Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Ġunju 2006 (*)

"Għajnuniet ta’ l-Istat – Kunċett – Eżenzjoni minn taxxi komunali u provinċjali– Effetti ta’ l-Artikolu 88(3) KE – Piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti – Taxxa interna"

Fil-kawżi magħquda C-393/04 u C-41/05

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjonijiet preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-cour d’appel de Liège (C-393/04) u mit-tribunal de première instance de Liège (C-41/05) (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-15 ta’ Settembru 2004 u ta’ l-24 ta’ Jannar 2005, li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis-17 ta’ Settembru 2004 u fit-3 ta’ Frar 2005, fil-kawżi

Air Liquide Industries Belgium SA

vs

Ville de Seraing (C-393/04),

Province de Liège (C-41/05)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-mitkub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Air Liquide Industries Belgium SA, minn P. De Bandt, H. Deckers u G. Lienart, Avukati,

–       għall-ville de Seraing, minn J.-L. Gilissen, R. Ghods u M.-P. Donea, Avukati,

–       għall-province de Liège, minn C. Collard, Avukat,

–       għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-P. Keppenne u B. Stromsky, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna ta’ l-Istat u l-konsegwenzi ġuridiċi eventwali li jistgħu jirriżultaw fuq il-livell nazzjonali mill-eżistenza ta’ tali għajnuna. Dawn jirrigwardaw ukoll l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ piż b’effett ekwivalenti u ta’ taxxa interna.

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Air Liquide Industries Belgium SA (iktar ‘il quddiem "Air Liquide") u l-ville de Seraing, minn naħa, u l-province de Liège, min-naħa l-oħra.

3       Air Liquide hija grupp internazzjonali speċjalizzata fil-produzzjoni u t-trasport ta’ gass industrijali u mediċinali u toffri wkoll servizzi assoċjati. Air Liquide tipprovdi ossiġinu, ażotu, idroġenu kif ukoll numru ta’ gassijiet oħra lil setturi ta’ attivitajiet ferm differenti bħal ta’ l-azzar jew tal-ħadid, tar-raffinerija, tal-kimika jew tal-metallurġija, l-industriji tal-ħġieġ, ta’ l-elettronika, tal-karta, ta’ l- ipproċessar ta’ l-ikel u tas-saħħa jew l-industrija ta’ l-ajruspazju.

4       Fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha, Air Liquide b’mod partikolari tiżgura t-trasport ta’ gass industrijali minn siti differenti ta’ produzzjoni li jinsabu fil-Belġju, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-klijenti tagħha stabbiliti f’dawn it-tliet Stati. Din l-attività tat-trasport hija żgurata, f’dawn l-Istati, permezz ta’ netwerk ta’ inkanalar taħt pressjoni ferm għolja li tippermetti li tforni, b’mod partikolari, lill-konsumaturi l-kbar stabbiliti fir-reġjuni tal-ħadid u ta’ l-azzar u l-kimika.

5       Sabiex tforni n-netwerk tagħha ta’ inkanalar, Air Liquide topera unità ta’ produzzjoni ta’ gass industrijali fit-territorju tal-ville de Seraing, fil-province de Liège. Din l-unità tinkludi stazzjoni ta’ tqegħid taħt pressjoni ta’ dan il-gass.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

6       Fit-13 ta’ Diċembru 1999, il-kunsill komunali tal-ville de Seraing adotta regolament li jistabbilixxi taxxa fuq il-forza motriċi. Taħt dan ir-regolament impriżi industrijali, kummerċjali, finanzjarji jew agrikoli stabbiliti fit-territorju ta’ dan il-komun huma obbligati jħallsu taxxa annwali fuq il-muturi użati għall-operazzjoni ta’ stabbiliment jew ta’ l-annessi tiegħu, irrispettivament mill-likwidu jew is-sors ta’ l-enerġija użati għall-operazzjoni tagħhom. L-ammont ta’ din it-taxxa huwa proporzjonali għas-saħħa tal-mutur użat.

7       L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li jagħtu lok għal eżenzjoni minn din it-taxxa. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 3(9) il-muturi użati, fl-istazzjonijiet ta’ tqegħid taħt pressjoni ta’ gass naturali, sabiex jitħaddmu l-kompressuri li joħolqu l-livell ta’ pressjoni fil-pajpijiet ta’ provvista huma eżenti mit-taxxa fuq il-forza motriċi.

8       Fit-30 ta’ Ottubru 1998 u fid-29 ta’ Ottubru 1999, il-kunsill provinċjali ta’ Liège adotta regolament li jistabbilixxi taxxa fuq il-forza motriċi. Dan ir-regolament, jistabbilixxi, favur il-provinċja ta’ Liege, taxxa annwali fuq il-muturi, irrispettivament mil-likwidu użat għall-operazzjoni tagħhom. Din it-taxxa hija imposta fuq impriżi industrijali, kummerċjali, finanzjarji, agrikoli u fuq kwalunkwe professjoni jew sengħa. L-ammont ta’ din it-taxxa huwa proporzjonali għas-saħħa tal-mutur użat.

9       L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi numru ta’ sitwazzjonijiet li jagħtu lok għal eżenzjoni minn din it-taxxa. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 5(12) ta’ dan ir-regolament, il-muturi użati fl-istazzjonijiet tal-kompressjoni ta’ gass naturali biex jitħaddmu l-kompressuri li joħolqu l-livell neċessarju ta’ pressjoni fil-pajpijiet ta’ provvista huma eżenti mit-taxxa fuq il-forza motriċi.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-kawża C-393/04

10     Fit-28 ta’ Ġunju 2000, Air Liquide rċeviet talba għal ħlas ta’ BEF 41,275,757 (EUR 1,023,199.20) mill-commune de Seraing bħala taxxa fuq il-forza motriċi relatata ma’ l-attivitajiet tas-sena 1999.

11     Fit-22 ta’ Settembru 2000, Air Liquide ressqet quddiem il-Collège des bourgmestre et échevins ta’ dan il-komun oġġezzjoni intiża għat-tneħħija ta’ din it-taxxa.

12     Wara, Air Liquide ressqet, quddiem it-tribunal de première instance de Liège, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad din l-oġġezzjoni. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija invokat in-natura diskriminatorja tat-taxxa fuq il-forza motriċi, li tirriżulta b’mod partikolari mill-eżenzjoni mit-taxxa li jibbenefikaw minnha l-kumpanniji ta’ trasport ta’ gass naturali, eżenzjoni li hija tikkwalifika arbitrarja.

13     Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2002, it-tribunal de première instance de Liège caħad dan ir-rikors bħala mhux fondat.

14     Air Liquide appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-cour d’appel de Liège li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

"L-eżenzjoni minn taxxa komunali fuq il-forza motriċi, li minnha jibbenefikaw biss il-muturi użati fl-istazzjonijiet ta’ gass naturali, bl-esklużjoni tal-muturi użati għal gassijiet industrijali oħra, għandha tkun ikkunsidrata bħala għajnuna ta’ l-Istat skond l-Artikolu 87 tal-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea?"

 Il-kawża C-41/05

15     Fl-20 ta’ April 2000 u fid-9 ta’ Mejju 2001, il-province de Liège bagħtet lil Air Liquide, talbiet għall-ħlas tas-somma ta’ BEF 4,744,980 (EUR 117,624.98) għas-sena fiskali 1999 u ta’ BEF 2,403,360 (EUR 59,577.74) għas-sena fiskali 2000,) bħala taxxa fuq il-forza motriċi.

16     Fis-26 ta’ Ġunju 2000 u fit-23 ta’ Lulju 2001, Air Liquide ressqet quddiem l-awtoritajiet tal-province de Liège oġġezzjonijiet intiżi għat-tneħħija ta’ din it-taxxa.

17     Billi dawn l-oġġezzjonijiet ġew miċħuda, Air Liquide ressqet, quddiem it-tribunal de première instance de Liège, rikros intiż għat-tneħħija ta’ din it-taxxa u għall-ħlas lura tat-taxxi mħallsa qabel is-sena fiskali 1999, għal ammont ta’ BEF 30,788,100 (EUR 763,217.06). Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija invokat in-natura diskriminatorja tat-taxxa fuq il-forza motriċi, li tirriżulta, b’mod partikolari, mill-eżenzjoni mit-taxxa li minnha jibbenefikaw il-kumpanniji ta’ trasport ta’ gass naturali kif ukoll l-inkompatibbiltà ta’ din it-taxxa mat-Trattat KE.

18     It-tribunal de première instance de Liège ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"1)      L-eżenzjoni mit-taxxa provinċjali fuq il-forza motriċi, li minnha jibbenefikaw biss il-muturi użati fl-istazzjonijiet ta’ gass naturali, bl-esklużjoni tal-muturi użati għal gassijiet industrijali oħra, għandha tkun ikkunsidrata bħala għajnuna ta’ l-Istat skond l-Artikolu 87 tal-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea?

2)      Fil-każ ta’ tweġiba pożittiva għad-domanda preċedenti, il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressaq ir-rikors minn persuna taxxabbli li ma bbenefikatx mill-eżenzjoni mit-taxxa provinċjali fuq il-forza motriċi, għandha tikkundanna lill-awtorità pubblika li ġabret din it-taxxa tagħtiha lura lil din il-persuna taxxabbli jekk hija tikkonstata li, de jure jew de facto, mhuwiex possibbli għall-awtorità pubblika li ġabret din it-taxxa li titlobha lill-persuna taxxabbli li bbenefikat mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-forza motriċi?

3)      Taxxa fuq il-forza motriċi, li tolqot il-muturi użati għat-trasport ta’ gass industrijali f’pajpijiet taħt pressjoni għolja ħafna li jeħtieġu l-użu ta’ stazzjonijiet ta’ kompressjoni, għandha tkun ikkunsidrata bħala piż li jkollha effett ekwivalenti, ipprojbita mill-Artikoli 25 et seq tal-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat, meta jidher li, de facto, din tinġabar minn provinċja jew minn komun fuq it-trasport ta’ gass industrijali barra mil-limiti territorjali ta’ dawn meta t-trasport ta’ gass naturali fl-istess kundizzjonijiet huwa eżenti minn tali taxxa?

4)      Taxxa fuq il-forza motriċi, li tolqot il-muturi użati għat-trasport ta’ gass industrijali f’pajpijiet taħt pressjoni għolja ħafna li jeħtieġu l-użu ta’ stazzjonijiet ta’ kompressjoni, għandha tkun ikkunsidrata bħala miżura ta’ taxxa interna, ipprojbita mill-Artikoli 90 et seq tat-Trattat, meta jidher li t-trasport ta’ gass naturali huwa eżenti minn din it-taxxa?

5)      Fl-ipoteżi fejn ir-risposti għad-domandi preċedenti jkunu fil-pożittiv, il-persuna taxxabbli li ħallset it-taxxa fuq il-forza motriċi hija ġġustifikata li titlob il-ħlas lura ta’ dan it-taxxa mis-16 ta’ Lulju 1992, li hija d-data li fiha ingħatat is-sentenza Legros? [et]"

19     Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Lulju 2005 tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawżi C-393/04 u C-41/05 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-domanda magħmula fil-kawża C-393/04 u fuq l-ewwel domanda fil-kawża C-41/05

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi

20     Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li dawn iż-żewġ domandi huma inammissibbli peress illi, anki fil-każ ta’ tweġibiet pożittivi għalihom, dawn it-tweġibiet m’għandhom l-ebda inċidenza fuq id-deċiżjoni tal-kawżi prinċipali, li huma intiżi għall-ħlas lura tat-taxxi kkontestati.

21     Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni jfakkru li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali li quddiemha operatur ikun ressaq talba għall-ħlas lura ta’ taxxa mħallsa, mhijiex f’pożizzjoni, bħala regola ġenerali, quddiem ksur ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, li tikkontribwixxi għall-ħarsien tad-drittijiet li l-operatur jisħaq. Fil-fatt, tali ħlas lura joħloq biss għajnuna illegali ġdida li tiżdiet ma’ l-ewwel waħda u, bħal kull awtorità nazzjonali oħra, qorti nazzjonali hija obbligata tikkonforma ruħha mad-dritt Komunitarju u għalhekk, ma tistax tadotta deċiżjoni li tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna illegali oħra.

22     Dan l-istess Gvern u l-Kummissjoni jqisu li, anki jekk l-eżenzjonijiet kkontestati għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuniet ta’ l-Istat, ir-rikorrenti fil-kawża ma tkunx ġustifikata li tiċħad il-ħlas tat-taxxi in kwistjoni. Dan ikun differenti biss jekk dawn it-taxxi kkostitwew metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna u jekk il-prodott ta’ dawn it-taxxi kellu influwenza fuq l-ammont ta’ l-għajnuna. Issa, f’din il-kawża, la l-applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet u lanqas l-iskop tagħhom ma jissoddisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

23     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 234 KE, hija din ta’ l-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Krüger, C-334/95, Ġabra p. I-4517, punt 22, u tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C-88/99, Ġabra p. I-10465, punt 18).

24     Għandu jiġi wkoll irrilevat li, skond ġurisprudenza kostanti, huma l-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet il-kawża li għandhom jevalwaw kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, b’mod partikolari meta huwa evidenti, li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba minnha m’għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew ma’ l-għan tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1999, Tarantik, C-421/97, Ġabra p. I-3633, punt 33; tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW et Wein & Co, C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 52, u tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19).

25     Fir-rigward tas-suġġett tal-kawżi prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess u mid-diskuzzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jekk it-talbiet ta’ Air Liquide għandhom bħala suġġett il-ħlas lura tat-taxxi kkontestati, dawn huma wkoll intiżi sabiex iqegħdu f’dubju l-validità ta’ l-istrumenti ġuridiċi li stabbilew dawn it-taxxi.

26     F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula.

 Fuq it-tweġiba għal dawn id-domandi

27     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 87 KE għandu bħala għan li jevita li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun effettwat minn vantaġġi awtorizzati mill-awtoritajiet pubbliċi, li taħt forom differenti, iwasslu għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi javvantaġġaw ċertu impriżi jew ċertu produtturi (is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 26).

28     Hemm lok għalhekk li jiġu eżaminati l-eżenzjonijiet fiskali fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 87(1) KE jissuġġetta l-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-finanzjament ta’ tali miżura mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, l-eżistenza ta’ vantaġġ għal impriża, is-selettività ta’ l-imsemmija miżura kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha.

29     F’dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni kundizzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, peress illi jinkludi mhux biss il-benefiċċji pożittivi, bħal m’huma s-sussidji stess, imma wkoll miżuri ta’ l-Istat li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li huma normalment inklużi fil-badġit ta’ impriża u li, għaldaqstnat, mingħajr mhuma sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma ta’ l-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I-8365, punt 38; tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-501/00, Ġabra p. I-6717, punt 90, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 77).

30     Minn dan jirriżulta li miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-persuni l-oħra li jħallsu t-taxxa, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu, 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 14, u ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 132).

31     Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, dwar in-natura selettiva tal-miżuri fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-vantaġġi fiskali kkonċernati ma japplikawx għall-operaturi ekonomiċi kollha, iżda huma mogħtija lill-impriżi li jeżeriċitaw ċertu tipi ta’ attivitàjiet, jiġifieri dawk li jużaw, fl-istazzjonijiet ta’ kompressjoni ta’ gass naturali, muturi intiżi għat-tħaddim tal-kompressuri li joħolqu il-livell ta’ pressjoni fil-pajpijiet ta’ provvista.

32     Għaldaqstant, peress illi ma japplikawx għall-operaturi ekonomiċi kollha, dawn il-miżuri ma jistgħux ikunu meqjusa bħala miżuri ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 99, u Unicredito Italiano, C-148/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49).

33     F’dak li jirrigwarda r-raba’ kundizzjoni, bbażata fuq l-eżistenza ta’ għajnuna ta’ l-Istat, l-Artikolu 87(1) KE jimponi li l-miżura in kwistjoni teffettwa l-kummerċ bejn Stat Membri u twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.

34     Għall-finijiet ta’ tali kwalifika, jirriżulta mill-ġurisprudenza li mhux neċessarju li tiġi stabbilita inċidenza reali ta’ l-għajnuna mogħtija fuq il-kummerċ bejn Stati Membru u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax teffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 44; kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 111, u Unicredito Italiano, punt 54).

35     B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħah il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn ta’ l-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala effettwati minn din l-għajnuna. Minbarra dan, mhuwiex neċessarju li l-impriża li tibbenefika minn għajnuna tipparteċipa hija stess f’dan il-kummerċ (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 115 u 117, u Unicredito Italiano, punti 56 u 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36     Fl-aħħar, l-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir ta’ impriża li tibbenefika mill-għajnuna ma jeskludux a priori l-eventwalità li jiġi effettwat il-kummerċ bejn Stati Membri (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 42).

37     Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jistabbilixxu, fid-dawl ta’ l-elementi ta’ interpretazzjoni preċedenti, l-eżistenza, fil-kawżi prinċipali, ta’ għajnuna ta’ l-Istat.

38     Għalhekk ir-risposta għad-domanda magħmula fil-kawża C-393/04 u għall-ewwel domanda fil-kawża C-41/05 għandha tkun li l-eżenzjoni minn taxxa komunali jew provinċjali fuq il-forza motriċi, li minnha jibbenefikaw biss il-muturi użati fl-istazzjonijiet ta’ gass naturali, bl-esklużjoni tal-muturi użati għal gassijiet industrijali oħra, tista’ tkun ikkwalifikata bħala għajnuna ta’ l-Istat skond l-Artikolu 87 KE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-eżistenza ta’ għajnuna ta’ l-Istat humiex sodisfatti.

 Fuq it-tieni domanda fil-kawża C-41/05

39     Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-konsegwenzi legali tal-kwalifika ta’ l-eżenzjoni in kwistjoni bħala għajnuna ta’ l-Istat u fuq id-drittijiet tal-persuna taxxabbli li ħallset taxxa li l-eżenzjoni tagħha favur impriżi oħra tista’ tikkostitwixxi tali għajnuna.

40     Sabiex titwieġeb din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, Stat Membru ma jistax idaħħal fis-seħħ miżuri ta’ għajnuna proposti qabel ma dawn ġew iddikjarati kompatibbli mas-suq komuni.

41     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li intervent mill-qorti nazzjonali fis-sistema ta’ kontroll ta’ l-għajnuniet ta’ l-Istat jista’ jseħħ biss jekk dan jirriżulta mill-effett dirett rikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-projbizzjoni li jiddaħħlu fis-seħħ għajnuniet ta’ l-Istat, skond it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE. B’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huma l-qrati ta’ l-Istati Membri li għandhom iħarsu d-drittijiet tal-partijiet kkonċernati fil-każ ta’ ksur eventwali, min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, tal-projbizzjoni li għajnuniet jidaħħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Van Calster et, C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, punt 53).

42     Fir-rigward tal-miżuri li jistgħu jew li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti nazzjonali għandha toħroġ il-konsegwenzi kollha ta’ tali ksur, invokat mill-partijiet ikkonċernati, skond il-proċeduri nazzjonali, f’dak li jirrigwarda kemm il-validità ta’ atti li jdaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru ta’ għajnuniet finanzjarji mogħtija kuntrarjament għall-Artikolu 88(3) KE (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punt 12, u tat-13 ta’ Jannar 2005, C-174/02, Streekgewest, Ġabra p. I-85, punt 17).

43     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-persuni li għandhom iħallsu taxxa ma jistgħux jeċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jgawdu impriżi oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw il-ħlas ta’ l-imsemmija taxxa (ara is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I-6117, punt 80). Minn dan jirriżulta li, anki jekk l-eżenzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE, l-illegalità eventwali ta’ din l-għajnuna mhijiex tali li teffettwa il-legalità tat-taxxa stess.

44     Fil-fatt, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE tippreskrivi obbligu li għandu bħala għan li jiġi żgurat li għajnuna ma tingħatax qabel ma l-Kummissjoni ma tkunx iddikjarat tali għajnuna kompatibbli mas-suq komuni. F’dan il-kuntest, is-setgħat tal-qrati nazzjonali huma ta’ natura essenzjalment preventiva u ma jistgħux jaqbżu dawk mogħtija lill-Kummissjoni meta hija tieħu deċiżjoni fuq il-legalità ta’ għajnuna ta’ l-Istat wara eżami fil-fond.

45     Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li estensjoni taċ-ċirku tal-benefiċċjarji potenzjali għal impriżi oħra ma tippermettix li jiġu eliminati l-effetti ta’ għajnuna mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE, iżda, għall-kuntrarju, għandha bħala konsegwenza li żżid l-effetti ta’ din l-għajnuna.

46     Ikun differenti jekk it-taxxa u l-eżenzjoni previsti kienu parti integrali ta’ miżura ta’ għajnuna. Sabiex taxxa tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ l-għajnuna.u jeffettwa direttament l-ammont ta’ din u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (ara s-sentenzi Streekgewest, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26 u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Casino France et, C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, Ġabra p. I-9481, punt 40). Madankollu, l-ebda rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti ma teżisti bejn it-taxxa u l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa favur kategorija ta’ impriżi. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni fiskali u l-portata tagħha ma jiddependux mid-dħul mit-taxxa (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Streekgewest, punt 28 u Casino France et, punt 41).

47     Huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, tali rabta mhijiex stabbilita bejn it-taxxa fuq il-forza motriċi u l-eżenzjonijiet previsti f’dak li jirrigwardaha.

48     Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda fil-kawża C-41/05 għandha tkun li l-illegalità eventwali ta’ eżenzjoni fiskali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ għajnuniet ta’ l-Istat mhijiex ta’ natura li jeffettwa l-legalità tat-taxxa stess b’mod li l-impriżi li għandhom iħallsu din it-taxxa ma jistgħux jeċepixxu quddiem il-qrati nazzjonali, l-illegalità ta’ l-eżenzjoni mogħtija sabiex jevitaw il-ħlas ta’ din it-taxxa jew sabiex jiksbu rimbors tagħha.

 Fuq it-tielet u r-raba domanda fil-kawża C-41/05

 Osservazzjonijiet preliminari

49     Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk it-taxxa fuq il-forza motriċi tistax tikkostitwixxi piż li jkollu effett ekwivalenti għal dazji tad-dwana fuq importazzjoni u esportazzjoni skond l-Artikolu 25 KE jew taxxa interna diskriminatorja pprojbita mill-Artikolu 90 KE.

50     L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti u dawk dwar it-taxxa interna diskriminatorja mhumiex applikabbli flimkien, b’mod li l-istess miżura, fis-sistema tat-Trattat, ma tistax taqa’ simultanjament taħt iż-żewġ kategoriji (ara s-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Celbi, C-266/91, Ġabra p. I-4337, punt 9).

 Fuq it-tielet domanda

51     Għandu jiġi rrilevat li, skond ġurisprudenza kostanti, kull piż pekunjarju, anki minimu, impost unilateralment, irrispettivament minn kif huwa msejjah u l-mod ta’ kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanziji minħabba li l-fatt li dawn jaqsmu fruntiera, meta dan mhuwiex dazju tad-dwana fil-veru sens, jikkostitwixxi piż li jkollu effett ekwivalenti skond l-Artikolu 25 KE (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, UCAL, C-347/95, Ġabra p. I-4911, punt 18; tad-9 ta’ Settemrbu 2004, Carbonati Apuani, C-72/03, Ġabra p. I-8027, punt 20, u tat-8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation, C-293/02, Ġabra p. I-9543, punt 55).

52     B’rigward għal din id-definizzjoni u f’dak li jikkonċerna l-karatteristiċi tat-taxxa in kwisjtoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mit-trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din it-taxxa tolqot, b’mod partikolari, lil minn juża muturi mħaddma għat-trasport ta’ gass industrijali f’pajpijiet taħt pressjoni għolja ħafna li jeħtieġ l-użu ta’ stazzjonijiet ta’ kompressjoni. Minbarra dan, din it-taxxa tolqot numru kbir ta’ attivitajiet industrijali li jimplikaw l-użu ta’ dawn il-muturi.

53     Konsegwentement, huwa t-tħaddim ta’ dawn il-muturi u l-konsum ta’ enerġija tagħhom li jikkostitwixxu l-fatt li jiġġenera t-taxxa, irrispettivament mil-likwidu jew is-sors ta’ l-enerġija li jħaddimhom. Peress illi din it-taxxa mhijiex miġbura minħabba l-qsim ta’ fruntiera, l-imsemmija taxxa għaldaqstant m’għandhiex rabta ma’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ merkanzija.

54     Għalhekk ir-risposta għat-tielet domanda fil-kawża C-41/05 għandha tkun li taxxa fuq il-forza motriċi, li tolqot b’mod partikolari, il-muturi użati għat-trasport ta’ gass industrijali f’pajpijiet taħt pressjoni għolja ħafna, ma tikkostitwixxix piż li jkollu effett ekwivalenti skond l-Artikolu 25 KE.

 Fuq ir-raba domanda

55     Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa enfasizzat, l-Artikolu 90 KE jissuplementa, fis-sistema tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tad-dazji tad-dwana u ta’ piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tiżgura l-moviment liberu ta’ merkanziji bejn l-Istati Membri f'kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni permezz tat-tneħħija ta’ kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxa interna diskriminatorja fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Franza, 168/78, Ġabra p. 347, punt 4; Il-Kummissjoni vs L-Italja, 169/78, Ġabra p. 385, punt 4, u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 171/78, Ġabra p. 447, punt 4).

56     Għandu jintqal ukoll li l-piżijiet pekunjarji li jirriżultaw minn sistema ġenerali ta’ taxxa interna li tinkludi sistematikament, skond l-istess kriterji oġġettivi, kategoriji ta’ prodotti irrispettivament mill-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom jaqaw taħt l-Artikolu 90 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1981, Il-Kummissjoni vs Franza, 90/79, Ġabra p. 283, punt 14; tas-16 ta’ Lulju 1992, Legros et, C-163/90, Ġabra p. I-4625, punt 11, u tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et, C-17/91, Ġabra p. I-6523, punt 19).

57     F’dak li jikkonċerna t-taxxa fuq il-forza motriċi in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li din ma tolqotx b’mod speċifiku jew differenti l-prodotti esportati jew importati, peress illi din hija applikata għall-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-impriżi industrijali, kummerċjali, finanzjarji jew agrikoli u mhux għall-prodotti fihom infushom.

58     Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-eżenzjoni mogħtija tikkonċerna l-muturi użati għat-trasport ta’ gass naturali mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita in-natura diskriminatorja ta’ din it-taxxa, peress illi, kif jirriżulta mit-trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li dan il-gass huwa prodott analogu għall-gass industrijali jew prodott in kompetizzjoni ma’ dan ta’ l-aħħar.

59     Għalhekk ir-risposta għar-raba’ domanda fil-kawża C-41/05 għandha tkun li taxxa fuq il-forza motriċi, li tolqot b’mod partikolari, il-muturi użati għat-trasport ta’ gass industrijali f’pajpijiet taħt pressjoni għolja ħafna, ma tikkostitwixxix taxxa interna diskriminatorja skond l-Artikolu 90 KE.

60     B’kunsiderazzjoni għar-risposti mogħtija għat-tielet u r-raba domandi fil-kawża C-41/05, mhemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda magħmula f’din il-kawża.

 Fuq l-ispejjeż

61     Peress li l-proċeduri għandhom, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjonijiet imqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-eżenzjoni minn taxxa komunali jew provinċjali fuq il-forza motriċi, li minnha jibbenefikaw biss il-muturi użati fl-istazzjonijiet ta’ gass naturali, bl-esklużjoni tal-muturi użati għal gassijiet industrijali oħra, tista’ tkun ikkwalifikata bħala għajnuna ta’ l-Istat skond l-Artikolu 87 KE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-eżistenza ta’ għajnuna ta’ l-Istat humiex sodisfatti.

2)      L-illegalità eventwali ta’ eżenzjoni fiskali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ għajnuniet ta’ l-Istat mhijiex ta’ natura li jeffettwa l-legalità tat-taxxa stess b’mod li l-impriżi li għandhom iħallsu din it-taxxa ma jistgħux jeċepixxu quddiem il-qrati nazzjonali, l-illegalità ta’ l-eżenzjoni mogħtija sabiex jevitaw il-ħlas ta’ din it-taxxa jew sabiex jiksbu rimbors tagħha.

3)      Taxxa fuq il-forza motriċi, li tolqot b’mod partikolari, il-muturi użati għat-trasport ta’ gass industrijali f’pajpijiet taħt pressjoni għolja ħafna, ma tikkostitwixxix piż li jkollu effett ekwivalenti skond l-Artikolu 25 KE.

4)      Taxxa fuq il-forza motriċi, li tolqot b’mod partikolari, il-muturi użati għat-trasport ta’ gass industrijali f’pajpijiet taħt pressjoni għolja ħafna, ma tikkostitwixxix taxxa interna diskriminatorja skond l-Artikolu 90 KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.