Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Settembru 2006 (*)

"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 56(1) KE u 43 KE – Ishma speċifiċi (‘golden shares’) ta’ l-Istat Olandiż fil-kumpanniji KPN u TPG – Delimitazzjoni tal-kunċetti ta’ ‘kapital azzjonarju ta’ kontroll’, ta’ ‘investiment dirett’ u ta’ ‘portfolio ta’ l-investimenti’ fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali – ‘Miżura ta’ l-Istat’ skond il-libertajiet fundamentali – Garanzija tas-servizz universali tal-posta"

Fil-kawżi magħquda C-282/04 u C-283/04,

li għandhom bħala suġġett rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressqa fit-30 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Lulju 2004, rispettivament,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. Støvlbæk, A. Nijenhuis u S. Noë, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, J. van Bakel u M. de Grave, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, K. Lenaerts u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikorsi tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, biż-żamma fl-istatuti ta’ Koninklijke KPN NV u ta’ TPG NV ċertu dispożizzjonijiet li jipprovdu li l-kapital ta’ dawn il- kumpanniji jinkludi sehem speċifiku f’isem l-Istat Olandiż, li jagħti drittijiet speċjali ta’ approvazzjoni lil dan ta’ l-aħħar ta’ ċertu deċiżjonijiet meħuda mill-organi kompetenti ta’ dawn il-kumpanniji, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 56 KE u 43 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond l-Artikolu 2(8) tal-Kodiċi Ċivili Olandiż (Burgerlijk Wetboek, iktar ‘il quddiem "Burgerlijk Wetboek"), l-eżerċizzju tad-drittijiet li għandu d-detentur ta’ sehem speċifiku huma rregolati mill-prinċipji tar-raġuni u l-ekwità. Skond din id-dispożizzjoni:

"1.      Persuna ġuridika kif ukoll dak jew dawk involuti fl-organizzazzjoni tagħha skond il-liġi jew l-istatuti, għandhom iġibu ruħhom wieħed lejn l-ieħor skond l-eżiġenzi tal-prinċipji tar-raġuni u l-ekwità.

2.      Regola applikabbli bejniethom skond il-liġi, l-użu, l-istatuti, ir-regolamenti jew digriet, m'għandhiex effetti safejn, tenut kont taċ-ċirkustanzi, din tkun inaċċettabbli fid-dawl tal-kriterji li joħorġu mir-raġuni u l-ekwità."

3       L-Artikolu 2(9) tal-Burgerlijk Wetboek jipprovdi:

"1.      Sakemm ma jingħadx mod ieħor f’dispożizzjoni ta’ l-istatuti, l-ishma kollha jagħtu l-istess drittijiet u obbligi proporzjonalment għall-valur nominali tagħhom.

[…]

3.      L-istatuti jistgħu jipprovdu li ċertu ishma jagħtu d-drittijiet speċjali deskritti fir-rigward tal-kontroll tal-kumpannija."

 Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

4       Fl-1989, l-impriża ta' l-Istat Olandiż inkarigata mill-posta, mit-telegrafija u mit-telefonija ġiet mibdula f'kumpannija pubblika, bl-isem Koninklijke PTT Nederland NV (iktar ‘il quddiem "PTT").

5       Fl-okkażjoni tal-privatizzazzjoni parzjali tal-PTT, bil-bejgħ, fl-1994, ta’ l-ewwel parti ta’ l-ishma li kienu jirrappreżentaw 30% tal-kapital tagħha, u wara, fl-1995, tat-tieni parti ta’ l-ishma li kienu jirrappreżentaw 20% ta’ dan ta’ l-aħħar, l-istatuti ta’ din l-impriża ġew emendati sabiex jintroduċu sehem speċifiku, magħruf bħala "golden share", favur l-Istat Olandiż.

6       Fl-1998, PTT ġiet maqsuma f’żewġ kumpanniji awtonomi, jiġifieri Koninklijke KPN NV (iktar ‘il quddiem "KPN") għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u TNT Post Groep NV, li wara dan saret TPG NV (iktar ‘il quddiem "TPG"), għas-servizzi tal-posta.

7       Wara li saret din il-qasma, is-sehem speċifiku li kellu l-Istat Olandiż fil-PTT ġie mibdul sabiex dan l-Istat jibbenefika minn sehem speċifiku f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji l-ġodda (iktar ‘il quddiem "ishma speċifiċi in eżami").

8       Bħala prinċipju, l-Istat Olandiż seta’ jċedi l-ishma speċifiċi li jkollu lill-kumpannija kkonċernata jew lil akwirent ieħor. F’dan l-aħħar każ, it-trasferiment għandu, skond l-Artikolu 17 ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG, jiġi approvat mill-kumitat ta’ tmexxija u l-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din il-kumpannija.

9       L-ishma speċifiċi in eżami tgħin lill-Istat Olandiż sabiex jibbenefika minn drittijiet speċjali ta’ approvazzjoni preliminari tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji fir-rigward tal-punti li ġejjin:

–       il-ħruġ ta’ ishma tal-kumpannija (Artikolu 12(1),(2) u (4) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG);

–       il-limitazzjoni jew it-tneħħija tad-dritt ta’ preferenza tad-detenturi ta’ ishma ordinarji (Artikolu 13(3) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG);

–       l-akkwist jew it-trasferiment, mill-kumpannija, ta’ ishma tagħha li jirrappreżentaw iktar minn 1% tal-kapital sottoskritt f’ishma ordinarji (Artikolu 15(3) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG);

–       il-fidi tas-sehem speċifiku (Artikolu 16(3) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG);

–       l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot marbut ma’ l-ishma f'KPN Telecom BV jew f'PTT Post Holdings BV (jew f'persuna ġuridika oħra skond l-Artikolu 4(1) tal-liġi fuq il-posta [Postwet]) dwar proposti għal xoljiment, amalgamazzjoni jew qsim, akkwist ta’ ishma tagħha u ta’ emendi ta’ l-istatuti dwar il-poteri ta’ l-assemblea ġenerali ta’ dawn il-kumpanniji fl-oqsma msemmija qabel [Artikolu 25(3)(a) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG];

–       ta’ investimenti li jinkludu tnaqqis fil-fondi tal-kumpannija, skond il-bilanċ konsolidat tagħha, inqas minn 30% ta’ l-assi totali ta’ KPN [Artikolu 25(3)(b) ta’ l-istatuti ta’ KPN] jew inkella ta’ 15% l-assi totali ta’ TPG [Artikolu 25(3)(b) ta’ l-istatuti ta’ TPG];

–       it-tqassim ta’ dividendi f’ishma tal-kumpannija u/jew li ġej mir-riżervi (l-Artikolu 36 ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG);

–       l-amalgamazzjoni jew il-qsim [Artikolu 47(2)(a) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG];

–       ix-xoljiment tal-kumpannija [Artikolu 47(2)(b) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG];

–       l-emenda ta’ l-istatuti tal-kumpannija [Artikolu 47(2)(c) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG] b’mod partikolari fir-rigward ta':

–       l-għanijiet ta’ din il-kumpannija, safejn din tirrigwarda l-għoti ta’ konċessjonijiet jew awtorizzazzjonijiet;

–       il-kapital tal-kumpannija u t-tipi ta’ ishma tal-kumpannija, fejn din toħloq tip ġdid ta’ ishma, ta’ kupuni jew ishma oħrajn fuq ir-riżultat u/jew il-patrimonju tal-kumpannija jew tneħħi s-sehem speċifiku jew l-ishma preferenzjali B;

–       it-trasferiment tas-sehem speċifiku, u

–       il-modifika tad-drittijiet marbuta mas-sehem speċifiku skond l-Artikoli 12, 13, 15(3) 25(3) 36 u 47(2) ta’ l-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG, kif ukoll li,

–       b’mod ġenerali, kull modifika li ġġib dannu, li ġġib ħsara, jew li tmur kontra d-drittijiet marbuta mas-sehem speċifiku.

10     Fi "Afspraken op Hoofdlijnen KPN en TPG" (ftehim ma’ KPN u TPG), l-Istat Olandiż, minn naħa, intrabat, li juża’ s-sehem speċifiku li kellu f'KPN fil-każ biss li l-interessi tiegħu bħala azzjonist importanti jirrikjedu li jagħmel dan u, min-naħa l-oħra, li juża’ dawk li kellu f’TPG biss fl-istess ipoteżi jew jekk il-protezzjoni ta’ l-interess ġenerali marbut mal-garanzija tas-servizz universali tal-posta tirrikjedi dan. Dan l-Istat intrabat ukoll li ma jużax id-drittijiet li joħorġu minn dawn l-ishma speċifiċi biex jipproteġi l-kumpanniji kkonċernati kontra tibdil fil-kontroll mhux mixtieq.

11     Bejn l-1998 u t-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, tas-6 ta’ April 2003, il-kapital azzjonarju ordinarju ta’ l-Istat Olandiż ġie progressivament mnaqqas għal madwar 20% fi KPN u sa 35% fi TPG.

12     Wara li l-Kummissjoni tat lir-Renju ta’ l-Olanda l-possibbiltà li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, fis-6 ta’ Frar 2003, hija indirizzat żewġ opinjonijiet motivati lil dan l-Istat Membru, li fihom irrilevat li l-ishma speċifiċi li kellu l-Istat Olandiż fil-kumpanniji KPN u TPG kienu jidhru inkompatibbli ma’ l-Artikoli 56(1) KE u 43 KE. Il-Kummissjoni tat lill-imsemmi Stat Membru terminu ta’ xahrejn biex jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjonijiet motivati. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta mogħtija mill-Gvern Olandiż fl-ittri tiegħu tat-28 ta’ April 2003, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

13     Permezz ta’ digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2005, il-kawżi C-282/04 u C-283/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq ir-rikors

14     In sostenn ta’ kull wieħed mir-rikorsi tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti bbażati, essenzjalment, fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 56(1) KE u 43 KE, minħabba li r-Renju ta’ l-Olanda huwa d-detentur taż-żewġ ishma speċifiċi in eżami fil-kumpanniji KPN u TPG li jagħtuh drittijiet speċjali ta’ approvazzjoni preliminari ta’ ċertu deċiżjonijiet ta’ tmexxija ta’ l-organi ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.

 Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 56(1) KE

 L-argumenti tal-partijiet

15     Il-Kummissjoni tqis li l-ishma speċifiċi in eżami jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital skond l-Artikolu 56(1) KE u li d-drittijiet speċjali marbuta ma’ dawn l-ishma, anke safejn dawn ta’ l-aħħar jipproteġu l-interess ġenerali, huma, fi kwalunkwe każ, sproporzjonati.

16     Il-Gvern Olandiż jirrispondi li dawn l-ishma ma jikkostitwixxux ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital. Huma ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ‘miżuri ta’ l-Istat’ li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 56(1) KE. Minbarra dan, huma ma jistax ikollhom effett fuq l-akkwist ta’ l-ishma fil-kumpanniji in kwistjoni, iżda fuq ċertu deċiżjonijiet dwar it-tmexxija ta’ dawn l-aħħar biss. Huma mhumiex suxxettibbli li jiddisswadu lill-investituri milli jixtru partijiet f’dawn il-kumpanniji u fil-fatt, ma jiskoraġġixxux l-investimenti. Għalhekk, minkejja li għandha tiġi stabbilita rabta bejn l-ishma speċifiċi in eżami u d-deċiżjoni ta’ investiment, tali rabta tkun tant każwali u indiretta li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital.

17     Sussidjarjament, dan il-Gvern iqis li s-sehem speċifiku li kellu f'TPG huwa, f’kull każ, iġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-garanzija tas-servizz universali tal-posta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-eżistenza ta’ ostakoli

18     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza konstanti, l-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99, Ġabra p. I-4781, punti 35 u 40, u tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-98/01, Ġabra p. I-4641, punti 38 u 43).

19     Fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat KE, tal-kunċett ta’ "movimenti tal-kapital" skond l-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà irrikonoxxiet valur indikattiv għan-nomenklatura annessa mad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu abrogat permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5). Għalhekk huma, b’mod partikolari, l-investimenti diretti taħt il-forma ta' kapital azzjonarju f’impriża permezz tad-detenzjoni ta’ ishma li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u fil-kontroll tagħha (investimenti magħrufa bħala "diretti") kif ukoll l-akkwist ta’ titoli fuq is-suq tal-kapital magħmul bl-intenzjoni biss li jitwettaq investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata t-tmexxija u l-kontroll ta’ l-impriża (investimenti magħrufa bħala "tal-portfolio") li jikkostitwixxu movimenti tal-kapital skond l-Artikolu 56(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer, C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 21, u s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punti 36 u 37, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punti 39 u 40).

20     Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ investimenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat dak li għandu jiġi kkwalifikat bħala "restrizzjonijiet" skond l-Artikolu 56(1) KE ta’ miżuri nazzjonali li huma suxxettibbli li jostakolaw jew jillimitaw l-akkwist ta’ ishma fl-impriżi kkonċernati jew li huma suxxettibbli li jiddisswadu l-investituri ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital tagħhom (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-174/04, Ġabra p. I-4933, punti 30 u 31, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punti 34 u 35).

21     F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-ishma speċifiċi in eżami jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital ipprovdut fl-Artikolu 56(1) KE.

22     Fil-fatt, l-ewwel nett jeħtieġ li jitqis li l-introduzzjoni ta’ l-ishma speċifiċi in eżami fl-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG jirriżulta mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Istat Olandiż meta saret il-privatizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji sabiex jiżgura ż-żamma ta’ ċertu numru ta’ drittijiet statutorji speċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż, dawn l-ishma għandhom jiġu kklasifikati bħala miżuri ta’ l-Istat li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 56(1) KE.

23     Wara, għandu jiġi kkonstat li l-ishma speċifiċi in eżami huma suxxettibbli li jiddisswadu l-investituri ta’ Stati Membri oħra milli jeffettwaw investimenti f'KPN u f'TPG.

24     Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-ishma speċifiċi, serje ta’ deċiżjonijiet ta’ tmexxija ferm importanti ta’ l-organi ta’ KPN u ta’ TPG, li jirrigwardaw l-attivitajiet ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji kif ukoll l-istruttura tagħhom stess (b’mod partikolari, il-kwistjonijiet ta’ amalgamazzjoni, ta’ qsim jew ta’ xoljiment), jiddependu fuq approvazzjoni preliminari ta’ l-Istat Olandiż. Għalhekk, kif qieset ġustament il-Kummissjoni, minn naħa, dawn l-ishma speċifiċi jagħtu lill-Istat Olandiż influwenza fuq it-tmexxija ta’ KPN u ta’ TPG, li mhijiex iġġustifikata mill-portata ta’ l-investiment tiegħu u li hija kunsiderevolment iktar importanti minn dik li l-parteċipazzjoni ordinarja tiegħu f’dawn il-kumpanniji normalment tippermettilu li jikseb. Min-naħa l-oħra, dawn l-ishma jillimitaw l-influwenza ta’ azzjonijisti oħra fir-rigward ta' l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħhom fi KPN u fi TPG.

25     Minn barra dan, dawn l-ishma speċifiċi ma jistgħux jiġu mifdija jekk mhux bi ftehim mill-Istat Olandiż.

26     Billi deċiżjonijiet ta’ tali importanza huma suġġetti għall-approvazzjoni preliminari ta’ l-Istat Olandiż u billi b'dan il-mod tkun qed tiġi limitata l-possibbiltà ta' l-azzjonisti l-oħra li effettivament jipparteċipaw fit-tmexxija tal-kumpannija kkonċernata, l-eżistenza ta’ dawn l-ishma jista’ jkollha influwenza negattiva fuq l-investimenti diretti.

27     Bl-istess mod, l-ishma speċifiċi in eżami jista’ jkollhom effett dissważiv fuq l-investimenti tal-portfolio f'KPN u f'TPG. Rifjut eventwali ta’ l-Istat Olandiż li japprova deċiżjoni importanti, ippreżentata mill-organi tal-kumpannija kkonċernata bħala fl-interess tagħha, huwa fil-fatt, suxxettibli li jaffettwa l-valur (fil-borża) ta’ l-ishma ta’ din il-kumpannija u, għalhekk, l-attrazzjoni ta’ investiment f’dawn l-ishma.

28     Għalhekk, ir-riskju li tara l-Istat Olandiż jeżerċita d-drittijiet speċjali tiegħu favur interessi li mhumiex kompatibbli ma' l-interess ekonomiku tal-kumpannija kkonċernata jista’ jiskoraġġixxi investimenti diretti jew tal-portfolio f’din il-kumpannija.

29     Fl-aħħar, għandu jitqis li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż, dawn l-effetti restrittivi la huma każwali wisq u lanqas huma wisq indiretti biex jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital.

30     Fil-fatt, f'ċerti ċirkustanzi partikolari, ma jistax jiġi eskluż li, l-Istat Olandiż jeżerċita d-drittijiet speċjali tiegħu sabiex jiddefendi l-interessi ġenerali, li eventwalment jistgħu jkunu kuntrarji għall-interessi ekonomiċi tal-kumpannija kkonċernata. L-ishma speċifiċi in eżami iġibu magħhom ir-riskju reali li ċerti deċiżjonijiet, irrakkomandati mill-organi ta' dawn il-kumpanniji bħala li jikkorrispondu għall-interessi ekonomiċi ta' dawn ta' l-aħħar, jiġu mwaqqfa mill-imsemmi Stat.

31     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, l-ishma speċifiċi in eżami jikkostitwixxu restrizzjonijiet skond l-Artikolu 56(1) KE.

–       Fuq ġustifikazzjoni eventwali ta’ l-ostakoli

32     Il-moviment liberu tal-kapital jista’ madankollu jiġi limitat permezz ta’ miżuri nazzjonali ġġustifikati minħabba r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 29), sakemm ma teżistix miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni li tipprovdi l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi (ara f’dan is-sens, fil-kuntest tal-moviment liberu tas-servizzi, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-255/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33     Fin-nuqqas ta din l-armonizzazzjoni Komunitarja, huma fil-prinċipju l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw il-protezzjoni ta’ tali interessi leġittimi u l-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. Madankollu, huma jistgħu jagħmlu dan biss fil-limiti stabbiliti fit-Trattat u, b’mod partikolari, b’rispett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li l-miżuri adottati jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-għan tagħhom jintlaħaq u li ma jmorrux lilhinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-503/99, Ġabra p. I-4809, punt 45).

34     Għalhekk, sabiex f’din il-kawża jiġi evalwat il-mertu ta’ l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-ishma speċifiċi in eżami, li jġibu magħhom drittijiet speċjali ta’ approvazzjoni preliminari ta’ ċertu deċiżjonijiet ta’ tmexxija ta’ l-organi ta’ KPN u ta’ TPG, jistgħu jiġu ġġustifikati fir-rigward ta’ waħda mir-raġunijiet pprovduti fil-punt 32 ta’ din is-sentenza u jekk il-miżuri humiex proporzjonati ma’ l-għanijiet li jridu jintlaħqu.

35     Fir-rigward tas-sehem speċifiku li għandu f'KPN, il-Gvern Olandiż ma jinvoka l-ebda għan ta’ interess ġenerali li jista’ jservi ta’ ġustifikazzjoni.

36     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment invokat fil-kawża C-282/04, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 56(1) KE, għandu jintlaqa’.

37     Fir-rigward tas-sehem speċifiku li għandu f'TPG, il-Gvern Olandiż iqis li dan huwa neċessarju biex jiggarantixxi s-servizz universali tal-posta, u b'mod iktar partikolari biex jipproteġi s-solvibbiltà u l-kontinwità ta’ TPG, li hija l-unika impriża fl-Olanda li attwalment qiegħda f'pożizzjoni li tiżgura s-servizz universali fuq il-livell meħtieġ mil-liġi.

38     F’dan ir-rigward, għandu jitqis li l-garanzija ta’ servizz ta’ interess ġenerali, bħas-servizz universali tal-posta, jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Radiosistemi, C-388/00 u C-429/00, Ġabra p. I-5845, punt 44).

39     Madankollu, is-sehem speċifiku in eżami jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta s-solvibbiltà u l-kontinwità tal-fornitur tas-servizz universali tal-posta.

40     Fil-fatt, kif qis ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm bżonn li jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-drittijiet speċjali li għandu l-Istat Olandiż f'TPG mhumiex biss limitati għall-attivitajiet ta’ din ta’ l-aħħar bħala fornitur ta' servizz universali tal-posta. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet speċjali mhuwa bbażat fuq l-ebda kriterju preċiż u m'għandux ikun immotivat, li jagħmel impossibli kull stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

41     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, l-ewwel ilment invokat fil-kawża C-283/04, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 56(1) KE, għandu jintlaqa’.

 Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 43 KE

42     Il-Kummissjoni titlob ukoll li jkun ikkonstatat nuqqas fl-obbligi tar-Renju ta’ l-Olanda skond l-Artikolu 43 KE, dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment, billi l-ishma speċifiċi in eżami mhux biss jostakolaw l-investimenti diretti u tal-portfolio f'KPN jew f'TPG, iżda huma wkoll suxxettibbli li jostakolaw it-teħid ta’ kapital azzjonarju ta' kontroll f’dawn iż-żewġ kumpanniji, u għalhekk l-investimenti li jinfluwenzaw it-tmexxija u l-kontroll ta’ dawn ta’ l-aħħar (ara, f’dan ir-rigward, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering C-208/00, Ġabra p. I-9919, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43     Hekk kif jirriżulta mill-punt 41 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, safejn l-ishma speċifiċi in eżami joħolqu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment, tali restrizzjonijiet huma l-konsegwenza diretta ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital eżaminati iktar ‘il fuq, u għalhekk dawn huma inseparabbli. Għaldaqstant, billi ġie kkonstatat ksur ta’ l-Artikolu 56(1) KE, mhuwiex neċessarju li l-miżuri in eżami jiġu eżaminati separatament fid-dawl tar-regoli tat-trattat dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-463/00, Ġabra p. I-4581, punt 86).

44     Fil-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, biż-żamma fl-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG ta’ ċertu dispożizzjonijiet li jipprovdu li l-kapital ta’ dawn il- kumpanniji jinkludi sehem speċifiku f’isem l-Istat Olandiż, li jagħti lil dan ta' l-aħħar drittijiet speċjali ta’ approvazzjoni ta’ ċertu deċiżjonijiet ta’ tmexxija ta’ l-organi ta’ dawn il-kumpanniji, li mhumiex limitati għal każijiet fejn l-intervent ta’ dan l-Istat huwa neċessarju għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja u, fil-każ ta’ TPG, b’mod partikolari, biex tiżgura ż-żamma tas-servizz universali tal-posta, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 56(1) KE.

 Fuq l-ispejjeż

45     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ l-Olanda tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Biż-żamma fl-istatuti ta’ KPN u ta’ TPG ta’ ċertu dispożizzjonijiet li jipprovdu li l-kapital ta’ dawn il-kumpanniji jinkludi sehem speċifiku f’isem l-Istat Olandiż, li jagħti lil dan ta' l-aħħar drittijiet speċjali ta’ approvazzjoni ta’ ċertu deċiżjonijiet ta’ tmexxija ta’ l-organi ta’ dawn il-kumpanniji, li mhumiex limitati għal każijiet fejn l-intervent ta’ dan l-Istat huwa neċessarju għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja u, fil-każ ta’ TPG NV, b’mod partikolari, biex tiżgura ż-żamma tas-servizz universali tal-posta, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 56(1) KE.

2)      Ir-Renju ta’ l-Olanda huwa ordnat ibati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.