Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta' Diċembru 2006 (*)

"Libertà ta' stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Direttiva 90/435/KEE – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tqassim ta' dividendi – Prevenzjoni jew tnaqqis ta' sensiela ta' taxxi – Eżenzjoni – Dividendi li jirċievu kumpanniji li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz – Kreditu ta' taxxa – Ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji – Trattament ugwali – Azzjoni għal ħlas lura jew azzjoni għal kumpens"

Fil-kawża C-446/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tat-13 ta' Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-22 ta' Ottubru 2004, fil-kawża

Test Claimants in the FII Group Litigation

vs

Commissioners of Inland Revenue,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts (Relatur), P. Kūris u E. Juhász, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Novembru 2005,

wara li rat l-ossevazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Test Claimants in the FII Group Litigation, minn G. Aaronson, QC, kif ukoll minn P. Farmer u D. Cavender, barristers, inkarigati minn S. Whitehead u M. Anderson, solicitors,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn E. O’Neill, u sussegwentement minn C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn G. Barling, QC, kif ukoll minn D. Ewart u S. Stevens, barristers,

–       għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Clohessy, BL, u minn A. Collins, SC,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE u 56 KE kif ukoll ta' l-Artikoli 4(1) u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta' Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit u l-Commissioners of Inland Revenue (Awtorità fiskali tar-Renju Unit) fuq it-trattament fiskali ta' dividendi li jirċievu kumpanniji li mhumiex residenti ta' dan l-Istat Membru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435, fil-verżjoni inizjali tagħha, jipprovdi li:

"Meta kumpannija ġenitur [parent], bis-saħħa ta' l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur [parent] għandu, għajr meta din ta' l-aħħar tiġi llikwidata, jew:

–       iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew

–       jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur [parent] biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa [dovuta] dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet [kumpanniji] imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x'jaqsam ma' dawn il-profitti u, jekk ikun xieraq, l-ammont tat-taxxa mnaqqsa [minn ras il-għajn] imposta mill-Istat Membru li fih tkun tirresjiedi l-kumpannija sussidjarja, skond id-derogi pprovvduti fl-Artikolu 5, sal-limitu ta' l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti."

4       Skond l-Artikolu 6 ta' din id-Direttiva, l-Istat Membru ta' kumpannija parent ma jistax jordna l-ħlas tat-taxxa minn ras il-għajn fuq il-profitti li din il-kumpannija tirċievi mingħand kumpannija sussidjarja tagħha.

5       L-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/435 jipprovdi li:

"1. L-espressjoni "taxxa mnaqqsa [minn ras il-għajn]" kif użata f'din id-Direttiva ma għandhiex tkopri ħlas minn qabel jew ħlas bil-quddiem ("précompte") tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet [kumpanniji] lill-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja, [magħmul] [fir-]rigward [tat]-tqassim tal-profitti lill-kumpannija ġenitur [parent] tagħha.

2. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet domestiċi jew [dawk] imsejsa fuq ftehim bil-ħsieb li telimina jew tnaqqas it-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-ħlas ta' krediti tat-taxxa lir-riċevituri ta' dawn id-dividendi."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       Skond il-leġiżlazzjoni fiskali fis-seħħ fir-Renju Unit, il-profitti magħmula, matul sena finanzjarja, minn kull kumpannija li tirrisjedi f'dan l-Istat Membru, kif ukoll minn kull kumpannija li ma tirrisjedix hemmhekk iżda teżerċita f'dak l-Istat attività kummerċjali permezz ta' fergħa jew aġenzija intermedjarja, huma suġġetti għal taxxa fuq il-kumpanniji fl-imsemmi Stat.

7       Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq ilu mill-1973 japplika sistema ta' tassazzjoni magħrufa bħala "imputazzjoni parzjali", li taħtha, sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ekonomika meta kumpannija residenti tqassam profitti, parti mit-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa minn din il-kumpannija tiġi imputata lill-azzjonisti tagħha. Sas-6 ta' April 1999, din is-sistema kienet ibbażata, minn naħa, fuq il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-kumpannija li tqassam u, min-naħa l-oħra, fuq kreditu ta' taxxa mogħti lill-azzjonisti li jibbenefikaw minn tqassim ta' dividendi, flimkien ma', għal dak li jikkonċerna l-kumpanniji benefiċjarji li jirrisjedu fir-Renju Unit, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta' dividendi li tirċievi kumpannija li tirrisjedi wkoll f'dan l-Istat Membru.

 Il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji

8       Skond l-Artikolu 14 tal-liġi ta' l-1988 dwar it-taxxi fuq id-dħul u l-kumpanniji (Income and Corporation Taxes Act 1988, iktar 'il quddiem l-"ICTA"), fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha għandha tħallas bil-quddiem it-taxxa fuq il-kumpanniji ("advance corporation tax", iktar 'il quddiem l-"ACT"), ikkalkulata fuq l-ammont jew il-valur tat-tqassim effettwat.

9       Kumpannija għandha d-dritt tnaqqas l-ACT imħallsa fir-rigward ta' tqassim li jkun sar matul sena finanzjarja speċifika mill-ammont li hija għandha tħallas bħala taxxa fuq il-kumpanniji ("mainstream corporation tax") għal dik is-sena finanzjarja, b’ċerti limiti. Jekk id-dejn fiskali ta' kumpannija fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhuwiex biżżejjed sabiex jippermetti t-tnaqqis ta' l-ACT kollha, l-eċċess ta' l-ACT jista' jiġi trasferit jew għal sena finanzjarja preċedenti jew sussegwenti, jew lill-kumpanniji sussidjarji ta' din il-kumpannija li jistgħu jnaqqsuh mill-ammont li huma stess għandhom iħallsu bħala taxxa fuq il-kumpanniji. Il-kumpanniji sussidjarji li fir-rigward tagħhom jista' jiġi ttrasferit l-eċċess ta' l-ACT jistgħu jkunu biss kumpanniji sussidjarji residenti fir-Renju Unit.

10     Grupp ta' kumpanniji tar-Renju Unit jista' jagħżel ukoll is-sistema ta' tassazzjoni ta' grupp, li tippermetti lill-kumpanniji li jiffurmaw parti minn dan il-grupp jipposponu l-ħlas ta' l-ACT sakemm il-kumpannija parent ta' l-imsemmi grupp tqassam id-dividendi. Din is-sistema, li kienet is-suġġett tas-sentenza tat-8 ta' Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727), mhijiex in kwistjoni f’din il-kawża.

 Is-sitwazzjoni ta' azzjonisti residenti li jirċievu dividendi minn kumpanniji residenti

11     B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 208 ta' l-ICTA, meta kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit tirċievi dividendi minn kumpannija li tirrisjedi wkoll f’dan l-Istat Membru, hija mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta' dawn id-dividendi.

12     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 231(1) ta' l-ICTA, kull tqassim ta' dividendi suġġett għall-ACT minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra jagħti lok, għall-benefiċċju ta' din ta' l-aħħar, għal kreditu ta' taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon ta' l-ammont ta' l-ACT imħallas mill-ewwel kumpannija. Skond l-Artikolu 238(1) ta' l-ICTA, fir-rigward tal-kumpannija benefiċjarja, id-dividend mogħti u l-kreditu ta' taxxa jikkostitwixxu flimkien id-"dħul ta' investiment eżenti" ("franked investment income" jew "FII").

13     Kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li tkun irċeviet minn kumpannija residenti oħra dividendi li t-tqassim tagħhom ta lok għal kreditu ta' taxxa, tista' tirkupra l-ammont ta' l-ACT imħallas minn dik il-kumpannija l-oħra u tnaqqsu mill-ammont ta' l-ACT li hija stess ikollha tħallas meta tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha, b'tali mod li hija tħallas l-ACT biss fuq l-ammont li jkun fadal.

14     Skond l-Iskeda F ta' l-ICTA, persuna fiżika li tirrisjedi fir-Renju Unit hija suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul għal dak li jirrigwarda d-dividendi li tirċievi minn kumpannija li tirrisjedi f'dan l-Istat Membru. Madankollu, hija għandha dritt għal kreditu ta' taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon ta' l-ammont ta' l-ACT imħallas minn din il-kumpannija. Dan il-kreditu ta' taxxa jista' jitnaqqas mill-ammont dovut minn din il-persuna bħala taxxa fuq id-dħul relativa għad-dividend, jew jista' jitħallas fi flus kontanti jekk il-kreditu jaqbeż l-ammont li din il-persuna għandha tiġi intaxxata fuqu.

 Is-sitwazzjoni ta' azzjonisti residenti li jirċievu dividendi minn kumpanniji li mhumiex residenti

15     Meta kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit tirċievi dividendi minn kumpannija li tirrisjedi barra mir-Renju Unit, din ta' l-ewwel hija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta' dawn id-dividendi.

16     F'dan il-każ, il-kumpannija benefiċjarja ta' l-imsemmija dividendi m'għandhiex id-dritt għal kreditu ta' taxxa u d-dividendi li hija tkun irċeviet ma jikkwalifikawx bħala dħul ta' investiment eżenti. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikoli 788 u 790 ta' l-ICTA, hija tibbenefika minn eżenzjoni fir-rigward tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat fejn hija tirrisjedi, liema eżenzjoni tingħata jew skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, jew skond ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja (double taxation agreement, iktar 'il quddiem id-"DTA") konkluż minnha ma' dan l-Istat l-ieħor.

17     Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li t-taxxi minn ras il-għajn imħallsa fuq dawn id-dividendi mqassma minn kumpannija li mhijiex residenti jitnaqqsu mit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija residenti li tirċievi dividendi. Jekk din il-kumpannija residenti benefiċjarja tikkontrolla, direttament jew indirettament, jew hija kumpannija sussidjarja ta' kumpannija li tikkontrolla, direttament jew indirettament, 10% jew iktar tad-drittijiet tal-vot tal-kumpannija li tqassam, l-eżenzjoni tkopri t-taxxa bażika fuq il-kumpanniji barranin, imħallsa fuq il-profitti li minnhom jitħallsu d-dividendi. Din it-taxxa barranija tista' tkun is-suġġett ta' eżenzjoni biss sa l-ammont dovut lir-Renju Unit bħala taxxa fuq il-kumpanniji fuq id-dħul ikkonċernat.

18     Dispożizzjonijiet simili japplikaw skond id-DTAs konklużi mir-Renju Unit.

19     Safejn il-kumpannija residenti tqassam hija stess dividendi lill-azzjonista tagħha, hija tkun suġġetta għall-ACT.

20     Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-ACT imħallsa fir-rigward ta' tali tqassim titnaqqas mill-ammont dovut mill-imsemmija kumpannija residenti bħala taxxa fuq il-kumpanniji, il-fatt li tali kumpannija residenti tirċievi dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti jista' jwassal għal eċċess ta' l-ACT minħabba żewġ raġunijiet.

21     Minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, it-tqassim ta' dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti ma jagħtix lok għal kreditu ta' taxxa li jista' jitnaqqas mill-ammont ta' l-ACT li l-kumpannija residenti għandha tħallas meta hija tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha.

22     Min-naħa l-oħra, meta kumpannija residenti tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa mħallsa barra mill-Istat minn din il-kumpannija li mhijiex residenti, it-tnaqqis ta' tali taxxa mill-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji jirriduċi, fir-rigward tal-kumpannija residenti, l-ammont li jista' jitnaqqas mill-ACT.

 Is-sistema FID

23     Mill-1 ta' Lulju 1994, kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti tista' tiddeċiedi, meta tqassam dividend lill-azzjonisti tagħha, li dan jiġi kkwalifikat bħala "dividend ta' dħul barrani" ("foreign income dividend", iktar 'il quddiem "FID"), li fuqu hija dovuta l-ACT, iżda li jippermetti lil din il-kumpannija, safejn il-FID jilħaq il-livell tad-dividendi barranin li hija rċeviet, titlob ħlas lura ta' l-eċċess ta' l-ACT li tkun ħallset.

24     Filwaqt li l-ACT għandha tiġi mħallsa fi żmien erbatax-il ġurnata wara t-tlett xhur li matulhom id-dividend tħallas, l-eċċess ta' l-ACT jista' jitħallas lura biss malli l-kumpannija residenti jkollha tħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri disa' xhur wara t-tmien tas-sena finanzjarja.

25     Meta dividend kkwalifikat bħala FID jitħallas lil azzjonist li huwa persuna fiżika, huwa m'għandux id-dritt għal kreditu ta' taxxa, iżda huwa kkunsidrat, fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul, li jkun irċieva dħul li ġie intaxxat bir-rata l-iktar baxxa. L-azzjonisti eżenti mit-taxxa, bħall-fondi għall-pensjoni tar-Renju Unit, li jirċievu FID, lanqas m'għandhom dritt għal kreditu ta' taxxa.

26     Is-sistema ta' l-ACT, inkluża s-sistema tal-FID (iktar 'il quddiem is-"sistema FID"), ma tapplikax iktar għat-tqassim ta' dividendi mwettaq wara s-6 ta' April 1999.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27     Il-kawża prinċipali hija kawża tat-tip "group litigation" dwar dħul ta' investiment eżenti ("Franked Investment Income Group Litigation"), ikkostitwita minn diversi rikorsi ppreżentati quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, minn kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit u li għandhom ishma f'kumpanniji li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz.

28     Il-kawżi magħżula mill-qorti tar-rinviju bħala kawżi "ta' prova" għall-finijiet ta' dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jirrigwardaw talbiet magħmula mill-kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit u li jiffurmaw parti mill-grupp British American Tobacco (BAT, iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti fil-kawża prinċipali"). Il-kumpannija prinċipali tal-grupp hija kumpannija parent li għandha, direttament jew indirettament, 100% tal-kapital ta' kumpanniji oħrajn, li huma stess għandhom 100% tal-kapital ta' kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti ta' l-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll f'pajjiżi terzi.

29     Dawn il-kawżi jirrigwardaw, l-ewwel nett, dividendi mħallsa minn dawn il-kumpanniji li mhumiex residenti favur ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mis-sena finanzjarja li ntemmet fit-30 ta' Settembru 1973 u, skond id-deċiżjoni tar-rinviju, mill-inqas sad-data ta' din id-deċiżjoni, it-tieni nett, dividendi mħallsa mill-kumpannija parent tal-grupp BAT lill-azzjonisti tagħha mill-istess sena finanzjarja sal-31 ta' Marzu 1999, it-tielet nett, ħlasijiet ta' ACT imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-imsemmija sena finanzjarja sa l-14 ta' April 1999 u, ir-raba' nett, dividendi li jikkwalifikaw bħala FID mħallsa bejn it-30 ta' Settembru 1994 u t-30 ta' Settembru 1997.

30     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu l-ħlas lura u/jew l-għoti ta' kumpens għat-telf li rriżulta mill-applikazzjoni fir-rigward tagħhom tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, għal dak li jikkonċerna, b'mod partikolari:

–       it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa fuq id-dividendi barranin li kumpannija tirċievi u l-eżenzjonijiet u l-krediti ta' taxxa applikati fir-rigward ta' dawn it-taxxi li, fin-nuqqas ta' tali taxxa, setgħu jintużaw jew jiġu ttrasferiti sabiex jitnaqqsu minn taxxi oħrajn;

–       l-ACT imħallsa fuq l-ammonti ta’ divideni barranin li tqassmu lill-azzjonisti tagħhom, safejn kien jifdal eċċess ta' l-ACT;

–       f'dan l-aħħar każ, il-privazzjoni ta' l-użu ta' l-ammonti kkonċernati bejn id-data ta' ħlas ta' l-ACT u d-data li fiha l-ACT tnaqqset mit-taxxa fuq il-kumpanniji, u

–       għal dak li jirrigwarda t-tqassim ta' dividendi li jikkwalifikaw bħala FID, il-privazzjoni ta' l-użu ta' ammonti mħallsa bħala ACT bejn id-data tal-ħlas ta' l-ACT u d-data li fiha tħallset lura kif ukoll l-ammonti addizzjonali li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom iħallsu lill-azzjonisti tagħhom bħala kumpens għan-nuqqas ta' kreditu ta' taxxa fir-rigward tagħhom.

31     F'dawn ir-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin:

"1.      L-Artikoli 43 KE jew 56 KE jipprekludu Stat Membru milli jżomm fis-seħħ u japplika miżuri li jeżentaw mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li tirċievi kumpannija li tirrisjedi f'dan l-Istat Membru (il-'kumpannija residenti') imħallsa minn kumpanniji residenti oħrajn u li jimponu fuq id-dividendi li l-kumpannija tkun irċeviet minn kumpanniji li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn (il-'kumpanniji li mhumiex residenti') it-taxxa fuq il-kumpanniji (wara l-għoti ta' eżenzjoni sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja għal kull taxxa minn ras il-għajn dovuta fir-rigward ta' dan id-dividend u, taħt ċerti kundizzjonijiet, għat-taxxa bażika mħallsa mill-kumpanniji li mhumiex residenti fir-rigward tal-profitti tagħhom fil-pajjiż fejn jirrisjedu)?

2.      Meta Stat Membru għandu sistema li, f'ċerti cirkustanzi, timponi taxxa bil-quddiem fuq il-kumpanniji […] meta jitħallsu dividendi minn kumpannija residenti lill-azzjonisti tagħha u tagħti kreditu ta' taxxa fir-rigward ta' dawn id-dividendi lill-azzjonisti li jirrisjedu f'dan l-Istat Membru, dan l-Istat Membru jkun qed jikser l-Artikolu 43 KE jew l-Artikolu 56 KE, jew inkella l-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva [90/435] jekk iżomm fis-seħħ u japplika miżuri li jippermettu kumpannnija residenti tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha mingħajr ma jkollha tħallas l-ACT safejn hija tkun irċeviet dividendi minn kumpanniji li jirrisjedu f'dan l-Istat Membru (direttament jew indirettament, permezz ta' kumpanniji oħrajn li jirrisjedu f'dan l-Istat Membru) u li ma jippermettux lill-kumpannija residenti tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha mingħajr ma jkollha tħallas l-ACT safejn hija tkun irċeviet dividendi minn kumpanniji li mhumiex residenti?

3.      Id-dispożizzjonijiet ta' dritt Komunitarju msemmija iktar 'il fuq fit-tieni domanda jipprekludu ż-żamma fis-seħħ u l-applikazzjoni minn Stat Membru ta' miżuri li jippermettu li l-ammont dovut bħala ACT jiġi kkumpensat bit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fuq il-profitti tagħha mill-kumpannija li tħallas id-dividend u fil-konfront ta' dak dovut minn kumpanniji oħrajn tal-grupp li jirrisjedu f'dan l-Istat Membru:

a)      iżda li ma jipprovdu għal ebda tip ta' kumpensar ta' l-ACT dovuta jew għal ebda eżenzjoni simili (bħall-ħlas lura ta' l-ACT) għal profitti magħmula, jew f'dan l-Istat jew fi Stati Membri oħrajn, minn kumpanniji tal-grupp li ma jirrisjedux f'dan l-Istat Membru, u/jew

b)      li jipprovdu li eżenzjoni intiża sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, tkun xi tkun, li tibbenefika minnha kumpannija residenti ta' dan l-Istat Membru, tnaqqas it-taxxa fuq il-kumpanniji li biha l-ACT dovuta tista' tiġi kkumpensata?

4.      Meta Stat Membru jkollu miżuri li, f'ċerti ċirkustanzi, jipprovdu li l-kumpanniji residenti, jekk jagħżlu dan, jirkupraw l-ACT imħallsa fuq l-ammonti mqassma lill-azzjonisti tagħhom safejn dawn l-ammonti jirċevuhom kumpanniji residenti u huma mħallsa minn kumpanniji li mhumiex residenti (inklużi, għal dan il-għan, minn kumpanniji li jirrisjedu f'pajjiż terz), ikunu qed jinkisru l-Artikolu 43 KE, l-Artikolu 56 KE jew l-Artikolu 4(1) [tad-Direttiva 90/435] jew l-Artikolu 6 ta' [din] id-direttiva meta dawn il-miżuri:

a)      jobbligaw lill-kumpanniji residenti jħallsu l-ACT u jitolbu l-ħlas lura tagħha sussegwentement, u

b)      ma jipprovdux li l-azzjonisti tal-kumpanniji residenti jirċievu kreditu ta' taxxa, filwaqt li kienu jirċevuh fir-rigward ta’ dividend imħallas minn kumpannija residenti li ma tkunx irċeviet dividendi minn kumpanniji li mhumiex residenti?

5.      Meta, qabel il-31 ta' Diċembru 1993, Stat Membru adotta l-miżuri deskritti fl-ewwel u t-tieni domandi u, wara din id-data, adotta l-miżuri l-oħrajn, deskritti fir-raba’ domanda, u jekk dawn l-aħħar miżuri jikkostitwixxu restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 56 KE, din ir-restrizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni ġdida, li ma kinitx teżisti diġà fil-31 ta' Diċembru 1993?

6.      Jekk kwalunkwe waħda mill-miżuri deskritti fl-ewwel sal-ħames domandi tmur kontra waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għalihom jirreferu dawn id-domandi, fil-każ fejn il-kumpannija residenti jew kumpanniji oħrajn ta' l-istess grupp iressqu l-azzjonijiet li ġejjin, ibbażati fuq l-imsemmi ksur:

a)      azzjoni għall-ħlas lura tat-taxxa fuq il-kumpanniji miġbura illegalment fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda;

b)      azzjoni intiża għall-irkupru ta' eżenzjonijiet (jew għall-għoti ta' kumpens għat-telf tagħhom) applikati fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji miġbura illegalment fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda;

c)      azzjoni għall-ħlas lura ta’ (jew għal kumpens għall-) l-ACT li ma setgħetx tiġi kkumpensata bit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija jew li ma setgħetx tagħti lok għal xi tip ta' eżenzjoni oħra u li ma kinitx tiġi mħallsa (jew kienet titnaqqas) li kieku mhux għal dak il-ksur;

d)      meta l-ACT hija kkumpensata bit-taxxa fuq il-kumpanniji, azzjoni għall-privazzjoni ta' l-użu ta' l-ammonti kkonċernati bejn id-data tal-ħlas ta' l-ACT u dan l-ikkumpensar;

e)      azzjoni għall-ħlas lura tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija jew minn kumpannija oħra tal-grupp meta waħda minn dawn il-kumpanniji tkun ġiet intaxxata permezz tat-taxxa fuq il-kumpanniji billi tkun irrinunzjat għal eżenzjonijiet oħrajn sabiex tippermetti li l-ACT dovuta tiġi kkumpensata bit-taxxa fuq il-kumpanniji li hija għandha tħallas (u l-limiti imposti fuq l-ikkumpensar ta' l-ACT jirriżultaw f'taxxa fuq il-kumpanniji residwali li hija għandha tħallas);

f)      azzjoni dwar il-privazzjoni ta' l-użu ta' l-ammonti ta' flus minħabba l-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji iktar kmieni milli suppost jew dwar l-eżenzjonijiet mitlufa sussegwentement minħabba ċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu (e);

g)      azzjoni tal-kumpannija residenti għall-ħlas (jew għal kumpens) ta' l-eċċess ta' l-ACT li din il-kumpannija ċediet lil kumpannija oħra tal-grupp u li baqa’ mingħajr eżenzjoni meta din il-kumpannija l-oħra inbigħat, inqasment jew ġiet stralċjata;

h)      azzjoni fejn l-ACT tkun tħallset iżda madankollu tkun tħallset lura sussegwentement skond id-dispożizzjonijiet deskritti fir-raba’ domanda, għall-privazzjoni ta' l-użu ta' l-ammonti kkonċernati bejn id-data tal-ħlas ta' l-ACT u d-data li fiha tħallset lura;

i)      azzjoni għall-għoti ta' kumpens meta l-kumpannija residenti tkun iddeċidiet li titlob il-ħlas lura ta' l-ACT skond id-dispożizzjonijiet deskritti fir-raba’ domanda u tkun tat kumpens lill-azzjonisti tagħha minħabba l-fatt li ma jistgħux jirrċievu kreditu ta' taxxa billi tkun żiedet l-ammont tad-dividend,

kull waħda minn dawn l-azzjonijiet, ikkunsidrati separatament, għandha tiġi kkunsidrata bħala:

–       azzjoni għall-ħlas lura ta' l-ammonti miġbura indebitament, b'tali mod li dan il-ħlas lura huwa konsegwenza ta' u aċċessorju għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq tad-dritt Komunitarju, jew

–       azzjoni għal kumpens jew għal danni, b'tali mod li għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza [tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029,] fir-rigward tad-danni, jew

–       azzjoni għall-ħlas ta' ammont li jirrappreżenta vantaġġ irrifjutat indebitament?

7.      F'każ li, fir-risposta għal xi parti tas-sitt domanda, l-azzjoni tiġi kkunsidrata bħala azzjoni għall-ħlas ta' ammont li jirrappreżenta vantaġġ irrifjutat indebitament:

a)      id-dritt għal tali ħlas huwa konsegwenza ta' jew aċċessorju għad-dritt mogħti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju msemmija iktar 'il fuq, jew

b)      għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza [Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq], fir-rigward tad-danni, jew

c)      għandhom jiġu sodisfatti kundizzjonijiet oħrajn?

8.      Is-sitt u s-seba’ domandi iktar 'il fuq għandhom jingħataw risposta differenti skond jekk, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, l-azzjonijiet imsemmija fis-sitt domanda jitressqu bħala azzjonijiet għal ħlas lura jew jitressqu jew għandhom jitressqu bħala azzjonijiet għal danni?

9.      X’tip ta’ gwida, jekk teżisti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha tingħata f’din il-kawża u liema huma ċ-ċirkustanzi li l-qorti nazzjonali għandha tieħu in kunsiderazzjoni meta hija tintalab tiddetermina jekk hemmx ksur gravi biżżejjed fis-sens tas-sentenza [Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq], b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni jekk, fid-dawl ta’ l-istat attwali tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju, dan il-ksur huwiex skużabbli jew fir-rigward tal-kwistjoni jekk teżistix, f'kull każ partikolari, rabta ta’ kawżalità suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi 'rabta ta' kawżalità diretta' fis-sens ta' din is-sentenza?"

32     Il-qorti tar-rinviju tosserva li jirriżulta mill-Artikolu 57(1) KE li, fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li kienet teżisti fil-31 ta' Diċembru 1993 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 56 KE. Hija ssostni li, peress illi l-ewwel tliet domandi jirrigwardaw dispożizzjonijiet li jippreċedu din id-data, il-portata tagħhom hija limitata għas-sitwazzjonijiet interni tal-Komunità Ewropea. Billi r-raba' u l-ħames domandi jirrigwardaw dispożizzjonijiet li ddaħħlu wara din id-data, huma jikkonċernaw, fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 56 KE, kemm is-sitwazzjonijiet interni tal-Komunità Ewropea kif ukoll dawk li għandhom relazzjoni ma' pajjiżi terzi.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

33     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprojbixxux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li tirċievi kumpannija residenti minn kumpannija li wkoll tirrisjedi f’dan l-Istat (iktar ‘il quddiem id-"dividendi ta’ oriġini nazzjonali"), għalkemm tissuġġetta d-dividendi li tirċievi kumpannija residenti minn kumpannija li ma tirrisjedix f’dan l-istess Stat għal din it-taxxa (iktar ‘il quddiem id-"dividendi ta’ oriġini barranija"), filwaqt li tagħti, f’dan l-aħħar każ, eżenzjoni ta’ taxxa għal kull taxxa minn ras il-għajn imposta fl-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam id-dividendi kif ukoll, meta l-kumpannija residenti li tirċievi d-dividendi żżomm, direttament jew indirettament, 10% jew iktar tad-drittijiet tal-vot tal-kumpannija li tqassam, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tqassam fuq il-profitti li huma l-bażi tad-dividendi mqassma.

34     Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikser l-Artikoli 43 KE u 56 KE peress illi, minn naħa, hija tista’ tiddiswadi lill-kumpanniji residenti milli jistabbilixxu kumpanniji sussidjarji jew milli jinvestu fil-kapital ta’ kumpanniji fi Stati Membri oħrajn u, min-naħa l-oħra, hija la tista’ tiġi ġġustifikata minn differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ dividendi ta’ oriġini barranija u dik ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali, u lanqas mill-objettiv li tassigura l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.

35     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta’ l-ahħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza skond id-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32; Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37, u tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 28).

36     F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dividendi lil kumpannija residenti għal taxxa, fejn mhux biss il-bażi tat-taxxa iżda wkoll il-possibbiltà li titnaqqas minn din it-taxxa dik imħallsa fl-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam jiddependu mill-oriġini, nazzjonali jew le, tad-dividendi kif ukoll mill-ammont ta' ishma li għandha l-kumpannija benefiċjarja fil-kumpannija li tqassam, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

37     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawżi magħżula bħala kawżi "ta’ prova" fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit li jkunu rċevew dividendi minn kumpanniji li mhumiex residenti li huma jikkontrollaw 100%. Peress illi dan l-ammont ta’ ishma jagħti lill-pussessur influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jippermettilu jiddetermina l-attivitajiet tagħha, huma d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment li japplikaw (sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punti 21 u 22; tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punti 37 u 66 sa 68, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

38     Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ammont ta’ l-ishma miżmuma mill-kumpanniji l-oħrajn li huma partijiet f’din il-kawża ma ssemmiex quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li din il-kawża tirrigwarda wkoll l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali fuq is-sitwazzjoni ta’ kumpanniji residenti li jkunu rċevew dividendi abbażi ta’ ammont ta’ ishma li ma jagħtihomx influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija li tqassam u li ma jippermettilhomx jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

 Fuq il-libertà ta’ stabbiliment

39     L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar li l-libertà ta' stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi d-dritt li persuna tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk iddefiniti fil-liġijiet ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skond l-Artikolu 48 KE, għall-kumpanniji stabbiliti skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta' kumpannija sussidjarja, ta' fergħa jew ta' aġenzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35; tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 30, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).

40     Għall-kumpanniji, għandu jiġi osservat li l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fis-sens ta’ l-Artikolu 48 KE jservi sabiex tiġi ddeterminata, bħan-nazzjonalità ta’ persuni fiżiċi, il-konnessjoni tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat. Jekk jiġi aċċettat li l-Istat Membru ta’ stabbiliment jista’ japplika liberament trattament differenti minħabba l-fatt biss li l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija jinsab fi Stat Membru ieħor l-Artikolu 43 KE jiġi pprivat minn kull sinjifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 18; tat-13 ta’ Lulju 1993, Commerzbank, C-330/91, Ġabra p. I-4017, punt 13; Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42, u Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37). B’hekk, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża sabiex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 14, u Saint-Gobain ZN, punt 35).

41     Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta' kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija oħra li fiha żżomm, direttament jew indirettament, mill-inqas 10% tad-drittijiet tal-vot, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tipprovdi trattament fiskali differenti skond jekk id-divivdendi li rċeviet joriġinawx minn kumpannija li tirrisjedi wkoll fir-Renju Unit jew minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor. Fl-ewwel każ, id-dividendi li tirċievi huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji, filwaqt li, fit-tieni każ, huma suġġetti għal din it-taxxa, iżda jagħtu dritt għal eżenzjoni minn kull taxxa minn ras il-għajn imposta meta jitqassmu dividendi fl-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam kif ukoll mit-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa minn din ta' l-aħħar fuq il-profitti ta’ bażi.

42     Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit tapplika, fir-rigward ta' kumpannija residenti li tibbenefika minn tqassim ta' dividendi, sistema ta' eżenzjoni meta d-dividendi jkunu ta' oriġini nazzjonali u sistema ta' imputazzjoni f'każ ta' dividendi ta' oriġini barranija, iwassal għas-sitwazzjoni li dawn ta' l-aħħar jiġu suġġetti għal trattament fiskali inqas vantaġġuż minn dawk ta' l-ewwel.

43     Qabel kollox, għandu jiġi osservat li Stat Membru li jixtieq jipprevjeni jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ sensiela ta' taxxi fuq profitti mqassma jiddisponi minn diversi sistemi. Fir-rigward ta' l-azzjonist li jirċievi d-dividendi, dawn is-sistemi ma jwasslux neċessarjament għall-istess riżultat. Għalhekk, f'sistema ta' eżenzjoni, l-azzjonist benefiċjarju ma jħallasx, bħala regola, it-taxxa fuq id-dividendi li jkun irċieva, u dan indipendentement mir-rata tat-taxxa li għaliha huma suġġetti, fir-rigward tal-kumpannija li tqassam, il-profitti ta’ bażi u mill-ammont li din ta' l-aħħar għandha fir-realtà tħallas bħala din it-taxxa. Min-naħa l-oħra, f'sistema ta' imputazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-azzjonist jista' jnaqqas biss mit-taxxa dovuta fuq id-dividendi li jkun irċieva l-ammont ta' taxxa li l-kumpannija li tqassam kellha effettivament tħallas fuq il-profitti ta’ bażi, liema ammont jista' jitnaqqas biss sal-limitu ta' l-ammont ta' taxxa li dan l-azzjonist għandu jħallas.

44     Għal dak li jirrigwarda dividendi mqassma lil kumpannija parent li tirrisjedi fi Stat Membru minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor li fiha l-kumpannija parent iżżomm minimu ta' 25% tal-kapital, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 iħalli espliċitament l-għażla lill-Istati Membri bejn is-sistema ta' eżenzjoni u s-sistema ta' imputazzjoni. Id-Direttiva tipprovdi li, meta tali kumpannija parent tirċievi mill-kumpannija sussidjarja tagħha profitti mqassma, ħlief meta din ta' l-ewwel tkun qed tiġi stralċjata, l-Istat tal-kumpannija parent m'għandux jintaxxa dawn il-profitti jew, jekk jintaxxahom, għandu jawtorizza lil din il-kumpannija tnaqqas mill-ammont tat-taxxa tagħha l-porzjon tat-taxxa tal-kumpannija sussidjarja li jirrigwarda dawn il-profitti u, fejn xieraq, l-ammont tat-taxxa minn ras il-għajn miġbur mill-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija sussidjarja, sal-limitu ta' l-ammont ta' taxxa nazzjonali korrispondenti.

45     Madankollu, fl-ippjanar tas-sistema fiskali tagħhom, u b'mod partikolari meta jistabbilixxu mekkaniżmu sabiex jipprevjenu jew inaqqsu l-impożizzjoni ta’ sensiela ta' taxxi jew it-tassazzjoni doppja ekonomika, l-Istati Membri għandhom josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, b'mod partikolari dawk imposti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet ta' moviment.

46     Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, ikun xi jkun il-mekkaniżmu adottat għall-prevenzjoni jew tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ sensiela ta' taxxi jew tat-tassazzjoni doppja ekonomika, il-libertajiet ta' moviment iggarantiti mit-Trattat jipprekludu lil Stat Membru milli jitratta b'mod inqas vantaġġuż id-dividendi ta' oriġini barranija milli d-dividendi ta' oriġini nazzjonali, sakemm din id-differenza fi trattament ma tikkonċernax sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu mqabbla oġġettivament jew jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta' Lulju 2004, Lenz, C-315/02, Ġabra p. I-7063, punti 20 sa 49, u tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punti 20 sa 55). Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-għażliet mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva 90/435, il-Qorti tal-Qustizzja fakkret li dawn jistgħu jiġu eżerċitati biss filwaqt li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet fundamentali tat-Trattat, b'mod partikolari dawk dwar il-libertà ta' stabbiliment (sentenza Keller Holding, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45).

47     Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk Stat Membru jistax jissuġġetta d-dividendi ta' oriġini nazzjonali għal sistema ta' eżenzjoni filwaqt li japplika sistema ta' imputazzjoni għad-divdendi ta' oriġini barranija, għandu jiġi ppreċiżat li huwa l-kompitu ta' kull Stat Membru li jorganizza, filwaqt li josserva d-dritt Komunitarju, is-sistema tiegħu ta' tassazzjoni ta' profitti mqassma, u b'mod partikolari li jiddefenixxi l-bażi taxxabbli kif ukoll ir-rata tat-taxxa applikabbli, safejn huma suġġetti għat-taxxa f'dan l-Istat Membru, fir-rigward tal-kumpannija li tqassam u/jew ta' l-azzjonist benefiċjarju.

48     Għaldaqstant, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix, bħala regola, Stat Membru milli jevita l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq dividendi li tirċievi kumpannija residenti billi japplika regoli li jeżentaw dawn id-dividendi mit-taxxa meta jitħallsu minn kumpannija residenti, filwaqt li jevita, permezz ta’ sistema ta’ imputazzjoni, l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxa fuq l-imsemmija dividendi meta jitħallsu minn kumpannija li mhijiex residenti.

49     Sabiex, f’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ imputazzjoni tkun kumpatibbli mad-dritt Komunitarju, huwa neċessarju, fl-ewwel lok, li d-dividendi ta’ oriġini barranija ma jiġux suġġetti, f’dan l-Istat Membru, għal rata ta’ tassazzjoni għola mir-rata applikata għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

50     Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru għandu jevita l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq dividendi ta’ oriġini barranija billi jnaqqas l-ammont ta’ taxxa mħallas mill-kumpannija li tqassam li mhijiex residenti mill-ammont ta’ tassazzjoni applikabbli għall-kumpannija benefiċjarja residenti sal-limitu ta’ dan l-aħħar ammont.

51     Għaldaqstant, meta l-profitti li fuqhom huma bbażati d-dividendi ta’ oriġini barranija huma suġġetti fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam għal taxxa inferjuri għat-taxxa miġbura mill-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja, dan ta’ l-aħħar għandu jagħti kreditu ta’ taxxa totali li jikkorrispondi għat-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha.

52     Min-naħa l-oħra, meta dawn il-profitti huma suġġetti fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam għal taxxa ogħla mit-taxxa miġbura mill-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja, dan ta’ l-aħħar huwa obbligat jagħti kreditu ta’ taxxa biss sa l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpannija dovut mill-kumpannija benefiċjarja. Huwa mhuwiex obbligat iħallas lura d-differenza, jiġifieri l-ammont imħallas fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam li jeċċedi l-ammont ta’ taxxa dovut fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja.

53     F’dan il-kuntest, il-fatt biss li, meta mqabbla ma’ sistema ta’ eżenzjoni, sistema ta’ imputazzjoni timponi fuq il-persuni taxxabbli spejjeż amministrattivi addizzjonali, fejn l-ammont tat-taxxa effettivament imħallsa fl-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam għandu jiġi stabbilit, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala differenza fi trattament li tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment, peress illi l-ispejjeż amministrattivi speċifiċi imposti fuq il-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija huma parti intrinsika tal-mod kif taħdem sistema ta’ kreditu ta’ taxxa.

54     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw madankollu li, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, fil-każ ta’ tqassim ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali, dawn huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tal-kumpannija benefiċjarja indipendentement mit-taxxa mħallsa mill-kumpannija li tqassam, jiġifieri wkoll meta, minħabba eżenzjonijiet li hija tibbenefika minnhom, din ta’ l-aħħar m’għandhiex tħallas taxxa jew tħallas taxxa fuq il-kumpanniji inferjuri għar-rata nominali applikabbli fir-Renju Unit.

55     Dan mhuwiex ikkontestat mill-Gvern tar-Renju Unit, li jsostni madankollu li l-applikazzjoni fir-rigward tal-kumpannija li tqassam u tal-kumpanija benefiċjarja ta’ livelli ta’ tassazzjoni differenti teżisti biss f’ċirkustzanzi ġeneralment eċċezzjonali, li mhumiex preżenti fil-kawża prinċipali.

56     F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk ir-rata ta’ tassazzjoni hijiex identika u jekk il-livelli ta’ tassazzjoni differenti jeżistu biss f’ċerti każijiet minħabba bidla fil-bażi taxxabbli wara ċerti eżenzjonijiet eċċezzjonali.

57     Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li fir-rigward tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali tiġi applikata sistema ta’ eżenzjoni u fir-rigward tad-dividendi ta’ oriġini barranija tiġi applikata sistema ta’ imputazzjoni ma jmurx kontra l-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment li jinsab fl-Artikolu 43 KE sakemm ir-rata ta’ tassazzjoni fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija ma tkunx ogħla mir-rata ta’ tassazzjoni applikata għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u sakemm il-kreditu ta’ taxxa jkun mill-inqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam sa l-ammont ta’ tassazzjoni applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja.

 Fuq il-moviment liberu tal-kapital

58     It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji residenti li jkunu rċevew dividendi minn kumpannija li fiha jżommu 10% jew iktar tad-drittijiet tal-vot, mingħajr ma dan l-ammont ta’ ishma jagħtihom influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u lanqas jippermettilhom jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija kumpanniji huma wkoll suġġetti fir-Renju Unit, minn naħa, meta jirċievu dividendi ta’ oriġini nazzjonali, għal sistema ta’ eżenzjoni u, min-naħa l-oħra, f’każ ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, għal sistema ta’ imputazzjoni.

59     Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, teżisti differenza fi trattament li tiddiswadi l-kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit milli jinvestu fil-kapital ta’ kumpanniji li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn u tikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, ksur ta’ l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

60     F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi enfasizzat li, kif ġie rrilevat fil-punti 47 sa 56 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma fiha ebda diskriminazzjoni kontra kumpanniji li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija. Għaldaqstant, il-konklużjoni msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza tapplika wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

61     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji residenti li jkunu rċevew dividendi minn kumpanniji li fihom iżommu inqas minn 10% tad-drittijiet tal-vot, jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali li d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji, filwaqt li d-dividendi ta’ oriġini barranija huma suġġetti għal din it-taxxa u jagħtu dritt biss għal eżenzjoni mit-taxxa minn ras il-għajn eventwali imposta fuq dawn l-istess dividendi fl-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam.

62     F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, fil-kuntest ta’ regola fiskali intiża sabiex tipprevjeni jew tnaqqas it-tassazzjoni ta’ profitti mqassma, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija azzjonista li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija tista’ tiġi mqabbla ma’ dik ta’ kumpannija azzjonista li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali safejn, fiż-żewġ każijiet, il-profitti magħmula jistgħu, bħala prinċipju, jiġu suġġetti għal sensiela ta’ taxxi.

63     Issa, filwaqt li, fir-rigward ta’ kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra, is-sistema ta’ eżenzjoni telimina r-riskju ta’ impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq il-profitti mqassma, dan ma japplikax għall-profitti mqassma minn kumpanniji li mhumiex residenti. Għalkemm, f’dan l-aħħar każ, l-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija benefiċjarja jagħti eżenzjoni mit-taxxa minn ras il-għajn miġbura fl-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tqassam, tali eżenzjoni għandha biss l-effett li telimina tassazzjoni doppja fir-rigward tal-kumpannija benefiċjarja. Din l-eżenzjoni ma teliminax, min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi li teżisti meta l-profitti mqassma huma suġġetti, l-ewwel nett, għat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija li tqassam fl-Istat fejn tirrisjedi u, it-tieni nett, għat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija benefiċjarja.

64     Tali differenza fit-trattament għandha bħala effett li tiddiswadi l-kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit milli jinvestu l-kapital tagħhom f’kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, hija toħloq ukoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn billi hija tikkostitwixxi fil-konfornt tagħhom ostaklu għall-ġbir ta’ kapital fir-Renju Unit. Safejn id-dħul ta’ kapital ta’ oriġini barranija jirċievi trattament fiskali inqas favorevoli mid-dividendi mqassma mill-kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, l-ishma ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn huma inqas attraenti għall-investituri li jirrisjedu fir-Renju Unit minn dawk ta’ kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f’dan l-Istat Membru (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Verkooijen, punti 34 u 35, Lenz, punti 20 u 21, kif ukoll Manninen, punti 22 u 23).

65     Minn dan jirriżulta li d-differenza fi trattament li tirriżulta minn leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tad-dividendi li jirċievu kumpanniji residenti minn kumpanniji li mhumiex residenti li fihom iżommu inqas minn 10% tad-drittijiet tal-vot, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li hija, bħala regola, ipprojbita mill-Artikolu 56 KE.

66     Skond il-Gvern tar-Renju Unit, huwa leġittimu u proporzjonali li dawn il-kumpanniji residenti jingħataw l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji biss fir-rigward tat-taxxa minn ras il-għajn eventwali miġbura fuq id-dividend. Ostakli prattiċi jipprekludu l-għoti, lil kumpannija li żżomm f’kumpannija li tqassam ammont ta’ ishma inferjuri għal 10%, ta’ kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għat-taxxa effettivament imħallsa minn din ta’ l-aħħar. Kuntrarjament għal kreditu ta’ taxxa għal taxxa minn ras il-għajn, tali kreditu jista’ jingħata biss wara verifiki twal u kumplessi. Għaldaqstant, huwa leġittimu li jiġi stabbilit limitu skond l-ammont ta’ ishma miżmuma. Il-limitu ta’ 10% stabbilit mir-Renju Unit huwa, barra minn hekk, iktar ġeneruż minn dak ta’ 25% adottat mill-mudell ta’ ftehim imfassal mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) kif ukoll, fil-verżjoni inizjali tagħha, mid-Direttiva 90/435.

67     Bħala regola, huwa l-kompitu ta’ l-Istat Membri, meta jintroduċu mekkaniżmi intiżi għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq profitti mqassma, li jiddeterminaw il-kategorija tal-persuni taxxabbli li jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija mekkaniżmi u li jistabbilixxu, għal dan il-għan, il-limiti abbażi ta’ l-ammont ta’ ishma li dawn il-persuni taxxabbli għandhom fil-kumpanniji li jqassmu in kwistjoni. Huwa biss fir-rigward tal-kumpanniji ta’ l-Istati Membri li għandhom għall-inqas 25% ta’ l-ishma f’kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435, meta jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 3 tagħha, fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jimponi fuq l-Istati Membri, jekk ma jeżentawx il-profitti li tirċievi kumpannija parent residenti minn kumpannija sussidjarja li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, l-obbligu li jawtorizzaw lil din il-kumpannija parent tnaqqas mill-ammont tat-taxxa tagħha mhux biss l-ammont tat-taxxa minn ras il-għajn miġbur mill-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija sussidjarja, iżda wkoll il-porzjon tat-taxxa tal-kumpannija sussidjarja mħallas fuq dawn il-profitti.

68     Madankollu, għalkemm, għall-ammonti ta’ ishma li għalihom ma tapplikax id-Direttiva 90/435, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva ma jostakolax għalhekk lil Stat Membru milli jissuġġetta l-profitti mħallsa minn kumpannija li mhijiex residenti lil kumpannija residenti għat-taxxa, mingħajr ma jagħti lil din ta’ l-aħħar kwalsiasi eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa minn din ta’ l-ewwel fl-Istat fejn tirrisjedi, Stat Membru jista’ jeżerċita tali kompetenza biss safejn, skond id-dritt nazzjonali tiegħu, id-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra huma wkoll suġġetti għat-taxxa fir-rigward tal-kumpannija benefiċjarja, mingħajr din ma tkun tista’ tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tqassam.

69     Il-fatt waħdu li, għal tali ammonti ta’ ishma, huwa l-Istat Membru li għandu jiddetermina jekk, u safejn, l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq profitti mqassma għandha tiġi evitata, ma jfissirx madankollu li huwa jista’ japplika sistema li taħtha d-dividendi ta’ oriġini barranija u dawk ta’ oriġini nazzjonali ma jibbenefikawx minn trattament ugwali.

70     Barra minn hekk, indipendentement mill-fatt li jista’ jkun hemm sistemi differenti li permezz tagħhom Stat Membru jkun jista’ jipprevjeni jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq profitti mqassma, diffikultajiet eventwali fid-determinazzjoni tat-taxxa effettivament imħallsa fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jiġġustifikaw ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital bħal dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 29, u Manninen, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 54).

71     Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni fiskali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital stabbilit mill-Artikolu 56 KE.

72     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 43 KE u 56 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta Stat Membru għandu sistema għall-prevenzjoni jew tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew tat-tassazzjoni doppja ekonomika fil-każ ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, huwa għandu jittratta d-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji li mhumiex residenti bl-istess mod.

73     L-Artikoli 43 KE u 56 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra, għalkemm hija tissuġġetta għal din it-taxxa d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija li mhijiex residenti u li fiha l-kumpannija residenti żżomm mill-inqas 10% tad-drittijiet tal-vot, filwaqt li tagħti, f’dan l-aħħar każ, kreditu ta’ taxxa fir-rigward tat-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat Membru fejn tirrisjedi, sakemm ir-rata ta’ tassazzjoni fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija ma tkunx ogħla mir-rata ta’ tassazzjoni applikata għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u sakemm il-kreditu ta’ taxxa jkun għall-inqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam sa l-ammont ta’ tassazzjoni applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja.

74     L-Artikolu 56 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra, filwaqt li hija tissuġġetta għal din it-taxxa d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija li mhijiex residenti li fiha hija żżomm inqas minn 10% tad-drittijiet tal-vot, mingħajr ma tagħti lil din ta’ l-aħħar kreditu ta’ taxxa għat-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat fejn tirrisjedi.

 Fuq it-tieni domanda

75     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE u/jew l-Artikoli 4(1) u 6 tad-Direttiva 90/435 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, billi tagħti kreditu ta’ taxxa lil kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra skond l-ACT imħallsa minn din ta’ l-aħħar fir-rigward ta’ dan it-tqassim, tippermetti lill-ewwel kumpannija tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha mingħajr ma jkollha tħallas l-ACT, filwaqt li kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti għandha, f’każ identiku, tħallas l-ACT kollha.

76     Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, għal dak li jirrigwarda t-tqassim ta’ profitti li jirċievu kumpanniji ta’ Stat Membru u li joriġinaw minn kumpanniji sussidjarji fi Stati Membri oħrajn, id-direttiva 90/435 tapplika, skond l-Artikolu 3(1) tagħha u fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, għall-kumpanniji parent li jżommu għall-inqas 25% ta’ l-ishma tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom. Kif ġie mfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, peress illi d-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħtix dettalji dwar l-ammonti ta’ ishma ta’ kumpanniji oħrajn li huma partijiet fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż li l-kawża tikkonċerna wkoll ammonti ta’ ishma li b’hekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva.

77     Barra minn hekk, safejn il-kawżi "ta' prova" fil-kawża prinċipali jirrigwardaw ħlasijiet ta’ dividendi li jmorru lura għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 1973, huma jikkonċernaw, għall-inqas parzjalment, sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tad-Direttiva 90/435.

78     Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi eżaminat qabel kollox safejn leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

 Fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital

79     Skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kumpannija residenti li tirċievi dividendi mħallsa minn kumpannija residenti oħra tibbenefika minn kreditu ta’ taxxa li jikkorrispondi għall-porzjon ta’ l-ammont ta’ l-ACT imħallas minn din l-aħħar kumpannija, li jippermettilha tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha billi tnaqqas mill-ACT dovuta l-ACT diġà mħallsa minn din il-kumpannija l-oħra. Min-naħa l-oħra, kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija ma tirċevix tali kreditu ta’ taxxa u għandha għalhekk, meta tqassam lill-azzjonisti tagħha, tħallas l-ACT kollha.

80     Peress illi din il-leġiżlazzjoni tapplika għal tqassim ta’ dividendi favur kumpanniji azzjonisti indipendentement mill-ammont ta’ l-ishma tagħhom, hija tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u kemm taħt l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

81     Madankollu, safejn huma involuti ammonti ta’ ishma li jagħtu lill-pussessuri tagħhom influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji kkonċernati u jippermettulhom jiddeterminaw l-attivitajiet tagħhom, huma d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment li japplikaw. Għaldaqstant, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi preżenti fil-kawżi "ta' prova" fil-kawża prinċipali, għandha ssir l-ewwel nett analiżi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali mill-perspettiva ta’ l-Artikolu 43 KE (ara l-punt 37 ta’ din is-sentenza).

82     Kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi ta’ oriġini barranija u tqassam lill-azzjonisti tagħha l-istess ammont ta’ dividendi, għandha tħallas l-ACT kollha filwaqt li, fil-każ ta’ kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi ta’ oriġini nazzjonali u li tqassam l-istess ammont ta’ dividendi li tkun irċeviet lill-azzjonisti tagħha, l-ACT dovuta hija kkumpensata mill-kreditu ta’ taxxa mogħtija, b’tali mod li din il-kumpannija m’għandhiex tħallas iktar l-ACT.

83     Għal kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra, din is-sistema tassigura li, meta l-kumpannija benefiċjarja tqassam min-naħa tagħha profitti lill-azzjonisti tagħha, l-ACT titħalla darba biss. L-eżenzjoni mill-ACT li għalhekk tingħata lil din il-kumpannija benefiċjarja hija l-istess bħal dik li tibbenefika minnha, għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-kumpanniji, fir-rigward tad-dividendi li hija tirċievi minn kumpannija residenti oħra.

84     Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li ma tkunx trid titħallas l-ACT jikkostitwixxi vantaġġ finanzjarju safejn il-kumpannija kkonċernata tista’ żżomm l-ammonti li kieku hija kien imissha ħallset bħala ACT sal-mument meta t-taxxa fuq il-kumpanniji jkollha titħallas (sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 44).

85     Skond il-Gvern tar-Renju Unit, din id-differenza fi trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt Komunitarju peress illi hija ma tibbażax ruħha fuq distinzjoni bejn id-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u d-dividendi ta’ oriġini barranija, iżda bejn id-dividendi li fuqhom tħallset l-ACT u dawk li fuqhom ma tħallset ebda ACT. Il-kreditu ta’ taxxa mogħti lil kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra huwa intiż sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja ekonomika fil-qasam ta’ l-ACT. Fis-sitwazzjoni ta’ kumpannija li tirċievi dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti, peress illi ma tkun tħallset ebda ACT minn din ta’ l-aħħar, mhemmx riskju ta’ tassazzjoni doppja ekonomika għal dak li jirrigwarda l-ACT.

86     Għalkemm skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali l-ammont ta’ ACT li kumpannija residenti għandha tħallas met jsir tqassim ta’ dividendi lill-azzjonisti tagħha jiddependi mill-kwistjoni jekk din il-kumpannija rċevietx jew le dividendi minn kumpannija li tkun diġà ħallset l-ACT, jibqa’ l-fatt li din is-sistema twassal, fil-prattika, sabiex kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija tiġi ttrattata b’mod inqas vantaġġuż minn kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali. Malli jsir tqassim sussegwenti ta’ dividendi, l-ewwel kumpannija hija suġġetta għall-obbligu li tħallas l-ACT kollha, filwaqt li t-tieni waħda jkollha tħallasha biss safejn it-tqassim magħmul lill-azzjonisti tagħha jeċċedi dak li hija tkun irċeviet.

87     Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tar-Renju Unit, kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija tinsab, fir-rigward ta’ l-objettiv tal-prevenzjoni ta’ l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi kopert mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali, anki jekk din ta’ l-aħħar biss tirċievi dividendi li fuqhom tkun tħallset l-ACT.

88     Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ACT dovuta minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit mhija xejn iktar minn ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji, anki jekk din tinġabar fuq it-tqassim ta’ dividendi u hija kkalkulata fuq l-ammont ta’ dawn id-dividendi. L-ACT li titħallas fuq tqassim ta’ dividendi tista’ titnaqqas mit-taxxa fuq il-kumpanniji li kumpannija għandha tħallas fuq il-profitti tagħha għas-sena finanzjarja kkonċernata. Bl-istess mod, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat meta ddeċidiet dwar is-sistema tat-tassazzjoni ta’ grupp prevista fl-istess leġiżlazzjoni fiskali fis-seħħ fir-Renju Unit, il-porzjon tat-taxxa fuq il-kumpanniji li, f’tali sistema, kumpannija residenti mhijiex obbligata tħallas bil-quddiem meta hija tħallas dividendi lill-kumpannija parent tagħha bħala regola jitħallas fil-mument meta t-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha tħallas l-ewwel kumpannija jkollha titħallas (sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 53).

89     Għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji li, minħabba l-fatt li l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab barra mir-Renju Unit, mhumiex obbligati jħallsu l-ACT meta jqassmu dividendi lil kumpannija residenti, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma wkoll suġġetti, fl-Istat fejn jirrisjedu, għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

90     F’dan il-kuntest, il-fatt li kumpannija li mhijiex residenti ma ġietx suġġetta għall-ACT meta hija qassmet dividendi lil kumpannija residenti ma jistax jiġi invokat sabiex din ta’ l-aħħar ma tingħatax il-possibbiltà li tnaqqas l-ammont ta’ l-ACT li hija għandha tħallas f’każ ta’ tqassim sussegwenti ta’ dividendi. Ir-raġuni għalfejn tali kumpannija li mhijiex residenti mhijiex suġġetta għall-ACT hija li din il-kumpannija hija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji mhux fir-Renju Unit, iżda fl-Istat fejn hija tirrisjedi. Kumpannija ma tistax tiġi mitluba tħallas bil-quddiem taxxa li qatt ma hija ser tkun suġġetta għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 55 u 56).

91     Peress illi kemm il-kumpanniji residenti li jqassmu dividendi lil kumpanniji residenti oħrajn kif ukoll il-kumpanniji li mhumiex residenti li jwettqu tali tqassim huma, fl-Istat fejn jirrisjedu, suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, miżura nazzjonali li hija intiża sabiex tevita l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq il-profitti mqassma biss fir-rigward ta’ kumpanniji li jirċievu dividendi minn kumpanniji residenti oħrajn, fiwaqt li tesponi l-kumpanniji li jirċievu dividendi minn kumpanniji li mhumiex residenti għal żvantaġġ finanzjarju, ma tistax tiġi ġġustifikata minn differenza rilevanti fis-sitwazzjoni tagħhom.

92     Ma jistax jiġi sostnut, kif jagħmel il-Gvern tar-Renju Unit, li, fir-realtà, din l-inugwaljanza fi trattament ma teżistix peress illi kumpannija li tirrisjedi barra mir-Renju Unit u li qassmet dividendi mingħajr ma kellha tħallas l-ACT hija f’pożizzjoni li tqassam ammonti ikbar lill-azzjonisti tagħha. Dan l-argument ma jiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li tali kumpannija hija wkoll suġgetta, fl-Istat fejn hija tirrisjedi, għat-taxxa fuq il-kumpanniji skond ir-regoli u r-rati li huma applikabbli għaliha.

93     Id-differenza fi trattament lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali fis-seħħ fir-Renju Unit minħabba rabta diretta li teżisti bejn il-vantaġġ fiskali mogħti, jiġifieri l-kreditu ta’ taxxa mogħti lil kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra, u d-dejn fiskali korrispondenti, jiġifieri l-ACT imħallsa minn din ta’ l-aħħar fir-rigward ta’ dan it-tqassim. Il-bżonn ta’ tali rabta diretta għandu jwassal għall-għoti ta’ l-istess vantaġġ fiskali lill-kumpanniji li jirċievu dividendi minn kumpanniji li mhumiex residenti peress illi dawn ta’ l-aħħar huma obbligati wkoll, fl-Istat fejn jirrisjedu, li jħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji fuq il-profitti mqassma.

94     Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 43 KE jipprekludi miżura nazzjonali li tippermetti lil kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi minn kumpannija residenti oħra tnaqqas mill-ammont li għandha tħallas l-ewwel kumpannija bħala ACT l-ammont ta’ l-ACT imħallas mit-tieni kumpannija, filwaqt li, fil-każ ta’ kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti, tali tnaqqis mhuwiex permess għal dak li jikkonċerna t-taxxa fuq il-kumpanniji li għaliha din ta’ l-aħħar hija suġġetta fl-Istat fejn tirrisjedi.

95     Peress illi ma jistax jiġi eskluż li l-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda wkoll kumpanniji residenti li jkunu rċevew dividendi abbażi taż-żamma ta’ ammont ta’ ishma li ma jagħtihomx influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija li tqassam u ma jippermettilhomx jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha, tali miżura għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl ta’ l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

96     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija huma suġġetti għal differenza fi trattament, jiġifieri żvantaġġ finanzjarju, li mhijiex iġġustifikata minn differenza rilevanti fis-sitwazzjoni tagħhom.

97     Tali differenza fi trattament għandha bħala effett li tiddiswadi lill-kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit milli jinvestu l-kapital tagħhom f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u toħloq ukoll effett restrittiv fir-rigward ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn billi hija tikkostitwixxi fir-rigward tagħhom ostaklu għall-ġbir ta’ kapital fl-ewwel Stat Memrbu.

98     Billi r-raġunijiet invokati mill-Gvern tar-Renju Unit sabiex jiġġustifika tali ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital huma identiċi għal dawk li diġà ġew miċħuda fil-kuntest ta’ l-eżami tal-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi tali miżura wkoll.

 Fuq id-Direttiva 90/435

99     Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-regoli fiskali nazzjonali msemmija fit-tieni domanda preliminari jmorru kontra l-Artikoli 4(1) u 6 tad-Direttiva 90/435 ukoll.

100   Minn naħa, hemm ksur ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva safejn, kuntrarjament għal kumpannija parent residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali, kumpannija parent residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija hija, f’każ ta’ tqassim lill-azzjonisti tagħha, obbligata tħallas l-ACT kollha, mingħajr ma tibbenefika, f’dan ir-rigward, minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji barranin imħallsa mill-kumpannija sussidjarja fuq il-profitti mqassma.

101   Min-naħa l-oħra, l-ACT li għandha titħallas fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija tikkostitwixxi taxxa minn ras il-għajn ipprojbita mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 90/435 u li hija wkoll ipprojbita mill-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva.

102   F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, Stat Membru li ma jeżentax il-profitti li tirċievi kumpannija parent residenti minn kumpannija sussidjarja li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor għandu jawtorizza din il-kumpannija parent tnaqqas mill-ammont tat-taxxa tagħha l-porzjon tat-taxxa tal-kumpannija sussidjarja li jirrigwarda dawn il-profitti u, fejn xieraq, l-ammont tat-taxxa minn ras il-għajn miġbur mill-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija sussidjarja, sa l-ammont tat-taxxa nazzjonali korrispondenti.

103   Kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet premessa ta’ din id-direttiva, din hija intiża sabiex telimina, billi tiġi stabbilita sistema fiskali komuni, kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u sabiex tiffaċilita b’hekk ir-raggruppament ta’ kumpanniji fuq il-livell Komunitarju (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et, C-283/94, C-291/94 u C-292/94, Ġabra p. I-5063, punt 22, u ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, Athinaïki Zythopoiïa, C-294/99, Ġabra p. I-6797, punt 25).

104   Għal dak li jirrigwarda l-obbligu impost fuq l-Istati Membri skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, li jikkonsisti fit-tnaqqis, mit-taxxa dovuta minn kumpannija parent residenti fuq il-profitti mqassma, tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja li mhijiex residenti fl-Istat Membru fejn tirrisjedi, l-objettiv ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq profitti mqassma, jista’ jintlaħaq biss jekk is-sistema fiskali ta’ l-ewwel Stat Membru tiggarantixxi lill-kumpannija parent ikkonċernata li t-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja tagħha barra mill-pajjiż fuq il-profitti mqassma ser titnaqqas kollha mill-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru.

105   Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni ma fihiex obbligu, għal Stat Membru li għandu sistema ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji li kumpannija parent residenti jkollha tħallas meta tqassam dividendi li tkun irċeviet minn kumpannija sussidjarja li mhijiex residenti, li jiggarantixxi li l-ammont li jkollu jitħallas bil-quddiem ikun, f’kull każ, stabbilit skond it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija sussidjarja fl-Istat fejn tirrisjedi.

106   Għandu jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-miżuri nazzjonali in kwistjoni ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni stabbilita fir-rigward ta’ l-Istati Membri fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 90/435 li jimponu kwalunkwe taxxa minn ras il-għajn fuq il-profitti li tirċievi kumpannija parent residenti mill-kumpannija sussidjarja tagħha.

107   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, l-espressjoni "taxxa mnaqqsa [minn ras il-għajn]" mhijiex limitata għal ċerti tipi ta’ taxxi nazzjonali preċiżi, u li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkwalifika imposta, taxxa, dazju jew kontribuzzjoni fid-dawl tad-dritt Komunitarju skond il-karatteristiċi oġġettivi tat-taxxa, indipendentement mill-kwalifika li din tkun ingħatat mid-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Athinaïki Zythopoiïa, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 26 u 27 kif ukoll tal-25 ta’ Settembru 2003, Océ van der Grinten, C-58/01, Ġabra p. I-9809, punt 46).

108   Għal dak li jirrigwarda l-projbizzjoni stabbilita fir-rigward ta’ l-Istat Membri, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435, milli jiġbru taxxa minn ras il-għajn fuq il-profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja residenti lill-kumpannija parent tagħha li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull taxxa fuq id-dħul imposta fl-Istat li fih jitqassmu d-dividendi tikkostitwixxi taxxa minn ras il-għajn, fejn il-fatt li jiġġenera t-taxxa huwa l-ħlas ta' dividendi jew ta' kull dħul ieħor minn ishma, meta l-bażi ta' din it-taxxa hija d-dħul mill-imsemmija ishma u l-persuna taxxabbli hija l-pussessur ta' l-istess ishma (sentenzi tat-8 ta' Ġunju 2000, Epson Europe, C-375/98, Ġabra p. I-4243, punt 23; Athinaïki Zythopoiïa, iċċitata iktar 'il fuq, punti 28 u 29, kif ukoll Océ van der Grinten, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

109   L-espressjoni "taxxa mnaqqsa [minn ras il-għajn]" għandha tingħata l-istess interpretazzjoni fil-kuntest ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 90/435. Għaldaqstant, tikkostitwixxi "taxxa mnaqqsa [minn ras il-għajn]", fis-sens ta' dan l-artikolu, kull taxxa fuq id-dħul li tirċievi kumpannija parent minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor u fejn il-fatt li jiġġenera t-taxxa huwa l-ħlas ta' dividendi jew ta' kull dħul ieħor minn ishma, meta l-bażi ta' din it-taxxa hija d-dħul mill-imsemmija ishma u l-persuna taxxabbli hija l-pussessur tagħhom.

110   Kif jenfasizza l-Gvern tar-Renju Unit, kumpannija residenti hija obbligata tħallas l-ACT meta hija tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha. Għaldaqstant, il-fatt li jiġġenera l-ACT li kumpannija li tirċievi dividendi ta' oriġini barranija għandha tħallas mhuwiex il-fatt li tirċievi dawn id-dividendi, iżda t-tqassim ta' dividendi lill-azzjonisti tagħha.

111   Minn dan jirriżulta li l-ACT li kumpannija li tirċievi dividendi ta' oriġini barranija għandha tħallas meta twettaq tqassim sussegwenti ta' dividendi ma taqax taħt il-projbizzjoni mill-impożizzjoni tat-taxxa minn ras il-għajn stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 90/435.

112   Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tippermetti lil kumpannija residenti, li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra, tnaqqas mill-ammont li l-ewwel kumpannija għandha tħallas bil-quddiem bħala taxxa fuq il-kumpanniji, l-ammont ta' l-imsemmija taxxa mħallsa bil-quddiem mit-tieni kumpannija, filwaqt li, f'każ ta' kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti, tali tnaqqis mhuwiex permess għal dak li jikkonċerna t-taxxa korrispondenti fuq il-profitti mqassma mħallsa minn din l-aħħar kumpannija fl-Istat fejn tirrisjedi.

 Fuq it-tielet domanda

113   Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE u/jew l-Artikoli 4(1) u 6 tad-Direttiva 90/435 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali:

–       li tipprovdi li kull eżenzjoni li minnha tibbenefika kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi ta' oriġini barranija fir-rigward tat-taxxa mħallsa barra mill-pajjiż tnaqqas l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li bih tista' tiġi kkumpensata l-ACT dovuta, u

–       li ma tippermettix lil kumpannija residenti tittrasferixxi l-ammont ta' l-ACT imħallas li ma jistax jiġi kkumpensat bit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta għas-sena finanzjarja kurrenti jew għas-snin finanzjarji preċedenti jew sussegwenti lil kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti, sabiex dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jikkumpensaw tali ammont bit-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu.

114   Din id-domanda tikkonċerna ċerti problemi li għalihom hija esposta kumpannija residenti li jkollha kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti u/jew li tirċievi dividendi ta' oriġini barranija fir-rigward ta’ l-ikkumpensar, bl-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji, ta' l-ACT li din il-kumpannija residenti għandha tħallas meta tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha.

115   Qabel kollox, għandu jiġi osservat, għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tad-domanda magħmula, li l-kwsitjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha għall-impossibbiltà għal kumpannija residenti li tittrasferixxi eċċess ta’ l-ACT lil kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti sabiex dawn ikunu jistgħu jikkumpensawh bit-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu fir-Renju Unit għall-attivitajiet imwettqa f’dan l-aħħar Stat Membru.

116   Minħabba r-raġunijiet mogħtija fil-punti 76 sa 78 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat qabel kollox, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

117   Għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri nazzjonali li huma s-suġġett tat-tielet domanda preliminari jistgħu jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital. Għal dak li jirrigwarda l-eżenzjonijiet li minnhom tibbenefika kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija fir-rigward tat-taxxa mħallsa barra mill-pajjiż, l-analiżi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari wriet li l-eżenzjonijiet disponibbli huma differenti u jiddependu mill-ammonti ta’ ishma miżmuma minn dawn il-kumpanniji.

118   Għal dak li jirrigwarda t-tieni aspett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni msemmija fit-tielet domanda preliminari, safejn dan jikkonċerna biss gruppi ta’ kumpanniji, huwa jaqa’ taħt l-Artikolu 43 KE u mhux taħt l-Artikolu 56 KE.

119   Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tikser l-Artikoli 43 KE u 56 KE f’dak illi hija tillimita l-possibbiltajiet għal kumpannija, li jkollha dividendi barranin u/jew li tkun parti minn grupp li fih kumpanniji li mhumiex residenti, li tiġi eżentata mill-eċċess ta’ l-ACT fir-rigward ta’ l-ammont dovut fir-Renju Unit bħala taxxa fuq il-kumpanniji. Din il-leġiżlazzjoni tagħti lok għal differenzi fi trattament ċari għal dak li jirrigwarda l-imputazzjoni u t-trasferiment ta’ l-ACT bi żvantaġġ għall-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija u/jew li għandhom kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti. Tali differenzi mhuma la xierqa u lanqas neċessarji fid-dawl ta’ l-objettiv li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi mqassma.

120   Għandu jingħad li kull eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija, fir-rigward tat-taxxa barranija – kemm jekk din ta’ l-aħħar tikkorrispondi għal taxxa minn ras il-għajn fuq dawn id-dividendi jew għal taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li mhijiex residenti fuq dawn il-profitti ta’ bażi – tnaqqas neċessarjament l-ammont dovut mill-kumpannija residenti bħala taxxa fuq il-kumpanniji li biha din l-istess kumpannija residenti tista’ tikkumpensa l-ACT imħallsa f’każ ta’ tqassim ta’ dividendi sussegwenti lill-azzjonisti tagħha.

121   F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, li, għal dak li jirrigwarda l-ACT li kumpannija li tirċievi dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti għandha tħallas f’każ ta’ tqassim lill-azzjonisti tagħha, jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, fi kwalunkwe każ, l-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludu kull diskriminazzjoni, meta tiġi intaxxata l-ACT, bejn il-kumpanniji li jirċievu dividendi ta’ oriġini nazzjonali u dawk li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija (ara l-punt 112 ta’ din is-sentenza).

122   Huwa veru li ma jistax jiġi eskluż li, anki fin-nuqqas ta’ tali diskriminazzjoni, kumpannija li tirċievi ammonti kbar bħala dividendi ta’ oriġini barranija tista’ tħallas ammont ta’ l-ACT li jkun ogħla mid-dejn fiskali tagħha għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-kumpanniji u li jista’ jagħti lok għal eċċess ta’ l-ACT. Madankollu, tali sitwazzjoni tirriżulta direttament mill-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li hija intiża sabiex tiġi evitata jew imnaqqsa t-tassazzjoni ta’ profitti mqassma taħt il-forma ta’ dividendi.

123   Fil-kuntest ta’ mekkaniżmu adottat sabiex tiġi evitata jew imnaqqsa l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq profitti mqassma, tali regola ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet ta’ moviment ħlief jekk hija tittratta d-dividendi li joriġinaw minn kumpanniji barranin b’mod inqas vantaġġuż minn dawk imħallsa minn kumpanniji residenti, meta s-sitwazzjonijiet huma oġġettivament simili u differenza fi trattament mhijiex iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

124   Ma jirriżultax mill-proċess li l-fatt biss li, għal kumpanniji li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija, l-eżenzjoni mogħtija fir-rigward tat-taxxa mħallsa barra mill-pajjiż tnaqqas l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fir-Renju Unit jikkostitwixxi trattament inqas vantaġġuż ta’ l-imsemmija dividendi meta mqabbla mad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali. Kif isostni l-Gvern tar-Renju Unit, jista’ jkun hemm tali eċċess ta’ l-ACT ukoll fil-każ ta’ kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali kull darba li l-ammont ta’ l-ACT li hija ħallset ikun ogħla mid-dejn tagħha fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji, b’mod partikolari meta tali kumpannija tibbenefika minn eżenzjonijiet li jnaqqsu d-dejn tagħha fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

125   Il-fatt li kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija li tibbenefika minn eżenzjoni fir-rigward tat-taxxa barranija jkollha tnaqqis fl-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li biha jista’ jiġi kkumpensat l-eċċess ta’ l-ACT ma jwassalx għal diskriminazzjoni bejn tali kumpannija u kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali ħlief jekk din l-ewwel kumpannija m’għandhiex, fir-realtà, l-istess mezzi bħat-tieni kumpannija sabiex tikkumpensa l-eċċess ta’ l-ACT bl-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji.

126   Ma jirriżultax mid-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali mogħtija mill-qorti tar-rinviju li, f’dan ir-rigward, kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija tiġi ttrattata b’mod differenti minn kumpannija residenti li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

127   Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma jipprekludux miżura nazzjonali li tipprovdi li kull eżenzjoni li tibbenefika minnha kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi ta’ oriġini barranija fir-rigward tat-taxxa mħallsa barra mill-pajjiż tnaqqas l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li bih hija tista’ tikkumpensa l-ACT.

128   Peress illi tali miżura ma fiha ebda diskriminazzjoni kontra kumpanniji li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija, il-konklużjoni fil-punt preċedenti tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

129   Għal dak li jirrigwarda t-tieni aspett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali invokat mit-tielet domanda preliminari, għandu jiġi osservat, kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, li għalkemm kumpannija residenti tista’ tittrasferixxi l-ammont ta’ l-ACT li ma setax jiġi kkumpensat bl-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta’ sena finanzjarja kurrenti jew ta’ snin finanzjarji preċedenti jew sussegwenti lill-kumpanniji sussidjarji tagħha, li jistgħu imbagħad jikkumpensawh bl-ammont li huma għandhom iħallsu bħala taxxa fuq il-kumpanniji, huma, min-naħa l-oħra, impossibbli għal tali kumpannija li tittrasferixxi dan l-eċċess ta’ l-ACT lil kumpanniji li mhumiex residenti u li jinsabu fl-istess grupp sabiex dawn ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jikkumpensawh bit-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu fir-Renju Unit.

130   Skond il-Gvern tar-Renju Unit, kumpannija residenti ma tistax tinvoka l-fatt li l-kumpanniji sussidjarji tagħha li mhumiex residenti ma jistgħux jikkumpensaw l-eċċess ta’ l-ACT bit-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu peress li din il-kumpannija residenti mhijiex żvantaġġata minħabba dan il-fatt.

131   Madankollu, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma jipprekludux Stat Membru milli jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija mwaqqfa skond il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 21; Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 31, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42).

132   Il-possibbiltà prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni għal grupp ta’ kumpanniji li jittrasferixxu ammont speċifiku ta’ taxxa li kumpannija tal-grupp ma tistax tikkumpensa bit-taxxa fuq il-kumpanniji li hija għandha tħallas fir-Renju Unit lil kumpannija oħra ta’ dan il-grupp, sabiex din tkun tista’ tikkumpensah bit-taxxa fuq il-kumpanniji li hija għandha tħallas f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi vantaġġ fiskali għall-kumpanniji kkonċernati. Il-fatt li l-kumpanniji ta’ l-imsemmi grupp li mhumiex residenti jiġu esklużi minn tali vantaġġ huwa tali li jostakola l-eżerċizzju mill-kumpanniji residenti tal-grupp tal-libertà tagħhom ta’ stabbiliment, billi jiddaswadihom milli jistabbilixxu kumpanniji sussidjarji fi Stati Membri oħrajn (ara, f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna eżenzjoni ta’ grupp li tirrigwarda t-telf sostnut minn kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 32 u 33).

133   Kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-fatt li kumpannija residenti ma tistax tittrasferixxi eċċess ta' l-ACT lil kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti li għandhom iħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit jikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment. La d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit ma jirreferu għal xi objettiv leġittimu kumpatibbli mat-Trattat li jista' jiġġustifika tali restrizzjoni.

134   Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 43 KE jipprekludi miżura nazzjonali li ma tippermettix lil kumpannija residenti tittrasferixxi lill-kumpanniji sussidjarji tagħha li mhumiex residenti l-eċċess ta' l-ACT, anki jekk dawn ta' l-aħħar huma obbligati jħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat Membru kkonċernat.

135   Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, safejn dawn l-aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom bħala effett li kumpannija parent residenti għandha tħallas l-eċċess ta' l-ACT, huma jiksru wkoll l-Artikoli 4(1) u 6 tad-Direttiva 90/435.

136   Kif ġie osservat fil-punti 106 sa 111 ta' din is-sentenza, l-aspetti rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt l-Artikolu 6 ta' din id-direttiva.

137   Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, biżżejjed jingħad li, għalkemm din id-dispożizzjoni tobbliga Stat Membru jiggarantixxi lil kumpannija parent li tirċievi dividendi minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor li t-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja tagħha barra mill-pajjiż fuq il-profitti mqassma ser titnaqqas kollha mill-ammont dovut mill-kumpannija parent bħala taxxa fuq il-kumpanniji fl-ewwel Stat Membru (ara l-punt 104 ta' din is-sentenza), ma jirriżulta ebda obbligu għal dan l-Istat Membru li jassigura, f'każ simili, li l-eżenzjoni mogħtija lil din il-kumpannija parent fir-rigward tat-taxxa barranija ma tnaqqasx l-ammont li minnu hija tista' tnaqqas l-porzjon tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem meta jitqassmu dividendi lill-azzjonisti tagħha jew li testendi l-possibbiltà għal din l-istess kumpannija parent li tittrasferixxi l-ammont ta’ taxxa mħallas bil-quddiem li hija ma tistax tikkumpensa bid-dejn fiskali tagħha lil kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-istess Stat.

138   Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikoli 43 KE u 56 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li kull eżenzjoni li minnha tibbenefika kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi ta’ oriġini barranija fir-rigward tat-taxxa mħallsa barra mill-pajjiż tnaqqas l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li bih hija tista’ tikkumpensa t-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem.

139   L-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lil kumpannija residenti tittrasferixxi lil kumpanniji sussidjarji residenti l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallas bil-quddiem li ma jistax jiġi jikkumpensat bit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn din l-ewwel kumpannija għas-sena finanzjarja kurrenti jew għal snin finanzjarji preċedenti jew sussegwenti, sabiex dawn il-kumpanniji sussidjarju jkunu jistgħu jikkumpensawh bit-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu, iżda li ma tippermettix lil kumpannija residenti tittrasferixxi tali ammont lil kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti f‘każ li dawn ikunu taxxabbli f’dan l-Istat Membru fuq il-profitti li jkunu għamlu hemmhekk.

 Fuq ir-raba’ domanda

140   Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE kif ukoll l-Artikoli 4(1) u 6 tad-Direttiva 90/435 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, filwaqt li tagħti lill-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija l-fakultà li jagħżlu sistema li tippermettilhom jirkupraw l-ACT imħallsa meta jsir tqassim sussegwenti lill-azzjonisti tagħhom, minn naħa, tobbliga lil dawn il-kumpanniji jħallsu l-ACT u jitolbu l-ħlas lura tagħha wara u, min-naħa l-oħra, ma tipprovdix kreditu ta’ taxxa għall-azzjonisti tagħhom, filwaqt li kienu jingħataw tali kreditu li kieku l-kumpanniji residenti kienu wettqu tqassim abbażi ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

141   Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/435, l-applikazzjoni tagħhom għall-problema invokata mill-qorti tar-rinviju tista’ tiġi eskluża mill-ewwel. Minn naħa, kif ġie speċifikat fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma jirregolax il-mod kif jista’ jiġi impost obbligu ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Billi tipprovdi regoli intiżi sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq profitti mqassma lil kumpannija parent residenti minn kumpannija sussidjarja li mhijiex residenti, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għas-sitwazzjoni ta’ azzjonisti li huma persuni fiżiċi. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-ACT ma tikkostitwixxix taxxa minn ras il-għajn fis-sens ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija direttiva (ara l-punt 111 ta’ din is-sentenza).

142   Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet ta’ moviment, għandu jiġi osservat li, peress illi l-leġiżlazzjoni in kwsitjoni tapplika għal tqassim ta’ dividendi favur kumpanniji residenti indipendentement mill-ammont ta’ ishma tagħhom, hija tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

143   Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi preżenti fil-kawżi prinċipali (ara l-punt 37 ta’ din is-sentenza), l-ewwel li għandha tiġi eżaminata hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ l-Artikolu 43 KE.

144   Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità tas-sistema FID, introdotta fir-Renju Unit mill-1 ta’ Lulju 1994. Din is-sistema tippermetti lil kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija jiksbu ħlas lura ta’ l-ammont ta’ l-eċċess ta’ l-ACT, jiġifieri l-ammont ta’ l-ACT li ma jistax jiġi kkumpensat bl-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji.

145   Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-trattament fiskali tal-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini barranija u li jagħżlu s-sistema FID jibqa’, minn żewġ aspetti, inqas vantaġġuż minn dak applikat fir-rigward tal-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

146   L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-eċċess ta’ l-ACT jitħallas lura, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, filwaqt li l-ACT għandha titħallas fi żmien erbatax-il jum wara t-tliet xhur li matulhom il-kumpannija kkonċernata tkun ħallset dividendi lill-azzjonijisti tagħha, l-eċċess ta’ l-ACT jista’ jitħallas lura biss malli t-taxxa fuq il-kumpanniji hija dovuta, jiġifieri disa’ xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Skond meta l-kumpannija tkun ħallset id-dividendi, hija trid tistenna bejn tmien xhur u nofs u sbatax-il xahar u nofs sabiex tikseb il-ħlas lura ta’ l-ACT imħallsa.

147   Għaldaqstant, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji residenti li jagħżlu tali sistema minħabba li jkunu rċevew dividendi ta’ oriġini barranija huma esposti għal żvantaġġ finanzjarju li ma jeżistix fil-każ ta’ kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ orġini nazzjonali. F’dan l-aħħar każ, meta l-kumpannija residenti li tqassam tkun diġà ħallset l-ACT fuq il-profitti mqassma, jingħata kreditu ta’ taxxa lill-kumpannija residenti li bbenefikat mit-tqassim, li jippermetti lil din ta’ l-aħħar tqassam ammont ugwali ta’ dividendi lill-azzjonisti tagħha mingħajr ma tiġi obbligata tħallas l-ACT.

148   It-tieni nett, l-azzjonist li jibbenefika minn tqassim ta’ dividendi minn kumpannija residenti abbażi ta’ dividendi ta’ oriġini barranija kklassifikati bħala FID m’għandux id-dritt għal kreditu ta’ taxxa, iżda huwa kkunsidrat bħala li jkun irċieva dħul intaxxat bir-rata l-iktar baxxa għas-sena finanzjarja in kwistjoni. Fin-nuqqas ta’ kreditu ta’ taxxa, tali azzjonist m’għandu dritt għal ebda ħlas lura meta t-taxxa fuq id-dħul dovuta hija inferjuri għat-taxxa bir-rata l-iktar baxxa fuq id-dividend.

149   Kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan iwassal għas-sitwazzjoni li fiha kumpannija li tkun għażlet is-sistema FID trid iżżid l-ammont tat-tqassim tagħha jekk hija tixtieq tiggarantixxi lill-azzjonisti tagħha dħul ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn tqassim ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

150   Skond il-Gvern tar-Renju Unit, dawn id-differenzi fi trattament ma fihom ebda restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

151   Għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ kumpannija, li għażlet is-sistema FID, li tħallas l-ACT waqt li tistenna ħlas lura sussegwenti, dan il-Gvern jirrepeti l-argument tiegħu li s-sitwazzjoni ta’ kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali, fis-sens li l-obbligu ta’ l-ewwel kumpanniji li tħallas l-ACT meta jsir tqassim sussegwenti ta’ dividendi huwa spjegat mill-fatt li, kuntrarjament għat-tieni waħda, hija tirċievi dividendi li fuqhom ma tħallset ebda ACT. Jekk, f’dan il-kuntest differenti, kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija u li tagħżel is-sistema FID, tingħata d-dritt għal ħlas lura ta’ l-ACT imħallsa, dan it-trattament bl-ebda mod ma jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni.

152   Madankollu, kif ġie osservat fil-punti 87 sa 91 ta’ din is-sentenza, peress illi l-profitti mqassma minn kumpannija huma suġġetti, fl-Istat fejn tirrisjedi, għat-taxxa fuq il-kumpanniji, meta sistema ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għaliha hija suġġetta l-kumpannija li tibbenefika minn dividendi tistabbilixxi l-ammont dovut billi tittieħed in kunsiderazzjoni t-taxxa fuq il-profitti mqassma mħallsa minn kumpannija residenti li tqassam, iżda mhux dik imħallsa, barra mill-pajjiż, minn kumpannija li tqassam u li mhijiex residenti, tali sistema tagħti lil kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija trattament inqas vantaġġuż minn kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali, minkejja li l-ewwel waħda tinsab f’sitwazzjoni simili għat-tieni waħda.

153   Ċertament, għalkemm is-sitwazzjoni ta’ l-ewwel kumpannija titjieb minħabba l-fatt li t-taxxa mħallsa bil-quddiem li ma tistax tiġi kkumpensata bl-ammont dovut fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji tista’ titħallas lura, tali kumpannija tibqa’ f’sitwazzjoni inqas vantaġġuża minn kumpannija li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali, fis-sens li hija ssoffri minn żvantaġġ finanzjarju.

154   Tali differenza fi trattament, li tirrendi x-xiri ta’ ishma f’kumpannija li mhijiex residenti inqas attraenti mill-pussess ta’ ishma f’kumpannija residenti, tikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, ksur tal-libertà ta’ stabbiliment.

155   Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tar-Renju Unit, l-iżvantaġġ finanzjarju li għalih huma esposti l-kumpanniji li għażlu s-sistema FID ma jistax jiġi ġġustifikat minn limitazzjonijiet prattiċi marbuta mal-fatt li, fil-kuntest tat-taxxa dovuta fuq l-imsemmi dividend, it-teħid in kunsiderazzjoni minn Stat Membru tat-taxxi kollha li jkunu ġew imposti fuq il-profitti mqassma, kemm f’dak l-istess Stat jew barra mill-pajjiż, jirrikjedi ċertu żmien.

156   Huwa veru li Stat Membru għandu bżonn ċertu żmien sabiex ikun jista’ jieħu in kunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont finalment dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji, it-taxxi kollha li jkunu diġà ġew imposti fuq il-profitti mqassma. Madankollu, dan ma jistax jiġġustifika li, fil-każ ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali, Stat Membru huwa dispost li jieħu in kunsiderazzjoni, sabiex jistabbilixxi l-ammont dovut bħala ACT fir-rigward ta’ kumpannija li tqassam dividendi, il-porzjon ta’ l-ACT imħallas mill-kumpannija residenti li minnha l-imsemmija kumpannija li tqassam irċeviet hija stess dividendi – fi żmien meta l-ammont li għandu finalment jitħallas minn din il-kumpannija residenti l-oħra bħala taxxa fuq il-kumpanniji lanqas ma seta’ jiġi stabbilit – filwaqt li, fil-każ ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, dan l-Istat jistabbilixxi l-ammont dovut bħala ACT mingħajr ebda possibbiltà għall-kumpannija residenti li tqassam dividendi lill-azzjonisti tagħha li tnaqqas mill-imsemmi ammont it-taxxa imposta fuq il-profitti li tqassmu lilha minn kumpannija li mhijiex residenti.

157   Jekk, għal raġunijiet prattiċi, it-teħid in kunsiderazzjoni tat-taxxa mħallsa fuq il-profitti mqassma jista’ jiġi assigurat fil-kuntest ta’ sistema ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji biss għal dak li jikkonċerna d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat ikun obbligat ibiddel parti mis-sistema tiegħu ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji residenti sabiex jelimina din l-inugwaljanza fi trattament.

158   Għal dak li jirrigwarda l-fatt li s-sistema FID ma tipprovdix kreditu ta’ taxxa għall-azzjonist, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li tali kreditu ta’ taxxa jingħata lill-azzjonist li jibbenefika minn tqassim biss meta teżisti tassazzjoni doppja ekonomika tal-profitti mqassma li għandha tiġi evitata jew imnaqqsa. Dan ma japplikax għas-sistema FID inkwantu, minn naħa, ma tħallset ebda ACT fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija u, min-naħa l-oħra, l-ACT, li l-kumpannija li tibbenefika mill-imsemmija dividendi għandha tħallas fir-rigward ta’ tqassim lill-azzjonisti tagħha, sussegwentement titħallas lura.

159   Madankollu, dan l-argument jibbaża ruħu fuq l-istess premessa żbaljata li hemm riskju ta’ tassazzjoni doppja ekonomika biss fil-każ ta’ dividendi li joriġinaw minn kumpannija residenti suġġetta għall-obbligu li tħallas l-ACT fuq it-tqassim tagħha ta’ dividendi, filwaqt li, fir-realtà, dan ir-riskju jeżisti wkoll fil-każ ta’ dividendi mħallsa minn kumpannija li mhijiex residenti, fejn il-profitti huma suġġetti wkoll, fl-Istat fejn tirrisjedi, għat-taxxa fuq il-kumpanniji, skond ir-rata u r-regoli li japplikaw hemmhekk.

160   Għall-istess raġuni, il-Gvern tar-Renju Unit ma jistax jikkontesta n-natura inqas vantaġġuża tat-trattament fiskali ta’ dividendi li tirċievi kumpannija li mhijiex residenti billi jsostni li tali kumpannija, peress illi mhijiex suġġetta għall-obbligu li tħallas l-ACT, tista’ tħallas dividendi iktar għoljin lill-azzjonisti tagħha.

161   Għandu jiġi respint ukoll l-argument li d-differenzi fi trattament li għalihom huwa espost it-tqassim ta’ dividendi ta’ oriġini barranija fil-kuntest tas-sistema FID ma jikkostitwixxux restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment inkwantu din is-sistema mhijiex obbligatorja.

162   Kif josservaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fatt li sistema nazzjonali li hija restrittiva fir-rigward tal-libertajiet ta’ moviment mhijiex obbligatorja ma jfissirx li hija mhijiex inkumpatibbli mad-dritt Komunitarju.

163   Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li r-restrizzjonijiet in kwistjoni huma ġġustifikati min-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali tar-Renju Unit, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jirreferi biss għall-istess argument li diġà ġie miċħud fl-eżami tat-tieni domanda (ara l-punt 93 ta’din is-sentenza).

164   Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 43 KE jipprekludi l-karatteristiċi tas-sistema FID invokati mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda tagħha.

165   Peress illi, skond il-qorti tar-rinviju, din id-domanda tikkoncerna wkoll il-każ ta’ kumpanniji stabbiliti f’pajjiżi terzi u li, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll minħabba r-raġuni mogħtija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, tqum il-kwistjoni dwar jekk miżuri nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jmorrux ukoll kontra l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

166   F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-differenza fi trattament li għaliha huma suġġetti d-dividendi ta’ oriġini barranija meta tirċevihom kumpannija residenti li għażlet is-sistema FID (ara l-punti 145 sa 149 ta’ din is-sentenza) għandha bħala effett li tiddiswadi tali kumpannija milli tinvesti l-kapital tagħha f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u toħloq ukoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn f’dak illi hija tikkostitwixxi fil-konfront tagħhom ostaklu għall-ġbir ta’ kapital fir-Renju Unit.

167   Sabiex tali differenza fi trattament tkun kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, hija trid tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament simili jew trid tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku.

168   Peress illi l-Gvern tar-Renju Unit jirreferi, f’dan il-kuntest, għall-istess osservazzjonijiet bħal dawk invokati fir-rigwrad ta’ l-analiżi ta’ l-Artikolu 43 KE, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 150 sa 163 ta’ din is-sentenza, tali differenza fi trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li huma oġġettivament simili u tikkostitwixxi restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital li fir-rigward tagħha ma ngħatat ebda ġustifikazzjoni.

169   L-uniku argument invokat speċifikament minn dan il-Gvern fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital huwa bbażat fuq il-fatt li, f’sitwazzjoni li tinvolvi kumpanniji li jqassmu stabbiliti f’pajjiżi terzi, il-verifika tat-taxxa mħallsa minn dawn il-kumpanniji fl-Istat fejn jirrisjedu tista’ tirriżulta iktar diffiċli milli f’kuntest purament Komunitarju.

170   Huwa veru li, minħabba l-livell ta’ integrazzjoni legali li jeżisti bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni, b’mod partikolari minħabba l-preżenza ta’ miżuri leġiżlattivi Komunitarji intiżi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali, bħad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta' Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p. 15), it-tassazzjoni minn Stat Membru ta’ attivitajiet ekonomiċi li għandhom aspetti transkonfinali li jitwettqu ġewwa l-Komunità mhijiex dejjem simili għal dik ta’ attivitajiet ekonomiċi li jirrigwardaw relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

171   Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jirnexxilu juri li restrizzjoni tal-movimenti tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi hija ġġustifikata minn raġuni speċifika f’ċirkustanzi fejn din ir-raġuni ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni valida għal restrizzjoni ta’ movimenti tal-kapital bejn l-Istat Membri.

172   Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni, il-Gvern tar-Renju Unit invoka d-diffikultajiet marbuta mal-verifika tat-taxxa mħallsa barra mill-pajjiż biss sabiex jispjega ż-żmien bejn il-ħlas ta’ l-ACT u dak tal-ħlas lura tagħha. Kif ġie osservat fil-punt 156 ta’ din is-sentenza, tali element ma jistax jiġġustifika leġiżlazzjoni li bl-ebda mod ma tippermetti lil kumpannija residenti, li tibbenefika minn tqassim ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, tnaqqas mill-ammont dovut bħala ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji, it-taxxa imposta fuq il-profitti mqassma barra mill-pajjiż, filwaqt li, għal dividendi ta’ oriġini nazzjonali, l-imsemmi ammont huwa mnaqqas awtomatikament mit-taxxa mħallsa, anki jekk bil-quddiem, mill-kumpannija residenti li tqassam.

173   Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li teżenta mill-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji l-kumpanniji residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi li joriġinaw minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali li jkunu rċevew, tagħti lill-kumpanniji residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi li joriġinaw minn dividendi ta’ oriġini barranija li jkunu rċevew il-possibbiltà li jagħżlu sistema li tippermettilhom jirkupraw it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem, iżda, minn naħa, tobbliga lil dawn il-kumpanniji jħallsu l-imsemmija taxxa bil-quddiem u jitolbu l-ħlas lura sussegwentement u, min-naħa l-oħra, ma tipprovdix kreditu ta’ taxxa għall-azzjonisti tagħhom, filwaqt li kienu jirċievu tali kreditu li kieku twettaq tqassim minn kumpannija residenti abbażi ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

 Fuq il-ħames domanda

174   Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri nazzjonali kkonċernati mill-ewwel u t-tieni domanda ġew adottati qabel il-31 ta' Diċembru 1993, il-miżuri li huma s-suġġett tar-raba' domanda, li ġew adottati wara din id-data iżda li jemendaw l-imsemmija miżuri nazzjonali, safejn huma jikkostitwixxu wkoll restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital ipprojbiti bħala regola mill-Artikolu 56 KE, humiex awtorizzati bħala restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-31 ta' Diċembru 1993 fis-sens ta' l-Artikolu 57(1) KE.

175   Skond din l-aħħar dispożizzjoni, l-Artikolu 56 KE huwa stipulat bla ħsara għall-applikazzjoni, fil-pajjiżi terzi, tar-restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil-31 ta' Diċembru 1993 skond id-dritt nazzjonali jew id-dritt Komunitarju għal dak li jikkonċerna l-movimenti tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi meta jinvolvu investimenti diretti, inklużi l-investimenti fil-proprjetà, stabbiliment, il-provvista ta' servizzi finanzjarji jew id-dħul ta' titoli fis-swieq tal-kapital.

176   Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk il-miżuri nazzjonali msemmija fir-raba' domanda jaqawx taħt l-Artikolu 57(1) KE bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital li jinvolvu investimenti diretti, l-istabbiliment, il-provvista ta' servizzi finanzjarji jew id-dħul ta' titoli fis-swieq tal-kapital.

177   Għal dak li jirrigwarda, b'mod iktar partikolari, il-kunċett ta' "investimenti diretti", għandu jiġi kkonstatat li dan ma jingħatax definizzjoni fit-Trattat.

178   Madankollu, fid-dritt Komunitarju, dan il-kunċett kien is-suġġett ta' definizzjoni fin-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, ta' l-24 ta' Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu abrogat permezz tat-Trattat ta' Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5), li jinkludi tlettax-il kategorija ta' movimenti tal-kapital.

179   Skond ġurisprudenza kostanti, safejn l-Artikolu 56 tat-Trattat irriproduċa, essenzjalment, il-kontenut ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 88/361 u anki jekk din ġiet adottata abbażi ta' l-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KEE kienu ġew sostitwiti mill-Artikoli 73 B sa 73 G tat-Trattat KE, li imbagħad saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE), din in-nomenklatura għandha l-valur indikattiv li kellha qabel ma daħlu fis-seħħ sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta' movimenti tal-kapital, iżda, konformement ma' l-introduzzjoni tagħha, il-lista li hija tinkludi mhijiex eżawrjenti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Marzu 1999, Trummer u Mayer, C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 21, u tat-23 ta' Frar 2006, Van Hilten-van der Heijden, C-513/03, Ġabra p. I-1957, punt 39).

180   Tali valur indikattiv għandu jingħata lil din in-nomenklatura fil-kuntest ta' l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' investimenti diretti. L-ewwel taqsima ta' l-imsemmija nomenklatura, intitolata "Investimenti diretti", tinkludi l-istabbiliment u l-estensjoni ta' fergħat jew impriżi ġodda li jappartjenu esklużivament lill-persuna li tipprovdi l-kapital u x-xiri ta' impriżi eżistenti sħaħ, iż-żamma ta’ ishma f'impriżi ġodda jew eżistenti sabiex jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul, is-self għal żmien twil sabiex jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul kif ukoll l-investiment mill-ġdid ta' profitti sabiex jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul.

181   Kif jirriżulta minn din il-lista u min-noti ta' spjegazzjoni relatati, il-kunċett ta' investimenti diretti jirrigwarda l-investimenti ta' kull natura li jwettqu persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu u jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn il-persuna li tipprovdi l-kapital u l-impriża li lilhom jingħata tali kapital sabiex teżerċita attività ekonomika.

182   Għal dak li jirrigwarda l-ishma f'impriżi ġodda jew eżistenti, kif jikkonfermaw in-noti ta' spejagazzjoni, l-objettiv li jinħolqu jew li jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul jippresupponi li l-ishma li għandu l-azzjonist jagħtuh, jew skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpanniji b'responsabbiltà limitata jew mod ieħor, il-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta' din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha.

183   Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital li jinvolvu l-investimenti diretti jew l-istabbiliment fis-sens ta' l-Artikolu 57(1) KE jkopru mhux biss il-miżuri nazzjonali li, fl-applikazzjoni tagħhom għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi, jillimitaw l-investimenti jew l-istabbiliment, iżda wkoll dawk li jillimitaw il-ħlasijiet ta' dividendi li jirriżultaw minnhom.

184   Jirriżulta mill-ġurisprudenza li kull trattament inqas vantaġġuż ta' dividendi ta- oriġini barranija meta mqabbla ma’ dawk ta' oriġini nazzjonali għandu jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital safejn huwa jista' jrendi inqas attraenti x-xiri ta' ishma f'kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Verkooijen, punt 35, Lenz, punt 21, u Manninen, punt 23).

185   Minn dan jirriżulta li restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital, bħal trattament fiskali inqas vantaġġuż ta' dividendi ta' oriġini barranija, taqa' taħt l-Artikolu 57(1) KE safejn hija tirrigwarda ishma akkwistati sabiex jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti bejn l-azzjonist u l-kumpanniji kkonċernata u li jippermettu lill-azzjonist jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta' din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha.

186   Jekk dan mhuwiex il-każ, restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 56 KE lanqas ma tista’ tiġi applikata fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.

187   Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 57(1) KE li Stat Membru jista' japplika, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi terzi, ir-restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, anki jekk huma jmorru kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 56 KE, bil-kundizzjoni li kienu jeżistu diġà fil-31 ta' Diċembru 1993.

188   Skond il-Gvern tar-Renju Unit, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-Artikolu 56 KE jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali fil-qasam ta' tassazzjoni ta' dividendi ta' oriġini barranija, dan kieku japplika mhux biss għall-miżuri koperti mill-ewwel sat-tielet domandi preliminari, adottati qabel il-31 ta' Diċembru 1993, iżda wkoll għas-sistema FID, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1994, safejn, meta titqabbel mal-miżuri eżistenti, din is-sistema ma introduċietx restrizzjonijiet ġodda iżda, għall-kuntrarju, illimitat ruħha li tnaqqas ċerti effetti restrittivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

189   Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkjarifikat il-kunċett ta' "restrizzjonijiet eżistenti" fil-31 ta' Diċembru 1993 fis-sens ta' l-Artikolu 57(1) KE.

190   Kif issuġġeriew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kumissjoni, għandha ssir referenza għas-sentenza ta' l-1 ta' Ġunju 1999, Konle (C-302/97, Ġabra p. I-3099), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti interpretazzjoni tal-kunċett ta' "leġiżlazzjoni eżistenti" li jinsab f'dispożizzjoni li tidderoga mill-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C-241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1), li tippermetti lir-Repubblika ta' l-Awstrija żżomm fis-seħħ b'mod temporanju l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħha li tirrigwarda residenzi sekondarji.

191   Filwaqt li huwa l-kompitu, bħala regola, tal-qorti nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-leġiżlazzjoni eżistenti f'data stabbilita minn att Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, f'din is-sentenza, li huwa l-kompitu ta' dik il-Qorti li tipprovdi l-elementi ta' interpretazzjoni tal-kunċett Komunitarju li jikkostitwixxi l-bażi għall-applikazzjoni ta' sistema derogatroja Komunitarja għal leġiżlazzjoni nazzjonali "eżistenti" f'data speċifika (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Konle, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

192   Kif tosserva l-Qorti tal-Ġustizzja f'din l-istess sentenza, kull miżura nazzjonali adottata wara data hekk iffissata mhijiex, abbażi ta' dan il-fatt waħdu, awtomatikament eskluża mis-sistema derogatorja stabbilita mill-att Komunitarju in kwistjoni. Dispożizzjoni li hija, fis-sustanza, identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew li hija limitata għat-tnaqqis jew it-tneħħija ta' ostaklu fl-eżerċizzju ta' drittijiet u libertajiet Komunitarji li jinsabu fil-leġiżlazzjoni preċedenti tibbenefika mid-deroga. Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni li hija bbażata fuq loġika differenti minn dik tad-dritt preċedenti u tistabbilixxi proċeduri ġodda ma tistax tiġi mqabbla mal-leġiżlazzjoni eżistenti fid-data stabbilita mill-att Komunitarju in kwistjoni (ara s-sentenza Konle, iċċitata iktar 'il fuq, punti 52 u 53).

193   Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn is-sistema FID u l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti fil-qasam ta' tassazzjoni ta' dividendi ta' oriġini barranija, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, jidher li din is-sistema għandha bħala għan li tillimita l-effetti restrittivi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni eżistenti għal kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta' oriġini barranija, b'mod partikolari billi toffri lill-imsemmija kumpanniji l-possibbiltà li jiksbu ħlas lura ta' l-eċċess ta' l-ACT meta jqassmu dividendi lill-azzjonisti tagħhom.

194   Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk il-fatt li, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-azzjonisti li jibbenefikaw minn tqassim ta' dividendi kkwalifikat bħala FID ma jingħatawx kreditu ta' taxxa, għandux jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni ġdida. Filwaqt li huwa veru li, fis-sistema fiskali nazzjonali li minnha tifforma parti s-sistema FID, l-għoti ta' kreditu ta' taxxa lill-azzjonist li jibbenefika minn tqassim jikkorrispondi għall-ħlas mill-kumpannija li tqassam ta' l-ACT fuq dan it-tqassim, ma jistax jiġi dedott mid-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-fatt li kumpannija li għażlet is-sistema FID għandha dritt għall-ħlas lura ta' l-eċċess ta' l-ACT jiġġustifika, fil-loġika tal-leġiżlazzjoni li kienet teżisti fil-31 ta' Diċembru 1993, li l-azzjonijisti tagħha ma jingħatawx kreditu ta' taxxa.

195   Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tar-Renju Unit, is-sistema FID ma tistax tiġi kkwalifikata bħala restrizzjoni eżistenti fid-dawl biss tal-fatt li, minħabba n-natura fakultattiva tagħha, il-kumpanniji kkonċernati dejjem għandhom il-possibbiltà li jagħżlu s-sistema adottata preċedentement, bl-effetti restrittivi li jirriżultaw minnha. Kif ġie osservat fil-punt 162 ta' din is-sentenza, sistema li tirrestrinġi l-libertajiet ta' moviment tibqa' madankollu inkumpatibbli mad-dritt Komunitarju, anki jekk l-applikazzjoni tagħha hija fakultattiva.

196   Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lill-ħames domanda hija li l-Artikolu 57(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, qabel il-31 ta' Diċembru 1993, Stat Membru jkun adotta leġiżlazzjoni li fiha restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi pprojbiti mill-Artikolu 56 KE u, wara din id-data, jadotta miżuri li, filwaqt li jikkostitwixxu wkoll restrizzjoni għall-imsemmija movimenti, huma, fis-sustanza, identiċi għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew jillimitaw ruħhom għall-fatt li jnaqqsu jew ineħħu ostaklu għall-eżerċizzju ta' drittijiet u libertajiet Komunitarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni preċedenti, l-Artikolu 56 KE ma jipprekludix l-applikazzjoni ta' dawn l-aħħar miżuri fir-rigward tal-pajjiżi terzi meta huma japplikaw għal movimenti tal-kapital li jinvolvu investimenti diretti, inklużi l-investimenti fil-proprjetà, l-istabbiliment, il-provvista ta' servizzi finanzjarji jew id-dħul ta' titoli fis-swieq tal-kapital. F'dan ir-rigward, l-ishma f'kumpannija li ma jiġux akkwistati bl-għan li jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti bejn l-azzjonist u din il-kumpannija u li ma jippermettux lill-azzjonist jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta' din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala investimenti diretti.

 Fuq domandi sitta sa disgħa

197   Permezz domandi preliminari sitta sa disgħa tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’każ li l-miżuri nazzjonali li għalihom jirreferu d-domandi preċedenti huma inkumpatibbli mad-dritt Komunitarju, ir-rikorsi bħal dawk imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jinsab rimedju għal tali inkumpatibbiltà għandhomx jiġu kkwalifikati bħala rikorsi għall-ħlas lura ta’ ammonti miġbura indebitament jew bħala vantaġġi irrifjutati indebitament jew, min-naħa l-oħra, bħala rikorsi għal kumpens għal dannu sostnut. F’dan l-aħħar każ, hija tistaqsi lilha nfisha jekk għandhomx jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq, u jekk, f’dan ir-rigward, għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-forma li għandhom ikollhom ir-rikorsi mressqa skond id-dritt nazzjonali.

198   Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li jistipulaw li Stat Membru huwa obbligat jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tagħti linji gwida dwar ir-rekwiżit ta’ vjolazzjoni gravi biżżejjed ta’ l-imsemmi dritt kif ukoll dwar ir-rekwiżit ta’ rabta ta’ kawżalità bejn il-vjolazzjoni ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat Membru u d-dannu sostnut mill-persuni kkonċernati.

199   Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li r-rikorsi kollha deskritti fis-sitt domanda jaqgħu taħt il-kategorija ta’ rikorsi għal ħlas lura, kemm għaliex dawn ir-rikorsi huma intiżi għall-ħlas lura ta’ l-eċċess tat-taxxa miġbur indebitament jew tat-telf li jirriżulta mill-ipprivar ta’ l-użu ta’ ammonti li huma s-suġġett ta’ ħlas prematur ta’ taxxa u kemm għaliex huma intiżi għall-għoti ta’ eżenzjonijiet fiskali jew il-ħlas lura ta’ l-ammont li bih il-kumpanniji residenti kkonċernati kellhom iżidu d-dividendi kkwalifikati bħala FID sabiex jikkumpensaw it-telf tal-kreditu ta’ taxxa fir-rigward ta’ l-azzjonisti tagħhom. Li kieku d-dritt Komunitarju kellu jippermetti li d-dritt nazzjonali jipprovdi biss rikors għal danni, dan ir-rikors ikun, fi kwalunkwe każ, tip differenti ta’ rikors minn dak li għalih tirreferi s-sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq.

200   Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li kull wieħed mir-rimedji mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi talba għal danni suġġetta għall-kundizzjonijiet tas-sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq. Il-mod li bih jitressqu r-rikorsi skond id-dritt nazzjonali m’għandux rilevanza fuq il-mod kif jiġu kklassifikati fid-dritt Komunitarju.

201   F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti klassifikazzjoni ġuridika tar-rikorsi mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan il-każ, huwa l-kompitu ta’ dawn ta’ l-aħħar li jispeċifikaw in-natura u l-bażi tar-rikors tagħhom (talba għal ħlas lura jew talba għal kumpens għal dannu), taħt il-kontroll tal-qorti tar-rinviju (ara s-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 81).

202   Il-fatt jibqa’ li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jingħata ħlas lura ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju huwa l-konsegwenza u aspett supplementari tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet Komunitarji kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595, punt 12, u Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 84). L-Istat Membru huwa għalhekk obbligat, bħala regola, iħallas lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju (sentenzi ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C-192/95 sa C-218/95, Ġabra p. I-165, punt 20, u Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 84).

203   Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali indebitament miġbura, hija s-sistema legali nazzjonali ta' kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta' ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività) (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5, u Comet, 45/76, Ġabra p. 2043, punti 13 u 16, kif ukoll, iktar reċentement, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis, C-231/96, Ġabra p. I-4951, punti 19 u 34; tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport, C-343/96, Ġabra p. I-579, punt 25, u Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 85).

204   Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 96 tas-sentenza tagħha Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, li meta kumpannija residenti jew kumpannija parent ikunu ssostni telf finanzjarju favur l-awtoritajiet ta’ Stat Membru wara l-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li għaliha kienet suġġetta l-kumpannija residenti fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-kumpannija parent tagħha li mhijiex residenti iżda li ma kinitx tigi imposta fuq kumpannija residenti li tkun ħallset dividendi lil kumpannija parent li tirrisjedi wkoll f’dan l-Istat Membru, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu jirrikjedu li l-kumpanniji residenti u l-kumpanniji parent tagħhom li mhumiex residenti jibbenefikaw minn rimedju legali effettiv sabiex jiksbu l-ħlas lura ta’ jew il-kumpens għal dan it-telf.

205   Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, meta Stat Membru jiġbor taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju, l-individwi għandhom id-dritt għall-ħlas lura mhux biss tat-taxxa indebitament miġbura, iżda wkoll ta’ l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 87 u 88 tas-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ‘il fuq, dan jinkludi wkoll it-telf ikkostitwit mill-indisponibbiltà ta’ ammonti ta’ flus wara l-ġbir prematur tat-taxxa.

206   Safejn ir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar l-eżenzjonijiet ikunu pprekludew li taxxa, bħall-ACT, miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju tiġi rkuprata mill-persuna taxxabbli li ħallsitha, din ta’ l-aħħar għandha d-dritt tikseb il-ħlas lura ta’ din it-taxxa.

207   Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, la l-eżenzjonijiet li tkun irrinunzjat għalihom il-persuna taxxabbli sabiex tkun tista’ tikkumpensa t-taxxa kollha illeċitament miġbura, bħall-ACT, bl-ammont dovut bħala taxxa oħra, u lanqas id-dannu li jkunu sostnew il-kumpanniji residenti li għażlu s-sistema FID minħabba l-fatt li huma kellhom iżidu l-ammont tad-dividendi tagħhom sabiex jikkumpensaw għat-telf tal-kreditu ta’ taxxa fir-rigward ta’ l-azzjonisti tagħhom ma jistgħu jiġu kkumpensati abbażi tad-dritt Komunitarju permezz ta’ azzjoni intiża għall-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura jew ta’ ammonti mħallsa lill-Istat Membru kkonċernat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Tali rinunzji għal eżenzjonijiet jew żidiet fl-ammont ta’ dividendi huma bbażati fuq deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-kumpanniji u ma jikkostitwixxux konsegwenza inevitabbli tar-rifjut tar-Renju Unit li jagħti lill-imsemmija azzjonisti trattament ugwali għal dak li jingħata lill-azzjonisti li jibbenefikaw minn tqassim ibbażat fuq dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

208   F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk ir-rinunzji għal eżenzjonijiet jew iż-żidied ta’ ammont ta’ dividendi jikkostitwixxux, fir-rigward tal-kumpanniji kkonċernati, telf finanzjarju sostnut minħabba ksur tad-dritt Komunitarju li jista’ jiġi attribwit lill-Istat Membru kkonċernat.

209   Filwaqt li ma eskludietx li Stat jista’ jkun responsabbli f’ċirkustanzi inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjonijiet skond liema Stat Membru huwa obbligat jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt Komunitarju li jista’ jiġi attribwit lilu, huma tlieta, jiġifieri li r-regola ta’ dritt miksura kellha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun gravi biżżejjed u li teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat u l-ħsara mġarrba mill-persuni leżi (sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 51 u 66, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punti 51 u 57).

210   L-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali (sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 58, u Köbler, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 100), skond il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq tali implementazzjoni (sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 55 sa 57; tas-26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications, C-392/93, Ġabra p. I-1631, punt 41; Denkavit et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 49, u Konle, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 58).

211   Fil-kawża prinċipali, l-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta b’mod ċar għal dak li jirrigwarda l-Artikoli 43 KE u 56 KE. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala effett li jagħtu drittijiet lill-individwi (ara, rispettivament, is-sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23 u 54, kif ukoll ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et, C-163/94, C-165/94 u C-250/94, Ġabra p. I-4821, punt 43).

212   Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, ghandu jiġi mfakkar, minn naħa, li ksur tad-dritt Komunitarju huwa gravi biżżejjed meta Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-poter normattiv tiegħu, jikser, b'mod manifest u gravi, il-limiti li huma imposti fuq l-eżerċizzju tal-poteri tiegħu (ara s-sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55; British Telecommunications, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42, u ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra p. I-5123, punt 38). Min-naħa l-oħra, meta l-Istat Membru in kwistjoni, fil-mument meta jkun wettaq il-ksur, ikollu biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitata, jew ma jkollu ebda diskrezzjoni, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur gravi biżżejjed (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas, C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 28, u Haim, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38).

213   Sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix ksur gravi biżżejjed, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni li tinsab quddiem il-qorti nazzjonali. Dawn l-elementi jinkludu, b’mod partikolari, iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola li ġiet miksura, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew id-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew le ta’ żball eventwali ta’ dritt, il-fatt li l-attitudni ta' istituzzjoni Komunitarja setgħet tikkontribwixxi għall-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta' miżuri jew prattiki nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Brasserie du pêcheur u Factortame, punt 56, kif ukoll Haim, punti 42 u 43).

214   Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt Komunitarju huwa kjarament gravi meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, deċiżjoni preliminari jew l-eżistenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita sewwa fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir in kwistjoni jikkostitwixxi ksur (sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 57).

215   F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali, sabiex tevalwa jekk ksur ta’ l-Artikolu 43 KE imwettaq mill-Istat Membru kkoncernat kienx gravi biżżejjed, għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li, f’qasam bħal dak tat-tassazzjoni diretta, il-konsegwenzi li jirriżultaw mil-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat jiġu rrivelati biss gradwalment, b’mod partikolari, mill-prinċipji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq. Barra minn hekk, fil-qasam tat-tassazzjoni ta’ dividendi li jirċievu kumpanniji residenti minn kumpanniji li mhumiex residenti, kien biss fis-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Verkooijen, Lenz u Manninen li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tikkjarifika r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmija libertajiet ta’ moviment, b’mod partikolari għal dak li jikkoncerna l-moviment liberu tal-kapital.

216   Minbarra l-każijiet koperti mid-Direttiva 90/435, id-dritt Komunitarju ma jagħti ebda definizzjoni preċiża ta’ l-obbligu għal Stat Membru li jassigura li, fir-rigward ta’ mekkaniżmi ta’ prevenzjoni jew tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew tat-tassazzjoni doppja ekonomika, id-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti u dawk imħallsa minn kumpanniji li mhumiex residenti jibbenefikaw minn trattament ugwali. Minn dan jirriżulta li, sas-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Verkooijen, Lenz u Manninen, il-problema mqajma minn din id-domanda preliminari ma kinitx ġiet ikkunsidrata bħala tali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

217   Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti nazzjonali ghandha tevalwa l-fatturi ċċitati fil-punt 213 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari l-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regoli miksura kif ukoll in-natura skużabbli jew le ta’ eventwali żbalji ta’ dritt.

218   Għal dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni, jiġifieri r-rekwiżit ta’ rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat u d-dannu sostnut mill-persuni kkonċernati, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk id-dannu allegat jirriżultax b’mod dirett biżżejjed mill-ksur tad-dritt Komunitarju sabiex l-Istat jiġi ordnat jagħti kumpens għal dak il-ksur (ara, f’dan is-sens, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier frères et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21).

219   Bla ħsara għad-dritt għal kumpens għad-danni li huwa msejjes direttament fuq id-dritt Komunitarju meta dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat skond id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika u ma jistgħux ikunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punti 41 sa 43; Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 67, kif ukoll Köbler, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 58).

220   Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lid-domandi sitta sa disgħa hija li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, huwa l-kompitu tas-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, inkluż il-kwalifikazzjoni ta’ azzjonijiet imressqa mill-persuni leżi quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn il-qrati huma madankollu obbligati jassiguraw li l-individwi jiddisponu minn rimedju legali effettiv li jagħtihom l-opportunità jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura u ta’ l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat Membru jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Għal dak li jirrigwarda danni oħrajn li setgħet sostniet persuna minħabba ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lil Stat Membru, dan ta’ l-aħħar huwa obbligat jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 51 tas-sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq, mingħajr ma dan jeskludi li Stat jista’ jitqies responsabbli f’ċirkustanzi inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali.

 Fuq it-talba sabiex jiġu limitati fiż-żmien l-effetti ta’ din is-sentenza

221   Waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tinterpreta d-dritt Komunitarju fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha fiż-żmien, anki għal dak li jirrigwarda l-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa qabel id-data li fiha tingħata din is-sentenza.

222   In sostenn tat-talba tiegħu, dan il-Gvern jenfasizza, minn naħa, il-fatt li, mill-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-1973, il-kumpatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju qatt ma kienet ġiet ikkontestata u, min-naħa l-oħra, l-implikazzjonijiet finanzjarji serji, stmati għal 4,7 biljun GBP (7 biljun EUR), li jirriżultaw għar-Renju Unit mit-talbiet imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.

223   Dan l-aħħar ammont huwa kkontestat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jsostnu din iċ-ċifra tinsab iktar bejn 100 miljun u 2 biljuni GBP. Huma jenfasizzaw barra minn hekk li, filwaqt li huwa veru li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali qatt ma ġiet ikkontestata quddiem il-qrati nazzjonali mill-perspettiva tal-kumpatibbiltà tagħha ma’ l-Artikoli 43 KE u 56 KE, l-impatt tagħha fuq l-attivitajiet transkonfini madankollu kien is-suġġett ta’ diversi rikorsi ġudizzjarji.

224   F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Gvern tar-Renju Unit semma’ ammont li jkopri r-rikorsi mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li huma s-suġġett ta’ kull waħda mid-domandi preliminari, u b’hekk ibbaża ruħu fuq ipoteżi, li mhijiex korretta, li r-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja kienu, għal kull waħda mill-imsemmija domandi, ser isegwu d-difiża tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

225   F’dawn ic-ċirkustanzi, mhuwiex meħtieġ li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien.

 Fuq l-ispejjeż

226   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikoli 43 KE u 56 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta Stat Membru għandu sistema għall-prevenzjoni jew tnaqqis ta’ l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew tat-tassazzjoni doppja ekonomika fil-każ ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, huwa għandu jittratta d-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji li mhumiex residenti bl-istess mod.

L-Artikoli 43 KE u 56 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra, għalkemm hija tissuġġetta għal din it-taxxa id-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija li mhijiex residenti u li fiha l-kumpannija residenti żżomm mill-inqas 10% tad-drittijiet tal-vot, filwaqt li tagħti, f’dan l-aħħar każ, kreditu ta’ taxxa fir-rigward tat-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat Membru fejn tirrisjedi, sakemm ir-rata ta’ tassazzjoni fuq id-dividendi ta’ oriġini barranija ma tkunx ogħla mir-rata ta’ tassazzjoni applikata għad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali u sakemm il-kreditu ta’ taxxa jkun għall-inqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam sa l-ammont ta’ tassazzjoni applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja.

L-Artikolu 56 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija residenti oħra, filwaqt li hija tissuġġetta għal din it-taxxa d-dividendi li kumpannija residenti tirċievi minn kumpannija li mhijiex residenti li fiha hija żżomm inqas minn 10% tad-drittijiet tal-vot, mingħajr ma tagħti lil din ta’ l-aħħar kreditu ta’ taxxa għat-taxxa effettivament imħallsa mill-kumpannija li tqassam fl-Istat fejn tirrisjedi.

2)      L-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tippermetti lil kumpannija residenti, li tirċievi dividendi minn kumpannija residenti oħra, tnaqqas mill-ammont li l-ewwel kumpannija għandha tħallas bil-quddiem bħala taxxa fuq il-kumpanniji, l-ammont ta' l-imsemmija taxxa mħallsa bil-quddiem mit-tieni kumpannija, filwaqt li, f'każ ta' kumpannija residenti li tirċievi dividendi minn kumpannija li mhijiex residenti, tali tnaqqis mhuwiex permess għal dak li jikkonċerna t-taxxa korrispondenti fuq il-profitti mqassma mħallsa minn din l-aħħar kumpannija fl-Istat fejn tirrisjedi.

3)      L-Artikoli 43 KE u 56 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li kull eżenzjoni li minnha tibbenefika kumpannija residenti li tkun irċeviet dividendi ta’ oriġini barranija fir-rigward tat-taxxa mħallsa barra mill-pajjiż tnaqqas l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li bih hija tista’ tikkumpensa t-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem.

L-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lil kumpannija residenti tittrasferixxi lil kumpanniji sussidjarji residenti l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallas bil-quddiem li ma jistax jiġi kkumpensat bit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn din ta’ l-ewwel kumpannija għas-sena finanzjarja kurrenti jew għal snin finanzjarji preċedenti jew sussegwenti, sabiex dawn il-kumpanniji sussidjarju jkunu jistgħu jikkumpensawh bit-taxxa fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu, iżda li ma tippermettix lil kumpannija residenti tittrasferixxi tali ammont lil kumpanniji sussidjarji li mhumiex residenti f‘każ li dawn ikunu taxxabbli f’dan l-Istat Membru fuq il-profitti li jkunu għamlu hemmhekk.

4)      L-Artikoli 43 KE u 56 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li teżenta mill-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji l-kumpanniji residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi li joriġinaw minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali li jkunu rċevew, tagħti lil kumpanniji residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi li joriġinaw minn dividendi ta’ oriġini barranija li jkunu rċevew il-possibbiltà li jagħżlu sistema li tippermettilhom jirkupraw it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem, iżda, minn naħa, tobbliga lil dawn il-kumpanniji jħallsu l-imsemmija taxxa bil-quddiem u jitolbu l-ħlas lura sussegwentement u, min-naħa l-oħra, ma tipprovdix kreditu ta’ taxxa għall-azzjonisti tagħhom, filwaqt li kienu jirċievu tali kreditu li kieku twettaq tqassim minn kumpannija residenti abbażi ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali.

5)      L-Artikolu 57(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta, qabel il-31 ta' Diċembru 1993, Stat Membru jkun adotta leġiżlazzjoni li fiha restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi pprojbiti mill-Artikolu 56 KE u, wara din id-data, jadotta miżuri li, filwaqt li jikkostitwixxu wkoll restrizzjoni għall-imsemmija movimenti, huma, fis-sustanza, identiċi għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew jillimitaw ruħhom għall-fatt li jnaqqsu jew ineħħu ostaklu għall-eżerċizzju ta' drittijiet u libertajiet Komunitarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni preċedenti, l-Artikolu 56 KE ma jipprekludix l-applikazzjoni ta' dawn l-aħħar miżuri fir-rigward tal-pajjiżi terzi meta huma japplikaw għal movimenti tal-kapital li jinvolvu investimenti diretti, inklużi l-investimenti fil-proprjetà, l-istabbiliment, il-provvista ta' servizzi finanzjarji jew id-dħul ta' titoli fis-swieq tal-kapital. F'dan ir-rigward, l-ishma f'kumpannija li ma jiġux akkwistati bl-għan li jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti bejn l-azzjonist u din il-kumpannija u li ma jippermettux lill-azzjonist jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta' din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala investimenti diretti.

6)      Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, huwa l-kompitu tas-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, inkluż il-kwalifikazzjoni ta’ azzjonijiet imressqa mill-persuni leżi quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn il-qrati huma madankollu obbligati jassiguraw li l-individwi jiddisponu minn rimedju legali effettiv li jagħtihom l-opportunità jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura u ta’ l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat Membru jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Għal dak li jirrigwarda danni oħrajn li setgħet sostniet persuna minħabba ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lil Stat Membru, dan ta’ l-aħħar huwa obbligat jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 51 tas-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93), mingħajr ma dan jeskludi li Stat jista’ jitqies responsabbli f’ċirkustanzi inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż