Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Novembru 2006(*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu –Artikoli 49 KE u 50 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Attivitajiet fis-settur tal-kostruzzjoni – Ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fil-qasam tal-kostruzzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga t-twettiq ta' tnaqqis ta' 15% fuq is-somom dovuti lil kontraenti mhux irreġistrati fil-Belġju – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi responsabbiltà in solidum għad-debiti fiskali ta' kontraenti mhux irreġistrati fil-Belġju "

Fil-kawża C-433/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-8 ta' Ottubru 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn D. Triantafyllou, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn E. Dominkovits, bħala aġent, assistita minn B. van de Walle de Ghelcke, Avocat,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, M.J. N. Cunha Rodrigues u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' 6 ta' April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi obbliga lil prinċipali ta' l-impjegati u l-kuntratturi, li jiddependu fuq kontraenti barranin mhux irreġistrati fil-Belġju, inaqqsu 15% tas-somma dovuta għal xogħlijiet mwettqa (iktar ‘il quddiem l-"obbligu ta' tnaqqis") u billi impona fuq l-istess prinċipali ta' l-impjegati u kuntratturi responsabbiltà in solidum għad-debiti fiskali ta' tali kontraenti (iktar ‘il quddiem ir-"responsabbiltà in solidum"), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 49 KE u 50 KE.

 Il-Kuntest ġuridiku nazzjonali

2       Fil-Belġju, il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul 1992, awtorizzata bid-Digriet Irjali ta' l-10 ta' April 1992 (Supplement għal Moniteur belge tat-30 ta' Lulju 1992), kif emendat mid-Digriet Irjali tas-26 ta' Diċembru 1998 dwar miżuri sabiex tiġi addattata l-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà in solidum għad-debiti soċjali u fiskali b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 43 tal-liġi tas-26 ta' Lulju 1996 dwar il-modernizzazzjoni tas-sigurtà soċjali u għall-iżgurar tas-sostenibbiltà ta' l-iskemi statutorji tal-pensjonijiet (Moniteur belge tal-31 ta' Diċembru 1998, p 42140, iktar 'il quddiem iċ-"CIR 92") għandha fit-Titolu VII tagħha, dwar l-istabbiliment u l-irkupru tat-taxxa, Kapitolu VIII, intitolat, "Irkupru tat-taxxa", li fih tidher sezzjoni II, intitolata "Attivitajiet li għalihom għandu jiġi mqabbad kuntrattur irreġistrat".

3       Diversi attivitajiet huma msemmija fis-settur tal-kostruzzjoni, iddeterminati skond l-Artikolu 400, 1°, tal-CIR 92, b'Digriet Irjali.

4       L-Artikolu 402 tal-Cir 92 jiddisponi:

"§ 1. Il-prinċipal li, għax-xogħlijiet previsti fl-Artikolu 400, iqabbad kuntrattur mhux irreġistrat fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, huwa responsabbli in solidum għall-pagamenti tad-debiti fiskali tal-kontraenti tiegħu.

§ 2. Il-kuntrattur li, għax-xogħlijiet previsti fl-Artikolu 400, 1°, iqabbad subappaltatur mhux irreġistrat fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, huwa responsabbli in solidum għall-pagamenti tad-debiti fiskali tal-kontraenti tiegħu.

[…]

§ 5. Ir-responsabbiltà in solidum hija limitata għal 35 fil-mija tal-prezz totali tax-xogħlijiet, li ma tinkludix it-taxxa fuq il-valur miżjud, mogħti lill-kuntrattur jew lis-subappaltatur mhux irreġistrat.

Hija tista' tiġi stabbilita għal pagamenti prinċipali, żiediet, spejjeż u interessi, tkun xi tkun id-data ta' l-istabbiliment tagħhom:

1° tad-debiti kollha rigward it-taxxi diretti u taxxi simili mat-taxxa fuq id-dħul relattivi għall-perijodi taxxabbli li fihom saru x-xogħlijiet u għall-perijodi preċedenti taxxabbli;

2° tad-debiti kollha rigward it-tnaqqis għall-perijodi li fihom saru x-xogħlijiet u għall-perijodi preċedenti;

3° id-dejn fiskali ta' oriġini barranija li għalihom l-assistenza għall-irkupru tkun intalbet fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali.

[…]"

5       L-Artikolu 403 tal-CIR 92 jipprovdi li :

"§ 1. Il-prinċipal li jwettaq pagament sħiħ jew parzjali tal-prezz tax-xogħlijiet previst fl-Artikolu 400, 1°, lil kuntrattur li, fil-mument tal-pagament, mhuwiex irreġistrat, huwa marbut, waqt il-pagament li jżomm u jħallas 15 fil-mija ta' l-ammont li huwa responsabbli biex iħallas, li ma tinkludix it-taxxa għall-valur miżjud, lil uffiċċjal maħtur mir-Re u skond il-modalitajiet li jiddetermina hu.

§ 2. Il-kuntrattur li jwettaq pagament sħiħ jew parzjali tal-prezz tax-xogħlijiet previst fl-Artikolu 400, 1°, lil subappaltatur huwa marbut, waqt il-pagament, li jżomm u jħallas 15 fil-mija ta' l-ammont li huwa dovut minnu, li ma tinkludix it-taxxa għall-valur miżjud, lil uffiċjal maħtur mir-Re u skond il-modalitajiet li jiddetermina hu.

Il-kuntrattur huwa dejjem eżenti, skond il-kundizzjonijiet u modalitajiet iddeterminati mir-Re, mill-obbligu ta' żamma u ħlas previst fl-ewwel subparagrafu jekk, fil-mument tal-pagament, is-subappaltatur jiġi rreġistrat bħala kuntrattur.

§ 3. Jekk ikun il-każ, l-ammonti mħallsa b’eżekuzzjoni ta' l-Artikolu preżenti jitnaqqsu mill-ammont li għalih il-prinċipal jew il-kuntrattur ikunu responsabbli skond l-Artikolu 402."

6       L-Artikolu 404 tal-CIR 92 jipprevedi li jekk iż-żamma prevista fl-Artikolu 403 ta' dan il-kodiċi ma tiġix implementata, multa amministrattiva li tirrapreżenta d-doppju ta' l-ammont dovut tiġi imposta fuq il-prinċipal, jew fil-każ previst fl-Artikolu 403(2), ta' l-istess liġi, fuq il-kuntrattur.

7       L-Artikolu 406(1) tal-CIR jiddisponi:

"L-ammont imħallas bl-implementazzjoni ta' l-Artikolu 403 iservi, prinċipalment, għall-estinzjoni tad-debiti fiskali previsti fl-Artikolu 402, tal-multi u, sussegwentement, tad-debiti fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud."

8       L-Artikolu 407 tas-CIR 92 jeskludi l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 402 u 403 fuq il-prinċipal fejn dan huwa persuna fiżika li qiegħed jagħmel xogħlijiet għal finijiet strettament privati.

9       L-attivitajiet previsti fl-Artikolu 400, 1°, tas-CIR 92 huma msemmija fl-ewwel Artikolu tad-Digriet Irjali tas-26 ta' Diċembru 1998 dwar l-implementazzjoni ta' l-Artikoli 400, 401, 403, 404 u 406 tas-[CIR 92] 1992 u ta' l-Artikolu 30bis tal-liġi tas-27 ta' Ġunju 1969 li temenda d-Digriet Leġiżlattiv tat-28 ta’ Diċembru 1944 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema, (Moniteur belge tal-31 ta' Diċembru 1998, p. 42147). Skond l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artokolu dawn huma l-attivitajiet li ġejjin :

"1° l-eżekuzzjoni ta' xogħol fil-bini. Xogħol fil-bini jfisser : kull xogħol ta' kostruzzjoni, transformazzjoni, żvilupp, tiswija, manutenzjoni, tindif u demolizzjoni, ta' l-immobbli kollu jew parti minnu, kif ukoll kull operazzjoni li taqa' taħt il-provvista ta' proprjetà mobbli u t-tqegħid tagħha fi proprjetà immobbli b'tali mod li dan il-mobbli jsir immobbli fin natura tiegħu;

2° kull operazzjoni anki jekk mhux prevista fis-subparagrafu 1°, li taqa' taħt il-provvista u l-fissar mal-bini:

a) l-elementi kollha jew parti minnhom li jikkostitwixxu installazzjoni ta' tisħin iċċentralizzat jew arja kundizzjonata, li jinkludu burners, riżervi u apparat ta' regolazzjoni u ta' kontrolli konnessi mal-kaldarun jew mar-radjatur;

b) l-elementi kollha jew parti minnhom li jikkostitwixxu installazzjoni sanitarja tal-bini, u b'mod iktar ġenerali, l-apparat fiss kollu għal użu sanitarju jew iġeniku mwaħħal ma' kondotti ta' l-ilma jew tad-dranaġġ;

c) l-elementi kollha jew parti minnhom li jikkostitwixxu installazzjoni elettrika tal-bini, barra l-apparat tad-dawl u l-lampi;

d) l-elementi kollha jew parti minnhom li jikkostitwixxu installazzjoni ta' qanpiena elettrika, installazzjoni ta’allarm elettriku għall-intraċċar tan-nar u għall-protezzjoni kontra s-serq, u installazzjoni ta' ċitofonu;

e) ta' gwardarobbi, sinkijiet, armadji tas-sink, u ta' taħt is-sink, armadji tat-twaletta u ta' taħt it-twaletta, koperturi tal-fran, ventilaturi u apparat sabiex tgħaddi l-arja għall-kċina jew għall-kamra tal-banju;

f) ta' persjani u lqugħ għad-dawl fuq in-naħa ta' barra tal-bini;

3° kull operazzjoni, anki jekk mhux prevista fis-subparagrafu 1°, li taqa' taħt il-provvista u l-iffissar mal-bini ta' kisi tal-ħajt jew ta' l-art, kemm jekk titlob twaħħil mal-bini kemm jekk titlob biss qtugħ sempliċi, fil-post, skond id-dimensjonijiet tas-superfiċji li trid titgħatta;

4° ix-xogħlijiet ta' ffissar, tqegħid, tiswija, manutenzjoni, tindif tal-bini previsti fis-subparagrafi 2° jew 3°;

5° it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' persunal fid-dawl ta' l-eżekuzzjoni ta' attività prevista fl-Artikolu preżenti."

10     L-Artikolu 23 ta' dan id-Digriet Irjali, li jemenda l-Artikolu 209 taċ-CIR 92, jistabbilixxi l-modalitajiet li bihom l-ammonti mnaqqsa b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 403 taċ-CIR 92 jistgħu jitħallsu lura. Skond dan l-Artikolu, fil-każ fejn l-ammonti mnaqqsa mhumiex affettwati mill-pagament tad-debiti fiskali, jingħataw lura lil min jagħmel it-talba kemm jista’ jkun malajr u l-aktar tard f’sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni regolari tat-talba għall-ħlas lura.

 Il-Proċedura prekontenzjuża

11     B'ittra ta’ intimazzjoni tat-13 ta' Frar 2001, u wara, b'opinjoni motivata tat-23 ta' Ottubru 2001, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Belġju li hija kienet tikkunsidra d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-obbligu ta' tnaqqis u r-responabbiltà in solidum bħala inkompattibbli ma' l-Artikoli 49 KE u 50 KE. L-imsemmija opinjoni stiednet dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu fi żmien xahrejn mid-data li huwa rċieva l-imsemmija opinjoni. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Renju tal-Belġju għall-imsemmija opinjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq is-suġġett tar-rikors

12     Qabel kollox, għandu jiġi indikat li l-Ġvern Belġjan ikkontesta l-approċċ magħżul mill-Kummissjoni u afferma li qabel l-eżami ta' l-obbligu ta' tnaqqis u tar-responabbiltà in solidum, kellu jkun hemm eżami ta’ l-obbligu ta' reġistrazzjoni, sa fejn l-obbligu ta' tnaqqis u ta' responsabbiltà in solidum huwa parti integrali ta' sistema ikbar tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. Dan il-Gvern isostni li jekk id-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-obbligu ta' reġistrazzjoni, l-obbligu ta' tnaqqis u ta' responsabbiltà in solidum għandhom ukoll jitqiesu li huma kompattibbli ma' dan id-dritt.

13     F'dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kwistjoni ta' kompattibbiltà mad-dritt Komunitarju ta' l-obbligu ta' reġistrazzjoni ma jippreġudikax neċessarjament il-kompattibbiltà, ma' dan id-dritt, ta' l-obbligu ta' tnaqqis u tar-responsabbiltà in solidum.

14     Barra minn hekk, u kontra s-sitwazzjoni li tat lok għall-każ li wassal għas-sentenza ta' l-4 ta' Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-98/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, l-eżami ta' l-obbligu ta' tnaqqis u ta' responsabbiltà in solidum jista’ jiġi ddisassoċjat ma' l-obbligu ta' reġistrazzjoni.

 Fuq in-nuqqas allegat

 L-argumenti tal-partijiet

15     Il- Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu ta' tnaqqis u ta' responsabbiltà in solidum jmorru kontra l-Artikoli 49 KE u 50 KE minħabba l-fatt li huma għandhom in-natura li jiddisswadu l-prinċipali u l-kuntratturi milli jqabbdu kontraenti mhux stabbiliti u mhux irreġistrati fil-Belġju u b'hekk joħolqu ostaklu reali għal fornituri mhux stabbiliti u mhux irreġistrati fil-Belġju li jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom.

16     Il-Kummissjoni tqis li kemm l-obbligu ta' tnaqqis kif ukoll ir-responsabbiltà in solidum huma miżuri li mhumiex iġġustifikati.

17     Fir-rigward ta' l-obbligu ta' tnaqqis, il-Kummissjoni tafferma li, peress li d-debiti fiskali li l-awtoritajiet Belġjani jsostnu li jridu jiggarantixxu l-irkupru tiegħu bl-obbligu ta' tnaqqis ma jeżistux, fil-maġġoranza tal-każijiet, fil-prinċipal ta' fornitur mhux stabbilit fil-Belġju li jwettaq xi xogħlijiet bis-saħħa tal-moviment liberu tas-servizzi, ebda raġuni imperattiva marbuta mal-prevenzjoni ta' l-evażjoni tat-taxxa ma tiġġustifika din il-miżura.

18     Il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni ġenerali tat-tnaqqis jmur b'kull mod lil hinn mill-għan li għandu jilħaq, u li, fis-sitwazzjonijiet speċifiċi fejn id-debiti fiskali għandhom jitħallsu jew jinġabru fil-Belġju, jistgħu jintużaw mezzi oħra li huma inqas restrittivi u adatti aħjar għall-għan imfittex.

19     Fir-rFir-rigward tar-responsabbiltà in solidum, il-Kummissjoni ssostni li hija sproporzjonata, peress li jeżistu mezzi inqas restrittivi sabiex jiggarantixxu l-ħlas jew l-irkupru tad-debiti fiskali eventwali tal-kontraenti.

20     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-applikazzjoni tar-responabbiltà in solidum tal-prinċipal jew tal-kuntrattur mhux biss għad-debiti fiskali tal-kontraenti relattivi għax-xogħlijiet imwettqa minnhom, iżda għad-debiti fiskali tiegħu kollha relattivi għall-perijodu tax-xogħol, kif ukoll għall-perijodi preċedenti, ħaġa li timplika r-responsabbiltà għad-debiti fiskali relattivi għal xogħlijiet mwettqa minn persuni oħra.

21     Il-Kummissjoni tikkritika wkoll l-applikazzjoni awtomatika tar-responsabbiltà in solidum, fin-nuqqas ta' kull tort minn naħa tal-prinċipal jew tal-kuntrattur, u żżid li n-nuqqas ta' possibbiltà li tiġi kkontestata l-fondatezza tad-debiti fiskali mill-prinċipal jew il-kuntrattur in solidum responsabbli għall-ħlas tagħhom tikkonsisti fi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

22     Il-Gvern Belġjan iwieġeb li l-obbligu ta' tnaqqis u ta' responsabbiltà in solidum, bħala modalitajiet ta' rkupru tad-debiti fiskali fis-settur tal-kostruzzjoni, ma joħloqx restrizzjoni għall-aċċess tas-suq u lanqas għall-moviment liberu tas-servizzi. Peress li l-miżuri kontenzjużi huma applikabbli bla distinzjoni tant jekk jirrigwardaw impriżi stabbiliti fil-Belġju, kif ukoll jekk jirrigwardaw impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-Kummissjoni naqset li turi li l-operaturi Belġjani huma inqas mħajrin li jqabbdu kontraenti mhux irreġistrati minn Stat Membru ieħor mill-kontraenti Belġjani mhux irreġistrati.

23     BarraBarra minn hekk, il-Gvern Belġjan isostni li l-miżuri kontenzjużi huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali marbuta mal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fis-settur tal-kostruzzjoni. Skond dan il-Gvern, l-obbligu ta' tnaqqis u ta' responsabbiltà in solidum huma parti minn sistema ġenerali ta' dissważjoni u prevenzjoni ta' sistemi ta' frodi, u li għandhom bħala għan, minn naħa, li jinkoraġġixxu r-rikors għall-kontraenti rreġistrati, u min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu l-irkupru tad-debiti fiskali tal-kontraenti mhux irreġistrati.

24     GħaldaBarra minn hekk, il-Gvern Belġjan jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, bħala regola ġenerali, il-fornituri barranin mhumiex suġġetti għal taxxi diretti jew indiretti fil-Belġju. Dan il-Gvern jindika, b'mod partikolari, li, peress li postijiet ta' kostruzzjoni jaqbżu ċertu tul ta’ żmien, il-benefiċċji li jiġġeneraw huma suġġetti għat-taxxa tan-non residenti fil-Belġju, bħalma huma suġġetti l-pagi mħallsa minn tali stabbiliment lil persunal impjegat fil-Belġju, ħaġa li timplika li l-fornitur barrani jista' jkun taxxabbli għat-tnaqqis mis-sors fir-rigward ta' dawn il-pagi. Bl-istess mod, fornitur jista' wkoll ikun taxxabbli għat-tnaqqis mis-sors għall-pagi mħallsa lil persunal barrani impjegat fil-Belġju għal iktar minn 183-il ġurnata waqt perijodu ta' tnax-il xahar jew lil persunal residenti fil-Belġju. Bl-istess mod, il-Gvern Belġjan semma diversi sitwazzjonijiet li fihom fornitur minn Stat Membru ieħor huwa suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud, b'mod partikolari meta l-kontraenti ta' dan il-fornitur mhuwiex marbut bis-sottomissjoni ta' dikjarazzjoni perjodika fir-rigward ta' din it-taxxa (bħala eżempju, l-isptarijiet u l-istabbilimenti ta' tagħlim), jew ikun persuna taxxabbli stabbilita barra l-pajjiż li m'għandhiex stabbiliment fiss u lanqas rappreżentant responsabbli fil-Belġju.

25     Filwaqt li jirreferi għas-sentenza ta' l-10 ta' Mejju 1995, fil-kawża Alpine Investments (C-384/93, Ġabra p. I-1141), l-imsemmi Gvern Belġjan jafferma li, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni Komunitarja, mhuwiex sproporzjonat li jiġu stabbiliti regoli ta' applikazzjoni ġenerali li ma jagħmlux distinzjoni sabiex issir ġlieda effikaċi kontra l-evażjoni tat-taxxa fil-qasam tal-kostruzzjoni.

26     Huwa jsostni wkoll li l-irkupru tad-debiti fiskali permezz tal-mezzi klassiċi (b'mod partikolari a posteriori b’mezz ġudizzjarju) wera li kien inadegwat fil-każ speċifiku tal-fornituri ta' ħaddiema.

27     Fir-rigward, b'mod partikolari tar-responsabbiltà in solidum, il-Gvern Belġjan jindika li l-Kummissjoni bbażat ruħha bi żball fuq is-sitwazzjoni ta' prinċipali jew kuntratturi Belġjani minnflok ma evalwat dik tal-kontraenti mhux irreġistrati u analizzat il-proporzjonalità tal-miżura in kwistjoni fir-rigward ta' l-għan imfittex.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28     Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fil-konfront ta' dak li jipprovdi servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta' kull restrizzjoni, wkoll jekk tapplika indistintament għal dawk li jipprovdu servizzi, kemm nazzjonali u kemm dawk ta' Stati Membri oħrajn, meta hija ta' natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet ta' min jipprovdi servizz fi Stat Membru ieħor meta, fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu, legalment jagħti servizzi simili (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta' Lulju 1991, Säger, C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12; tas-7 ta' Frar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-279/00, Ġabra p. I-1425, punt 31, tat-13 ta' Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-131/01, Ġabra p. I-1659, punt 26; tad-19 ta' Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-244/04, Ġabra p. I-885, punt 30, u tal-15 ta' Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

29     Hekk kif indika l-Avukat Ġeneral fil-konklużjonijiet tiegħu, il-miżuri li jistgħu jwasslu sabiex jirrendu inqas attraenti għal operatur li jeżerċità l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita mit-Trattat KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta' Novembru 2001, De Coster, C-17/00, Ġabra p. I-9445, punt 33; tal-11 ta' Diċembru 2003, AMOK, C-289/02, Ġabra p. I-5059, punt 36, u tat-18 ta' Marzu 2004, Leichtle, C-8/02, Ġabra p. I-2641, punt 32).

30     F'din il-kawża, il-fatt li, b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 403 taċ-CIR 92, il-prinċipal jew il-kuntrattur għandhom inaqqsu favur l-amministrazzjoni Belġjana somma li tikkorrispondi għal 15 % tal-prezz mitlub minn fornitur mhux irreġistrat, iwassal biex iċaħħad lill-fornitur mill-possibbiltà li jiddisponi b'mod immedjat minn parti mid-dħul tiegħu, li ma jkunx jista' jirkupra ħlief wara proċedura amministrattiva speċifika. L-inkonvenjenzi li l-obbligu ta' tnaqqis jirrapreżenta għall-fornituri mhux irreġistrati fil-Belġju, jistgħu, għaldaqstant, jiddiswaduhom milli jkollhom aċċess għas-suq Belġjan sabiex jipprovdu servizzi fil-qasam tal-kostruzzjoni.

31     BBl-istess mod, il-fatt li, b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 402 taċ-CIR 92, il-prinċipal jew il-kuntrattur li jqabbad fornitur mhux irreġistrat fil-Belġju jsir responsabbli in solidum għad-debiti fiskali kollha ta' dan il-fornitur relattivi għal perijodi taxxabbli minn qabel sa 35 % tal-prezz ta' xogħlijiet li għandhom isiru jista' jiddisswadi lil dan il-prinċipal jew kuntrattur milli jirrikorri għas-servizzi ta' fornitur mhux irreġistrat u mhux stabbilit fil-Belġju, li jipprovdi legalment dawn is-servizzi fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit. Jekk huwa minnu li r-responsabbiltà in solidum hija applikabbli mingħajr distinzjoni fil-każ ta’ rikors għal fornitur mhux irreġistrat, ikunx stabbilit fil-Belġju jew fi Stat Membru ieħor, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, mingħajr ma ċċaħħad lill-fornituri mhux stabbiliti u mhux irreġistrati fil-Belġju l-possibbiltà li jipprovdu s-servizzi tagħhom, id-dispożizzjoni kontenzjuża tirrendi diffiċli l-aċċess għas-suq Belġjan.

32     L-obbligu ta' tnaqqis u tar-responsabbiltà in solidum jikkostitwixxu għaldaqstant restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

33     Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa' taħt qasam li ma kinitx is-suġġett ta' armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju u li hija applikabli mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat tista', minkejja l-effett restrittiv tagħha fuq il-provvista libera tas-servizzi, tiġi ġġustifikata safejn hija tissodisfa raġuni imperattiva ta' interess ġenerali li ma tkunx diġà protetta mir-regoli li l-fornitur ikun suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, safejn tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u sakemm ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenzi Säger, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15; tat-23 ta' Novembru 1999, Arblade et, C 369/96 u C376/96, Ġabra p. I-8453, punti 34 u 35; ta' l-24 ta' Jannar 2002, Portugia Construções, C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 19; tas-7 ta' Frar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33; tal-21 ta' Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-445/03, Ġabra p. I-10191, punt 21, u tad-19 ta' Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 31).

34     Peress li l-Gvern Belġjan sostna li l-miżuri kontenzjużi huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali relattivi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fil-qasam tal-kostruzzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk tali ġustifikazzjoni tistax tiġi milqugħa.

35     F'dan ir-F'dan ir-rigward, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet effettivament li l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-effikaċja tal-kontrolli fiskali jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet għall-eżerċiżżju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi tat-8 ta' Lulju 1999, Baxter et, C-254/97, Ġabra I. 4809, punt 18; tas-26 ta' Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 39, u ta' l-4 ta' Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 27), hija wkoll indikat li preżunzjoni ġenerali ta' evażjoni jew ta' frodi ta' taxxa mhumiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw miżura li tagħmel ħsara għall-għanijiet tat-Trattat (ara, f'dan is-sens is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 45, u ta' l-4 ta' Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 27).

36     Fil-kawża preżenti, anki li kieku kellu jiġi ammess li, f'ċerti każijiet iċċitati mill-Gvern Belġjan, il-fornituri ta' servizzi mhux stabbiliti u mhux irreġistrati fil-Belġju jistgħu jkunu suġġetti għal taxxi, taxxi minn qabel, taxxi bl-obbligu ta' tnaqqis u għar-responsabbiltà in solidum sabiex jiġi ggarantit l-irkupru, huwa kostanti li l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri kontenzjużi mhuwiex limitat għal dawn il-każijiet biss.

37     Issa, in-neċessità tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa mhijiex biżżejjed sabiex jiġu ġġustifikati l-applikazzjoni ta' l-obbligu ta' tnaqqis u tar-responsabbiltà in solidum, b'mod ġenerali u preventiv, lill-fornituri kollha tas-servizzi li mhumiex stabbiliti u mhumiex irreġistrati fil-Belġju, filwaqt li parti minnhom mhumiex bħala prinċipju suġġetti għal taxxi, għat-tnaqqis mis-sors u għat-taxxi msemmija iktar ‘il fuq.

38     Billi jiġu applikati b'mod awtomatiku u inkundizzjonat, il-miżuri kontenzjużi ma jippermettux li tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-fornituri ta’ servizzi li mhumiex stabbiliti u rreġistrati fil-Belġju.

39     Fir-rigward ta' l-obbligu tat-tnaqqis, mezz inqas restrittiv miċ-ċaħda lill-fornituri tas-servizzi tal-possibbiltà li jiddisponu immedjatament minn parti rilevanti tad-dħul tagħhom tista' tkun li tiġi prevista sistema bbażata fuq l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-prinċipali u l-kuntratturi u l-amministrazzjoni fiskali Belġjana, li tippermetti, per eżempju, lill-prinċipali u lill-kuntratturi jinformaw ruħhom dwar l-eventwali debiti fiskali tal-kontraenti tagħhom jew l-istabbiliment ta' obbligu ta' informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali Belġjana ta' kull impjieg tal-kontraenti mhux irreġistrati u ta' kull pagament li jsir lilhom.

40     Bl-istess mod, fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum, sabiex jiġi limitat l-effett dissważiv li din toħloq għall-prinċipali u għall-kuntratturi fir-rigward tal-fornituri mhux irreġistrati kollha, kemm ikunu bħala prinċipju suġġetti għat-taxxa, għat-tnaqqis mis-sors u għat-taxxi msemmija iktar 'il fuq u kemm jekk le, li jkunu josservaw l-obbligi fiskali tagħhom jew le, mezz inqas restrittiv jista' jkun dak li tiġi prevista l-possibbiltà għall-fornituri tas-servizzi li juru r-regolarità tas-sitwazzjoni fiskali tagħhom jew li jippermettu lill-prinċipali u lill-kuntratturi li jevitaw ir-responsabbiltà in solidum, jekk iwettqu l-formalitajiet sabiex jassiguraw ruħhom dwar ir-regolarità tas-sitwazzjoni fiskali tal-fornituri ta' servizzi li bi ħsiebhom iqabbdu.

41     Barra minn hekk, kif ukoll jirrileva l-Avukat Ġeneral fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura sproporzjonata tal-miżuri kontenzjużi hija msaħħa mill-applikazzjoni kumulattiva tagħhom.

42     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi jobbliga lill-prinċipali u lill-kuntratturi li jqabbdu kontraenti barranin mhux irreġistrati fil-Belġju jnaqqsu 15% tas-somma dovuta għax-xogħlijiet magħmula u jimponi fuq l-istess prinċipali u kuntratturi responsabbiltà in solidum għad-debiti fiskali ta' tali kontraenti, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 49 KE u 50 KE.

 Fuq l-ispejjeż

43     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi

1)      Billi jobbliga lill-prinċipali u lill-kuntratturi, li jqabbdu kontraenti barranin mhux irreġistrati fil-Belġju, inaqqsu 15% tas-somma dovuta għax-xogħlijiet imwettqa u jimponi fuq l-istess prinċipali u kuntratturi responsabbiltà in solidum għad-debiti fiskali ta' tali kontraenti, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 49 KE u 50 KE.

2)      Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.