Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

ta' l-1 ta' Ġunju 2006 (*)

"Is-Sitt Direttiva tal-VAT – L-Artikolu 11 (A) (2)(a) u (3)(c) – Ammont taxxabbli – Taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi awtomobilistiċi ġodda"

Fil-kawża C-98/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-l’Østre Landsret (Id-Danimarka), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Frar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Frar 2005, fil-proċedura

De Danske Bilimportører

vs

Skatteministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: H. von Holstein,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Frar 2006,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal De Danske Bilimportører, minn K. Dyekjær, Avukat,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn K. Hagel-Sørensen, Avukat,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 11 (A) (2)(a) u (3)(c) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, u - emenda - ĠU L 149, p. 26, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn De Danske Bilimportører (iktar 'il quddiem "DBI"), assoċjazzjoni professjonali ta' importaturi ta' vetturi awtomobilistiċi fid-Danimarka, u Skatteministeriet (Ministeru tat-Taxxi u Sisa Daniżi), fir-rigward ta' l-istatut tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi awtomobilistiċi ġodda (iktar 'il quddiem it-"taxxa ta' reġistrazzjoni") fir-rigward ta' l-ammont taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT").

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva, li jidher taħt it-Titolu VIII ta' din ta' l-aħħar, intitolat "Ammont taxxabbli", jipprovdi:

"A.      Fit-territorju tal-pajjiż

1.      L-ammont taxxabbli għandu jkun:

a)      fir-rigward ta' provvisti ta' oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f'(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti;

[…]

2.      L-ammont taxxabbli għandu jinkludi:

a)      taxxi, dazji, imposti u ħlasijiet, minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud innifisha;

b)      spejjeż inċidentali bħal kummissjoni, ippakkjar, trasport u spejjeż ta' l-assigurazzjoni mitluba mill-fornitur lix-xerrej jew lill-klijent. Spejjeż koperti minn ftehim separat jista' jkunu kkunsidrati li huma spejjeż inċidentali mill-Istati Membri.

3.      L-ammont taxxabbli m'għandux jinkludi:

[…]

c)      l-ammonti rċevuti minn persuna taxxabbli mix-xerrej jew il-klijent bħala ħlas lura għall-ispejjeż mħallsa fl-isem u għall-akkont ta' l-aħħar u li huma mdaħħla fil-kotba tiegħu f'kont ta' bilanċ. Il-persuna taxxabbli trid tissupplixxi prova ta' l-ammont attwali ta' din in-nefqa u ma tistax tnaqqas kwalunkwe taxxa li setgħet inżammet fuq dawn it-transazzjonijiet."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       It-taxxa ta' reġistrazzjoni ġiet stabbilità mil-liġi dwar l-obbligu ta' reġistrazzjoni tal-vetturi awtomobilistiċi (lov om registreringspligt af motorkØretØjer), fil-verżjoni tagħha li toħroġ mill-adozzjoni ta' Liġi Nru 977, tat-2 ta' Diċembru 2002 (iktar 'il quddiem il-"liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni").

5       Skond l-Artikolu 1 ta' l-imsemmija liġi, it-taxxa ta' reġistrazzjoni tolqot il-"vetturi awtomobilistiċi li għandhom jiġu rreġistrati fl-applikazzjoni tal-kodiċi tat-triq". Hija trid tinġabar waqt il-preżentazzjoni tal-vettura għar-reġistrazzjoni. L-awtorizzazzjoni sabiex l-vettura tintuża fit-toroq tad-Danimarka hija suġġetta għall-ħlas ta' din it-taxxa.

6       Skond l-Artikolu 8(1) tal-liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, il-valur taxxabbli ta' vettura awtomobilistika ġdida huwa "il-prezz kurrenti tagħha, inkluż it-taxxa fuq il-valur miżjud, iżda mingħajr it-taxxa prevista mil-liġi preżenti". Fir-rigward tal-vetturi awtomobilistiċi użati, b'mod partikolari dawk li huma importati bħala oġġetti personali fil-kuntest ta' ġarr, kif ukoll il-vetturi awtomobilistiċi mibnija mill-ġdid, per eżempju wara inċident tat-traffiku, il-VAT hija inkluża wkoll fil-bażi tat-taxxa ta' reġistrazzjoni.

7       Skond l-Artikolu 14 tal-liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, kull min ibiegħ taħt titolu professjonali vetturi suġġetti għal din it-taxxa jista' jirreġistra ruħu għand l-awtoritajiet fiskali u doganali. Kuntrarjament għas-soluzzjoni legali li tipprevali għal ċerti prodotti oħra suġġetti għas-sisa, din ir-reġistrazzjoni hija għażla u mhux obbligu għad-distributur ta' vetturi. Id-distributur irreġistrat jibbenefika minn kreditu ta' ħlas, li jeżonerah mill-obbligu li jħallas l-imsemmija taxxa fi flus kontanti meta jieħu l-vettura għar-reġistrazzjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8       F'Jannar tas-sena 1999, DBI xtrat vettura ġdida ddestinata għall-użu tad-Direttur tagħha.

9       Skond il-qorti tar-rinviju, id-distributur intrabat bir-reġistrazzjoni tal-vettura f'isem ix-xerrej u bil-provvista tal-pjanċi ta' reġistrazzjoni qabel ma jikkonsenja din il-vettura, konformement ma' l-użu fid-Danimarka fil-każ ta' xiri ta' vettura awtomobilistika mingħand distributur rikonoxxut.

10     Fattura ta' xiri tal-vettura ssemmi prezz globali ta' 498 596 DKK. Dan il-prezz jinqasam kif ġej: l-ammont mitlub lix-xerrej mid-distributur, barra l-VAT u t-taxxa ta' reġistrazzjoni, il-VAT ikkalkolata bir-rata normali ta' 25% fuq il-prezz tal-vettura u t-taxxa ta' reġistrazzjoni stabbilità, bil-kundizzjoni ta' ċerti aġġustamenti u deduzzjonijiet, fuq is-somma ta' l-ewwel żewġ elementi.

11     Billi kkunsidrat li l-metodu ta' kalkolu espost fil-punt preċedenti jikser il-provvedimenti ta' l-Artikolu 11 (A) tas-Sitt Direttiva u li l-VAT għandha tiġi kkalkolata fuq il-prezz globali tal-vettura, inkluż t-taxxa ta' reġistrazzjoni, DBI resqet rikors quddiem l-Østre Landsret.

12     Mid-deċiżjoni tar-rinviju joħroġ li, skond jekk il-VAT tiġix ikkalkolata f'applikazzjoni tal-metodu użat mill-amministrazzjoni fiskali Daniża jew skond il-metodu rrakkomandat minn DBI, l-ammont tal-prezz globali tal-vettura jvarja b' 14 899 DKK. Din id-differenza tispjega ruħha permezz tan-natura progressiva tat-taxxa ta' reġistrazzjoni.

13     Billi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ġunju 2003, De Danske BilimportØrer (C-383/01, Ġabra p. I-6065), ma tinkludix risposta rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiemha, l’Østre Landsret ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      Għandhom id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 (A)(2)(a) moqrija flimkien ma dawk ta' l-Artikolu 11 (A)(3)(c) tas-Sitt Direttiva […] jiġu interpretati fis-sens li meta jiġi konkluż kuntratt ta' bejgħ li jipprovdi għal kunsinna ta' vettura ġdida ddestinata għat-trasport ta' persuni, taxxa ta' reġistrazzjoni tal-vetturi awtomobilistiċi (vetturi privati) taqa' taħt il-bażi ta' stima tal-VAT, peress li, konformement mal-kuntratt ta' bejgħ u ma' l-użu li x-xerrej jiddestinaha għalih, il-vettura tiġi kkonsenjata mid-distributur lix-xerrej bir-reġistrazzjoni u għal prezz globali li jinkludi l-prezz imħallas lid-distributur kif ukoll it-taxxa [ta' reġistrazzjoni]?

2)      Jista' l-Istat Membru jaddatta s-sistema fiskali tiegħu b'tali mod li t-taxxa ta' reġistrazzjoni tiġi kkunsidrata bħala ħlas li d-distributur iħallas akkont tax-xerrej finali, b'tali mod li huwa x-xerrej finali li huwa l-kontribwent dirett?

3)      L-ewwel u t-tieni domanda jiġu effettwati bil-fatt li vettura privata tista' tiġi mixtrija u kkonsenjata mingħajr ma' t-taxxa ta' reġistrazzjoni tkun ġiet imħalsa, kif jiġri meta x-xerrej ma jkollux l-intenzjoni li juża l-vettura għat-trasport ta' persuni jew ta' merkanzija f'żona fejn japplika l-kodiċi tat-triq?

4)      Huwa rilevanti l-fatt li, f'miżura sostanzjali, jiġu importati vetturi użati, b'mod partikolari taħt titolu ta' oġġetti personali, mill-utent finali li jħallas huwa stess it-taxxa ta' reġistrazzjoni mingħajr l-intervent ta' distributur?

5)      Huwa rilevanti li jsir magħruf jekk il-fatt taxxabbli tat-taxxa ta' reġistrazzjoni jseħħx u din it-taxxa tkun dovuta - jekk ikun il-każ taħt titolu ta' ħlas – qabel ma jseħħ il-fatt taxxabbli tal-VAT u qabel ma din ta' l-aħħar tkun dovuta?"

 Fuq id-domandi preliminari

14     Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk taxxa ta' reġistrazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex, meta d-distributur jikkonsenja l-vettura bir-reġistrazzjoni tagħha għal prezz li jinkludi din it-taxxa, konformement mal-kuntratt ta' bejgħ ta' l-imsemmija vettura u ma' l-użu li x-xerrej għandu l-intenzjoni jagħmel minn din ta' l-aħħar, tiġi inkluża fl-ammont taxxabbli bħala taxxa fis-sens ta' l-Artikolu 11 (A)(2)(a) tas-Sitt Direttiva jew, għall-kuntrarju, tiġi eskluża minn dan l-ammont skond l-Artikolu 3(c) ta' l-istess dispożizzjoni.

15     Skond l-Artikolu 11 (A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva, l-ammont taxxabbli fit-territorju tal-pajjiż huwa kostitwit, għall-kunsinni ta' oġġetti, minn dak kollu li jikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni li l-fornitur kiseb jew li għandu jikseb mingħand ix-xerrej. Il-paragrafi 2 u 3 ta' l-istess Artikolu jelenkaw ċerti elementi li għandhom jiġu inklużi fl-ammont taxxabbli u oħrajn li m'għandhomx jiġu inklużi (sentenza tas-27 ta' Marzu 1990, Boots Company, C-126/88, Ġabra p. I-1235, punt 15).

16     Skond l-Artikolu 11 (A)(2)(a) tas-Sitt Direttiva, għandhom jiġu inklużi fl-ammont taxxabbli t-taxxi, dazji, imposti u ħlasijiet, minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud innifisha.

17     Hekk kif tosserva l-Avukatessa Ġenerali fil-punti 16 u 17 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex dawn l-elementi jkunu jistgħu jaqgħu taħt il-bażi ta' stima tal-VAT anke jekk ma jirrappreżentawx valur miżjud u ma jikkostitwixxux il-kunsiderazzjoni ekonomika tal-kunsinna ta' l-oġġett, għandu jkollhom rabta diretta ma' din il-kunsinna (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta' Novembru 1988, Naturally Yours Cosmetics, 230/87, Ġabra p. 6365, punti 11 u 12; tat-2 ta' Ġunju 1994, Empire Stores, C-33/93, Ġabra p. I-2329, punt 12, u tat-3 ta' Lulju 2001, Bertelsmann, C-380/99, Ġabra p. I-5163, punti 17 u 18).

18     Issa, f'dan il-każ, hekk kif jenfazzizaw il-Gvernijiet Daniżi u Olandiżi kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew, il-fatt taxxabbli ta' taxxa ta' reġistrazzjoni jinsab mhux fil-kunsinna tal-vettura, iżda fl-ewwel reġistrazzjoni ta' din ta' l-aħħar fuq it-territorju Daniż (ara s-sentenzi De Danske BilimportØrer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34, u tas-16 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-138/04, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 12).

19     Din l-analiżi hija kkonfermata mill-fatt, li jikkostitwixxi s-suġġett tat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li vettura ġdida mixtrija bi skop ieħor għajr l-użu fiż-żoni fejn japplika l-kodiċi tat-triq Daniż (per eżempju fil-każ ta' vettura ta' kollezzjoni, vettura ddestinata li tiġi użata esklużivament fuq art privata jew vettura ddestinata sabiex tiġi ttrasferita barra mit-territorju nazzjonali) ma jagħtix lok, minkejja l-eżistenza ta' kunsinna fit-territorju ta' dan ta' l-aħħar, għall-ġbir tat-taxxa ta' reġistrazzjoni.

20     Din l-analiżi hija wkoll ikkorroborata bil-fatt, imsemmi fir-raba' domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li t-taxxa ta' reġistrazzjoni hija dovuta f'ċerti ipoteżi kkaratterizzati minn nuqqas ta' kunsinna fit-territorju Daniż, bħal dik ta' vettura trasferita mill-propjetarju tagħha fid-Danimarka fil-kuntest ta' ġarr u ddestinata li tiġi użata fit-toroq ta' dan l-Istat Membru jew dik ta' vettura mibnija mill-ġdid wara inċident u allokata mill-ġdid għal dan l-użu.

21     Kuntrarjament għal dak li ssostni DBI, ir-rabta bejn il-ġbir ta' l-imsemmija taxxa u r-reġistrazzjoni tal-vettura m'għandhiex, f'dawn il-kundizzjonijiet, tiġi kkunsidrata bħala li tirrispondi biss għall-interess ta' l-awtoritajiet li jassiguraw kontroll effettiv tal-ġbir ta' taxxa li hija, fir-realtà, marbuta mal-kunsinna. Għall-kuntrarju, hija twassal għan-natura vera u għall-fatt taxxabbli ta' din it-taxxa, li hija taxxa relatata direttament mar-reġistrazzjoni, li tkun dovuta meta vettura tiġi preżentazzjoni għar-reġistrazzjoni bl-għan li tintuża fit-toroq tad-Danimarka.

22     Huwa veru li, kif issostni DBI, meta distributur rikonoxxut jintrabat kuntrattwalment li jikkonsenja l-vettura wara li jkun irreġistraha, kif inhu abitwalment il-każ, skond il-qorti tar-rinviju, fix-xiri ta' vettura mingħand dan id-distributur, il-VAT tkun dovuta wara t-taxxa ta' reġistrazzjoni u din ta' l-aħħar hija inkluża fl-ammont iffatturat lix-xerrej waqt il-kunsinna ta' din il-vettura.

23     Madankollu, u sabiex tingħata risposta lill-ħames domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, din iċ-ċirkustanza m'għandhiex tivvizzja l-eżistenza, bejn il-fatti taxxabbli rispettivi tat-taxxa ta' reġistrazzjoni u tal-VAT, ta' differenza kunċettwali li tagħmel l-ewwel waħda awtonoma meta mqabbla mat-tieni.

24     Dan jgħodd ukoll għall-argument imsemmi minn DBI, li jgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-indikazzjoni tal-prezzijiet timponi obbligu fuq id-distributuri li fir-reklamar tagħhom jindikaw il-prezz globali tal-vettura, inkluża t-taxxa ta' reġistrazzjoni.

25     Minn dan isegwi li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, it-taxxa ta' reġistrazzjoni ġiet imħalsa mid-distributur minħabba obbligu kuntrattwali li jikkonsenja lix-xerrej vettura li hija rreġistrata f'isem dan ta' l-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatturazzjoni ta' din it-taxxa lix-xerrej tikkorispondi għal ħlas lura ta' l-ispejjeż imħalsa mid-distributur f'isem u akkont ta' l-imsemmi xerrej u mhux għall-kunsiderazzjoni ta' l-oġġett ikkonsenjat. Din it-taxxa għandha għaldaqstant tiġi analizzata biss bħala element imdaħħal fil-kotba tad-distributur u li għandha n-natura ta' kont ta' bilanċ fis-sens ta' l-Artikolu 11 (A)(3)(c) tas-Sitt Direttiva.

26     Hekk kif tosserva l-Avukatessa Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi enfasizzat f'dan ir-rigward li, fil-kuntest ta' kuntratt ta' bejgħ bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, id-distributur irreġistrat li jħallas t-taxxa ta' reġistrazzjoni qabel ma jikkonsenja l-vettura jagħmel dan mhux fl-interess proprju tiegħu, iżda f'dak tax-xerrej li jixtieq jidħol fil-pussess ta' vettura ġdida rreġistrata f'ismu u li tkun tista' tintuża legalment fit-toroq tad-Danimarka.

27     Huwa minnhu li, hekk kif tenfasizza DBI, id-distributur reġistrat huwa, f'dan il-każ, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ta' reġistrazzjoni fir-rigward ta' l-awtoritajiet fiskali kompetenti. Huwa minnu wkoll li, fir-rigward ta' din it-taxxa, dak li għandu jħallas t-taxxa huwa x-xerrej tal-vettura, hekk kif jindika l-fatt li d-distributur konsegwentement jiġbor lura l-ammont tax-taxxa li huwa ħallas mingħand l-imsemmi xerrej.

28     B'risposta għat-tieni domanda, għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, bir-riżerva ta' ċerti eċċezzjonijiet mhux rilevanti f'dan il-każ, l-intaxxar ta' vetturi awtomobilistiċi ma ġiex armonizzat u jvarja b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. L-Istati Membri huma għaldaqstant liberi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom f'dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jagħmlu hekk fir-rispett tad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 40, u tal-15 ta' Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, Ġabra p. I-7929, punt 74).

29     Konsegwentement, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 (A)(3)(c) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi meqjus li Stat Membru jista' jistabbilixxi taxxa fuq il-vetturi awtomobilistiċi ġodda li l-fatt taxxabbli tagħha huwa l-ewwel reġistrazzjoni fuq it-territorju ta' dan l-Istat u fejn dak li għandu jħallas din it-taxxa huwa x-xerrej tal-vettura, u li, peress li tiġi mħalsa mid-distributur minħabba obbligu kuntrattwali li jikkonsenja l-vettura b'reġistrazzjoni f'isem ix-xerrej, jikkorispondi għal ammont imħallas mid-distributur f'isem u akkont ta' l-imsemmi xerrej.

30     Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li, f'kuntest ta' kuntratt ta' bejgħ li jipprovdi li, konformement ma' l-użu li x-xerrej għandu l-intenzjoni jagħmel mill-vettura, id-distributur jikkonsenja din ta' l-aħħar b'reġistrazzjoni u għal prezz li jinkludi t-taxxa ta' reġistrazzjoni li ħallas qabel il-kunsinna, din it-taxxa, li l-fatt taxxabbli tagħha jinsab mhux fl-imsemmija kunsinna, iżda fl-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura fuq it-territorju nazzjonali, ma taqax taħt il-kunċett ta' taxxi, dazji, imposti u ħlasijiet fis-sens ta' l-Artikolu 11 (A)(2)(a), tas-Sitt Direttiva. Din it-taxxa tikkorispondi għal ammont li l-persuna taxxabbli rċeviet mingħand ix-xerrej tal-vettura, bħala rimborż ta' l-ispejjeż sostnuti f'isem u akkont ta' dan ta' l-aħħar, fis-sens tal-paragrafu (3)(c) ta' l-istess dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

31     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Fil-kuntest ta' kuntratt ta' bejgħ li jipprovdi li, konformement ma' l-użu li x-xerrej għandu l-intenzjoni jagħmel mill-vettura, id-distributur jikkonsenja din ta' l-aħħar b'reġistrazzjoni u għal prezz li jinkludi t-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi awtomobilistiċi ġodda li ħallas qabel il-kunsinna, din it-taxxa, li l-fatt taxxabbli tagħha jinsab mhux fl-imsemmija kunsinna, iżda fl-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura fuq it-territorju nazzjonali, ma taqax taħt il-kunċett ta' taxxi, dazji, imposti u ħlasijiet fis-sens ta' l-Artikolu 11 (A)(2)(a), tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima. Din it-taxxa tikkorispondi għal ammont li l-persuna taxxabbli rċeva mingħand ix-xerrej tal-vettura, bħala rimborż ta' l-ispejjeż sostnuti f'isem u akkont ta' dan ta' l-aħħar, fis-sens tal-paragrafu (3)(c) ta' l-istess dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.