SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta' Settembru 2006 *
"Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 18 KE – Libertà ta' stabbiliment – Artikolu 43 KE - Tassazzjoni diretta – Tassazzjoni ta' qligħ kapitali fittizju fuq holding ta' ishma sostanzjali f'każ ta' trasferiment tad-domiċilju fiskali fi Stat Membru ieħor"
Fil-kawża C-470/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Arnhem (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-27 ta' Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Novembru 2004, fil-proċedura
N
vs
Inspecteur van de Belastingdienst Oost/kantoor Almelo,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Klučka (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal N, minn P. L. M. van Gorkom, advocaat,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. A. H. M. ten Dam, bħala aġenti,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u A. Weimar, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Marzu 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 18 KE u 43 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn N u l-Ispettur van de Belastingsdienst Oost/kantoor Almelo (iktar 'il quddiem l-"Ispettur") rigward deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar li tiddikjara bħala inammissibbli l-oġġezzjoni ta' N kontra l-istima tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali għas-sena 1997.
Il-kuntest ġuridiku
il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul
3 Skond l-Artikolu 3 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Wet op de inkomstenbelasting) ta' l-1964 (iktar 'il quddiem il-"WIB"), it-taxxa dovuta minn persuni taxxabbli nazzjonali hija kkalkulata fuq l-ammont tad-dħul taxxabbli li jinkludi, b'mod partikolari, skond l-Artikolu 4 ta' din il-liġi, il-profitti miksuba minn holding ta' ishma sostanzjali.
4 Skond lSkond l-Artikolu 20a(1)(b) tal-WIB, l-ammont totali ta' dħul li jirriżulta mit-trasferiment ta’ ishma li huma parti mill-holding jikkostitwixxi profitti miksuba minn holding ta' ishma sostanzjali. Skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, hemm holding sostanzjali fejn il-persuna taxxabbli żżomm b'mod dirett jew indirett 5% tal-kapital ta' kumpannija.
5 L-Artikolu 20a(6)(i) tal-WIB jipprovdi li t-telf ta' l-istatus bħala persuna taxxabbli nazzjonali, ħlief minħabba mewt, huwa ekwivalenti għaċ-ċessjoni ta' l-ishma.
6 Il-miIl-mod kif għandu jiġi kkalkulat id-dħul minn ċessjoni fittizja huwa ddefinit fl-Artikolu 20(c) tal-WIB. Skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-profitt li jirriżulta miċ-ċessjoni jikkonsisti normalment fid-differenza bejn il-prezz tax-xiri u dak tal-bejgħ. Skond il-paragrafu 4 ta' l-istess Artikolu, jekk m'hemmx korrispettiv għall-bejgħ jew għax-xiri, huwa l-valur fis-suq, li jista' jingħata lill-ishma fil-mument taċ-ċessjoni, li huwa kkunsidrat bħala korrispettiv. Jekk il-persuna taxxabbli jistabbilixxi d-domiċilju tiegħu fl-Olanda, il-paragrafu 7 ta' l-istess Artikolu jipprovdi li l-ammont ta' referenza jkun, minflok il-prezz ta' xiri, il-valur fis-suq ta' l-ishma fid-data tad-dħul ta' l-imsemmija persuna taxxabbli f'dan l-Istat Membru.
7 L-Artikolu 20(c)(18), tal-WIB jiddisponi:
"Ordni Ministerjali tistabbilixxi r-regoli dwar il-prezz ta' xiri f'każ li l-patrimonju tal-persuna taxxabbli jinkludi ishma f'kumpannija li fir-rigward tagħha f'sena preċedenti japplika fil-konfront tal-persuna taxxabbli l-Artikolu 20(a)(6)(i) fir-rigward tal-persuna taxxabbli. Ordni Ministerjali tista' tistabbilixxi wkoll regoli dwar it-tnaqqis tat-taxxa li ġiet imposta skond l-Artikolu 20a(6)(i), jew it-tieni frażi ta' l-Artikolu 49(4), jekk il-persuna taxxabbli jirritorna fl-Olanda inqas minn għaxar snin wara li jkun ittrasferixxa d-domiċilju tiegħu barra mill-Olanda."
Il-liġi dwar l-irkupru tat-taxxa
8 Is-sospensjoni ta' pagament ta' taxxa minħabba t-telf ta' l-istatus bħala persuna taxxabbli nazzjonali għal raġuni oħra minbarra l-mewt kienet prevista, meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, mill-Artikolu 25(6), tal-liġi dwar l-irkupru tat-taxxa (Invorderingswet) ta' l-1990 (iktar 'il quddiem l-"IW"). Din id-dispożizzjoni tirreferi għal Ordni Ministerjali sabiex jiġu stipulati r-regoli dwar l-għoti ta' sospensjoni ta' pagament għal perijodu ta' għaxar snin bil-kundizzjoni li garanzija suffiċjenti tkun ġiet ikkostitwita. Tali sospensjoni tista' tintemm jekk, b'mod partikolari, ishma kkonċernati mis-sospenjoni jkun ġew ċeduti skond l-Artikolu 20a(1) jew (6) (a) sa (h) tal-WIB.
9 L-Artikolu 26(2), ta' l-IW kien jiddisponi, meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali:
"Ordni Ministerjali għandha tistabbilixxi regoli li permezz tagħhom il-persuna taxxabbli tista' tingħata eżenzjoni mit-taxxa li għaliha tkun ingħatat sospensioni ta' pagament skond l-Artikolu 25(6):
[…]
b) sa ammont ugwali għat-taxxa effettivament imħallsa barra, f'każ ta' ċessjoni ta' dawn l-ishma, fuq il-profitti miksuba miċ-ċessjoni skond l-Artikolu 25(8), bil-kundizzjoni li l-ammont eżentat ma jkunx ikbar mill-ammont tat-taxxa li għalih tkun ingħatat sospensjoni;
c) sa ammont ugwali għall-ammont li jkun għadu dovut wara 10 snin".
Ir-regolament li jeżegwixxi l-liġi dwar l-irkupru tat-taxxa
10 Ir-regolament li jeżegwixxi l-liġi dwar l-irkupru tat-taxxa (Uitvoeringsregeling invorderingswet) ta' l-1990 (iktar 'il quddiem l-"URW") huwa previst b'mod partikolari mill-Artikoli 25 u 26 ta' din il-liġi. L-Artikoli 2 u 4 ta' dan ir-regolament jiddisponu:
"Artikolu 2
1. Il-kollettur jagħti, permezz ta' deċiżjoni li tista' tiġi appellata, fuq talba tal-persuna taxxabbli – mingħajr ma jiġi kkunsidrat interess -, sospensjoni ta' pagament f'sitwazzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 25(6) tal-liġi, sakemm tingħata garanzija suffiċjenti, u l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni, stabbiliti mill-kollettur, jiġu aċċettati.
2. Is-sospensjoni tingħata għall-ammont tat-taxxa dovuta għall-profitt ikkunsidrat skond l-Artikolu 20a(6)(i) tal- […] [WIB] kif ukoll għall-ammont ta' l-interessi relattivi […].
3. F'każ li l-azzjonijiet, it-titoli jew il-krediti kkonċernati mis-sospensjoni jiġu ċeduti fis-sens ta' l-Artikolu 20a(1) jew 20a(6)(a) sa (h) tal- […] [WIB], il-kollettur itemm, b'deċiżjoni li tista' tiġi appellata, is-sospensjoni relattiva għal dawn l-azzjonijiet […].
[…]
Artikolu 4
1. Il-kollettur jagħti, permezz ta' deċiżjoni li tista' tiġi appellata, fuq talba tal-persuna taxxabbli, eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul sa ammont kif previst fil-paragrafu ċċitat iktar 'il fuq f'sitwazzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 26(2), tal-liġi, bil-kundizzjoni li f'dak li jikkonċerna sehem, l-ammont ta' l-eżenzjoni ma jistax ikun ikbar mill-inqas ammont fost l-ammonti hawn taħt:
1. l-ammont tat-taxxa li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat sospensjoni relattiva għal dan is-sehem […];
2. l-ammont tat-taxxa li ġie effettivament imħallas barra f'każ ta' ċessjoni ta' dan is-sehem, għall-profitt miksub miċ-ċessjoni u li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat sospensjoni ta' pagament skond l-Artikolu 25(6) […]".
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Fit-22 ta' Jannar 1997, N ittrasferixxa d-domiċilju tiegħu mill-Olanda għar-Renju Unit. Fiż-żmien meta telaq mill-Olanda, huwa kien l-uniku azzjonist ta' tliet kumpanniji b'responsabbiltà inkorporati fl-Olanda (besloten vennootschappen), li kellhom l-amministrazzjoni effettiva tagħhom, minn din id-data, f'Curacao (Antilles Olandiżi).
12 Għas-sena 1997, N iddikjara dħul taxxabbli li jammonta għal 15 664 697 NLG, li minnhom 765 NLG ġew iddikjarati bħala dħul li ġej mir-residenza personali tiegħu, u 15 663 932 NG bħala profitti miksuba minn holding ta' ishma. L-istima tat-taxxa bbażat fuq din id-dikjarazzjoni kien għal ammont totali ta' 3 918 275 NLG, li magħhom jiżdied l-ammont ta' 228 429 taħt interessi.
13 N kiseb, fuq talba tiegħu stess, sospensjoni ta' pagament għal dawn l-ammonti. Madankollu, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fiż-żmien meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, tali sospensjoni kienet suġġetta għall-kostituzzjoni ta' garanzija. Għalhekk, N iddepożita bħala garanzija l-ishma li huwa kellu f'waħda minn dawn il-kumpanniji.
14 Wara s-sentenza tal-11 ta' Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, Ġabra p. I-2409), is-Segretarju ta' l-Istat għall-Finanzi sostna, fl-ittra tiegħu tat-13 ta' April 2004, b'risposta għal xi domandi magħmula minn membru tat-tieni Kamra tal-Parlament Olandiż, li l-kundizzjoni relattiva għall-kostituzzjoni ta' garanziji sabiex tingħata sospensjoni ta' pagament ma setgħetx tibqa' fis-seħħ. Bħala konsegwenza, il-kollettur tat-taxxa għarraf lil N li l-garanzija li kien ikkostitwixxa setgħat tiġi kkunsidrata bħala rilaxxata.
15 N ilu, mill-2002, jamministra fir-Renju Unit impriża agrikola li tinkludi fiha ġnien tas-siġar tat-tuffieħ.
16 Il-kawża prinċipali pendenti quddiem il-Gerechtshof te Arnhem tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-prinċipju stess ta' taxxa bbażata fuq is-sistema stabbilita mill-WIB, IW u URIW, fejn il-fatt li jiġġenera t-taxxa huwa t-trasferiment fi Stat membru ieħor, tad-domiċilju ta' ċittadin Olandiż, li għandu holding sostanzjali fis-sens ta' L-Artikolu 20a(3) tal-WIB, huwiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju.
17 Sussidjarjament, N jikkontesta l-kundizzjonijiet ta' implementazzjoni ta' din is-sistema ta' taxxa. Partikolarment, huwa jikkunsidra li l-obbligu ta' kostituzzjoni ta' garanzija, li kellu jissodisfa sabiex jibbenifika minn sospensjoni ta' pagament tat-taxxa imposta mill-WIB, jikkostitwixxi xkiel għad-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt Komunitarju. Ukoll, huwa jsostni li dan ix-xkiel, ma jistax jitneħħa b'mod retroattiv, bis-sempliċi rilaxx ta' l-imsemmija garanziji fuq ordni tas-Segretarju ta' l-Istat għall-Finanzi.
18 Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega li l-leġiżlazzjoni Olandiża li tipprovdi għal rata fissa għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż għal min jirbaħ kawża quddiem qorti hija kuntrarju għad-dritt Komunitarju minħabba l-fatt li tillimita l-possibbiltà ta' l-individwi kkonċernati Olandiżi li jinvokawha b'mod effettiv.
19 Il-Gerechtshof te Arnhem, li l-mertu tal-kawża pendenti quddiemha jirrigwarda problema dwar il-kompatibbiltà tas-sistema fiskali prevista mill-WIB, l-IW u l-URIW ma' l-Artikoli 18 KE u 43 KE, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari segwenti:
"1) Resident ta' Stat Membru li jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu minn dan l-Istat Membru sabiex jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor jista', fil-kuntest ta' proċedimenti kontra l-Istat Membru li telaq minnu, jibbaża ruħu fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 18 KE biss għar-raġuni li taxxa imposta minħabba l-emigrazzjoni tiegħu hija jew tista' tkun ta' ostakolu għat-tluq tiegħu?
2) F'każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, resident ta' Stat Membru li jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu minn dan l-Istat Membru sabiex jistabbilixxi ruħu fi Stat membru ieħor jista', fil-kuntest ta' proċedimenti kontra l-Istat Membru li telaq minnu, jibbaża ruħu fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 43 KE f'każ li mhuwiex immedjatament stabbilit jew ammissibbli li huwa jeżerċita, fl-Istat Membru l-ieħor, attività ekonomika kif previst f'dan l-Artikolu? Għall-finijiet tar-risposta għad-domanda ta' qabel, huwa rilevanti li din l-attività tkun eżerċitata fi żmien limitat? Jekk iva, kemm jista' jkun twil dan il-perijodu?
3) F'każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda: l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 43 jipprekludu l-leġiżlazzjoni Olandiża in kwistjoni, li tgħid li taxxa fuq id-dħul/kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali tista' tiġi imposta minħabba l-kisba fittizja ta' profitti miksuba minn holding ta' ishma, biss għar-raġuni li resident Olandiż, li jkun waqaf milli jkun kontributur nazzjonali peress li jkun ittrasferixxa d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor, huwa meqjus li jkun ċeda l-ishma tiegħu li jagħmlu parti minn holding?
4) F'każ ta' risposta affermattiva għat-tielet domanda minħabba l-fatt li l-għoti ta' sospensjoni ta' pagament ta' taxxa huwa suġġett għall-kundizzjoni tal-kostituzzjoni ta' garanzija: l-ostakolu in kwistjoni jista' jitneħħa b'mod retroattiv bir-rilaxx tal-garanzija li ġiet ikkostitwita? Hemm għalfejn ukoll, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, li jsir magħruf jekk ir-rilaxx tal-garanzija jseħħx fuq il-bażi ta' leġiżlazzjoni jew ta' linja gwida, adottata jew le fil-kuntest ta' l-implementazzjoni? Huwa rilevanti wkoll, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda li jsir magħruf jekk huwiex mogħti kumpens għad-danni li possibbilment jirriżultaw mill-kostituzzjoni ta' garanzija?
5) F'każ ta' risposta affermattiva għat-tielet domanda u ta' risposta negattiva għall-ewwel parti tar-raba' domanda: dan l-ostakolu jista' jiġi ġġustifikat?"
20 Barra minn hekk, il-Gerechtshof te Arnhem josserva li: "għal dak li jikkonċerna r-risposta għad-domanda jekk, f'każ li persuna taxxabbli tirbaħ kawża mressqa fuq il-bażi ta' ksur tad-dritt Komunitarju, is-sistema Olandiżi tal-ħlas lura ta' l-ispejjeż (sistema ta' rata fissa) hijiex kuntrarja għad-dritt Komunitarju, din il-qorti tirreferi għad-domanda magħmula f'dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch fil-kawża [li tat lok għas-sentenza tal-5 ta' Lulju 2005, D., C-376/03, Ġabra p. I-5821]".
Fuq id-domandi preliminari
Fuqr l-ewwel u t-tieni domandi
21 Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema dispożizzjonijiet tat-Trattat KE japplikaw għal kawża bħal dik in kwistjoni. Aktar partikolarment, din il-qorti tixtieq li tingħata kjarifikazzjoni dwar il-konnessjoni u r-rapport bejn il-libertà ta' moviment u ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, u l-libertà ta' stabbiliment.
22 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 18 KE, li jsemmi b'mod ġenerali d-dritt, ta' kull ċittadin ta' l-Unjoni, li jivvjaġġa ġewwa u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, huwa applikat b'mod speċifiku fl-Artikolu 43 KE (sentenza tad-29 ta' Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C-193/94, Ġabra p. I-929, punt 22).
23 Bħala konsegwenza, huwa biss safejn l-Artikolu 43 KE mhuwiex applikabbli għas-sitwazzjoni kollha fil-kawża prinċipali li għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta' l-Artikolu 18 KE, dak li mhuwiex kopert mill-Artikolu 43 KE.
Fuq l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 43 KE
24 Għandu jiġi eżaminat jekk is-sempliċi kwalità ta' azzjonarju uniku tal-kumpanniji tiegħu tippermettix lil N jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 43 KE.
25 Il-Gvern Olandiż isostni li ma tistax titqajjem il-kwistjoni ta' liberta ta' stabbiliment u ta' ostakolu għal din il-liberta fin-nuqqas ta' eżerċizzju effettiv ta' attività ekonomika min-naħa tar-rikorrent.
26 F'dan ir-rigward, u skond ġurisprudenza F'dan ir-rigward, u skond ġurisprudenza ferm stabbilita, il-kunċett ta' "stabbiliment" fis-sens ta' l-Artikolu 43 huwa kunċett wiesa' ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b'mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta' oriġini tiegħu (sentenza tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 25). Iktar partikolarment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li holding ta' 100% tal-kapital ta' kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak ta' residenza tal-proprjetarju ta' dan il-holding idaħħal bla dubju lil din il-persuna taxxabbli fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta' stabbiliment (ara s-sentenza tat-13 ta' April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 21).
27 Jista' ukoll Jista' wkoll igawdi mil-libertà ta' stabbiliment ċittadin Komunitarju li jgħix fi Stat Membru u li jżomm fil-kapital ta' kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor holding li jikkonferixxi fuqu influwenza kbira fid-deċiżjonijiet ta' din il-kumpannija, li tippermettilu li jiddetermina l-attivitajiet, kif huwa dejjem il-każ meta jżomm 100% ta' l-ishma (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Baars, iċċitata iktar il'fuq, punti 22 u 26).
28 Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni li waslet għall-kawża prinċipali hija dik ta' ċittadin Komunitarju li jirrisjedi, wara li ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu, fi Stat Membru u li jżomm it-totalità ta' l-ishma ta' kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Isegwi li, minn mindu seħħ l-imsemmi trasferiment, is-sitwazzjoni ta' N taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 43 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta' Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).
29 F'dawn iċ-ċirkustanzi m'hemmx lok li tiġi eżaminata l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 18 KE.
30 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li ċittadin Komunitarju, bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jirrisjedi, minn mindu ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru, u li jżomm it-totalità ta' l-ishma ta' kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jista' jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 43 KE.
Dwar it-tielet u l-ħames domandi
31 Permezz tat-tielet u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 43 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi sistema ta' tassazzjoni tal-qligħ kapitali f'każ ta' trasferiment tad-domiċilju fiskali ta' persuna taxxabbli barra minn dan l-Istat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali.
32 Id-dritt fiskali Olandiż, kien jipprovdi, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, għal tassazzjoni tal-qligħ kapitali mill-ishma li ma jkunx għadu ġie rrealizzat, fejn il-fatt li jiġġenera t-taxxa jikkonsisti fit-trasferiment tad-domiċilju tal-persuna taxxabbli, li għandu holding ta' ishma sostanzjali f'kumpannija, barra mill-Olanda.
33 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar preliminarjament li, skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm il-fiskalità diretta, fl-istat attwali ta' l-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, hija ta' kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li jirrispettaw id-dritt Komunitarju (sentenzi de Lasteyrie du Saillant, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44, tat-13 ta' Diċembru 2005, u tat-13 ta' Diċembru 2005, Marks & Spencer, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29).
34 Huwa paċifiku li, minkejja li s-sistema, stabbilita fiż-żmien meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali mill-WIB, l-IW u l-URIW, ma tipprojbixxix lill-persuna taxxabbli Olandiża milli teżerċita d-dritt ta' stabbiliment tagħha, madankollu hija ta' natura li tillimita l-eżerċizzju tiegħu, minħabba l-effett dissważiv li għandha.
35 Fil-fatt, b'analoġija ma' dak li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward ta' sistema simili (sentenza de Lasteyrie du Saillant, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46), il-persuna taxxabbli, li tixtieq titrasferixxi d-domiċilju tagħha barra mit-territorju Olandiż, fil-kuntest ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti lilha mill-Artikolu 43 KE, kienet suġġetta, fiż-żmien meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, għal trattament żvantaġġuż meta mqabbla ma' persuna li baqgħet tgħix fl-Olanda. Din il-persuna taxxabbli ssir debitriċi, sempliċiment minħabba tali trasferiment, ta' taxxa fuq id-dħul li għadu ma ġiex irrealizzat u li għaldaqstant m'għandhiex f'idejha, filwaqt li, kieku baqgħet tgħix fl-Olanda, il-qligħ kapitali huwa taxxabbli biss meta u safejn dan ikun effettivament ġie rrealizzat. Din id-differenza fit-trattament hija ta' natura li tiskoraġġixxi lill-persuna kkonċernata milli tittrasferixxi d-domiċilju tagħha barra mill-Olanda.
36 L-eżami tal-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' din is-sistema ta' tassazzjoni tal-qligħ kapitali mill-ishma li ma jkunx għadu ġie rrealizzat jikkonferma din il-konklużjoni. L-ewwel u qabel kollox, għalkemm kien possibbli li tinkiseb sospensjoni ta' pagament, din ma kinitx awtomatika, iżda kienet suġġetta għal xi kundizzjonijiet, b'mod partikolari l-kostituzzjoni ta' garanziji. Dawn ta' l-aħħar għandhom fihom infushom effett restrittiv, inkwantu huma jipprivaw lill-persuna taxxabbli mit-tgawdija tal-patrimonju mogħti bħala garanzija (ara f'dan is-sens, is-sentenza de Lasteyrie du Saillant, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).
37 Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-valur ta' l-ishma wara t-trasferiment ta' domiċilju ma ġewx ikkunsidrati sabiex jitnaqqas id-dejn fiskali fiż-żmien meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali. B'hekk, it-taxxa fuq il-qligħ kapitali mhux realizzat, imposta fil-mument ta' l-imsemmi trasferiment, li fir-rigward tagħha ngħatat sospensjoni ta' pagament u li kellha titħallas fl-okkażjoni ta' ċessjoni ulterjuri ta' l-ishma in kwistjoni, setgħat tkun ogħla minn dak li kien ikollha tħallas il-persuna taxxabbli kieku ċ-ċessjoni saret fl-istess data iżda mingħajr ma kien hemm trasferiment tad-domiċilju tal-persuna taxxabbli barra mill-Olanda. F'dan il-każ, it-taxxa fuq id-dħul kienet tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta' qligħ kapitali rrealizzat fil-mument ta' ċessjoni, liema qligħ kapitali seta' kien inqas għoli, jekk mhux ineżistenti.
38 Finalment, kif irreleva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dikjarazzjoni fiskali mitluba fil-mument tat-trasferiment ta' domiċilju barra mill-Olanda hija formalità addizzjonali, li hija ta' natura li tostakola aktar it-tluq tal-persuna kkonċernata, u li hija meħtieġa mill-persuni taxxabbli li jibqgħu jgħixu f'dan l-Istat Membru biss fil-mument meta huma jċedu effettivament l-ishma tagħhom.
39 F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema ta' taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista' tostakola l-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment.
40 Jirriżulta madankollu minn ġurisprudenza ferm stabbilita li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attrajenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jkunu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta' interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza de Lasteyrie du Saillant, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).
41 Rigward fl-ewwel lok, il-kundizzjoni dwar li għandu jkun sodisfatt għan ta' interess pubbliku u dwar il-possibbiltà li dan jintlaħaq permezz tas-sistema fiskali in kwistjoni, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fid-dawl ta' l-oriġini ta' l-adozzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-intenzjoni, partikolarment li jassiguraw it-tqassim, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' territorjalità, tas-setgħa li jiġu imposti taxxi fuq il-qligħ kapitali mill-ishma bejn l-Istati Membri. Skond il-Gvern Olandiż din il-leġiżlazzjoni għandha wkoll bħala għan li tipprevjeni l-intaxxar doppja.
42 għanduGGGħandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-fatt li jsir tqassim tas-setgħa li jiġu imposti taxxi bejn l-Istati Membri huwa għan leġittimu rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45). Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 293 KE, l-Istati Membri għandhom, safejn ikun meħtieġ, jieħdu sehem f’negozjati ma’ xulxin bil-għan li jassiguraw għaċ-ċittadini tagħhom l-abolizzjoni tat-taxxa doppja fil-Komunità.
43 Madankollu, bl-eċċezzjoni tal-Konvenzjoni 90/436/KEE dwar l-eliminazzjoni tat-taxxi doppji f'każ ta' korrezzjoni tal-profitti ta' impriżi assoċjati (ĠU L 225, 1990, p. 10), ebda miżura ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni ntiża sabiex telimina l-intaxxar doppju ma ġiet adottata fil-kuntest Komunitarju u li l-Istati Membri ma kkonkludew, skond l-Artikolu 293KE, ebda konvenzjoni multilaterali f'dan is-sens (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I-2793, punt 23, u D., iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).
44 Huwa f'dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fin-nuqqas ta' miżuri ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni Komunitarji, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta' att konvenzjonali jew unilaterali, il-kriterji ta' kif titqassam is-setgħa tagħhom li jiġbru t-taxxa, b'mod partikolari sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja. (sentenzi Gilly iċċitata iktar 'il fuq, punti 24 u 30; tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57; tat-12 ta' Diċembru 2002, De Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 93, u tat-23 ta' Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C-513/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 u 48).
45 F'dan ir-rigward, ma jkunx irraġonevoli għall-Istati Membri li jispiraw ruħhom mill-prattika internazzjonali u, b'mod partikolari, mill-mudelli ta' konvenzjonijiet imħejjija mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) (ara s-sentenzi Gilly, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31, u van Hilten-van der Heijden, punt 48).
46 GħaGħaldaqstant, il-profitti miksuba bħala riżultat taċ-ċessjoni tal-beni huma suġġetti għat-taxxa, skond l-Artikolu 13(5) tal-konvenzjoni mudell ta' l-OECD rigward id-dħul u l-kapital, partikolarment fil-verżjoni tagħha tal-2005, fl-Istat kontraenti li fih jirrisjedi ċ-ċessjonarju. Issa, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 96 u 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa skond dan il-prinċipju ta' territorjalità fiskali, flimkien ma' element temporanju, jiġifieri r-residenza fit-territorju nazzjonali fil-perijodu meta jkunu saru l-profitti taxxabbli, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni jipprovdu għall-irkupru tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali rreġistrat fl-Olanda, li l-ammont tagħha ġie ffissat fil-mument ta' l-emigrazzjoni tal-persuna taxxabbli kkonċernata u li l-pagament tagħha ġie sospiż saċ-ċessjoni effettiva ta' l-ishma.
47 Jirriżulta, minn naħa li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għan ta' interess pubbliku, u min-naħa l-oħra li hija adegwata sabiex tiggarantixxi li dan il-għan jintlaħaq.
48 Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk miżura, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.
49 Huwa paċifiku li, kif ġie kkonstatat fil-punt 38 ta' din il-kawża, id-dikjarazzjoni fiskali meħtieġa fil-mument tat-trasferiment ta' domiċilju, sabiex tiġi kkalkulata t-taxxa fuq id-dħul, tikkonsisti fi formalità amministrattiva, li tista' tfixkel jew li trendi inqas attrajenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali għall-persuna taxxabbli kkonċernata, iżda ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sproprozjonata fir-rigward ta' l-għan leġittimu ta' tqassim tas-setgħa fiskali, partikolarment għall-finijiet ta' l-eliminazzjoni ta' l-intaxxar doppju bejn l-Istati Membri.
50 Għalkemm seta' kien possibbli li l-parti tat-taxxa dovuta lill-Istat Membru ta' oriġini tiġi ddeterminata a posteriori, jiġifieri fid-data taċ-ċessjoni effettiva ta' l-ishma, dan ma kienx jirriżulta f'obbligi inqas onerużi għal tali persuna taxxabbli. Barra mid-dikjarazzjoni fiskali li huwa kellu jippreżenta lis-servizzi kompetenti Olandiżi fil-mument taċ-ċessjoni tal-holding tiegħu, huwa kien ikun marbut ukoll li jżomm id-dokumenti kollha neċessarji għad-determinazzjoni tal-valur fis-suq ta' dan ta' l-aħħar fil-mument tat-trasferiment tad-domiċilju tiegħu, kif ukoll dawk relativi għall-ispejjeż eventwali li jistgħu jittnaqqsu.
51 Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-obbligu li jiġu kkostitwiti garanziji, neċessarju għall-għoti ta' sospensjoni ta' pagament tat-taxxa normalment dovuta, minkejja li din il-garanzija tiffaċilita mingħajr ebda dubju l-ġbir ta' din it-taxxa mingħand resident barrani, hija tmur lil' hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi assigurat it-tħaddim u l-effikaċja ta' tali sistema fiskali bbażata fuq il-prinċipju tat-territorjalità fiskali. Fil-fatt, jeżistu mezzi li huma inqas restrittivi fuq il-libertajiet fundamentali.
52 Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju diġà ħa miżuri ta' armonizzazzjoni, li, essenzjalment għandhom l-istess għan. B'mod konkret, id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ta' ċerti dazji tas-sisa u ta' tassazzjoni ta' primjums ta' l-assigurazzjoni (ĠU L 336, p. 15), hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/106/KE, tas-16 ta' Novembru 2004 (ĠU L 359, p. 30), tippermetti lil Stat Membru jitlob mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor, l-informazzjoni kollha li tista' tgħinu sabiex jiddetermina t-taxxa fuq id-dħul b'mod korrett (sentenzi tat-28 ta' Ottubru 1999, Vestergaard, C-55/98, Ġabra p. I-7641, punt 26, u tas-26 ta' Ġunju 2003, Skandia u Ramstedt, C-422/01, Ġabra p. I-6817, punt 42).
53 Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jifformaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali (ĠU L 73, p. 18), hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal-15 ta' Ġunju 2001 (ĠU L 175, p. 17) tipprovdi li Stat Membru jista' jitlob l-assistenza ta' Stat Membru ieħor għall-irkupru ta’ djun relattivi għal ċerti taxxi, fosthom dawk fuq id-dħul u fuq il-kapital.
54 Fl-aħħar nett, f'dan il-kuntest, hija biss sistema ta' rkupru ta' taxxa fuq id-dħul miksub minn ishma, li tieħu in kunsiderazzjoni fit-totalità tiegħu t-tnaqqis fil-valur ta' l-ishma li jista' jirriżulta sussegwentament għat-trasferiment tad-domiċilju tal-persuna taxxabbli kkonċernata, sakemm dan it-tnaqqis fil-valur ma jkunx diġà ttieħed in kunsiderazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, li tista' tkun ikkunsidrata bħala proporzjonali fid-dawl ta' l-għan li jrid jintlaħaq.
55 Bħala konsegwenza ta' dan, ir-risposta għat-tielet u l-ħames domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissostitwixxi sistema ta' taxxa fuq il-qligħ kapitali f'każ ta' trasferiment tad-domiċilju ta' persuna taxxabbli barra minn dan l-Istat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel l-għoti ta' sospensjoni ta' pagament ta' din it-taxxa suġġetta għall-kundizzjoni tal-kostituzzjoni ta' garanziji u li ma tikkunsidrax kompletament it-tnaqqis fil-valur ta' l-ishma li jista' jirriżulta ssussegwentement għat-trasferiment tad-domiċilju tal-persuna kkonċernata, u li ma jkunx ġie kkunsidrat mill-Istat Membru ospitanti.
Dwar ir-raba' domanda
56 Permezz tar-raba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-rilaxx tal-garanzija, ikkostitwita għall-finijiet tal-kisba ta' sospensjoni ta' pagament tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali miksub mit-titoli, iwassalx, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għat-tneħħija b'effett retroattiv, ta' kull ostakolu. Hija tistaqsi wkoll, jekk in-natura ta' l-att li abbażi tiegħu tneħħiet il-garanzija għandhiex ebda effett fuq din l-evalwazzjoni. Fl-aħħar hija tixtieq tkun taf jekk għandux jingħata kumpens għal danni li jistgħu jiġu kkawżati b'dan il-mod.
57 Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kostituzzjoni tal-garanziji mhijiex, bħala regola ġenerali nieqsa minn spejjeż assoċjati. B'mod partikolari, it-tqegħid taħt garanzija ta' l-ishma ta' kumpanniji tista' tnaqqas il-fiduċja fis-solvibbiltà tal-proprjetarju tagħhom, li tista' tfisser, jekk ikun il-każ, kundizzjonijiet ta' kreditu li jkunu inqas favorevoli. B'hekk, konsegwenzi bħal dawn ma jistgħux jiġu kkumpensati b'mod retroattiv bis-sempliċi rilaxx tal-garanzija.
58 Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-domanda dwar in-natura ta' l-att li abbażi tiegħu tkun ġiet rilaxxata l-garanzija, hija għal kollox irrilevanti f'dan ir-rigward.
59 F'dak li jirrigwarda l-possibbiltà tal-kisba ta' kumpens għal danni kkawżati mill-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija sabiex wieħed jingħata sospensjoni tal-pagament tat-taxxa in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li huma l-qrati ta' l-Istati Membri, skond il-prinċipju ta' kooperazzjoni stipulat fl-Artikolu 10 KE, li għandhom jassiguraw il-protezzjoni legali li tirriżulta, għall-individwi, mill-effett dirett tad-dritt Komunitarju. Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, hija s-sistema legali interna ta' kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji legali intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa ta' l-effett dirett tad-dritt Komunitarju. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rimedji simili ta' natura interna (prinċipju ta' l-ekwivalenza) u lanqas ma jistgħu, fil-prattika, jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Diċembru 1976, Rewe, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5; ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12, u tat-8 ta' Marzu 2001, Metallgesellschaft et., C-397/98 u 410/98, Ġabra p. I-1727).
60 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jirregola, fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar 'il fuq, il-kwistjonijiet anċillari kollha li jirrigwardaw l-għoti lura ta' taxxi miġbura mingħajr jedd, bħall-ħlas eventwali ta' l-interessi, inkluża d-data li minnha dawn għandhom jiġu kkalkolati, u r-rata applikabbli (sentenzi ta' l-21 ta' Mejju 1976, Roquette frères vs Il-Kummissjoni, 26/74, Ġabra p. 677, punti 11 u 12; tat-12 ta' Ġunju 1980, Express Dairy Foods, 130/79, Ġabra p. 1887, punti 16 u 17, kif ukoll Metallgesellschaft et., iċċitata iktar 'il fuq, punt 86).
61 L-istess huwa validu għal domanda dwar il-pagament ta' l-interessi moratorji intiżi sabiex jikkumpensaw għall-ispejjeż eventwali kkawżati mill-kostituzzjoni tal-garanziji, minħabba s-similaritajiet li jeżistu bejn l-għoti lura ta' taxxi miġbura mingħajr jedd u r-rilaxx ta' garanziji rikjesti bi ksur tad-dritt Komunitarju.
62 Barra minn hekk, dannu kkawżat minħabba l-kostituzzjoni ta' garanzija, rikjesta bi ksur tad-dritt Komunitarju, jista' jagħti lok għar-responsabbiltà ta' l-Istat Membru li huwa l-awtur tal-miżura kontenzjuża.
63 Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru huwa obbligat li jikkumpensa d-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lilu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn huma tlieta, jiġifieri, li r-regola ta' dritt li ma ġietx osservata għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, li l-ksur huwa suffiċjentement gravi u li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta' l-obbligu impost fuq l-Istat u d-dannu li sofriet il-persuna kkonċernata. L-evalwazzjoni ta' dawn il-kundizzjonijiet tiddependi mit-tip ta' sitwazzjoni (sentenzi tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 51; tat-8 ta' Ottubru 1996, Dillenkofer et., C-178/94, C-179/94 u C-188/94 sa C-190/94, Ġabra p. I-4845, punt 21, u ta' l-4 ta' Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra p. I-5123, punt 36).
64 F'dak li jirrigwarda b F'dak li jirrigwarda b'mod iktar partikolari t-tieni kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minn naħa, ksur tad-dritt Komunitarju huwa suffiċjentement gravi meta Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-poter normattiv tiegħu, jikser, b'mod manifest u gravi, il-limiti li huma imposti fuq l-eżerċizzju tal-poteri tiegħu (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Brasserie du pêcheur u Factortame, punt 55 u Dillenkofer et., punt 25), u li, min-naħa l-oħra, meta l-Istat Membru in kwistjoni, fil-mument meta jkun kiser id-dritt Komunitarju, ikollu biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitata, jew ma jkollu ebda diskrezzjoni, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement gravi (sentenza tat-23 ta' Mejju 1996, Hedley Lomas, C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 28).
65 Sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur tad-dritt Komunitarju jikkonsistix fi ksur suffiċjentement gravi, il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet talba għall-kumpens, għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha. Dawn l-elementi jinkludu b’mod partikolari l-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola li ġiet miksura u n-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq, jew tad-dannu kkawżat, il-karattru skużabbli jew mhux skużabbli ta’ żball ta’ dritt possibbli, il-fatt li l-attitudni ta' istituzzjoni Komunitarja setgħat ikkontribwiet għall-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta' prattika nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Brasserie du pêcheur u Factortame punt 56, u Haim, punt 43).
66 Għandu jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li r-regoli tad-dritt Komunitarju kkonċernati huma dispożizzjonijiet tat-Trattat li kienu fis-seħħ u direttament applikabbli ħafna qabel ma ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali. Madankollu, fiż-żmien meta s-sistema fiskali in kwistjoni daħlet fis-seħħ, jiġifieri fl-1 ta' Jannar 1997, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma tatx is-sentenza de Lasteyrie du Saillant, iċċitata iktar 'il fuq, li fiha ġie deċiż għall-ewwel darba li l-obbligu ta' kostituzzjoni ta' garanziji sabiex tingħata sospensjoni ta' pagament tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali miksub minn titoli, li huwa f'ħafna aspetti analogu għal dak fil-kawża prinċipali, imur kontra l-libertà ta' stabbiliment.
67 Bħala konsegwenza, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li, ostakolu li jirriżulta mill-kostituzzjoni ta' garanzija rikjesta bi ksur tad-dritt Komunitarju, ma jistax jitneħħa b'effett retroattiv bis-sempliċi rilaxx ta' din il-garanzija. In-natura ta' l-att li abbażi tiegħu tiġi rrilaxxata l-garanzija m'għandha l-ebda rilevanza fuq din l-evalwazzjoni. Fejn l-Istat Membru jipprovdi għall-pagament ta' interessi moratorji fl-okkażjoni tar-rilaxx tal-garanzija rikjesta, bi ksur tad-dritt intern, dawn l-interessi huma dovuti wkoll fil-każ ta' ksur tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa skond il-gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u b'rispett għall-prinċipji ta' ekwivalenza u effettività, l-eżistenza tar-responsabbiltà ta' l-Istat Membru kkonċernat minħabba d-danni kkawżati mill-obbligu tal-kostituzzjoni ta' tali garanzija.
Fuq is-sistema applikabbli għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż
68 Minkejja li l-parti operattiva tad-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmix ħlief il-ħames domandi kkunsidrati hawn fuq, jidher mir-referenza, magħmula f'din id-deċiżjoni stess, għas-sentenza D, iċċitata iktar 'il fuq, li l-qorti tar-rinviju sostanzjalment tixtieq tikseb iktar dettalji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema Olandiża applikabbli għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż mad-dritt Komunitarju. F'dan il-każ, din hija waħda mill-kwistjonijiet li din il-qorti ġiet ikkonfrontata biha fil-kawża prinċipali.
69 Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din ta' l-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih iridu jinqraw id-domandi li qiegħda tistaqsi jew li, għall-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara, b'mod partikolari s-sentenzi tas-26 ta' Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et., C-320/90 sa C-322/90, Gabra p. I-393, punti 6 u 7; tal-21 ta' Settembru 1999, Albany, C-67/96, Ġabra p. I-5751, punt 39, u tat-13 ta' April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C-176/96, Ġabra p. I-2681, punt 22).
70 L-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet ta' rinviju m'għandhomx biss jippermettu lill-Qorti tl-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda hija għandha tagħti wkoll lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati, l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skond l-Artikolu 23 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà hija mħarsa, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, skond il-parti operattiva ċċitata iktar 'il fuq, huma biss id-deċiżjonijiet ta' rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (ara, b'mod partikolari, d-digriet tat-23 ta' Marzu 1995, Saddik, C-458/93, Ġabra p. I-511, punt 13; is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Albany, punt 40 kif ukoll Lehtonen u Castors Braine, punt 23).
71 Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti f'dak li jirrigwarda s-sistema applikabbli għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż.
72 F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda dwar l-imsemmija sistema hija inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
73 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ċittadin Komunitarju, bħalma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jirrisjedi, minn mindu ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru, u li jżomm it-totalità ta' l-ishma ta' kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jista' jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 43 KE.
2) L-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissostitwixxi sistema ta' taxxa fuq il-qligħ kapitali f'każ ta' trasferiment tad-domiċilju ta' persuna taxxabbli barra minn dan l-Istat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel l-għoti ta' sospensjoni ta' pagament ta' din it-taxxa suġġetta għall-kundizzjoni tal-kostituzzjoni ta' garanziji u li ma tikkunsidrax kompletament it-tnaqqis fil-valur ta' l-ishma li jista' jirriżulta ssussegwentement għat-trasferiment tad-domiċilju tal-persuna kkonċernata, u li ma jkunx ġie kkunsidrat mill-Istat Membru ospitanti.
3) Ostakolu li jirriżulta mill-kostituzzjoni ta' garanzija rikjesta bi ksur tad-dritt Komunitarju, ma jistax jitneħħa b'effett retroattiv bis-sempliċi rilaxx ta' din il-garanzija. In-natura ta' l-att li abbażi tiegħu tiġi rrilaxxata l-garanzija m'għandha l-ebda rilevanza fuq din l-evalwazzjoni. Fejn l-Istat Membru jipprovdi għall-pagament ta' interessi moratorji fl-okkażjoni tar-rilaxx tal-garanzija rikjesta, bi ksur tad-dritt intern, dawn l-interessi huma dovuti wkoll fil-każ ta' ksur tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa skond il-gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u b'rispett għall-prinċipji ta' ekwivalenza u effettività, l-eżistenza tar-responsabbiltà ta' l-Istat Membru kkonċernat minħabba d-danni kkawżati mill-obbligu tal-kostituzzjoni ta' tali garanzija.
Firem