Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta' Diċembru 2006 (*)

"Libertà ta' stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tqassim ta' dividendi – Kreditu ta' taxxa – Trattament differenti ta' azzjonisti residenti u azzjonisti li mhumiex residenti – Ftehim bilaterali għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja"

Fil-kawża C-374/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Awwissu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta' Awwissu 2004, fil-kawża

Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation

vs

Commissioners of Inland Revenue,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts (Relatur), R. Schintgen u J. Klučka, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Novembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, minn G. Aaronson u D. Milne, QC, kif ukoll minn P. Farmer u D. Cavender, barristers,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill u C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn G. Barling, QC, kif ukoll minn D. Ewart u J. Stratford, barristers,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u U. Forsthoff, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn J. Ch. Gracia, bħala aġent,

–       għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. M. Collins, SC, u minn G. Clohessy, BL,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. De Grave, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE kif ukoll 56 KE, 57 KE u 58 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn gruppi ta' kumpanniji u l-Commissioners of Inland Revenue (Awtorità fiskali tar-Renju Unit) fuq ir-rifjut ta' dawn ta' l-aħħar li jagħtu lil kumpanniji ta' l-imsemmija gruppi li mhumiex residenti kreditu ta' taxxa għal dividendi li tħallsu lilhom minn kumpanniji residenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta' Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6), jipprovdi li:

"Meta kumpannija ġenitur [parent], bis-saħħa ta' l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur [parent] għandu, għajr meta din ta' l-aħħar tiġi llikwidata, jew:

–       iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew

–       jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur [parent] biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa [dovuta] dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet [kumpanniji] imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x'jaqsam ma' dawn il-profitti u, jekk ikun xieraq, l-ammont tat-taxxa mnaqqsa [minn ras il-għajn] imposta mill-Istat Membru li fih tkun tirrisjedi l-kumpannija sussidjarja, skond id-derogi pprovduti fl-Artikolu 5, sal-limitu ta' l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       Skond il-leġiżlazzjoni fiskali fis-seħħ fir-Renju Unit, il-profitti magħmula, matul sena finanzjarja, minn kull kumpannija li tirrisjedi f'dan l-Istat Membru huma suġġetti għal taxxa fuq il-kumpanniji fl-imsemmi Stat Membru.

5       Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta' Fuq ilu mill-1973 japplika sistema ta' tassazzjoni magħrufa bħala "imputazzjoni parzjali", li taħtha, sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ekonomika meta kumpannija residenti tqassam xi profitti, parti mit-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa minn din il-kumpannija tiġi imputata lill-azzjonisti tagħha. Sas-6 ta' April 1999, din is-sistema kienet ibbażata, minn naħa, fuq il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-kumpannija li tqassam u, min-naħa l-oħra, fuq kreditu ta' taxxa mogħti lill-azzjonisti li jibbenefikaw minn tqassim ta' dividendi.

 Il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji

6       Skond l-Artikolu 14 tal-liġi ta' l-1988 dwar it-taxxi fuq id-dħul u l-kumpanniji (Income and Corporation Taxes Act 1988, iktar 'il quddiem l-"ICTA"), fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha għandha tħallas bil-quddiem it-taxxa fuq il-kumpanniji ("advance corporation tax", iktar 'il quddiem l-"ACT"), ikkalkulata fuq l-ammont jew il-valur tat-tqassim effettwat.

7       Kumpannija għandha d-dritt tnaqqas l-ACT imħallsa fir-rigward ta' tqassim li jkun sar matul sena finanzjarja speċifika mill-ammont li hija għandha tħallas bħala taxxa fuq il-kumpanniji ("mainstream corporation tax") għal dik is-sena finanzjarja, b’ċerti limiti. Jekk id-dejn fiskali ta' kumpannija fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhuwiex biżżejjed sabiex jippermetti t-tnaqqis ta' l-ACT kollha, l-eċċess ta' l-ACT jista' jiġi trasferit jew għal sena finanzjarja preċedenti jew sussegwenti, jew lill-kumpanniji sussidjarji ta' din il-kumpannija li jistgħu jnaqqsuh mill-ammont li huma stess għandhom iħallsu bħala taxxa fuq il-kumpanniji. Il-kumpanniji sussidjarji li fir-rigward tagħhom jista' jiġi ttrasferit l-eċċess ta' l-ACT jistgħu jkunu biss kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit.

8       Grupp ta' kumpanniji tar-Renju Unit jista' jagħżel ukoll is-sistema ta' tassazzjoni ta' grupp, li tippermetti lill-kumpanniji li jiffurmaw parti minn dan il-grupp jipposponu l-ħlas ta' l-ACT sakemm il-kumpannija parent ta' l-imsemmi grupp tqassam id-dividendi. Din is-sistema, li kienet is-suġġett tas-sentenza tat-8 ta' Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727), mhijiex in kwistjoni f’din il-kawża.

 Il-kreditu ta' taxxa mogħti lill-azzjonisti residenti

9       B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 208 ta' l-ICTA, meta kumpannija residenti fir-Renju Unit tirċievi dividendi minn kumpannija li wkoll tirrisjedi fir-Renju Unit, hija mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta' dawk id-dividendi.

10     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 231(1) ta' l-ICTA, kull tqassim ta' dividendi suġġett għall-ACT minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra jagħti lok, għall-benefiċċju ta' din ta' l-aħħar, għal kreditu ta' taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon ta' l-ammont ta' l-ACT imħallas mill-ewwel kumpannija. Skond l-Artikolu 238(1) ta' l-ICTA, fir-rigward tal-kumpannija benefiċjarja, id-dividend mogħti u l-kreditu ta' taxxa jikkostitwixxu flimkien id-"dħul ta' investiment eżenti" ("franked investment income" jew "FII").

11     Kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li tkun irċeviet minn kumpannija residenti oħra dividendi li t-tqassim tagħhom ta lok għal kreditu ta' taxxa tista' tirkupra l-ammont ta' l-ACT imħallas minn dik il-kumpannija l-oħra u tnaqqsu mill-ammont ta' l-ACT li hija stess ikollha tħallas meta tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha, b'tali mod li hija tħallas l-ACT biss fuq l-ammont li jkun fadal.

12     Skond l-Iskeda F ta' l-ICTA, persuna fiżika li tirrisjedi fir-Renju Unit hija suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul għal dak li jirrigwarda d-dividendi li tirċievi minn kumpannija li tirrisjedi f'dan l-Istat Membru. Madankollu, hija għandha dritt għal kreditu ta' taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon ta' l-ammont ta' l-ACT imħallas minn din il-kumpannija. Dan il-kreditu ta' taxxa jista' jitnaqqas mill-ammont dovut minn din il-persuna bħala taxxa fuq id-dħul relativa għad-dividend jew jista' jitħallas fi flus kontanti jekk il-kreditu jaqbeż l-ammont li din il-persuna għandha tiġi intaxxata fuqu.

13     Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala effett li l-profitti mqassma minn kumpanniji residenti jiġu intaxxati darba fir-rigward tal-kumpanniji u huma intaxxati fir-rigward ta' l-azzjonist finali biss safejn it-taxxa fuq id-dħul ta' dan ta' l-aħħar taqbeż il-kreditu ta' taxxa li għalih għandu dritt.

 Is-sitwazzjoni ta' azzjonisti li mhumiex residenti

14     Kumpannija li ma tirrisjedix fir-Renju Unit hija, bħala regola, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul biss fir-rigward tad-dħul magħmul f'dan l-Istat Membru, li jinkludi d-dividendi li tirċievi minn kumpannija li tirrisjedi fl-imsemmi Stat. Madankollu, skond l-Artikolu 233(1) ta' l-ICTA, meta kumpannija li mhijiex residenti ma tibbenefikax minn kreditu ta' taxxa fir-Renju Unit, hija mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta' l-imsemmija dividendi.

15     Min-naħa l-oħra, meta, skond ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja (double taxation agreement, iktar 'il quddiem id-"DTA") konkluż mir-Renju Unit, kumpannija li mhijiex residenti għandha d-dritt f'dan l-Istat Membru għal kreditu ta' taxxa sħiħ jew parzjali, hija tkun suġġetta f'dan l-istess Stat għat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward tad-dividendi li hija tirċievi minn kumpannija residenti.

16     Bl-istess mod, persuna fiżika li ma tirrisjedix fir-Renju Unit hija bħala regola suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul f'dan l-Istat Membru għal dak li jikkonċerna d-dividendi li joriġinaw f’dan l-Istat Membru iżda, safejn din il-persuna ma tibbenefikax f'dan l-istess Stat Membru minn kreditu ta' taxxa skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew skond DTA, hija ma tkunx suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta' dawk id-dividendi fl-imsemmi Stat.

17     Għalkemm ir-Renju Unit, fid-DTAs konklużi ma' Stati Membri oħrajn jew ma' pajjiżi terzi, jirriżerva ġeneralment id-dritt li jissuġġetta d-dividendi mħallsa mir-residenti tiegħu lil persuni li mhumiex residenti għat-taxxa, dawn id-DTA fihom ħafna drabi limitazzjonijiet fuq ir-rata ta' tassazzjoni li r-Renju Unit jista' japplika. Ir-rata minima tista' tvarja skond iċ-ċirkustanzi, u, b'mod partikolari, skond jekk DTA jagħtix lill-azzjonist kreditu ta' taxxa sħiħ jew parzjali.

18     Ċerti DTA konklużi mir-Renju Unit ma jagħtux il-benefiċċju ta' kreditu ta' taxxa lill-kumpanniji li jirrisjedu fl-Istat kontraenti l-ieħor meta dawk il-kumpanniji jirċievu dividendi minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, tad-DTAs konklużi mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mal-Ġappun.

19     DTAs oħrajn jagħtu kreditu ta' taxxa taħt ċerti kundizzjonijiet. Għaldaqstant, il-kreditu ta' taxxa previst mid-DTA konkluż mar-Renju ta' l-Olanda jingħata kollu lill-azzjonisti li jirrisjedu f'dan l-Istat Membru u li għandhom inqas minn 10% tad-drittijiet tal-vot fil-kumpannija li tqassam u jingħata parzjalment meta l-azzjonisti għandhom 10% jew iktar ta' l-imsemmija drittijiet tal-vot.

20     Id-DTA konkluż mar-Renju ta' l-Olanda fih, barra minn hekk, klawżola magħrufa bħala "limitazzjoni ta' benefiċċji", li tgħid li l-kreditu ta' taxxa previst minn dan id-DTA jitneħħa meta s-sid tal-kumpannija azzjonista li mhijiex residenti hija kumpannija stabbilita fi Stat li miegħu r-Renju Unit ikkonkluda DTA li ma jagħtix kreditu ta' taxxa lill-kumpanniji li jirċievu dividendi minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit.

21     Għandu jiġi ppreċiżat li dawn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit ġew emendati sostanzjalment mil-liġi tal-finanzi ta' l-1998 (Finance Act 1998), li tapplika għal tqassim imwettaq mis-6 ta' April 1999 'il quddiem. Il-kuntest ġuridiku deskritt iktar 'il fuq kien fis-seħħ qabel din id-data.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22     Il-kawża prinċipali hija kawża tat-tip "group litigation" skond l-ACT, u tirrigwarda talbiet għal irkupru u/jew kumpens magħmula kontra l-Commissioners of Inland Revenue quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, wara s-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar 'il fuq.

23     F'dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta kienet qed tiddeċiedi dwar id-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-istess qorti nazzjonali, iddikjarat, b'risposta għall-ewwel domanda magħmula, li l-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali ta' Stat Membru li tagħti lill-kumpanniji li jirrisjedu f'dan l-Istat l-possibbiltà li jibbenefikaw minn sistema ta' tassazzjoni li tippermettilhom jħallsu dividendi lill-kumpannija parent tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji meta l-kumpannija parent tagħhom tirrisjedi wkoll f'dan l-istess Stat u ma tagħtihomx din il-possibbiltà meta l-kumpannija parent tagħhom għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor.

24     Fir-risposta tagħha għat-tieni domanda magħmula fl-istess kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta kumpannija sussidjarja li tirrisjedi fi Stat Membru tkun ġiet suġġetta għall-obbligu li tħallas bil-quddiem it-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji parent tagħha li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor, filwaqt li, f'ċirkustanzi simili, il-kumpanniji sussidjarji ta' kumpanniji parent li jirrisjedu fl-ewwel Stat setgħu jagħżlu sistema ta' tassazzjoni li tippermettilhom jevitaw tali obbligu, l-Artikolu 43 KE jirrikjedi li l-kumpanniji sussidjarji residenti u l-kumpanniji parent tagħhom li mhumiex residenti jibbenefikaw minn rimedju effettiv sabiex jiksbu ħlas lura jew kumpens għat-telf finanzjarju li jkunu sostnew għall-benefiċċju ta' l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru kkonċernat wara l-ħlas bil-quddiem tat-taxxa mill-kumpanniji sussidjarji.

25     Fil-kawża priċipali, il-kontroversja pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju relativa għall-ACT tinkludi erba' gruppi differenti, li fir-rigward tagħhom ġew identifikati kwistjonijiet komuni. Meta l-qorti tar-rinviju tat id-deċiżjoni tagħha, il-grupp IV ta' l-imsemmija kontroversja kien kompost minn 28 rikors ippreżentati minn gruppi ta' kumpanniji li jinkudu mill-inqas kumpannija waħda li mhijiex residenti li jikkontestaw ir-rifjut tal-Commissioners of Inland Revenue li jagħtu lil tali kumpannija li mhijiex residenti kreditu ta' taxxa meta hija tirċievi dividendi minn kumpannija residenti.

26     L-erba kawżi magħżula mill-qorti tar-rinviju bħala kawżi "ta' prova" għall-finijiet ta' dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw rikorsi ppreżentati kemm minn kumpanniji residenti, kif ukoll minn kumpanniji li mhumiex residenti li jappartjenu għall-istess grupp bħall-kumpanniji residenti u li rċevew dividendi minn dawn ta' l-aħħar (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti fil-kawża prinċipali"). Huma jirrigwardaw dividendi mħallsa, bejn l-1974 u l-1998, lil kumpanniji li jirrisjedu fl-Italja (fil-każ tal-grupp Pirelli), fi Franza (fil-każ tal-grupp Essilor) u fl-Olanda (fil-każ ta' gruppi BMW u Sony).

27     Filwaqt li, fil-każ tal-grupp Pirelli, il-kumpannija li mhijiex residenti hija azzjonista b’minoranza, li żżomm mill-inqas 10% ta’ l-ishma, fil-kumpannija residenti, il-każijiet l-oħra jirrigwardaw kumpanniji parent li mhumiex residenti u li għandhom kontroll ta' 100% fuq il-kumpannija sussidjarja residenti tagħhom. Għal dak li jirrigwarda ż-żewġ kumpanniji parent li jirrisjedu fl-Olanda, l-ewwel waħda hija interament il-proprjetà ta' kumpannija li tirrisjedi fil-Ġermanja, filwaqt li t-tieni waħda hija l-proprjetà ta' kumpannija li tirrisjedi fil-Ġappun.

28     Il-qorti tar-rinviju tosserva li dawn ir-rikorsi jirrigwardaw domandi li diġà saru lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar 'il fuq, iżda li għalihom li kienx neċessarju li tingħata risposta fid-dawl tar-risposta tagħha għall-ewwel u t-tieni domanda. Filwaqt li, f'din il-kawża, l-għoti ta' kreditu ta' taxxa kien ikkunsidrat biss bħala alternattiva għall-ħlas lura ta' l-ACT jew għall-għoti ta' kumpens għat-telf sostnut minħabba l-ħlas ta' l-ACT, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw direttament l-għoti ta' kreditu ta' taxxa.

29     F'dawn ir-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin:

"1.      L-Artikoli 43 KE u 56 KE (meta jinqraw flimkien ma' l-Artikoli 57 KE u 58 KE) (jew id-dispożizzjonijiet li ppreċedewhom) jipprekludu:

a) għal dak li jirrigwarda Stat Membru A (bħar-Renju Unit):

i)      lil dan l-Istat Membru milli jdaħħal u jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li tagħti dritt għal kreditu ta' taxxa sħiħ fir-rigward ta' dividendi mħallsa minn kumpanniji li jirrisjedu fl-Istat Membru A (id-"dividendi rilevanti") lil azzjonisti li jkunu persuni fiżiċi li jirrisjedu fl-Istat Membru A;

ii)      lil dan l-Istat Membru milli japplika dispożizzjoni ta' ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja konklużi ma' Stati Membri oħrajn u ma' pajjiżi terzi li tagħti dritt għal kreditu ta' taxxa sħiħ (li minnu titnaqqas it-taxxa kif previst minn dawn il-ftehim) għad-dividendi rilevanti mħallsa lil azzjonisti li jkunu persuni fiżiċi li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn u f'pajjiż terz,

filwaqt li ma tagħti ebda dritt għal kreditu ta' taxxa (kemm jekk sħiħ jew parzjali) għad-dividendi rilevanti mħallsa minn kumpannija sussidjarja li tirrisjedi fl-Istat Membru A (bħar-Renju Unit) lil kumpannija parent li tirrisjedi fl-Istat Membru B (bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) la skond dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas skond dispożizzjonijiet tal-ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja konkluż bejn dawk iż-żewġ Stati?

b) lil Stat Membru A (bħar-Renju Unit) milli japplika dispożizzjoni tal-ftehim rilevanti għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja li tagħti dritt għal kreditu ta' taxxa parzjali għad-dividendi rilevanti mħallsa lil kumpannija parent li tirrisjedi fl-Istat Membru C (bħall-Olanda), iżda ma tagħtix tali dritt lil kumpannija parent li tirrisjedi fl-Istat Membru B (bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), meta l-ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja konkluż bejn l-Istat Membru A u l-Istat Membru B ma fih ebda dispożizzjoni li tagħti kreditu ta' taxxa parzjali;

c) lil Stat Membru A (bħar-Renju Unit) milli ma jagħtix dritt għal kreditu ta' taxxa parzjali, għad-dividendi rilevanti, lil kumpannija li tirrisjedi fl-Istat Membru C (bħall-Olanda), ikkontrollata minn kumpannija li tirrisjedi fl-Istat Membru B (bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), meta l-Istat Membru A japplika dispożizzjonijiet tal-ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja li jagħtu tali dritt:

i)      lill-kumpanniji li jirrisjedu fl-Istat Membru C ikkontrollati minn residenti ta' l-Istat Membru C;

ii)      lill-kumpanniji li jirrisjedu fl-Istat Membru C ikkontrollati minn residenti ta' l-Istat Membru D (bħall-Italja) meta teżisti dispożizzjoni li tagħti kreditu ta' taxxa parzjali għad-dividendi rilevanti fil-ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja konkluż bejn l-Istat Membru A u l-Istat Membru D;

iii)      lill-kumpanniji li jirrisjedu fl-Istat Membru D indipendentement mill-persuna li tikkontrolla dawn il-kumpannija?

d) Għandha tingħata risposta differenti għad-domanda 1(c) jekk il-kumpannija li tirrisjedi fl-Istat Membru C mhijiex ikkontrollata minn kumpannija li tirrisjedi fl-Istat Membru B, iżda minn kumpannija li tirrisjedi f'pajjiż terz?

2.      F'każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 1(a) sa (c) kollha jew għal parti minnha, x’inhuma l-prinċipji li huma stabbiliti mid-dritt Komunitarju fir-rigward tad-drittijiet u r-rimedji disponibbli fiċ-ċirkustanzi msemmija f'dawn id-domandi? B'mod partikolari:

a) l-Istat Membru A għandu l-obbligu li jħallas:

i)      kreditu ta' taxxa sħiħ jew ammont ekwivalenti għal dan, jew

ii)      kreditu ta' taxxa parzjali jew ammont ekwivalenti għal dan, jew

iii)      kreditu ta' taxxa, sħiħ jew parzjali, jew ammont ekwivalenti għal dan:

–      nett wara li titħallas kull taxxa supplimentari fuq id-dħul li hija dovuta jew li kienet tkun dovuta li kieku l-ħlas tad-dividend lill-persuna kkonċernata kienet tinvolvi l-benefiċċju ta' kreditu ta' taxxa,

–      nett wara li titħallas tali taxxa kkalkulata fuq xi bażi oħra?

b) Lil minn għandu jsir dan il-ħlas:

i)      lill-kumpannija parent rilevanti ta' l-Istat Membru B jew ta' l-Istat Membru C, jew

ii)      lill-kumpannija sussidjarja rilevanti ta' l-Istat Membru A?

c) Id-dritt għal tali ħlas huwa:

i)      dritt għall-ħlas lura ta' ammonti indebitament imposti, b'tali mod li dan il-ħlas lura huwa riżultat ta' jew aċċessorju għad-dritt mogħti mill-Artikoli 43 KE u/jew 56 KE, u/jew

ii)      dritt għal kumpens jew għal danni, b'tali mod li għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza [tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029], għall-għoti ta' kumpens, u/jew

iii)      dritt għall-irkupru ta' vantaġġ indebitament miċħud u, jekk dan huwa l-każ:

–      tali dritt huwa riżultat ta' jew aċċessorju għad-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 43 KE u/jew 56 KE, jew

–      għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza [Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq], għall-għoti ta' kumpens, jew

–      għandhom jiġu sodisfatti kundizzjonijiet oħrajn?

d) Tagħmel differenza għall-finijiet tad-domanda 2(c) iktar 'il fuq jekk, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali ta' l-Istat [Membru] A, ir-rikorsi jiġu ppreżentati bħala rikorsi għal ħlas lura jew jiġu ppreżentati jew għandhom jiġu ppreżentati bħala rikorsi għal kumpens għal danni?

e) Sabiex jinkiseb il-ħlas lura, il-kumpannija li tkun ippreżentat ir-rikors għandha tistabbilixxi li hi jew il-kumpannija parent tagħha kienu jitolbu l-benefiċċju ta' kreditu ta' taxxa (sħiħ jew parzjali skond il-każ) li kienu kienet taf li hija kienet awtorizzata tagħmel dan skond il-dritt Komunitarju?

f) Tagħmel differenza għall-finijiet tad-domanda 2(a) jekk, skond is-sentenza [Metallgesellschaft et, iċċitata iktar 'il fuq], il-kumpannija sussidjarja rilevanti li tirrisjedi fl-Istat Membru A setgħet kisbet ħlas lura jew jista’ jkollha dritt bħala regola li tikseb ħlas lura ta’, jew fir-rigward ta’, taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem fir-rigward tad-dividend imħallas lill-kumpannija parent rilevanti ta' l-Istat Membru B jew ta' l-Istat Membru C?

g) Liema huma l-linji gwida, jekk jeżistu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandhom jingħataw f’dawn il-kawżi fir-rigward taċ-ċirkustanzi li l-qorti nazzjonali għandha tieħu in kunsiderazzjoni meta jkollha tiddetermina jekk hemmx ksur gravi biżżejjed fis-sens tas-sentenza [Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq], u b'mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju, dan il-ksur huwiex skużabbli?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-domanda 1(a)

30     Permezz tad-domanda 1(a) tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 46 KE u 56 KE jipprekludux leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta jitqassmu dividendi minn kumpannija residenti, tagħti kreditu ta' taxxa sħiħ lill-azzjonisti finali li jirċievu l-imsemmija dividendi u li jirrisjedu f'dan l-Istat Membru jew fi Stat ieħor li miegħu dan l-ewwel Stat Membru kkonkluda DTA li jagħti tali kreditu ta' taxxa, iżda li ma tagħtix kreditu ta' taxxa, sħiħ jew parzjali, lil kumpanniji li jirċievu tali dividendi u li jirrisjedu f'ċerti Stati Membri oħrajn.

31     Jirriżulta mill-proċess li, iktar milli ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja problema ta' differenza ta' trattament bejn, minn naħa, azzjonisti finali, residenti jew le, li jrċevew dividendi mħallsa minn kumpannija residenti u, min-naħa l-oħra, kumpanniji li mhumiex residenti u li rċevew tali dividendi, il-qorti tar-rinviju titlob pjuttost interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tippermettilha tevalwa l-kompatibbiltà, mad-dritt Komunitarju, tat-trattament differenti li għalih huma suġġetti fir-Renju Unit, minn naħa, kumpannija residenti li tibbenefika minn kreditu ta' taxxa meta hija tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra u li l-azzjonisti finali residenti tagħha jibbenefikaw ukoll minn kreditu ta' taxxa meta jirċievu dividendi u, min-naħa l-oħra, kumpannija li mhijiex residenti li ma tibbenefika fir-Renju Unit, ħlief f'ċerti każijiet koperti minn DTAs, minn ebda kreditu ta' taxxa meta hija tirċievi dividendi minn kumpannija residenti u li l-azzjonisti finali tagħha, residenti jew le, lanqas ma għandhom dritt għal kreditu ta' taxxa.

32     Fil-fatt, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, għalkemm kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra tibbenefika minn kreditu ta' taxxa li jikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li tħallset bil-quddiem minn din ta' l-aħħar, kumpannija li mhijiex residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti tibbenefika, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' dak it-tqassim, minn kreditu ta' taxxa sħiħ jew parziali biss jekk dan ikun previst f'DTA konkluż bejn l-Istat fejn tirrisjedi u r-Renju Unit.

33     Huwa veru li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jinvokaw ukoll is-sitwazzjoni inqas vantaġġuża li tapplika għall-azzjonisti finali li jirċievu dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti, li m'għandhomx dritt għal kreditu ta' taxxa, meta mqabbla ma' l-azzjonisti finali li jirċievu dividendi minn kumpannija residenti, li jibbenefikaw minn tali kreditu, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, jew, għal dak li jirrigwarda l-azzjonisti li mhumiex residenti, skond DTA. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw it-trattament inqas vantaġġuż li għalih huma suġġetti l-azzjonisti ta' kumpanniji li mhumiex residenti bl-għan biss li jilmentaw dwar restrizzjoni fuq il-libertà ta' stabbiliment u fuq il-moviment tal-kapital fir-rigward ta' l-imsemmija kumpanniji stess.

34     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, fil-fatt, li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit in kwistjoni tikser l-Artikoli 43 KE u 56 KE peress illi hija tista' tiddiswadi lill-kumpanniji li mhumiex residenti milli jistabbilixxu kumpanniji sussidjarji f'dan l-Istat Membru, milli jinvestu fil-kapital ta' kumpanniji residenti jew milli jiġbru kapital fl-imsemmi Stat. Din il-leġiżlazzjoni la tista’ tiġi ġġustifikata minn differenza rilevanti bejn is-sitwazzjoni tal-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi minn kumpannija residenti u dik ta' kumpanniji li mhumiex residenti li jirċievu tali dividendi, u lanqas mill-objettiv li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali jew li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ekonomiku ta' profitti mqassma.

35     Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sabiex il-kumpanniji li mhumiex residenti u li jirċievu dividendi minn kumpannija residenti jingħataw il-possibbiltà li jpoġġu lill-azzjonisti tagħhom fl-istess sitwazzjoni bħall-azzjonisti ta' kumpanniji residenti li jirċievu tali dividendi, ir-Renju Unit għandu jagħti kreditu ta' taxxa lill-kumpanniji li mhumiex residenti.

36     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, madankollu, dawn ta’ l-aħħar iridu jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta' Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32; Metallgesellschaft et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37; u tat-23 ta' Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 28).

37     Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta' stabbiliment jew ta' l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi enfasizzat li d-domanda magħmula tikkonċerna miżuri nazzjonali fil-qasam ta' l-intaxxar ta' dividendi skond liema, indipendentement mill-ammont ta' ishma li għandu l-azzjonist benefiċjarju, kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra tingħata kreditu ta' taxxa, filwaqt li, fil-każ ta' kumpannija li mhijiex residenti u li tirċievi tali dividendi, l-għoti ta' kreditu ta' taxxa jiddependi mid-dispożizzjonijiet ta' DTA, jekk ikun hemm wieħed, li r-Renju Unit ikun ikkonkluda ma' l-Istat fejn hija tirrisjedi. Jidher li ċerti DTAs, bħal dak konkluż mar-Renju ta' l-Olanda, ivarjaw l-ammont tal-kreditu ta' taxxa skond l-ammont ta' ishma li għandu l-azzjonist benefiċjarju fil-kumpannija li tqassam.

38     Minn dan jirriżulta li l-miżuri in kwistjoni jistgħu jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 43 KE u kif ukoll taħt l-Aritkolu 56 KE.

39     Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, tlieta mill-kawżi magħżula bħala kawżi "ta' prova" fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit u li jappartjenu 100% lil kumpanniji li mhumiex residenti. F'każ li l-ammont ta' ishma jagħti lill-azzjonist influwenza definittiva fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jippermettilu jiddetermina l-attivitajiet tagħha, ikun applikabbli d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta' stabbiliment (sentenzi tat-13 ta' April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punti 21 u 22; tal-21 ta' Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punti 37 u 66 sa 68, kif ukoll tal-12 ta' Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

40     Min-naħa l-oħra, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex biżżejjed provi sabiex tiddetermina n-natura tal-holding ta’ ishma in kwistjoni fir-raba' kawża "ta' prova" u lanqas ta' dik miżmuma minn kumpanniji oħrajn li huma partijiet fl-imsemmija kawża. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li din il-kawża tirrigwarda wkoll l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti lil kumpanniji li mhumiex residenti u li għandhom holding ta' ishma li ma tagħtihomx influwenza definittiva fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-kumpannija li tqassam u li ma ppermettilhomx jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi eżaminata wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

41     Qabel kollox, għal dak li jirrigwarda l-eżami tad-domanda preliminari mill-perspettiva tal-libertà ta' stabbiliment, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, peress illi, minbarra ċerti każijiet koperti minn DTAs, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit ma tagħtix kreditu ta' taxxa la lil kumpannija li mhijiex residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti u lanqas lill-azzjonisti finali tagħha, residenti jew le, hija tirrestrinġi l-libertà ta' din il-kumpannija li mhijiex residenti li tistabbilixxi kumpanniji sussidjarji fl-imsemmi Stat Membru. Meta mqabbla mal-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi minn kumpanniji residenti, kumpannija li mhijiex residenti hija f'pożizzjoni żvantaġġuża fis-sens li, peress illi l-azzjonisti tagħha ma jibbenefikawx minn kreditu ta' taxxa, hija jkollha żżid l-ammont tad-dividendi tagħha sabiex l-azzjonisti tagħha jirċievu ammont ekwivalenti għal dak li kienu jirċievu li kieku kienu azzjonisti ta' kumpannija residenti.

42     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-libertà ta' stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi d-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta’ stabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skond l-Artikolu 48 KE, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta' sussidjarja, ta' fergħa jew ta' aġenzija (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35; tat-13 ta' Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 30, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

43     Għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji, għandu jiġi osservat li l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fis-sens ta' l-Artikolu 48 KE jservi, bħan-nazzjonalità fil-każ ta' persuni fiżiċi, sabiex jiġi ddeterminat is-sistema legali ta' liema Stat għandha tapplika. Jekk jiġi aċċettat li l-Istat Membru ta' stabbiliment jista' jadotta liberament trattament differenti minħabba l-fatt biss li l-uffiċċju rreġistrat ta' kumpannija jinsab fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 43 KE jiġi pprivat minn kull sinjifikat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta' Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 18; tat-13 ta' Lulju 1993, Commerzbank, C-330/91, Ġabra p. I-4017, punt 13; Metallgesellschaft et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42, u Marks & Spencer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37). Il-libertà ta' stabbiliment b’hekk hija intiża sabiex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta' l-uffiċċju reġistrat ta' kumpanniji (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 14, u Saint-Gobain ZN, punt 35).

44     F’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra tingħata f'dan l-Istat Membru kreditu ta' taxxa, li jikkorrispondi għall-porzjon ta' l-ammont ta' l-ACT imħallsa minn din ta' l-aħħar, filwaqt li kumpannija li mhijiex residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti ma tibbenefikax minn dan il-vantaġġ, ħlief jekk ikun ġie konkluż DTA bejn l-Istat Membru fejn hija tirrisjedi u r-Renju Unit.

45     Bl-istess mod, meta kumpannija residenti tqassam min-naħa tagħha dividendi lill-azzjonisti finali tagħha u hija suġġetta, f'dan ir-rigward, għall-ħlas ta' l-ACT, dawn ta' l-aħħar għandhom id-dritt fir-Renju Unit, meta jirrisjedu f'dan l-Istat Membru jew huma koperti minn DTA li jagħti tali dritt, għal kreditu ta' taxxa li jista' jitnaqqas mill-ammont tat-taxxa fuq id-dħul dovut minnhom jew, jekk il-kreditu jeċċedi dan l-ammont, għal ħlas f'kontanti. Min-naħa l-oħra, meta kumpannija li mhijiex residenti tħallas dividendi lil azzjonisti finali, dawn ma jibbenefikawx minn tali kreditu ta' taxxa.

46     Sabiex jiġi ddeterminat jekk differenza ta' trattament fiskali hijiex diskriminatorja, għandu madankollu jiġi kkunsidrat jekk, fir-rigward tal-miżura nazzjonali in kwistjoni, il-kumpanniji kkonċernati jinsabux f'sitwazzjoni oġġettivament simili. Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta' regoli differenti għal sitwazzjonijiet simili jew fl-applikazzjoni ta' l-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30, u tad-29 ta' April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 26).

47     Skond il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll dak Ġermaniż u Franċiż, l-Irlanda, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għal dak li jirrigwarda miżura nazzjonali li tagħti kreditu ta' taxxa lill-azzjonisti li jirċievu dividendi minn kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta' kumpanniji azzjonisti residenti u dik ta' kumpanniji azzjonisti li mhumiex residenti mhumiex simili fis-sens li kumpannija li mhijiex residenti mhijiex suġġetta għat-taxxa fir-Renju Unit fir-rigward ta' dawn id-dividendi. Il-Gvernijiet imsemmija jenfasizzaw li kumpannija li mhijiex residenti lanqas ma hija obbligata tħallas l-ACT meta hija tqassam profitti lill-azzjonisti tagħha stess.

48     Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, għal dak li jirrigwarda l-intaxxar ta' dividendi mogħtija lil kumpannija residenti, il-kumpanniji benefiċjarji residenti u li mhumiex residenti jinsabu f'sitwazzjoni simili. Filwaqt li jammettu li, fir-rigward ta' dawn id-dividendi, kumpannija benefiċjarja li mhijiex residenti mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fir-Renju Unit jew, skond DTA, hija suġġetta għal tali taxxa iżda tibbenefika minn kreditu ta' taxxa għat-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam, huma jenfasizzaw li kumpannija benefiċjarja residenti hija wkoll eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit fir-rigward ta' l-imsemmija dividendi.

49     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-dividendi mqassma minn kumpannija lill-azzjonisti tagħha jistgħu jkunu suġġetti, minn naħa, għal sensiela ta' taxxi meta jiġu intaxxati, qabel kollox, fir-rigward tal-kumpannija li tqassam, bħala profitti magħmula, u, sussegwentement, fir-rigward ta' kumpannija parent, permezz ta' taxxa fuq il-profitti, u min-naħa l-oħra, għal tassazzjoni doppja ekonomika meta jiġi intaxxati, l-ewwel, fir-rigward tal-kumpannija li tqassam u, sussegwentement, fir-rigward ta' l-azzjonist finali, permezz tat-taxxa fuq id-dħul.

50     Huma l-kompitu ta' kull Stat Membru li jorganizza, filwaqt li josserva d-dritt Komunitarju, is-sistema tiegħu ta' intaxxar tal-profitti mqassma u li jiddefinixxi, f'dan il-kuntest, il-bażi ta’ taxxa kif ukoll ir-rati ta' intaxxar li japplikaw, fir-rigward tal-kumpannija li tqassam u/jew ta' l-azzjonist benefiċjarju, safejn huma suġġetti għat-taxxa f'dan l-Istat.

51     Skond l-Artikolu 293 KE, l-Istati Membri għandhom, safejn ikun meħtieġ, jieħdu sehem f’negozjati ma’ xulxin bil-għan li jassiguraw għaċ-ċittadini tagħhom l-abolizzjoni tat-tassazzjoni doppja fil-Komunità. Madankollu, bl-eċċezzjoni tal-Konvenzjoni 90/436/KEE, tat-23 ta' Lulju 1990, dwar l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja f'każ ta' korrezzjoni tal-profitti ta' impriżi assoċjati (ĠU L 225, 1990, p. 10), ebda miżura ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni intiża sabiex telimina t-tassazzjoni doppja ma ġiet adottata fil-kuntest Komunitarju u l-Istati Membri ma kkonkludew, skond l-Artikolu 293KE, ebda konvenzjoni multilaterali f'dan is-sens (ara s-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I-2793, punt 23; tal-5 ta' Lulju 2005, D., C-376/03, Ġabra p. I-5821, punt 50, u tas-7 ta' Settembru 2006, N, C-470/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

52     Huwa f'dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fin-nuqqas ta' miżuri ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta' att konvenzjonali jew unilaterali, il-kriterji ta' kif titqassam is-setgħa tagħhom li jiġbru t-taxxa, b'mod partikolari, sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Gilly, punti 24 u 30; Saint-Gobain ZN, punt 57, kif ukoll N, punt 44).

53     Huwa biss fil-każ ta' kumpanniji ta' Stati Membri li għandhom mill-inqas 25% ta' l-ishma ta' kumpannija ta' Stat Membru ieħor li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien ma' l-Artikolu 3 tagħha, fil-verżjoni inizjali tagħha applikabbli meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, jimponi fuq kull Stat Mmebru jew li jeżenta l-profitti li rċeviet kumpannija parent residenti minn kumpannija sussidjarja li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jew li jawtorizza lil din il-kumpannija sabiex tnaqqas mill-ammont ta’ taxxa tagħha l-porzjon tat-taxxa tal-kumpannija sussidjarja għal dak li jirrigwarda dawn il-profitti u, jekk ikun xieraq, l-ammont tat-taxxa minn ras il-għajn imposta mill-Istat Membru li fih tirrisjedi l-kumpannija sussidjarja.

54     Il-fatt waħdu li huwa l-kompitu ta’ l-Istati Membri, fir-rigward ta’ dawk il-holdings ta’ ishma li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, li jiddeterminaw jekk, u safejn, għandhom jiġu evitati sensiela ta’ taxxi kif ukoll t-tassazzjoni doppja ekonomika tal-profitti mqassma u li jdaħħlu, għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ DTAs konklużi ma’ Stati Membri oħrajn mekkaniżmi intiżi sabiex jipprevjenu jew inaqqsu din is-sensiela ta’ taxxi u din it-tassazzjoni doppja ekonomika ma jfissirx li l-Istati Membri jistgħu jimponu miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat.

55     Għaldaqstant, meta Stat Membru jkollu sistema sabiex jipprevjeni jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it-tassazzjoni doppja ekonomika fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, għandu jingħata l-istess trattament lid-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji li mhumiex residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Lenz, C-315/02, Ġabra p. I-7063, punti 27 sa 49, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punti 29 sa 55).

56     Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali sistemi, is-sitwazzjoni ta’ azzjonisti li jirrisjedu fi Stat Membru li jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita f’dan l-istess Stat Membru hija simili għal dik ta’ azzjonisti li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru li jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, f’dak illi kemm id-dividendi li għandhom oriġini nazzjonali u kemm dawk li joriġinaw minn Stat Membru ieħor jistgħu jiġu suġġetti, minn naħa, fil-każ ta’ azzjonisti li jkunu kumpanniji, għal sensiela ta’ taxxi, u min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ azzjonisti finali, għal tassazzjoni doppja ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Lenz, punti 31 u 32, kif ukoll Manninen, punti 35 u 36).

57     Madankollu, għalkemm is-sitwazzjoni ta’ dawn l-azzjonisti għandha tiġi kkunsidrata bħala simili għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni, fir-rigward tagħhom, tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ l-Istat Membru fejn jirrisjedu, dan mhuwiex neċessarjament il-każ, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ l-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam, tas-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu l-azzjonisti benefiċjarji residenti ta’ dan l-Istat Membru u l-azzjonisti benefiċjarji residenti ta’ Stat Membru ieħor.

58     Fil-fatt, meta kumpannija li tqassam u l-azzjonist benefiċjarju ma jirrisjedux fl-istess Stat Membru, l-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam, jiġifieri l-Istat Membru minfejn joriġinaw il-profotti, ma jinsabx fl-istess pożizzjoni, għal dak li jikkonċerna l-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impożizzjoni tas-sensiela ta’ taxxi u tat-tassazzjoni doppja ekonomika, bħall-Istat Membru fejn jirrisjedi l-azzjonist benefiċjarju.

59     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li jekk l-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam jiġi obbligat jassigura li l-profitti mqassma lil azzjonist li mhuwiex residenti ma jkunux suġġetti għal sensiela ta’ taxxi jew għal tassazzjoni doppja ekonomika, jew billi l-profitti jiġu eżentati mit-taxxa fir-rigward tal-kumpannija li tqassam jew billi jingħata lill-azzjonist vantaġġ fiskali li jikkorrispondi għat-taxxa mħallsa fuq l-imsemmija profitti mill-kumpannija li tqassam, dan ikun ifisser fil-fatt li dan l-Istat ikun obbligat jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa dħul minn attività ekonomika eżerċitata fit-territorju tiegħu.

60     Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda mekkaniżmu għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tat-tassazzjoni doppja ekonomika billi jingħata vantaġġ fiskali lill-azzjonist finali, għandu jiġi osservat li normalment huwa l-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa l-kapaċità ta’ l-imsemmi azzjonist li jħallas it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Schumacker, punti 32 u 33 kif ukoll D., punt 27). Bl-istess mod, fir-rigward ta’ dawk il-holdings ta’ ishma koperti mid-Direttiva 90/435, l-Artikolu 4(1) tagħha jimponi fuq l-Istat Membru tal-kumpannija parent li tirċievi profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, u mhux fuq dan l-Istat imsemmi l-aħħar, l-obbligu li jevita sensiela ta’ taxxi jew billi ma jintaxxax dawn il-profitti jew billi jintaxxahom iżda jawtorizza lill-kumpannija parent tnaqqas mill-ammont ta’ taxxa tagħha l-porzjon tat-taxxa tal-kumpannija sussidjarja marbut ma’ dawn il-profitti u, jekk ikun xieraq, l-ammont tat-taxxa minn ras il-għajn imposta mill-Istat Membru li fih tirrisjedi l-kumpannija sussidjarja.

61     Għal dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, meta kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit tħallas dividendi lil kumpannija benefiċjarja, la d-dividendi li tirċievi kumpannija residenti u lanqas dawk li tirċievi kumpannija li mhijiex residenti mhuma suġġetti għat-taxxa fir-Renju Unit.

62     Għaldaqstant, ma teżisti ebda differenza ta’ trattament f’dan ir-rigward.

63     Madankollu teżisti differenza bejn il-kumpanniji benefiċjarji residenti u l-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex residenti għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà għal dawn il-kumpanniji benefiċjarji li jqassmu dividendi lill-azzjonisti finali tagħhom f’kuntest legali li jagħti lil dawn ta’ l-aħħar kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li għamlet il-profitti li tqassmu. Huwa paċifiku li l-imsemmija possibbiltà hija rriżervata għall-kumpanniji residenti.

64     Huwa fil-kwalità tiegħu ta’ Stat ta’ residenza ta’ l-azzjonist li, meta kumpannija residenti tqassam dividendi lill-azzjonisti finali residenti tagħha, dan l-istess Stat Membru jagħti lil dawn ta’ l-aħħar kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem mill-kumpannija li għamlet il-profitti li tqassmu, meta tqassmu l-imsemmija dividendi.

65     Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew tat-tassazzjoni doppja ekonomika, il-pożizzjoni ta’ Stat Membru li fih jirrisjedu kemm il-kumpanniji li jqassmu kif ukoll l-azzjonisti finali mhijiex simili għalhekk għal dik ta’ Stat Membru li fih tirrisjedi kumpannija li tqassam dividendi lil kumpannija li mhijiex residenti, li, min-naħa tagħha, tagħtihom lill-azzjonisti finali tagħha, fis-sens li dan l-Istat jaġixxi, bħala regola, biss bħala l-Istat fejn joriġinaw il-profitti li tqassmu.

66     Huwa biss meta, f’dan l-aħħar każ, kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru tħallas dividendi lil kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor u l-azzjonisti ta’ din l-aħħar kumpannija jirrisjedu min-naħa tagħhom fl-ewwel Stat, li tali Stat Membru għandu l-obbligu, bħala l-Istat li fih jirrisjedu l-imsemmija azzjonisti, skond il-prinċipju msemmi fis-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Lenz et Manninen, kif ġie mfakkar fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li jassigura li d-dividendi li jirċievu dawn l-azzjonisti minn kumpannija li mhijiex residenti jkunu suġġetti għal trattament fiskali ekwivalenti għal dak irriżervat għad-dividendi li jirċievi azzjonist residenti ta’ kumpannija residenti.

67     Kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-obbligu impost, f’każ bħal dan, fuq Stat Membru li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ Stat ta’ residenza ta’ l-azzjonist finali, mhuwiex is-suġġett tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

68     Madankollu, mill-mument meta Stat Membru, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim, jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss l-azzjonisti residenti, iżda wkoll l-azzjonisti li mhumiex residenti, għad-dividendi li huma jirċievu minn kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ l-imsemmija azzjonisti li mhumiex residenti ssir simili għal dik ta’ l-azzjonisti residenti.

69     Għal dak li jirrigwarda l-miżuri nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ikun il-każ, kif intqal fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, meta DTA konkluż mir-Renju Unit jipprovdi li kumpannija azzjonista li tirrisjedi fl-Istat Membru kontraenti l-ieħor tibbenefika minn kreditu ta’ taxxa, sħiħ jew parzjali, fir-rigward tad-dividendi li hija tirċievi minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit.

70     Issa, jekk l-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija li tagħmel il-profitti li għandhom jitqassmu jiddeċiedi li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu mhux biss fir-rigward tal-profitti magħmula f’dan l-Istat, iżda wkoll fir-rigward tad-dħul li joriġina mill-imsemmi Stat mħallas lill-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex residenti, huwa biss l-eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull intaxxar fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ sensiela ta’ taxxi. F’każ bħal dan, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji li mhumiex residenti ma jiffaċċjawx restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbita, bħala regola, mill-Artikolu 43 KE, l-Istat li fih tirrisjedi l-kumpannija li tqassam għandu jassigura li, meta mqabbla mal-mekkaniżmu previst fid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi, il-kumpanniji azzjonisti li mhumiex residenti jkunu suġġetti għal trattament ekwivalenti għal dak li japplika għall-kumpanniji azzjonisti residenti.

71     Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, f’kull każ, jekk dan l-obbliġu ġiex osservat, billi tieħu in kunsiderazzjoni, skond il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-DTA li l-imsemmi Stat Membru kkonkluda ma’ l-Istat Membru li fih tirrisjedi l-kumpannija azzjonista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punti 51 sa 55).

72     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-kuntest ta’ tqassim ta’ dividendi minn kumpannija residenti u fin-nuqqas ta’ DTA, tagħti biss lill-kumpanniji benefiċjarji residenti kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallas, bil-quddiem, mill-kumpannija li tagħmel il-profitti li għandhom jitqassmu, filwaqt li tirriżerva l-għoti ta’ dan il-kreditu ta’ taxxa lill-azzjonisti finali residenti biss, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 43 KE.

73     Peress illi l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti preċedenti japplikaw bl-istess mod għall-kumpanniji azzjonisti li mhumiex residenti li jkunu rċevew dividendi abbażi ta' holding ta’ ishma li ma tagħtihomx influwenza definittiva fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-kumpannija residenti li tqassam u ma jippermettilhomx li jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha, tali leġiżlazzjoni lanqas ma tostakola l-moviment liberu tal-kapital fis-sens ta' l-Artikolu 56 KE.

74     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 1(a) hija li l-Artikoli 43 KE u 56 KE ma jipprekludux li Stat Membru, meta jitqassmu dividendi minn kumpannija residenti fl-imsemmi Stat, jagħti lill-kumpanniji benefiċjarji ta' l-imsemmija dividendi li wkoll jirrisjedu f'dan l-Istat kreditu ta' taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam fir-rigward tad-dividendi mqassma, iżda ma jagħtix tali kreditu lill-kumpanniji benefiċjarji li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u li mhumiex intaxxati f'dan l-ewwel Stat fir-rigward ta' dawn id-dividendi.

 Fuq id-domanda 1(b) sa (d)

75     Permezz tad-domanda 1(b) sa (d), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludux Stat Membru milli japplika DTAs konklużi ma' Stati Membri oħrajn li jipprovdu li, meta jiġu mqassma dividendi minn kumpannija residenti, il-kumpanniji benefiċjarji li jirrisjedu f'ċerti Stati Membri ma jibbenefikawx minn kreditu ta' taxxa, filwaqt li l-kumpanniji benefiċjarji li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn jingħataw kreditu ta' taxxa parzjali.

76     F'dan il-kuntest, hija tistaqsi wkoll jekk Stat Membru jistax japplika dispożizzjoni ta' DTA, magħrufa bħala "limitazzjoni ta' benefiċċji", skond liema huwa ma jagħtix kreditu ta' taxxa lil kumpannija li tirrisjedi fl-Istat Membru kontraenti l-ieħor jekk din hija kkontrollata minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda DTA li, meta jiġu mqassma dividendi, ma jagħtix kreditu ta' taxxa lil kumpannija benefiċjarja li tirrisjedi fi Stat terz, u jekk huwiex rilevanti, f'dan ir-rigward, li l-kumpannija benefiċjarja li mhijiex residenti tkun ikkontrollata minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru jew f'pajjiż terz.

77     Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 37 sa 40 ta' din is-sentenza, għandhom jiġu eżaminati l-miżuri nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali kemm mil-lat tal-libertà ta' stabbiliment kif ukoll minn dak tal-moviment liberu tal-kapital.

78     Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fatt li Stat Membru jagħti vantaġġ fiskali liċ-ċittadini ta' Stat Membru filwaqt li jiċħad tali vantaġġ liċ-ċittadini ta' Stat Membru ieħor imur kontra l-libertajiet ta' moviment. Billi jirreferu għall-punt 26 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, huma jsostnu li l-għoti ta' tali vantaġġ ma jistax jiddependi mill-eżistenza ta' vantaġġi reċiproċi mogħtija mill-Istat Membru kontraenti l-ieħor.

79     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw li l-fatt li l-vantaġġi mogħtija minn DTA konkluż ma' ċertu Stat Membru jiġu applikati fir-rigward ta' persuni fiżiċi jew morali li jaqgħu taħt DTA ieħor ma jaffetwax is-sistema ta' ftehim fiskali bilaterali. Fil-fatt, għandha tinħoloq distinzjoni bejn, minn naħa, id-dritt ta' l-Istati Membri li jaqsmu l-kompetenza fiskali tagħhom sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja fuq l-istess dħul f'diversi Stati Membri u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenza fiskali hekk maqsuma. Filwaqt li trattament differenti jkun ġustifikat li kieku dan jirriżulta mid-differenzi bejn ftehim fiskali għal dak li jikkonċerna t-tqassim tal-kompetenza fiskali, b'mod partikolari sabiex jintwerew id-differenzi bejn is-sistemi fiskali ta' l-Istati Membri kkonċernati, Stat Membru ma jistax, sabiex jevita jew inaqqas it-tassazzjoni doppja ekonomika, jeżerċita l-kompetenza tiegħu b'mod selettiv u arbitrarju.

80     Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll dak Ġermaniż u Franċiż, l-Irlanda, il-Gvern Taljan, Olandiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jikkontestaw t-teorija li Stat Membru ma jistax jipproteġi persuna li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor mit-tassazzjoni doppja ekonomika ħlief jekk jagħti l-istess protezzjoni lir-residenti ta' l-Istati Membri kollha. Jekk din it-teorija tiġi aċċettata, l-ekwilibriju u r-reċiproċità li fuqhom huma bbażati d-DTAs eżistenti jiġu mfixkla, il-persuni suġġetti għat-taxxa jkunu jistgħu jevitaw iktar faċilment id-dispożizzjonijiet tad-DTAs intiżi sabiex jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa u ċ-ċertezza legali tal-persuni suġġetti għat-taxxa tiġi affettwata.

81     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fin-nuqqas ta' miżuri ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni Komunitarji intiżi sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kriterji ta' tassazzjoni tad-dħul sabiex tiġi eliminata, jekk ikun il-każ, permezz ta' ftehim internazzjonali, it-tassazzjoni doppja. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, fi ħdan ftehim bilaterali, jistabbilixxu l-fatturi ta' konnessjoni għall-finijiet tat-tqassim tal-kompetenza fiskali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Gilly, punti 24 u 30; Saint-Gobain ZN, punt 57; D., punt 52, u Bouanich, punt 49).

82     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw id-differenza ta' trattament imposta fuq kumpanniji li mhumiex residenti fir-Renju Unit minħabba l-fatt li d-DTAs konklużi minn dan l-Istat Membru ma' ċerti Stati Membri oħrajn jagħtu kreditu ta' taxxa lill-kumpanniji li jirrisjedu fl-imsemmija Stati Membri, filwaqt li d-DTAs konklużi mir-Renju Unti ma' Stati Membri oħrajn ma jagħtux tali kreditu.

83     Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali differenza ta' trattament hijiex diskriminatorja, għandu jiġi stabbiliti jekk, fir-rigward tal-miżuri in kwistjoni, il-kumpanniji kkonċernati li mhumiex residenti jinsabux f'sitwazzjoni oġġettivament simili.

84     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 54 tas-sentenza tagħha D., iċċitata iktar 'il fuq, il-kamp ta' applikazzjoni ta' ftehim fiskali bilaterali huwa limitat għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fih.

85     Sabiex jiġi evitat li l-benefiċċji mqassma ma jkunux suġġetti għat-taxxa kemm mill-Istat Membru li fih tirrisjedi l-kumpannija li tqassam kif ukoll minn dak li fih tirrisjedi l-kumpannija benefiċjarja, kull wieħed mid-DTAs konklużi mir-Renju Unit jipprovdi għal tqassim tal-kompetenza fiskali bejn dan l-Istat Membru u l-Istat Membru kontraenti l-ieħor. Filwaqt li wħud minn dawn id-DTAs ma jistipulawx li d-dividendi li kumpannija benefiċjarja li mhijiex residenti tirċievi minn kumpannija li tirrisjedi f'dan l-Istat Membru għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fir-Renju Unit, DTAs oħrajn jipprovdu li dawn għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa. Huwa f'dan l-aħħar każ li d-DTAs jagħtu, skond il-kundizzjonijiet ta' kull wieħed minnhom, kreditu ta' taxxa lill-kumpannija benefiċjarja li mhijiex residenti.

86     Kif josserva l-Gvern tar-Renju Unit, sostnut, f'dan ir-rigward, mill-maġġoranza tal-Gvernijiet l-oħrajn li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet li fihom dawn id-DTAs jagħtu kreditu ta' taxxa lill-kumpanniji li mhumiex residenti u li jirċievu dividendi minn kumpannija residenti jvarjaw mhux biss skond il-karatteristiċi partikolari tas-sistemi fiskali nazzjonali kkonċernati, iżda wkoll skond iż-żmien li fih ġew innegozjati d-DTAs u l-estenzjoni tal-kwistjonijiet li dwarhom l-Istati Membri kkonċernati waslu għal ftehim.

87     Is-sitwazzjonijiet li fihom ir-Renju Unit jagħti kreditu ta' taxxa lil kumpanniji li jirrisjedu fi Stat Membru kontraenti ieħor u li jirċievu dividendi minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit huma dawk fejn ir-Renju Unit irriżerva wkoll id-dritt li jintaxxa dawn il-kumpanniji fir-rigward ta' l-imsemmija dividendi. Ir-rata ta' tassazzjoni li, f'każ bħal dan, ir-Renju Unit jista' japplika, tvarja skond iċ-ċirkustanzi, b'mod partikolari skond jekk DTA jagħtix kreditu ta' taxxa sħiħ jew parzjali. Għaldaqstant, teżisti rabta diretta bejn id-dritt għal kreditu ta' taxxa u r-rata ta' tassazzjoni li jistabbilixxi tali DTA (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta' Settembru 2003, Océ Van der Grinten, C-58/01, Ġabra p. I-9809, punt 87).

88     Għaldaqstant, l-għoti ta' kreditu ta' taxxa lil kumpannija li mhijiex residenti u li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti, kif previst f'ċerti DTAs konklużi mir-Renju Unit, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ li jista’ jiġi separat mill-bqija ta' l-imsemmija ftehim, iżda bħala parti integrali u jikkontribwixxi għall-ekwilibriju ġenerali tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza D., iċċitata iktar 'il fuq, punt 62).

89     L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet tad-DTAs li jipprovdu li l-għoti ta' tali kreditu ta' taxxa għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-kumpannija li mhijiex residenti ma tkunx il-proprjetà, direttament jew indirettament, ta’ kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru jew f'pajjiż terz li miegħu r-Renju Unit ikkonkluda DTA li ma jagħtix kreditu ta' taxxa.

90     Anki jekk tali dispożizzjonijiet jirreferu għas-sitwazzjoni ta' kumpannija li ma tirrisjedix f'wieħed mill-Istati Membri kontraenti, huma japplikaw biss fir-rigward ta' persuni li jirrisjedu f'wieħed minn dawn l-Istati Membri u, billi jikkontribwixxu għall-ekwilibriju ġenerali tagħhom, huma parti integrali tad-DTA kkonċernati.

91     Il-fatt li dawn id-drittijiet u obbligi reċiproċi japplikaw biss għal persuni residenti ta' wieħed miż-żewġ Stati Membri kontraenti huwa konsegwenza inerenti għall-ftehim bilaterali intiżi għall-prevenzjoni tat-taxxa doppja. Minn dan jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna l-intaxxar ta' dividendi mħallsa minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit, kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru li kkonkluda mar-Renju Unit DTA li ma jagħtix kreditu ta' taxxa ma tinsabx fl-istess sitwazzjoni ta' kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru li kkonkluda DTA li jagħti tali kreditu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza D., iċċitata iktar 'il fuq, punt 61).

92     Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta' stabbiliment ma jipprekludux li d-dritt għal kreditu ta' taxxa previst f'DTA konkluż minn Stat Membru ma' Stat Membru ieħor għal kumpanniji li jirrisjedu f'dan l-aħħar Stat u li jirċievu dividendi minn kumpannija li tirrisjedi fl-ewwel Stat, ma jiġix estiż għal kumpanniji li jirrisjedu fit-tielet Stat Membru li miegħu l-ewwel Stat kkonkluda DTA li ma jagħtix tali dritt.

93     Peress illi tali sitwazzjoni ma tinvolvi ebda diskriminazzjoni kontra kumpanniji li mhumiex residenti u li jirċievu dividendi minn kumpannija residenti, il-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti tapplika wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

94     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 1(b) sa (d) hija li l-Artikoli 43 KE u 56 KE ma jipprekludux sitwazzjoni li fiha Stat Membrui ma jestendix id-dritt għal kreditu ta' taxxa previst f'DTA konkluż ma' Stat Membru ieħor għal kumpanniji li jirrisjedu f'dan l-aħħar Stat u li jirċievu dividendi minn kumpannija li tirrisjedi fl-ewwel Stat, għal kumpanniji li jirrisjedu fit-tielet Stat Membru li miegħu kkonkluda DTA li ma jagħtix tali dritt lil kumpanniji li jirrisjedu f'dan it-tielet Stat.

 Fuq it-tieni domanda

95     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

96     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikoli 43 KE u 56 KE ma jipprekludux li Stat Membru, meta jitqassmu dividendi minn kumpannija residenti fl-imsemmi Stat, jagħti lill-kumpanniji benefiċjarji ta' l-imsemmija dividendi li wkoll jirrisjedu f'dan l-Istat kreditu ta' taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam fir-rigward tad-dividendi mqassma, iżda ma jagħtix tali kreditu lill-kumpanniji benefiċjarji li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u li mhumiex intaxxati f'dan l-ewwel Stat fir-rigward ta' dawn id-dividendi.

2)      L-Artikoli 43 KE u 56 KE ma jipprekludux sitwazzjoni li fiha Stat Membru ma jestendix id-dritt għal kreditu ta' taxxa previst fi ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja konkluż ma' Stat Membru ieħor għal kumpanniji li jirrisjedu f'dan l-aħħar Stat u li jirċievu dividendi minn kumpannija li tirrisjedi fl-ewwel Stat, għal kumpanniji li jirrisjedu fit-tielet Stat Membru li miegħu kkonkluda ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja li ma jagħtix tali dritt lil kumpanniji li jirrisjedu f'dan it-tielet Stat.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.