Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Avviż Legali Importanti

|

62004J0249



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-249/04

li għandha bħala suġġett, it-talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill- Cour du travail de Liège , section de Neufchâteau (il-Belġju), permezz ta' Deċiżjoni tad-9 ta' Ġunju 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta' Ġunju 2004, fil-proċedura

José Allard

vs

Institut national d'assurances sociales pour travailleurs indépendants (INASTI),

IL-QORTI (il-Ħames Awla),

magħmula minn R. Silva de Lapuerta, President ta' Awla, P. Kris u J. Kluka (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

- għall-Institut national d'assurances sociales pour les travailleurs indépendants (INASTI), minn L. Paeme, bħala amministratur ġenerali,

- għall-Gvern Belġjan, E. Dominkovits, bħala aġent,

- għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li ddeċidiet, hekk kif semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tgħaddi għas-sentenza mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 13 et seq. tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom, u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta' Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71"), kif ukoll l-Artikoli 48 u 52 tat-Trattat KE (li wara emendi saru l-Artikoli 39 KE u 43 KE).

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża quddiem il- cour du travail de Liège, section de Neufchâteau , bejn J. Allard u l-Institut national d'assurances pour travailleurs indépendants (iktar 'il quddiem "Inasti") dwar il-pagament u l-metodu ta' kalkolu ta' "tnaqqis ta' moderazzjoni", dovuta għas-sena 1985, skond id-digriet reali Nru 289, tal-31 ta' Marzu 1984 ( Moniteur belge tas-7 ta' April 1984, p. 4370, minn hawn 'il quddiem "id-digriet reali").

Il-Kuntest Ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jipprovdi:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 c, il-ħaddiem li għalih japplika dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal-leġislazzjoni ta' Stat Membru wieħed biss. [...]"

4. L-Artikolu 14 a, it-tieni punt, ta' dan ir-Regolament jippreċiża:

"il-persuna li normalment teżerċita attività għal rasha fit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew aktar hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru tat-territorju ta' fejn hija tirrisjedi, jekk hija teżerċità parti mill-attività tagħha fit-territorju ta' dan l-Istat Membru. [...]"

5. L-Artikolu 14 d (1), ta' l-istess Regolament jipprovdi:

"Il-persuna kkontemplata [...] fl-Artikolu 14 a , (2) (3) u (4) [...] titqies, għall-fini ta' l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni speċifika konformement ma' [din id-dispożizzjoni], bħalkieku hija teżerċita l-attività professjonali kollha tagħha fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat".

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6. L-ewwel Artikolu tal-liġi Belġjana, tas-6 ta' Lulju 1983 ( Moniteur belge tat-8 ta' Lulju 1983, p. 8939), tagħti ċerti setgħat speċjali lir-Re, tawtorizzaħ jieħu l-miżuri kollha utli sabiex jiġi assigurat l-ekwilibriju finanzjarju ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali ta' persuni impjegati u ta' persuni li jaħdmu għal rashom.

7. Bl-applikazzjoni ta' din l-aħħar dispożizzjoni, id-digriet reali li daħħlet ċerti miżuri temporanji dwar it-tnaqqis fid-dħul tal-persuni li jaħdmu għal rashom in vista tat-tnaqqis ta' piżijiet pubbliċi u ta' l-ekwilibriju finanzjarju ta' l-istat soċjali tal-persuni li jaħdmu għal rashom, daħħlet "kontribuzzjoni ta' tnaqqis", li hija tariffa professjonali supplementari, imposta fuq dawk il-ħaddiema li d-dħul tagħhom mill-professjoni tas-snin 1984, 1985 u 1986 kien għola minn dak tas-sena 1983.

8. Bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-digriet reali, l-Inasti kienet responsabbli biex tikkalkola u tiġbor din il-kontribuzzjoni.

9. Minn barra dan, l-Artikolu 11 tal-liġi ta' rkupru, tat-22 ta' Jannar 1985 ( Moniteur belge ta' l - 24 ta' Jannar 1985, p. 699), li għandu dispożizzjonijiet ta' natura soċjali, jipprovdi d-dħul mill-kontribuzzjonijiet miġbura fl-applikazzjoni tad-digriet reali huwa allokat għall-iskema tal-pensjonijiet ta' l-irtirar u ta' superstiti tal-persuni li jaħdmu għal rashom.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10. J. Allard huwa ċittadin Belġjan, residenti fil-Belġju u jeżerċita, fl-istess waqt, attivitajiet għal rasu fil-Belġju u fi Franza. L-Inasti talbitu jħallas il-kontribuzzjoni ta' tnaqqis għas-snin 1984 u 1985.

11. Peress li J. Allard irrifjuta li jħallas dik il-kontribuzzjoni, l-Inasti ppreżentat kawża quddiem it- tribunal du travail d'Arlon , li fil-5 ta' Diċembru 2000, ikkundannat lil-J. Allard iħallas l-imsemmija kontribuzzjoni.

12. Għalhekk, J. Allard appella quddiem il-Qorti tar-rinviju. Skond hu, l-Inasti żbaljatament ħadet in kunsiderazzjoni d-dħul tiegħu fi franza sabiex tikkalkola l-ammont tal-kontribuzzjoni għas-sena 1985. Għalhekk, J. Allard talab it-tnaqqis ta' dan l-ammont.

13. Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l- cour du travail de Liège, section de Neufchâteau ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti:

"1) L-Artikoli 13 et seq. tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 [...] jimpedixxu kontribuzzjoni - bħall-kontribuzzjoni ta' tnaqqis dovuta skond [...] [id-digriet reali] - milli tiġi kkalkulata billi jiġi inkluż fid-dħul professionali, d-dħul ta' persuna li taħdem għal rasha li jkun daħal mit-twettiq ta' attività professjonali fit-territorju ta' Stat Membru differenti mill-Istat li jimponi l-kontribuzzjoni, f'ċirkustanzi fejn wara l-pagament tal-kontribuzzjoni, il-persuna li taħdem għal rasha ma tistgħax tippretendi li tibbenefika minn kwalunkwe għajnuna soċjali jew benefiċċju ieħor a spejjeż ta' dan l-Istat Membru?

2) It-Trattat ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 1957, li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 39 u 43 tat-Trattat (qabel l-Artikoli 48 u 52) jimpedixxu kontribuzzjoni kkalkulata fuq dik il-bażi milli tiġi imposta fuq persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu?"

Dwar l-ewwel domanda

14. Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi lill-Qorti jekk l-Artikoli 13 et seq. tar-Regolament Nru 1408/71 jimpedixxux il-ġbir, fi Stat Membru, ta' kontribuzzjoni bħall-"kontribuzzjoni ta' tnaqqis" fuq id-dħul kollu ta' persuna li taħdem għal rasha li hija residenti fit-territorju ta' dan l-Istat, iżda li teżerċita attivitajiet professjonali għal rasha, fl-istess waqt, kemm fit-territorju ta' l-Istat fejn għandha r-residenza kif ukoll f'dak ta' Stat Membru ieħor.

15. Jirriżulta kemm mill-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-mod ta' kif ġiet magħmula l-ewwel domanda, li l-Qorti tar-rinviju wriet dubji dwar l-applikabilità tar-Regolament Nru 1408/71 għal kontribuzzjoni fejn il-ħlas tagħha ma jagħti lok bħala korrispettiv għal ebda dritt għal xi benefiċċju soċjali jew ta' tip ieħor. Fil-fatt, hija tqis li l-kontribuzzjoni ta' tnaqqis hija aktar "tip ta' taxxa għal kriżi" milli kontribuzzjoni soċjali li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, kif definit fl-Artikolu 4 tiegħu.

16. Hemm lok li wieħed jiftakar li l-Qorti diġà ddeċidiet li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, il-kriterju determinanti huwa dak ta' l-allokazzjoni speċifika għall-finanzjament ta' skema ta' sigurtà soċjali ta' Stat Membru. L-eżistenza jew l-assenza ta' korrispettiv għal dak li jirrigwarda l-benefiċċji huwa għalhekk irrilevanti f'dan ir-rigward (sentenzi tal-15 ta' Frar 2000, il-Kummissjoni vs Franza, C-34/98, Ġabra p. I-995, punt 40, u l- Kummissjoni vs Franza, C-169/98, Ġabra p. I-1049, punt 38).

17. F'dan il-każ, ma ġiex ikkontestat li d-dħul mill-kontribuzzjoni ta' tnaqqis huwa allokat għall-iskema ta' pensjoni ta' irtirar u għas-superstiti tal-persuni li jaħdmu għal rashom.

18. Isegwi li r-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli għall-kontribuzzjoni bħalma hi l-kontribuzzjoni ta' tnaqiss.

19. Kif diġà deċiż mill-Qorti, jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li, bla ħsara għall-Artikolu 14 c tiegħu, il-persuna li taħdem għal rasha li għaliha japplika r-Regolament hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru wieħed biss. Jirriżulta wkoll b'mod ċar mill-kliem użat fit-tieni punt ta' l-Artikolu 14 a, li, fejn persuna normalment teżerċità attività għal rasha fit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew aktar, hija sottomessa għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru tat-territorju ta' fejn tirrisjedi, jekk hija teżerċità parti mill-attività tagħha fit-territorju ta' dan l-Istat Membru (ara l-ordni ta' l-20 ta' Ottubru 2000, Vogler, C-242/99, Ġabra. p. I9083, punt 19).

20. Jirriżulta wkoll f'dan il-każ, li J. Allard huwa, skond ir-Regolament Nru 1408/71, esklussivament suġġett għall-iskema ta' sigurtà soċjali institwita mil-liġi Belġjana (ara, b'analoġija, l-ordni Vogler, ċitata aktar 'il fuq, punt 20).

21. Minn barra dan, l-Artikolu 14 d, (1), tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża li l-persuna kkontemplata fit-tieni punt ta' l-Artikolu 14 a, ta' l-imsemmi Regolament titqies bħalkieku hija teżerċita l-attività jew l-attivitajiet professjonali kollha tagħha fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat (ara, b'analoġija, is-sentenza ta' l-24 ta' Marzu 1994, Van Poucke, C-71/93, Ġabra p. I-1101, punt 24).

22. B'konsegwenza ta' dan, persuna li tinsab fis-sitwazzjoni deskritta fid-deċiżjoni għar-rinviju u li teżerċita simultanjament attivitajiet għal rasħa fil-Belġju u fi Franza għandha tiġi suġġetta, fir-rigward ta' din l-aħħar imsemmija attività, għal-liġi Belġjana li tikkorrispondi għall-istess kundizzjonijiet bħalkieku eżerċitat din l-attività għal rasha fil-Belġju (ara, b'analoġija, is-sentenza Van Poucke, ċitata, punt 25).

23. Isegwi li kontribuzzjoni soċjali bħalma hija l-kontribuzzjoni ta' tnaqqis dovuta fil-Belġju minn J. Allard għandha tiġi kkalkulata billi wieħed jieħu in konsiderazzjoni d-dħul riċevut fi Franza.

24. Għalhekk hemm lok sabiex it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 13 et seq. tar-Regolament Nru 1408/71 jeżiġu li kontribuzzjoni bħalma hija l-kontribuzzjoni ta' tnaqqis trid tiġi stabbilita billi jiġi inkluż fid-dħul professjonali, dak id-dħul li jkun sar fit-territorju ta' Stat Membru differenti mill-Istat li l-leġiżlazzjoni soċjali tiegħu hija applikabbli, filwaqt li in segwitu tal-ħlas ta' din il-kontribuzzjoni, il-persuna li taħdem għal rasha ma tistgħax tippretendi li tibbenefika minn kwalunkwe benefiċċju soċjali jew minn benefiċċju ta' tip ieħor a spejjeż ta' dan l-Istat.

Fuq it-tieni domanda

25. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti, jekk l-Artikoli 48 u 52 tat-Trattat jimpedixxux li kontribuzzjoni soċjali bħalma hija l-kontribuzzjoni ta' tnaqqis, tkun imposta fuq persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu.

26. Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rilevat li l-Artikolu 48 tat-Trattat, li jirreferi għal ħaddiema impjegati, mhux applikabbli f'dan il-każ, safejn J. Allard huwa persuna li taħdem għal rasha. Konsegwentement, il-Qorti jidrilha li għandha tiddeċidi biss dwar il-parti tad-domanda li tikkonċerna l-Artikolu 52 tat-Trattat.

27. Jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71 jeħtieġu li d-dħul li jkun sar fi Stat Membru ieħor għandu jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta' tnaqqis dovuta minn persuni li jaħdmu għal rashom li jinsabu fl-istess sitwazzjoni ta' J. Allard.

28. L-ewwel nett wieħed għandu jfakkar li l-Qorti diġà iddeċidiet, min-naħa l-waħda, li għal dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà soċjali, il-prinċipju li jkun hemm leġiżlazzjoni waħda biss applikabbli għandu l-għan li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta' numru ta' liġijiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li l-konnessjoni ta' ħaddiem mal-liġi ta' l-Istat tar-residenza tiegħu, f' każ li jeżerċita attività jew numru ta' attivitajiet għal rasu fit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew aktar, mhux irraġonevoli (ara l-ordni Vogler, ċitata aktar 'il fuq, punti 26 u 27).

29. It-tieni nett, hemm lok li wieħhed jgħid li, skond l-Artikolu 52 tat-Trattat, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor huma pprojbiti u li l-libertà ta' stabbiliment tinkludi l-aċċess għall-attivitajiet li persuna tista' tagħmel għal rasha u l-eżerċizzju tagħhom, taħt il-kundizzjonijiet definiti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta' stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess.

30. Fl-aħħar, skond ġurisprudenza kostanti, bħala prinċipju huma pprojbiti mit-Trattat, bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment, il-miżuri nazzjonali li huma suxxettibbli li jiġġeneraw jew li jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I1663, punt 32, u tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I4165, punt 37).

31. Huwa kostanti li, billi jissuġġetta għal-leġiżlazzjoni soċjali waħda, fir-rigward tat-totalità tad-dħul kollu tagħhom, il-persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw attività professjonali għal rashom f'numru ta' Stati Membri, ir-Regolament Nru 1408/71 għandu iħaddan għan ġenerali, li huwa li jiġi garantit il-moviment liberu ta' ħaddiema impjegati u ta' persuni li jaħdmu għal rashom fil-Komunità, u dan kollu b'mod li jiġu rispettati l-karatteristiċi propji ta' leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, u b'intiża li jiġi ggarantit, bl-aħjar mod, it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru filwaqt li ma jiġux penalizzati ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tat-8 ta' Marzu 2001, il-Kummissjoni vs Ġermanja, C-68/99, Ġabra p. I1865, punti 22 u 23).

32. Isegwi li l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 13 et seq. tar-Regolament Nru 1408/71 mhix, fil-każ preżenti, suxxettibbli li tiġġenera jew li tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, iżda għall-kuntrarju tikkontribwixxi, sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta' dawn ta' l-aħħar.

33. Konsegwentement, il-miżuri nazzjonali li jdaħħlu fis-seħħ dawn id-dispożizzjonijiet, billi jinkludu d-dħul li jkun sar fi Stat Membru ieħor meta jikkalkolaw il-kontribuzzjoni ta' tnaqqis dovuta mill-persuni li jaħdmu għal rashom li jinsabu fis-sitwazzjoni ta' J. Allard, ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment.

34. Għalhekk, huwa xieraq li tingħata risposta lill-Qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 52 tat-Trattat ma jimpedixxix li kontribuzzjoni, bħalma hi l-kontribuzzjoni ta' tnaqqis, dovuta fl-Istat Membru ta' residenza u kkalkolata billi jiġi inkluż dħul li jkun sar fi Stat Membru ieħor, tiġi imposta fuq persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw attivitajiet professjonali għal rashom f'dawn iż-żewġ Stati Membri.

Fuq l-ispejjeż

35. Peress illi dawn il-proċedimenti huma, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, riżultat ta' kwistjoni li tqajmet quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż għall-preżentata ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti (il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1) L-Artikoli 13 et seq. tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impiegati, persuni li jaħdmu għal rashom, u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta' Ġunju 1983, jeżiġu li kontribuzzjoni - bħalma hija l-kontribuzzjoni ta' tnaqqis dovuta minħabba d-digriet reali Nru 289, tal-31 ta' Marzu 1984, - tkun stabbilita billi tinkludi mad-dħul professionali, id-dħul li jkun sar fit-territorju ta' Stat Membru differenti mill-Istat li l-leġiżlazzjoni soċjali tiegħu hija applikabbli filwaqt li in segwitu tal-ħlas ta' din il-kontribuzzjoni, il-persuna li taħdem għal rasha ma tistgħax tippretendi benefiċċju soċjali jew minn benefiċċju ta' tip ieħor a spejjeż ta' dan l-Istat.

2) L-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 43 KE) ma jimpedixxix li kontribuzzjoni bħalma hi l-kontribuzzjoni ta' tnaqqis, dovuta fl-Istat Membru ta' residenza u kkalkolata billi jiġi inkluż dħul li jkun sar fi Stat Membru ieħor, tiġi imposta fuq persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw attivitajiet professjonali għal rashom f'dawn iż-żewġ Stati Membri.