Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Lulju 2006 (*)

"Sigurtà soċjali – Kopertura ta’ benefiċċji ta’ mard u ta’ maternità – Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet – Regolament Nru 1408/71– Dritt ta’ Stat Membru li jinkludi fil-bażi ta’ l-istima għall-kontribuzzjonijiet il-pensjonijiet jew benefiċċji fi flus imħallsa minn istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor – Persuna li hija intitolata għal pensjonijiet u benefiċċji fi flus skond il-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri"

Fil-kawża C-50/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Frar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2005, fil-kawża miġjuba minn

Maija T. I. Nikula,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J.-P. Puissochet (Relatur), A. Borg Barthet, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Maija T. I. Nikula, minn M. Ekorre,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski u E. Bygglin, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Spanjol, minn I. del Cuvillo Contreras, bħala aġent,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u S. Pizarro, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Norveġiż, minn I. Djupvik u K. Fløistad, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u M. Huttunen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997 L 28, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ appell ippreżentat mis-Sinjura Nikula quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema tal-Finlandja), kontra deċiżjoni tal-Lapin verotuksen oikaisulautakunta (Kummissjoni ta’ Reviżjoni tat-taxxi tal-Lapponja), dwar l-ammont ta’ dħul taxxabbli kkunsidrat għas-sena 2000 għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tagħha ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġi[ż]lazzjoni ta’ kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat."

4       L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament jgħid:

"Pensjonant li għandu d-dritt għall-pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, fejn waħda mill-pensjonijiet hi dik ta’ l-Istat Membru li fiha joqgħod, u huwa ntitolat għall-benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor, tenut kont fejn meħtieġ tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 u l-Anness V, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu, għandu jirċievi benefiċċji mill-istituzzjoni fil-post tar-residenza u a spejjeż ta’ dik l-istituzzjoni daqs li kieku l-persuna konċernata hi pensjonanta li l-pensjoni tagħha titħallas biss taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor."

5       Skond l-Artikolu 28a ta’ dan ir-regolament :

"Fejn il-pensjonant huwa ntitolat għal pensjoni skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jew għal pensjonijiet skond il-leġislazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, joqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru fejn skond il-leġislazzjoni tiegħu d-dritt biex tirċievi benefiċċji mhux suġġetti għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni jew impjieg, u lanqas hija pagabbli xi pensjoni, l-ispejjeż tal-benefiċċji in natura gawduti minnu u mill-membri tal-familja tiegħu, għandhom jaqgħu fuq l-istituzzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri l-aktar kompetenti fl-oqsma tal-pensjonijiet, determinat skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 28 (2), sal-punt li l-pensjonant u l-membri tal-familja tiegħu kienu jkunu ntitolati għal dawk il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni amministrata mill-imsemmija istituzzjoni daqs li kieku kienu residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn tinsab dik l-istituzzjoni."

6       L-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament jgħid:

"L-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas ta’ pensjoni fi Stat Membru u li tamministra l-leġislazzjoni li tipprovdi għat-tnaqqis mill-pensjonijiet għal kontribuzzjonijiet f’każ ta’ mard jew maternità għandha tkun awtorizzata li tagħmel dan it-tnaqqis ikkalkulat skond il-leġislazzjoni konċernata mill-pensjoni pagabbli minn din l-istituzzjoni b’mod li l-ispejjeż għall-benefiċċji mniżżla f’Artikoli 27, 28, 28a, 29, 31 u 32 għandhom jaqgħu fuq istituzzjoni ta’ l-Istat Membru msemmi."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Skond l-Artikolu 1 tal-liġi fuq l-assigurazzjoni kontra l-mard [sairausvakuutuslaki (364/1963)], il-persuni kollha residenti fil-Finlandja, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, huma assigurati kontra r-riskju tal-mard. Il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni kontra l-mard jinġabru mit-taxxa. Id-dritt ta’ l-assigurat għall-benefiċċji mhuwiex marbut mal-kontribuzzjonijiet imħallsa.

8       L-Artikolu 33(2) ta’ l-imsemmija liġi jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni mħallsa mill-persuni assigurati huma kkalkulati fuq il-bażi ta’ l-ammont totali tad-dħul meħud in kunsiderazzjoni għat-taxxi lokali tagħhom skond is-sena fiskali preċedenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       Is-Sinjura Nikula, pensjonanta residenti f’Kemi (il-Finlandja) irċeviet fis-sena 2000, bħala pensjoni, diversi benefiċċji minn istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, fejn hija ħadmet għal bosta snin, u r-Repubblika tal-Finlandja, l-Istat li fih tirrisjedi.

10     Fil-kuntest tat-taxxa għas-sena 2000, is-Sinjura Nikula ġiet iddikjarata taxxabbli prinċipalment fil-Finlandja. Il-pensjonijiet li hija rċeviet minn istituzzjonijiet Żvediżi ġew inklużi fid-dħul taxxabbli tagħha skond l-Artikoli 18(1), u 25(3)(d) tal-Konvenzjoni (26/1997) konkluża bejn il-pajjiżi membri tal-Kunsill Nordiku bil-għan li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u tat-taxxi fuq il-kapital.

11     Is-Sinjura Nikula talbet emenda tat-taxxa tagħha b’mod li l-pensjonijiet li rċeviet mill-istituzzjonijiet Żvediżi ma jitteħdux in kunsiderazzjoni fid-dħul taxxabbli ta’ referenza għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tagħha ta’ assigurazzjoni kontra l-mard. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni ta’ Reviżjoni tat-taxxi tal-Lapponja rrifjutat it-talba tagħha.

12     Is-Sinjura Nikula kkontestat din id-deċiżjoni quddiem ir-Rovaniemen hallinto-oikeus (Qorti amministrattiva ta’ Rovaniemi). Din irrifjutat ir-rikors tas-Sinjura Nikula permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2003.

13     Is-Sinjura Nikula talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tappella mid-deċiżjoni tar-Rovaniemen hallinto-oikeus u talbet fl-appell tagħha quddiem il-Korkein hallinto-oikeus l-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni u sabiex il-pensjonijiet li hija tirċievi minn istituzzjonijiet Żvediżi ma jkunux ikkunsidrati fil-kalkolu tad-dħul taxxabbli li jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tagħha ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

14     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda għal deċiżjoni preliminari segwenti:

"L-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1408/71 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li metodu kif jiġu stabbiliti l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard applikat fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna intitolata għal pensjoni, li jinkludi fil-bażi ta’ l-istima għall-kontribuzzjonijiet, minbarra l-pensjonijiet irċevuti fil-pajjiż ta’ residenza, ukoll pensjonijiet provenjenti minn Stat Membru ieħor, iżda bil-kundizzjoni li l-kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ma taqbiżx l-ammont tal-pensjoni riċevut fil-pajjiż tar-residenza, imur kontra t-test ta’ dan l-Artikolu, f’sitwazzjoni fejn il-pensjonant għandu, skond l-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament, dritt għall-benefiċċji ta’ mard u ta’ maternità biss mill-istituzzjoni tal-pajjiż ta’ residenza tiegħu u a spejjeż ta’ dik l-istituzzjoni?"

 Fuq id-domanda preliminari

15     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprojbixxix li sabiex tiġi stabbilita l-bażi ta’ l-istima għall-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard applikati fl-Istat Membru tar-residenza tal-persuna li hija intitolata għal pensjonijiet imħallsa minn istituzzjonijiet ta’ dak l-Istat Membru, jiġu inklużi f’dik il-bażi ta’ l-istima, minbarra l-pensjonijiet irċevuti fil-pajjiż tar-residenza, dawk imħallsa minn istituzzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor, fejn il-kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni ma taqbiżx l-ammont tal-pensjonijiet mogħtija fl-Istat Membru ta’ residenza.

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

16     Il-gvern Spanjol u dak Portugiż jikkunsidraw li l-Istat Membru kompetenti ma jistax, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jinkludi fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard il-pensjonijiet jew benefiċċji fi flus imħallsa minn istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Din hija wkoll l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tqis li, skond il-prinċipju ġenerali li ġie stabbilit mis-sentenza ta’ l-10 Mejju 2001, Rundgren (C-389/99, Ġabra p. I-3731), l-Istat Membru kompetenti jista’ jnaqqas xi kontribuzzjonijiet biss mill-pensjoni jew il-benefiċċju fi flus dovuti minn istituzzjoni ta’ dan l-aħħar imsemmi, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet jew benefiċċji fi flus imħallsa minn istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

17     Dawn il-Gvernijiet u din l-istituzzjoni jibbażaw ir-raġunament tagħhom fuq il-punt 49 tas-sentenza Rundgren, iċċitata iktar ’il fuq, li jgħid li jirriżulta mill-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li l-imsemmi regolament jawtorizza biss, fil-każijiet li huwa jkopri, lill-istituzzjoni kompetenti ta’ l-imsemmi Stat Membru sabiex tnaqqas, għall-kopertura, b’mod partikolari, tal-benefiċċji tal-mard, ammont mill-pensjoni jew il-benefiċċju dovuti minnha, jiġifieri effettivament imħallsa minnha.

18     Il-Gvern Finlandiż, dak Olandiż u dak Norveġiż jammettu li teżisti rabta bejn il-kompetenza sabiex isir tnaqqis fuq il-pensjoni u l-obbligu li jiġu assunti l-ispejjeż tal-benefiċċji in natura. L-ispejjeż għal dawn il-benefiċċji ma jistgħux jiġu attribwiti lill-istituzzjoni ta’ Stat Membru li għandha biss kompetenza eventwali fil-qasam tal-pensjoni (is-sentenza Rundgren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Iżda huma jqisu li din ir-rabta, rikonoxxuta fil-punt 49 ta’ l-istess sentenza, ma tipprojbixxix lill-Istat Membru, li fih hija stabbilita l-istituzzjoni kompetenti biex tħallas il-benefiċċji ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, milli jistabbilixxi fil-leġiżlazzjoni tiegħu l-bażi tad-dħul li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-espressjoni "ikkalkulat skond il-leġislazzjoni konċernata", li tidher fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1408/71. L-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza hija sempliċement suġġetta għall-obbligu, għal dik l-istituzzjoni, li jiġi assigurat il-ħlas effettiv tal-benefiċċji lit-titolari kkonċernati.

19     Dawn il-Gvernijiet għalhekk jikkunsidraw li, f’dik is-sitwazzjoni, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jinkludi fil-bażi ta’ l-istima għall-kontribuzzjonijiet soċjali tal-pensjonijiet imħallsa minn Stat Membru ieħor, filwaqt li jammettu li l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ma jistax jaqbeż l-ammont tal-pensjonijiet imħallsa fl-Istat Membru ta’ residenza. Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati kollha kemm huma fuq il-pensjonijiet imħallsa f’dak l-Istat Membru kif għandu jkun il-każ, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 49 tas-sentenza Rundgren, iċċitata iktar ’il fuq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20     L-għan tar-Regolament Nru 1408/71 huwa li jiġi ggarantit, hekk kif jipprovdu t-tieni u r-raba’ premessi tiegħu, il-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fil-Komunità Ewropea, filwaqt li jiġu rispettati l-karatteristiċi ta’ kull waħda mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-ħames, sitt u għaxar premessa, dan ir-Regolament isegwi l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-ħaddiema skond il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti u għandu bħala għan li jiggarantixxi bl-aħjar mod it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll li ma jippenalizzax il-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu. Is-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1408/71 hija biss sistema ta’ koordinazzjoni, li tirrigwarda b’mod partikolari, l-għażla tal-leġiżlazzjoni jew tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw, f’ċirkustanzi differenti, id-dritt tagħhom għall-moviment liberu (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C-493/04, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 19 u 20).

21     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li s-Sinjura Nikula, li tirrisjedi fil-Finlandja, irċeviet fis-sena 2000 pensjonijiet minn istituzzjonijiet kemm Żvediżi kif ukoll Finlandiżi.

22     Skond l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1408/71, pensjonant li għandu d-dritt għall-pensjonijiet skond il-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, fejn waħda mill-pensjonijiet hi dik ta’ l-Istat Membru li fiha joqgħod, għandu dritt għall-benefiċċji in natura skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih jirrisjedi, daqs li kieku kien intitolat għal pensjoni jew għal benefiċċju dovuti biss skond il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat.

23     Għalhekk, hija r-Repubblika tal-Finlandja li, bħala Stat Membru ta’ residenza tas-Sinjura Nikula, trid tassigura l-ħlas ta’ benefiċċji in natura. Dan l-Istat huwa, skond l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-Regolament, awtorizzat inaqqas il-kontribuzzjonijiet skond il-modalitajiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tiegħu.

24     Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru kkonċernat li għandha tiddetermina d-dħul li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra, punt 51). Huwa aktar hekk il-każ meta l-leġiżlazzjoni Komunitarja tagħmel referenza espressa għad-dritt ta’ l-Istat Membru li hija tinnomina bħala l-Istat kompetenti fil-qasam ta’ tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard. Huwa importanti li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat josserva d-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi Terhoeve, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Van Pommeren-Bourgondiën, C-227/03, Ġabra, p. I-6101, punt 39).

25     Huwa għalhekk li l-liġi Finlandiża fuq l-assigurazzjoni kontra l-mard tipprovdi fl-Artikolu 33(2) tagħha li l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard huma kkalkolati fuq il-bażi tat-total tad-dħul ikkunsidrat għat-taxxi lokali u b’mod partikolari, il-pensjonijiet u benefiċċji fi flus imħallsa minn Stati Membri oħra abbażi tas-sena fiskali preċedenti.

26     Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni u ċerti Stati Membri, li jikkunsidraw li l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rundgren, iċċitata iktar ’il fuq, tipprojbixxi bħala regola li Stat Membru jista’ jibbaża l-kontribuzzjonijiet soċjali fuq pensjonijiet mogħtija minn Stat Membru ieħor, is-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza mhijiex trasponibbli għall-kawża prinċipali.

27     Is-Sur Rundgren, li joriġina mill-Finlandja u li ilu ċittadin Żvediz mit-18 ta’ Lulju 1975, u ma kienx jiddisponi minn dħul ieħor apparti l-pensjonijiet u assigurazzjoni fuq il-ħajja mogħtija mir-Renju ta’ l-Iżvezja. Dan l-Istat Membru kien iħallas benefiċċji in natura.

28     Għalhekk, minn naħa, ir-Repubblika tal-Finlandja, peress li ma tħallas la l-pensjoni u lanqas benefiċċju lill-parti kkonċernata, ma setgħetx, skond l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1408/71, "tagħmel [dan] it-tnaqqis [...] mill-pensjoni pagabbli minn din l-istituzjoni".

29     Min-naħa l-oħra, skond il-prinċipju li l-persuna intitolata għal pensjoni jew għal benefiċċju ma tistax tiġi mitluba, minħabba li tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru, tħallas kontribuzzjonijiet ta’ assigurat obbligatorju għall-kopertura ta’ benefiċċji li huma r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Noij, C-140/88, Ġabra p. I-387, punt 14), ir-Repubblika tal-Finlandja ma setgħetx teżiġi mis-Rundgren il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni Finlandiża, inkwantu dan kien jirċievi benefiċċji li għandhom għan analogu li kienu r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni tar-Renju ta’ l-Iżvezja, Stat Membru kompetenti fir-rigward tiegħu fil-qasam tal-pensjonijiet (sentenza Rundgren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

30     Għalkemm hu veru li hija kuntrarja għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-persuni intitolati għal pensjonijiet li jikkontribwixxu għal skema ta’ sigurtà soċjali supplementari mingħajr ma toffri protezzjoni soċjali korrispondenti (sentenza tal-15 ta’ Frar 1996, Kemmler, C-53/95, Ġabra p. I-703, u tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et, C-393/99 u C-394/99, Ġabra p. I-2829), dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li l-leġiżlazzjoni Finlandiża għandha l-għan li tapplika, bħala l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza, bl-esklużjoni ta’ kull leġiżlazzjoni oħra, għall-persuni kollha li huma intitolati għall-pensjonijiet u li huma residenti fit-territorju Finlandiż.

31     Għalhekk, f’każ bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tħallas pensjoni u istituzzjoni ta’ dan l-istess Stat tassigura l-kopertura ta’ l-ispejjeż ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma tipprojbixxi lil dan l-Istat milli jikkalkola l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet soċjali ta’ residenti fuq it-totalità tad-dħul tiegħu, kemm jekk joriġina minn pensjonijiet imħallsa fl-Istat Membru tar-residenza kemm minn pensjonijiet imħallsa fi Stati Membri oħra.

32     Madankollu, ikun x’ikun il-metodu ta’ kalkolu adottat, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ma jistax jaqbeż dak tal-pensjonijiet imħallsa minn istituzzjonijiet ta’ l-Istat Membru ta’ residenza peress li, kif ġie mfakkar fil-punt 28 tas-sentenza preżenti, skond l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1408/71, il-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard jistgħu jittieħdu biss mill-pensjonijiet jew benefiċċji fi flus imħallsa mill-Istat ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rundgren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

33     Minbarra dan, tikkostitwixxi xkiel għall-moviment liberu tal-persuni l-implementazzjoni mill-Istat tar-residenza ta’ sistema li ma tiħux in kunsiderazzjnoni l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard diġà mħallsa mill-persuni intitolati għal pensjonijiet waqt is-snin tagħhom ta’ attività fi Stat Membru differenti mill-Istat ta’ residenza. Sistema bħal din ikollha bħala effett li tippenalizza lill-imsemmija persuni biss minħabba li huma jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u li tipprivileġġa dawk li jkunu baqgħu fi Stat Membru wieħed sabiex jeżerċitaw it-totalità ta’ l-attività tagħhom hemmhekk.

34     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 39 KE jipprojbixxi li Stat Membru jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ta’ ħaddiem irtirat, suġġett għal-leġiżlazzjoni tiegħu, fuq il-bażi ta’ ammont globali tal-pensjoni ta’ l-irtirar supplementari, pagabbli skond ftehim, li dan il-ħaddiem jirċievi fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-fatt li parti mill-ammont globali ta’ dik il-pensjoni diġà ġiet imnaqqsa bħala kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni kontra l-mard f’dan l-aħħar imsemmi Stat (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer, C-302/98, Ġabra p. I-4585, punt 36).

35     Sabiex dan ir-riskju jiġi evitat, u sabiex jiġi ggarantit fi ħdan il-Komunità liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-ugwaljanza tat-trattament fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, l-Istat Membru kompetenti fil-qasam tal-benefiċċji, li, skond il-leġiżlazzjoni tiegħu, normalment jinkludi, fil-kalkolu tal-bażi ta’ l-istima għall-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, il-pensjonijiet jew benefiċċji fi flus imħallsa minn istituzzjonijiet ta’ Stati Membri oħra, għandu jeskludi mill-bażi ta’ l-istima għall-kontribuzzjonijiet l-ammont ta’ pensjonijiet li għalihom diġà tħallsu kontribuzzjonijiet minn dawk it-titolari fi Stati oħra, kemm jekk tħallsu mill-partijiet ikkonċernati mid-dħul tagħhom, kemm jekk ittieħdu direttament mill-imsemmi dħul.

36     Huma l-partijiet ikkonċernati li jridu jistabbilixxu r-realtà ta’ dawn l-ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet preċedenti.

37     Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprojbixxix, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi ta’ l-istima għall-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard applikati fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna intitolata għal pensjonijiet imħallsa minn istituzzjonijiet ta’ dak l-Istat Membru kompetenti sabiex jagħtu benefiċċji skond l-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament, li jiġu inklużi f’din il-bażi ta’ l-istima, minbarra l-pensjonijiet irċevuti fl-Istat Membru ta’ residenza, pensjonijiet imħallsa minn istituzzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor, fejn l-imsemmija kontribuzzjonijiet ma jaqbżux l-ammont tal-pensjonijiet mogħtija fl-Istat Membru ta’ residenza.

38     Madankollu, l-Artikolu 39 KE jipprojbixxi li l-ammont tal-pensjonijiet riċevuti minn istituzzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor ikunu kkunsidrati jekk diġà tħallsu kontribuzzjonijiet f’dan l-Istat Membru l-ieħor fuq id-dħul minn attività li jkun sar f’dak l-aħħar Stat Membru. Huma l-partijiet ikkonċernati li jridu jistabbilixxu r-realtà ta’ dawk il-ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet preċedenti.

 Fuq l-ispejjeż

39     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, ma jipprojbixxix, sabiex tiġi ddetermina l-bażi ta’ l-istima għall-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard applikati fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna intitolata għal pensjonijiet imħallsa minn istituzzjonijiet ta’ dak l-Istat Membru kompetenti sabiex jagħtu benefiċċji skond l-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament, li jiġu inklużi f’din il-bażi ta’ l-istima, minbarra l-pensjonijiet irċevuti fl-Istat Membru ta’ residenza, pensjonijiet imħallsa minn istituzzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor, fejn l-imsemmija kontribuzzjonijiet ma jaqbżux l-ammont tal-pensjonijiet mogħtija fl-Istat Membru ta’ residenza.

Madankollu, l-Artikolu 39 KE jipprojbixxi li l-ammont tal-pensjonijiet riċevuti minn istituzzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor ikunu kkunsidrati jekk diġà tħallsu kontribuzzjonijiet f’dan l-Istat Membru l-ieħor fuq id-dħul minn attività li jkun sar f’dak l-aħħar Stat Membru. Huma l-partijiet ikkonċernati li jridu jistabbilixxu r-realtà ta’ dawk il-ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet preċedenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.