Kawża C-284/04
T-Mobile Austria GmbH et
vs
Republik Österreich
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula
mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien)
“Sitt Direttiva VAT — Tranżazzjonijiet taxxabbli — Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ — Artikolu 4(2) — Assenjazzjoni ta’ liċenzji li jippermettu l-użu ta’ parti definita ta’ l-ispettru ta’ frekwenzi rriżervat għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni”
Sommarju tas-Sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Attivitajiet ekonomiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva
[Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388, Artikolu 4(2)]
L-Artikolu 4(2), tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali, responsabbli għall-assenjazzjoni tal-frekwenzi, ta’ liċenzji għall-użu tal-frekwenzi ta’ l-ispettru elettromanjetiku bil-għan ta’ provvista lill-pubbliku tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli, permezz ta’ tqegħid għall-irkant, ma tikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
Din l-attività hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-aċċess ta’ l-operaturi ekonomiċi għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli u m’għandhiex tikkostitwixxi parteċipazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti fl-imsemmi suq. Fil-fatt, huma biss dawn l-operaturi, proprjetarji tal-liċenzji assenjati, li joperaw fis-suq in kwistjoni billi jisfruttaw il-proprjetà in kwistjoni bl-iskop ta’ dħul minnha ta’ natura kontinwa.
Għaldaqstant, fl-assenjazzjoni tagħha ta’ tali awtorizzazzjonijiet, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tipparteċipax fl-isfruttament ta’ proprjetà, li hija l-imsemmija liċenzja għall-użu bl-iskop ta’ dħul ta’ natura kontinwa. Permezz ta’ din il-proċedura ta’ assenjazzjoni, din l-awtorità teżerċita biss attività ta’ kontroll u regolatorja ta’ l-użu ta’ l-ispettru elettromanjetiku li huwa espressament mogħti lilha.
Barra minn hekk, il-fatt li l-assenjazzjoni tal-liċenzja in kwistjoni tagħti lok għal ħlas mhuwiex tali li jbiddel in-natura ġuridika ta’ din l-attività.
(ara l-punti 42, 44-45, 49 u disp.)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
26 ta’ Ġunju 2007 (*)
“Sitt Direttiva VAT – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ – Artikolu 4(2) – Assenjazzjoni ta’ liċenzji li jippermettu l-użu ta’ parti definita ta’ l-ispettru ta’ frekwenzi rriżervat għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni”
Fil-kawża C-284/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2004, fil-proċedura
T-Mobile Austria GmbH,
3G Mobile Telecommunications GmbH,
Mobilkom austria AG, li qabel kienet mobilkom austria AG & Co. KG,
Master-talk Austria Telekom Service GmbH & Co. KG,
ONE GmbH,
Hutchison 3G Austria GmbH,
Tele.ring Telekom Service GmbH,
Tele.ring Telekom Service GmbH, aventi kawża ta’ TRA 3G Mobilfunk GmbH,
vs
Republik Österreich,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász u J. Klučka, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistraturi: B. Fülöp u K. Sztranc-Sławiczek, Amministraturi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal T-Mobile Austria GmbH, minn F. Heidinger u W. Punz, Rechtsanwälte,
– għal 3G Mobile Telecommunications GmbH u mobilkom austria AG, minn P. Huber, Rechtsanwalt,
– għal master-talk Austria Telekom Service GmbH & Co. KG, ONE GmbH u Hutchison 3G Austria GmbH, minn E. Lichtenberger u K. Retter, Rechtsanwälte,
– għal tele.ring Telekom Service GmbH, minn T. Kustor u B. Polster, Rechtsanwälte, kif ukoll minn C. Staringer, professeur d’université,
– għar-Republik Österreich, minn U. Weiler, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, J. Bauer u C. Knecht, bħala aġenti,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn K. Hagel-Sørensen, advokat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C.-D. Quassowski, kif ukoll minn C. Schulze-Bahr, bħala aġenti, assistiti minn K. Stopp u B. Burgmaier, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,
– għall-Irlanda, minn A. Aston, SC, u G. Clohessy, SC,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell u R. Caudwell, bħala aġenti, assistiti minn K. Parker u C. Vajda, QC, kif ukoll minn G. Peretz, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Gross, R. Lyal, M. Shotter u D. Triantafyllou, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ‘il quddiem is-“Sitt Direttiva”), b’mod partikolari l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi prinċipali magħquda bejn T-Mobile Austria GmbH, 3G Mobile Telecommunications GmbH, mobilkom austria AG, li qabel kienet mobilkom austria AG & Co. KG, master-talk Austria Telekom Service GmbH & Co. KG, ONE GmbH, Hutchison 3G Austria GmbH, tele.ring Telekom Service GmbH u TRA 3G Mobilfunk GmbH, li l-aventi kawża tagħha hija tele.ring Telekom Service GmbH, u r-Republik Österreich, intiża li jinkiseb mingħand din ta’ l-aħħar, għall-finijiet ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem il-“VAT”) imħallsa fuq ix-xiri, il-kunsinna ta’ l-irċevuti għall-ħlas magħmul fl-okkażjoni ta’ l-assenjazzjoni lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ liċenzji għall-użu tal-frekwenzi ta’ l-ispettru elettromanjetiku bil-għan li tipprovdi lill-pubbliku servizz ta’ telekomunikazzjoni mobbli (iktar ‘il quddiem il-“liċenzja għall-użu fil-kawża prinċipali”).
Kuntest Ġuridiku
Id-dispożizzjonijiet relattivi għall-VAT
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.
4 L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva jipprovdi:
“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.
[...]
5. Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet.
Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni.
F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.
[…]”
5 L-Artikolu 17 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi:
“1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
2. Sakemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;
[…]”
6 Il-punt 1 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva jsemmi t-telekomunikazzjonijiet.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Skond il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar it-taxxi fuq il-bejgħ ta’ l-1994 (Umsatzsteuergesetz, BGBl. 663/1994, iktar ‘il quddiem l-“UStG 1994”) huma suġġetti għall-VAT il-provvisti u servizzi oħra li kuntrattur, fil-kuntest ta’ l-impriża tiegħu, jeffettwa bi ħlas fit-territorju nazzjonali. It-taxxa mhijiex eskluża minħabba l-fatt li l-operazzjoni hija effettwata fuq il-bażi ta’ att legali jew amministrattiv jew li għandha titqies li twettqet taħt xi dispożizzjoni legali.
8 Skond l-Artikolu 2(1) ta’ l-UStG 1994, jitqies li huwa kuntrattur kull persuna li b’mod indipendenti twettaq attività kummerċjali jew professjonali, jiġifieri kull attività permanenti mwettqa bi skop li jirċievi dħul minnhom. Skond l-imsemmi Artikolu 2(3), il-korpi rregolati mil-liġi pubblika jeżerċitaw, bħala regola, attività kummerċjali jew professjonali biss fil-kuntest ta’ l-istabbilimenti kummerċjali tagħhom.
9 L-ewwel u t-tieni sentenzi ta’ l-Artikolu 11(1) ta’ l-UStG 1994 jipprovdi li, jekk l-operatur jagħmel tranżazzjonijiet fis-sens ta’ l-inċiż 1 tal-Paragrafu 1(1) ta’ l-UStG, huwa jkun intitolat joħroġ irċevuti. Barra minn hekk, jekk jagħmel tranżazzjonijiet lil xi operatur ieħor għall-impriża ta’ dan ta’ l-aħħar jew għal xi persuna legali fejn din ta’ l-aħħar ma tkunx operatur, huwa jkun obbligat joħroġ l-irċevuti.
10 Dawn l-irċevuti għandhom, skond il-Artikolu 11(1)(6) ta’ l-UStG 1994, isemmu l-ammont tal-VAT rilevanti għat-tranżazzjoni mwettqa.
11 Jirriżulta, mill-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (il-Körperschaftsteuergesetz, BGBl. 401/1988, aktar ‘il quddiem il-“KStG”), li huwa stabbiliment kummerċjali ta’ korp, irregolat mid-dritt pubbliku, kull korp li huwa ekonomikament awtonomu u jeżerċita esklużivament jew prinċipalment attività ekonomika permanenti ta’ natura privata li ma tkunx fis-settur ta’ l-agrikoltura jew tal-forestrija bl-iskop li jagħmel dħul minnha jew, fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-iskambji ekonomiċi ġenerali, vantaġġi ekonomiċi oħra.
12 Madankollu, l-Artikolu 2(5) tal-KStG jiprrovdi li mhijiex attività ekonomika ta’ natura privata, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ l-imsemmi Artikolu, attività li taqa’ prinċipalment taħt l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.
Id-dispożizzjonijiet relattivi għall-assenjazzjoni tal-liċenzja għall-użu fil-kawża prinċipali
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
13 Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13/KE, ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 117, p. 15), kienet fis-seħħ sal-25 ta’ Lulju 2003.
14 L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:
“Għall-finijiet tad-Direttiva preżenti:
[...]
d) ‘rekwiżiti essenzjali’ tfisser ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali u mhux ta’ natura ekonomika li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru jimponi kundizzjonijiet fuq l-istabbiliment u/jew l-operat tan-netwerks ta’ telekomunikazzjoni jew fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni. Dawn ir-raġunijiet huma s-sigurtà tal-funzjonament tan-netwerk, iż-żamma ta’ l-integrità tiegħu u, fil-każ fejn huwa ġġustifikat, l-interoperabbiltà tas-servizzi, il-protezzjoni tad-data, ta’ l-ambjent u ta’ l-għanijiet urbanistiċi u ta’ ppjanar tat-territorju, kif ukoll, l-użu razzjonali ta’ l-ispettru tal-frekwenzi u l-prevenzjoni ta’ kull interferenza dannuża bejn is-sistemi ta’ telekomunikazzjoni bir-radju u ta’ sistemi tekniċi mill-ispazju jew mill-art.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
15 Skond it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmija direttiva:
“L-Istati Membri jistgħu jassenjaw liċenzja individwali biss fejn il-benefiċjarju jingħata aċċess għal riżorsi fiżiċi jew riżorsi oħra li jkunu skarsi jew li tkun suġġetta għal obbligi partikolari jew tgawdi minn drittijiet partikolari, skond id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima III” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].
16 L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/13 jippreċiża l-kundizzjonijiet imposti fuq l-awtorizzazzjonijiet ġenerali kif ġej:
“Meta l-Istati Membri jissuġġettaw il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġenerali, il-kundizzjonijiet li, f’każijiet ġustifikati, jistgħu jiġu imposti fuq dawn l-awtorizzazzjonijiet jidhru fil-punti 2 u 3 ta’ l-Anness. Dawn l-awtorizzazzjonijiet ġenerali għandhom iwasslu għal applikazzjoni tas-sistema l-inqas restrittiva possibbli li hija kompatibbli ma’ l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali u r-rekwiżiti l-oħra ta’ interess pubbliku li huma applikabbli, elenkati fil-punti 2 u 3 ta’ l-Anness”[Traduzzjoni mhux uffiċjali].
17 It-Taqsima III ta’ din id-Direttiva, li tinkludi l-Artikoli 7 sa 11, tirregola l-liċenzji individwali, fejn is-sitwazzjoni tiġġustifika l-assenjazzjoni ta’ tali liċenzji. L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi li “il-kundizzjonijiet li minbarra dawk stabbiliti għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali jistgħu, f’każijiet ġustifikati, jiġu imposti fuq l-assenjazzjoni tal-liċenzji individwali, jidhru fil-punti 2 u 3 ta’ l-Anness”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali] Skond il-punti 2.1 u 4.2 ta’ l-imsemmi Anness, dawn il-kundizzjonijiet huma b’mod partikolari intiżi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali rilevanti kif ukoll tal-kundizzjonijiet partikolari marbuta ma’ l-użu u l-ġestjoni effikaċi tal-frekwenzi.
18 Bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 97/13, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta’ liċenzji individwali neċessarji sabiex jassiguraw l-użu effikaċji ta’ l-ispettru tal-frekwenzi. Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 10(2), għandhom, f’dan ir-rigward, jieħdu debitament in kunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu massimizzati l-benefiċċji għal utenti, u li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(3) jimponi li l-Istati Membri jagħtu dawn il-liċenzji individwali fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u dettaljati.
19 Jirriżulta mill-Artikolu 11(1) ta’ l-imsemmija Direttiva li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji tista’ tagħtu lok għal impożizzjoni ta’ tariffi li għandha “biss bħala għan li tkopri l-ispejjeż amministrattivi relattivi għall-kunsinna, għall-ġestjoni, għall-kontroll u l-applikazzjoni tal-liċenzji individwali applikabbli”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali] Barra minn hekk l-Artikolu 11(2) jipprovdi:
“Bla ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, fejn se jiġu użati riżorsi skarsi, jippermettu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jimponu tariffi li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawn it-tariffi għandhom ikunu non diskriminatorji u jagħtu qies partikolari tal-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].
20 Id-Direttiva 97/13 ġiet abrogata u ssostitwita b’effett mill-25 ta’ Lulju mid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (id-“Direttiva Qafas”) (ĠU L 108, p. 33).
21 L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“[...]
3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-possibbiltà, għall-impriżi, li jittrasferixxu l-liċenzja għall-użu tal-frekwenzi tar-radju lil impriżi oħra.
4. L-Istati Membri għandhom jasiguraw li l-ħsieb ta’ impriża li tittrasferixxi l-liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju jiġi nnotifikat lill-awtorità nazzjonali regolatorja responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ l-ispettru u li dak it-trasferiment iseħħ skond il-proċeduri stipulati mill-awtorità nazzjonali regolatorja u li jsir pubbliku. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jassiguraw li l-kompetizzjoni ma titgħawwiġx bħala riżultat ta’ xi transazzjoni bħal din. Fejn l-użu ta’ frekwenzi tar-radju jkun ġie armonizzat permezz ta’ l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE [tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-ispettri tar-radju) (ĠU L 108, p. 1)] jew ta’ miżuri oħra tal-Komunità, kull trasferiment bħal dak m’għandux jirriżulta f’xi bidla fl-użu ta’ dik il-frekwenza tar-radju”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
22 B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjoni ta’ l-2003 (Telekommunikationsgesetz, BGBl. I, 100/1997, iktar ‘il-quddiem it-“TKG”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, l-użu tas-servizzi pubbliċi tat-telefonija mobbli bil-leħen u ta’ servizzi oħra pubbliċi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli, permezz ta’ netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli użati b’mod proprju jeħtieġu liċenzja.
23 Skond l-Artikolu 15(2)(3), tal-TKG, fil-każ ta’ liċenzji biex tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-mobbli, tingħata tali liċenzja meta l-frekwenzi jkunu ngħataw lill-applikant jew ikunu setgħu ngħataw simultanjament mal-liċenzja.
24 Skond il-Paragrafu 21(1) tat-TKG, sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta’ l-ispettru ta’ frekwenzi, detenturi ta’ liċenzja għall-komunikazzjonijiet bil-mobbli għandhom iħallsu wkoll tariffa ta’ darba jew tariffa annwali għall-użu ta’ frekwenza minbarra l-ħlas għall-użu tal-frekwenza.
25 L-Artikolu 49(4) tal-TKG, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 111 ta’ din ta’ l-aħħar, jipprovdi li l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi intiżi għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi bil-mobbli taqa’ taħt il-kompetenza tat-Telekom Control Kommission (il-Kummissjoni regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet, iktar ‘il quddiem it-“TCK”).
26 Il-proċedura ta’ assenjazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 49a(1) tat-TKG li jipprovdi:
“L-awtorità regolatorja għandha talloka l-frekwenzi mogħtija lilha fost dawk l-applikanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali fis-subparagrafi 1 u 2 tal-Paragrafu 15(2) u tiggarantixxi l-aktar użu effiċjenti tal-frekwenzi. Dan għandu jiġi stabbilit mid-daqs tal-ħlas għal użu ta’ frekwenzi li jiġi offrut”.
27 Skond l-Artikoli 108 u 109 tat-TKG, it-TCK hija stabbilita taħt il-forma ta’ kumpannija, it-Telekom-Control GmbH, li tagħha l-Istat Awstrijaku huwa l-uniku soċju tagħha.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
28 Fit-3 ta’ Mejju 1999, it-TCK attribwixxiet, permezz ta’ sejħa għal offerti, il-liċenzja għall-użu fil-kawża prinċipali ta’ frekwenzi magħrufa bħala “GSM” (standard DCS-1800) lil tele.ring Telekom Service GmbH permezz ta’ ħlas ta’ ammont ta’ EUR 98 108 326 u, fis-7 ta’ Frar 2000, dawk relattivi għall-frekwenzi għas-sistemi ta’ komunikazzjonijiet tar-radju Ewropek TETRA lil master-talk Austria Telekom Service GmbH & Co. KG għas-somma ta’ EUR 4 832 743,47.
29 Fl-20 ta’ Novembru 2000, it-TCK tat il-liċenzja għall-użu fil-kawża prinċipali għall-frekwenzi fir-rigward tas-sistema ta’ telefonija mobbli msemmija “UMTS” (standard IMT 2000). Il-proċedura, li wkoll tmexxiet taħt il-forma ta’ rkant, li rriżulta fl-assenjazzjoni ta’ l-imsemmija liċenzji lil T Mobile Austria GmbH, lil 3G Mobile Telecommunications GmbH, lil mobilkom austria AG & Co. KG, lil Hutchison 3G Austria GmbH, lil ONE GmbH u lil TRA 3G Mobilfunk GmbH għal ammont totali ta’ EUR 831 595 241,10.
30 Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin ifittxu li jiksbu, mingħand ir-Republik Österreich, il-kunsinna ta’ l-irċevuti relattivi għall-assenjazzjoni tal-liċenzja għall-użu fil-kawża prinċipali fil-każ fejn dawn l-irċevuti huma neċessarji għall-finijiet ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri, b’applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
“1) It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, flimkien man-Nru 1 ta’ l-Anness D għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill […] għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjoni bil-mobbli skond l-UMTS/IMT-2000, GSM-DCS-1800 u l-istandards TETRA (iktar ‘il quddiem il-“licenzi għall-użu tal-frekwenzi għas-sistemi ta’ telefonija mobili”) minn Stat Membru għal ħlas għal użu ta’ frekwenza li din hija attività ta’ telekomunikazzjoni?
2) It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li Stat Membru li l-liġi nazzjonali tiegħu ma tipprovdix għall-kriterju msemmi fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tad-direttiva tad-daqs ‘mhux żgħira’ ta’ attività (ir-regola de minimis) bħala kundizzjoni biex wieħed ikollu l-istat ta’ persuna taxxabbli għandu għalhekk, f’kull każ, jitqies li huwa persuna taxabbli għall-attivitajiet tat-telekomunikazzjonijiet kollha indipendentement minn jekk id-daqs ta’ dawk l-attivitajiet ikunx żgħir?
3) It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji
għall-użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli minn Stat Membru għal ħlasijiet għal użu ta’ frekwenzi
li jammontaw għal EUR 831 595 241, 10 (UMTS/IMT 2000) jew EUR 98 108 326, 00 (kanali DCS-1800) jew
EUR 4 832 743, 47 (TETRA) għandha titqies li hija attività li mhijiex żgħira, b’tali mod li l-Istat Membru jitqies li huwa
persuna taxxabbli fir-rigward ta’ dik l-attività?
4) It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li jista’ jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni jekk Stat Membru, meta jassenja liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjoni bil-mobbli għal ħlas totali ta’ EUR 831 595 241, 10 (UMTS/IMT 2000) jew EUR 98 108 326 (kanali DCS-1800) jew EUR 4 832 43, 47 (TETRA), ma jissuġġettax dawk il-ħlasijiet għal taxxa fuq ix-xiri u l-offerenti privati għal dawk il-frekwenzi jkollhom jissuġġettaw din l-attività għat-taxxa fuq ix-xiri?
5) L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li attività ta’ Stat Membru li jassenja liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjoni bil-mobbli lil operaturi tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli b’tali mod li l-ogħla offerta ta’ ħlas għal użu ta’ frekwenza tiġi l-ewwel aċċertata fi proċedura ta’ rkant imbagħad il-frekwenzi jiġu assenjati lill-ogħla offerent ma sseħħx [minn dan l-Istat bħala] awtorità pubblika, b’tali mod li [l-imsemmi stat] jitqies li huwa persuna taxxabbli fir-rigward ta’ dik l-attività indipendentement minn natura ġuridika skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat [ikkonċernat]?
6) L-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li l-assenjazzjoni ta’ licenzi għall-użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli minn Stat Membru indikat fil-kuntest tal-ħames domanda għandha titqies li hija attività ekonomika, b’tali mod li l-Istat Membru jitqies li huwa persuna taxxabbli fir-rigward ta’ din l-attività?
7) Is-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata li tfisser li l-ħlasijiet għal użu ta’ frekwenza stabbiliti għall-assenjazzjoni ta’ liċenzji għall-użu ta’ frekwenza għal sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli huma ħlas gross (li diġà jinkludu l-VAT) jew ħlas nett (li magħha l-VAT għadha tista’ tiġi miżjuda)?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq is-sitt domanda
32 Permezz ta’ din id-domanda, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-assenjazzjoni permezz ta’ tqegħid għall-irkant minn Stat Membru ta’ drittijiet bħal dawk tal-liċenzja għall-użu ta’ frekwenzi tikkostitwixxix “attività ekonomika” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.
33 Skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, persuna taxxabbli tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ din l-attività. Dan il-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi” huwa ddefinit fl-imsemmi paragrafu 2 bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizz, u b’mod partikolari, it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.
34 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jagħti kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesgħa lill-VAT, huma biss previsti minn din id-dispożizzjoni l-attivitajiet li għandhom natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Régie dauphinoise, C 306/94, Ġabra p. I-3695, punt 15; tad-29 ta’ April 2004, EDM, C 77/01, Ġabra p. I-4295, punt 47, u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C 465/03, Ġabra p. I-4357, punt 18).
35 Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza kostanti li l-analiżi tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ persuna taxxabbli u ta’ attivitajiet ekonomiċi turi b’mod ċar kemm hu wiesa’ l-kamp ta’ applikazzjoni kopert mill-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi u n-natura oġġettiva tiegħu, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nfisha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield, C-223/03, Ġabra p. I-1751, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fil-kawża prinċipali, l-attività mwettqa mit-TCK tikkonsisti fl-assenjazzjoni, permezz ta’ tqegħid għall-irkant, ta’ liċenzji għall-użu fir-rigward ta’ ċerti frekwenzi ta’ l-ispettru elettromanjetiku lil operaturi ekonomiċi għal perijodu determinat. Fit-tmiem tal-proċedura ta’ l-assenjazzjoni, dawn l-operaturi ngħataw il-liċenzja li jużaw dawn il-liċenzji b’hekk miksuba sabiex jinstallaw tagħmir ta’ telekomunikazzjoni operanti f’setturi determinati ta’ l-imsemmi spettru elettromanjetiku.
37 Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-assenjazzjoni ta’ tali liċenzja għandhiex tinftiehem, fin-natura tagħha, li hija “sfruttament ta’ proprjetà” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.
38 L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ tali dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “sfruttament” jirreferi, skond ir-rekwiżiti tal-prinċipju tan-newtralità tas-sistema komuni tal-VAT, għal kull tranżazzjoni, tkun xi tkun il-forma legali tagħha, li hija intiża li jkun hemm dħul minnha fuq bażi kontinwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990, Van Tiem, C-186/89, Ġabra p. I-4363, punt 18; EDM, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 48, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, BBL, C-8/03, Ġabra p. I-10157, punt 36).
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-attività in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti fl-assenjazzjoni ta’ liċenzji li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw minnhom li jisfruttaw il-liċenzji għall-użu li jirriżulta f’li joffru lill-pubbliku s-servizzi tagħhom fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli bi ħlas.
40 Issa, tali attività tikkostitwixxi l-mezz ta’ implementazzjoni tal-kundizzjonijiet mitluba mid-dritt Komunitarju, intiżi, b’mod partikolari, li jassiguraw l-użu razzjonali ta’ l-ispettru tal-frekwenzi u l-prevenzjoni ta’ kull interferenza dannuża bejn is-sistemi ta’ telekomunikazzjoni bir-radju u ta’ sistemi tekniċi oħra mill-ispazju jew mill-art, kif ukoll ġestjoni effikaċji tal-frekwenzi, kif jirriżulta minn qari flimkien ta’ l-Artikoli 2(1)(d), 4(1) u 8(1) tad-Direttiva 97/13.
41 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-assenjazzjoni ta’ tali liċenzji jaqgħu, skond id-Direttiva 97/13 u t-TKG, taħt il-kompetenza esklużiva ta’ l-Istat Membru kkonċernat.
42 B’hekk, attività bħal dik fil-kawża prinċipali hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-aċċess ta’ l-operaturi ekonomiċi, bħalma huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli. Hija m’għandhiex tikkostitwixxi parteċipazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti fl-imsemmi suq. Fil-fatt, huma biss dawn l-operaturi, proprjetarji tal-liċenzji assenjati, li joperaw fis-suq in kwistjoni billi jisfruttaw il-proprjetà in kwistjoni bl-iskop ta’ dħul minnha ta’ natura kontinwa.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżerċizzju ta’ attività bħal dik fil-kawża prinċipali, hija limitata, fin-natura tagħha, għall-operaturi ekonomiċi. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li mhuwiex rilevanti li l-imsemmija operaturi għandhom issa l-fakultà li jittrasferixxu l-liċenzji għall-użu tal-frekwenzi tagħhom. Fil-fatt, tali trasferiment, barra li jibqa’ taħt il-kontroll ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli għall-assenjazzjoni tal-frekwenzi skond l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21, ma jidhirx relatat ma’ l-assenjazzjoni ta’ liċenzja mill-awtoritajiet pubbliċi.
44 Għaldaqstant, fl-assenjazzjoni tagħha ta’ tali awtorizzazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tipparteċipax fl-isfruttament ta’ proprjetà, li hija l-liċenzja għall-użu ta’ l-ispettru ta’ frekwenzi bl-iskop ta’ dħul minnu ta’ natura kontinwa. Permezz ta’ din il-proċedura ta’ assenjazzjoni, din l-awtorità teżerċita biss attività ta’ kontroll u regolatorja ta’ l-użu ta’ l-ispettru elettromanjetiku li huwa espressament mogħti lilha.
45 Barra minn hekk, il-fatt li l-assenjazzjoni tal-liċenzja għall-użu fil-kawża prinċipali tagħti lok għal ħlas mhuwiex tali li jbiddel in-natura ġuridika ta’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C 343/95, Ġabra p. I-1547, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Għaldaqstant, din l-assenjazzjoni ma tikkostitwixxix “attività ekonomika” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.
47 Din il-konklużjoni ma tiddaħħalx in kwistjoni mill-argument li jgħid li fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ din Direttiva, mhuwiex eskluż li attività regolatorja mwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess Direttiva, b’mod li dan il-korp ikollu jitqies li huwa taxxabbli għal din l-attività.
48 Fil-fatt, anki jekk jiġi kkunsidrat li tali attività regolatorja tista’ tiġi kkwalifikata bħala attività ekonomika, jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jimplika l-konstatazzjoni minn qabel tan-natura ekonomika ta’ l-attività in kwistjoni. Issa, jidher mir-risposta mogħtija fil-punt 46 tal-kawża preżenti li dan mhuwiex il-każ.
49 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġew qabel, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni, mill-awtorità regolatorja nazzjonali, responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi, ta’ liċenzji għall-użu fil-kawża prinċipali permezz ta’ tqegħid għall-irkant, ma tikkostitwix attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
Fuq id-domandi l-oħra
50 Fid-dawl tar-risposta mogħtija lis-sitt domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra tal-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
51 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 4(2), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali, responsabbli għall-assenjazzjoni tal-frekwenzi, ta’ liċenzji għall-użu tal-frekwenzi ta’ l-ispettru elettromanjetiku bil-għan ta’ provvista lill-pubbliku tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli, permezz ta’ tqegħid għall-irkant, ma tikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.