Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

19 ta' Jannar 2006 (*)

"Tassazzjoni diretta – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dividendi – Fidi ta' ishma – Tnaqqis ta' spejjeż ta' akkwist ta' ishma – Trattament differenti ta' persuni residenti u persuni mhux residenti – Ftehim dwar eżenzjoni mill-ħlas tat- taxxa doppja"

Fil-kawża C-265/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Kammarrätten i Sundsvall (l-Iżvezja), permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Ġunju 2004, fil-proċedura

Margaretha Bouanich

vs

Skatteverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr, A. Borg Barthet u U. Lõhmus (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sinjura Bouanich, minn J. Grönlund, skattejurist,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u L. Ström van Lier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE, 48 KE, 56 KE u 58 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura Bouanich, ċittadina Franċiża u azzjonista f' public limited company Żvediża, Förvaltnings AB Ratos (iktar 'il quddiem "Ratos") u l-iSkatteverket (amministrazzjoni tat-taxxa Żvediża) fuq ir-rifjut ta' din ta' l-aħħar li tħallasha lura t-taxxa kollha mħallsa għall-fidi ta' l-ishma tagħha minn din il-kumpannija fil-kuntest ta' tnaqqis tal-kapital azzjonarju.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

 Il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi

3       Il-leġiżlazzjoni Żvediża tagħmel distinzjoni bejn ix-xerrejja residenti u mhux residenti f'dak li jirrigwarda l-impożizzjoni ta' ħlasijiet lill-azzjonist fil-fidi ta' ishma sabiex dawn jiġu annullati. Fil-każ ta' l-azzjonisti residenti, il-fidi ta' l-ishma hija intaxxata bħala żjieda fil-valur tal-kapital bi dritt għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' l-akkwist ta' l-ishma mifdija. Il-bilanċ huwa intaxxat bir-rata ta' 30%. Madankollu, għall-azzjonisti mhux residenti fl-Iżvezja, il-fidi huwa kkunsidrat bħala distribuzzjoni ta' dividendi li ma jagħtix lok għad-dritt ta' tnaqqis.

4       Is-sistema ta' tqassim ta' dividendi hija prevista mil-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi [lag (1970:624) om kupongskatt, iktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-1970"] li hija biss applikabbli għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li mhumiex residenti fl-Iżvezja jew li m'għandhomx residenza permanenti hemmhekk (iktar 'il quddiem l-"azzjonisti mhux residenti").

5       L-Artikolu 1 tal-liġi ta' l-1970 jipprovdi li t-taxxa trid titħallas lill-Istat, għal kull tqassim ta' dividendi magħmula minn kumpannija Żvediża. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 ta' din il-liġi jippreċiża li "tqassim" jinkludi kull ħlas lil azzjonist, b'mod partikolari fil-każ ta' tnaqqis tal-kapital azzjonarju.

6       L-Artikolu 5 ta' l-istess liġi jistabbilixxi li t-taxxa fuq id-dividendi, hija ta' 30% li ta' spiss hija mnaqqsa skond il-Ftehim dwar eżenzjoni mill-ħlas ta' taxxa doppja. Fil-każ fejn it-taxxa ġiet mħallsa b'rata għola minn dik prevista min tali Ftehim bħal dan, l-Artikolu 27 tal-liġi ta' l-1970 tipprovdi għal dritt ta' ħlas lura.

7       L-imsemmija liġi ma tawtorizzax it-tnaqqis ta' l-akkwist ta' l-azzjonijiet mifdija. Azzjonist li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-istess liġi huwa għalhekk suġġett għal ħlas ta' 30% fuq it-total tas-somma li jirċievi għall-fidi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar eżenzjoni mill-ħlas ta' taxxa doppja fis-seħħ jistgħu jwasslu għal soluzzjoni oħra.

 Il-Ftehim Franko-Żvediż dwar eżenzjoni mill-ħlas ta' taxxa doppja

8       Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Renju ta' l-Iżvezja intiż sabiex jevita t-taxxa doppja u jipprevjeni l-evażjoni fiskali fir-rigward ta' taxxi fuq id-dħul u fuq il-ġid ġie iffirmat fis-27 ta' Novembru 1990 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 1992 (iktar 'il quddiem il-"Ftehim Franko-Żvediż").

9       L-Artikolu 10(1) ta' dan il-Ftehim jipprovdi li:

"Dividendi mħallsa minn kumpannija li tkun residenti ta' Stat kontraenti lil residenti ta' l-Istat Kontraenti l-ieħor jistgħu jiġu intaxxati f'dak l-Istat l-ieħor."

10     Skond l-Artikolu 10(2) tal-Ftehim:

"Dawn id-dividenti jistgħu jiġu intaxxati wkoll fl-Istat Kontraenti fejn il-kumpannija li tħallas id-dividenti hija residenti u skond il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat, iżda jekk il-persuna li tirċievi d-dividendi jkun is-sid benefiċċjarju effettiv tad-dividendi, it-taxxa hekk imposta m'għandhiex tkun iżjed minn 15% ta' l-ammont gross tad-dividendi."

11     Skond l-Artikolu 10(5) tal-Ftehim Franko-Żvediż, il-kelma "dividendi" kif użata f'dan l-Artikolu tfisser, inter alia, id-dħul li ġej minn ishma kif ukoll id-dħul li jingħata l-istess trattament fit-taxxa bħalma jingħata d-dħul minn ishma taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, fl-Istat Kontraenti fejn il-kumpannija li tkun qiegħda tagħmel it-tqassim tkun residenti.

12     Mill-Artikolu 13(6) ta' l-istess Ftehim jirriżulta li qligħ kapitali li ġej mit-trasferiment ta' ishma bħal dawk ikkonċernati fil-kawża prinċipali huma biss taxxabbli fl-Istat Kontraenti fejn min qed jagħmel it-trasferiment huwa residenti.

13     L-istess Ftehim huwa bbażat fuq il-Mudell ta' Konvenzjoni ta' taxxa doppja mħejji mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), liema Organizzazzjoni ġabret ukoll xi kummentarji dwar dan il-mudell.

14     Il-punt 28 tal-kummentarju dwar l-Artikolu 10 tal-Mudell ta' Konvenzjoni ta' l-OECD jgħid li mhux biss it-tqassim ta' benefiċċji deċiż mil-laqgħa annwali ta' l-azzjonisti, iżda ukoll vantaġġi oħra li jistgħu jiġu vvalutati fi flus, bħall-ishma b'xejn, il-bonus shares, profitti fuq stralċ u d-dividendi moħbija. It-tnaqqis previst f'dan l-Artikolu japplika sakemm l-Istat fejn il-kumpannija debitriċi hija residenti tintaxxa dawn il-vantaġġi bħala dividendi.

15     Il-punt 31 tal-kummentarju dwar l-Artikolu 13 tal-Mudell ta' Konvenzjoni ta' l-OECD jippreċiża li, jekk xi ishma huma mibjugħa minn azzjonist lill-kumpannija li harġithom, waqt l-istralċ ta' din il-kumpannija jew it-tnaqqis tal-kapital azzjonarju, id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-valur nominali ta' l-ishma tista' tiġi ttrattata, fl-Istat fejn il-kumpannija hija residenti, bħala tqassim ta' dividendi fuq profitt akkumulat u mhux bħala qligħ fuq il-kapital. Dan l-Artikolu ma jipprekludix kontra li l-Istat ta' residenza tal-kumpannija jintaxxa tali dividendi bir-rati previsti fl-Artikolu 10 tal-Mudell ta' Konvenzjoni ta' l-OECD. Tassazzjoni bħal din hija permessa permess li din id-differenza hija inkluża fid-definizzjoni tal-kelma "dividendi" mogħtija fl-Artikolu 10(3) hekk kif interpretat fil-punt 28 tal-kummentarju fuq dan l-Artikolu.

16     Skond il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Franko-Żvediż, interpretat fid-dawl tal-Mudell ta' Konvenzjoni ta' l-OECD u tal-kummentarji tagħha, wasslu għall-bidla tas-sistema tat-tassazzjoni prevista mil-liġi ta' l-1970 safejn dawn jistabbilixxu t-taxxa ta' 15% għal dawk li mhumiex residenti u jipprevedu dritt għal tnaqqis li jikkorispondi għall-valur nominali ta' l-ishma mifdija.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17     Fil-kuntest ta' tnaqqis tal-kapital azzjonarju tagħha, Ratos, fit-2 ta' Diċembru 1998, fdiet ishma tal-kategorija B mingħand is-Sinjura Bouanich, residenti fi Franza, għas-somma ta' madwar 8 640 000 SEK (917 000 EUR). Meta sar il-ħlas, ġiet imħallsa taxxa ta' 15% fuq is-somma kollha, jiġifieri ammont ta' madwar 1 300 000 SEK (138 000 EUR), skond il-liġi ta' l-1970 flimkien mal-Ftehim Franko-Żvediż.

18     Is-Sinjura Bouanich talbet lill-amministrazzjoni tat-taxxa kompetenti, prinċipalment, il-ħlas lura ta' l-ammont kollu tat-taxxa mħallsa u, alternattivament, il-ħlas lura tal-parti tat-taxxa mħallsa fuq il-bażi tal-valur nominali ta' l-ishma mifdija.

19     L-imsemmija amministrazzjoni tat-taxxa, fit-28 ta' Settembru 1999, laqgħat it-talba alternattiva u ħalsitha lura somma ta' madwar 167 000 SEK (18 000 EUR).

20     Is-Sinjura Bouanich ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-länsrätten i Dalarnas län, fejn talbet għall-ħlas lura tal-bilanċ tat-taxxa mħallsa fil-bidu. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud b'deċiżjoni tad-29 ta' Marzu 2001, ir-rikorrenti fil-kawża għamlet appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

21     Billi kkunsidrat li t-Trattat KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtux tweġiba ċara għad-domandi mqajma mill-kawża quddiemha, il-Kammarrätten i Sundsvall ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikoli 56 KE u 58 KE jippermettu lil Stat Membru li jintaxxa s-somom irċevuti għall-fidi ta' ishma sabiex dawn jiġu kkanċellati, mħallsa minn kumpannija joint-stock stabbilita fih, taħt is-sistema ta' tqassim tad-dividendi bla ma jkun hemm lok għal dritt ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' akkwist ta' l-ishma hekk mifdija, jekk dawn jiġu mħallsa lill-azzjonist li la huwa domiċiljat u lanqas huwa permanentement residenti hemm, meta s-somom imħallsa lil azzjonist domiċiljat jew li għandu r-residenza permanenti tiegħu f'dan l-Istat Membru għall-fidi ta' ishma sabiex dawn jiġu kkanċellati, huma intaxxati taħt is-sistema taż-żjieda fil-valur tal-kapital li tagħti dritt għal tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' l-akkwist ta' dawn l-ishma?

2)      Fil-każ ta' tweġiba negattiva, jekk il-Ftehim fiskali dwar eżenzjoni mill-ħlas ta' taxxa doppja konkluż bejn l-Istat Membru fejn il-kumpannija joint-company għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha u dak ta' residenza ta' l-azzjonijist jipprevedi rata ta' tassazzjoni iktar baxxa minn dik applikabbli għas-somom imħallsa lil azzjonist ta' l-ewwel Stat Membru u lil azzjonist ta' l-Istat Membru l-ieħor fil-każ ta' fidi ta' ishma sabiex jiġu kkanċellati, b'referenza għall-kummentarju tal-Mudell ta' Konvenzjoni ta' Taxxa ta' l-OECD u jippermetti wkoll li jitnaqqas ammont li jikkorrispondi għall-valur nominali ta' l-ishma mifdija, l-Artikoli ċċitati iktar 'il fuq jippermettu għaldaqstant lil Stat Membru li japplika leġiżlazzjoni bħal dik deskritta hawn fuq?

3)      L-Artikoli 43 KE u 48 KE jippermettu lil Stat Membru li japplika leġiżlazzjoni bħal dik deskritta iktar 'il fuq?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, titlob fis-sustanza jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fil-każ ta' tnaqqis tal-kapital azzjonarju, l-ammont imħallas għall-fidi ta' ishma lill-azzjonist li mhuwiex residenti jkun intaxxat bħala tqassim ta' dividendi mingħajr dritt ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' akkwist ta' l-imsemmija ishma, meta l-istess ammont imħallas lil azzjonist residenti huwa intaxxat bħala żjieda fil-valur tal-kapital bi dritt ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' akkwist.

23     Is-Sinjura Bouanich issostni li l-ligi ta' l-1970 tikkostitwixxi restrizzjoni għall-investiment f'kumpanniji Żvediżi minn investituri barranin u diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 56 KE, li lanqas ma tista' tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 58 KE.

24     Il-Gvern Żvediż ma jikkontestax l-eżistenza ta' l-allegata inkompatibbiltà bejn il-liġi ta' l-1970 u d-dritt Komunitarja. Huwa jammetti li l-leġiżlazzjoni Żvediża dwar it-tassazzjoni tal-ħlasijiet għall-fidi ta' ishma għandha l-effett li l-azzjonisti li huma soġġetti għat-taxxa jiġu ttrattati b'mod differenti skond jekk għandhomx obbligu fiskali limitat jew illimitat fl-Iżvezja. Konsegwentament, din is-sistema tista' twassal sabiex azzjonist b'obbligu fiskali limitat ikun xi drabi intaxxat b'rata għola minn dak b'obbligu fiskali illimitat.

25     Dan il-Gvern iżid li huwa bi ħsiebu jemenda din il-leġiżlazzjoni sabiex azzjonist li għandu obbligu fiskali limitat ikun awtorizzat li jnaqqas mill-ammont imħallas għall-fidi ta' l-ishma l-ispejjeż ta' l-akkwist tagħhom.

26     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkunsidra li hu evidenti li l-leġiżlazzjoni Żvediża dwar it-tassazzjoni tal-prezz tal-fidi ta' ishma, fil-każ ta' tnaqqis tal-kapital, tagħmel distinzjoni bejn l-azzjonisti residenti u dawk mhux residenti. Id-dritt għal tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' akkwist ta' l-ishma mifdija jikkostitwixxi vantaġġ fiskali li huwa miċħud lill-azzjonisti mhux residenti. Din id-differenza fit-trattament ta' l-ishma toħloq diskriminazzjoni billi sitwazzjonijiet analogi huma ttrattati b'mod differenti meta ma teżisti l-ebda differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva ta' natura li tiġġustifika differenza fit-trattament fuq dan il-punt bejn iż-żewġ kategoriji ta' persuni soġġetti għat-taxxa.

27     Konsegwentament, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li d-diskriminazzjoni li tirriżulta mil-liġi ta' l-1970 tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital kontra l-Artikolu 56 KE. L-ebda ċirkustanza li tista' tiġġustifika restrizzjoni bħal din bis-saħħa ta' l-Artikolu 58 KE ma tirriżulta mid-digriet tar-rinviju.

28     L-ewwelnett, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, anki jekk it-tassazzjoni diretta taqa' fil-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn għandhom madankollu jeżerċitawha skond id-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16, u tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19).

29     Bejgħ mill-ġdid ta' ishma lill-kumpannija li ħarġithom, bħal dak li twettaq mis-Sinjura Bouanich, jikkostitwixxi moviment ta' kapital skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill (88/361/KEE) ta' l-24 ta' Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta' Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5), u skond in-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital li jinsab fl-Anness I ta' din id-Direttiva. L-imsemmija nomenklatura żammet il-valur indikattiv tagħha sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta' "moviment tal-kapital" (ara s-sentenzi tat-23 ta' Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C-452/01, Ġabra p. I-9743, punt 7, u tal-5 ta' Lulju 2005, D., C-376/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24). Għaldaqstant, transazzjoni ta' dan it-tip taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-kapital.

30     L-Artikolu 56 KE jipprojbixxi kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri ħlief fejn dawn huma ġġustifikati taħt l-Artikolu 58 KE.

31     Sabiex tiġi mwieġba l-ewwel domanda, qabel kollox għandu jiġi vverifikat jekk il-fatt li Stat Membru jirrifjuta lill-azzjonisti li mhumiex residenti, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' akkwist ta' azzjonijiet meta dawn jinfdew, jikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital.

32     F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-liġi ta' l-1970 tissuġġetta lill-azzjonisti li kisbu ishma ta' kumpannija Żvediża għal regoli differenti skond jekk huma jew mhumiex residenti fl-Iżvezja. B'hekk, l-azzjonist li hu fl-Iżvezja huwa awtorizzat, meta jinfdew l-ishma fil-każ ta' tnaqqis tal-kapital azzjonarju, li jnaqqas l-ispejjeż ta' l-akkwist ta' dawn l-ishma, filwaqt li dan mhuwiex permess fil-każ ta' azzjonist li mhuwiex residenti. Id-dritt għal tnaqqis jikkostitwixxi għaldaqstant vantaġġ fiskali li hu rriservat biss għall-azzjonisti residenti.

33     Mhuwiex ikkontestat li vantaġġ fiskali bħal dan jirrappreżenta, għall-benefiċjarji, tnaqqis fit-taxxa, b'mod li l-azzjonisti li mhumiex residenti li ma jistgħux jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis, huma taxxabbli b'rata għola u jinstabu, għaldaqstant, f'sitwazzjoni inqas favorevoli mill-azzjonisti residenti.

34     Għandu jiġi kkonstatat, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, li leġiżlazzjoni bħal din għandha l-effett li tagħmel it-trasferiment transkonfinali tal-kapital inqas attraenti, billi fl-istess ħin tiddiżwadi lill-investituri li mhumiex residenti fl-Iżvezja milli jixtru ishma f' kumpanniji li huma residenti fl-Iżvezja u, konsegwentament, tirrestrinġi l-possibiltajiet għall-kumpanniji Svediżi sabiex jiġbru kapital mingħand investituri li mhumiex residenti fl-Iżvezja.

35     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li tiġi miċħud, fil-każ ta' fidi ta' ishma, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' akkwist tagħhom, lill-azzjonisti li mhumiex residenti, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital skond l-Artikolu 56 KE.

36     Għandu jiġi eżaminat sussegwentement, jekk din ir-restrizzjoni tista' tiġi ġġustifikata permezz ta' raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58(1) KE. Minn din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 58(3), jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, distinzjoni bejn il-persuni soġġetti għat-taxxa li huma residenti u l-persuni soġġetti għat-taxxa li mhumiex residenti sakemm din id-distinzjoni ma tikkostitwixxi la mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja lanqas restrizzjoni moħbija lill-moviment liberu tal-kapital.

37     Hekk kif ġa ġie kkonstatat fil-punt 34 ta' din is-sentenza, il-liġi ta' l-1970 stabbiliet distinzjoni bejn l-azzjonisti residenti u dawk mhux residenti billi intaxxat b'mod differenti l-ammont li jirċievi fil-każ ta' fidi ta' l-ishma.

38     Madankollu, it-trattament li mhux ugwali permess taħt l-Artikolu 58(1)(a) KE għandu jiġi distint mid-deċiżjonijiet arbitrarji pprojbiti mill-Artikolu 58(3) ta' l-istess Artikolu. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali tista' tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew li huma ġġustifikati permezz ta' raġuni imperattiva ta' interess ġenerali (ara s-sentenzi tas-6 ta' Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43; Manninen, iċċitata iktar 'il fuq, punti 28 u 29, u tat-8 ta' Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

39     F'dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-tassazzjoni fuq il-qligħ miksub mill-fidi ta' ishma minn azzjonisti residenti u azzjonisti mhux residenti tirrigwardax sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli.

40     Għandu jiġi kkonstatat li l-ispejjeż ta' akkwist huma direttament marbuta ma' l-ammont imħallas mal-fidi ta' l-ishma, b'mod li r-residenti u dawk li mhumiex residenti huma, f'dan ir-rigward, qiegħdin f'sitwazzjoni paragunabbli. Ma teżisti l-ebda differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva ta' natura li tiġġustifika differenza fit-trattament fuq dan il-punt bejn iż-żewġ kategoriji ta' persuni soġġetti għat-taxxa.

41     F'dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-liġi ta' l-1970, tikkostitwixxi diskriminazzjoni arbitrarja kontra l-azzjonisti li mhumiex residenti sa fejn din tintaxxahom b'rata għola mill-azzjonisti li huma residenti, f'sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli.

42     Fl-aħħarnett, f'dak li jirrigwarda ġustifikazzjonijiet oħra previsti fl-Artikolu 58 KE jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi nnutat li dawn ma ġewx invokati.

43     Għalhekk, l-ewwel domanda għandha tiġi mwieġba fis-sens li l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik kkonċernata fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fil-każ ta' tnaqqis tal-kapital azzjonarju, is-somma mħallsa lil azzjonist li mhuwiex residenti għall-fidi ta' ishma tiġi intaxxata bħala tqassim ta' dividendi mingħajr dritt għal tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' akkwist ta' l-imsemmija ishma, meta l-istess somma mħallsa lil azzjonist li huwa residenti tiġi intaxxata bħala żjieda fil-valur tal-kapital bid-dritt ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' l-akkwist.

 Fuq it-tieni domanda

44     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk it-tweġiba mogħtija għall-ewwel domanda tkunx differenti fil-każ fejn is-sistema tat-taxxa applikabbli tirriżulta minn ftehim dwar eżenzjoni mill-ħlas ta' taxxa doppja, bħall-Ftehim Franko-Żvediż, li jistabbilixxi limitu ta' tassazzjoni tad-dividendi li hu iktar baxx fil-każ ta' azzjonisti mhux residenti minn dak fil-każ applikabbli ta' azzjonisti residenti, u li jawtorizza, fl-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim fid-dawl tal-kummentarji ta' l-OECD fuq il-Mudell ta' Konvenzjoni applikabbli tagħha, it-tnaqqis tal-valur nominali ta' dawn l-ishma mill-ħlas għall-fidi ta' l-ishma.

45     Is-Sinjura Bouanich tenfasizza li, skond il-Ftehim Franko-Żvediż, ir-Repubblika Franċiża għandha d-dritt esklussiv li tintaxxa żidiet fil-valur li jirriżultaw fil-każ ta' fidi ta' ishma. It-taxxa mħallsa meta ma kienx hemm lok skond is-sistema tad-dividendi għalhekk għandha tiġi kollha mħallsa lura lilha.

46     Il-Kummissjoni tinvoka l-ġurisprudenza dwar il-krediti fiskali (sentenza tat-28 ta' Jannar 1986, il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 2773) u l-vantaġġi fiskali (sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161), sabiex issostni li r-rispett tad-dritt Komunitarju ma jistax jiddependi fuq il-kontenut ta' ftehim dwar eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa doppja konkluż bejn żewġ Stati Membri.

47     Il-Kummissjoni tikkunsidra li sistema, bħal dik deskritta fil-kawża prinċipali, applikabbli bis-saħħa ta' Ftehim fiskali u interpretata fid-dawl tal-kummentarji tal-Mudell ta' Konvenzjoni ta' l-OECD, tmur kontra l-Artikoli 56 KE u 58 KE.

48     F'dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk għandux jiġi kkunsidrat il-Ftehim Franko-Żvediż sabiex tiġi evalwata l-konformità ta' leġiżlazzjoni tat-taxxa mar-regoli Komunitarji fuq il-moviment liberu tal-kapital. Fil-każ ta' tweġiba fl-affermattiv, għandu sussegwentement jiġi vverifikat jekk dan il-Ftehim eliminax ir-restrizzjoni għal-libertà fundamentali li ġiet stabbilita.

49     Għandu jiġi kkonstatat li skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 293 KE l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja hija waħda mill-għanijiet tal-Komunità, liema għan għandu jitwettaq mill-Istati Membri. Fin-nuqqas ta' miżuri ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni Komunitarji intiżi sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja, l-Istati Membri jibqgħu jżommu l-kompetenza sabiex jistabbilixxu l-kriterji ta' tassazzjoni tad-dħul u tal-ġid sabiex tiġi eliminata, jekk ikun il-każ, permezz ta' ftehim internazzjonali, it-tassazzjoni doppja. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, fil-qafas ta' konvenzjonijiet bilaterali, jistabbilixxu l-fatturi ta' konnessjoni għall-finijiet tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali (ara s-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I-2793, punti 24 u 30; Saint-Gobain ZN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57, u D., iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

50     Madankollu, dan it-tqassim ta' kompetenzi fil-qasam tat-tassazzjoni ma jippermettix lill-Istati Membri li jintroduċu diskriminazzjoni li tmur kontra r-regoli Komunitarji.

51     Billi s-sistema tat-tassazzjoni li tirriżulta mill-Ftehim Franko-Żvediż, interpretata fid-dawl tal-Mudell ta' Konvenzjoni ta' l-OECD, tagħmel parti mill-qafas applikabbli għall-kawża prinċipali u billi din ġiet ippreżentata bħala tali mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tqisha sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali. Mhuwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja la li tinterpreta d-dritt nazzjonali u lanqas li teżamina l-applikazzjoni tiegħu f'din il-kawża (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-24 ta' Ottobru 1996, Dietz, C-435/93, Ġabra p. I-5223, punt 39, u tat-30 ta' April 1998, Thibault, C-136/95, Ġabra p. I-2011, punt 21)

52     Fir-rigward tat-trattament fiskali li jirriżulta mill-Ftehim Franko-Żvediż, għandu jiġi mfakkar li azzjonist li mhux resident, bħas-Sinjura Bouanich, huwa awtorizzat, bis-saħħa ta' din il-Konvenzjoni, interpretata fid-dawl tal-kummentarji tal-Mudell ta' Konvenzjoni ta' l-OECD, li jnaqqas il-valur nominali ta' l-ishma mill-ammont taxxabbli meta jseħħ il-fidi ta' dawn l-ishma. L-ammont li jibqa' huwa mbagħad intaxxat bir-rata ta' 15%.

53     Billi l-azzjonisti li huma residenti huma intaxxati bir-rata ta' 30% fuq il-ħlas għall-fidi ta' ishma wara t-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' l-akkwist, għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-azzjonisti humiex trattati b'mod iktar favorevoli mill-azzjonisti li mhumiex residenti. Biex issir tali verifika, jeħtieġ li jkun magħruf l-ammont ta' l-ispejjeż ta' akkwist ta' l-ishma kif ukoll il-valur nominali tagħhom.

54     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-verifika u l-evalwazzjoni tal-fatti mhumiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda dik tal-qorti nazzjonali (is-sentenzi tal-15 ta' Novembru 1979, Denkavit, 36/79, Ġabra p. 3439, punt 12; tal-5 ta' Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro, C-175/98 u C-177/98, Ġabra p. I-6881, punt 37, u tat-22 ta' Ġunju 2000, Fornasar et, C-318/98, Ġabra p. I-4785, punt 31).

55     Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha, jekk it-tnaqqis tal-valur nominali u l-applikazzjoni tar-rata ta' taxxa ta' 15% fil-każ ta' azzjonisti li mhumiex residenti jirriżultax fi trattament tagħhom li mhuwiex inqas favorevoli minn dak tar-residenti li għandhom dritt għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' l-akkwist u l-applikazzjoni ta' rata ta' taxxa ta' 30%.

56     Għalhekk it-tieni domanda għandha tiġi mwieġba fis-sens li l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom ikunu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn ftehim dwar eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa doppja, bħall-Ftehim Franko-Żvediż, li jistabbilixxi limitu ta' tassazzjoni tad-dividendi li hu aktar baxx fil-każ ta' azzjonisti li mhumiex residenti minn dawk applikabbli fil-każ għall-azzjonisti residenti, u li jawtorizza, fl-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim fid-dawl tal-kummentarji ta' l-OECD fuq il-Mudell ta' Konvenzjoni applikabbli tagħha, it-tnaqqis tal-valur nominali ta' dawn l-ishma mill-ħlas għall-fidi ta' l-ishma, ħlief fil-każ fejn, fl-applikazzjoni ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, l-azzjonisti li mhumiex residenti huma ttrattati b'mod anqas favorevoli mill-azzjonisti li huma residenti. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali.

 Fuq it-tielet domanda

57     Fid-dawl tat-tweġibiet għall-ewwel u t-tieni domanda, m'hemmx lok li tiġi mwieġba t-tielet domanda.

 Dwar l-ispejjeż

58     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, minn barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fil-każ ta' tnaqqis tal-kapital azzjonarju, is-somma mħallsa lil azzjonist li mhuwiex residenti għall-fidi ta' ishma tiġi intaxxata bħala tqassim ta' dividendi mingħajr dritt għal tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' akkwist ta' l-imsemmija ishma, meta l-istess somma mħallsa lil azzjonist li huwa residenti tiġi intaxxata bħala żjieda fil-valur tal-kapital bid-dritt ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' l-akkwist.

2)      L-Artikoli 56 KE u 58 KE iridu jkunu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn ftehim dwar eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa doppja, bħall-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Renju ta' l-Iżvezja intiż sabiex jevita t-taxxa doppja u jipprevjeni l-evażjoni fiskali fir-rigward ta' taxxi fuq id-dħul u fuq il-ġid, iffirmat fis-27 ta' Novembru 1990, li jistabbilixxi limitu ta' tassazzjoni tad-dividendi li hu aktar baxx fil-każ ta' azzjonisti li mhumiex residenti minn dak applikabbli fil-każ ta' azzjonisti residenti, u li jawtorizza, fl-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim fid-dawl tal-kummentarji ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp fuq il-Mudell ta' Konvenzjoni applikabbli tagħha, it-tnaqqis tal-valur nominali ta' dawn l-ishma mill-ħlas għall-fidi ta' l-ishma, ħlief fil-każ fejn, fl-applikazzjoni ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, l-azzjonisti li mhumiex residenti huma ttrattati b'mod anqas favorevoli mill-azzjonisti li huma residenti. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali,

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.