Kawża C-157/05
Winfried L. Holböck
vs
Finanzamt Salzburg-Land
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof)
“Moviment liberu ta’ kapitali — Libertà ta’ stabbiliment — Taxxa fuq id-dħul — Distribuzzjoni ta’ dividendi — Dħul minn kapitali li joriġinaw minn pajjiż terz”
Sommarju tas-Sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu ta’ kapitali – Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni
(Art. 43 KE u 56 KE)
2. Moviment liberu ta’ kapitali — Restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapitali li sejrin jew li ġejjin minn pajjiż terz
(Art. 56 KE u 57(1) KE)
1. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dividendi għal taxxa li r-rata tagħha tiddependi mill-oriġini, nazzjonali jew le, ta’ dawn id-dividendi, indipendentement mid-daqs tas-sehem li l-azzjonist għandu fil-kumpannija li tqassam, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu ta’ kapitali.
Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu tat-Trattat relatat mad-dritt ta’ stabbiliment ma jistgħux jiġu invokati f’sitwazzjoni fejn azzjonist jirċievi dividendi ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz. Fil-fatt, l-imsemmi kapitolu ma fih l-ebda dispożizzjoni li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għas-sitwazzjonijiet li jirrigwardaw l-istabbiliment f’pajjiż terz ta’ ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ kumpannija stabbilita skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru.
(ara l-punti 24, 28-29)
2. L-Artikolu 57 (1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 56 KE ma jipprekludix l-applikazzjoni minn naħa ta’ Stat Membru ta’ liġi eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 li, filwaqt li tissuġġetta lil azzjonist li jirċievi dividendi mingħand kumpannija residenti għal rata ta’ taxxa ugwali għal nofs ir-rata ta’ taxxa medja, tissuġġetta lill-azzjonist li jirċievi dividendi mingħand kumpannija stabbilita f’pajjiż terz, u li fiha jkollu żewġ terzi tal-kapital soċjali, għar-rata ordinarja ta’ taxxa fuq id-dħul.
Fil-fatt, anki kieku kellu jitqies li tali azzjonist ikun jista’ jinvoka l-Artikolu 56 KE, restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapitali li jimplika investimenti diretti, bħal trattament fiskali anqas vantaġġuż ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, taqa’ taħt l-Artikolu 57(1) KE safejn hija tirrigwarda ishma akkwistati sabiex jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti bejn l-azzjonist u l-kumpanniji kkonċernati u li jippermettu lill-azzjonist jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha, u li huwa l-każ ta’ trattament fiskali anqas vantaġġuż ta’ dividendi ta’ oriġini barranija li huma relatati ma’ sehem ta’ żewġ terzi tal-kapital soċjali tal-kumpannija li tqassamhom.
(ara l-punti 36-38, 44-45 u disp.)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla)
24 ta’ Mejju 2007 (*)
“Moviment liberu ta’ kapitali – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq id-dħul – Distribuzzjoni ta’ dividendi – Dħul kapitali li joriġina minn pajjiżi terzi”
Fil-kawża C-157/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2005, fil-proċedura
Winfried L. Holböck
vs
Finanzamt Salzburg-Land,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal W. Holböck, minn W.-D. Arnold, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Jurgensen, bħala aġenti,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn T. Ward, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u G. Braun, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 56 KE u 58 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn W. Holböck u l-Finanzamt Salzburg-Land, dwar it-tassazzjoni tad-dividendi li rċieva mingħand kumpannija stabbilita f’pajjiż terz.
Il-Kuntest Ġuridiku
3 L-Artikolu 37(1) u (4) tal-liġi Awstrijaka ta’ l-1988 dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz 1988, BGBl. 400/1988, aktar ’il quddiem l-“EStG 1988”), qabel ma ġie emendat mil-liġi dwar ir-riforma fiskali ta’ l-1993 (Steuerreformgesetz 1993, BGBl. 818/1993), kien jiddisponi:
“(1) Ir-rata tat-taxxa titnaqqas għal:
– id-dħul li ġej mit-tqassim effettiv tal-profitti (paragrafu 4) […] b’nofs ir-rata tat-taxxa medja li tolqot id-dħul kollu;
[…]
(4) Id-dħul fuq l-ishma huwa:
1. It-tqassim effettiv tad-dividendi ta’ l-ishma jew ta’ l-interessi ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju nazzjonali jew ta’ kooperattivi bi skop kummerċjali nazzjonali
[…]”
4 Wara l-emendi ta’ dan l-Artikolu permezz tal-liġi ta’ l-1993 dwar ir-riforma fiskali, il-kliem tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti sar kif ġej:
“(1) Ir-rata tat-taxxa titnaqqas għal :
3. id-dħul ibbażat fuq ishma (paragrafu 4) […] b’nofs ir-rata tat-taxxa medja li tolqot id-dħul kollu;
[…]
(4) Id-dħul fuq l-ishma huwa:
1. Il-prodott ta’ l-ishma:
a) Qligħ ta’ kull tip minn ishma f’kumpanniji b’kapital azzjonarju jew ta’ kooperattivi bi skop kummerċjali nazzjonali taħt forma ta’ ishma jew interessi f’kumpanniji […]
[…]”
5 Skond din il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul (aktar ’il quddiem il-“liġi nazzjonali”), id-distribuzzjonijiet ta’ profitti ta’ kumpanniji nazzjonali lil persuna fiżika li tirrisjedi fl-Awstrija huma suġġetti għal rata ta’ taxxa mnaqqsa bin-nofs (“Hälftesteuersatz”).
6 Minn naħa l-oħra, id-distribuzzjonijiet ta’ profitti ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata barranin lil persuna fiżika li tirrisjedi fl-Awstrija huma suġġetti għat-taxxa ordinarja fuq id-dħul.
7 Fir-rigward tat-taxxa fuq it-tqassim effettiv tal-profitti, la l-liġi ta’ l-1993 dwar ir-riforma fiskali u lanqas il-liġi ta’ l-1996 dwar l-adattament strutturali (Strukturanpassungsgesetz, BGBl. 201/1996) ma emendaw l-istat tad-dritt f’dak li jirrigwarda l-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 1993.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 W. Holböck huwa residenti fl-Awstrija, fejn jinsab stabbilit ukoll iċ-ċentru ta’ l-interessi tiegħu. Huwa għandu l-kariga ta’ direttur f’CBS Conmeth Business Systems GmbH, li hija stabbilita fl-Awstrija u tikkummerċjalizza prodotti kożmetiċi.
9 L-azzjonist uniku ta’ l-imsemmija kumpannija huwa CBS Conmeth Business Systems AG, li hija stabbilita fl-Iżvizzera. W. Holböck għandu żewġ terzi tal-kapital soċjali ta’ din it-tieni kumpannija.
10 Permezz ta’ l-ishma li għandu fil-kapital soċjali ta’ CBS Conmeth Business Systems AG, W. Holböck irċieva dividendi matul is-snin 1992 sa 1996. Bħala dħul kapitali, dawn id-dividendi huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul bir-rata sħiħa fl-Awstrija.
11 Peress li l-ġbir ta’ din it-taxxa kien jidher kompromess, il-Finanzlandesdirektion für Salzburg – li għalih ġie ulterjorment issostitwit il-Finanzamt Salzburg-Land – ordna, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2000, li tingħata garanzija fuq il-ġid ta’ W. Holböck sabiex jiġi ggarantit il-ħlas tat-taxxa msemmija fuq id-dħul tiegħu, għas-snin 1992 sa 1996, fl-ammont totali ta’ ATS 118 944 088. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.
12 Fl-appell tiegħu, W. Holböck jgħid li l-ħlas transkonfinali ta’ dividendi mingħand kumpannija stabbilita fl-Iżvizzera lil titolari ta’ interessi Awstrijak jaqa' taħt l-Artikolu 56 KE, li jipprojbixxi kull restrizzjoni fuq il-moviment ta’ kapitali, inkluż dak bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Il-fatt li l-liġi nazzjonali tissuġġetta d-dividendi ddistribwiti lill-persuni fiżiċi minn kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija għal rata ta’ taxxa ugwali għal nofs ir-rata medja, filwaqt li tistabbilixxi taxxa b’rata sħiħa fil-konfront tad-dividendi li joriġinaw minn pajjiż barrani, jikkostitwixxi differenza ta’ trattament li għaliha ma teżisti l-ebda ġustifikazzjoni.
13 Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Lulju, Lenz (C-315/02, Ġabra p. I-7063), tkellmet fuq is-sistema tat-taxxa fuq id-dħul kapitali fl-Awstrija, illimitat ruħha biss għad-dħul kapitali li ġej minn Stati Membri oħrajn.
14 Filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 57(1) KE, li jgħid li l-Artikolu 56 KE ma jaffettwax l-applikazzjoni, għall-pajjiżi terzi, tar-restrizzjonijiet eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt komunitarju f’dak li jirrigwarda l-movimenti ta’ kapitali lejn jew minn pajjiżi terzi meta jkunu jimplikaw investimenti diretti, il-qorti msemmija tqis li l-kunċett ta’ “investimenti diretti” ma ġiex iċċarat b’mod suffiċjenti.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:
“Id-dispożizzjonijiet relattivi għall-moviment liberu ta’ kapitali (Artikoli 56 KE ’l quddiem) jipprekludu liġi nazzjonali eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 (u li nżammet wara l-adeżjoni ta’ l-Awstrija ma' l-[Unjoni Ewropea] fl-1 ta’ Jannar 1995) li tgħid li d-dividendi ta’ ishma nazzjonali jiġu ntaxxati b’rata ugwali għal nofs ir-rata ta’ taxxa medja li tolqot id-dħul kollu, filwaqt li d-dividendi minn kumpannija stabbilita f’pajjiż terz (f’dan il-każ, l-Iżvizzera), li fiha l-persuna taxxabbli għandha sehem ta’ żewġ terzi, jiġu ntaxxati bir-rata ordinarja ta’ taxxa fuq id-dħul?”
Fuq it-talba preliminari
16 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu ta’ kapitali jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tissuġġetta lil azzjonist li jirċievi d-dividendi ta’ kumpannija residenti għal rata ta’ taxxa ugwali għal nofs ir-rata tat-taxxa medja, tintaxxa lid-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita f’pajjiż terz u li fiha l-persuna taxxabbli jkollha żewġ terzi tal-kapital soċjali għal rata ordinarja ta’ taxxa fuq id-dħul.
17 B’riferiment għas-sentenza Lenz, iċċitata aktar ’il fuq, W. Holböck u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jgħidu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija restrizzjoni għall-moviment liberu ta’ kapitali.
18 Kuntrarjament għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tqis li l-għoti ta’ dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita f’pajjiż terz u li fiha l-azzjonist għandu sehem ugwali għal żewġ terzi tal-kapital soċjali jaqa' taħt il-kunċett ta’ “investimenti diretti” skond l-Artikolu 57(1) KE. Peress li l-liġi msemmija kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993, din taqa' taħt l-eċċezzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni għall-interdizzjoni tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu ta’ kapitali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kif stabbilit fl-Artikolu 56 KE.
19 Min-naħa l-oħra, il-Gvernijiet ta’ Franza u ta’ l-Olanda jgħidu, prinċipalment, li l-liġi nazzjonali tista’ biss tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet relattivi għal-libertà ta’ stabbiliment u mhux tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-moviment liberu ta’ kapitali. Madankollu, peress li din il-libertà mhijiex estiża għal stabbiliment ta’ resident ta’ Stat Membru f’pajjiż terz, W. Holböck ma jistax jinvoka l-liberta ta’ l-istabbiliment sabiex jikkontesta l-applikazzjoni ta’ din il-liġi għad-dividendi li rċieva mingħand kumpannija stabbilita fl-Iżvizzera li fiha għandu sehem ta’ żewġ terzi tal-kapital soċjali.
20 Fil-każ fejn il-liġi nazzjonali jkollha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-moviment liberu ta’ kapitali, dawn il-Gvernijiet, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, jaqblu mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li din il-liġi f’kull każ taqa' taħt l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 57(1) KE.
21 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, bis-saħħa ta’ ġurisprudenza kostanti, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, madankollu, dawn ta’ l-aħħar iridu jeżerċitaw din b’osservanza tad-dritt Komunitarju (sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32; Lenz, iċċitata aktar ’il fuq, punt 19, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19).
22 Fir-rigward tal-kwistjoni jekk liġi nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra mil-libertajiet ta’ moviment, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tal-liġi in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I 7995, punti 31 sa 33; tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I 9521, punti 34 u 44 sa 49; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 37 u 38; Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36, kif ukoll dik tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 26 sa 34).
23 Kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (punti 31 u 32) kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (punti 28 sa 33), il-liġi nazzjonali mhijiex intiża li tkun applikabbli biss għal dawk l-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha.
24 Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dividendi għal taxxa li r-rata tagħha tiddependi mill-oriġini, nazzjonali jew le, ta’ dawn id-dividendi, indipendentement mid-daqs tas-sehem li l-azzjonist għandu fil-kumpannija li tqassam, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE dwar il-moviment liberu ta’ kapitali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punti 37 u 38, kif ukoll Test Claimants in the FII Group Litigation, punti 36, 80 u 142).
25 Madankollu, f’dan il-każ, l-ebda waħda minn dawn il-libertajiet ma jipprekludu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
26 Minn naħa waħda, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 43 KE jiggarantixxi l-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ħaġa li tinkludi l-aċċess għall-attivitajiet mhux imħallsa u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll it-twaqqif u l-amministrazzjoni ta’ impriżi fil-kundizzjonijiet indikati mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tagħha stess (ara s-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 27, u tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 40).
27 Skond ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija wkoll ferm stabbilita, anki jekk, skond il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu xorta waħda li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skond il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 31, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata aktar ’il fuq, punt 42).
28 Madankollu, il-kapitolu tat-Trattat relatat mad-dritt ta’ stabbiliment ma fih l-ebda dispożizzjoni li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għas-sitwazzjonijiet li jirrigwardaw l-istabbiliment f’pajjiż terz ta’ ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ kumpannija stabbilita skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, id-Digriet ta’ l-10 ta’ Mejju 2007, A u B, C-102/05, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 29).
29 Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi kapitolu ma jistgħux jiġu invokati f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.
30 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-moviment liberu ta’ kapitali, il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, ikkunsidrat, fil- punti 20 sa 22 tas-sentenza tagħha Lenz, iċċitata aktar ’il fuq, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn din tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa liberatorja ta’ 25 % jew ta’ rata mnaqqsa bin-nofs fuq id-dħul ta’ kapitali bil-kundizzjoni li dan id-dħul ikun joriġina mill-Awstrija, mhux biss għandha l-effett li tiddisswadi lill-persuni taxxabbli residenti fl-Awstrija milli jinvestu l-kapitali tagħhom f’kumpanniji stabbiliti barra minn dan l-Istat Membru, iżda għandha wkoll effett restrittiv fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji, peress li fil-konfront tagħhom din toħloq ostaklu għall-ġbir ta’ kapitali f’dan l-Istat. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu ta’ kapitali kif ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56(1) KE.
31 Madankollu, anki kieku kellu jitqies li ċittadin ta’ Stat Membru li għandu ż-żewġ terzi tal-kapital soċjali ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz jista’ jinvoka l-interdizzjoni tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu ta’ kapitali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif jistabbilixxi l-Artikolu 56(1) KE, sabiex jopponi l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għad-dividendi li rċieva mingħand kumpannija bħal din, f’dan il-każ, kif qalu kemm il-Gvernijiet ta’ Franza, ta’ l-Olanda u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni msemmija taqa' taħt l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 57(1) KE.
32 Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Artikolu 56 KE ma jippreġudikax l-applikazzjoni, għall-pajjiżi terzi, tar-restrizzjonijiet eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt Komunitarju fir-rigward tal-movimenti ta’ kapitali lejn jew minn pajjiżi terzi meta jimplikaw investimenti diretti, inklużi l-investimenti immobbli, l-istabbiliment, il-provista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fis-swieq ta’ kapitali.
33 Għalkemm il-kunċett ta’ “investimenti diretti”, ma jingħatax definizzjoni fit-Trattat, madankollu dan kien is-suġġett ta’ definizzjoni fin-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapitali inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu abrogat permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5) (sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata aktar ’il fuq, punti 177 et 178).
34 Hekk kif jirriżulta mil-lista ta’ “investimenti diretti” inkluża fl-ewwel sezzjoni tan-nomenklatura msemmija u min-noti ta’ spjegazzjoni relatati, il-kunċett ta’ investimenti diretti jirrigwarda l-investimenti ta’ kull natura li jwettqu persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu u jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn il-persuna li tipprovdi l-kapital u l-impriża li lilhom jingħata tali kapital sabiex teżerċita attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata aktar ’il fuq, punti 180 u 181).
35 Għal dak li jirrigwarda l-ishma f’impriżi ġodda jew eżistenti, kif jikkonfermaw dawn in-noti ta’ spejagazzjoni, l-obbjettiv li jinħolqu jew li jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul jippreżupponi li l-ishma li għandu l-azzjonist jagħtuh, kemm minħabba d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, u kemm b’mod ieħor, il-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata aktar ’il fuq, punt 182).
36 Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapitali li jinvolvu l-investimenti diretti jew l-istabbiliment fis-sens ta’ l-Artikolu 57(1) KE jkopru mhux biss il-miżuri nazzjonali li, fl-applikazzjoni tagħhom għall-moviment ta’ kapitali lejn jew minn pajjiżi terzi, jillimitaw l-investimenti jew l-istabbiliment, iżda wkoll dawk li jillimitaw il-ħlasijiet ta’ dividendi li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata aktar ’il fuq, punt 183).
37 Minn dan jirriżulta li restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapitali, bħal trattament fiskali anqas vantaġġuż ta’ dividendi ta’ oriġini barranija, taqa' taħt l-Artikolu 57(1) KE safejn hija tirrigwarda ishma akkwistati sabiex jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti bejn l-azzjonist u l-kumpanniji kkonċernati u li jippermettu lill-azzjonist jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata aktar ’il fuq, punt 185).
38 Kif qalu l-Gvernijiet ta’ Franza u l-Olanda, kif ukoll il-Kummissjoni, dan huwa l-każ ta’ trattament fiskali anqas vantaġġuż ta’ dividendi ta’ oriġini barranija li huma relatati ma sehem ta’ żewġ terzi tal-kapital soċjali tal-kumpannija li tqassamhom.
39 Jirriżulta mill-Artikolu 57(1) KE li Stat Membru jista’ japplika, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi terzi, ir-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapitali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk huma jmorru kontra l-prinċipju tal-moviment liberu ta’ kapitali stabbilit fl-Artikolu 56 KE, bil-kundizzjoni li kienu jeżistu diġà fil-31 ta’ Diċembru 1993 (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata aktar ’il fuq, punt 187).
40 Filwaqt li huwa d-dmir, bħala regola, tal-qorti nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-leġiżlazzjoni eżistenti fid-data stabbilita minn att Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni tal-kunċett Komunitarju li jikkostitwixxi l-bażi għall-applikazzjoni ta’ sistema derogatorja Komunitarja għal leġiżlazzjoni nazzjonali “eżistenti” f’data speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C-302/97, Ġabra p. I-3099, punt 27, u Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata aktar ’il fuq, punt 191).
41 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li kull miżura nazzjonali adottata wara data hekk iffissata mhijiex, abbażi ta’ dan il-fatt waħdu, awtomatikament eskluża mis-sistema derogatorja stabbilita mill-att Komunitarju in kwistjoni. Fil-fatt, dispożizzjoni li hija, fis-sustanza, identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew li hija limitata għat-tnaqqis jew it-tneħħija ta’ ostaklu fl-eżerċizzju ta’ drittijiet u libertajiet Komunitarji li jinsabu fil-leġiżlazzjoni preċedenti tibbenefika mid-deroga. Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni li hija bbażata fuq loġika differenti minn dik tad-dritt preċedenti u tistabbilixxi proċeduri ġodda ma tistax tiġi mqabbla mal-leġiżlazzjoni eżistenti fid-data stabbilita mill-att Komunitarju in kwistjoni (ara s-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, Konle, punti 52 u 53, kif ukoll Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 192).
42 F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali qalet, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li s-sistema ta’ tassazzjoni applikabbli fl-Awstrija, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, għad-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti f’pajjiżi terzi kienet ibbażata fuq l-EStG 1988, kif emendata mil-liġi ta’ l-1993 dwar ir-riforma fiskali kif ukoll mil-liġi ta’ l-1996 dwar l-adattament strutturali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fir-rigward ta’ taxxi fuq it-tqassim effettiv tal-profitti, relatati mad-dispożizzjonijiet introdotti mill-EStG 1988 qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, l-emendi leġiżlattivi magħmula wara l-31 ta’ Diċembru 1993 ma bidlux il-kuntest ġuridiku applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, inkluż għall-perijodu wara din id-data.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha titqies li kienet eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 skond l-Artikolu 57(1) KE.
44 Minn dan jirriżulta li, anki kieku kellu jitqies li kontribwent li jinsab fil-pożizzjoni ta’ W. Holböck ikun f’sitwazzjoni li jinvoka l-Artikolu 56 KE, dan ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.
45 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 57(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 56 KE ma jipprekludix l-applikazzjoni minn naħa ta’ Stat Membru ta’ liġi eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 li, filwaqt li tissuġġetta lil azzjonist li jirċievi dividendi mingħand kumpannija residenti għal rata ta’ taxxa ugwali għal nofs ir-rata ta’ taxxa medja, tissuġġetta lil azzjonist li jirċievi dividendi mingħand kumpannija stabbilita f’pajjiż terz, u li fiha jkollu żewġ terzi tal-kapital soċjali, għar-rata ordinarja ta’ taxxa fuq id-dħul.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba' Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 57(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 56 KE ma jipprekludix l-applikazzjoni, minn naħa ta’ Stat Membru, ta’ liġi eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 li, filwaqt li tissuġġetta lil azzjonist li jirċievi dividendi mingħand kumpannija residenti għal rata ta’ taxxa ugwali għal nofs ir-rata ta’ taxxa medja, tissuġġetta lil azzjonist li jirċievi dividendi mingħand kumpannija stabbilita f’pajjiż terz, u li fiha jkollu żewġ terzi tal-kapital soċjali, għar-rata ordinarja ta’ taxxa fuq id-dħul.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.