħħar jew tal-benefiċċji ta' l-impriżi fejn l-ishma kienu nxtraw bis-saħħa tar-riżultat tat-trasferiment ta' l-ishma fil-kumpanniji bankarji benefiċjarji, jiddiskrimina favur impriżi fejn l-ishma huma miżmuma b'dan il-mod bi żvantaġġ għall-impriżi l-oħra li joperaw fuq is-suq in kwistjoni u, fl-istess ħin, ta' ksur tal-prinċipji ta' libertà ta' l-istabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital, skond l-Artikoli 12KE, 43KE et seq. u 56KE et seq.?"
III – Fuq id-domandi preliminari
A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi
1. Fuq l-ammissibbiltà ta' l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi
a) Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti
61 Il-konvenuti prinċipali jeċċepixxu li l-ewwel tliet domandi huma inammissibbli għar-raġunijiet li:
– kuntrarjament għal dak li tafferma l-qorti tar-rinviju, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 tikkonċerna biss tnaqqis ta' ħlas bil-quddiem fuq taxxa u mhux tat-taxxa per se;
– il-kwistjonijiet imressqa kienu jippreżentaw interess purament nazzjonali fir-rigward sempliċement li jiġi stabbilit jekk, fir-rigward tar-regoli ġenerali msemmija fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62, il-fondazzjonijiet bankarji għandhomx id-dritt li jibbenefikaw minn eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.
62 Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ma jikkontestawx l-ammissibbiltà ta' l-ewwel tliet domandi mressqa.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
63 Skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti mhijiex kompetenti, skond l-Artikolu 234 KE, sabiex tiddeċiedi preliminarjament fuq l-interpretazzjoni tar-regoli relatati mal-liġi nazzjonali (sentenzi tad-19 ta' Marzu 1964, Unger, 75/63, Ġabra p. 347, 365, u tas-26 ta' Settembru 1996, Allain, C-341/94, Ġabra p. I-4631, punt 11). Il-kompetenza tal-Qorti hija limitata għall-eżami ta' l-uniċi dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (Digriet tal-21 ta' Diċembru 1995, Max Mara, C-307/95, Ġabra p. I-5083, punt 5). Hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tevalwa l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-mod li huma għandhom jiġu applikati (sentenza tas-7 ta' Diċembru 1995, Cámara de Comercio, Industria y Navegación de Ceuta, C-45/94, Ġabra p. I-4385, punt 26).
64 Fil-kawża prinċipali, hija għaldaqstant responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 tikkonċernax dħul fuq ħlas bil-quddiem fuq taxxa dovuta jew tnaqqis ta' taxxa.
65 Hija kompetenza tagħha wkoll li tikkunsidra jekk il-fondazzjoni bankarja konvenuta għandhiex id-dritt għal tali eżenzjoni skond is-sena fiskali in kwistjoni, permezz ta' l-effett ta' applikazzjoni magħquda ta' dan l-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 u ta' l-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 601/73, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta' applikazzjoni retroattiva ta' l-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99.
66 Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi l-kwistjoni jekk il-vantaġġ fiskali korrispondenti jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1)KE. Fil-fatt, jekk dan huwa l-każ, dan il-vantagg fiskali jista', skond l-Artikolu 88(3)KE, jiġi implementat mingħajr ma jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.
67 Id-domanda hi, jekk ikun il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi, fil-fatt tirriżulta mid-dritt Komunitarju.
68 F'dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel tliet domandi preliminari mressqa, sakemm dawn huma relatati ma' din il-liġi, huma ammissibbli.
2. Fuq l-ammissibbiltà tar-raba' domanda
a) Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
69 Il-konvenuti prinċipali jsostnu li r-raba' domanda mressqa, dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2003/146, hija inammissibbli għar-raġuni li din id-deċiżjoni kienet saret definittiva fir-rigward tar-Repubblika Taljana li, meta kellha l-possibbiltà, ma kinitx resqet rikors għal annullament fuq il-bażi ta' l-Artikolu 230 KE (sentenza tad-9 ta' Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, Ġabra p. I-833).
70 Il-Gvern Taljan josserva li r-raba domanda mhijiex rilevanti, peress li d-Deċiżjoni 2003/146 kienet ġiet adottata fid-dawl tas-sistema tal-fondazzjonijiet bankarji kif emendata permezz tad-Digriet Nru 153/99.
71 Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li din id-domanda hija inammissibbli, peress li l-kawża prinċipali kienet ikkunsidrat is-sitwazzjoni eżistenti fl-1998, filwaqt li d-Deċiżjoni 2003/146 kienet eżaminat it-tnaqqis fiskali awtorizzat għal fondazzjonijiet bankarji permezz tad-Digriet Nru 153/99, tnaqqis li, fuq kollox, kien jikkorrispondi għal vantaġġi fiskali barra l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
72 Id-domanda intiża għall-evalwazzjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2003/146 ma ġietx imressqa fuq talba ta' suġġett tad-dritt li, filwaqt li kellu l-possibbiltà li jressaq rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, ma kienx utilizzah fit-terminu mogħti mill-Artikolu 230 KE.
73 Din ġiet imressqa ex officio mill-qorti tar-rinviju.
74 Konsegwentement, hija ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli skond il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar 'il fuq.
75 Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tista' tiddeċiedi li ma tiddeċiedix fuq domanda preliminari meta tevalwa l-validità ta' att Komunitarju, meta jidher b'mod manifest li din l-evalwazzjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, m'għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew ma' l-għan tal-kawża prinċipali (sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 16).
76 Id-Deċiżjoni 2003/146 teżamina fir-rigward ta' l-Artikoli 87 KE u segwenti, b'mod partikolari, l-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99, dwar l-adozzjoni tat-tnaqqis ta' nofs it-taxxa prevista fl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 601/73.
77 Dan it-tnaqqis huwa vantaġġ fiskali distint mill-eżenzjoni tat-tnaqqis mogħti mill-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62.
78 Fil-punt 61 u fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/146, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura mressqa mill-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99 favur fondazzjonijiet bankarji li ma jeżerċitawx direttament attività fis-setturi elenkati fl-Artikolu 1 ta' dan id-Digriet, kif emendat permezz tal-Liġi Nru 448/01 (ara l-punt 22 ta' din is-sentenza) ma jikkostitwxxix għajnuna mill-Istat.
79 Hija kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi jekk l-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99 għandux jew le, fil-liġi interna, inċidenza fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/92 fil-kawża prinċipali (ara l-punt 65 ta' din is-sentenza), rigward is-sena fiskali 1998.
80 Fl-affermattiv, din il-qorti hija kompetenti sabiex tevalwa jekk il-vantaġġ fiskali in kwistjoni jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.
81 Fin-negattiv, hija għandha tipproċedi għall-istess evalwazzjoni jekk hija tiddeċiedi li l-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 jibbenefika lill-konvenuta prinċipali fil-kuntest ta' applikazzjoni tiegħu flimkien ma' l-uniku Artikolu 6 tad-Digiret Nru 601/73.
82 Madankollu, f'kull ipoteżi, kull evalwazzjoni ma setgħetx issir permezz tad-Deċiżjoni 2003/146.
83 Fil-fatt, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-miżura prevista fl-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99 ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq il-kostatazzjoni li l-fondazzjonijiet bankarji mhumiex impriżi skond l-Artikolu 87(1)KE.
84 Madankollu, din il-kostatazzjoni hija r-riżultat ta' l-analiżi, mill-Kummissjoni, tas-sistema ġdida tal-fondazzjonijiet bankarji li jirriżultaw mil-liġi Nru 461/98, tad-Digriet Nru 153/99 u tal-Liġi Nru 448/01, sistema li daħlet fis-seħħ wara s-sena fiskali 1998, fil-kawża prinċipali.
85 Din is-sistema ġdida tinkludi, kif jirriżulta mill-isfond tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali li jinsab fil-punti 7 sa 32 ta' din is-sentenza, differenzi sinifikanti fir-rigward tas-sistema preċedenti u, minbarra l-Artikolu 12(2) tad-Digriet Nru 153/99, mhemmx konferma li hija għandha applikazzjoni retroattiva.
86 Skond il-pjan leġiżlattiv, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għaldaqstant irrigwardat, għall-finijiet tal-kwalifika eventwali tal-fondazzjonijiet bankarji bħala impriżi, sistema differenti minn dik applikabbli matul is-sena fiskali fil-kawża prinċipali.
87 F'dan ir-rigward, fil-punt 43 tad-Deċiżjoni 2003/146, il-Kummissjoni tikkunsidra, bħala elementi importanti, li:
– id-Digriet Nru 153/99 introduċa, għal dak li jikkonċerna l-kontroll ta' impriżi kummerċjali mill-fondazzjonijiet bankarji, "salvagwardji speċifiċi" analizzati fil-punti 36 sa 39 ta' l-istess deċiżjoni;
– il-Liġi Nru 448/01 irrinforzat is-separazzjoni bejn il-fondazzjonijiet bankarji u l-istabbilimenti finanzjarji, u kkontribwixxiet għaldaqstant għat-tneħħija ta' d-dubji espressi fuq dan il-punt fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.
88 Barra minn hekk, fil-qasam tal-fatti, fir-rigward ta' l-eventwali eżerċizzju dirett mill-fondazzjonijiet bankarji ta' attivitajiet fis-setturi previsti mid-dispożizzjonijiet applikabbli, il-Kummissjon kkunsidrat id-deskrizzjoni ta' sitwazzjoni fattwali li seħħet wara s-sena fiskali 1998, mogħtija mill-awtoritajiet Taljani permezz ta' ittra tas-16 ta' Jannar 2001.
89 Fil-punt 51 tad-deċiżjoni tagħha, hija tosserva li, f'din l-ittra, l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li, "għall-mument", l-ebda waħda mill-fondazzjonijiet bankarji ma kienet għamlet użu mill-possibbiltà prevista mill-liġi, li teżerċita direttament attività f'dawn is-setturi u, fil-punt 54 ta' l-istess deċiżjoni, hija ssostni li din l-informazzjoni wasslitha "sabiex tirrevedi l-pożizzjoni inizjali tagħha, espressa fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, dwar in-natura tal-fondazzjonijiet bħala impriżi".
90 F'dan il-kuntest, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura tal-fondazzjonijiet bankarji fil-kuntest tas-sistema ġdida tagħhom mhijiex tali li tiddetermina l-evalwazzjoni tal-kwalifika tagħhom fil-kuntest tas-sistema preċedenti tagħhom, jekk ikun il-każ fir-rigward ta' sitwazzjoni fattwali li hija stess hija differenti.
91 Għaldaqstant, jidher b'mod manifest li d-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2003/146 hija mingħajr relazzjoni ma' l-iskop tal-kawża prinċipali, b'tali mod li hija mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta' din ta' l-aħħar.
92 Hija b'hekk għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.
3. Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames domanda
a) Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
93 Il-konvenuti prinċipali jsostnu li l-ħames domanda, dwar l-eżistenza ta' diskriminazzjoni jew ta' restrizzjonijiet għall-libertà ta' stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital, hija inammissibbli għar-raġuni tan-natura indeterminata tagħha. Il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax l-elementi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni li jsiru ostaklu għall-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mit-Trattati KE. Hija ma tindikax għaldaqstant, b'mod ċar, li fondazzjonijiet bankarji jew kumpanniji bankarji jibbenefikaw minn diskriminazzjoni.
94 Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ma jikkontestawx l-ammissibbiltà tal-ħames domanda.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
95 Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-konvenuti prinċipali, il-qorti tar-rinviju tippreċiża espressament, fil-ħames domanda tagħha, li:
– huwa l-vantaġġ fiskali fil-kawża prinċipali li jista' jkun fl-oriġini ta' diskriminiazzjoni u ta' restrizzjoni tal-libertà ta' l-istabbiliment jew tal-moviment liberu tal-kapital;
– id-diskriminazzjoni u r-restrizzjoni kienu jeżistu għall-profitt ta' l-impriżi, bankarji u mhux, li fihom il-fondazzjonijiet bankarji jżommu l-ishma.
96 Il-ħames domanda b'hekk hija ammissibbli.
B –Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju
97 Permezz ta' l-ewwel u t-tieni domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u li jinqraw fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 84 sa 90 ta' din is-sentenza, fir-rigward tan-nuqqas ta' rilevanza tas-sistema ġdida tal-fondazzjonijiet bankarji li jirriżultaw mil-liġi Nru 461/98 tad-Digriet Nru 153/99 u tal-Liġi Nru 448/01, il-qorti tar-rinviju titlob fis-sustanza jekk persuna ġuridika bħal dik fil-kawża prinċipali tistax, fid-dawl tas-sistema applikabli fiż-żmien ikkonċernat, tiġi kkwalifikata bħala "impriża" skond l-Artikolu 87(1) KE, u bħala tali, tkun suġġetta matul dan iż-żmien għar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat.
98 Permezz tat-tielet domanda, intiża sabiex tiddetermina jekk il-miżura statali stabbilita mingħajr ma ġiet ikkunsidrata l-proċedura ta' eżami preliminari stabbilita permezz ta' l-Artikolu 88(3)KE, kellhiex jew le tiġi suġġetta għalih, l-istess qorti titlob fis-sustanza jekk eżenzjoni ta' tnaqqis fuq id-dividendi bħal dik fil-kawża prinċipali, tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1)KE.
99 Għal dak li jikkonċerna l-ħames domanda, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 12KE, li jimponi prinċipju ġenerali ta' projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni għar-raġuni ta' nazzjonalità, m'għandux jiġi applikat b'mod awtonomu ħlief f'sitwazzjonijiet regolati mid-dritt Komunitajru li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regola speċifika ta' non-diskriminazzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta' Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 38). Madankollu, il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni ġie implementat, fl-oqsma tad-dritt ta' l-istabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital, rispettivament, permezz ta' l-Artikoli 43 KE u 56 KE. Il-ħames domanda għandha b'hekk tinqara bħala li tirreferi biss għal dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.
100 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk vantaġġ fiskali bħala dak fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment jew għall-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikoli 43KE u 56 KE, favur l-impriżi, bankarji jew mhux, li fihom il-fondazzjonijiet iżommu ishma, fir-rigward ta' l-impriżi l-oħra li joperaw fuq is-suq ikkonċernat, fejn l-ishma mhumiex miżmuma minn tali fondazzjonijiet.
1. Fuq l-ewwel u t-tieni domandi, rigward il-kunċett ta' "impriża" skond l-Artikolu 87(1) KE.
a) Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
101 Il-konvenuti prinċipali jsostnu li l-fondazzjonijiet bankarji ma jikkostitwixxux "impriżi" skond id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. B'hekk huma ma kinux suġġetti għal sistema ta' għajnuna mill-Istati. Huma kienu limitati li jirċievu dividendi konnessi ma' l-ishma tagħhom, l-istess bħal kull proprjetarju ta' immobbli li jirċievi l-kera dovuti skond il-kuntratt tal-kera.
102 Il-Gvern Taljan josserva li, għall-perijodu rilevanti fil-każ prinċipali, il-fondazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala impriżi skond il-liġi tal-kompetizzjoni. L-ishma ta kontroll fil-kumpanniji bankarji kienu jikkostitwixxu f'dan ir-rigward indiċi suffiċjenti tan-natura kummerċjali tal-fondazzjonijiet bankarji u s-sistema b'hekk applikabbli għall-fondazzjonijiet kienet turi l-eżistenza ta' konnessjoni kostituzzjonali u funzjonali bejniethom u s-sistema bankarja Taljana. Il-fondazzjonijiet bankarji, konsegwentement, kellhom jiġu suġġetti għar-regoli tat-Trattat relatati ma' l-għajnuna mill-Istat.
103 Il-Kummissjoni ssostni li l-attività ta' detenzjoni u ta' amministrazzjoni ta' patrimonju eżerċitata mill-fondazzjonijiet bankarji ma tinkludix għoti ta' servizzi fuq is-suq. Fir-rigward tal-ġurisprudenza, is-sempliċi investitur li jiġbor dividendi jew l-interessi fuq il-kapital tiegħu ma joffrix la proprjetá u lanqas servizzi fuq is-suq. Għaldaqstant, il-fondazzjonijiet bankarji ma kinux eżerċitaw attività ekonomika. B'hekk huma ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala impriżi, fin-nuqqas ta' interferenza fl-attività tal-kumpannija bankarja kkontrollata.
104 Fir-rigward ta' l-attivitajiet li kkonsistew fi ħlas ta' kontribuzzjonijiet lil korpi mingħajr skop ta' profitt fis-setturi ta' utilità soċjali, attivitajiet eżerċitati mill-fondazzjonijiet, dawn ma kinux jikkorrispondu għal attivitajiet ta' impriża.
105 Fir-rigward ta' attivitajiet finanzjarji, kummerċjali, immobbli u mobbli meħtieġa jew utli għal skopijiet ta' interess pubbliku jew ta' utilità soċjali tal-fondazzjonijiet bankarji, attivitajiet li huma kienu awtorizzati li jsegwu skond l-Artikolu 12 tad-Digriet Nru 356/90, huma kellhom, madankollu, jinkludu aspetti ta' attività ta' impriża intant li huma kienu inkludew l-offerta diretta fuq is-suq ta' proprjetà u ta' servizzi.
106 Bħala konklużjoni, korpi bħall-fondazzjonijiet bankarji ma jikkostitwixxux impriżi skond l-Artikolu 87 KE, sakemm huma ma jkunux offrew direttament proprjetà jew servizzi fuq is-suq fil-kuntest ta' operazzjonijiet meħtieġa jew utli sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom ta' interess pubbliku u ta' utilità soċjali.
b) Ir-Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
107 Skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta' "impriża" jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta' dan il-korp, u l-mezz tiegħu ta' finanzjament (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21, u tas-16 ta' Marzu 2004, AOK Bundesverband et, C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01, Ġabra p. I-2493, punt 46).
108 Kull attività li tikkonsisti li toffri proprjetà jew servizzi fuq is-suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Ġunju 1998, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 36, u tat-12 ta' Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punt 75).
109 L-iktar spiss, l-attività ekonomika hija eżerċitata direttament fuq is-suq.
110 Madankollu, mhuwiex eskluż li dan huwa l-fatt kemm ta' operatur f'kuntatt dirett mas-suq u, indirettament, ta' korp ieħor li jikkontrolla dan l-operatur fil-kuntest ta' unità ekonomika li huma jiffurmaw flimkien.
111 F'dan ir-rigwad, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi detenzjoni ta' ishma, anki ta' kontroll, mhuwiex biżżejjed li jikkaratterizza attività ekonomika tal-korp detentur ta' dawn l-ishma, meta dawn ma jagħtux lok ħlief għall-eżerċizzju ta' drittjiet marbuta mal-kwalità ta' azzjonist jew ta' membru, kif ukoll, jekk ikun il-każ, għall-ġbir ta' dividendi, sempliċi frott ta' proprjetà.
112 Min-naħa l-oħra, korp li jżomm ishma ta' kontroll f'kumpannija, jeżerċita effettivament dan il-kontroll filwaqt li jipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħhom għandu jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti mill-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża kkontrollata.
113 B'hekk hija stess għandha, f'dan ir-rigward, tiġi kkwalifikata bħala impriża skond l-Artikolu 87(1)KE.
114 Fin-nuqqas ta' dan, sempliċi diviżjoni ta' impriża f'żewġ korpi distinti, li waħda minnhom issegwi direttament l-attività ekonomika preċedenti u t-tieni waħda tikkontrolla l-ewwel waħda filwaqt li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tagħha huwa biżżejjed li jċaħħad mil-effetti tagħhom ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan jippermetti lit-tieni korp li jibbenefika minn sussidji jew minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat u li jutilizzahom kollha kemm huma jew parti minnhom favur l-ewwel korp, fl-interess, ukoll, ta' l-unità ekonomika magħmula miż-żewġ korpi.
115 Għandu jiġi kkonstatat li interferenza, fl-amministrazzjoni ta' kumpannija bankarja, ta' korp bħala fondazzjoni bankarja parti mill-kawża prinċipali, tista' tikkonkretizza ruħha fil-kuntest ta' sistema bħala dik li dehret, għall-perijodu kkonċernat, tal-Liġi Nru 218/90 u tad-Digriet Nru 356/90.
116 Fil-fatt, fil-kuntest ta' din is-sistema:
– fondazzjoni bankarja li tikkontrolla l-kapital ta' impriża bankarja, jekk hija ma tistax teżerċita direttament l-attività bankarja, għandha tassigura l-"kontinwità operazzjonali" bejnha stess u l-bank ikkontrollat;
– għal dan il-għan, xi dispożizzjonijiet għandhom jipprevedu li membri tal-kumitat ta' amministrazzjoni jew tal-korp ekwivalenti tal-fondazzjoni bankarji jiġu nnominati għall-kunsill ta' amministrazzjoni u tal-membri tal-korp ta' kontroll għall-kunsill ta' sorveljanza tal-kumpannija bankarja;
– il-kumpannija bankarja għandha tagħti kontribuzzjoni ddeterminata tad-dħul irċevuti li ġejjin minn ishma fil-kumpannija bankarja għal riżerva maħsuba għas-sottoskrizzjoni għal żidiet ta' kapital ta' din il-kumpannija;
– hija tista' tinvesti r-riżerva, b'mod partikolari, f'ishma tal-kumpannija bankarja kkontrollata.
117 Tali regoli jittraduċu missjoni tal-fondazzjonijiet bankarji li jinfirxu lil hinn minn sempliċi investiment ta' kapital minn investitur. Huma jagħmlu possibbli l-eżerċizzju ta' funzjonijiet ta' kontroll, imma wkoll ta' l-impetu u tas-sostenn finanzjarju. Huma juru l-eżistenza ta' rabtiet kostituzzjonali u funzjonali bejn il-fondazzjonijiet bankarji u l-kumpanniji bankarji, li huwa kkonfermat miż-żamma, b'mod partikolari skond dispożizzjoni bħall-Artikolu 14 tad-Digriet Nru 356/90, ta' sorveljanza mill-Ministru tat-Teżor.
118 Għall-finijet ta' kwalifika eventwali bħala "impriża" tal-fondazzjoni bankarji konvenuta prinċipali, hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tikkunsidra jekk din ta' l-aħħar mhux biss kienet iżżomm ishma ta' kontroll f'kumpannija bankarja, imma, minbarra dan, kienet teżerċita effettivament dan il-kontroll filwaqt li tipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħha.
119 Għal dak li jikkonċerna, barra minn hekk, ir-rwol mogħti lill-fondazzjonijiet bankarji mil-leġiżlatur nazzjonali fl-oqsma ta' interess pubbliku u ta' utilità soċjali, għandu jiġi sseparat is-sempliċi ħlas ta' kontribuzzjonijiet lil korpi mingħajr skop ta' profitt l-attività eżerċitata direttament f'dawn l-oqsma.
120 Kwalifika tal-fondazzjoni bankarja bħala "impriża" tidher li teskludi attività li tillimita ruħha għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet lil korpi bla skop ta' profitt.
121 Fil-fatt, kif ukoll tosserva l-Kummissjoni, din l-attività għandha natura esklużivament soċjali u mhijiex eżerċitata fuq suq f'kompetizzjoni ma' operaturi oħra. Skond din l-attività, fondazzjoni bankarja taġixxi bħala organizzazzjoni karitatevoli u mhux bħala impriża.
122 Min-naħa l-oħra, meta fondazzjoni bankarja, fir-rigward tagħha stess, fl-oqsma ta' interess pubbliku u ta' utilità soċjali, tuża l-awtorizzazzjoni li ġiet mogħtija lilha mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex timplementa operazzjonijiet finanzjarji, kummerċjali, immobbli u mobbli meħtieġa jew xierqa għat-twettiq ta' l-għanijiet li ġew iffissati għaliha, din tista' toffri proprjetà jew servizzi fuq is-suq f'kompetizzjoni ma' operaturi oħra, per eżempju fl-oqsma bħar-riċerka xjentifika, l-edukazzjoni, l-arti jew is-saħħa.
123 F'din l-ipoteżi, suġġetta għall-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, il-fondazzjoni bankarja għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża, minħabba li hija teżerċita attività ekonomika, minkejja ċ-ċirkustanza li l-offerta ta' proprjetà jew ta' servizzi ssir bla skop ta' profitt, peress illi din l-offerta tinsab f'kompetizzjoni ma' dik ta' operaturi li jsegwu tali għan.
124 Meta l-kwalifika ta' impriża hija miżmuma, minħabba l-kontroll ta' kumpannija bankarja u minħabba l-interferenza fl-amministrazzjoni tagħha jew minħabba attività f'dan il-qasam, b'mod partikolari, soċjali, xjentifiku jew kulturali, fondazzjoni bankarja bħala dik fil-kawża prinċipali għandha, konsegwentement, tapplika regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat.
125 B'hekk għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domandi li persuna ġuridka bħall-fondazzjoni bankarja fil-kawża prinċipali tista', skond it-termini ta' eżami li huwa responsabbiltà tal-qorti nazzjonali fil-kunsiderazzjoni tas-sistema applikabbli għaż-żmien ikkonċernat, tiġi kkwalifikata bħala "impriża" skond l-Artikolu 87(1) KE u, bħala tali, tkun suġġetta matul dan iż-żmien għar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat.
2. Fuq it-tielet domanda, rigward il-kunċett ta' "għajnuna mill-Istat" skond l-Artikolu 87(1) KE
a) Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
126 Il-konvenuti prinċipali jikkunsidraw li miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 ma tikkostitwxxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE. Hija ma tippreżentax natura ta' għażla. Fil-fatt, hija tista' tibbenefika mingħajr distinzjoni fil-korpi mhux kummerċjali kollha li jippreżentaw karatteristiċi previsti fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/45. Hija tikkorrispondi għal miżura ġenerali. Hija ma tidderogax għas-sistema fiskali ġenerali. Il-karatteristiċi specifiċi tal-korpi mhux kummerċjali kienu jiġġustifikaw, għal raġunijiet marbuta mal-koerenza interna tas-sistemi differenti, l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjonijiet settorjali riżervati għal dan it-tip ta' korp.
127 Skond il-Gvern Taljan, jekk il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li l-fondazzjoni bankarja konvenuta prinċipali għandha tibbenefika minn eżenzjoni tat-tnaqqis previst fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62, flimkien mat-tnaqqis ta' nofs it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi, previst fl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 601/73, id-dispożittiv fiskali in kwistjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-impriża kienet tinsab f'sitwazzjoni kompetittiva privileġġjata fir-rigward ta' l-impriżi l-oħra li joperaw fuq is-suq ta' referenza. Tnaqqis ta' nofs it-taxxa dovuta kienet tippermetti lill-fondazzjonijiet bankarji li jibbenefikaw minn kreditu ta' taxxa fir-rigward ta' l-Istat, fejn l-azzjonist ta' kumpannija għandu d-dritt li jnaqqas it-taxxa mħallsa f'ammont mill-kumpannija li tagħha huwa azzjonist, taxxa li tkun aktar minn dik li għandu jħallas wara dak it-tnaqqis.
128 Il-Qorti tosserva li eżenzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 tista' tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat. Il-vantaġġ fiskali kien iffinanzjat mill-Istat. Huwa kien selettiv, kif kien miftiehem fil-funzjoni tal-forma leġiżlattiva ta' l-impriża u ta' l-attività tagħha f'ċerti setturi, u, maħsuba li tiffavorixxi korpi kkunsidrati bħala soċjaliment li ħaqqhom, ma jistax jiġi ġġustifikat minħabba n-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema li fiha huma jinsabu. Fir-rigward ta' l-eżistenza ta' inċidenza fuq l-iskambji u ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija kellha tiġi kkunsdirata f'kull każ mill-qorti nazzjonali.
b) Ir-Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
129 Għall-finijiet tar-risposta għat-tielet domanda mressqa, għandhom jingħataw lill-qorti tar-rinviju elementi ta' interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet li permezz tagħhom l-Artikolu 87(1) KE jissuġġetta n-natura ta' miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, jiġifieri: i) il-finanzjament ta' din il-miżura mill-Istat jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat, ii) is-selettività ta' din il-miżura, kif ukoll (iii) l-assenjazzjoni ta' l-iskambji bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jirriżulta minnha.
i) Fuq il-kundizzjoni ta' finanzjament tal-miżura mill-Istat jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat.
130 L-Artikolu 87(1) KE jgħid: "kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat".
131 Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta' għajnuna huwa aktar ġenerali minn dak ta' sussidju, minħabba li jinkludi mhux biss is-servizzi pożittivi, bħala ma huma s-sussidji stess, imma wkoll interventi li, taħt forom diversi, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jaqgħu fuq l-estimi ta' impriża u li, b'hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma ta' l-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I-8365, punt 38; tal-15 ta' Lulju 2004, Spanja vs il-Kummissjoni, C-501/00, Ġabra p. I-6717, punt 90, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq, u tal-15 ta' Diċembru 2005, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-66/02, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 77).
132 Jirriżulta li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, għalkemm ma tinkludix trasferiment ta' riżorsi ta' l-Istati, tqiegħed il-benefiċjarji f'sitwazzjoni finanzjarja aktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE. Bl-istess mod, tista' tikkostitwixxi għajnuna lill-Istat miżura mogħtija lil ċerti impriżi ta' tnaqqis ta' taxxa jew differiment tal-pagament tat-taxxa normalment dovuta (sentenza l-Italja vs il-Kummissjoni, ċċitata iktar 'il fuq, punt 78).
133 B'hekk għandu jiġi kkonstatat li, tkun xi tkun ir-risposta li tingħata mill-qorti tar-rinviju għall-kwistjoni, li għadha qed tiġi diskussa, jiġifieri jekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 tikkonċernax tnaqqis fuq ħlas bil-quddiem fuq taxxa jew differiment ta' tnaqqis ta' taxxa miżmuma, miżura nazzjonali tkun xi tkun, skond il-każ, ikkunsidrata bħala applikabbli jekk taqa taħt finanzjament statali.
ii) Fuq il-kundizzjoni ta' selettività tal-miżura
134 L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna li "tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi", jiġifieri l-għajnuniet selettivi.
135 Miżura bħal dik fil-kawża prinċipali ma tapplikax għall-operaturi ekonomiċi kollha. Hija b'hekk tista' tiġi kkunsidrata bħala miżura ġenerali ta' politika fiskali jew ekonomika (sentenzi l-Italja vs il-Kummissjoni, ċċitata iktar 'il fuq, punt 99, u tal-15 ta' Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C-145/04, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 49).
136 Kif il-Kummissjoni enfasizzat ġustament, il-vantaġġ fiskali kkonċernat jingħata in kunsiderazzjoni tal-forma legali ta' l-impriża, persuna ġuridika ta' dritt pubbliku jew fondazzjoni, u setturi li fihom din l-impriża teżerċita l-attività tagħha.
137 Huwa jidderoga mis-sistema fiskali ta' liġi komuni mingħajr ma jkun iġġustifikat min-natura jew l-ekonomija tas-sistema fiskali li permezz tagħha huwa integra ruħu. Id-deroga mhijiex ibbażata fuq il-loġika tal-miżura jew it-teknika ta' impożizzjoni, imma tirriżulta mill-għan tal-leġiżlatur nazzjonali li jiffavorixxi finanzjarjament dawk il-korpi li soċjalment huma kkunsidrati li ħaqqhom dan.
138 Tali vantaġġ b'hekk huwa selettiv.
iii) Fuq il-kundizzjonijiet ta' assenjament ta' skambji bejn Stati Membri u fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni
139 L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuniet li jaffettwaw l-iskambji bejn l-Istati Membri, li jwassal għal distorsjoni jew jhedded li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.
140 Għall-finijiet tal-kwalifika ta' miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, għandu jkun hemm lok mhux li tiġi stabbilita inċidenza reali ta' l-għajnuna fuq l-iskambji bejn Stati Membru u d-distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, imma li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna tistax taffettwa dawn l-iskambji u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 44, u sentenzi ċċitati iktar 'il fuq tal-15 ta' Diċembru 2005, l-Italja vs il-Kummissjoni, punt 111, u Unicredito Italiano, punt 54).
141 B'mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħah il-pożizzjoni ta' impriża fir-rigward ta' impriżi kompetituri oħra fl-iskambji intrakomunitarji, dawn ta' l-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala influwenzati mill-għajnuna (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq tal-15 ta' Diċembru 2005, l-Italja vs il-Kummissjoni, punt 115, u Unicredito Italiano, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq).
142 F'dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li settur ekonomiku kien is-suġġett ta' liberalizzazzjoni fl-livell Komunitarju hija ta' natura li tikkaratterizza inċidenza reali jew potenzjali ta' l-għajnuniet fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll fuq l-effett tagħhom fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tat-13 ta' Frar 2003, Spanja vs il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 75, u s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, tal-15 ta' Diċembru 2005, l-Italja vs il-Kummissjoni, punt 116, u Unicredito Italiano, punt 57).
143 Barra minn hekk, mhuwiex neċessarju li l-impriża benefiċjarja tipparteċipa hija stess għall-skambji intrakomunitarji. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista' ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, flimkien ma' din il-konsegwenza li l-possibilitajiet ta' l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta' dan l-Istat Membru jkunu tnaqqsu. Minbarra dan, rinforz ta' impriża li, sa dak iż-żmien, ma pparteċipatx għal skambji intrakomunitarji tista' ssib ruħha f'sitwazzjoni li tippermettilha li tippenetra s-suq ta' Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq tal-15 ta' Diċembru 2005, l-Italja vs il-Kummissjoni, punt 117, u Unicredito Italiano, punt 58).
144 Fil-kawża prinċipali, hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tikkunsidra fil-fatt, fid-dawl ta' l-elementi ta' interpretazzjoni li jippreċedu, jekk iż-żewġ kundizzjonijiet eżaminati humiex sodisfatti.
145 Bla ħsara għal din l-evalwazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li:
– is-settur tas-servizzi finanzjarji kien is-suġġett ta' proċess importanti ta' liberalizzazzjoni fil-livell Komunitarju, li enfasizza l-kompetiżżjoni li setgħet diġa tirriżulta mill-moviment liberu tal-kapital previst mit-Trattat (sentenzi ċċitati tal-15 ta' Diċembru 2005, l-Italja vs il-Kummissjoni, punt 119, u Unicredito Italiano, punt 60);
– vantaġġ fiskali bħal dak fil-kawża prinċipali jista' jsaħħah, skond it-termini ta' finanzjament u/jew ta' fondi, il-pożizzjoni ta' l-unità ekonomika, attiva fis-settur bankarju, ikkostitwita mill-fondazzjoni bankarja u l-kumpannija bankarja;
– jista' wkoll isaħħah il-pożizzjoni tal-fondazzjoni bankarja f'attività eżerċitata, b'mod partikolari, fil-qasam soċjali, xjentifiku jew kulturali.
146 Fil-kunsiderazzjoni ta' l-elementi kollha li jippreċedu, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda mressqa fis-sens li eżenzjoni ta' tnaqqis fuq id-dividendi bħal fil-kawża prinċipali, tista', skond eżami li hija r-responabbilità ta' qorti nazzjonali, tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.
3. Fuq il-ħames domanda, dwar il-kunċetti ta' "restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment" u ta' "restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital" skond l-Artikoli 43 KE u 56 KE.
a) Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
147 Il-konvenuti prinċipali jikkontestaw l-eżistenza, evokata mill-ħames domanda, ta' ostaklu għal-libertà ta' l-istabbiliment jew għall-moviment liberu tal-kapital favur kumpanniji bankarji. Skond dawn, eżenzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 10 bis tal-Liġi Nru 1745/62 ma tagħtix vantaġġ lil dawn il-kumpanniji, li huma sempliċement inkarigati mill-irkupru tat-taxxa dovuta mill-impriżi li jiġbru d-dħul. Dawn il-kumpanniji ma jieħdu ebda vantaġġ mill-eżenzjoni tat-tnaqqis fuq il-benefiċċji ddistribwiti.
148 Il-Gvern Taljan isostni li, għar-raġuni tal-vantaġġ fiskali fil-kawża prinċpiali, il-kumpannija li fiha fondazzjoni bankarja żżomm l-ishma tista' tibbenefika minn investimenti aktar għolja minn tagħhom, li jista' jwassal għal ksur tal-libertà ta' stabbiliment jew ksur tal-moviment liberu tal-kapital suxxettibbli li joħloq distorsjonijiet fuq is-suq ikkonċernat.
149 Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-vantaġġ fiskali ma jibbenefikax lill-kumpannija bankarja, imma lill-fondazzjoni bankarja.
b) Ir-Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
150 Filwaqt li kkunsidrat ir-risposti mogħtija għall-ewwel tliet domandi fil-kunsiderazzjoni tal-fatti ġuridiċi u fattwali tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li mhemmx lok li tiġi eżaminata l-ħames domanda, tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-qorti tal-rinviju li tintervjeni rigward il-kwalifika tal-vantaġġ fiskali in kwistjoni fir-rigward tar-regoli Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat.
151 Fil-fatt, jekk il-qorti tar-rinviju tikkwalifika l-vantaġġ fiskali bħala għajnuna mill-Istat, dan il-vantaġġ għandu jitneħħa, b'tali mod li ma jkun hemm ebda differenza ta' trattament li jista' jiġi analizzat fir-rigward ta' l-Artikoli 43 KE u 56 KE.
152 Jekk, bil-kontra, hija tiċħad il-kwalifika ta' għajnuna mill-Istat, il-kwistjoni ta' l-eżistenza ta' restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment jew għall-moviment liberu tal-kapital ma jagħti ebda vantaġġ.
Fuq l-ispejjeż
153 Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqa' u tiddeċiedi:
1) Persuna ġuridika bħal dik fil-kawża prinċipali tista', skond it-termini ta' eżami li huwa responsabbiltà tal-qorti nazzjonali fil-kunsiderazzjoni tas-sistema applikabbli għaż-żmien ikkonċernat, tiġi kkwalifikata bħala "impriża" skond l-Artikolu 87(1) KE u, bħala tali, tkun suġġetta matul dan iż-żmien għar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat.
2) Eżenzjoni ta' tnaqqis fuq id-dividendi, bħal fil-kawża prinċipali, tista', skond eżami li hija r-responabbilità ta' qorti nazzjonali, tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.