Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-524/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta' Diċembru 2004, fil-kawża

Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation

vs

Commissioners of Inland Revenue,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts (Relatur), P. Kūris u E. Juhász, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, G. Arestis u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta' Jannar 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, minn G. Aaronson, QC, kif ukoll minn P. Farmer u D. Cavender, barristers,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Jackson u C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn D. Anderson, QC, kif ukoll minn D. Ewart u S. Stevens, barristers,

– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,

– għall-Gvern Olandiż, minn D. J. M. de Grave, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE u 49 KE, flimkien ma’ l-Artikoli 56 KE sa 58 KE.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn gruppi ta' kumpanniji (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti fil-kawża prinċipali") u l-Commissioners of Inland Revenue (Awtorità fiskali tar-Renju Unit) dwar it-trattament fiskali ta' interessi mħallsa minn kumpanniji li jirrisjedu fir-Renju Unit fir-rigward ta’ self mogħti minn kumpannija li tappartjeni għall-istess grupp (iktar 'il quddiem il-"kumpannija relatata") li mhijiex residenti f'dan l-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit huma dawk li jinsabu fil-liġi ta' l-1988 dwar it-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kumpanniji (Income and Corporation Taxes Act 1988, iktar 'il quddiem l-"ICTA"), inizjalmet, fil-verżjoni applikabbli tagħha qabel l-1995 u, sussegwentement, fil-verżjoni emendata tagħha, b'mod partikolari, permezz tal-liġi tal-finanzi ta' l-1995 (Finance Act 1995), u mil-liġi tal-finanzi ta' l-1998 (Finance Act 1998).

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel l-emendi ta' l-1995

4. Skond l-Artikolu 209(2)(d) ta' l-ICTA, l-interessi mħallsa minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit fir-rigward ta’ self huma kkunsidrati bħala tqassim tal-profitti ta' din il-kumpannija safejn dawn l-interessi jirrapreżentaw iktar minn profitt ekonomiku raġonevoli fuq dan is-self. Din ir-regola tapplika kemm meta s-self jingħata minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit kif ukoll meta jingħata minn kumpannija mhux residenti. Il-parti ta' l-interessi li taqbeż profitt ekonomiku raġonevoli m'għandhiex titnaqqas mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija li tissellef, iżda hija ttrattata bħala profitt imqassam (dividend). Għaldaqstant, il-kumpannija li tissellef issir responsabbli għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji (advance corporation tax – ACT) skond l-Artikolu 14 ta' l-ICTA.

5. Barra dan, l-Artikolu 209(2)(e)(iv) u (v) ta' l-ICTA jikkunsidra bħala "profitt imqassam" l-interessi kollha barra dawk ikkunsidrati bħala tali skond l-Artikolu 209(2)(d), imħallsa minn kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit lil kumpannija mhux residenti li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpanniji, anki jekk dawn l-interessi jikkorispondu għal profitt ekonomiku raġonevoli fuq is-self in kwistjoni. Din ir-regola tapplika għas-self mogħti minn kumpannija mhux residenti lil kumpannija sussidjarja residenti li fiha l-ewwel kumpannija għandha holding ta’ 75% tal-kapital tagħha jew meta ż-żewġ kumpanniji huma sussidjarji ta' kumpannija terza mhux residenti li għandha holding ta’ 75% fihom.

6. Madankollu, skond l-Artikolu 788(3) ta' l-ICTA, id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq imsemmija ma japplikawx jekk ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja ( double taxation agreement , iktar 'il quddiem "DTA") jeskludi l-applikazzjoni tagħhom, u jiggarantixxi li, f'ċerti kundizzjonijiet, l-interessi jistgħu jitnaqqsu għall-finijiet ta' taxxa. Skond il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kwistjoni jekk l-interessi jistgħux jitnaqqsu, id-DTA konklużi mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq jistgħu jkunu klassifikati f'żewġ kategoriji.

7. Skond id-DTA ta' l-ewwel kategorija, bħal dawk konklużi mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mar-Renju ta' Spanja, mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mar-Repubblika ta' l-Awstrija u mal-Ġappun, l-interessi jistgħu jitnaqqsu jekk, fid-dawl ta' l-ammont tas-self in kwistjoni, l-ammont ta' l-interessi jikkorrispondi għal dak li kien jiġi miftiehem fin-nuqqas ta' relazzjonijiet speċjali bejn il-partijiet jew bejn il-partijiet u terza persuna.

8. Id-DTA tat-tieni kategorija, bħal dawk konklużi mar-Repubblika Franċiża, ma' l-Irlanda, mar-Repubblika Taljana, mar-Renju ta' l-Olanda, ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u mal-Konfederazzjoni Svizzera, iqajjmu l-kwistjoni iktar ġenerali jekk l-ammont ta' l-interessi jaqbiżx, għal xi raġuni kwalunkwe, dak li kien jiġi miftiehem fin-nuqqas ta' relazzjonijiet speċjali bejn il-partijiet jew bejn il-partijiet u terza persuna, kwistjoni li tinkludi dik jekk l-ammont tas-self stess jeċċeddix dak li kien jiġi msellef fin-nuqqas ta' dawn ir-relazzjonijiet speċjali.

9. Skond l-Artikolu 808A ta' l-ICTA, miżjud permezz ta' l-Artikolu 52 tal-liġi tal-finanzi ta' l-1992 [Finance (No 2) Act 1992] u li japplika għall-interessi mħallsa wara l-14 ta' Mejju 1992, għandhom jiġu kkunsidrati, fir-rigward tat-tieni kategorija ta' DTA, il-fatturi kollha kkonċernati, inkluż jekk, fin-nuqqas ta' relazzjonijiet speċjali bejn id-debitur ta' l-interessi u l-benefiċjarju tiegħu, is-self kienx xorta waħda jingħata u, jekk dan kien il-każ, l-ammont li kien jiġi msellef kif ukoll ir-rata ta' l-interessi li kienet tiġi miftiehma.

L-emendi leġiżlattivi ta' l-1995

10. Il-liġi tal-Finanzi ta' l-1995, applikabbli, bħala regola, għall-interessi mħallsa wara t-28 ta' Novembru 1994, ma emendatx l-Artikolu 209(2)(d) ta' l-ICTA. Madankollu, l-Artikolu 209(2)(e) (iv) u (v) ġie sostitwit bl-Artikolu 209(2)(da), li jiddisponi li l-interessi mħallsa bejn il-membri ta' l-istess grupp ta' kumpanniji li jaqbżu l-ammont li kien jitħallas fin-nuqqas ta' relazzjonijiet speċjali bejn id-debitur ta' dawn l-interessi u l-benefiċjarju huma kkunsidrati bħala "profitt imqassam" minn kumpannija mhux residenti lil kumpannija sussidjarja residenti li fiha l-ewwel kumpannija kellha holding ta’ 75% tal-kapital jew meta ż-żewġ kumpanniji kienu kumpanniji sussidjarji ta' kumpannija terza li kellha holding ta’ 75%Din ir-regola tapplika għas-self mogħti minn kumpannija lil kumpannija oħra li fiha l-ewwel kumpannija għandha holding ta’ 75% tal-kapital jew meta ż-żewġ kumpanniji huma sussidjarji ta' kumpannija terza li għandha holding ta’ 75% fihom.

11. Madankollu, skond l-Artikolu 212(1) u (3) ta' l-ICTA, fil-verżjoni emendata tiegħu, l-Artikolu 209(2)(da) ma japplikax meta d-debitur ta’ l-interessi u l-benefiċjarju tagħhom huma t-tnejn suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-Renju Unit.

12. L-Artikolu 209(2)(da) ta' l-ICTA ġie ikkompletat bl-Artikolu 209(8A) sa (8F). L-Artikolu 209(8B) jispeċifika l-kriterji li abbażi tagħhom ħlas ta' interessi għandu jiġi kkunsidrat bħala profitt imqassam. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 209 (8A), flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikolu 209 (8D) sa (8F) ta’ l-ICTA jiddeterminaw il-kwistjoni safejn il-kumpanniji jistgħu jiġu raggruppati sabiex jiġi ddeterminat il-livell tas-self tagħhom fuq bażi kkonsolidata.

L-emendi leġiżlattivi ta' l-1998

13. Il-liġi tal-Finanzi ta' l-1998 żiedet l-Anness 28AA ma’ l-ICTA, li jinkludi regoli dwar prezzijiet ta' trasferiment, li japplikaw ukoll għall-ħlas ta' interessi bejn kumpanniji. It-tranżazzjonijiet bejn żewġ kumpanniji taħt kontroll komuni jaqgħu taħt dawn ir-regoli jekk il-kundizzjonijiet li taħthom huma ġew konklużi huma differenti minn dawk li kienu jkunu effettivament li kieku dawn il-kumpanniji ma kinux taħt kontroll komuni u meta dawn il-kundizzjonijiet jagħtu lil waħda mill-partijiet ikkonċernati vantaġġ potenzjali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit. Il-kunċett ta' kontroll komuni jinkludi kemm il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta' kumpannija fl-immaniġġjar, fil-kontroll jew fil-kapital tal-kumpannija l-oħra kkonċernata, kif ukoll il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta' terza persuna fl-immaniġġjar, fil-kontroll jew fil-kapital taż-żewġ kumpanniji oħra kkonċernati.

14. Sakemm dawn ir-regoli ġew emendati fl-2004, kien jiġi preżunt li ma kienx hemm vantaġġ potenzjali, fis-sens ta' din il-leġiżlazzjoni, għal waħda mill-partijiet ikkonċernati meta l-parti l-oħra fit-tranżazzjoni kienet ukoll suġġetta għat-taxxa fir-Renju Unit u meta ċerti kundizzjonijiet oħra kienu sodisfatti.

15. Fl-2004, dawn ir-regoli ġew emendati sabiex ikunu applikabbli anki jekk iż-żewġ partijiet fit-tranżazzjoni huma suġġetti għat-taxxa fir-Renju Unit.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16. Il-kawża prinċipali hija kawża tat-tip "group litigation" dwar ir-regoli fuq il-kapitalizzazzjoni baxxa (Thin Cap Group Litigation) li tinkludi diversi talbiet għal restituzzjoni u/jew għal kumpens ippreżentati minn gruppi ta' kumpanniji kontra l-Commissioners of Inland Revenue quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division wara s-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Lankhorst-Hohorst (C-324/00, Ġabra p. I-11779).

17. Kull waħda mill-kawżi magħżula mill-qorti tar-rinviju bħala kawżi "ta’ prova" għall-finijiet ta' dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li fiha, direttament jew indirettament, kumpannija parent mhux residenti għandha holding ta’ mill-inqas 75% tal-kapital tagħha, u li ngħatat self, jew mill-kumpannija parent , jew minn kumpannija oħra mhux residenti li fiha, direttament jew indirettament, din il-kumpannija parent għandha holding ta’ mill-inqas 75% tal-kapital tagħha.

18. Dan il-każ jirrigwarda, min-naħa, self mogħti lil kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, fejn dawn iż-żewġ kumpanniji jappartjenu għall-istess grupp ta' kumpanniji mmexxija minn kumpannija parent stabbilita f'dan l-aħħar Stat. Dan huwa l-każ ta' uħud minn dawn il-kawżi "ta’ prova", jiġifieri dawk relativi għall-gruppi Lafarge u Volvo, li fihom il-kumpannija li tislef u l-kumpannija parent huma stabbiliti fl-istess Stat Membru, f'dan il-każ fi Franza u l-Isvezja rispettivament.

19. Min-naħa l-oħra, uħud minn dawn il-kawżi "ta’ prova" jikkonċernaw kumpannija li tirrisjedi fir-Renju Unit li tappartjeni għal grupp ta' kumpanniji mmexxija minn kumpannija parent stabbilita fi Stat terz, jiġifieri l-Istati Uniti ta' l-Amerika, u li ngħatat self minn kumpannija oħra ta' l-istess grupp li tirrisjedi jew fi Stat Membru ieħor (il-każ ta' l-ewwel tip ta' talbiet tal-grupp Caterpillar, dwar self mogħti minn kumpannija li tislef stabbilita fl-Irlanda), jew fi Stat terz (il-każ tat-tieni tip ta' talbiet tal-grupp Caterpillar, dwar self mogħti minn kumpannija li tislef stabbilita fl-Isvizzera), jew anki, fi Stat Membru ieħor iżda li topera permezz ta' fergħa li tirrisjedi fi Stat terz (il-każ tal-grupp PepsiCo, li fih il-kumpannija li tislef tinsab fil-Lussemburgu, filwaqt li topera permezz ta' fergħa stabbilita fl-Isvizzera).

20. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, uħud mill-kumpanniji rikorrenti kkonvertew parti minn dan is-self f’ekwità, ( equity ) sabiex jevitaw li, skond leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, l-interessi mħallsa fuq il-bilanċ ta' dan is-self ikunu kkunsidrati bħala profitti mqassma. Uħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew ftehim ma' l-awtorità fiskali tar-Renju Unit fuq il-mod kif għandha tiġi applikata din il-leġiżlazzjoni, ftehim li stabbilixxa l-kundizzjonijiet li taħthom din l-awtorità fiskali kienet ser tevalwa s-self mogħti fi ħdan il-grupp ta' kumpanniji matul is-snin li ġejjin.

21. Wara s-sentenza Lankhorst-Hohorst, iċċitata iktar 'il fuq, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw talbiet għal restituzzjoni u/jew għal kumpens għall-iżvantaġġi fiskali li kienu rriżultaw mill-applikazzjoni fir-rigward tagħhom tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, inkluż, b'mod partikolari, it-taxxa addizzjonali fuq il-kumpanniji mħallsa wara d-deċiżjoni ta' l-awtorità fiskali tar-Renju Unit li ma tippermettix li jitnaqqsu mill-profitti taxxabbli tagħhom, l-interessi mħallsa u/jew li tillimita dan it-tnaqqis, u t-taxxa addizzjonali li kienet tirriżulta minn konverżjoni, min-naħa ta’ dawn il-kumpanniji, ta' self f’ekwità.

22. F'dawn ir-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1) L-Artikoli 43 KE, 49 KE jew 56 KE jipprekludu li Stat Membru ('l-Istat tal-kumpannija li tissellef') iżomm fis-seħħ u japplika dispożizzjonijiet bħal dawk ta’ l-Artikoli 209 u 212 u ta' l-Anness 28AA ta' l-[ICTA, iktar 'il quddiem id-"dispożizzjonijiet nazzjonali"] li jimponu restrizzjonijiet fuq il-possibbiltà, għal kumpannija li tirrisjedi f'dan l-Istat Membru ('il-kumpannija li tissellef'), li tnaqqas, għall-finijiet ta’ taxxa, l-interessi imħallsa fuq self mogħti minn kumpannija parent diretta jew indiretta li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor filwaqt li l-kumpannija li tissellef ma kinitx tkun suġġetta għal dawn ir-restrizzjonijiet li kieku l-kumpannija parent kienet tirrisjedi fl-Istat tal-kumpannija li tissellef?

2) X'differenza, jekk teżisti, jistgħu jagħmlu ċ-ċirkustanzi esposti hawn isfel għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda:

a) jekk is-self huwa pprovdut mhux mill-kumpannija parent tal-kumpannija li tissellef iżda minn kumpannija oħra ('il-kumpannija li tislef') fl-istess grupp ta' kumpanniji, li għandhom in komuni bejniethom kumpannija parent diretta jew indiretta u kemm il-kumpannija parent komuni kif ukoll il-kumpannija li tislef jirrisjedu fi Stati Membri differenti minn dak tal-kumpannija li tissellef?

b) jekk il-kumpannija li tislef tirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak tal-kumpannija li tissellef, iżda l-kumpanniji parent komuni, diretti jew indiretti, tal-kumpannija li tissellef u tal-kumpannija li tislef jirrisjedu fi Stat terz;

ċ) jekk il-kumpanniji parent komuni, diretti jew indiretti, tal-kumpannija li tislef u tal-kumpannija li tissellef huma kumpanniji li jirrisjedu fi Stat terz u l-kumpannija li tislef tirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak tal-kumpannija li tissellef; iżda l-kumpannija li tislef tagħti lill-kumpannija li tissellef finanzjament taħt il-forma ta' self minn fergħa tal-kumpannija li tislef stabbilita fi Stat terz;

d) jekk il-kumpannija li tislef u l-kumpanniji parent komuni kollha, diretti jew indiretti, tal-kumpannija li tislef u tal-kumpannija li tissellef jirrisjedu fi Stat terz?

3) Jingħataw risposti differenti għall-ewwel u għat-tieni domandi jekk jista' jintwera li s-self ikkostitwixxa abbuż ta' dritt jew kien parti integrali minn skema artifiċjali intiża sabiex tiġi evitata l-leġiżlazzjoni fiskali ta' l-Istat Membru tal-kumpannija li tissellef? Jekk dan kien il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja xi gwida tqis approprjata sabiex ikun jista’ jiġi identifikat dak li jikkostitwixxi abbuż jew skema artifiċjali fil-kuntest ta' każijiet bħal dak in kwistjoni?

4) F’każ ta' restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi li għalihom issir referenza fl-Artikolu 56 KE, din ir-restrizzjoni kienet teżisti fil-31 ta' Diċembru 1993 għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 57 KE?

5) F’każ li xi waħda mill-miżuri deskritti fl-ewwel jew fit-tieni domandi huma kuntrarji għall-Artikoli 43 KE, 49 KE jew 56 KE, jekk il-kumpannija li tislef jew kumpanniji oħra fil-grupp tal-kumpannija li tissellef (il-"partijiet rikorrenti") iressqu l-azzjonijiet li ġejjin:

a) azzjoni għall-ħlas lura tat-taxxa addizzjonali fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tissellef minħabba l-projbizzjoni, li jitnaqqsu mill-profitti tagħha suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, l-interessi imħallsa lill-kumpannija li tislef, meta dawn il-pagamenti ta' interessi kienu jiġu kkunsidrati bħala li jistgħu jitnaqqsu mill-profitt tal-kumpannija li tissellef li kieku l-kumpannija li tislef kienet ukoll tirrisjedi fl-Istat tal-kumpannija li tissellef;

b) azzjoni għall-ħlas lura tat-taxxa addizzjonali fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tissellef meta l-ammont kollu ta' l-interessi fuq is-self kien effettivament ġie mħallas mill-kumpannija li tislef iżda t-talba għal tnaqqis relativa għal dawn l-interessi ġiet ridotta minħabba dispożizzjonijiet nazzjonali jew l-applikazzjoni tagħhom mill-awtorità fiskali;

ċ) azzjoni għall-ħlas lura tat-taxxa addizzjonali fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tissellef meta l-ammont ta' l-interessi fuq is-self tal-kumpannija li tislef, li jista' jitnaqqas mill-profitt tal-kumpannija li tissellef, tnaqqas minħabba s-sottoskrizzjoni ta’ kapital ta’ ekwità aktar milli ta' kapital misluf, jew minħabba li l-kapital ta’ ekwità ssostitwixxa l-kapital misluf eżistenti, minħabba dispożizzjonijiet nazzjonali jew l-applikazzjoni tagħhom mill-awtorità fiskali;

d) azzjoni għall-ħlas lura tat-taxxa addizzjonali fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tissellef meta l-ammont ta' l-interessi fuq is-self tal-kumpannija li tislef, li jista' jitnaqqas mill-profitt tal-kumpannija li tissellef, tnaqqas billi tnaqqset ir-rata ta' l-interessi dovuti fuq is-self (jew għax dan is-self ġie eżentat mill-interessi), minħabba dispożizzjonijiet nazzjonali jew l-applikazzjoni tagħhom mill-awtorità fiskali;

e) azzjoni għal restituzzjoni jew għal kumpens għat-telf, jew eżenzjonijiet fiskali jew krediti tat-taxxa oħra, tal-kumpannija li tissellef (jew li ġew ċeduti lill-kumpannija li tissellef minn kumpanniji oħra tal-grupp tal-kumpannija li tissellef li kienu huma wkoll jirrisjedu fl-Istat tal-kumpannija li tissellef) użati mill-kumpannija li tissellef biex jitnaqqsu mid-dejn relativ għat-taxxa addizzjonali fuq il-kumpanniji imsemmi hawn fuq fil-punti a), b) jew ċ), fejn dan it-telf, dawn l-eżenzjonijiet u l-krediti kienu jkunu disponibbli għall-finijiet ta' użu differenti jew sabiex jiġu trasferiti.

f) azzjoni għall-ħlas lura tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem u mhux użata, mill-kumpannija li tissellef fuq il-ħlasijiet ta' l-interessi lill-kumpannija li tislef li ġew ikklassifikati mill-ġdid bħala distribuzzjonijiet;

g) azzjoni għal restituzzjoni jew għal kumpens ta' ammonti tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem fiċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq fil-punt (f) iżda li ġew sussegwentement imnaqqsa mit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija li tissellef;

h) azzjoni għal kumpens ta' l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti biex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew ma' l-applikazzjoni tagħhom mill-awtorità fiskali;

i) azzjoni għal restituzzjoni jew għal kumpens tat-telf ta' profitt minn kapital misluf investit bħala ekwità (jew ikkonvertit f'ekwità) fiċ-ċirkustanzi deskritti hawn fuq fil-punt (ċ); u

j) azzjoni għal restituzzjoni jew għal kumpens ta' kull taxxa mħallsa mill-kumpannija li tislef fl-Istat ta' residenza tagħha fuq id-dħul, allegat jew imputat, ta' l-interessi mħallsa mill-kumpannija li tissellef li ġie ikklassifikat mill-ġdid bħala distribuzzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-ewwel domanda,

azzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati, mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, bħala:

- azzjonijiet għal restituzzjoni jew għall-ħlas lura ta' ammonti miġbura indebitament, li jirriżultaw bħala konsegwenza ta’ u huma aċċessorji għall-ksur tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija tad-dritt Komunitarju, jew

- azzjonijiet għal kumpens jew għal danni; jew

- azzjonijiet għall-ħlas ta' ammont li jirrappreżenta vantaġġ irrifjutat indebitament?

6) Fil-każ li, fir-risposta għal xi parti tal-ħames domanda, l-azzjonijiet huma kkunsidrati bħala azzjoni għall-ħlas ta' ammont li jirrappreżenta vantaġġ irrifjutat indebitament:

a) dawn l-azzjonijiet huma konsegwenza ta’ u aċċessorji għad-dritt mogħti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fuq imsemmija, jew

b) għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet, kollha jew parti minnhom, imsemmija fis-sentenza [tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029)], fir-rigward tad-danni, jew

c) għandhom jiġu sodisfatti kundizzjonijiet oħra?

7) Tagħmel xi differenza jekk, skond id-dritt nazzjonali, l-azzjonijiet imsemmija fis-sitt domanda jiġu ippreżentati bħala azzjonijiet għal restituzzjoni jew jiġu ppreżentati, jew għandhom jiġu ppreżentati, bħala azzjonijiet għal danni?

8) Xi gwida, jekk teżisti, tqis xieraq li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja f'dawn il-kawżi fir-rigward taċ-ċirkustanzi li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra meta għandha tiddetermina jekk hemmx ksur gravi biżżejjed fis-sens tas-sentenza [Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq], b'mod partikolari inkwantu għall-kwistjoni jekk, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju, dan il-ksur kienx skużabbli?

9) Bħala regola, jista' jkun hemm rabta ta’ kawżalità diretta (fis-sens tas-sentenza [Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq]), bejn kwalunkwe ksur ta' l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 56 KE u t-telf li jaqa' taħt il-kategoriji identifikati fil-ħames domanda, punti (a) sa (h), li, kif sostnut mill-partijiet rikorrenti, jidderivaw minnu? Jekk dan hu l-każ, xi gwida, jekk hemm, tqis xieraq li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward taċ-ċirkustanzi li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra meta tiġi biex tiddetermina jekk teżistix tali rabta ta’ kawżalità diretta?

10) Sabiex jiġi ddeterminat it-telf jew id-dannu li fir-rigward tiegħu jista' jingħata kumpens, il-qorti nazzjonali tista' tieħu in kunsiderazzjoni l-kwistjoni jekk il-partijiet leżi urewx diliġenza raġonevoli sabiex jevitaw jew jillimitaw it-telf tagħhom, b'mod partikolari billi jagħmlu użu minn rimedji legali li kienu jkunu jistgħu jistabbilixxu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma kellhomx l-effett (minħabba ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja) li jimponu r-restrizzjonijiet stipulati fl-ewwel domanda? Ir-risposta għal din id-domanda hija affettwata mill-opinjonijiet tal-partijiet, fil-mumenti rilevanti, fir-rigward ta' l-effett tal-ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja?"

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

23. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE, 49 KE jew 56 KE jipprekludux li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirrestrinġi l-possibbiltà għal kumpannija residenti li tnaqqas, għall-finijiet ta’ taxxa, l-interessi imħallsa fuq self mogħti minn kumpannija parent , diretta jew indiretta, li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, filwaqt li din il-kumpannija residenti ma kinitx tkun suġġetta għal din ir-restrizzjoni li kieku l-interessi kienu ġew imħallsa fuq self mogħti minn kumpannija parent li tirrisjedi f'dan l-ewwel Stat Membru.

24. Din id-domanda għandha tiġi trattata flimkien mat-tielet domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti jekk jista' jintwera li s-self jikkostitwixxi abbuż ta' dritt jew huwa parti minn skema artifiċjali intiża sabiex tiġi evitata l-leġiżlazzjoni fiskali ta' l-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija li tissellef.

25. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, madankollu, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Marzu 2001, Metallgesellschaft et , C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 37; tat-13 ta' Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29, u tat-12 ta' Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).

Fuq il-libertajiet ta' moviment applikabbli

26. Peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni kemm ta' l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta' stabbiliment u ta' l-Artikolu 49 KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll ta' l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taqa' taħt dawn il-libertajiet.

27. Skond ġurisprudenza kostanti, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal holding minn ċittadin ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilu jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u jiddetermina l-attivitajiet tagħha jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22, tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punt 37, u tat-12 ta' Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

28. F'dan il-każ, kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-Konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni li jipprevedu l-klassifikazzjoni mill-ġdid bħala profitti mqassma ta' interessi mħallsa minn kumpannija residenti (iktar 'il quddiem il-"kumpannija li tissellef"), fir-rigward ta' self mogħti minn kumpannija mhux residenti (iktar 'il quddiem il-"kumpannija li tislef"), japplikaw biss għal sitwazzjonijiet fejn il-kumpannija li tislef għandha influwenza ċerta fuq il-kumpannija li tissellef jew hija hi stess ikkontrollata minn kumpannija li għandha tali influwenza.

29. Minn naħa waħda, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-emendi ta' l-1998, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-ICTA kienu japplikaw għas-self mogħti minn kumpannija mhux residenti lil kumpannija sussidjarja residenti li fiha l-ewwel kumpannija kellha holding ta’ 75% tal-kapital jew meta ż-żewġ kumpanniji kienu sussidjarji ta' kumpannija terza li kellha holding ta’ 75%.

30. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-emendi ta' l-1998, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tapplika biss meta ż-żewġ kumpanniji kkonċernati huma suġġetti għal kontroll komuni fis-sens li waħda minnhom tipparteċipa direttament jew indirettament fl-immaniġġjar, il-kontroll jew il-kapital tal-kumpannija l-oħra kkonċernata jew meta terza persuna tipparteċipa direttament jew indirettament fl-immaniġġjar, il-kontroll jew il-kapital ta' żewġ kumpanniji l-oħra kkonċernati.

31. Fil-fatt, kif tinnota l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża sabiex taġixxi kontra l-"kapitalizzazzjoni baxxa" ("thin capitalisation") ta' kumpanniji residenti minn kumpannija relatata mhux residenti, tikkonċerna biss is-sitwazzjonijiet fejn din il-kumpannija tgawdi minn livell ta' kontroll fuq kumpanniji oħra li jappartjenu għall-istess grupp li jippermettilha tinfluwenza l-għażla ta' finanzjament ta' dawn il-kumpanniji l-oħra, b'mod partikolari l-kwistjoni jekk dawn il-kumpanniji għandhomx jiġu ffinanzjati permezz ta' self jew kapital ta’ ekwità.

32. Barra dan, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawżi magħżula bħala kawżi ta’ prova fil-kuntest tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw kumpanniji sussidjarji li jirrisjedu fir-Renju Unit ikkontrollati, direttament jew indirettament, almenu sa 75% tagħhom, minn kumpannija parent mhux residenti jew minn kumpannija oħra mhux residenti ukoll ikkontrollata, direttament jew indirettament, almenu sa 75% tagħha, minn din il-kumpannija parent .

33. Leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet fi ħdan grupp ta' kumpanniji, taffettwa b'mod rilevanti l-libertà ta' stabbiliment u għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl ta' l-Artikolu 43 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32, u tat-12 ta' Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 118).

34. Jekk jiġi kkunsidrat li din il-leġiżlazzjoni għandha, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni fid-dawl ta’ l-Artikoli 49 KE u 56 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 27; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, u tat-3 ta' Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 48 u 49).

35. Għaldaqstant id-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta fid-dawl ta' l-Artikolu 43 KE biss.

Fuq l-eżistenza ta' restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment

36. Il-libertà ta' stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi d-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ stabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skond l-Artikolu 48 KE, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta' kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra. p. I-6161, punt 35; Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

37. Għall-kumpanniji, l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fis-sens ta’ l-Artikolu 48 KE jservi sabiex tiġi ddeterminata, bħan-nazzjonalità ta’ persuni fiżiċi, il-konnessjoni tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat. Jekk jiġi aċċettat li l-Istat Membru ta’ stabbiliment ta' kumpannija sussidjarja jista’ japplika liberament trattament differenti fir-rigward ta’ din il-kumpannija sussidjarja minħabba l-fatt biss li l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija parent tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 43 KE jiġi pprivat minn kull sinjifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 18; tat-13 ta’ Lulju 1993, Commerzbank, C-330/91, Ġabra p. I-4017, punt 13; Metallgesellschaft et , iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42, u Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37). B’hekk, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża sabiex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 14, u Saint-Gobain ZN, punt 35).

38. F'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-"kapitalizzazzjoni baxxa" jipprovdu li, f'ċerti ċirkustanzi, l-interessi mħallsa minn kumpannija lil kumpannija oħra li tappartjeni għall-istess grupp fuq self mogħti minn din ta' l-aħħar, ikunu kkunsidrati bħala interessi mqassma, u jipprojbixxu b'hekk lill-kumpannija li tissellef milli tnaqqas mill-profitt taxxabbli l-interessi mħallsa.

39. Jirriżulta mill-proċess li l-fatt li l-interessi mħallsa lil kumpannija relatata jiġu kkunsidrati bħala profitti mqassma jista' jżid it-taxxa għall-kumpannija li tissellef mhux biss minħabba li l-profitt taxxabbli ma jistax jitnaqqas mill-ammont ta' l-interessi mħallsa, iżda wkoll minħabba li, billi dawn l-interessi jiġu kkunsidrati bħala profitti mqassma, din il-kumpannija tista' tkun responsabbli għall-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-mument ta' din it-tranżazzjoni.

40. Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kapitalizzazzjoni baxxa jipprovdu għal trattament differenti bejn kumpanniji li jissellfu residenti skond jekk il-kumpannija li tislef relatata hijiex stabbilita fir-Renju Unit jew le.

41. Fir-rigward, minn naħa, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet fis-seħħ sa l-1995, huwa veru li l-interessi mħallsa minn kumpannija residenti kienu, bħala regola, ikkunsidrati bħala profitti mqassma meta kienu jeċċedu l-ammont ta' profitt ekonomiku raġonevoli fuq is-self in kwistjoni, irrispettivament minn jekk il-kumpannija li tislef kinitx residenti jew le. Madankollu, meta kumpannija residenti kienet tħallas l-interessi lil kumpannija relatata mhux residenti, barra mill-każijiet li jaqgħu taħt DTA li kien jeskludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna, dawn l-interessi kienu dejjem ittrattati bħala profitti mqassma, anki jekk kienu jikkorispondu għal profitt ekonomiku raġonevoli fuq dan is-self.

42. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bejn l-1995 u l-1998, id-dispożizzjoni li kienet tittratta bħala profitti mqassma l-interessi mħallsa minn kumpannija lil oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpanniji meta dawn l-interessi kienu jeċċedu dak li kien miftiehem fin-nuqqas ta' relazzjonijiet speċjali bejn id-debitur ta' dawn l-interessi u l-benefiċjarju tagħhom jew bejn dawn il-partijiet u terza persuna, ma kinitx tapplika meta kemm il-kumpannija li tissellef kif ukoll il-kumpannija li tislef kienu suġġetti għat-taxxa fir-Renju Unit.

43. Bl-istess mod, skond il-leġiżlazzjoni applikabbli bejn l-1998 u l-2004, l-interessi mħallsa bejn il-kumpanniji ta' l-istess grupp kienu regolati minn regoli dwar il-prezzijiet ta' trasferiment meta huma kienu pagabbli skond tranżazzjoni konkluża taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk li kienu jeżistu li kieku dawn il-kumpanniji ma kinux jappartjenu għall-istess grupp u li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma fil-kuntest ta' din it-tranżazzjoni kienu taw fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit vantaġġ potenzjali lil waħda mill-partijiet ikkonċernati. Jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni li vantaġġ bħal dan kien ikkunsidrat ineżistenti meta ċertu kundizzjonijiet kienu sodisfatti, b'mod partikolari l-fatt li l-parti l-oħra fit-tranżazzjoni kienet ukoll suġġetta għat-taxxa fir-Renju Unit.

44. Safejn kumpannija hija suġġetta għat-taxxa fir-Renju Unit jekk hija tirrisjedi f'dan l-Istat Membru jew teżerċita fih attività ekonomika permezz ta' fergħa jew ta' aġenzija, id-dispożizzjonijiet applikabbli bejn l-1995 u l-2004 kienu jissuġġettaw għal restrizzjonijiet essenzjalment is-self mogħti minn kumpanniji parent mhux residenti.

45. Minn dan isegwi li, anki qabel l-1995 u, f'kull każ, bejn l-1995 u l-2004, f'każ ta' ħlas ta' l-interessi minn kumpannija residenti fir-rigward ta' self mogħti minn kumpannija relatata mhux residenti, il-pożizzjoni fiskali ta' din l-ewwel kumpannija kienet inqas vantaġġuża minn dik ta’ kumpannija residenti li tissellef li ngħatat self minn kumpannija relatata residenti.

46. Fir-rigward tal-kumpattibbiltà ta' din id-differenza fit-trattament mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta' stabbiliment, il-Gvern tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu, l-ewwel nett, li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali intiża biss sabiex teżerċita l-kompetenza fiskali kif allokata, skond prinċipji rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, fid-DTA konklużi mir-Renju Unit.

47. F'dan ir-rigward, dawn il-Gvernijiet jirreferu għall-prinċipju li l-Istati jistgħu jiddistribwixxu l-profitti ta' kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp billi jibbażaw ruħhom fuq ir-regola tal-"kompetizzjoni sħiħa" jew tal-"paragun ma' terz" stipulata, b'mod partikolari, fl-Artikolu 9 tal-mudell ta' ftehim dwar id-dħul u l-kapital ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD). Il-Gvern Ġermaniż iżid li, skond din ir-regola, l-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tislef huwa kompetenti biex jintaxxa l-interessi miġbura jekk it-tranżazzjoni in kwistjoni hija simili għal tranżazzjoni mwettqa bejn terzi, filwaqt li, fil-każ kuntrarju, huwa kompetenti l-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tissellef.

48. Fir-rigward ta' l-implementazzjoni ta' dan il-prinċipju, il-Gvern tar-Renju Unit jispeċifika li l-parti l-kbira tad-DTA konklużi minn dan l-Istat Membru jinkludu dispożizzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi japplikaw aġġustament kompensatorju li permezz tiegħu kull aġġustament ta' żieda fil-profitti taxxabbli fl-Istat tal-kumpannija li tissellef jiġi kkumpensat permezz ta’ tnaqqis korrispettiv fil-profitti taxxabbli fl-Istat fejn hi stabbilita l-kumpannija li tislef.

49. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fin-nuqqas ta' miżuri ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta' att konvenzjonali jew unilaterali, il-kriterji ta' kif titqassam is-setgħa tagħhom li jiġbru t-taxxa, b'mod partikolari, sabiex jiġu eliminati t-taxxi doppji (sentenzi tat-12 ta' Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I-2793, punti 24 u 30; tas-7 ta' Settembru 2006, N, C-470/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44, u ta' l-14 ta' Novembru 2006, Kerckhaert u Morres, C-513/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 22 u 23). F'dan il-kuntest, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għall-prevenzjoni tat-taxxi doppji billi jużaw, b'mod partikolari, il-kriterji ta' tqassim użati fil-prassi fiskali internazzjonali, inkluż il-mudelli ta' ftehim imfasslin mill-OECD (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Gilly, punt 31, N, punt 45, u Kerckhaert u Morres, punt 23).

50. Madankollu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex ibbażati fuq sempliċi tqassim ta' kompetenzi bejn ir-Renju Unit u l-Istati li magħhom dan ta' l-aħħar ikkonkluda xi DTAs.

51. Fil-fatt, għalkemm qabel l-emendi leġiżlattivi ta' l-1995, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu jipprovdu li, salv f’każ ta’ klawsola kuntrarja f'xi DTA, l-interessi mħallsa minn kumpannija residenti fuq self mogħti minn kumpannija relatata mhux residenti għandhom ikunu kkinsidrati bħala profitti mqassma, dawn id-dispożizzjonijiet b'hekk kienu jirrappreżentaw għażla unilaterali tal-leġiżlatur tar-Renju Unit. Dan kien japplika wkoll, qabel l-emendi ta' l-1998, għall-interessi mħallsa f’ċirkustanzi bħal dawn meta kienu qabżu dak li kien jiġi mħallas f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa kif ukoll, wara l-emendi leġiżlattivi ta' l-1998, għat-tranżazzjonijiet konklużi bejn żewġ kumpanniji taħt kontroll komuni f'kundizzjonijiet differenti minn dawk li kienu jkunu applikabbli li kieku l-kumpanniji ma kinux taħt tali kontroll, b'mod partikolari meta dawn il-kundizzjonijiet kienu jagħtu lil waħda mill-partijiet fit-tranżazzjoni vantaġġ fiskali potenzjali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit.

52. Aktar milli jfittxu li jevitaw it-tassazzjoni doppja fuq il-profitti ġġenerati fir-Renju Unit, dawn id-dispożizzjonijiet kienu jirriflettu l-għażla magħmula minn dan l-Istat Membru li jorganizza s-sistema fiskali tiegħu sabiex jevita l-evażjoni tat-taxxa fuq tali profitti f'dan l-Istat permezz ta' sistema tal-kapitalizzazzjoni baxxa ta' sussidjarji residenti minn kumpanniji relatati mhux residenti. Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-Konklużjonijiet tiegħu, in-natura unilaterali tad-dispożizzjonijiet li jikkwalifikaw ċerti interessi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti bħala profitti mqassma, la ma hija miċħuda mill-fatt li, għall-implementazzjoni ta' din il-kwalifika, dan l-Istat Membru spira ruħu minn prinċipji rikonoxxuti fuq il-livell internazzjonali, u lanqas mill-fatt li, għall-kumpanniji li jisilfu li jirrisjedu f'ċerti pajjiżi oħra, dan l-Istat kien fittex sabiex l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tkun konformi mad-DTAs li fihom klawsoli intiżi sabiex jevitaw jew inaqqsu t-taxxi doppji li jistgħu jirriżultaw minn din il-kwalifika.

53. Barra dan, anki jekk, f'ċerti każijiet, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma għamlet xejn ħlief li timplimenta kriterji stabbiliti fid-DTAs, jibqa' l-fatt li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali hekk attribwita, l-Istati Membri huma marbuta jikkonformaw ruħhom mar-regoli tad-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Saint-Gobain ZN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 58 u 59; u tat-12 ta' Diċembru 2002, De Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 94) u, b'mod iktar partikolari, mal-libertà ta' stabbiliment kif iggarantita mill-Artikolu 43 KE.

54. Fl-aħħar, fir-rigward tal-fatt li, skond id-dispożizzjonijiet ta' DTA, iż-żieda fil-profitti taxxabbli li tirriżulta minn kwalifika mill-ġdid ta' l-interessi tista' tiġi kkumpensata bi tnaqqis rispettiv tal-profitti taxxabbli fl-Istat ta' residenza tal-kumpannija li tislef, huwa veru li, peress li s-sistema fiskali li tirriżulta minn DTA tagħmel parti mill-kuntest ġuridiku applikabbli fil-kawża prinċipali u ġiet ippreżentata b'dan il-mod mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata li tikkunsidrah, sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 21; tad-19 ta' Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punti 51 sa 55; Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 71, kif ukoll ta' l-14 ta' Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

55. Madankollu, ma jirriżultax mill-proċess li, meta, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit, l-interessi mħallsa minn kumpannija residenti lil kumpannija relatata mhux residenti huma kkunsidrati bħala profitti mqassma, l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni nazzjonali flimkien mad-dispożizzjonijiet applikabbli ta' DTA jippermettu, ġeneralment, li ż-żieda fit-taxxa li tirriżulta mill-aġġustament magħmul fir-rigward tal-profitti taxxabbli tal-kumpannija li tissellef tiġi nnewtralizzata. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jaqblux ma' l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li, skond id-DTAs li r-Renju Unit ikkonkluda ma' Stati Membri oħra kif ukoll bl-applikazzjoni tal-Ftehim 90/436/KEE, tat-23 ta' Lulju 1990, dwar l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja f'każ ta' korrezzjoni tal-profitti ta' impriżi relatati (ĠU L 225, p. 10), l-iżvantaġġ fiskali kkawżat lil grupp ta' kumpanniji minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar kapitalizzazzjoni baxxa, dejjem ġie kkumpensat minn vantaġġ korrispettiv.

56. Anki jekk jiġi aċċettat li vantaġġ fiskali mogħti fl-Istat ta' residenza tal-kumpannija li tislef jkun jista' jinnewtralizza l-piż fiskali li l-kumpannija li tissellef għandha bħala riżultat tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' residenza tagħha, ma jirriżultax mill-proċess li, permezz ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit flimkien mad-DTAs konklużi minn dan l-Istat Membru, kull aġġustament ta' żieda fil-profitti taxxabbli tal-kumpannija li tissellef, li huwa riżultat ta’ kwalifika mill-ġdid ta' l-interessi mħallsa lil kumpannija relatata mhux residenti, huwa newtralizzat bl-għoti ta' vantaġġ fiskali lil din il-kumpannija msemmija l-aħħar fl-Istat ta' residenza tagħha.

57. Fit-tieni lok, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li d-differenza fit-trattament applikata mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix ostakolu dirett u ċert għall-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment peress li hija m'għandhiex bħala għan jew bħala effett li tirrrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, fir-Renju Unit, tal-libertà ta' stabbiliment mill-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

58. Skond dan il-Gvern u l-Gvern Ġermaniż, aktar milli tikkostitwixxi diskriminazzjoni, kulma tagħmel il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit hu li tiddistingwi bejn sitwazzjonijiet li mhumiex paragunabbli. Dawn il-Gvernijiet jippreċiżaw, fil-fatt, li huwa biss f'kuntest transkonfinali li grupp ta' kumpanniji jista', billi jiffinanzja kumpannija sussidjarja li tirrisjedi fir-Renju Unit permezz ta' kapital misluf aktar milli permezz ta’ ekwità, jorganizza "trasferiment ta' profitti" lejn Stat ieħor fejn dawn ta' l-aħħar ikunu suġġetti għal rata ta’ tassazzjoni iktar baxxa, b'tali mod li jiġi evitat li l-profitti magħmula mill-kumpannija sussidjarja residenti jiġu intaxxati fir-Renju Unit. Barra dan, kumpannija parent barranija biss għandha l-għażla li tistabbilixxi ruħha fl-Istat fejn l-interessi huma intaxxati b'rata partikolarment baxxa, jekk mhux eżentati mit-taxxi.

59. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-differenza fit-trattament li huma suġġetti għaliha, fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji sussidjarji ta' kumpanniji parent mhux residenti meta mqabbla mal-kumpanniji sussidjarji ta' kumpanniji parent residenti, tista' tirrestrinġi l-libertà ta' stabbiliment anki jekk, fuq il-livell fiskali, il-pożizzjoni ta' grupp ta' kumpanniji transkonfinali mhijiex paragunabbli ma' dik ta' grupp ta' kumpanniji li jirrisjedu kollha fl-istess Stat Membru.

60. Ċertament, fi ħdan grupp ta' kumpanniji, ir-riskju li l-finanzjament ta' kumpannija sussidjarja jkun strutturat sabiex jiġi organizzat trasferiment tal-profitti lejn Stat fejn dawn il-profitti huma suġġetti għal rata ta’ tassazzjoni iktar baxxa normalment ma jeżistix jekk il-kumpanniji kollha kkonċernati huma suġġetti, fl-istess Stat Membru, għall-istess rata ta’ tassazzjoni. Madankolllu, dan ma jeskludix li r-regoli adottati minn Stat Membru sabiex ikopru speċifikament is-sitwazzjoni tal-gruppi transkonfinali jkunu jistgħu, f'ċerti każijiet, jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment tal-kumpanniji kkonċernati.

61. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li trattament differenti bejn kumpanniji sussidjarji residenti skond il-post ta' l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija parent tagħhom jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment peress li huwa jirrendi anqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jkunu jistgħu, bħala konsegwenza ta’ dan jirrinunzjaw għax-xiri, it-twaqqif jew iż-żamma ta’ kumpannija sussidjarja fl-Istat Membru li jadotta din il-miżura (ara s-sentenza Lankhorst-Hohorst, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32).

62. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tar-Renju Unit, sabiex leġiżlazzjoni bħal din tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment, huwa biżżejjed li hija tkun kapaċi tirrestrinġi l-eżerċizzju ta' din il-libertà fi Stat Membru minn kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun neċessarju li jintwera li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni kellha effettivament bħala effett li twassal lil uħud minn dawn il-kumpanniji biex jirrinunzjaw għax-xiri, it-twaqqif jew iż-żamma ta’ kumpannija sussidjarja fl-ewwel Stat Membru.

63. Minn dan isegwi li t-trattament differenti li għalih huma suġġetti, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali dwar il-kapitalizzazzjoni baxxa, il-kumpanniji residenti li jissellfu skond il-post ta' l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija relatata li tislef, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment.

Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment

64. Tali restrizzjoni ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tiġġustifika ruħha minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f'tali ipoteżi, li din tkun adattata sabiex tiggarantixxi li dan l-għan in kwistjoni jiġi milħuq u li tali restrizzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Marks & Spencer, punt 35, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punt 47).

65. Il-Gvern tar-Renju Unit, sostnut mill-Gvern Ġermaniż, isostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma ġġustifikati kemm mill-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali kif ukoll minn dik li l-evażjoni fiskali tiġi miġġielda. Skond il-Gvern tar-Renju Unit, dawn huma, fir-realtà, żewġ aspetti ta' l-istess għan li hu li tiġi assigurata l-eżistenza ta' sistema fiskali ekwa u koerenti.

– Fuq il-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali

66. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, billi tiggarantixxi li t-tqassim "moħbi" ta' dividendi jiġi intaxxat darba biss u fit-territorju fiskali approprjat, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tassigura, permezz tad-DTAs konklużi, li ż-żieda eventwali fil-profitti taxxabbli fir-Renju Unit tkun ikkumpensata bi tnaqqis korrispettiv fil-profitti taxxabbli tal-kumpannija li tislef fl-Istat ta' residenza tagħha. Min-naħa l-oħra, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lankhorst-Hohorst, iċċitata iktar 'il fuq, ma kienet teżisti ebda dispożizzjoni ekwivalenti fid-DTA konkluż bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta' l-Olanda.

67. Il-Gvern Ġermaniż iżid li, meta l-kumpannija li tissellef u l-kumpannija li tislef jirrisjedu fl-istess Stat Membru, il-vantaġġ fiskali li jagħti l-ħlas ta' l-interessi, jiġifieri t-tnaqqis ta' dawn ta' l-aħħar mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija li tissellef, dejjem jiġi kkumpensat minn żvantaġġ fiskali korrispettiv għall-kumpannija li tislef, jiġifieri l-intaxxar ta' l-interessi miġbura. Il-fatt li dan l-ikkumpensar mhuwiex assigurat f'sitwazzjoni fejn il-kumpannija li tislef tirrisjedi fi Stat Membru ieħor iwassal sabiex l-Istati Membri jiddistribwixxu l-kompetenza tagħhom li jintaxxaw abbażi ta' jekk it-tranżazzjoni in kwistjoni kinitx ġiet konkluża f'kundizzjonijiet simili għal dawk li japplikaw bejn kumpanniji indipendenti.

68. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-punti 28 u 21 rispettivament tas-sentenzi tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I-249) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (C-300/90, Ġabra p. I-305), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-ħtieġa li tiġi ppreservata l-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din jista’ jirnexxi, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-ikkumpensar ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson, C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 18; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tat-23 ta' Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 40).

69. Kif ġie rrilevat fil-punti 55 u 56 ta' din is-sentenza, anki jekk jiġi aċċettat li vantaġġ fiskali mogħti fl-istat ta' residenza tal-kumpannija li tislef huwa kapaċi jinnewtralizza l-piż fiskali li jirriżulta għall-kumpannija li tissellef mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' residenza tagħha, il-Gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom ma stabbilixxewx li, permezz ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit flimkien mad-DTAs konklużi minn dan l-Istat Membru, kull aġġustament ta' żieda fil-profitti taxxabbli tal-kumpannija li tissellef li huwa riżultat ta’ kwalifika mill-ġdid ta’ l-interessi mħallsa lil kumpannija relatata mhux residenti huwa newtralizzat bl-għoti ta' vantaġġ fiskali lil din il-kumpannija msemmija l-aħħar fl-Istat ta' residenza tagħha.

70. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment ikkostitwita bid-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax għalhekk tiġi ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.

– Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq il-ġlieda kontra l-prattiċi abużivi

71. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza li, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lankhorst-Hohorst, iċċitata iktar 'il fuq, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kapitalizzazzjoni baxxa jirrigwardaw forma partikolari ta' evażjoni fiskali li tikkonsisti fl-implementazzjoni ta' skemi artifiċjali intiżi sabiex tiġi evitata l-leġiżlazzjoni fiskali fl-Istat ta' residenza tal-kumpannija li tissellef. Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fir-Renju Unit ma jeċċedux dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-objettiv fis-sens li huma bbażati fuq il-prinċipju rikonoxxut fuq il-livell internazzjonali tal-kompetizzjoni sħiħa, li huma jikkunsidraw biss bħala profitti mqassma l-parti ta' l-interessi li teċċedi dak li kien jiġi mħallas fil-kuntest ta' tranżazzjoni konkluża f’kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa u li huma jiġu applikati b’mod flessibbli, b'mod partikolari billi jipprevedu proċedura ta' verifika minn qabel.

72. Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata meta hija ntiża speċifikament għal skemi purament artifiċjali li għandhom l-għan li jaħarbu l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 26; Lankhorst-Hohorst,iċċitata iktar 'il fuq, punt 37; Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 57, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

73. Is-sempliċi fatt li kumpannija residenti tingħata self minn kumpannija relatata stabbilita fi Stat Membru ieħor ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ prattiċi abbużivi u jiġġustifika miżura li thedded l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali garantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 45; X u Y, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 62, ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 27, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

74. Sabiex restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tkun tista’ tiġi ġġustifikata minħabba motivi ta’ ġlieda kontra prattiċi abbużivi, l-għan speċifiku ta’ tali restrizzjoni għandu jkun li jostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta' skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, bl-għan li tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet magħmula fit-territorju nazzjonali (sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).

75. Bħal fil-każ tal-prattiċi imsemmija fil-punt 49 tas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ‘il fuq, li jikkonsistu fl-organizzazzjoni ta' trasferimenti ta' telf, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, lejn kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri li japplikaw l-ogħla rati ta’ taxxa u li fihom, konsegwentement, il-valur fiskali ta’ dan it-telf huwa l-iktar sinjifikattiv, it-tip ta’ aġir deskritt fil-punt preċedenti jikkomprometti d-dritt ta’ l-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom fir-rigward ta’ l-attivitajiet magħmula fit-territorju tagħhom u għaldaqstant hu ta' ħsara għal tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56).

76. Kif jirrileva l-Gvern tar-Renju Unit, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-prassi ta' "kapitalizzazzjoni baxxa" li permezz tagħha grupp ta' kumpanniji jfittex li jnaqqas it-tassazzjoni fuq il-profitti ġġenerati minn waħda mill-kumpanniji sussidjarji tiegħu billi jagħżel li jiffinanzja lil din il-kumpannija sussidjarja b'kapital misluf aktar milli b'ekwità, u jippermetti b'hekk lil din il-kumpannija sussidjarja sabiex tittrasferixxi l-profitti lill-kumpannija parent fil-forma ta' interessi li jistgħu jitnaqqsu meta jiġu kkalkolati l-profitti taxxabbli tiegħu, u mhux fil-forma ta' dividendi li ma jistgħux jitnaqqsu. Meta l-kumpannija parent tirrisjedi fi Stat fejn ir-rata ta' tassazzjoni hija anqas minn dik applikabbli fl-Istat ta' residenza tal-kumpannija sussidjarja, id-dejn fiskali jista' b'hekk jiġi ttrasferit lejn Stat b'rata ta’ tassazzjoni aktar baxxa.

77. Billi tipprovdi li li dawn l-interessi għandhom jiġu kkunsidrati bħala profitti mqassma, din il-leġiżlazzjoni tista’ tipprekludi prattiċi li għandhom bħala l-uniku għan tagħhom l-evażjoni tat-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati permezz ta' attivitajiet magħmula fit-territorju nazzjonali. Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni hija adattata sabiex jintlaħaq l-objettiv li minħabba fih hija ġiet adottata.

78. Jeħtieġ ukoll li jiġi vverifikat jekk din il-leġiżlazzjoni teċċedix dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-objettiv.

79. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 37 tas-sentenza tagħha Lankhorst-Hohorst, iċċitata iktar 'il fuq, leġiżlazzjoni nazzjonali li m'għandhiex bħala għan speċifiku li teskludi li tagħti vantaġġ fiskali lill-iskemi purament artifiċjali li għandhom bħala l-uniku għan tagħhom li jaħarbu mill-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, iżda tikkonċerna, b'mod ġenerali, kull sitwazzjoni fejn il-kumpannija parent għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha, għal xi raġuni kwalunkwe, fi Stat Membru ieħor, ma tissodisfax din il-kundizzjoni.

80. Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tista' tiġi ġġustifikata minn raġunijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-prattiċi abbużivi meta hija tipprovdi li l-interessi mħallsa minn kumpannija sussidjarja lil kumpannija parent mhux residenti huma kkunsidrati bħala profitti mqassma biss jekk u sakemm huma jeċċedu dak li dawn il-kumpanniji kienu jiftiehmu f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa, jiġifieri l-kundizzjonijiet kummerċjali li dawn il-kumpanniji setgħu jaqblu fuqhom kieku huma ma kinux jappartjenu għall-istess grupp ta' kumpanniji.

81. Fil-fatt, il-fatt li kumpannija residenti tkun ingħatat self minn kumpannija mhux residenti f'kundizzjonijiet li ma jikkorispondux għal dak li l-kumpanniji kkonċernati kienu jiftiehmu f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa jikkostitwixxi għall-Istat Membru fejn tirrisjedi l-kumpannija li tissellef element oġġettiv u verifikabbli minn terzi sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjoni in kwistjoni tikkostitwixxix, kollha jew f'parti minnha, skema purament artifiċjali li l-għan essenzjali tagħha huwa li taħrab l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali ta' dan l-Istat Membru. F'dan ir-rigward, il-kwistjoni hija jekk, fin-nuqqas ta' relazzjonijiet speċjali bejn il-kumpanniji kkonċernati, is-self kienx jingħata jew jekk dan is-self kienx jingħata għal ammont jew b’rata ta' interessi differenti.

82. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-Konklużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tibbaża ruħha fuq eżami ta' elementi oġġettivi u verifikabbli biex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni hijiex skema purament artifiċjali għal finijiet fiskali biss, għandha tiġi kkunsidrata bħala li ma teċċedix dak li hu neċessarju għall-prevenzjoni ta' prattiċi abużivi meta, fl-ewwel lok, f'kull każ fejn l-eżistenza ta' din l-iskema ma tistax tiġi eskluża, il-persuna taxxabbli titqiegħed f'pożizzjoni, bla ma tkun suġġetta għal xi obbligi amministrattivi eċċessivi, li tipproduċi provi li jikkonċernaw ir-raġunijiet kummerċjali eventwali għalfejn din it-tranżazzjoni ġiet konkluża.

83. Sabiex tali leġiżlazzjoni tibqa' konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità, huwa meħtieġ, fit-tieni lok, li, meta l-verifika ta' dawn il-provi twassal għall-konklużjoni li t-tranżazzjoni in kwistjoni tikkorrispondi għal skema purament artifiċjali minali għaliha ma jeżistux raġunijiet kummerċjali reali, il-kwalifika mill-ġdid ta' l-interessi mħallsa bħala profitti mqassma għandha tkun limitata għall-porzjon ta' dawn l-interessi li jaqbeż dak li kien jiġi miftiehem fin-nuqqas ta' relazzjonijiet speċjali bejn il-partijiet jew bejn dawn ta' l-aħħar u terza persuna.

84. F'dan il-każ, jirriżulta mill-proċess li, sa l-emendi ta' l-1995, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit kienet tipprovdi li l-interessi mħallsa minn kumpannija sussidjarja residenti fuq self mogħti minn kumpannija parent mhux residenti kienu kkunsidrati, kollha kemm huma, bħala profitti mqassma, mingħajr evalwazzjoni tal-konformità tas-self ma' kriterju rilevanti bħal dak tal-kompetizzjoni sħiħa u mingħajr ebda possibbiltà għal din il-kumpannija sussidjarja li tipproduċi provi li jikkonċernaw ir-raġunijiet kummerċjali reali li fuqhom kien ibbażat dan is-self.

85. Madankollu, jirriżulta wkoll mill-proċess li din il-leġiżlazzjoni ma kinitx applikabbli fil-każijiet fejn DTA kien jeskludi l-applikazzjoni tagħha u kien jiggarantixxi li l-interessi in kwistjoni setgħu jitnaqqsu għal finijiet fiskali sakemm ir-rata ta' l-interessi ma kinitx taqbeż dak li kien jiġi miftiehem f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa. Abbażi ta' DTA bħal dan, biss il-porzjon ta' l-interessi li kien jaqbeż dak li kien jitħallas f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa kien jiġi kkunsidrat bħala profitt imqassam.

86. Għalkemm sistema fiskali bħal dik li tirriżulta, għas-sitwazzjonijiet li japplikaw għalihom, minn DTAs konklużi mir-Renju Unit tidher, mill-ewwel daqqa t'għajn, li tibbaża ruħha fuq eżami ta' elementi oġġettivi u verifikabbli li jippermetti li tiġi identifikata l-eżistenza ta' skema purament artifiċjali għal finijiet fiskali biss, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, jekk jiġi stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali gawdew minn tali skema, jekk din l-iskema kinitx tippermettilhom, fil-każ fejn it-tranżazzjonijiet tagħhom ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-DTA biex tiġi evalwata l-konformità tagħhom mal-kriterju tal-kompetizzjoni sħiħa, li jipproduċu provi dwar ir-raġunijiet kummerċjali eventwali li fuqhom kienu bbażati dawn it-tranżazzjonijiet, mingħajr ma jkunu suġġetti għal obbligi amministrattivi eċċessivi.

87. L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ wara l-emendi leġiżlattivi ta' l-1995 u ta' l-1998. Mhuwiex ikkontestat li, skond dawn id-dispożizzjonijiet, il-kwalifika mill-ġdid bħala profitti mqassma tikkonċerna biss il-porzjon ta' l-interessi li jeċċedi dak li kien jiġi mħallas f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa. Għalhekk, filwaqt li, mill-ewwel daqqa t'għajn, il-kriterji li jistabbilixxu dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li jeżiġu eżami ta' elementi oġġettivi verifikabbli biex jiġi determinat jekk teżistix skema purament artifiċjali għal finijiet fiskali biss, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn id-dispożizzjonijiet joffrux possibbiltà għall-persuna taxxabbli, meta tranżazzjoni ma tissodisfax il-kriterju tal-kompetizzjoni sħiħa, li tipproduċi, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, jekk ikun il-każ, provi dwar ir-raġunijiet kummerċjali li fuqhom kienet ibbażata din it-tranżazzjoni.

88. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, meta Stat Membru jikkunsidra bħala profitt imqassam l-interessi kollha jew parti minnhom imħallsa minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpanniji, wara li tkun stabbiliet li din hija skema purament artifiċjali li l-għan tagħha huwa li taħrab il-leġiżlazzjoni fiskali, ma jistax jiġi mitlub minn dan l-Istat Membru, f'dan il-kuntest, li jassigura li l-Istat ta' residenza ta' din it-tieni kumpannija jagħmel dak kollu li huwa neċessarju biex jevita li, fuq il-livell ta' dan il-grupp, il-ħlas ikkunsidrat bħala dividend jiġi intaxxat, bħala tali, kemm fl-Istat Membru fejn tirrisjedi din l-ewwel kumpannija kif ukoll f'dak tat-tieni waħda.

89. Fil-fatt, safejn, f'każ bħal dan, l-Istat Membru fejn tirrisjedi l-ewwel kumpannija jista' leġittimament jittratta l-interessi mħallsa minn din il-kumpannija bħala tqassim tal-profitti, mhuwiex, bħala regola, dan l-Istat li għandu jassigura li ma jiġux imposti sensiela ta' taxxi fuq il-profitti mqassma lil kumpannija azzjonista mhux residenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punti 59 u 60).

90. Huwa biss meta Stat Membru jiddeċiedi li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu mhux biss, fuq il-kumpannija sussidjarja residenti, fir-rigward tal-profitti ġġenerati f'dan l-Istat Membru, iżda wkoll, fuq il-kumpannija benefiċjarja mhux residenti, fir-rigward tad-dħul li din il-kumpannija tirċievi mill-kumpannija sussidjarja, li dan l-Istat għandu, sabiex din il-kumpannija benefiċjarja ma tkunx ikkonfrontata b'restrizzjoni pprojbita għal-libertà ta' stabbiliment, bħala regola, mill-Artikolu 43 KE, jassigura li, skond il-mekkaniżmu previst mid-dritt nazzjonali tiegħu sabiex tiġi prekluża jew imnaqqsa l-impożizzjoni ta' sensiela ta' taxxi, kumpannija benefiċjarja mhux residenti tkun suġġetta għal trattament ekwivalenti għal dak li tgawdi minnu kumpannnija benefiċjarja residenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 70, kif ukoll Denkavit Internationaal u Denkavit France, punt 37).

91. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie mfakkar fil-punt 49 ta' din is-sentenza, fin-nuqqas ta' miżuri ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta' att konvenzjonali jew unilaterali, il-kriterji ta' kif titqassam is-setgħa tagħhom li jiġbru t-taxxa, b'mod partikolari, sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja.

92. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirrestrinġi l-possibbiltà għal kumpannija residenti li tnaqqas, għal finijiet fiskali, l-interessi imħallsa fuq self minn kumpannija parent , diretta jew indiretta, li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor jew minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor ikkontrollata minn din il-kumpannija parent , mingħajr ma tissuġġetta għal din ir-restrizzjoni lil kumpannija residenti li tkun issellfet kapital minn kumpannija li wkoll hija residenti, salv jekk, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq eżami ta' elementi oġġettivi u verifikabbli li jippermettu li tiġi identifikata l-eżistenza ta' skema purament artifiċjali għal finijiet fiskali biss billi tipprovdi l-possibbiltà għall-persuna taxxabbli li tipproduċi, jekk ikun il-każ u bla ma tkun suġġetta għal obbligi amministrattivi eċċessivi, provi dwar ir-raġunijiet kummerċjali għat-tranżazzjoni in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, meta l-eżistenza ta' din l-iskema tkun ġiet stabbilita, din il-leġiżlazzjoni tikkwalifika dawn l-interessi bħala profitti mqassma biss meta huma jeċċedu dak li kien jiġi miftehem f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa.

Fuq it-tieni domanda

93. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti li kieku s-self kien ingħata lil kumpannija residenti, mhux minn kumpannija parent li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, iżda:

– minn kumpannija oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpanniji li tirrisjedi, bħall-kumpannija parent ta' dan il-grupp, fi Stat Membru ieħor;

– minn kumpannija oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpanniji li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor filwaqt li l-kumpanniji relatati komuni tal-kumpannija li tissellef u tal-kumpannija li tislef jirrisjedu fi Stat terz; jew

– minn kumpannija oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpanniji li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor iżda li tipprovdi s-self permezz ta' fergħa li tinsab fi Stat terz filwaqt li l-kumpanniji relatati komuni tal-kumpannija li tissellef u tal-kumpannija li tislef jirrisjedu fi Stat terz; jew

– minn kumpannija oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpanniji li tirrisjedi, bħall-kumpanniji relatati komuni tal-kumpannija li tissellef u tal-kumpannija li tislef, fi Stat terz.

94. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, l-ewwel nett, kif ġie rrilevat fil-punt 61 ta' din is-sentenza, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, inkwantu għall-kwalifika bħala profitti mqassma ta' l-interessi mħallsa minn kumpannija sussidjarja residenti lil kumpannija parent , tittratta b’mod differenti lil-kumpanniji sussidjarji abbażi tal-post ta' l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija parent tagħhom, tirrestrinġi l-libertà ta' stabbiliment billi hija tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, li, konsegwentement, jistgħu jirrinunzjaw għall-kreazzjoni jew għaż-żamma ta' kumpannija sussidjarja fl-Istat Membru li jadotta din il-miżura.

95. Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment ipprojbita, bħala regola, mill-Artikolu 43 KE, kemm meta l-kumpannija residenti li tissellef tingħata self minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li, direttament jew indirettament, tikkontrolla fil-kapital tal-kumpannija li tissellef parteċipazzjoni li tippermettilha teżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta' din il-kumpannija u tiddetermina l-attivitajiet tagħha, kif ukoll meta l-kumpannija li tissellef tingħata self minn kumpannija oħra mhux residenti li, indipendentement mill-post ta' residenza tagħha, hija hi stess ikkontrollata minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor u li tikkontrolla, direttament jew indirettament, tali parteċipazzjoni fil-kapital tal-kumpannija li tissellef.

96. Ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari tgħodd ukoll, għalhekk, għas-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tat-tieni domanda preliminari.

97. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba' inċiżi tat-tieni domanda preliminari, għandu jiġi mfakkar, kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta' din is-sentenza, li l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 48 KE, jinkludi, għall-kumpanniji stabbiliti skond il-liġijiet ta' Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor permezz ta' kumpannija sussidjarja, ta' fergħa jew ta' aġenzija.

98. Għaldaqstant, l-Artikolu 43 ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għal sitwazzjoni fejn kumpannija residenti tingħata self minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor li, hija stess, m’għandhiex parteċipazzjoni ta' kontroll fil-kumpannija li tissellef u meta dawn iż-żewġ kumpanniji huma kkontrollati, direttament jew indirettament, minn kumpannija relatata komuni li, min-naħa tagħha, tirrisjedi fi Stat terz.

99. Fil-fatt, meta, f'sitwazzjoni bħal din, l-Istat Membru li adotta din il-leġiżlazzjoni jikkunsidra bħala profitti mqassma l-interessi mħallsa mill-kumpannija li tissellef, din il-miżura taffettwa l-libertà ta' stabbiliment mhux tal-kumpannija li tislef iżda biss tal-kumpannija relatata li tgawdi minn livell ta' kontroll fuq iż-żewġ kumpanniji l-oħra kkonċernati li jippermettilha tinfluwenza l-għażla ta' finanzjament ta' dawn il-kumpanniji. Issa, peress li din il-kumpannija relatata mhijiex stabbilita fi Stat Membru fis-sens ta' l-Artikolu 48 KE, l-Artikolu 43 KE mhuwiex applikabbli.

100. Għall-istess raġunijiet, l-Artikolu 43 KE ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għal sitwazzjoni fejn kemm il-kumpannija li tislef kif ukoll il-kumpannija relatata komuni jirrisjedu fi Stat terz, u lanqas għal sitwazzjoni fejn il-kumpannija li tislef li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor u ma tikkontrollax hija stess il-kumpannija li tislef, tagħti s-self permezz ta' fergħa stabbilita fi Stat terz u l-kumpannija relatata komuni ukoll tirrisjedi fi Stat terz.

101. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie rrilevat fil-punti 33 u 34 ta' din is-sentenza, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda biss relazzjonijiet fi ħdan grupp ta' kumpanniji, taffettwa b'mod rilevanti l-libertà ta' stabbiliment. Jekk jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni bħal din ikollha effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-moviment liberu tal-kapital, effetti bħal dawn ikunu l-konsegwenza inevitabbli ta' ostakolu eventwali għal-libertà ta' stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami ta' din il-leġiżlazzjoni fid-dawl ta' l-Artikoli 49 KE u 56 KE.

102. Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda ma taqax taħt l-Artikolu 43 KE meta hija tapplika għal sitwazzjoni fejn kumpannija residenti tingħata self minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz, li, hija stess, ma tikkontrollax il-kumpannija li tissellef u meta dawn iż-żewġ kumpanniji huma kkontrollati, direttament jew indirettament, minn kumpannija relatata komuni li tirrisjedi fi Stat terz.

Fuq ir-raba' domanda

103. Permezz tar-raba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi imsemmija fl-Artikolu 56 KE, din ir-restrizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala eżistenti fil-31 ta' Diċembru 1993 għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 57(1) KE.

104. Għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett, kif jirriżulta mill-punti 33, 34 u 101 ta' din is-sentenza, li leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 43 KE u mhux ta’ l -Artikolu 56 KE.

105. Għalhekk mhemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq il-ħames sa l-għaxar domandi

106. Permezz tal-ħames sa l-għaxar domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’każ li l-miżuri nazzjonali msemmija fid-domandi preċedenti jkunu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, jekk azzjonijiet bħal dawk imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jirrimedjaw għal din l-inkompatibbiltà għandhomx jiġu kkunsidrati bħala azzjonijiet għar-restituzzjoni ta’ ammonti indebitament miġbura jew bħala vantaġġi indebitament irrifjutati jew, min-naħa l-oħra, bħala azzjonijiet għal kumpens għad-dannu sostnut. F'dan l-aħħar każ, hija tistaqsi jekk għandhomx jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, u jekk hemmx bżonn, f'dan ir-rigward, li tittieħed in kunsiderazzjoni l-forma li fiha dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati skond id-dritt nazzjonali.

107. Rigward l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jistipulaw li Stat Membru huwa obbligat jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tagħti linji gwida dwar ir-rekwiżit ta’ vjolazzjoni gravi biżżejjed ta’ l-imsemmi dritt kif ukoll dwar ir-rekwiżit ta’ rabta ta’ kawżalità bejn il-vjolazzjoni ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat Membru u d-dannu sostnut mill-persuni leżi.

108. Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tiġi kkunsidrata, sabiex jiġi ddeterminat it-telf li għandu jiġi mħallas lura jew ikkumpensat, il-kwistjoni jekk il-persuni leżi urewx diliġenza raġonevoli biex jevitaw it-telf tagħhom, b'mod partikolari billi jressqu proċedimenti legali.

109. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti klassifikazzjoni ġuridika tar-rikorsi mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan il-każ, huwa l-kompitu ta’ dawn ta’ l-aħħar li jispeċifikaw in-natura u l-bażi tar-rikors tagħhom (talba għal ħlas lura jew talba għal kumpens għal dannu), taħt il-kontroll tal-qorti tar-rinviju (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Metallgesellschaft et , punt 81, u Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 201).

110. Il-fatt jibqa’ li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jingħata ħlas lura ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju huwa l-konsegwenza u aspett supplementari tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet Komunitarji kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istat Membru huwa għalhekk obbligat, bħala regola, iħallas lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 202 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali indebitament miġbura, hija s-sistema legali nazzjonali ta' kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta' ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività) (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 203 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112. Barra dan, meta Stat Membru jiġbor taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju, l-individwi għandhom id-dritt għall-ħlas lura mhux biss tat-taxxa indebitament miġbura iżda wkoll ta’ l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 87 u 88 tas-sentenza Metallgesellschaft et , iċċitata iktar ‘il fuq, dan jinkludi wkoll it-telf ikkostitwit mill-indisponibbiltà ta’ ammonti ta’ flus wara l-ġbir prematur tat-taxxa (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, la l-eżenzjonijiet jew vantaġġi fiskali oħra li tkun irrinunzjat għalihom kumpannija residenti sabiex tkun tista’ tikkumpensa t-taxxa kollha indebitament miġbura bl-ammont dovut bħala taxxa oħra, la d-dannu li tkun sostniet tali kumpannija minħabba l-fatt li l-grupp li li tappartjeni għalih ikkunsidra neċessarju, sabiex inaqqas il-piż fiskali globali tiegħu, li jossostitwixxi finanzjament permezz ta’ ekwità b'self, u lanqas l-ispejjeż sostnuti mill-kumpanniji ta' dan il-grupp biex jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni ma jistgħu jiġu kkumpensati, abbażi tad-dritt Komunitarju, permezz ta’ azzjoni intiża għall-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura jew ta’ ammonti mħallsa lill-Istat Membru kkonċernat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Fil-fatt, tali spejjeż huma bbażati fuq deċiżjonijiet meħuda mill-kumpanniji ta' dan il-grupp u ma jistgħux, għaldaqstant, jikkostitwixxu konsegwenza inevitabbli tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jikkunsidra bħala profitti mqassma ċerti interessi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti.

114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk l-ispejjeż imsemmija fil-punt preċedenti jikkostitwixxux, fir-rigward tal-kumpanniji kkonċernati, telf finanzjarju sostnut minħabba ksur tad-dritt Komunitarju li jista’ jiġi attribwit lill-Istat Membru kkonċernat.

115. Filwaqt li ma eskludietx li Stat jista’ jkun responsabbli f’ċirkustanzi inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjonijiet skond liema Stat Membru huwa obbligat jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt Komunitarju li jista’ jiġi attribwit lilu, huma tlieta, jiġifieri li r-regola ta’ dritt miksura kellha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun gravi biżżejjed u li teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat u l-ħsara mġarrba mill-persuni leżi (ara s-sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 51 u 66; tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punti 51 u 57, kif ukoll Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 209).

116. L-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, skond il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq tali implementazzjoni (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117. Fil-kawża prinċipali, l-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta b’mod ċar għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 43 KE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha bħala effett li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Brasserie du Pêcheur u Factortame, punti 23 u 54, kif ukoll Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 211).

118. Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, ghandu jiġi mfakkar, minn naħa, li ksur tad-dritt Komunitarju huwa gravi biżżejjed meta Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-poter normattiv tiegħu, jikser, b'mod manifest u gravi, il-limiti li huma imposti fuq l-eżerċizzju tal-poteri tiegħu. Min-naħa l-oħra, meta l-Istat Membru in kwistjoni, fil-mument meta jkun wettaq il-ksur, ikollu biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitata, jew ma jkollu ebda diskrezzjoni, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur gravi biżżejjed (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 212 u ġurisprudenza iċċitata).

119. Sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix ksur gravi biżżejjed, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni li tinsab quddiem il-qorti nazzjonali. Dawn l-elementi jinkludu, b’mod partikolari, iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola li ġiet miksura, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew id-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew le ta’ żball eventwali ta’ dritt, il-fatt li l-attitudni ta' istituzzjoni Komunitarja setgħet tikkontribwixxi għall-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta' miżuri jew prattiki nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 213 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120. Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt Komunitarju huwa kjarament gravi meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, deċiżjoni preliminari jew l-eżistenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita sewwa fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir in kwistjoni jikkostitwixxi ksur (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 214 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121. F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali, sabiex tevalwa jekk ksur ta’ l-Artikolu 43 KE imwettaq mill-Istat Membru kkoncernat kienx gravi biżżejjed, għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li, f’qasam bħal dak tat-tassazzjoni diretta, il-konsegwenzi li jirriżultaw mil-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat jiġu rrivelati biss gradwalment, b’mod partikolari, mill-prinċipji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq. Fil-fatt, sas-sentenza Lankhorst-Hohorst, iċċitata iktar 'il fuq, il-problema mqajma minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma kinitx għadha ġiet trattata, bħala tali, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

122. Għal dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni, jiġifieri r-rekwiżit ta’ rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat u d-dannu sostnut mill-persuni kkonċernati, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk id-dannu allegat jirriżultax b’mod dirett biżżejjed mill-ksur tad-dritt Komunitarju sabiex l-Istat jiġi ordnat jagħti kumpens għal dak il-ksur (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 218 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123. Bla ħsara għad-dritt għal kumpens għad-danni li huwa msejjes direttament fuq id-dritt Komunitarju meta dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat skond id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika u ma jistgħux ikunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar 'il fuq, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124. Għandu jiġi speċifikat li, biex jiġi ddeterminat id-dannu li għalih għandu jingħata kumpens, il-qorti nazzjonali tista' tivverifika jekk il-persuna leża tatx prova ta’ diliġenza raġonevoli biex tevita d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu u jekk, b'mod partikolari, hija użatx fil-ħin ir-rimedji legali kollha li kienu għad-dispożizzjoni tagħha (sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, punt 84).

125. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 106 tas-sentenza Metallgesellschaft et , iċċitata iktar 'il fuq, rigward leġiżlazzjoni fiskali li kienet tirrifjuta lill-kumpanniji residenti li kienu sussidjarji ta' kumpanniji parent mhux residenti l-possibbiltà li jibbenefikaw mis-sistema ta' intaxxar bħala grupp, li l-eżerċizzju tad-drittijiet li d-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt Komunitarju jagħtu lill-individwi jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli f’każ li t-talbiet tagħhom għal restituzzjoni jew għal kumpens ibbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju kellhom ikunu miċħuda jew ristretti sempliċiment minħabba li l-individwi ma kinux talbu sabiex jibbenefikaw mis-sistema ta' intaxxar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rrifjutatilhom, bl-għan li jiġi kkontestat ir-rifjut ta' l-awtorità fiskali permezz tar-rimedji legali previsti għal dan il-għan, billi ġew invokati s-supremazija u l-effett dirett tad-dritt Komunitarju.

126. Bl-istess mod, l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta' stabbiliment tkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli jekk it-talbiet għal restituzzjoni jew għal kumpens ibbażati fuq il-ksur ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet kellhom jiġu miċħuda jew ristretti biss minħabba li l-kumpanniji kkonċernati ma kinux talbu lill-awtorità fiskali biex ikunu jistgħu jħallsu l-interessi fuq self minn kumpannija relatata mhux residenti mingħajr ma' dawn l-interessi jkunu kkwalifikati bħala profitti mqassma filwaqt li, fiċ-ċirkustanzi in kwistjoni, il-liġi nazzjonali flimkien, fejn xieraq, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DTAs, kienet tipprovdi għal tali kwalifika.

127. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk, meta jiġi stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien, fejn xieraq, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DTAs, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 92 ta' din is-sentenza u b’hekk kienet tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment projbit mill-Artikolu 43 KE, l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni kienet f'kull każ twassal għaċ-ċaħda tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem l-awtorità fiskali tar-Renju Unit.

128. Għaldaqstant ir-risposta għall-ħames sa l-għaxar domandi għandha tkun li:

– Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, inkluż il-kwalifika ta’ azzjonijiet imressqa mill-persuni leżi quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn il-qrati huma madankollu obbligati jassiguraw li l-individwi jiddisponu minn rimedju legali effettiv li jagħtihom l-opportunità jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura u ta’ l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat Membru jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Għal dak li jirrigwarda danni oħrajn li setgħet sostniet persuna minħabba ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lil Stat Membru, dan ta’ l-aħħar huwa obbligat jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 51 tas-sentenza Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar 'il fuq, mingħajr ma dan jeskludi li Stat jista’ jitqies responsabbli f’ċirkustanzi inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali.

– Jekk jiġi stabbilit li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment ipprojbit mill-Artikolu 43 KE, il-qorti tar-rinviju tista', sabiex tiddetermina d-dannu li għalih jista’ jingħata kumpens, tivverifika jekk il-persuni leżi tawx prova ta’ diliġenza raġonevoli biex jevitaw dawn id-danni jew jillimitaw il-portata tagħhom u jekk, b'mod partikolari, huma użawx fil-ħin ir-rimedji legali kollha li kienu għad-dispożizzjoni tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-Artikolu 43 KE jagħti lill-individwi jiġi reż impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-qorti tar-rinviju tista' tiddetermina jekk l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, flimkien, fejn xieraq, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DTAs, kienet f'kull każ twassal għaċ-ċaħda tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem l-awtorità fiskali ta' l-Istat Membru kkonċernat.

Fuq it-talba sabiex jiġu limitati fiż-żmien l-effetti ta' din is-sentenza

129. Waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tinterpreta d-dritt Komunitarju fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha fiż-żmien, anki għal dak li jirrigwarda l-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa qabel id-data li fiha tingħata din is-sentenza. Dan il-Gvern jikkalkula li interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju kontra tiegħu tkun tiswilu 300 miljun EUR.

130. Għandu jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, il-Gvern tar-Renju Unit ma ppreċiżax fuq liema bażi huwa wasal għall-valur stmat ta' l-effetti ta' din is-sentenza, u lanqas jekk dan l-ammont jikkonċerna biss il-konsegwenzi finanzjarji fil-kawża prinċipali jew anki dawk li jirriżultaw minn din is-sentenza f’każijiet oħra.

131. Barra dan, l-ammont imsemmi minn dan il-Gvern huwa bbażat fuq l-ipoteżi li r-risposti pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja jwasslu biex it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jintlaqgħu fl-intier tagħhom, li, madankollu, hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju.

132. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex biżżejjed informazzjoni biex tkun tista’ teżamina t-talba tal-Gvern tar-Renju Unit.

133. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien.

Fuq l-ispejjeż

134. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1) L-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirrestrinġi l-possibbiltà għal kumpannija residenti li tnaqqas, għal finijiet fiskali, l-interessi mħallsa fuq self minn kumpannija parent , diretta jew indiretta, li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor jew minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor ikkontrollata minn din il-kumpannija parent , mingħajr ma tissuġġetta għal din ir-restrizzjoni lil kumpannija residenti li tkun issellfet kapital minn kumpannija li wkoll hija residenti, salv jekk, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq eżami ta' elementi oġġettivi u verifikabbli li jippermettu li tiġi identifikata l-eżistenza ta' skema purament artifiċjali għal finijiet fiskali biss billi tipprovdi l-possibbiltà għall-persuna taxxabbli li tipproduċi, jekk ikun il-każ u bla ma tkun suġġetta għal obbligi amministrattivi eċċessivi, provi dwar ir-raġunijiet kummerċjali għat-tranżazzjoni in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, meta l-eżistenza ta' din l-iskema tkun ġiet stabbilita, din il-leġiżlazzjoni tikkwalifika dawn l-interessi bħala profitti mqassma biss meta huma jeċċedu dak li kien jiġi miftiehem f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni sħiħa.

2) Leġiżlazzjoni ta' Stat Membru bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda ma taqax taħt l-Artikolu 43 KE meta hija tapplika għal sitwazzjoni fejn kumpannija residenti tingħata self minn kumpannija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz, li, hija stess, ma tikkontrollax il-kumpannija li tissellef u meta dawn iż-żewġ kumpanniji huma kkontrollati, direttament jew indirettament, minn kumpannija relatata komuni li tirrisjedi fi Stat terz.

3) Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mil-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, inkluż il-kwalifika ta’ azzjonijiet imressqa mill-persuni leżi quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn il-qrati huma madan kollu obbligati jassiguraw li l-individwi jiddisponu minn rimedju legali effettiv li jagħtihom l-opportunità jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa indebitament miġbura u ta’ l-ammonti mħallsa lil dan l-Istat Membru jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Għal dak li jirrigwarda danni oħrajn li setgħet sostniet persuna minħabba ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lil Stat Membru, dan ta’ l-aħħar huwa obbligat jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 51 tas-sentenza tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93), mingħajr ma dan jeskludi li Stat jista’ jitqies responsabbli f’ċirkustanzi inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali.

Jekk jiġi stabbilit li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment ipprojbit mill-Artikolu 43 KE, il-qorti tar-rinviju tista', sabiex tiddetermina d-dannu li għalih jista’ jingħata kumpens, tivverifika jekk il-persuni leżi tawx prova ta’ diliġenza raġonevoli biex jevitaw dawn id-danni jew jillimitaw il-portata tagħhom u jekk, b'mod partikolari, huma użawx fil-ħin ir-rimedji legali kollha li kienu għad-dispożizzjoni tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-Artikolu 43 KE jagħti lill-individwi jiġi reż impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-qorti tar-rinviju tista' tiddetermina jekk l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, flimkien, fejn xieraq, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja, kienet f'kull każ twassal għaċ-ċaħda tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem l-awtorità fiskali ta' l-Istat Membru kkonċernat.