Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta' Lulju 2006 (*)

"Libertà ta' stabbiliment – Taxxa fuq id-dħul – Dikjarazzjoni tad-dħul – Konsulenza fiskali – Dritt għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż"

Fil-kawża C-346/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-26 ta' Mejju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Awwissu 2004, fil-proċedura

Robert Hans Conijn

vs

Finanzamt Hamburg-Nord,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla , J.-P. Puissochet, S. von Bahr, U. Lõhmus (Relatur), u A. Ó Caoimh Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn C. D. Quassowski u A. Tiemann, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u K. Gross, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 43 KE).

2       Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn R.H. Conijn u l-Finanzamt Hamburg Mitte Altstadt, li l-kompiti tagħha għaddew, fl-1 ta' Marzu 2005, għand il-Finanzamt Hamburg Nord (iktar 'il quddiem il-"Finanzamt"). R.H. Conijn qed jitlob li jiġi rrikonoxxut lilu d-dritt li jitnaqqsu, mill-ammont tad-dħul taxxabbli tiegħu, l-ispejjeż ta' konsulenza fiskali li kienu twettqu sabiex tiġi stabbilita d-dikjarazzjoni tiegħu fuq dħul li kien għamel fil-Ġermanja bħala persuna parzjalment taxxabbli.

 Il-Kuntest ġuridiku nazzjonali

3       Skond l-Einkommensteuergesetz (il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul), fil-verżjoni tagħha ta' l-1997 (iktar 'il quddiem l-"EstG 1997), għandha ssir distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli suġġetti għall-ħlas ta' taxxa fuq id-dħul kollu tagħhom, li huma residenti fil-Ġermanja, u l-persuni parzjalment taxxabbli li mhumiex residenti fil-Ġermanja iżda li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul li huma jagħmlu f'dan l-Istat.

4       L-Artikolu 15(1)(2) ta' l-EstG 1997, li jirrigwarda d-dħul magħmul minn attivitajiet artiġjanali, industrijali jew kummerċjali jipprovdi dan li ġej:

"1.      "Dħul minn attivita artiġjanali, industrijali jew kummerċjali" tfisser:

1)      […]

2)      il-kwota tal-benefiċċji mogħtija lis-soċji ta' l-"Offene Handelsgesellschaft”, il-“Kommanditgesellschaft” u soċjetajiet oħra li fihom is-soċju għandu jitqies bħala proprjetarju ta' l-impriża (jew bħala kompropjetarju) kif ukoll il-ħlasijiet li s-soċju rċieva għall-attività tiegħu fi-ħdan is-soċjeta jew għall-għoti ta' self jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' beni. Is-soċju li jkollu sehem indirett fis-soċjetà permezz ta' kumpannija waħda jew iktar jitqies bħala soċju li għandu sehem dirett; huwa jitqies bħala wieħed mill-propjetarji tas-soċjetà li fiha huwa soċju indirett jekk huwa stess u l-kumpanniji li permezz tagħhom huwa jżomm s-sehem tiegħu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompropjetarji fil-kumpanniji fejn huma s-soċji diretti".

5       L-Artikolu 49(1)(2)(a) ta' l-EStG 1997 jipprovdi li d-dħul minn attivitajiet industrijali u kummerċjali jikkostitwixxi dħul taxxabbli.

6       Skond l-Artikolu 50(1) ta' l-EStG 1997, il-persuni parzjalment taxxabbli fil-Ġermanja ma jistgħux inaqqsu, bħala spejjeż eċċezzjonali, spejjeż ta' konsulenza fiskali li jkunu għamlu, bill-kontra tal-persuni totalment taxxabbli li jistgħu jnaqqsuhom bis-saħħa ta' l-Artikolu 10(1)(6) ta' l-EStG 1997.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7       R.H. Conijn, ta' nazzjonalita Olandiża u li huwa residenti l-Olanda rċieva, fl-1998, minħabba s-sehem tiegħu f'soċjetà in akkomandita Ġermaniża permezz ta' komproprjetà, dħul ta' natura industrijali u kummerċjali provenjenti mill-Ġermanja, li kien jammonta għall-146373.50 DEM. Din is-somma kienet tirrappreżenta inqas minn 90% tad-dħul globali tiegħu.

8       Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu għas-sena 1998, R.H. Conijn naqqas is-somma ta' 1046 DEM mid-dħul taxxabbli tiegħu, somma li tikkorrispondi għall-ispejjeż ta' konsulenza fiskali li huwa uża sabiex jistabbilixxi d-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu fil-Ġermanja, bħala spejjeż eċċezzjonali skond l-Artikolu 10(1)(6) ta' l-EStG 1997. Il-Finanzamt irrifjutat li taċċetta t-tnaqqis ta' dawn l-ispejjeż billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 50(1) ta' l-EStG 1997.

9       R.H. Conijn ressaq appell kontra dan ir-rifjut quddiem il-Finanzgericht Hamburg. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta' Novembru 2003. Għalhekk R.H. Conijn ressaq rikors għal "reviżjoni" kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof, li fih talab li din tiġi annullata u li jiġi deċiż li l-ispejjeż ta' konsulenza jistgħu jittnaqqsu. Il-Finanzamt talbet li r-rikors jiġi miċħud.

10     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-Artikolu 52 tat-Trattat […] jipprekludi li persuna parzjalment taxxabbli residenti fi Stat Membru ieħor u li tkun suġġetta għall-ħlas tat-taxxa fuq it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma titħallasx tnaqqas, mill-ammont tad-dħul taxxabbli tagħha, l-ispejjeż ta' konsulenza fiskali li hija tkun sostniet, bħala spejjeż eċċezzjonali, filwaqt li persuna taxxabbli li tkun suġġetta għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul kollu tagħha tista' tagħmel dan?"

 Fuq id-domanda preliminari

11     Il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 52 tat-Trattat jipprekludix li liġi nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprojbixxi li persuna parzjalment taxxabbli tnaqqas, mill-ammont tad-dħul taxxabbli tagħha, l-ispejjeż ta' konsulenza fiskali li hija tkun sostniet sabiex tiġi stabbilita d-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, bħala spiża eċċezzjonali, bl-istess mod bħal persuna totalment taxxabbli.

12     Skond ġurisprudenza kostanti l-libertà ta' stabbiliment minn persuni residenti fi Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor tinkludi l-aċċess għall-attivitajiet mhux imħallsa u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll it-twaqqif u l-amministrazzjoni ta' impriżi fil-kundizzjonijiet li l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' stabbiliment tippreskrivi għaċ-ċittadini tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta' Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 13; tad-29 ta' April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 22, u tat-13 ta' April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 27).

13     R.H. Conijn huwa persuna taxxabbli fil-Ġermanja, skond l-Artikolu 49 ta' l-EStG 1997, minħabba d-dħul tiegħu minn attivitajiet industrijali u kummerċjali f'dan l-Istat Membru. Jidher li huwa direttament taxxabbli minħabba din l-attività, fuq il-benefiċċji tas-soċjetà in kommandita u huwa, minħabba f'dan, ikkunsidrat bħala li huwa stess jeżerċita l-attivita ta' imprenditur skond id-dritt fiskali nazzjonali.

14     Għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw tali kompetenza fir-rispett tad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-11 ta' Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I 2493, punt 16; tas-6 ta' Ġunju 2000 Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32, u tas-26 ta' Ġunju 2003, Skandia u Ramstedt, C-422/01, Ġabra p. I-6817, punt 25).

15     Għalhekk, id-dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali ma jistgħux jikkostitwixxu diskriminazzjoni, apparenti jew moħbija, ibbażata fuq in-nazzjonalità (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Wielockx, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16, u tat-12 ta' Diċembru 2002, De Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 75).

16     Il-fatt, madankollu, li Stat Membru ma jippermettix li persuna mhux residenti tibbenefika minn ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lill-persuna residenti mhuwiex, in ġenerali, diskriminatorju, jekk wieħed jikkunsidra d-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik ta' persuni mhux residenti kemm mill-perspettiva tas-sors tad-dħul kif ukoll minn dik tal-kapaċità ta' ħlas personali jew tas-sitwazzjoni personali jew familjari (sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 34, u ta' l-14 ta' Settembru 1999, Gschwind, C-391/97, Ġabra p. I-5451, punt 23).

17     Għalhekk ir-residenza tikkostitwixxi l-fattur, li jorbot mat-taxxa, li fuqu huwa bbażat, in ġenerali, id-dritt fiskali internazzjonali attwali, u b'mod partikolari l-mudell tal-Konvezjoni ta' l-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) (mudell ta' Konvenzjoni ta' Tassazzjoni Doppja fir-rigward tad-dħul u tal-kapital, rapport tal-kumitat għall-affarijiet fiskali ta' l-OCDE, 1977, verżjoni tad-29 ta' April 2000), sabiex il-kompetenza fiskali tinqasam bejn l-Istati meta jkun hemm sitwazzjoni li tinvolvi elementi barranin.

18     F'dan il-każ, mill-atti jirriżulta li R.H. Conijn, li huwa residenti l-Olanda, irċieva fit-territorju tal-Ġermanja anqas minn 90% tad-dħul totali tiegħu.

19     Għalhekk tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni ta' tali persuna mhux residenti u dik ta' persuna residenti tippermettix li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħtix it-tnaqqis ta' l-ispejjez ta' konsulenza fiskali lil din ta' l-ewwel filwaqt li tippermetti li dik ta' l-aħħar tnaqqashom fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha.

20     Fir-rigward ta' spejjeż relatati direttament mad-dħul ta' persuna parzjalment taxxabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għal spejjeż, bħal dawk professjonali marbuta ma attività fi Stat Membru ieħor, il-persuna parzjalment taxxabbli għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħal persuna totalment taxxabbli (ara s-sentenza tat-12 ta' Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I-5933, punt 27).

21     F'dak li jirrigwarda l-ispejjeż ta' konsulenza fiskali, skond il-Gvern Ġermaniż, il-persuni totalment taxxabbli jistgħu jnaqqsuhom bħala "spejjeż eċċezzjonali" peress li dawn l-ispejjeż huma neċessarji minħabba l-komplessità tad-dritt fiskali nazzjonali.

22     Spejjeż ta' konsulenza fiskali, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ġew sostnuti minn R.H. Conijn sabiex jistabbilixxi d-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu dwar id-dħul li huwa rċieva fil-Ġermanja. L-obbligu li jagħmel id-dikjarazzjoni tiegħu tirriżulta mill-fatt li din il-persuna rċeviet dħul f'dan l-Istat Membru. Għalhekk l-ispejjeż ta' konsulenza fiskali huma direttament marbuta mad-dħul taxxabbli f'dan l-Istat membru, bl-istess mod bħal ma huma ta' piż fuq id-dħul tal-persuni taxxabbli kollha, kemm jekk huma residenti u kemm jekk mhux residenti.

23     Barra minn hekk, kemm il-persuni taxxabbli residenti u kemm dawk mhux residenti huma mqiegħda f'sitwazzjoni simili minħabba l-kumplessità tad-dritt fiskali nazzjonali. Għalhekk, id-dritt għat-tnaqqis intiż sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta' konsulenza fiskali, li l-persuni taxxabbli residenti għandhom, għandu jiġi applikat ukoll għall-persuni taxxabbli mhux residenti li huma affaċjati mill-istess kumplessità tas-sistema fiskali nazzjonali.

24     F'dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-possibbiltà li jittnaqqsu spejjeż ta' konsulenza fiskali bħala spejjeż eċċezzjonali, kemm il-persuni taxxabbli residenti kif ukoll dawk mhux residenti huma mqiegħda f'sitwazzjoni simili u d-dispożizzjoni nazzjonali, li tiċħad il-possibbiltà ta' dan it-tnaqqis lill-persuni mhux residenti, tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita fis-sens ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat.

25     Peress li ma tqajjem l-ebda argument preċiż, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jista' jiġġustifika tali differenza ta' trattament, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjoni nazzjonali hija prinċipalment ta' detriment għall-persuni residenti fi Stati Membri oħra u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità.

26     Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 52 tat-Trattat jipprekludi li liġi nazzjonali ma tippermettix li persuna parzjalment taxxabbli tnaqqas, mid-dħul taxxabbli tagħha, l-ispejjeż ta' konsulenza fiskali li hija tkun sostniet sabiex tistabbilixxi d-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, bħala spejjeż eċċezzjonali, bl-istess mod bħal persuna totalment taxxabbli.

 Fuq l-ispejjeż

27     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 52 tat-Trattat (li iktar tard, wara l-emendi, sar l-Artikolu 43 KE) jipprekludi li liġi nazzjonali ma tippermettix li persuna parzjalment taxxabbli tnaqqas, mid-dħul taxxabbli tagħha, l-ispejjeż ta' konsulenza fiskali li hija tkun sostniet sabiex tistabbilixxi d-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, bħala spejjeż eċċezzjonali, bl-istess mod bħal persuna totalment taxxabbli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.