SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (IT-TIENI AWLA)
tat-23 ta' Frar 2006 (*)
"Kodiċi doganali tal-Komunità – Valur doganali – Dazji doganali fuq l-importazzjoni – Kunsinna ta' merkanzija minn kumpannija stabbilita f'Jersey u provvista ta' servizzi mwettqa fir-Renju Unit"
Fil-kawża C-491/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Manchester (Ir-Renju Unit), permezz ta' Deċiżjoni ta' l-24 ta' Novembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Novembru 2004, fil-kawża
Dollond & Aitchison Ltd
vs
Commissioners of Customs & Excise,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Novembru 2005,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Dollond & Aitchison Ltd, minn K. Parker, QC, inkarigat minn KPMG, solicitors,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell bħala aġent, assistita minn M. Hall, QC,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 29 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L302, p.1, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali").
2 Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża li saret minn Dollond & Aitchison Ltd (iktar 'il quddiem "D & A") kontra l-Commissioners of Customs & Excise (iktar 'il quddiem il-"Commissioners") fuq il-valur doganali ta' lentijiet tal-kuntatt mibgħuta bil-posta mill-gżira ta' Jersey (Il-Gżejjer Channel) lejn Ir-Renju Unit li kellhom magħhom servizzi ta' eżami, ta' konsultazzjoni u ta' manutenzjoni.
Il-Kuntest Ġuridiku
3 Skond l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L145, p.1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 99/111/KEE ta' l-14 ta' Diċembru 1992 (ĠU L 384, p.47, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva") il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva huwa definit kif ġej:
"Dawn li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
1. il-provvista [kunsinna] ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
2. l-importazzjoni ta' oġġetti."
4 L-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' din, billi jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li "l-"intern tal-pajjiż" tfisser iż-żona [il-kamp] ta' applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea kif stipulat għal kull Stat Membru fl-Artikolu 227 […] [li wara l-emenda sar l-Artikolu 299KE]".
5 L-Artikolu 299(6)(c) KE jipprovdi li "[…] Dan it-Trattat japplika għaċ-Channel Islands […] sal-limitu biss li hu meħtieg biex tiġi aċċertata l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti għal dawk il-gżejjer stipulati fit-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda mal-Komunità Ekonomika Ewropeja u mal-Komunita' Ewropeja ta' l-Enerġija Atomika iffirmat fit-22 ta' Jannar 1972."
6 L-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 3 anness ma' l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq u l-aġġustamenti għat-trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14) jipprovdi li:"[I]r-regoli dwar kwistjonijiet doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi, b’mod partikolari dawk ta' l-Att ta' l-adeżjoni, għandhom japplikaw għaċ-Channel Islands […] taħt l-istess kondizzjonijiet kif japplikaw għar-Renju Unit […]."
7 Skond l-Artikolu 11B (1) tas-Sitt Direttiva, l-ammont taxxabbli għandu jkun, "għall-iskopijiet tad-dwana, il-valur stabbilit skond id-disposizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ".
8 L-imsemmi valur doganali għandu jkun stabbilit skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali li jipprovdi:
"1. Il-valur doganali ta' merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33 […].
[…]
3. (a) Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa l-ħlas totali li jkun sar jew li ser isir mix-xerrej lil jew għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija impurtata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil terza persuna biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ.[…]"
9 Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, hemm lok li ssir referenza għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 30(2) ta' l-istess Kodiċi li jipprovdi:
" Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:
a) il-valur tat-transazzjoni ta' merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;
b) il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;
c) il-valur ibbażat fuq il-prezz ta' l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;
d) il-valur maħdum, magħmul mis-somma ta':
– il-prezz jew valur ta' materjali u fabbrikazzjoni jew proċessar ieħor imħaddem fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,
– ammont għal profitt u spejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta' merkanzija ta' l-istess klassi jew xorta bħal merkanzija li qed tkun stmata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż ta' l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lill-Komunità,
– il-prezz jew valur ta' l-oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 32(1)(e). […]"
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 D & A hija kumpannija tan-nuċċalijiet li għandha fergħat fir-Renju Unit kollu. Mill-1998, D & A kienet tiġġestixxi sistema li biha l-klijenti jakkwistaw lentijiet tal-kuntatt tagħhom li jintremew wara li jintużaw f'fergħa lokali kull tliet xhur. Huma kellhom dritt għal ċerti servizzi professjonali u kellhom jagħmlu eżami annwali ta' l-għajnejn. L-awtoritajiet fiskali qiesu li din is-sistema fiha żewġ elementi distinti, jiġifieri l-provvista ta' merkanziji taxxabbli bir-rata normali tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'li quddiem il-"VAT") u provvista ta' servizzi eżenti minn din it-taxxa.
11 Matul is-sena 1998, is-sistema żviluppat b'mod li kumpannija li mhijiex marbuta mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienet tibgħat il-lentijiet, is-soluzzjonijiet u l-kontenituri għall-lentijiet tal-kuntatt mill-Iskozja. D & A ma biddlitx il-mod tal-kalkolu tagħha tal-VAT, anki meta l-awtoritajiet fiskali qiesu li b'konsegwenza ta' bidla fil-ġurisprudenza li seħħet fil-kawża Leightons Ltd vs CEC, il-provvista ta' lentijiet tal-kuntatt tikkostitwixxi provvisti mħallta ta' oġġetti u ta' servizzi, li fihom jinkludu l-aspetti kollha ta' servizz professjonali, inklużi l-miżurazzjoni u l-istallazzjoni tal-lentijiet.
12 Minn Lulju 1999, il-kumpannija ttrasferiet l-operazzjonijiet tagħha ta' manutenzjoni f'Jersey sabiex tibbenefika minn servizzi postali orħos.
13 Dollond & Aitchison Lenses Direct Ltd (iktar 'il quddiem "DALD"), kumpannija ta' l-istess grupp, irreġistrata skond id-dritt tal-gżira ta' Jersey, iddistribwiet, bejn l-1 ta' Lulju 1999 u t-30 ta' Ġunju 2001, permezz ta' korrispondenza u taħt il-forma ta' abbonament, lentijiet tal-kuntatt li jintremew wara li jintużaw, minn Jersey għar-Renju Unit. L-abbonati ħallsu ammont fiss mensili sabiex jirċievu perjodikament il-lentijiet li jintremew wara li jintużaw kif ukoll is-soluzzjonijiet u l-kontenituri għall-lentijiet tal-kuntatt neċessarji għal manutenzjoni tagħhom. Il-prezz kien jinkludi wkoll, konsultazzjoni jew eżami inizjali dwar il-lentijiet tal-kuntatt, kontroll ta' dawn mill-inqas darba fis-sena u kull tip ta' assistenza li tibqa' tingħata wara dwar l-użu tagħhom.
14 Il-Commissioners qiesu, permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Ottubru 1999, li meta DALD iddistribwiet il-lentijiet tal-kuntatt minn Jersey għall-klijenti tar-Renju Unit, hija wettqet fornituri sempliċi ta' oġġetti aktar milli fornituri ta' oġġetti u ta' servizzi. Permezz tat-tieni deċiżjoni tas-6 ta' Settembru 2001, huma sostnew li l-valur reali ta' kunsinna tinkludi s-somom kollha dovuti bħala kundizzjoni tal-bejgħ, jiġifieri l-prezz kollu.
15 D & A ressqet rikors kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.
16 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal, Manchester, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Il-parti tal-ħlas li sar minn klijent lil [...] [DALD] għall-provvista, minn [...] [D & A] jew mill-frankiġji tagħha ta' servizzi speċifikati għandha tkun inkluża fit-total tal-ħlas tal-merkanziji speċifikati, u b'hekk tkun parti integrali tal-prezz imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanziji speċifikati fis-sens ta' l-Artikolu 29 tal-[...] [Kodiċi doganali] meta l-klijent huwa konsumatur privat u importatur li f'ismu [...] [DALD] tħallas il-VAT fuq l-importazzjoni?
Il-merkanziji speċifikati f'dan il-każ huma:
i) il-lentijiet tal-kuntatt;
ii) is-soluzzjoni għat-tindif;
iii) il-kontenituri għall-lentijiet tal-kuntatt;
Is-servizzi speċifiċi f'dan il-każ huma:
iv) eżami fuq il-lentijiet tal-kuntatt;
v) konsultazzjoni fuq il-lentijiet tal-kuntatt;
vi) kull talba għal assistenza li tibqa' tingħata wara dwar l-użu tagħhom
2) Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-ammont tal-ħlas għall-merkanziji speċifikati jista' madankollu jiġi kkalkulat skond l-Artikolu 29 jew jeħtieġ li dan il-kalkolu jsir skond l-Artikolu 30 ta' l-imsemmi [...] [kodiċi doganali]?
3) Rigward il-fatt li l-Gżejjer Channel huma parti mit-territorju doganali tal-Komunità imma mhumiex parti mit-territorju suġġett għall-VAT għall-iskopijiet tas-Sitt Direttiva[...], għandhom jiġu applikati l-indikazzjonijiet kollha jew parti minnhom, imniżżla fis-sentenza tal-Qorti tal-25 ta' Frar 1999 CPP (C-349/96, Ġabra p. I-973) sabiex tiġi stabbilita liema hija l-parti jew liema huma l-partijiet tat-tranżazzjoni li tinkludi/jinkludu l-provvista ta' servizzi speċifikati u ta' merkanziji speċifikati li għandhom ikunu meqjusa għall-iskopijiet ta' applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni tal-Komunitajiet Ewropej?"
Fuq id-domandi preliminari
17 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-gżira ta' Jersey hija parti integrali mit-territorju doganali Komunitarju imma tikkostitwixxi territorju terz rigward ir-regoli definiti mis-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, il-kunsinna ta' oġġett minn kumpannija stabbilita f'Jersey lil klijent li jgħix fir-Renju Unit tikkostitwixxi importazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva. Il-bażi ta' taxxa hija għalhekk iddefinita mill-Artikolu 11B(1) ta' l-imsemmija Direttiva bħala "għall-iskopijiet tad-dwana, il-valur stabbilit" skond l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.
18 Għalhekk, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju billi jiġu eżaminati mill-perspettiva biss ta' din l-aħħar dispożizzjoni.
19 Għandhom jiġu eżaminati d-domandi billi tingħata risposta għat-tielet domanda, li hija preambolu għall-analiżi ta' l-ewwel domanda.
Fuq it-tielet domanda
20 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prinċipji mniżżla fis-sentenza CPP, iċċitata iktar 'il fuq, humiex rilevanti sabiex tiddetermina l-elementi tat-tranżazzjoni li għandhom jiġu meqjusa għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.
21 Għandu jiġi ppreċiżat li minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punt 17 ta' din is-sentenza u kif sostnew kemm il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u kemm il-Gvern tar-Renju Unit, din is-sentenza, u b'mod partikolari l-punt 27 tagħha, li tirrigwarda l-estensjoni ta' operazzjoni suġġetta għall-VAT ġewwa Stat Membru, ma tistax tiġi interpretata li tagħti indikazzjonijiet li jistgħu jiġu użati, f'dak l-istat, sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.
22 Għalhekk jeħtieġ li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipji mniżżla fis-sentenza CPP, iċċitata iktar 'il fuq, ma jistgħux jintużaw f'dak l-istat sabiex jiġu ddeterminati l-elementi tat-tranżazzjoni li għandhom jiġu meqjusa għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.
Fuq l-ewwel domanda
23 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-ħlas magħmul minn klijent u li għandu x'jaqsam mal-provvista ta' servizzi speċifikati bħal eżami, konsultazzjoni jew talba għal assistenza li tibqa' tingħata wara fuq il-lentijiet tal-kuntatt, għandux jiġi miżjud mat-total tal-ħlas tal-merkanziji speċifikati, li jinkludu l-lentijiet tal-kuntatt, is-soluzzjonijiet għat-tindif u l-kontenituri, sabiex jikkostitwixxu flimkien, il-valur tat-tranżazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.
24 D & A isostni li l-parti tal-ħlas magħmul minn klijent għall-provvista ta' servizzi speċifikati m'għandhiex tkun inkluża fit-total tal-ħlas tal-merkanziji speċifikati b'mod li tkun parti integrali tal-valur tat-tranżazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, hija tiddeduċi minn dan li l-ammont tal-ħlas għall-merkanziji speċifikati jista' jiġi kkalkulat skond l-imsemmi Artikolu 29 mingħajr m'hemm bżonn li tirreferi għall-Artikolu 30 ta' l-imsemmi Kodiċi.
25 Min-naħa tagħhom, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, iqisu li l-valur doganali tal-merkanziji speċifikati għandu jiġi kkalkulat billi jiġi inkluż il-valur attribwit għas-servizzi speċifikati.
26 Sabiex tingħata tweġiba għad-domanda preliminari hekk magħmula, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex tistabbilixxi l-kunċett ta' "valur tat-transazzjoni", il-kalkolu għandu jsir fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet li fuqhom sar il-bejgħ individwali (ara s-sentenza ta' l-4 ta' Frar 1986, Van Houten, 65/85, Ġabra p. 447, punt 13).
27 Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li, għalkemm softwer mhuwiex merkanzija imma oġġett ekonomiku intanġibbli li mhuwiex suġġett għat-tariffa doganali Komunitarja, l-ispejjeż sostnuti għall-akkwist tiegħu għandhom ikunu meqjusa bħala parti integrali tal-prezz imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija peress li hu inkorporat fihom (ara s-sentenza tat-18 ta' April 1991, Brown Boveri,C-79/89 Ġabra p. I-1853; punt 21).
28 Barra dan, wara li osservat li l-analiżi mwettqa wara l-importazzjoni jikkostitwixxu operazzjoni neċessarja sabiex il-kunsinna tal-merkanzija ssir skond id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ispejjeż ta' l-imsemmija analiżi li l-importatur iffattura lix-xerrej, flimkien mal-prezz tal-merkanziji, għandhom ikunu meqjusa bħala parti integrali tal-"valur tat-transazzjoni" tal-merkanziji ta' dawn ta' l-aħħar (ara s-sentenza tad-19 ta' Ottubru 2000, Sommer, C-15/99, Ġabra p. I-8989, punti 24 u 27).
29 Fl-aħħar nett, fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Diċembru 2002, Overland Footwear (C-379/00, Ġabra p.I-11133, punt 17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 29, 32 u 33 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, kummissjoni tax-xiri inkluża fil-valur doganali ddikjarat u li mhijiex separata mill-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija fid-dikjarazzjoni ta' l-importazzjoni għandha titqies bħala parti mill-valur tat-tranżazzjoni skond l-Artikolu 29 ta' l-istess Kodiċi u konsegwentement huma taxxabbli.
30 F'dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk is-servizzi pprovduti lir-Renju Unit humiex parti integrali tal-prezz tal-merkanziji mibgħuta mill-gżira ta' Jersey sabiex wieħed jista' jqis li ż-żewġ elementi jikkostitwixxu flimkien il-valur tat-tranżazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tad-Dwana.
31 Rigward dan, il-fatt li wieħed minn dawn iż-żewġ elementi twettaq fit-territorju doganali tal-Komunità u l-ieħor barra minn dan l-istess territorju huwa irrilevanti għad-determinazzjoni tal-valur tat-tranżazzjoni (ara f'dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta' Marzu 1991, C-116/89, BayWa, Ġabra. p. I-1095, punt 15).
32 Minn naħa waħda, jirriżulta mill-atti tal-fajl li l-offerta kummerċjali msejħa "Contact Lenses by Post" (iktar 'il quddiem "CLBP") tinkludi, barra mill-kunsinna tal-lentijiet tal-kuntatt li jintremew wara li jintużaw u tas-soluzzjonijiet mill-gżira ta' Jersey direttament għar-residenza tal-klijenti, tal-lentijiet li jintremew wara li jintużaw, u tas-soluzzjonijiet, ta' servizzi speċifikati li jinkludu konsultazzjoni inizjali fuq il-lentijiet tal-kuntatt, segwiti minn servizzi disponibbli, ta' istallazzjoni u ta' servizz ta' assistenza professjonali li tibqa' tingħata wara, meta mitlub mill-klijenti. Is-servizzi kollha huma pprovduti minn D & A jew il-frankiġji tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li l-klijenti jagħmlu favur DALD pagament antiċipat mensili permezz ta' ħlas awtomatiku li ma jiddistingwix il-konsultazzjonijiet u s-servizzi l-oħra mill-merkanziji, li m'hemmx għażliet addizzjonali previsti fil-kuntratt u li skond il-Gvern tar-Renju Unit, il-provvista tas-servizzi fil-kawża prinċipali hija obbligu skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tikkostitwixxi b'hekk kundizzjoni ta' bejgħ.
33 Għandu jiġi osservat li, skond D & A, il-provvisti ta' servizzi huma invojsjati separatament jekk il-klijent ma jabbonax ruħu ma' l-offerta CLBP deskritta hawn qabel.
34 Konsegwentament, għandu jiġi kkonstatat li l-offerta hija globali għal prezz wieħed. Għaldaqstant, il-provvisti ta' servizzi għandhom ikunu meqjusa bħala parti mill-"ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ [...] biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ". fis-sens ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u għaldaqstant bħala parti integrali tal-valur doganali.
35 Għaldaqstant, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-ħlas tal-provvista ta' servizzi speċifikati bħall-eżami, il-konsultazzjoni jew it-talba għal assistenza li tibqa' tingħata wara fuq il-lentijiet tal-kuntatt u ta' merkanziji speċifikati li huma l-imsemmija lentijiet, is-soluzzjonijiet għat-tindif u l-kontenituri għall-lentijiet tal-kuntatt jikkostitwixxu, flimkien, il-"valur tat-tranżazzjoni" fis-sens ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u huma għaldaqstant taxxabli.
Fuq it-tieni domanda
36 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-ħlas tal-provvista ta' servizzi speċifikati bħall-eżami, il-konsultazzjoni jew it-talba għal assistenza li tibqa' tingħata wara fuq il-lentijiet tal-kuntatt u ta' merkanziji speċifikati li huma l-imsemmija lentijiet, is-soluzzjonijiet għat-tindif u l-kontenituri għall-lentijiet tal-kuntatt jikkostitwixxu, flimkien, il-"valur tat-transazzjoni" fis-sens ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u huma għaldaqstant taxxabli.
2) Il-prinċipji mniżżla fis-sentenza tal-25 ta' Frar 1999, CPP, (C-349/96) ma jistgħux jintużaw f'dak l-istat sabiex jiġu ddeterminati l-elementi tat-tranżazzjoni li għandhom jiġu meqjusa għall-iskopijiet ta' l-istess Artikolu 29.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.