Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

CHRISTINE STIX-HACKL

ippreżentati fil-21 ta’ Settembru 20061(1)

Kawża C-76/05

Herbert Schwarz

Marga Gootjes-Schwarz

vs

Finanzamt Bergisch Gladbach

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Finanzgericht Köln [il-Ġermanja])

u

Kawża C-318/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Tassazzjoni – Taxxa fuq id-dħul – Miżati ta’ l-iskola – Restrizzjoni tat-tnaqqis fiskali ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ stabbilimenti privati nazzjonali – Rabta mal-politika ta’ l-edukazzjoni ta’ l-Istati Membri”





Werrej

Werrej

I –   Osservazzjonijiet preliminari

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

B –   Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

1.     It-taxxa fuq id-dħul

2.     Il-Liġi Fundamentali

III – It-talba għal deċiżjoni preliminari (kawża C-76/05)

A –   Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

B –   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

C –   Analiżi

1.     Osservazzjonijiet preliminari dwar il-metodoloġija ta’ l-analiżi

2.     Fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 49 KE et seq

a)     Kamp ta’ applikazzjoni

b)     Fuq in-natura diskriminatorja tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.

i)     Fuq ir-rilevanza tal-projbizzjoni, stabbilita kostituzzjonalment, li ssir distinzjoni bejn l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri

ii)   Fuq il-komparabbiltà ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni privati nazzjonali u barranin

c)     Ġustifikazzjoni

d)     Konklużjonijiet

IV – Fuq ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (kawża C-318/05)

A –   Il-proċedura prekontenzjuża u kontenzjuża

B –   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

C –   Evalwazzjoni

1.     Fuq l-allegat ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

2.     Fuq l-allegat ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 39 KE u 43 KE)

3.     Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ġenerali tal-libertà ta’ moviment (Artikolu 18(1) KE kkunsidrat flimkien ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 KE)

a)     Kamp ta’ applikazzjoni

b)     Diskriminazzjoni

c)     Ġustifikazzjoni

d)     Konklużjoni

4.     Spejjeż

V –   Konklużjonijiet

I –    Osservazzjonijiet preliminari

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu preżentement in eżami jikkonċernaw, it-tnejn li huma, il-kwistjoni jekk id-dritt Komunitarju – minkejja li bħala prinċipju l-politika ta’ l-edukazzjoni hija kompetenza ta’ l-Istati Membri – jipprekludix li regola fiskali nazzjonali tipprovdi li l-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel determinati ta’ l-Istat Membru kkonċernat jistgħu jiġu kkunsidrati bħala spejjeż straordinarji għall-finijiet ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul filwaqt li l-miżati mħallsa lil skejjel li jinsabu fil-bqija tat-territorju Komunitarju ma jistgħux.

2.        Għalhekk, il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata tinsab f’salib it-toroq bejn it-taxxi diretti u l-politika ta’ l-edukazzjoni. Fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, iż-żewġ setturi jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri. Kif jirriżulta mill-Artikolu 149(1) KE, huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzaw is-sistema ta’ edukazzjoni u li jiddefinixxu l-kontenut tat-tagħlim li għandu jingħata. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu b’mod awtonomu jiddefinixxu l-konfigurazzjoni u l-istruttura tas-sistema fiskali tagħhom(2).

3.        Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni diretta l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitajru anke fin-nuqqas ta’ kompetenza leġiżlattiva korrispondenti tal-KE(3). In-nuqqas ta’ poter leġiżlattiv tal-Komunità fis-settur tal-politika ta’ l-edukazzjoni m’għandux l-effett li jeħles, bħala prinċipju, kull deċiżjoni ta’ l-Istati Membri dwar dan is-settur mill-kontroll dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju(4). F’¯suq intern ikkaratterizzat mit-“tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta’¯ l-ostakoli għall-moviment liberu ta’¯ merkanzija, persuni, servizzi u kapitali”(5), fil-fatt, m’¯għadux possibbli għall-Istati Membri, bħala regola, li jaħarbu mill-osservanza tal-limiti li joħorġu mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-tfassil u l-applikazzjoni tal-politika nazzjonali tagħhom.

4.        Għaldaqstant, safejn il-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, fil-kawżi in eżami jista’ jkun hemm kunflitt bejn il-politika nazzjonali ta’ l-edukazzjoni, li fil-kuntest tagħha jistgħu jiġu ffissati, fost l-oħrajn, ir-rekwiżiti sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn inċentivi statali fir-rigward ta’ stabbilimenti edukattivi, u l-ħarsien tad-drittijiet li joħorġu minn tali libertajiet fundamentali – bħal per eżempju fil-każ ta’ attendenza fi stabbiliment skolastiku barrani. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk u safejn jeżisti ekwilibriju bejn il-ħarsien tal-kompetenzi nazzjonali u l-ħtiġijiet tas-suq intern.

5.        Fil-kuntest ta’ l-analiżi segwenti jeħtieġ, f’kull każ, li jiġi kkunsidrat ir-rispett partikolari li għandu jingħata lill-kompetenzi ta’ l-Istati Membri fl-oqsma tat-taxxa u tal-politika ta’ l-edukazzjoni(6).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

6.        Il-Finanzgericht Köln qiegħed jitlob interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE. Fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, il-Kummissjoni qiegħda titlob il-verifika tal-ksur ta’ l-istess regoli mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

1.      It-taxxa fuq id-dħul

7.        Il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-Einkommensteuergesetz(7) (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, iktar ’il quddiem: l-“EStG”) jipprovdi dan li ġej:

“L-ispejjeż li ġejjin huma spejjeż straordinarji, sakemm ma jkunux spejjeż ta’ l-operat jew spejjeż professjonali:

it-30 % ta’ l-ispejjeż imħallsa minn persuna taxxabbli sabiex il-wild tagħha, li fir-rigward tiegħu bbenefikat minn eżenzjoni għal wild dipendenti jew minn allowance għat-tfal, ikun jista’ jattendi skola privata alternattiva ekwivalenti għal skola statali awtorizzata mill-Istat jew mil-leġiżlazzjoni tal-Land skond l-Artikolu 7(4) tal-Grundgesetz, kif ukoll skola komplimentari ta’ formazzjoni ġenerali rikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni tal-Land, minbarra l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, ikel u assistenza.”

2.      Il-Liġi Fundamentali

8.        L-Artikolu 7(4) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland(8) (Liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iktar ’il quddiem: il-“Liġi Fundamentali”) jipprovdi dan li ġej:

“Id-dritt li jitwaqqfu skejjel privati huwa ggarantit. L-iskejjel privati, meta dawn jipprovdu alternattiva għall-iskejjel pubbliċi, jeħtieġu l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istat u huma suġġetti għal-liġijiet tal-Länder. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata meta l-iskejjel privati ma jkunux inferjuri għall-iskejjel pubbliċi fir-rigward tal-programmi ta’ edukazzjoni u s-sistemi ta’ organizzazzjoni, kif ukoll tal-formazzjoni xjentifika ta’ l-għalliema, u meta ma jiffavorixxux separazzjoni ta’ l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda meta l-pożizzjoni ġuridika u ekonomika ta’ l-għalliema ma tkunx żgurata b’mod suffiċjenti.”

III – It-talba għal deċiżjoni preliminari (kawża C-76/05)

A –    Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

9.        Il-konjuġi Herbert Schwarz u Marga Gootjes-Schwarz kienu suġġetti għal tassazzjoni konġunta fuq id-dħul għas-snin 1998 u 1999. Huma għandhom tliet ulied li tnejn minnhom, il-bniet Lydia (imwielda fl-1981) u Lilian (imwielda fl-1986), attendew il-Cademuir International School fl-Iskozja.

10.      Minħabba li inizjalment il-konjuġi ma ppreżentawx id-dikjarazzjonijiet tad-dħul tagħhom, il-bażi taxxabbli ġiet stmata exofficio. Ir-rikorrenti ppreżentaw oppożizzjoni kontra r-relattivi avviżi ta’ stima.

11.      Fid-dikjarazzjonijiet tad-dħul ippreżentati matul il-proċedura ta’ oppożizzjoni, il-konjuġi invokaw spejjeż straordinarji ekwivalenti għal 43,426.78 Marki Ġermaniżi (DEM) għall-1998 u għal DEM 64,549.79 għall-1999. Fost dawn l-ispejjeż DEM 33,867.79, fl-1998, u DEM 27,415.62, fl-1999, kienu imputati għall-attendenza taż-żewġt itfal fil-Cademuir International School fl-Iskozja, li hija in eżami fil-proċedura preliminari preżenti.

12.      Skond kif ġie indikat mill-qorti tar-rinviju, il-miżati ta’ l-iskola inklużi f’dawn l-ispejjeż li ma jirrigwardawx l-akkomodazzjoni, l-assistenza jew l-ikel għadhom sal-lum ma ġewx speċifikament dokumentati mir-rikorrenti, iżda jammontaw għal mill-anqas DEM 10,000 fis-sena.

13.      Matul il-proċedura ta’ oppożizzjoni, fit-13 ta’ Settembru 2001, il-Finanzamt Bergisch Gladbach ħareġ avviżi ta’ stima rettifikati għas-snin in kwistjoni fejn irrikonoxxa l-bażi taxxabbli ddikjarata mir-rikorrenti bl-eċċezzjoni ta’ l-ispejjeż straordinarji invokati. Minħabba li l-konjuġi baqgħu jsostnu l-oppożizzjoni tagħhom, il-Finanzamt ċaħadha bħala infondata b’deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni tas-6 ta’ Diċembru 2001.

14.      Għalhekk, il-konjuġi ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Köln fejn talbu, sussiddjarjament, li jingħataw it-tnaqqis għall-ispejjeż straordinarji skond il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.

15.      Il-Finanzgerichts Köln huwa ta’ l-opinjoni li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rikors jista’ jkollu biss riżultat negattiv minħabba li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jirrigwarda esklużivament l-attendenza fi skejjel nazzjonali determinati u ma japplikax għal miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel li jinsabu fi Stati Membri oħra. Madankollu, fid-dawl tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, huwa possibbli li r-rikors ikollu riżultat differenti.

16.      Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2005, il-Finanzgericht Köln iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-fatt li, skond il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-[EStG], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-1998 u fl-1999, il-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel determinati Ġermaniżi, iżda mhux dawk imħallsa lil skejjel li jinsabu fil-bqija tat-territorju Komunitarju, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala spejjeż straordinarji għall-finijiet ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul, huwa kuntrarju għall-Artikolu 8a tat-Trattat (li sar l-Artikolu 18 KE; prinċipju ġenerali tal-libertà ta’ moviment), l-Artikolu 48 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 39 KE; moviment liberu tal-ħaddiema), l-Artikolu 52 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 43; libertà ta’ stabbiliment) jew l-Artikolu 59 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 49 KE; libertà li jiġu pprovduti servizzi)?” (9)

B –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

17.      Il-Gvern Ġermaniż huwa ta’ l-opinjoni li r-regoli ta’ dritt nazzjonali in kwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(10), l-organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ tagħlim tista’ tiġi kkunsidrata bħala servizz fis-sens ta’ l-Artikoli 49 KE et seq b’mod eċċezzjonali biss, meta l-iskola tiġi ffinanzjata b’mod prevalenti permezz ta’ fondi privati u jkollha l-iskop li tagħmel qligħ. Dan ma ġiex ippruvat fir-rigward ta’ l-iskola in kwistjoni, li tinsab fir-Renju Unit.

18.      F’kull każ, trattament differenzjat huwa ġustifikabbli abbażi ta’ differenzi oġġettivi. Anke li kieku l-iskola li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali tipprovdi servizzi, hija ma tistax titqabbel ma’ l-iskejjel li jibbenefikaw mill-punt 9 ta’ Artikolu 10(1) ta’ l-EStG minħabba li kemm l-iskejjel alternattivi msemmija f’dak il-punt kif ukoll l-iskejjel komplimentari msemmija ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jeżerċitaw azzjonijiet bl-iskop li jagħmlu qligħ.

19.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(11) jirriżulta li Stat Membru jista’ jiffissa kriterji li jipprekludu li jingħata benefiċċju fiskali taħt il-livell ikkunsidrat bħala meħtieġ mill-Istat Membru.

20.      Skond il-Gvern Ġermaniż, il-fatti tal-każ preżenti jeskludu l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 39 KE) u tal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 43 KE). Fl-aħħar, mill-Artikolu 18 KE u mill-Artikolu 12 KE, ikkunsidrati flimkien, ma jirriżulta l-ebda dritt favur ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

21.      Il-Kummissjoni, bil-kontra, hija ta’ l-opinjoni li dan huwa każ ta’ ksur tal-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi. Filwaqt li tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(12), hija ssostni li tapplika l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fehma tagħha, l-applikabbiltà ta’ din il-libertà mhijiex eskluża mill-fatt li finanzjament b’mezzi privati ta’ l-iskejjel privati li jinsabu fil-Ġermanja huwa kważi impossibbli minħabba l-projbizzjoni li ssir distinzjoni bejn l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri fis-sens ta’ l-Artikolu 7(4) tal-Liġi Fundamentali u mill-fatt li, f’dan il-kuntest, in-natura oneruża tas-servizzi ta’ edukazzjoni korrispondenti tista’ tidher dubbjuża. Fil-fatt, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tan-natura oneruża ta’ dawn is-servizzi għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss l-iskejjel privati li jibbenefikaw mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża iżda wkoll, fuq kollox, l-iskejjel privati barranin esklużi minn dan il-benefiċċju.

22.      Anke l-Artikolu 18 KE u l-Artikolu 12 KE, ikkunsidrati flimkien, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta.

23.      Għall-kuntrarju, l-Artikoli 39 KE u 43 KE mhumiex applikabbli għall-każ in eżami.

C –    Analiżi

1.      Osservazzjonijiet preliminari dwar il-metodoloġija ta’ l-analiżi

24.      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari, il-Finanzgericht Köln qiegħed jistaqsi jekk l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jirrikonoxxi, għall-finijiet ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul, il-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel determinati ta’ l-Istat Membru kkonċernat iżda mhux dawk imħallsa lil skejjel li jinsabu fil-bqija tat-territorju Komunitarju.

25.      Mhuwiex meħtieġ li tingħata interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 39 KE u 43 KE. Peress li l-ġenituri la eżerċitaw id-dritt tagħhom li jaħdmu bħala impjegati fi Stat Membru ieħor u lanqas id-dritt tagħhom li jistabbilixxu ruħhom hemm bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom, huwa evidenti li dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex applikabbli għall-każ preżenti.

26.      Il-kwistjoni li għad trid tiġi riżolta hija jekk il-prinċipju ġenerali tal-libertà ta’ moviment imsemmi fl-Artikolu 18(1) KE, ikkunsidrat flimkien mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li toħroġ mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 KE, huwiex applikabbli. L-Artikoli 12 KE u 18 KE huma applikabbli ratione personae peress li, meta tkun involuta rabta transfruntaliera, l-individwu jista’ jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni anke fil-konfront tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu(13).

27.      Madankollu, ratione materiae, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 KE – ikkunsidrata eventwalment flimkien mal-prinċipju ġenerali tal-libertà ta’ moviment stabbilit mill-Artikolu 18(1) KE – tista’ tiġi invokata fil-“kamp ta’ l-applikazzjoni [tat-]Trattat [KE]” biss “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali” – bħal per eżempju l-Artikolu 49 KE. Għaldaqstant, ikun meħtieġ li jsir eżami tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 KE flimkien ma’ l-Artikolu 18(1) KE biss jekk ma tapplikax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikoli 49 KE et seq, u għalhekk l-analiżi għandha tibda’ mill-eżami ta’ l-Artikoli 49 KE et seq.

2.      Fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 49 KE et seq

a)      Kamp ta’ applikazzjoni

28.      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat, qabel xejn, jekk hijiex applikabbli l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikoli 49 KE et seq.

29.      Ratione personae, l-Artikolu 49 KE jirriżulta f’kull każ applikabbli minħabba li l-individwu jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni fil-preżenza ta’ rabtiet transfruntalieri anke fil-konfront tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu(14).

30.      Ratione materiae, jeħtieġ li ssir referenza, l-ewwel nett, għal-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi, fejn id-destinatarju ta’ servizz imur fl-Istat Membru ta’ min jipprovdi s-servizz. Għalkemm huwa veru li t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 50 KE isemmi espressament biss il-libertà attiva li jiġu pprovduti servizzi, li fil-kuntest tagħha huwa min jipprovdi s-servizz li jmur fil-post tad-destinatarju ta’ l-istess servizz, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi, madankollu, anke l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’forma passiva(15). Fil-fatt, din il-libertà passiva tikkostitwixxi l-integrazzjoni neċessarja tal-forma attiva li tippermetti li tiġi inkluża kull attività mogħtija bi ħlas li ma taqax taħt il-moviment liberu ta’ merkanzija u kapital jew taħt il-moviment liberu tal-persuni. Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna ċ-ċaħda li l-ispejjeż marbuta ma’ attendenza fi skola privata li tinsab barra mill-pajjiż jitnaqqsu għall-finijiet tat-taxxa – u, għaldaqstant, tal-possibbiltà li dak li jkun isegwi korsijiet ta’ tagħlim barra mill-pajjiż.

31.      Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-offerta ta’ korsijiet ta’ tagħlim imsemmija fil-każ preżenti tikkostitwixxix prestazzjoni ta’ servizz. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 50 KE, dan ikun il-każ meta jkunu involuti “servizzi normalment mogħtija bi ħlas”.

32.      Madankollu, fil-każ preżenti huwa kkontestat jekk dawn l-offerti ta’ korsijiet ta’ tagħlim jammontawx għal prestazzjoni ta’ servizz. Għaldaqstant, l-element ċentrali ta’ l-analiżi huwa l-kwistjoni jekk il-pagament ta’ miżati ta’ l-iskola jistax jiġi kkunsidrat bħala “ħlas” u jekk l-organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ tagħlim tistax tiġi kkunsidrata bħala “servizz”.

33.      F’dan ir-rigward, fis-sentenza Humbel(16), b’referenza għall-pagament ta’ miżati ta’ l-iskola fil-kuntest ta’ l-edukazzjoni pubblika nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-karatteristika essenzjali tal-ħlas tinsab fil-fatt li tali ħlas jikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni ekonomika tas-servizz in kwistjoni. Madankollu, l-imsemmija karatteristika ma tkunx preżenti fil-każ ta’ tagħlim mogħti fil-kuntest ta’ l-edukazzjoni pubblika nazzjonali għaliex f’dan il-każ l-Istat ma jkollux l-intenzjoni li jwettaq attività bi ħlas iżda li jwettaq l-obbligi tiegħu fil-qasam soċjali, kulturali u edukattiv billi, bħala regola, jiffinanzja s-sistema permezz tat-taxxa. Il-fatt li f’ċerti każijiet l-istudenti jew il-ġenituri tagħhom jintalbu jħallsu miżati ta’ l-iskola sabiex jikkontribwixxu sa ċertu punt għall-ispejjeż ta’ ġestjoni tas-sistema ma jinfluwenzax in-natura ta’ din l-attività.

34.      Barra minn hekk, fis-sentenza Wirth(17), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam. Qabel xejn, hija ċċarat li l-prinċipji elaborati fir-rigward tal-pagament ta’ miżati ta’ l-iskola jistgħu jiġu applikati anke fir-rigward ta’ miżati mħallsa fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri. Madankollu, hija osservat ukoll li jeżistu stabbilimentti ta’ tagħlim superjuri li huma essenzjalment iffinanzjati permezz ta’ fondi privati, b’mod partikolari mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, u li l-iskop tagħhom huwa li jagħmlu qligħ. It-tagħlim mogħti minn tali stabbilimenti jissodisfa l-karatteristiċi ta’ prestazzjoni ta’ servizz skond l-Artikolu 50 KE. B’interpretazzjoni a contrario ta’ dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li tali konstatazzjonijiet japplikaw ukoll għall-pagament ta’ miżati ta’ l-iskola.

35.      Għaldaqstant, fil-proċedura preżenti, il-finanzjament permezz ta’ mezzi privati ta’ parti rilevanti ta’ l-ispejjeż ta’ ġestjoni ta’ l-iskola u l-iskop tagħha li tagħmel qligħ huma l-kriterji determinanti għall-finijiet tar-rikonoxximent tan-natura oneruża tal-prestazzjoni ta’ servizzi u, għalhekk, ta’ l-applikabbiltà ratione materiae ta’ l-Artikolu 49 KE.

36.      Mir-rikors ta’ rinviju mhuwiex possibbli li jiġi konkluż direttament jekk l-iskola li tinsab fir-Renju Unit, u li ġiet deskritta aktar ’il fuq, tissodisfax dawn il-kriterji. Madankollu, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-miżata skolastika biss għaż-żewġt itfal bniet kienet tammonta għal minn ta’ l-anqas DEM 10,000 fis-sena u l-ispejjeż komplessivi għall-attendenza fl-iskola ammontaw għal DEM 33,867 fis-sena 1998 u għal DEM 27,415 fis-sena 1999. Għalkemm huwa veru li l-ammont ta’ dawn is-somom ma jippermettix li jiġi konkluż awtomatikament li l-iskola in kwistjoni għandha l-iskop li tagħmel qligħ, jeħtieġ, madankollu, li jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll, skond l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, il-fatt li l-ammont ta’ dawn is-somom huwa nettament superjuri għal dak tal-miżati mitluba mill-iskejjel privati – li jinsabu fil-Ġermanja – li jibbenefikaw mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG. F’kull każ, għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-iskola in kwistjoni, li tinsab fir-Renju Unit, tiffinanzja parti kbira mill-ispejjeż tagħha permezz ta’ fondi privati u għandha l-iskop li tagħmel qligħ. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet finali dwar dan il-punt ta’ fatt.

37.      Għall-kuntrarju, għall-finijiet ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 49 KE, m’għandux ikun determinanti l-fatt li l-iskejjel li jinsabu fl-Istat Membru tad-destinatarju tas-servizz – f’dan il-każ il-Ġermanja – ma jipprovdux, bħala regola, abbażi ta’ dispożizzjonijiet kostituzzjonali jew sempliċement leġiżlattivi, servizzi b’titlu oneruż fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 50 KE minħabba li m’għandhomx l-iskop li jagħmlu qligħ u huma ffinanzjati prinċipalment mill-baġit ta’ l-Istat(18). Fis-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, fil-kawża Watts(19), fir-rigward ta’ argumenti simili fir-rigward ta’ servizzi in natura mogħtija mis-sistema tas-saħħa Brittannika, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt eskludiet il-bżonn li jiġi ddeterminat “jekk is-servizzi ta’ kura mogħtija fi sptarijiet fil-kuntest ta’ servizz nazzjonali tas-saħħa bħall-NHS jikkostitwixxux fihom infushom servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi”.

38.      Is-sentenza fil-kawża Watts ingħatat reċentement mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u tittratta espressament anke l-kwistjoni jekk il-kunċett Komunitarju ta’ għoti ta’ servizzi jkoprix servizzi marbuta ma’ sistemi nazzjonali stabbiliti sabiex ikopru l-ispejjeż tal-kura fi sptarijiet meta, fil-preżenza ta’ rabta transfruntaliera, mill-anqas b’wieħed mill-Istati Membri kkonċernati ma jkunux previsti servizzi bi ħlas.

39.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja toħloq konsegwenzi li mhumiex mingħajr problemi: minn naħa, minn din il-pożizzjoni jirriżulta obbligu ta’ liberalizzazzjoni li huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mas-sovranità ta’ l-Istati Membri u li l-portata tiegħu hija tali li l-libertajiet fundamentali tat-Trattat jirriżultaw applikabbli minħabba s-sempliċi fatt li prestazzjoni ta’ servizz hija pprovduta biss fi Stat Membru ieħor skond il-prinċipji tas-suq ħieles. Huwa veru wkoll li mill-applikabbiltà tal-libertajiet fundamentali ma tirriżultax neċessarjament l-inkompatibbiltà ta’ regoli nazzjonali partikolari mad-dritt Komunitarju; madankollu, l-Istat Membru kkonċernat għandu, jekk ikun il-każ, jiġġustifika dawn ir-regoli, ħaġa din li timplika restrizzjoni notevoli tal-poter diskrezzjonali ta’ l-Istat Membru fid-definizzjoni tal-politika tiegħu barra mill-kompetenzi tal-Komunità. Min-naħa l-oħra, tali obbligu ta’ liberalizzazzjoni jirriżulta fuq kollox diffiċli sabiex jiġi rrikonċiljat mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ impriża fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni safejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija ta’ opinjoni li s-sistemi bbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà nazzjonali(20) ma jaqgħux, bħala regola, taħt dan il-kunċett. Mhuwiex ikkontestat li l-approċċ fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża huwa differenti minn dak fir-rigward tal-kunċett ta’ prestazzjoni ta’ servizzi peress li l-kunċett ta’ impriża jeżiġi li jittieħdu in kunsiderazzjoni biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali – mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni aspetti transfruntalieri u għalhekk, mingħajr riskju ta’ kunflitt bejn ir-regoli applikabbli. Madankollu, fih innifsu, il-ħolqien ta’ possibbiltà ta’ “evażjoni” minn sistemi magħluqa ta’ solidarjetà nazzjonali, kemm jekk jagħmlu parti mill-iskema ta’ sigurtà soċjali u kemm jekk inhuma fondi għall-kumpens ta’ riskji li ma jistgħux jiġu assigurati, marbuta ma’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali tat-Trattat, jippreġudika, f’kull każ, il-prinċipju ta’ solidarjetà nazzjonali minħabba li jillimita d-distribuzzjoni tar-riskji.

40.      Minkejja li fil-fehma tiegħi huwa f’loku li l-konsegwenzi ta’ din il-ġurisprudenza jiġu eżaminati mill-ġdid, ftit huwa probabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra neċessarju li tirrevedi diġà l-pożizzjoni meħuda fil-kawża Watts peress li hija involuta sentenza relattivament reċenti ta’ l-Awla Manja.

Madankollu, fid-dawl tas-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Watts, l-Artikolu 49 KE huwa, bħala prinċipju, applikabbli f’dan il-każ.

b)      Fuq in-natura diskriminatorja tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.

41.      Il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG m’għandux karattru diskriminatorju jekk it-trattament fiskali differenti tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni privati nazzjonali u barranin jiġi ġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi, b’mod partikolari mill-impossibbiltà li jiġu pparagunati ż-żewġ kategoriji ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni.

i)      Fuq ir-rilevanza tal-projbizzjoni, stabbilita kostituzzjonalment, li ssir distinzjoni bejn l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri

42.      Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Finanzgericht, skond il-punt 9 ta’ Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, il-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel li jinsabu fi Stat Membru ieħor mhumiex, bħala regola, ikkunsidrati bħala spejjeż straordinarji għall-finijiet ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul(21). L-uniċi eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma, skond l-aktar ġurisprudenza reċenti tal-Bundesfinanzhof, l-iskejjel Ġermaniżi barra mill-pajjiż rikonoxxuti mill-Kultusministerkonferenz (Konferenza Permanenti tal-Ministri ta’ l-Edukazzjoni tal- Länder)(22) kif ukoll l-iskejjel Ewropej(23). Skond il-Bundesfinanzhof, dawn l-eċċezzjonijiet huma bbażati fuq il-fatt li l-iskejjel Ġermaniżi barra mill-pajjiż – bl-istess mod bħall-iskejjel nazzjonali – huma suġġetti għas-superviżjoni ta’ l-Istat Ġermaniż, filwaqt li l-iskejjel Ewropej igawdu minn status simili għal dak ta’ skola legalment rikonoxxuta mill-Istat.

43.      Apparti dawn il-każijiet partikolari, l-iskejjel li s-sede tagħhom tinsab barra mill-pajjiż (iktar ’il quddiem: l-“iskejjel barranin”) mhumiex suġġetti għall-kontroll ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi b’tali mod li minħabba f’hekk huwa a priori eskluż li jingħata l-benefiċċju fiskali għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil tali skejjel. Għalhekk, il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jiffissax kriterji oġġettivi li fuq il-bażi tagħhom jista’ jiġi stabbilit jekk il-miżati ta’ l-iskola ta’ skejjel Ġermaniżi u barranin jistgħux jitnaqqsu għal finijiet ta’ taxxa. Għall-kuntrarju, il-punt ta’ referenza għall-finijiet tal-benefiċċju fiskali huwa esklużivament il-preżenza tas-sede fi ħdan ir-Repubblika Federali (bl-eċċezzjoni ta’ l-iskejjel Ġermaniżi barra mill-pajjiż u ta’ l-iskejjel Ewropej assimilati magħhom). Għaldaqstant, l-iskejjel barranin, indipendentement mill-ammont tal-miżati mitluba minnhom, huma awtomatikament esklużi mit-tnaqqis fiskali. Għalhekk, jekk għall-finijiet tal-benefiċċju, il-kriterju formali tas-sede diġà jirriżulta determinanti, il-kriterju sostanzjali tad-distinzjoni abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja ma jistax jiġi invokat bħala ġustifikazzjoni għal trattament fiskali differenti.

ii)    Fuq il-komparabbiltà ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni privati nazzjonali u barranin

44.      Minħabba li n-natura diskriminatorja tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG tirriżulta diġà mill-kriterju formali tas-sede, huwa biss b’mod sussidjarju li għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern Ġermaniż li l-istabbilimenti privati ta’ edukazzjoni nazzjonali u barranin mhumiex komparabbli.

45.      Id-dritt Komunitarju jattribwixxi lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni tagħhom. Kif diġà ġie spjegat fl-osservazzjonijiet preliminari, huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzaw u jiddefinixxu l-kontenut ta’ l-edukazzjoni li għandha tingħata. B’espressjoni ta’ din il-kompetenza, huma jistgħu jistabbilixxu l-kriterji partikolari tagħhom, deċiżi skond valuri nazzjonali, li l-iskejjel huma obbligati li josservaw fit-twettiq tar-rwol tagħhom.

46.      Għaldaqstant, il-konnessjoni bejn l-għajnuna statali indiretta mogħtija permezz ta’ benefiċċji fiskali u r-realizzazzjoni ta’ tali kriterji(24), li abbażi tagħhom għandhom għalhekk jiġu evalwati anke l-iskejjel li jinsabu fit-territorju Komunitarju barrra mill-Ġermanja, ma tistax tiġi kkritikata fuq il-livell tad-dritt Komunitarju safejn dan japplika minħaba n-natura oneruża tal-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ tagħlim in kwistjoni. Meta ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti, l-iskejjel barranin ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu b’mod adegwat ir-rwol mogħti lilhom mill-Istat fil-qasam ta’ edukazzjoni skond il-valuri ta’ l-Istat Membru kkonċernat f’dan is-settur, li għandhom jiġu rrispettati skond id-dritt Komunitarju. F’każ bħal dan, id-distinzjoni magħmula fuq il-livell fiskali ma tikkostitwixxix limitazzjoni minħabba li r-rekwiżit ta’ similarità ma’ l-iskejjel nazzjonali li jibbenefikaw mill-benefiċċju, rekwiżit meħtieġ, bħala prinċipju, sabiex jingħata t-tali benefiċċju, ma jkunx sodisfatt.

47.      Il-kwistjoni fil-każ in eżami hija jekk is-similarità meħtieġa hijiex eskluża minħabba li, skond l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jirrigwarda esklużivament l-iskejjel li m’għandhomx l-iskop li jagħmlu qligħ u li huma ffinanzjati b’mod prevalenti mill-baġit ta’ l-Istat. Fil-każ preżenti, fil-fatt, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni biss dawk l-iskejjel barranin li (bħalma huwa b’mod ċar il-każ ta’ l-iskola fil-kawża prinċipali) jipprovdu servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 50 KE u li għalhekk huma ffinanzjati b’mod prevalenti minn mezzi privati u għandhom l-iskop li jagħmlu qligħ; jekk dan ma jkunx il-każ, l-iskejjel in kwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali(25).

48.      Madankollu, ir-rekwiżit ta’ similarità ma jiġix issodisfatt mis-sempliċi fatt li l-iskejjel nazzjonali li jibbenefikaw mill-benefiċċju msemmi fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(4) tal-Liġi Fundamentali, bħall-iskejjel rilevanti barranin, organizzazzjonijiet privati u mhux, għalhekk, skejjel statali. Fil-fatt, dawn l-iskejjel nazzjonali, minkejja li jgawdu minn personalità ġuridika taħt id-dritt privat, ma jistgħux, bħala regola, jimponu miżati sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tagħhom minħabba li huma suġġetti għall-projbizzjoni ta’ distinzjoni bejn l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri. Huwa proprju minħabba din il-projbizzjoni li jeżisti interess rilevanti għall-benefiċċju statali. Fir-rigward ta’ “skola privata alternattiva ekwivalenti għal skola statali awtorizzata mill-Istat” dan jirriżulta direttament mit-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 7(4) tal-Liġi Fundamentali, filwaqt li għall-iskejjel l-oħra msemmija fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG dan jista’ jirriżulta mill-awtorizzazzjoni jew mir-rikonoxximent fuq livell reġjonali.

49.      Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-eżistenza ta’ skejjel nazzjonali li huma prestatarji ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE et seq. u li fl-istess ħin jissodisfaw ir-rekwiżiti sostanzjali tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EstG b’tali mod li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ similarità, kif jirriżulta mill-eżempji msemmija matul is-seduta.

50.      Għalkemm ġeneralment dan ma jkunx il-każ, f’żewġ sitwazzjonijiet li sejjer neżamina hawnhekk din l-ipoteżi tista’ tirriżulta possibbli. Min-naħa, miżati ta’ l-iskola taħt il-livell tal-projbizzjoni ta’ distinzjoni bejn l-istudenti jistgħu jiġu kkomplementati minn donazzjonijiet minn suġġetti privati(26) b’tali mod li l-iskola tkun tista’ topera bl-iskop li tagħmel qligħ. Minn naħa l-oħra, f’każijiet eċċezzjonali, skola tista’ anke tiġi ffinanzjata b’mod prevalenti minn miżati u xorta waħda jkollha d-dritt għall-benefiċċju msemmi fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EstG peress li din id-dispożizzjoni ma titlobx espressament li l-iskejjel li jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju jkunu ffinanzjati b’mod prevalenti minn riżorsi pubbliċi.

51.      Fir-rigward ta’ l-ewwel sitwazzjoni, tista’ ssir referenza għall-possibbiltà li skola privata tiġi ffinanzjata fl-istess ħin minn miżati u minn donazzjonijiet minn suġġetti privati sal-punt fejn l-ispejjeż ikunu koperti(27). Il-fatt li l-ispejjeż ta’ l-iskola jitħallsu biss parzjalment mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom ma jibdel xejn f’dan ir-rigward. Kif jirriżulta mill-kawżi Humbel u Wirth, imsemmija aktar ’il fuq, il-ħlas fis-sens ta’ l-Artikolu 50 KE jitlob “b’mod partikolari” biss finanzjament privat mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom(28). Biex tiġi affermata l-eżistenza ta’ natura oneruża huwa biżżejjed, għaldaqstant, li l-miżati ta’ l-iskola jkopru parti sostanzjali mill-ispejjeż li għandhom jiġu ffinanzjati u li dawn il-miżati jiġu kkomplementati b’fondi ulterjuri minn suġġetti privati oħra, bħal per eżempju assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ li l-parti l-kbira tad-dħul tagħhom jinkiseb minn donazzjonijiet tal-ġenituri. Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jirriżulta determinanti huwa pjuttost li l-finanzjament ma jiġix essenzjalment minn fondi pubbliċi(29). Dan huwa kkonfermat ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar oqsma oħra ta’ l-Artikolu 49 KE li ma teżiġix li s-servizz għandu jitħallas minn min jirċevih.(30)

52.      Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, fid-dawl tat-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 7(4) tal-Liġi Fundamentali, jeħtieġ li jiġu esklużi l-iskejjel privati alternattivi (ekwivalenti għal dawk pubbliċi) li huma ffinanzjati b’mod prevalenti permezz ta’ miżati ta’ l-iskola. Madankollu, fid-dispożizzjoni kostituzzjonali, il-projbizzjoni ta’ distinzjoni bejn l-istudenti u, għalhekk, id-dritt għal għajnuna statali, jirreferu biss għall-iskejjel alternattivi ekwivalenti iżda ma japplikawx proprju għall-iskejjel komplimentari(31) li, fid-dawl tad-diċitura tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, huma koperti wkoll minn din id-dispożizzjoni bil-konsegwenza li teżisti minn ta’ l-anqas il-possibbiltà li l-iskejjel privati komplimentari jiġi ffinanzjat b’mod prevalenti permezz ta’ fondi privati.

53.      Madankollu, minn din is-sempliċi konstatazzjoni ma jistax jiġi konkluż li anke l-iskejjel privati komplimentari ffinanzjati b’mod prevalenti permezz ta’ miżati ta’ l-iskola jibbenefikaw, bħala regola, minn benefiċċju fiskali. Fil-fatt, sabiex tgawdi dan il-benefiċċju, huwa meħtieġ li skola ta’ dan it-tip tkun rikonoxxuta taħt il-leġiżlazzjoni tal-Land in kwistjoni. Skond l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, permezz ta’ dan ir-rikonoxximent, il-Länder federali jistgħu jissuġġettaw l-iskejjel privati komplimentari għal sistema ġuridika simili għal dik applikabbli għall-iskejjel privati alternattivi rikonoxxuti bħala ekwivalenti mill-Istat. Madankollu, mill-komunikazzjoni tal-Gvern Federali tas-26 ta’ Awwissu 2002, magħmula fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu(32), kif ukoll mill-eżempji adottati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jirriżulta li dan mhux dejjem ikun il-każ.

54.      Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Federali Ġermaniż li, sabiex jiġi sodisfat ir-rekwiżit ta’ similarità msemmi aktar ’il fuq, mhuwiex biżżejjed li xi wħudbiss mill-iskejjel privati li jgawdu mill-benefiċċju jiġu ffinanzjati permezz ta’ miżati ta’ l-iskola, ma jistax jiġi kkorroborat mit-testi ċċitati minnu għal dan il-għan(33).

55.      L-argument ta’ l-Avukat Ġenerali Slynn(34) li n-natura mhux kummerċjali tat-tagħlim mogħti mill-Istat ma tinbidilx mill-fatt li fuq id-destinatarji tas-servizz tiġi imposta taxxa li ġeneralment tkun purament nominali iżda li b’mod eċċezzjonali biss tista tkun tiddependi mill-ispejjeż tas-servizzi, jista’ jsostni t-teżi tal-Gvern Ġermaniż. Madankollu, din hija affermazzjoni ta’ karattru ġenerali li m’għandha l-ebda relazzjoni mal-problema ta’ similarità attwalment in eżami.

56.      Għaldaqstant, l-affermazzjoni li skola ffinanzjata, bħala prinċipju, minn riżorsi pubbliċi u li tirċievi eċċezzjonalment fondi privati ma titlifx, għal din ir-raġuni, in-natura tagħha ta’ stabbiliment mingħajr l-iskop li jagħmel qligħ, ma tistax tapplika għall-problema preżenti ta’ similarità: b’mod partikolari, mhuwiex possibbli li minn din l-affermazzjoni jiġi konkluż li l-iskejjel ffinanzjati b’mod prevalenti permezz ta’ fondi privati m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala skejjel privati minħabba s-sempliċi fatt li l-parti l-kbira ta’ l-iskejjel li jibbenefikaw mill-benefiċċju fiskali huma sussidjati mill-Istat.

57.      Fl-aħħar, kontra t-teżi tal-Gvern Ġermaniż hemm ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssostni li sabiex jiġi kkonstatat trattament illegali, anki jekk limitat għal każijiet partikolari, huwa biżżejjed jekk ikun hemm trattament sfavorevoli(35).

58.      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi ddikjarat li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jagħmel diskriminazzjoni safejn it-trattament fiskali privileġġjat ta’ skejjel privati determinati jiddependi mis-sede ta’ l-istess skejjel, u b’hekk jagħmel distinzjoni bejn skejjel li mill-bqija huma simili. Minn dan jirriżulta ksur ta’ l-Artikolu 49 KE.

c)      Ġustifikazzjoni

59.      Sabiex jiġġustifika d-diskriminazzjoni, il-Gvern Ġermaniż isostni, b’referenza għall-kawża Bidar(36), li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra leġittimu li Stat Membru jistabbilixxi, għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż tal-manteniment ta’l-istudenti (raġunament simili għandu japplika għall-għoti ta’ benefiċċju fiskali), kriterji tali li ma jippermettux li l-għajnuna (jew il-benefiċċju) tinżel taħt dak il-livell li l-Istat Membru in kwistjoni jikkunsidra neċessarju. Skond il-Gvern Federali Ġermaniż, din il-possibbiltà għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-fatt li, meta r-riżorsi finanzjarji ta’ l-Istat ikunu limitati, iż-żieda ta’ l-ammont ta’ benefiċċju fiskali għanda ġġib magħha, sabiex tiggarantixxi n-newtralità tad-dħul mit-taxxa, it-tnaqqis ta’ l-ammont tal-benefiċċju individwali. Għaldaqstant, il-Gvern Ġermaniż jagħmel referenza essenzjalment għall-oneru finanzjarju ulterjuri li jirriżulta għar-riżorsi pubbliċi li kieku l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG kellu jiġi applikat anke għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel barranin partikolari.

60.      Madankollu, dan l-argument joħloq xi problemi. Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tnaqqis tad-dħul mit-taxxa la jaqa’ taħt waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 46 KE, ikkunsidrat flimkien ma’ l-Artikolu 53 KE, u lanqas jista’ jiġi invokat bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku(37). Għalhekk, safejn il-Gvern Federali Ġermaniż jikkunsidra problematika l-estensjoni tat-tnaqqis fiskali tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel barranin partikolari minħabba l-fatt li din tinvolvi tnaqqis fid-dħul mit-taxxa, għandu jiġi eskluż li l-konsegwenzi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, eżaminati aktar ’il fuq, jistgħu jirriżultaw ġustifikati.

61.      Barra minn hekk, huwa dubbjuż jekk il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bidar jistgħux jiġu applikati għall-għoti ta’ benefiċċji fiskali fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE. Ma jkunx meħtieġ li tingħata risposta għal din il-kwistjoni li kieku l-għan ta’ l-esklużjoni ta’ l-iskejjel barranin mill-benefiċċju fiskali msemmi fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, jiġifieri kopertura ta’ l-ispejjeż ta’ l-operat in konformità mas-sentenza Bidar, jista’ jintlaħaq b’mod anqas restrittiv b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62.      Kif jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Ġermaniż, l-oneru finanzjarju li jinħoloq jekk il-benefiċċju jiġi estiż lil skejjel barranin partikolari jirriżulta proprju mill-fatt li l-għajnuna mogħtija favur dawn l-iskejjel tkun ta’ ammont nettament superjuri għal dik mogħtija favur stabbilimenti ta’ edukazzjoni nazzjonali, minħabba li l-iskejjel in kwistjoni jkollhom jiffinanzjaw lilhom infushom billi jeżiġu miżati ta’ l-iskola għolja. Sabiex tiġi evitata din il-konsegwenza, id-dritt Komunitarju madankollu jippermetti lill-Istat Membru, bħala strument anqas iebes iżda effikaċi bl-istess mod, li jillimita t-tnaqqis tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel nazzjonali u barranin għal ammont determinat (ibbażat fuq valuri nazzjonali attwali). B’tali mod, l-Istat Membru jkun jista’ jevita li jiżdiedu l-ispejjeż ġenerali u fl-istess ħin jagħti inċentiv ikkunsidrat bħala adegwat lil każijiet individwali mingħajr ma jeskludi lill-iskejjel barranin. Għaldaqstant, jidher li l-esklużjoni totali ta’ l-iskejjel barranin taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG hija, f’kull każ, sproporzjonata, bil-konsegwenza li mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għall-kwistjoni inizjali ta’ l-applikabbiltà tas-sentenza Bidar.

63.      Jidher li ma teżisti ebda ġustifikazzjoni oħra għad-diskriminazzjoni ta’ l-iskejjel barranin(38). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, skond l-Artikolu 149(2) KE, it-tixtrid tal-lingwi ta’ l-Istati Membri u l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala għanjiet tal-Komunità.

d)      Konklużjonijiet

64.      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari tal-Finanzgericht Köln (kawża 76/05) għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi tipprekludi li regola nazzjonali tipprovdi li għall-finijiet ta’ tnaqqis fiskali għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel nazzjonali partikolari iżda mhux dawk imħallsa lil skejjel li jinsabu fil-bqija tat-territorju Komunitarju. Fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, il-leġiżlatur nazzjonali għandu d-diskrezzjoni li jillimita l-ammont tal-benefiċċju fiskali mogħti lill-iskejjel privati jew li jistabbilixxi kriterji oġġettivi sabiex jiġi ddeterminat jekk tali skejjel humiex intitolati għall-benefiċċju fiskali.

IV – Fuq ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (kawża C-318/05)

A –    Il-proċedura prekontenzjuża u kontenzjuża

65.      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tad-19 ta’ Lulju 2002 indirizzata lill-Gvern Federali, il-Kummissjoni qajmet għall-ewwel darba l-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG mad-dritt Komunitarju. Il-Gvern Federali rrisponda għall-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu 2002 fejn, filwaqt li enfasizza n-natura speċifika ta’ l-iskejjel privati Ġermaniżi li jagħmlu parti mis-sistema ta’ edukazzjoni pubblika, afferma li l-vantaġġ mogħti lil skejjel nazzjonali partikolari ma kienx imur kontra t-Trattat KE.

66.      Fid-9 ta’ Jannar 2004 il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn ikkonfermat il-pożizzjoni tagħha li b’risposta għaliha l-Gvern Federali għall-ewwel ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jħassar il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG mingħajr ma ppreveda li jissostitwih b’regola oħra. Madankollu, permezz ta’ komunikazzjoni ulterjuri tat-3 ta’ Frar 2005, huwa informa lill-Kummissjoni dwar l-impossibbiltà li tiġi annullata r-regola indikata minħabba maġġoranza insuffiċjenti.

67.      Wara skambji ta’ komunikazzjonijiet ulterjuri mingħajr riżultat, il-Kummissjoni ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2005.

68.      IL-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE billi eskludiet, mingħajr ma pprovdiet l-ebda deroga, il-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ attendenza fi skola barra mill-pajjiż mit-tnaqqis għal finijiet ta’ taxxa bħala spejjeż straordinarji taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tbati l-ispejjeż.

B –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

69.      Skond il-Kummissjoni, il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jikser l-Artikolu 49 KE. Minn naħa, huwa għandu effett fuq il-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi. F’dan ir-rigward tista’ ssir referenza għall-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari (kawża C-76/05)(39). F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni ukoll għall-fatt li l-organizzazzjoni privata ta’ l-iskejjel li jibbenefikaw mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni hija biżżejjed, minnha nfisha, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li huwa involut servizz mogħti bi ħlas.

70.      L-oġġezzjoni tal-Gvern Ġermaniż spjegata fil-punt 18 aktar ’il fuq ma tibdel xejn fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 49 KE. Il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jistabbilixxi l-ebda kriterju oġġettiv li abbażi tiegħu jistgħu jiġu ddeterminati r-rekwiżiti meħtieġa għat-tnaqqis tal-miżati ta’ l-iskola ta’ skejjel Ġermaniżi u barranin.

71.      Min-naħa l-oħra, fil-każ preżenti, b’differenza mill-fatti in kwistjoni fil-kawża C-76/05, hemm ksur ukoll fil-konfront tal-libertà attiva li jiġu pprovduti servizzi. Il-benefiċċju fiskali favur l-iskejjel nazzjonali jagħmilha aktar diffiċli għall-iskejjel barranin li jipprovdu b’mod effettiv is-servizzi tagħhom fil-Ġermanja.

72.      Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, jirriżulta ukoll ksur ta’ l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 18 KE. Dan jirrigwarda lill-impjegati Komunitarji, lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u anke lill-ġenituri li ttrasferew ruħhom fil-Ġermanja għal raġunijiet privati u li komplew jirreġistraw lit-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-pajjiż ta’ oriġini, kif ukoll lill-ġenituri Ġermaniżi li, minħabba trasferiment lejn Stat Membru ieħor, irreġistraw lit-tfal tagħhom fi skola privata f’dak l-Istat.

73.      Minbarra dan, jirriżulta wkoll ksur tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ l-iskejjel privati barranin ikkonċernati. Dawn l-iskejjel, taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, huma obbligati jistabbilixxu ruħhom fir-Repubblika Federali sabiex ma jkunux żvantaġġjati fil-kompetizzjoni ma’ l-iskejjel Ġermaniżi.

74.      Fl-aħħar, l-esklużjoni tal-benefiċċju fiskali fil-każ ta’ attendenza fi skejjel barranin hija kuntrarja għall-Artikolu 10 KE, ikkunsidrat flimkien ma’ l-għan Komunitarju msemmi fl-Artikolu 149(2) KE.

75.      Għall-kuntrarju, il-Gvern Ġermaniż huwa ta’ l-opinjoni li fil-każ preżenti m’hemmx ksur tad-dritt Komunitarju. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 49 KE, tista’ ssir referenza għall-osservazzjonijiet ippreżentati minnu fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari (kawża C-76/05). Barra minn hekk, fir-risposta tiegħu jirriżulta li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jista’ japplika anke għall-iskejjel Ġermaniżi li jinsabu barra mit-territorju Komunitarju.

76.      Skond il-Gvern Ġermaniż, huwa eskluż anke ksur ta’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE minħabba li l-effetti ġuridiċi li jirriżultaw mill-affermazzjoni ta’ ksur tad-dritt Komunitarju – jiġifieri li l-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel barranin ikunu jistgħu jitnaqqsu għal finijiet fiskali – ikunu f’kontradizzjoni mal-fatt li l-organizzazzjoni tas-sistema skolastika bħala tali ma taqax taħt il-kompetenza ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji.

C –    Evalwazzjoni

1.      Fuq l-allegat ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

77.      Ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu huwa bbażat fuq l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.

78.      Għaldaqstant, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE(40) u tal-ksur ta’ l-Artikolu 49 KE minħabba n-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni, jistgħu japplikaw il-kunsiderazzjonijiet espressi preċedentement fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari (kawża C-76/05).(41)

79.      Madankollu, minbarra l-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi, huwa involut ukoll ksur tal-libertà (attiva) li jiġu pprovduti servizzi ta’ l-iskejjel privati li jinsabu fit-territorju Komunitarju. Il-benefiċċju fiskali favur l-iskejjel privati nazzjonali, fil-fatt, jagħmilha aktar diffiċċli għall-iskejjel barranin li jipprovdu effettivament is-servizzi tagħhom fil-Ġermanja.

80.      Madankollu, il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mwettaq permezz tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG mhuwiex iġġustifikat(42).

81.      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ddikjarat li, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret il-libertà, attiva u passiva, li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 49 KE.

2.      Fuq l-allegat ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 39 KE u 43 KE)

82.      B’differenza mill-kawża C-76/05, fir-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (kawża C-318/05) jeħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jiksirx l-Artikoli 39 KE u 43 KE.

83.      Il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jisfavorixxi b’mod partikolari lill-impjegati u lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li ttrasferew ruħhom jew jaħdmu fil-Ġermanja u li t-tfal tagħhom għadhom jattendu skola privata fi Stat Membru ieħor. Il-ħaddiema residenti fil-Ġermanja, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 1(1) ta’ l-EStG, huma suġġetti kompletament għat-taxxa fuq id-dħul. Dan japplika wkoll għall-ħaddiema fruntalieri li jaħdmu fil-Ġermanja iżda li mhumiex residenti hemmhekk. Skond l-Artikolu 1(3) ta’ l-EStG, dawn il-ħaddiema, fuq talba tagħhom stess, huma wkoll suġġetti kompletament għat-taxxa fuq id-dħul. Il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jċaħħad lil dawn is-suġġetti mit-tnaqqis fiskali speċjali fir-rigward ta’ parti mill-miżati ta’ l-iskola mħallsa, b’differenza minn dak li kien jiġri li kieku t-tfal tagħhom jattendu fi skola li tinsab fil-Ġermanja, b’tali mod li jwettaq diskriminazzjoni ta’ natura tali li jipprojbihom milli fil-futur jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt l-Artikoli 39 KE u 43 KE.

84.      Mill-banda l-oħra, il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG huwa ta’ natura tali li jista’ jipproduċi diskriminazzjoni anki kontra ċittadini Ġermaniżi meta dawn jittrasferixxu ruħhom lejn Stat Membru ieħor fejn it-tfal tagħhom jattendu skola privata. Fil-fatt, bħala regola, huma ma jibqgħux suġġetti għat-taxxa fir-Repubblika Federali ladarba jitilqu minn dan il-pajjiż u b’hekk id-dispożizzjonijiet fiskali Ġermaniżi ma jistgħux japplikaw b’mod diskriminatorju fil-konfront tagħhom. Madankollu, skond l-Artikolu 1(2) ta’ l-EStG, dan ma japplikax għal uffiċjali fis-servizz pubbliku li jaħdmu barra mill-pajjiż u lanqas, skond l-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u dwar l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ April 1965(43), għal uffiċjali Komunitarji ta’ nazzjonalità Ġermaniża. Jekk it-tfal ta’ tali suġġetti jattendu skola privata barra mill-pajjiż – bl-eċċezzjoni, madankollu, ta’ l-iskejjel Ġermaniżi barra mill-pajjiż u ta’ l-iskejjel Ewropej(44) – il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jippermettix lill-ġenituri li jnaqqsu l-miżati ta’ l-iskola għal finijiet fiskali.

85.      Għall-kuntrarju l-fatt li, taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, it-tnaqqis tal-miżati ta’ l-iskola jiddependi mill-pajjiż fejn jinsab is-sede ta’ l-iskola, ma jippreġudikax direttament il-libertà ta’ stabbiliment ta’ l-iskejjel privati barranin – esklużi mill-benefiċċju fiskali – li jkollhom jistabbilixxu ruħhom fil-Ġermanja sabiex ikun jistgħu jirċievu trattament fiskali favorevoli; dan huwa pjuttost il-każ ta’ l-aspett korollarju tal-ksur tal-libertà passiva tagħhom li jipprovdu servizzi.

86.      It-trattament diskriminatorju spjegat aktar ’il fuq ma jistax jiġi ġġustifikat(45).

87.      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ddikjarat li billi, taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, eskludiet il-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel barranin minn tnaqqis fiskali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret ukoll l-Artikoli 39 KE u 43 KE.

3.      Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ġenerali tal-libertà ta’ moviment (Artikolu 18(1) KE kkunsidrat flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE)

a)      Kamp ta’ applikazzjoni

88.      Għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk l-applikabbiltà ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE u ta’ l-Artikolu 18(1) KE – kif kien il-każ fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari (kawża C-76/05)(46) – hijiex diġà eskluża minħabba li għandha tingħata prijorità lil dispożizzjoni aktar speċifika tad-dritt Komunitarju. Jekk, skond ma tosserva l-Kummissjoni, il-ġenituri jeżerċitaw indirettament id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu meta jirreġistraw lit-tfal tagħhom fi skola ta’ Stat Membru ieħor, każ bħal dan jaqa’ bħala regola fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (passiva) li tirriżulta mill-Artikoli 49 KE et seq., kif kien il-każ ukoll fil-kawża C-76/05.

89.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni f’kull każ issostni li, b’differenza mill-fatti tal-kawża C 76/05, is-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ttrasferew ruħhom fil-Ġermanja għal raġunijiet privati filwaqt li jħallu lit-tfal tagħhom fi skejjel privati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18(1) KE kkunsidrat flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE.

90.      Jiena naqbel ma’ dan l-argument. Jekk ġenituri barranin jittrasferixxu ruħhom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal raġunijiet ta’ natura purament privata, huma jeżerċitaw id-dritt ġenerali tagħhom għal moviment liberu (Artikolu 18(1) KE) meta huma jittrasferixxu ruħhom mingħajr ma jaħdmu fil-Ġermanja(47). Madankollu, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li huma jistgħu jiġu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja fir-rigward ta’ dħul ieħor.

91.      L-applikabbiltà ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE u ta’ l-Artikolu 18(1) KE lanqas ma tista’ tiġi eskluża abbażi ta’ l-argument li f’tali każ ma tiġi eżerċitata l-ebda attività ekonomika fi Stat Membru ieħor(48). Huwa veru li skond l-Artikolu 12 KE, il-fatti in kwistjoni għandhom jaqgħu fil-“kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-Trattat.” F’sentenzi preċedenti l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li hija biss il-leġiżlazzjoni li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għat-taħriġ professjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat(49). Madankollu, il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jiffavorixxi l-iskejjel privati Ġermaniżi kollha u, għalhekk, anke u fuq kollox l-iskejjel ta’ taħriġ ġenerali. Madankollu, minn meta ngħataw s-sentenzi msemmija, il-kunċett ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea ġie introdott fit-Trattat KE permezz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fit-Titolu VIII (li sar it-Titolu XI) tat-Tielet Parti tat-Trattat KE ġie introdott Kapitolu 3 dwar l-edukazzjoni u l-formazzjoni vokazzjonali li permezz tiegħu ġie estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. Għalhekk, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin ta’ l-Unjoni li jgħix legalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jista’ jinvoka l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju(50). Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu anke l-eżerċizzju tal-libertà mogħtija mill-Artikolu 18 KE li persuna tmur minn post għal ieħor u toqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri(51).

92.      Għaldaqstant anke l-benefiċċji fiskali fir-rigward ta’ miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel ta’ taħriġ ġenerali jistgħu jaqgħu fil-“kamp ta’ applikazzjoni” ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE u ta’ l-Artikolu 18(1) KE.

b)      Diskriminazzjoni

93.      Mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE u mill-Artikolu 18(1) KE jirriżulta li l-ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu skola li tinsab fit-territorju Komunitarju għandhom id-dritt għal trattament ugwali bħat-trattament mogħti lil ċittadini nazzjonali(52). Madankollu, kif diġà esponejna fir-rigward ta’ l-Artikolu 49 KE fil-kuntest tal-kawża C-76/05(53), dan id-dritt mhuwiex irrispettat minn dispożizzjoni fiskali nazzjonali li tippenalizza fiskalment lill-ġenituri b’mod awtomatiku minħabba li t-tfal tagħhom jattendu skejjel privati barranin.

c)      Ġustifikazzjoni

94.      F’dan ir-rigward nista’ nagħmel ukoll referenza għall-kunsiderazzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi magħmula fil-kuntest tal-kawża C-76/05(54), Referenza eventwali għat-tqassim tal-kompetenzi kif previst mit-Trattat ma tistax twassal għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, il-kompetenza fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u taħriġ professjonali tispetta bħala prinċipju lill-Istati Membri(55). Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 149(2) KE ċċitat iktar ’il fuq, dan ma jeżentax kompletament lill-Istati Membri mill-obbligu li josservaw ir-regoli tad-dritt Komunitarju fl-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam ta’ l-edukazzjoni.

d)      Konklużjoni

95.      Għaldaqstant, għandu jiġi ddikjarat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi eskludiet it-tnaqqis fiskali tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel barranin skond il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, kisret ukoll l-Artikolu 12 KE kkunsidrat flimkien ma’ l-Artikolu 18 KE.

4.      Spejjeż

96.      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

V –    Konklużjonijiet

97.      Fil-kawża C-76/05, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domanda preliminari tal-Finanzgericht Köln:

“L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        l-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi tipprekludi li regola nazzjonali tipprovdi li għall-finijiet ta’ tnaqqis fiskali għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel nazzjonali partikolari iżda mhux dawk imħallsa lil skejjel li jinsabu fil-bqija tat-territorju Komunitarju;

–        fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, il-leġiżlatur nazzjonali għandu d-diskrezzjoni li jillimita l-ammont tal-benefiċċju fiskali mogħti lill-iskejjel privati jew li jistabbilixxi kriterji oġġettivi sabiex jiġi ddeterminat jekk tali skejjel humiex intitolati għall-benefiċċju fiskali.”

98.      Fil-kawża C-318/05, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE billi eskludiet, mingħajr ma pprovdiet l-ebda deroga, il-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ attendenza fi skola barra mill-pajjiż mit-tnaqqis għal finijiet ta’ taxxa bħala spejjeż straordinarji taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tbati l-ispejjeż tal-kawża.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara għal kollox, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 23).


3 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19), tal-15 ta’ Lulju 2004, Lenz (C-315/02, Ġabra p. I-7063, punt 19), tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner (C-136/00, Ġabra p. I-8147, punt 28) u tat-28 ta’ April 1998, Safir (C-118/96, Ġabra I-1897, punt 21).


4 – Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-147/03, Ġabra p. I-5969, punti 31 et seq.): skond dik is-sentenza, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tad-diplomi ta’ edukazzjoni sekondarja għall-finijiet ta’ aċċess għall-universitajiet Awstrijaċi taqa’ – kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Federali Awstrijak – fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tat-Trattat KE.


5 – Artikolu 3(1)(c) KE.


6 – Ara f’dan ir-rigward anke l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tas-7 ta’ April 2005, Marks & Spencer (C 446/03, is-sentenza ngħatat fit-13 ta’ Diċembru 2005 u għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 21-40).


7 – BGBl. 1997 I p. 821; il-verżjoni tar-regoli rilevanti għall-każ preżenti ta’ l-EStG, fis-seħħ kemm fiż-żmien tal-kawża prinċipali fil-kawża C-76/05, kif ukoll fil-mument li fih intbagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni fil-kawża C-318/05, mhijiex differenti mill-verżjoni li hija fis-seħħ preżentement.


8 – BGBl. 1949 p. 1.


9 –      Iktar ’il quddiem l-Artikoli kollha tat-Trattat ser jiġu ċċitati skond in-numerazzjoni fis-seħħ wara t-Trattat ta’ Amsterdam. Il-kontenut ta’ l-Artikoli rilevanti għall-finijiet tal-proċedura in eżami ma ġewx emendati wara s-snin in kwistjoni 1998 u 1999.


10 – Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Humbel, (263/86, Ġabra p. 5365, punti 15-19) u tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C-109/92, Ġabra p. I-6447, punt 17).


11 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 56).


12 – Sentenzi fil-kawża 263/86 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punti 15-19, u fil-kawża C-109/92 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 17.


13 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju, D’Hoop (C-224/98, Ġabra p. I-6191, punti 29 - 31).


14 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1988, Gullung (292/86, Ġabra p. 111, punti 11–13)


15 – Sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C-224/97, Ġabra p. I-2517, punt 11), ta’ l-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C-384/93, Ġabra p. I-1141, punt 22), tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, Ġabra p. 195, punt 15) kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 1984, kawżi magħquda Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p.377, punt 10).


16 – Sentenza fil-kawża 263/86 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punti 17-19; fl-istess sens ara l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Van Gerven tat-13 ta’ Jannar 1993 fil-kawża Kraus (C-19/92, sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ġabra p. I-1663, punt 19).


17 – Sentenza fil-kawża C-109/92 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punti 16 et seq.


18 – Madankollu, f’dan is-sens, ara l-argumentazzjoni adottata mill-Bundesfinanzhof Ġermaniż sabiex isostni li mhijiex meħtieġa interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EstG u sabiex b’hekk jiċħad il-proposta li titressaq talba għal-deċiżjoni preliminari: ara BFH, sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1997, XR 74/95 BStBl II 1997, p/ 617, u tas-16 ta’ Diċembru 1998, BFH-NV 1999, p. 918.


19 – Kawża C-372/04 (Ġabra p. I-4325, punt 91).


20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et (kawżi magħquda C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01, Ġabra p. I-2493, punt 47) u tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre (kawżi magħquda C-159/91 u C-160/91, Ġabra p. I-637, punti 15 u 18).


21 – Ara, f’dan is-sens, Söhn, f’Kirchhof u Söhn, Einkommensteuergesetz, Kummentarju, Volum 9, Artikolu 10(1), punt 9, L 66, Heidelberg 2005.


22 – Sentenza tal-Bundesfinanzhofs ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, AZ: XI R 32/03.


23 – Sentenza tal- Bundesfinanzhofs tal-5 ta’ April 2006, AZ: XI R 1/04.


24 – F’dan is-sens ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet dwar ir-rikonoxximent bħala ta’ utilità pubblika tal-fondazzjonijiet tad-dritt privat fil-Konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Diċembru 2005, kawża pendenti Stauffer (C-386/04, punti 91 u 93).


25 – Ara l-punt 30 iktar ’il fuq.


26 – Fl-istess rigward ara wkoll l-osservazzjonijiet espressi mill-Kummissjoni fin-nota bil-miktub fil-proċedura taħt l-Artikolu 234 KE (punt 38, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14), kif ukoll fir-rikors taħt l-Artikolu 226 KE (punt 42, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22).


27 – Fit-trattazzjoni orali tat-2 ta’ Mejju 2006, l-avukati tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali osservaw li, f’każijiet determinati, l-iskejjel privati jipprovdu għal finanzjament tagħhom mhux biss permezz tal-miżati ta’ l-iskola, iżda anke permezz ta’ ħlasijiet minn “assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ” li d-dħul tagħhom jiġi minn donazzjonijiet “volontarji” magħmula, b’mod partikolari, mill-ġenituri.


28 – Sentenzi fil-kawża 263/86 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 17, u fil-kawża C-109/92 (iċċitata iktar ’il fuq, nota 10), punt 17.


29 – F’dan is-sens ara anke l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Van Gerven, kawża C-19/92 (iċċitati iktar ’il fuq, nota 16), punt 20, u ta’ l-Avukat Ġenerali Slynn tas-16 ta’ Jannar 1985, Gravier (kawża 293/83, sentenza tat-13 ta’ Frar 1985, Ġabra p. 593).


30 – Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Peerbooms (C-157/99, Ġabra p. I-5473, punt 57), tal-11 ta’ April 2000, Deliège (kawżi magħquda C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I-2549, punt 56) kif ukoll tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (Ġabra p. 2085, punt 16).


31 – Schmitt-Kammler, f’Sachs, Grundgesetz, Kummentarju, Artikolu 7, punt 62, Monaco 1999; Gröschner, f’Dreier, Grundgesetz, Kummentarju, Volum I, Artikolu 7, punt 105, Tubinga 1996; Robbers, ara Mangoldt/Klein/Starck, Das Bonner Grundgesetz, Kummentarju, Volum 1, Artikolu 7, punti 191, 199, 209, Monaco 1999.


32 – F’dik l-okkażjoni, il-Gvern Federali Ġermaniż irrileva li l-iskejjel privati li jibbenefikaw mill- punt 9 ta’ Artikolu 10(1) ta’ l-EstG ma jipprovdux servizzi, minħabba li bħala regola, huma m’għandhomx l-iskop li jagħmlu qligħ. Skond il-Gvern Ġermaniż, tali konklużjoni ma tinbidilx f’każijiet eċċezzjonali fejn l-iskejjel speċifiċi jirċievu kontributi inferjuri abbażi tal-ħtiġijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Länder, bin-neċessità konsegwenti li jintalbu miżati ta’ l-iskola għola.


33 – Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Slynn tal-15 ta’ Marzu 1988, kawża 263/86 (sentenza ċċitata aktar ’il fuq nota 10) u fil-kawża 293/83 (iċċitati iktar ’il fuq, nota 29), p. 603.


34 – Konklużjonijiet fil-kawża 263/86 (iċċiatati iktar ’il fuq, nota 33).


35 – Sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu Oy (C-213/96, Ġabra p. I-1777, punt 34), tas-26 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjonivs Il-Lussemburgu (C-152/89, Ġabra I-3141, punt 20) u tas-17 ta’ Frar 1976, REWE (45/75, Ġabra p. 181, punt 17).


36 – Sentenza fil-kawża C-209/03 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11), punt 56.


37 – Sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C-436/00, Ġabra p. I-10829, punt 50), C- 136/00 (iċċitata iktar ’il fuq nota 3), punt 56, u tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 59).


38 – Ara wkoll Gonella, „Unvereinbarkeit des § 10 Absatz 1 Nr. 9 EStG mit Europarecht“, Der Betrieb 1994, Heft 28, p. 1395.


39 – Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.


40 – Punti 42 et seq.


41 – Punti 29 et seq.


42 – Punti 59 et seq.


43 – ĠU L 152, p. 13 et seq.


44 – Ara l-ġurisprudenza reċenti tal-Bundesfinanzhofs (iċċitata iktar ’il fuq, noti 22 u 23).


45 – Ara l-kunsiderazzjonijiet preċedenti fil-kawża C-76/05, punti 59 et seq.


46 – Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.


47 – Altrimeni huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala impjegati (Artikolu 39 KE) jew bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom (Artikolu 43 KE).


48 – Skond is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast (C-413/99, Ġabra p, I-7091, punti 80-84), sabiex jiġu invokati l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 KE u l-Artikolu 18(1) KE mhuwiex meħtieġ li tkun eżerċitata attività ekonomika fi Stati Membri oħra skond l-Artikoli 39 KE, 43 KE jew 49 KE.


49 – Sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot et (24/86, Ġabra p. 379, punti 11 u 15) u kawża 293/83 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29), punt 25.


50 – Sentenzi fil-kawża C-209/03 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11), punt 32, ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C-184/99, Ġabra p-I-6193, punt 24) u tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 63).


51 – Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 24) u ta’ l-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C-274/96, Ġabra p. I-7637, punti 15 u 16).


52 – Sentenza fil-kawża C-184/99 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50), punti 30-32.


53 – Ara iktar ’il fuq, punti 41 et seq.


54 – Ara l-punti 59 et seq. iktar ’il fuq.


55 – Ara l-punti 2 u 45 iktar ’il fuq.