SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA(l-Ewwel Awla)
27 ta' Ottubru 2005 (*)
"Kunċett ta' għajnuna mill-Istat – Taxxa kkalkulata abbażi ta' l-erja tal-post tal- bejgħ – Rabta restrittiva bejn it-taxxa u l-allokazzjoni tad-dħul tat-taxxa"
Fil-kawżi magħquda C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjonijiet preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, mressqa mit-tribunal des affaires de securité sociale ta' Saint-Étienne (C-266/04 sa C-270/04 u C-276/04) u mill-cour d'appell ta' Lyon (C-321/04 sa C-325/04) (Franza), b'deċiżjonijiet tal-5 ta' April 2004 u ta' l-24 ta' Frar 2004, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24, il-25 u d-29 ta' Ġunju 2004 u kif ukoll fis-27 ta' Lulju 2004, fil-proċeduri
Distribution Casino France SAS, qabel magħrufa bħala Nazairdis SAS (C-266/04),
Jaceli SA (C-267/04),
Komogo SA (C-268/04 u C-324/04),
Tout pour la maison SARL (C-269/04 u C-325/04),
Distribution Casino France SAS (C-270/04),
Bricorama France SAS (C-276/04),
Distribution Casino France3 SAS (C-321/04),
Société Casino France, aventi kawża ta' IMQEF SA, aventi kawża ta' JUDISSA (C-322/04),
Dechrist Holding SA (C-323/04),
vs
Caisse nationale de l’organisation autonome d’assurance vieillesse des travailleurs non salariés des professions industrielles et commerciales (Organic),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn K. Schiemann, President tar-Raba' Awla, li qed jaqdi l-funzjoni ta' President ta' l-Ewwel Awla, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur), E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal Nazairdis SAS, Jaceli SA, Komogo SA, Tout pour la maison SARL, Distribution Casino Franza SAS, Distribution Casino France 3 SAS, Société Casino France, aventi kawża ta' IMQEF SA, aventi kawża ta' JUDIS SA, u Dechrist Holding SA, minn E. Meier u C. Cassan, avukati,
– għall-Bricorama Franza SAS, minn B. Geneste, O. Davidson u C. Medina, avukati,
– għall-Caisse nationale de l’organisation autonome d’assurance vieillesse des travailleurs non salariés des professions industrielles et commerciales (Organic), minn R. Waquet, avukat,
– għall-gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Ramet, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Giolito, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE.
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' rikorsi li fihom ġiet ikkontestata l-legalità tat-taxxa Franċiża ta' għajnuna lill-kummerċ u l-artiġanat.
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
It-taxxa ta'għajnuna lill-kummerċ u l-artiġanat
3 L-Artikolu 3(2) tal-liġi Nru 72-657, tat-13 ta' Lulju 1972, li tistabbilixxi miżuri favur ċerti kategoriji ta' kummerċjanti u ta' artiġani anzjani (JORF ta' l-14 ta' Lulju 1972, p. 7419) jistabbilixxi taxxa ta' għajnuna lill-kummerċ u artiġanat (iktar 'il quddiem it-"TACA").
4 It-TACA hija taxxa progressiva li hija sostnuta direttament intaxxata mill-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut fi Franza li għandhom erja fejn isir il-bejgħ ikbar minn 400m2 u li jagħmlu qligħ annwali li jaqbeż l-460 000 EUR. Ir-rati tat-taxxa huma progressivi skond l-ammont tal-fatturat annwali kull m2.
5 Fiż-żmien tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, it-TACA kienet tinġabar mill- Caisse nationale de l’organisation autonome d’assurance vieillesse des travailleurs non salariés des professions industrielles et commerciales (iktar 'il quddiem l-"Organic").
L-użu li jsir mid-dħul tat-TACA
Kumpens għal waqfien mill-attività
6 Skond l-Artikoli 8 sa 10 tal-liġi Nru 72-657, il-qligħ tat-TACA fil-bidu kien iddestinat għall-finanzjament ta' għajnuna speċjali li tikkumpensa l-waqfien mill-attività ta' ċerti kummerċjanti u artiġani.
7 L-Artikolu 106 tal-liġi Nru 81-1160, tat-30 ta' Diċembru 1981 (JORF tal-31 ta' Diċembru 1981, p. 3539), li hi l-liġi tal-finanzi għall-1982, kif emendata mill-liġi Nru 95-95, ta' l-1 ta' Frar 1995 (JORF tat-2 ta' Frar 1995, p. 1742) u mill-liġi Nru 2002-1575 tat-30 ta' Diċembru 2002 (JORF tal-31 ta' Diċembru 2002, p. 22025), issostitwixxa din l-għajnuna speċjali li tikkumpensa b'kumpens għall-waqfien mill-attività. Huwa jiddisponi li:
"Il-kummerċjanti u l-artiġani affiljati għal ħmistax–il sena jew aktar ma' skemi ta' assigurazzjoni għall-anzjanità tal-professjonijiet ta' l-artiġanat, industrijali u kummerċjali jistgħu jibbenefikaw, fuq talba li ssir minnhom, jekk ir-riżorsi finanzjarji tagħhom huma anqas mil-limitu stabbilit b'Digriet, minn għajnuna li tingħata mill-fondi ta' l-iskemi imsemmija aktar 'il fuq wara l-età:
a. Ta' sittin sena, meta huma jwaqqfu definittivament kull attività;
[…]".
8 L-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 82-307 tat-2 ta' April 1982, (JORF, ta' l-4 ta' April 1982, p. 1035), kif emendat mid-Digriet Nru 91-1155 tat-8 ta' Novembru 1991 (JORF tal-10 ta' Novembru 1991), jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-kumpens għall-waqfien mill-attività. Skond din id-dispożizzjoni, il-kummissjoni lokali tiddeċiedi l-ammont tal-kumpens fil-limiti stabbiliti permezz ta' ordni ministerjali skond "elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta' kull min jagħmel it-talba u, b'mod partikulari, l-istat tar-riżorsi tiegħu u ta' l-ispejjeż tiegħu".
9 L-Artikolu 10 ta' l-Ordni Ministerjali tat-13 ta' Awwissu 1996 (JORF, tad-29 ta' Awwissu 1996, p. 12940), kif emendat bl-Ordni tat-3 ta' Settembru 2001 dwar l-adattament tal-valur f'EUR ta' ċerti ammonti espressi fi franki (JORF tal-11 ta' Settembru 2001, p. 14495), jippreċiża li "l-ammont ta' kumpens għandu jkun bejn 3 140 EUR u 18 820 EUR għal familja u bejn 2 020 EUR u 12 100 EUR għal persuna waħidha".
– L-allokazzjonijiet l-oħra tat-TACA
10 Minn meta t-TACA twaqqfet, id-dħul minnha żdiet konsiderevolment minħabba l-iżvilupp min-naħa tas-sehem fis-suq ta' l-industrija tal-bejgħ bl-imnut u tad-distribuzzjoni u t-tkabbir fl-erja ta' l-istabbilimenti kummerċjali fuq it-territorju Franċiż.
11 L-eċċess mid-dħul tat-TACA ġie allokat lill-iskemi ta' assigurazzjoni għall-anzjani ta' bażiċi ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-professjonijiet ta' l-artiġanat u ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-professjonijiet industrijali u kummerċjali, lill-Fonds d’intervention pour la sauvegarde de l’artisanat et du commerce (Fond ta' intervent għas-salvagwardja ta' l-artiġanat u tal-kummerċ) (iktar 'il quddiem "Fisac") u lill-Comité professionnel de la distribution des carburants (Kumitat Professjonali tad-distributuzzjoni tal-fjuwil) (iktar 'il quddiem "CPDC").
– Allokazzjoni favur is-sistemi ta' assigurazzjoni ta' l-anzjanità
12 L-Artikolu 40-II tal-liġi Nru 96-1160, tas-27 ta' Diċembru 1996, dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għall-1997 (JORF tad-29 ta' Diċembru 1996, p. 19369), ikkompletat l-Artikolu L. 633-9 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali bil-paragrafu 6 li jipprovdi li parti mid-dħul tat-TACA għandha tiġi allokata għall-finanzjamenti ta' skemi ta' l-assigurazzjoni ta' l-anzjani ta' bażiċi ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-professjonijiet ta' l-artiġanat u ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-professjonijiet industrijali u kummerċjali. Dan l-ammont huwa mqassam, bi proporzjon mad-defiċit fil-kontijiet tagħhom, bejn l-Organic u l-Caisse nationale d’assurances vieillesse des artisans (Il-Fond Nazzjonali ta' l-assigurazzjoni għall-anzjanità ta' l-artiġani) iktar 'il quddiem il-"Cancava").
13 L-ammont tat-TACA allokat għal finanzjament ta' l-iskemi ta' assigurazzjoni in kwistjoni huwa ddeterminat, kull sena, permezz ta' ordni interministerjali.
14 Dan il-mekkaniżmu ta' finanzjament ta' l-iskemi ta' l-assigurazzjoni bażiċi għal-anzjanità ġie tneħħa permezz ta' l-Artikolu 35-IV tal-liġi Nru 2002-1575 iċċitat iktar 'il fuq.
– Allokazzjoni favur Fisac
15 L-Artikolu 2 tad-digriet Nru 95-1140, tas-27 ta' Ottubru 1995, dwar l-allokazzjoni tad-dħul tat-[TACA] (JORF 29 ta' Ottubru 1995, p. 15808), jipprevedi li parti mill-eċċess mid-dħul tat-TACA għandha titpoġġa f'kont speċjali ta' Fisac.
16 Skond l-Artikolu 1 ta' l-imsemmi digriet, Fisac jiffinanzja, min-naħa, operazzjonijiet kollettivi ddestinati li jiffavorixxu ż-żamma u l-adattament tal-kummerċ u ta' l-artiġanat bl-iskop li jħarsu l-attività kummerċjali fis-setturi ġeografiċi jew professjonali u s-servizzi lokali meħtieġa għall-ħajja soċjali u, min-naħa l-oħra, l-operazzjonijiet ta' trażmissjoni u ta' ristrutturazzjoni ddestinati għall-impriżi kummerċjali u artiġanali li jkollhom fatturat annwali iżgħar mill-ammonti stabbiliti bl-ordni tal-Ministru inkarigat mill-kummerċ u l-artiġanat.
17 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 8 ta' dan id-digriet," id-deċiżjonijiet [ta' għotja ta' għajnuna] huma meħuda mill-Ministru responsabbli għall-kummerċ u l-artiġanat wara opinjoni mogħtija minn [wieħed] mill-Kumitati" imwaqqfa bl-istess digriet.
– Allokazzjoni favur CPDC
18 CPDC inħoloq bid-digriet Nru 91-284, tad-19 ta' Marzu 1991 (JORF ta' l-20 ta' Marzu 1991, p. 3874) emendat mid-digriet Nru 98-132, tat-2 ta', Marzu 1998 (JORF tas-7 ta' Marzu 1998, p. 3515), u bid-digriet Nru 2001-1048, tat-12 ta' Novembru 2001 (JORF tat-13 ta' Novembru 2001, p. 18016, iktar 'il quddiem id-"digriet 91-284"). Skond l-Artikolu 2 tad-digriet Nru 91-284, CPDC huwa responsabbli:
"1. Li jelabora u li jimplimenta l-programmi ta' azzjoni li għandhom l-għan li jirriformaw in-network ta' distribuzzjoni tal-fjuwil, li jtejbu l-produzzjoni tiegħu, li jimmodernizzaw il-kundizzjonijiet tiegħu ta' kummerċjalizzazzjoni u li jmexxu u jmantnu servizz ekwilibrat fuq it-territorju kollu nazzjonali.
2. Li jipprovdi l-assistenza tiegħu lill-intrapriżi kkonċernati sabiex tiffaċilitalhom l-implementazzjoni ta' programmi adottati u li jipproċedi bl-istudji kollha neċessarji għal dan il-għan.
3. Li jiġbor flimkien l-informazzjoni ta' natura li tikkontribwixxi għall-għanijiet imsemmija hawn fuq u li xxerred din l-informazzjoni fost din il-professjoni."
19 L-Artikolu 8 ta' l-istess digriet jippreċiża li d-deċiżjonijiet ta' CPDC li għandhom jittieħdu mill-kunsill ta' amministrazzjoni ta' dan il-kumitat, għandhom jiġu notifikati lill-Commissaire du governement u lill-contrôleur de État u jsiru enforzabbli jekk ma jkunx hemm veto minn xi wieħed minn dawn fi żmien ħmistax–il ġurnata.
20 Id-digriet 98-132 saħħaħ ir-riżorsi ta' CPDC billi ssupplimenta d-dħul tiegħu permezz ta' parti ta' l-eċċess tat-TACA. Għal dan il-għan, huwa emenda l-Artikolu 9 tad-Digriet 91-284 billi żied is-subparagrafu (g) li jippreċiża li: "ordni konġunta tal-Ministru responsabbli għall-industrija, tal-Ministru responsabbli għall-kummerċ u l-artiġanat u tal-Ministru responsabbli għall-baġit, jistabbilixxi kull sena l-ammont tal-fondi allokati f'dan il-kuntest lill-Comité professionelle de la distribution des carbirants (Kumitat professjonali tad-distribuzzjoni tal-fjuwil)".
Il-kawża prinċipali u d-domand preliminari
21 Fil-11 ta' April 2001, kull waħda mill-kumpanniji rikorrenti fil-kawżi C-321/04 sa C-325/04 ippreżentat rikors kontra l-Organic quddiem it-tribunal des affaires de securité sociale ta' Saint-Étienne. Dawn ir-rikorsi kienu intiżi sabiex jiksbu l-ħlas lura ta' somom li huma kienu ħallsu taħt it-TACA matul is-snin 1999 u/jew 2000. Huma kkunsidraw li t-TACA ġiet imwaqqfa bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87(1) KE u 88(3), KE.
22 B'deċiżjoni tas-27 ta' Jannar 2003, it-tribunal des affaires de securité sociale ta' Saint-Étienne ċaħad dawn ir-rikorsi. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għalhekk ressqu appell quddiem il-Cour d'appel ta' Lyon.
23 Fis-7 ta' April 2003 ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali C-276/04 ressqet rikors quddiem it-tribunal des affaires de securité sociale ta' Saint-Étienne kontra l-Organic sabiex tikseb il-ħlas lura tas-somom li hija kienet ħallset taħt it-TACA għas-snin 2000 sa 2002.
24 Fil-11 ta' April 2003, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali C-266/04 sa C-270/04 ressqu quddiem l-imsemmi tribunal ħames rikorsi differenti kontra l-Organic sabiex jiksbu l-ħlas lura ta' somom li huma ħallsu taħt it-TACA għas-sena 2001.
25 Il-qrati tar-rinviju fil-kawżi preżenti jridu jivverifikaw jekk it-TACA ġietx imwaqqfa bi ksur ta' l-Artikoli 87(1), KE u 88(3), KE.
26 Għaldaqstant il-cour d'appell ta' Lyon, b'deċiżjonijiet ta' l-24 ta' Frar 2004 (kawżi C-321/04 sa C-325/04) iddeċiediet li tissospendi d-deċiżjoni u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja "sabiex hija tiddeċiedi jekk it-[TACA] miġbura [mir-rikorrenti] tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jew le fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE".
27 B'deċiżjonijiet tal-5 ta' April 2004 (kawżi C-266/04 sa C-270/04 u C-276/04), it-tribunal des affaires de securité sociale ta' Saint-Étienne iddeċieda li jissospendi d-deċiżjoni u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"[L-Artikolu 87 KE għandu jiġi interpretat li jfisser li l-fondi mogħtija minn Franza fil-kuntest ta'CPDC [...], ta' Fisac [...], ta' l-għajnuna għall-waqfien mill-attività għall-artiġani u kummerċjanti u ta' l-allokazzjoni għas-sistemi ta' assigurazzjoni għall-anzjanità ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-professjonijiet industrijali u kummerċjali, kif ukoll tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-professjonijiet artiġanali, jikkostitwixxu oqsma ta' għajnuna mill-Istat?"
28 Il-kawżi preżenti ġew magħquda b'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Settembru 2004.
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
29 Mill-Artikolu 88(3) KE jirriżulta, li l-Kummissjoni għandha tiġi infurmata bil-proġetti maħsuba li jwaqqfu jew jimmodifikaw għajnuniet mill-Istat. Jekk hija tqis li proġett bħal dan mhuwiex kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tiftaħ mingħajr dewmien, il-proċedura ta' l-Artikolu 88(2) KE u l-Istat Membru ikkonċernat ma jkunx jista' idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti qabel ma din il-proċedura ma tkun irriżultat f'deċiżjoni finali.
30 Miżura ta' għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, li hija applikata bi ksur ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE hija illegali (ara s-sentenza tal-21 ta' Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punt 17). Huma qrati nazzjonali li għandhom iħarsu d-drittijiet ta' l-individwi kkonċernati fil-każ ta' ksur eventwali, min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tal-projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' għajnuna mill-Istat, billi jwasslu għall-konsegwenzi kollha taħt id-dritt nazzjonali tagħhomf'dak li jirrigwarda kemm il-validità ta' l-atti li jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta' l-għajnuna kkonċernata kif ukoll l-irkupru tas-sostenn finazjarju li ġie mogħti (ara s-sentenza tas-27 ta' Novembru 2003, Enirisorse, C-34/01 à C-38/01, Ġabra p. I-14243, punt 42).
31 Għalkemm, kif jenfasizza ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punti 29 sa 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjonijiet tar-rinviju jagħtu biss ftit informazzjoni fil-qosor dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawżi prinċipali, jidher ċar mill-imsemmija deċiżjonijiet li l-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali jikkonċernaw it-talbiet kollha għal ħlas lura tas-somom imħallsa bħala TACA.
32 Barra minn hekk jidher mill-faxxikkli ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew, fil-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali jirriżulta li t-TACA hija illegali peress li tippreżenta rabta ma' l-għajnuniet mogħtija bi ksur ta' l-Artikoli 87(1) KE u 88(3) KE.
33 F'dawn iċ-ċirkostanzi, id-domandi preliminari jirrigwardaw, sostanzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 87(1), KE u 88(3) KE jipprekludux il-ġbir ta' taxxa bħal dik tat-TACA.
34 Skond ġurisprudenza kostanti, it-taxxi ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar l-għajnuniet mill-Istat sakemm ma jikkostitwixxux metodu ta' finanzjament ta' miżura ta' għajnuna, b'mod li huma jiffurmaw parti integrali ta' din il-miżura (sentenza tat-13 ta' Jannar 2005, Streekgewest, C-174/02, Ġabra p.I-85, punt 25).
35 Fl-ipoteżi li t-taxxa effettivament tikkostitwixxi parti integrali ta' miżura ta' għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, il-ksur mill-awtoritajiet nazzjonali ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE jeffettwaw mhux biss il-legalità tal-miżura ta' għajnuna, iżda wkoll dawk tat-taxxa li tikkostitwixxi l-metodu li bih din il-miżura tiġi iffinanzjata (ara sentenza Enirisorse, iċċitata iktar 'il fuq, punti 43 sa 45).
36 Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk taxxa, bħat-TACA, tistax tiġi kkunsidrata li tifforma parti integrali minn waħda jew aktar mizuri ta' għajnuna fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq.
37 L-allegati miżuri ta' għajnuna li qed jiġu kkontestati fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiem il-qrati nazzjonali u li jistgħu, skond dawn il-qrati, jeffettwaw il-legalità tat-TACA taħt id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat huma, min-naħa, l-eżenzjoni mit-TACA tal-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut li għandhom erja tal-post tal-bejgħ iċken minn 400m2 jew li għandhom fatturat annwali ta' anqas minn 460 000 EUR (iktar 'il quddiem "l-ħwient b'erja żgħira") u, min-naħa l-oħra, il-miżuri differenti iffinanzjati mid-dħul tat-TACA.
38 Huwa lok li dawn il-miżuri differenti jiġu eżaminati separatament.
L-eżenzjoni mit-TACA tal-ħwienet b'erja żgħira
39 Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li l-eżenzjoni mit-TACA tal-ħwienet b'erja żgħira tikkostitwixxi miżura ta' għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE. Din hija vantaġġ silettiv, mogħti mir-riżorsi ta' l-Istat u li tista' thedded il-konkorrenza u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Peress li t-taxxa flimkien ma' l-eżenzjoni minnha, tikkostitwixxi entità indiviżibbli, u hija tagħmel parti integrali mill-għajnuna.
40 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex taxxa tiġi kkunsidrata li tagħmel parti integrali minn miżura ta' għajnuna, għandu jkun hemm rabta li teżisti rabta restrittiva fir-rigward ta' l-allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa għandu neċessarjament jintuża għall-finanzajmanet ta' l-għajnuna. Jekk rabta bħal din teżisti, id-dħul mit-taxxa jinfluwenza direttament l-ammont ta' l-għajnuna u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq komuni (sentenza Streekgewest, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).
41 Madankollu, l-ebda rabta restrittiva ma teżisti bejn it-taxxa u l-eżenzjoni mill-ħlas ta' l-imsemmija taxxa favur kategorija ta' impriżi. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta' eżenzjoni fiskali u l-estensjoni tagħha ma jiddependux mid-dħul mit-taxxa (ara is-sentenza Streekgewest, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).
42 Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-debituri ta' taxxa ma jistgħux jeċċepixxu li eżenzjoni li minnha jgawdu impriżi oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw il-ħlas ta' l-imsemmija taxxa (ara sentenza ta' l-20 ta' Settembre 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I-6117, punt 80).
43 Minn dan jirriżulta li anke jekk l-eżenzjoni mit-taxxa għall-ħwienet b'erja żgħira tikkostitwixxi miżura ta' għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE, l-illegalità possibbli ta' għajnuna mhijiex ta' natura li teffetwa l-legalità tat-TACA.
44 Għaldaqstant minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-eventwali illegalità ta' eżenzjoni mit-TACA favur il-ħwienet b'erja żgħira mhijiex ta' natura li teffettwa l-legalità tat-taxxa nfsiha b'mod li l-impriżi li huma obbligati jħallsu t-TACA ma jistgħux jeċċepixxu quddiem il-qrati nazzjonali l-eventwali illegalità ta' l-eżenzjoni mit-taxxa sabiex jevitaw il-ħlas ta' l-imsemmija taxxa jew sabiex jiksbu l-ħlas lura tagħha.
L-allokazzjonijiet differenti tad-dħul tat-TACA
45 Skond ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, l-allokazzjonijiet differenti tad-dħul tat-TACA kollha jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat, skond l-Artikolu 87(1) KE li ngħataw bi ksur ta' l-Artikolu 88(3) KE.
46 Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali li kollha jikkonċernaw talbiet għall-ħlas lura ta' taxxi allegatament illegali skond l-Artikoli 87(1) KE u 88(3) KE, il-punt dwar jekk, il-miżuri differenti iffinanzjati mit-TACA jikkostitwixxux għajnuniet mill-Istat ikun biss rilevanti jekk jiġi stabbilit li teżisti rabta restrittiva fir-rigward ta' l-allokazjoni bejn it-taxxa u l-miżuri kkonċernati (ara s-sentenza Streekgewest, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).
47 Skond ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, tali rabta restrittiva teżisti bejn it-TACA u l-miżuri ffinanzjati minn din it-taxxa. Fil-fatt, id-dħul mit-TACA mhuwiex allokat lit-Teżor. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni li stabbilit it-TACA hija intiża speċifikatament li tiffinanzja l-miżuri ta' għajnuna favur ċerti kategoriji ta' kummerċjanti li huma f'kompetizzjoni ma' dawk suġġetti għat-taxxa.
48 L-ewwelnett, fir-rigward tal-kumpens għall-waqfien mill-attività (ara punti 6 sa 9 ta' din is-sentenza), għandu jiġi kkonstatat li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, il-finanzjament ta' din il-miżura huwa assigurat mit-TACA. Madankollu, bil-kontra ta' dak li jippretendu r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali ma jurix li teżisti rabta restrittiva fir-rigward ta' l-allokazzjoni bejn it-TACA u l-kumpens għal waqfien mill-attività.
49 F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-ammont tal-kumpens għall-waqfien mill-attività mogħti lill-kummerċjanti u l-artiġani li jieqfu definittivament mill-attività tagħhom, hekk kif intqal fil-punt 9 ta' din is-sentenza, "huwa bejn 3 140 EUR u 18 820 EUR għal familja u bejn 2 020 EUR u 12 100 EUR għall-persuna waħidha". L-ammont ta' kumpens effettivament mogħti ma jiddependix fuq id-dħul tat-taxxa imma huwa stabbilit, konformement, ma' l-Artikolu 6 tad-digriet Nru 82-307, "mill-kummissjoni lokali" fil-limiti stabbiliti mill-ordni Ministerjali skond "l-elementi li jikkaretterizzaw is-sitwazzjoni ta' kull min jagħmel it-talba u b'mod partikulari, l-istat tar-riżorsi tiegħu u ta' l-ispejjeż tiegħu".
50 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata fil-kawżi prinċipali għaldaqstant tiddistingwi minn dik li ġiet eżaminata fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta' Ġunju 1970, Franza vs il-Kummissjoni (47/69, Ġabra p. 487, punt 20) li kienet tipprovdi li l-għajnuna li hija kienet qed tistabbilixxi kienet tiżdied "proporzjonalment maż-żieda tad-dħul mit-taxxa".
51 Bl-istess, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernati fil-kawża prinċipali li tat lok għas-sentenza Enirisorse, iċċitata iktar 'il fuq, id-dħul mit-taxxa kien jinfluwenza direttament l-importanza tal-vantaġġ ekonomiku mogħti. Fil-fatt, f'din il-kawża, l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tipprovdi espressament li żewġ terzi mid-dħul mit-taxxa kellhom jingħataw lill-impriża speċifika tal-port.
52 Għall-kuntrarju, fil-kawżi prinċipali, ma teżisti l-ebda relazzjoni bejn id-dħul mit-TACA u l-ammont tal-kumpens għall-waqfien mill-attività mogħti lill-kummerċjanti u lill-artiġani li jieqfu definittvament mill-attivtà tagħhom. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tistabbilixxi, indipendentement mid-dħul mit-taxxa, l-ammont tal-kumpens għall-waqfien mill-attività li jvarja bejn valur minimu u valur massimu. Imbagħad hija l-kummissjoni lokali li għandha tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens abbażi biss taċ-ċirkustanzi personali tal-kummerċjanti u ta' l-artiġani kkonċernati. Peress li d-dħul mit-TACA ma jinfluwenzax l-importanza tal-vantaġġ mogħti lill-kummerċjanti u lill-artiġani bħala kumpens għall-waqfien mill-attività, l-eżistenza ta' rabta restrittiva – fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta' din il-kawża preżenti bejn it-TACA u l-kumpens għall-waqfien mill-attività ma teżistix.
53 F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-eventwali illegalità tal-kumpens għall-waqfien mill-attività fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat mhijiex ta' natura li teffettwa l-legalità tat-TACA.
54 Sussegwentement, f'dak li jikkonċerna, l-allokazzjoni ta' parti mid-dħul mit-TACA għall-finanzjament tas-skemi ta' l-assigurazzjoni ta' l-anzjani ta' bażiċi ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-professjonijiet ta' l-artiġanat u ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-professjonijiet industrijali u kummerċjali (ara l-punti 12 sa 14 ta' din is-sentenza), għandu jiġi kkonstatat li l-fondi benefiċċjarji (Organic u Cancava) jeżerċitaw attività ta' tmexxija ta' skema tas-sigurtà soċjali bażika, li hija bbażata fuq mekkaniżmu ta' solidarjetà. Peress li l-attività eżerċitata mill-fondi kkonċernati ma tikkostitwixxix attività ekonomika (sentenza tas-16 ta' Marzu 2004, AOK-Bundesverband et, C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01, Ġabra. p. I-2493, punt 47), il-finanzjament ta' din l-attività ma jaqax taħt l-Artikolu 87(1), KE.
55 Barra minn hekk u f'kull każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tistabbilixxi ebda rabta restrittiva fir-rigward ta' l-allokazzjoni bejn it-TACA u l-iskemi ta' l-assigurazzjoni ta' l-anzjanità ta' l-artiġani u tal-kummerċjanti. Fil-fatt, konformament ma' l-Artikolu 40-II tal-liġi Nru 96-1160, l-ammont tat-TACA allokat għall-finanzjament ta' l-iskemi ta' l-assigurazzjoni kkonċernati huwa stabbilit, kull sena, b'ordni konġunt tal-Ministri kompetenti. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali ta' dawn il-Ministri, ma jistax jiġi ammess li dħul mit-TACA jeffettwa direttament l-importanza tal-vantaġġ mogħti lill-fondi benefiċċjarji in kwistjoni (ara s-sentenza tat-13 ta' Jannar 2005, Pape, C-175/02, Ġabra p. I-127, punt 16). Barra minn hekk mill-faxxikkli li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammont allokat lill-Organic u lill-Cancava, kull sena huwa stabbilit dejjem għas-somma ta' 45 730 000 EUR indipendentement mid-dħul mit-TACA.
56 Fl-aħħarnett, abbażi ta' l-elementi tal-faxxikkli sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas ma jidher aktar li teżisti rabta restrittiva fir-rigward ta' allokazzjoni bejn it-TACA u l-miżuri ffinanzjati minn Fisac (ara punti 15 sa 17 ta' din is-sentenza) u minn CPDC (ara punti 18 sa 20 tas-sentenza preżenti). Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali li jiddisponu minnha tal-Fisac u CPDC kif ukoll tal-Minstri kompetenti bis-saħħa ta' l-Artikolu 8 tad-digriet Nru 95-1140 u l-Artikolu 4 tad-digriet Nru 91-284, rispettivament, għall-allokazzjoni tal-fondi li jiġu mid-dħul mit-TACA jeskludu l-eżistenza ta' rabta ta' allokazzjoni bħal din (ara s-sentenza Pape, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16).
57 Konsegwentement, anki jekk wieħed jista' jissoponi li Fisac u CPDC jiffinanzjaw miżuri li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat, l-eventwali illegalità ta' din l-għajnuna mhijiex ta' natura li teffettwa l-legalità tat-TACA fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.
58 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 87(1) KE u 88 (3) KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa, bħal dik tat-TACA.
Dwar l-ispejjeż
59 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikoli 87(1) KE u 88 (3) KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa, bħat-taxxa Franċiża ta' għajnuna għall-kummerċ u għall-artiġanat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.