SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
7 ta’ Diċembru 2006 (*)
"Sitt Direttiva VAT – Eżenzjonijiet – Artikoli 13A(1)(e), 17(3)(b), u 28ċA(a) – Dritt għal tnaqqis – Manifattura u tiswija ta’ proteżijiet dentali – Tranżazzjonijiet intrakomunitarji relattivi għal tranżazzjonijiet li huma eżenti fit-territorju ta' l-Istat Membru – Effett ta’ l-arranġamenti ta’ deroga u tranżitorji previsti fl-Artikolu 28(3)(a), flimkien mal-punt 2 ta’ l-Anness E – Prinċipju tan-newtralità fiskali – Armonizzazzjoni parzjali tal-VAT"
Fil-kawża C-240/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-cour d’appel (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2005, fil-proċeduri
Administration de l’enregistrement et des domaines
vs
Eurodental Sàrl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,
wara li rat id-digriet ta’ l-4 ta’ Mejju 2006 li ordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u wara s-seduta tal-31 ta’ Mejju 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-administration de l’enregistrement et des domaines, minn A. Kronshagen, avocat,
– għal Eurodental Sàrl, minn M. Molitor, P. Lopes Da Silva, N. Cambonie u R. Muller, avocats,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 13A(1)(e), 15(1) sa (3), 17(3)(b), u 28ċA(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991, li tissuplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU L 376, p. 1), u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1992, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ta’ simplifikazzjoni fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 384, p. 47, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Eurodental Sàrl (iktar 'il quddiem "Eurodental") u l-administration de l’enregistrement et des domaines luxembourgeoise (iktar 'il quddiem l-"awtorità fiskali kompetenti"), wara r-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li tippermetti lil Eurodental li, għas-snin 1992 u 1993, tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") input imposta fuq il-produzzjoni u t-tiswija ta’ proteżijiet dentali, meta dawn it-tranżazzjonijiet ikunu twettqu favur benefiċjarji stabbiliti fil-Ġermanja.
Kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 13A(1)(e) tas-Sitt Direttiva jiddisponi:
"Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż
A. Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku
1. Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:
[…]
(e) servizzi fornuti mit-tekniċi dentali fil-kapaċità tal-professjoni tagħhom u prototeżi [proteżijiet] dentali pprovduti mid-dentisti u tekniċi dentali".
4 Madankollu, skond l-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-Direttiva:
"3. Matul il-perjodu transizzjonali riferut fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu:
(a) ikomplu soġġetti jintaxxaw [jissoġġettaw għat-taxxa] it-transazzjonjiet eżenti taħt l-Artikolu 13 […] stabbiliti fl-Anness E ma’ din id-Direttiva".
5 Il-punt 2 ta’ dan l-anness isemmi t-tranżazzjonijiet indikati fl-Artikolu 13A(1)(e) ta’ l-imsemmija Direttiva.
6 L-Artikolu 17 ta’ din l-istess Direttiva, intitolat "Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas", kien jipprovdi dan li ġej fil-paragrafi (2)(a) u (3) tiegħu, fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/680:
"2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu [tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha], il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
(a) [il-VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu [lilha] minn persuna taxxabbli oħra;
[…]
3. Stati Membri għandhom jagħtu wkoll lil kull persuna taxxabbli d-dritt ta’ tnaqqis jew ta’ ħlas lura [tal-VAT] riferut fil-paragrafu 2 sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet ta’:
(a) transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet ekonomiċi kif msemmija fl-Artikolu 4(2) mwettqa f’pajjiż ieħor, li jistgħu jkunu eleġibbli għal tnaqqis tat-taxxa jekk huma saru fit-territorju tal-pajjiż;
(b) transazzjonijiet li huma eżenti taħt […] l-Artikolu 15 […];
(ċ) kwalunkwe transazzjonijiet eżenti taħt l-Artikolu 13 B (a) u (d), paragrafi 1 sa 5, meta l-klijent huwa stabbilit barra l-Komunità jew meta dawn it-transazzjonijiet huma direttament marbuta ma’ l-oġġetti intiżi biex ikunu esportati lejn pajjiż barra l-Komunità."
7 Il-punt 22 ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/680 daħħal fis-Sitt Direttiva, fil-verżjoni oriġinali tagħha, it-Titolu XVIa, intitolat "Arranġamenti transizzjonali għat-tassazzjoni tan-negozju bejn Stati Membri" u li jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 28a sa 28f. Din id-Direttiva 91/680 kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali sa l-1 ta’ Jannar 1993.
8 L-Artikolu 28a tas-Sitt Direttiva jiddisponi:
"1. Li ġej għandu jkun suġġett ukoll għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
(a) akkwisizzjonijiet intra-komunitarji ta’ merkanzija għall-konsiderazzjoni, minn persuna taxxabbli, fit-territorju ta’ pajjiż, li tkun qed taġixxi b’dan il-mod jew minn persuna legali mhux taxxabbli [fejn] il-bejjiegħ huwa persuna taxxabbli li qed taġixxi b’dan il-mod li mhux eliġibbli għall-eżenzjoni li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 24 […]
[…]"
9 L-Artikolu 28bA(1) tas-Sitt Diretttiva jispeċifika:
"Il-post ta’ l-akkwiżizzjoni intra-Komunitarja tal-merkanzija jittieħed bħala l-post fejn tkun il-merkanzija fejn jintemm it-trasport jew li jintbagħtu għand il-persuna li akkwistathom [meta jintemm id-dispaċċ jew it-trasport lill-persuna li takkwistaha]."
10 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 28ċA(a) u l-Artikolu 28ċB(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdu:
"A. Fornitura eżenti ta’ merkanzija
Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità u suġġett għal kondizzjonijiet li se jistabbilixxu bl-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet [previsti] hawn taħt u biex jilqgħu kontra evażjoni, skartar jew abbuż[, l-Is]tati Membri jeżentaw:
(a) fornitura ta’ merkanzija, kif iddefinita fl-Artikoli 5 […] mibgħuta jew ittrasportata [minn jew] għan-nom tal-bejjiegħ jew il-persuna li qed takkwista l-[merkanzija] ‘il barra mit-territorju msemmi fl-Artikolu 3 imma xorta fil-Komunità, magħmula għal persuna taxxabbli oħra jew persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi hekk fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn tinbagħat jew tkun ittrasportata l-merkanzija.
[…]
B. Akkwisizzjoniet intra-Komunitarji ta’ merkanzija eżenta
Mingħajr preġudizzju għal disposizzjinijet oħrajn tal-Komunità u suġġetta għall-kondizzjonijiet li se jistabbilixxu għall-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet [previsti] hawn taħt u biex jilqgħu kontra evażjoni, skartar jew abbuż[, l-Is]tati Membri jeżentaw:
(a) l-akkwisizzjoni intra-Komunitarja ta’ merkanzija, li l-fornitura tagħhom minn persuni taxxabbli tkun dejjem eżenti fit-territorju tal-pajjiż".
11 L-Artikolu 28f(1) tas-Sitt Direttiva jgħid:
""(1) L-Artikolu 17(2), (3) u (4) jinbidel b'li ġej:
‘[…]
3. Stati Membri jagħtu lil kull persuna taxxabbli d-dritt għat-tnaqqis jew rimborsament tat-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmi fil-paragrafu 2 sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall:
[…]
(b) transazzjonijiet li huma eżenti skond l-Artikolu […] 28ċ(A) u (Ċ)’".
12 Qabel l-1 ta’ Jannar 1993, it-tranżazzjonijiet intrakomunitarji kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Eżenzjonijiet ta’ l-esportazzjonijet u transazzjonijet simili u trasport internazzjonali"". Il-paragrafi 1 sa 3 u 13 ta’ dan l-Artikolu, fil-verżjoni tagħhom applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttivi 91/680 u 92/111, kienu jipprovdu:
"Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom ifasslu għall-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u jipprevenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż:
1. il-provvista ta’ oġġetti mibgħuta jew transportati għal destinazzjoni barra t-territorju tal-pajjiż kif definit fl-Artikolu 3 minn jew għan-nom tal-bejjiegħ;
2. il-provvista ta’ oġġetti mibgħuta jew trasportati għal destinazzjoni barra t-territorju tal-pajjiż kif definit fl-Artikolu 3 minn jew għan-nom ta' xerrej li mhux stabbilit fit-territorju tal-pajjiż […]
3. il-proviżjoni ta’ servizzi li jikkonsistu f’xogħol fuq proprjetà mobbli miksuba jew importata għall-iskop li jsirilha dak ix-xogħol fit-territorju tal-pajjiż kif definit fl-Artikolu 3, u mibgħuta jew trasportata barra mit-territorju ta’ dak il-pajjiż minn persuna li tipprovdi s-servizzi jew mill-klijent tiegħu li m’hux stabbilit fit-territorju tal-pajjiż jew f’isem wieħed jew l-ieħor minnhom;
[…]
13. il-provvista ta’ servizzi inklużi t-trasport u transazzjonjet anċillari imma esklużi l-provvista ta’ servizzi eżenti taħt l-Artikolu 13, meta dawn huma direttament marbuta mat-transitu jew l-esportazzjoni ta’ l-oġġetti, jew ma l-importazzjoni ta’ l-oġġetti [li jibbenefikaw mid-]disposizzjonijet ta’ l-Artikolu 14(1)(b) u (ċ), u 16 (1);".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża
13 L-Artikolu 43(1)(a) u (c) tal-Liġi tat-12 ta’ Frar 1979 li temenda u tikkompleta l-Liġi tal-5 ta’ Awwissu 1969 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Mémorial A 1979, p. 186, iktar 'il quddiem il-"Liġi fuq il-VAT"), kien jiddisponi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1993:
"Is-segwenti huma [eżentati] mill-[VAT] fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ Regolament tal-Gran Dukat:
a) il-provvista ta’ oġġetti mibgħuta jew trasportati lejn destinazzjoni barra l-pajjiż mill-fornitur jew minn terz li jaġixxi għan-nom tiegħu;
[…]
c) il-provvista ta’ servizzi mwettqa, fil-kuntest ta’ xogħol ta’ pproċessar, fuq oġġetti li jkunu ġew akkwistati jew importati bl-iskop li jsirilhom dak ix-xogħol u li jintbagħtu jew jiġu trasportati lejn destinazzjoni barra l-pajjiż minn persuna li tipprovdi s-servizzi jew minn terz li jaġixxi għan-nom tagħha".
14 Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ wara din id-data, dan l-istess Artikolu, kif emendat mill-Artikolu II tal-Liġi tat-18 ta’ Diċembru 1992, li temenda u tikkompleta l-Liġi tat-12 ta’ Frar 1979 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Mémorial A 1992, p. 3032), jipprovdi fil-paragrafu 1(d) tiegħu:
"1. Huma [eżentati] mill-[VAT] fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ Regolament tal-Gran Dukat:
[…]
d) il-provvista ta’ oġġetti, fis-sens ta' l-Artikoli 9 u 12(a) sa (e), mibgħuta jew trasportati, mill-fornitur jew minn terz li jaġixxi għan-nom tiegħu jew mill-persuna li takkwista l-oġġetti jew minn terz li jaġixxi għan-nom tagħha, barra mit-territorju tal-pajjiż imma ġewwa l-Komunità, magħmula lil persuna taxxabbli oħra li taġixxi hekk fil-kuntest ta’ l-impriża tagħha jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli fi Stat Membru ieħor […]"
15 Skond it-tieni u t-tielet inċiżi ta’ l-Artikolu 44(1)(l) tal-Liġi fuq il-VAT:
"1. Huma [eżentati] mill-[VAT] fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ Regolament tal-Gran Dukat:
[…]
l) il-provvista ta’ servizzi u l-provvista ta’ oġġetti li ġejjin:
[…]
– servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju leġittimu tal-professjoni ta' tekniku dentali;
– il-provvista ta’ proteżijiet dentali mwettqa mid-dentisti u mit-tekniċi dentali fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju leġittimu tal-professjoni tagħhom".
16 L-Artikolu 49(1) u (2)(a) tal-Liġi fuq il-VAT jiddisponi:
"1. Ma tistax titnaqqas il-[VAT] imposta fuq l-oġġetti u s-servizzi użati għall-provvista ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi eżenti jew li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa.
[…]
2. B’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-persuna taxxabbli hija madankollu awtorizzata twettaq it-tnaqqis, meta l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-finijiet:
a) tat-tranżazzjonijiet tagħha, li huma eżenti taħt id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 43 jew fir-regolamenti ta’ implementazzjoni relattivi".
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
17 Skond ir-raba’ sentenza ta’ l-Artikolu 4(14) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Umsatzsteuergesetz, iktar 'il quddiem l-"UStG"), l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-attività, b’mod partikolari, ta’ dentist ma tapplikax għall-provvista jew għat-tiswija ta’ proteżijiet dentali u ta’ apparat ortodontiku jekk in-negozjant immanifatturahom jew sewwihom fl-impriża tiegħu.
18 Skond l-Artikolu 12(2)(6) ta’ l-UStG, dawn it-tranżazzjonijiet huma taxxabbli b’rata mnaqqsa.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 Eurodental hija kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu li l-attività tagħha tikkonsisti essenzjalment fil-produzzjoni u fit-tiswija ta’ proteżijiet dentali għal klijenti stabbiliti fil-Ġermanja.
20 B’deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 1997, l-awtorità fiskali kompetenti rrifjutat li, għas-snin 1992 u 1993, Eurodental tnaqqas l-input VAT imposta fuq l-oġġetti użati sabiex twettaq il-provvista ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi lil klijenti stabbiliti fil-Ġermanja, għar-raġuni li l-Artikolu 44 tal-Liġi fuq il-VAT jieħu preċedenza fuq l-Artikolu 43 ta’ din il-Liġi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel u wara l-1 ta’ Jannar 1993, b’mod li l-Artikolu 49(2)(a), ta’ l-imsemmija Liġi, li jawtorizza t-tnaqqis ta’ l-input VAT, ma japplikax.
21 It-tribunal d’arrondissement (il-Lussemburgu), li quddiemu Eurodental ressqet talba għall-annullament u għar-riforma ta’ din id-deċiżjoni, iddeċieda, b’sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2002, li dan it-tnaqqis ġie inġustament miċħud. Wara li kkonstatat li l-Artikoli 43 u 44 fuq imsemmija jirreferu kull wieħed għal tranżazzjonijiet distinti, billi l-ewwel wieħed jikkonċerna t-tranżazzjonijiet li mhumiex intiżi għat-territorju tal-pajjiż, filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċerna t-tranżazzjonijiet magħmula fit-territorju tal-pajjiż, din il-qorti kkunsidrat li l-Artikolu 49 tal-Liġi fuq il-VAT jawtorizza t-tnaqqis ta’ l-input VAT għat-tranżazzjonijiet previsti fl-Artikolu 43 ta’ din il-Liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli qabel u wara l-1 ta’ Jannar 1993, tkun xi tkun is-sistema ta’ eżenzjoni tal-VAT applikabbli fit-territorju tal-pajjiż. L-ebda dispożizzjoni ta’ liġi interna ma tippermetti li jiġi konkluż li l-Artikolu 44 tal-Liġi fuq il-VAT jieħu preċedenza fuq din l-aħħar dispożizzjoni.
22 L-awtorità fiskali kompetenti appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Billi kkonstatat li l-kwistjoni jekk l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhux preċedenza fuq l-Artikolu 28ċ ta’ din ta' l-aħħar mhijiex riżolta mit-testi, la cour d’appel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Provvista ta’ oġġetti li, meta mwettqa fit-territorju ta' Stat Membru, hija eżenti skond l-Artikolu 13[A](1)(e) tas-Sitt Direttiva […] u ma tagħtix dritt għat-tnaqqis ta’ l-input tax skond l-Artikolu 17 ta’ l-imsemmija Direttiva, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(1) u (2) ta’ l-imsemmija Direttiva kif kien ifformulat qabel l-1 ta’ Jannar 1993 u ta’ l-Artikolu 28ċ[A](a) applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1993, rispettivament, u konsegwentement fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ l-Artikolu 17(3)(b) ta’ l-imsemmija Direttiva li jagħti dritt għat-tnaqqis ta’ l-input tax meta din titwettaq minn operatur stabbilit fi Stat Membru tal-Komunità [lil] operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(1) u (2) ta’ l-imsemmija Direttiva kif kien ifformulat qabel l-1 ta’ Jannar 1993 u ta’ l-Artikolu 28ċ[A](a) applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1993, rispettivament, huma sodisfatti?
2) Provvista ta’ servizzi li, meta mwettqa fit-territorju ta' Stat Membru, hija eżenti skond l-Artikolu 13[A](1)(e) tas-Sitt Direttiva […] u ma tagħtix dritt għat-tnaqqis ta’ l-input tax skond l-Artikolu 17 ta’ l-imsemmija Direttiva, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(3), kif kien ifformulat qabel l-1 ta’ Jannar 1993 (ebda dispożizzjoni ta’ eżenzjoni ma kienet prevista għall-1993), u konsegwentement fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ l-Artikolu 17(3)(b) ta’ l-imsemmija Direttiva li jagħti dritt għat-tnaqqis ta’ l-input tax meta din titwettaq minn operatur stabbilit fi Stat Membru tal-Komunità [lil] operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(3), kif kien ifformulat qabel l-1 ta’ Jannar 1993, huma ssodisfatti?"
Fuq id-domandi preliminari
23 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk tranżazzjonijiet bħall-produzzjoni u t-tiswija ta’ proteżijiet dentali li, meta jitwettqu fit-territorju ta' Stat Membru, huma eżenti mill-VAT bħala attività fl-interess pubbliku jistgħux jagħtu lok għal tnaqqis ta’ l-input VAT meta jkunu tranżazzjonijiet intrakomunitarji.
24 Jirriżulta mit-termini ta’ dawn id-domandi li din it-talba tikkonċerna, minn naħa, il-provvista ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi magħmula qabel l-1 ta’ Jannar 1993 u, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ oġġetti magħmula wara din id-data. Hija ma tirrigwardax, madankollu, il-provvista ta’ servizzi magħmula wara l-1 ta’ Jannar 1993.
25 Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva jipprovdi għall-eżenzjoni mill-VAT ta’ ċerti attivitajiet fl-interess pubbliku, fosthom, skond il-paragrafu 1(e) ta’ din id-dispożizzjoni, servizzi fornuti mit-tekniċi dentali fil-kapaċità professjonali tagħhom u proteżijiet dentali pprovduti minn dawn ta’ l-aħħar.
26 Skond l-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-Direttiva, meta persuna taxxabbli tipprovdi oġġetti jew servizzi lil persuna taxxabbli oħra li tagħmel użu minnhom biex twettaq tranżazzjoni eżenti skond l-Artikolu 13A ta’ din l-istess Direttiva, dan ta' l-aħħar m’għandux, fil-prinċipju, id-dritt li jnaqqas l-input VAT, billi, f’dan il-każ, l-oġġetti u s-servizzi kkonċernati mhumiex użati għal tranżazzjonijiet taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 44, u tas-26 ta’ Settembru 1996, Debouche, C-302/93, Ġabra p. I-4495, punt 16).
27 F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li mhuwiex ikkontestat, fil-kawża prinċipali, li t-tranżazzjonijiet magħmula minn Eurodental jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar meta jitwettqu fit-territorju ta' l-Istat Membru li fih din il-kumpannija hija stabbilita. Għalhekk, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex biss li tiddetermina jekk l-imsemmija tranżazzjonijiet jibqgħux jaqgħu taħt dawn l-istess dispożizzjonijiet meta jitwettqu favur klijenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ fil-Ġermanja.
28 Fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ natura intrakomunitarja, l-Artikolu 15(1) sa (3) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 1993, kien jipprovdi għall-eżenzjoni tal-provvista ta' oġġetti u tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward ta' oġġetti mibgħuta jew transportati barra mill-Istat Membru. Minn din id-data 'l quddiem, l-eżenzjoni ta’ din l-istess provvista lejn Stat Membru ieħor hija prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 28ċA(a) ta’ din id-Direttiva. Skond l-Artikolu 17(3)(b) ta’ l-imsemmija Direttiva, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1) ta’ din id-Direttiva, it-tnaqqis ta’ l-input VAT fuq tali tranżazzjonijiet huwa awtorizzat fl-Istat Membru tat-tluq tad-dispaċċ jew tat-trasport intrakomunitarju ta’ l-oġġetti (ara s-sentenza tas-6 ta’ April 2006, EMAG Handel Eder, C-245/04, Ġabra p. I-3227, punt 30).
29 Madankollu, l-awtorità fiskali kompetenti tqis li t-tranżazzjonijiet intrakomunitarji in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jagħtux lok għal tali dritt għal tnaqqis billi l-Artikolu 13A(1)(e), tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi eżenzjoni speċjali, għandu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet iktar ġenerali previsti fl-Artikoli 15 u 28ċA(a) ta’ din l-istess Direttiva.
30 Min-naħa l-oħra, Eurodental issostni li, billi l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, minn naħa, u l-Artikoli 15 u 28ċ ta’ din id-Direttiva, min-naħa l-oħra, għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti, l-imsemmi Artikolu 13 ma jistax ikollu preċedenza fuq dawn ta’ l-aħħar. Fil-fatt, jirriżulta mit-termini tat-titoli ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva huwa applikabbli biss għat-tranżazzjonijiet magħmula fit-territorju ta' l-Istat Membru, filwaqt li t-tranżazzjonijiet bejn l-Istati Membri jaqgħu, min-naħa tagħhom, taħt l-Artikoli 15 u 28ċ ta’ din l-istess Direttiva.
31 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif issostni Eurodental, l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkonċerna, skond it-termini tat-titolu tiegħu, li l-eżenzjonijiet "fit-territorju tal-pajjiż", filwaqt li, skond it-termini tat-titoli rispettivi tagħhom, l-Artikolu 15 ta’ din id-Direttiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 1993, u l-Artikolu 28ċ ta’ din l-istess Direttiva, kif applikabbli minn din id-data, jirrigwardaw, rispettivament, l-"esportazzjonijiet" u n-"negozju bejn Stati Membri".
32 Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni Eurodental, minn dan ma jirriżultax li tranżazzjoni prevista fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, meta tkun ta' natura intrakomunitarja, taqa’ neċessarjament, u għal din ir-raġuni biss, taħt l-imsemmija Artikoli 15 u 28ċ, bl-effett li, fid-dawl tar-rerefenza magħmula mill-Artikolu 17(3)(b) ta’ din id-Direttiva għal dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, l-imsemmija tranżazzjoni tista’ tagħti lok għal tnaqqis ta’ l-input VAT.
33 Fil-fatt, huwa biss eċċezzjonalment li s-Sitt Direttiva tipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 17(3)(b) tagħha, għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta' oġġetti jew servizzi użati għal tranżazzjonijiet eżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ April 1995, BLP Group, C-4/94, Ġabra p. I-983, punt 23). Għaldaqstant, it-termini użati mill-imsemmija Direttiva f’dan ir-rigward għandhom jiġu interpretati b’mod strett.
34 JeGħalkemm l-Artikolu 17(3)(b) tas-Sitt Direttiva jirreferi, b’mod ġenerali, għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li tipprovdi għall-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet intrakomunitarji, jiġifieri, l-Artikolu 15 ta’ l-imsemmija Direttiva għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 1993, u l-Artikolu 28ċ ta’ din id-Direttiva għall-perijodu wara din id-data, rispettivament, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tirreferi għall-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 ta’ din l-istess Direttiva favur ċerti attivitajiet.
35 Għall-kuntrarju, qabel l-1 ta’ Jannar 1993, l-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, li għalih kien jirreferi l-Artikolu 17(3)(b) ta’ din ta' l-aħħar, kien jeskludi espliċitament, fil-paragrafu 13 tiegħu, il-provvista ta’ servizzi eżenti taħt l-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija Direttiva meta dawn kienu direttament marbuta ma ċerti tranżazzjonijiet transkonfinali.
36 Minbarra dan, l-Artikolu 17(3)(ċ) tas-Sitt Direttiva jagħti speċifikament id-dritt għal tnaqqis f’dak li jikkonċerna ċerti tranżazzjonijiet eżenti taħt l-Artikolu 13B ta’ din id-Direttiva. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, din id-dispożizzjoni ma kien ikollha ebda skop li kieku l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija Direttiva kienu ġa koperti mill-paragrafu (3)(b) ta’ l-imsemmi Artikolu 17.
37 Għalhekk, minkejja t-termini fuq imsemmija tat-titoli tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva, jirriżulta mill-eżami tal-kontenut tagħhom li t-tranżazzjonijiet eżenti taħt l-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija Direttiva ma jagħtux dritt għat-tnaqqis ta’ l-input VAT imħallsa, anki meta dawn it-tranżazzjonijiet ikunu ta' natura intrakomunitarja.
38 Din l-interpretazzjoni, dedtdedotta mit-termini nfushom tas-Sitt Direttiva, hija kkonfermata kemm mill-għan li din id-Direttiva tfittex li tilħaq, kif ukoll mill-istruttura tagħha u mill-prinċipju tan-newtralità fiskali.
39 L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-għan tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 2 ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU 1967, 71, p. 1301), il-prinċipju tas-sistema komuni tal-VAT jinvolvi l-applikazzjoni, fil-Komunità, għal oġġetti u servizzi, ta' taxxa ġenerali fuq il-konsum li għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ transazzjonijet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih tiġi imposta t-taxxa (digriet tat-3 ta’ Marzu 2004, Transport Service, C-395/02, Ġabra p. I-1991, punt 20).
40 BillHekkKif isostnu ġustament l-awtorità fiskali kompetenti u l-Kummissjoni, li kieku tranżazzjonijiet intrakomunitarji bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis ta’ l-input VAT fl-Istat Membru tat-tluq, dawn ikunu jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità b’eżenzjoni totali mill-VAT. Fil-fatt, billi dawn it-tranżazzjonijiet huma, f’kull każ, eżenti fit-territorju ta' l-Istat Membru ta’ destinazzjoni taħt l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, minn naħa, huma għandhom ikunu eżenti f’dan l-Istat Membru bħala akkwiżizzjonijiet intrakomunitarji skond l-Artikolu 28ċB(a) ta’ din id-Direttiva, u, min-naħa l-oħra, huma m’għandhom jagħtu lok għall-ebda ġbir tal-VAT fl-Istat Membru ta' oriġini, billi l-input tax titnaqqas u, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 28ċA(a) ta’ din l-istess Direttiva, ma jkun hemm lok għall-ebda outputtaxation.
41 Jirriżulta għalhekk millmill-għan tas-sistema komuni tal-VAT u mill-arranġamenti tranżitorji stabbiliti mid-Direttiva 91/680 għat-tassazzjoni tan-negozju bejn l-Istati Membri li persuna taxxabbli li tibbenefika minn eżenzjoni u, konsegwentement, m’għandhiex dritt għat-tnaqqis ta’ l-input tax mħallsa fit-territorju ta' Stat Membru, lanqas ma jista’ jkollha dan id-dritt meta t-tranżazzjoni kkonċernata tkun ta' natura intrakomunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Debouche, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 15).
42 Dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 17(3)(a) tas-Sitt Direttiva, billi, skond din id-dispożizzjoni, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta' tranżazzjoni magħmula barra mill-pajjiż huwa eskluż jekk din it-tranżazzjoni ma tagħtix lok għal tnaqqis fit-territorju ta' l-Istat Membru.
43 It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-istruttura tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi osservat li billi l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13A ta’ din id-Direttiva jibbenefikaw minnhom biss ċerti attivitajiet fl-interess pubbliku elenkati u deskritti b’mod dettaljat f’din id-dispożizzjoni, dawn l-eżenzjonijiet huma ta’ natura speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, C-307/01, Ġabra p. I-13989, punt 54). Min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni favur tranżazzjonijiet ta’ natura intrakomunitarja li tirriżulta mill-Artikolu 15 ta’ din l-istess Direttiva, għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 1993, u prevista fl-Artikolu 28ċ ta’ din id-Direttiva, għall-perijodu wara din id-data, hija ta' natura ġenerali, billi tikkonċerna b’mod indeterminat it-tranżazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Istati Membri.
44 F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa konformi ma’ l-istruttura tas-Sitt Direttiva li s-sistema applikabbli għall-eżenzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 13A ta’ din id-Direttiva tingħatalha preċedenza fuq is-sistema applikabbli għall-eżenzjonijiet ġenerali previsti minn din l-istess Direttiva f’dak li jikkonċerna t-tranżazzjonijiet ta’ natura intrakomunitarja.
45 Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma tista' titqiegħed fid-dubju mill-Artikolu 26bG(1) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, għalkemm, kif isostni dan il-gvern, jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxi skema speċjali ta’ tassazzjoni ta’ l-investiment ta' deheb, li Stat Membru ma jistax jirrinunzja għall-applikazzjoni ta' l-eżenzjoni għall-provvista intrakomunitarja li tirrigwarda dan il-prodott, filwaqt li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jista’, fil-prinċipju, jirrinunzja għall-applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista minn din is-sistema għal tranżazzjonijiet speċifiċi magħmula f’dan l-Istat Membru, dan il-fatt bl-ebda mod ma juri li l-ewwel eżenzjoni tieħu preċedenza fuq it-tieni, iżda l-iktar l-iktar tikkonferma li kull waħda minn dawn l-eżenzjonijiet issegwi r-regoli tagħha li għandhom kontenut u għan differenti.
46 Fit-tielet u l-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju jipprekludi, b’mod partikolari, li provvisti ta’ servizzi simili, li għalhekk ikunu jikkompetu ma’ xulxin, jiġu trattati b’mod differenti għall-finijiet ta’ VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 54).
47 Li kieku t-tranżazzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jagħtu dritt għal tnaqqis meta jkunu ta' natura intrakomunitarja, dan il-prinċipju ma jiġix irrispettat, billi l-istess tranżazzjonijiet, meta jitwettqu fit-territorju ta' Stat Membru, ma jagħtux lok għal tnaqqis. Għaldaqstant, il-persuni taxxabbli li jagħmlu tranżazzjoni intrakomunitarja jkunu f’pożizzjoni iktar vantaġġuża minn persuni taxxabbli li jagħmlu tranżazzjoni interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Debouche, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 19).
48 Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza madankollu li, fil-kawża prinċipali, billbilli r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tapplika l-arranġamenti tranżitorji previsti fl-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva flimkien mal-punt 2 ta’ l-Anness E ta’ din l-istess Direttiva, arranġamenti li jippermettulha tkompli tintaxxa t-tranżazzjonijiet in kwistjoni, dawn ta' l-aħħar jistgħu jiġu soġġetti għal tassazzjoni doppja, billi jistgħu jiġu ntaxxati mill-ġdid f’dan l-Istat Membru skond din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 28a(1)(a) u ma' l-Artikolu 28b(A)(1) tas-Sitt Direttiva, filwaqt li l-input VAT imħallsa fil-Lussemburgu ma tistax tiġi mnaqqsa. Min-naħa l-oħra, l-istess tranżazzjonijiet, minkejja li huma taxxabbli meta jitwettqu fit-territorju ta' dan l-Istat Membru, jagħtu lok għal tnaqqis. Minn dan jirriżulta li l-persuni taxxabbli fil-Ġermanja jkunu vvantaġġjati meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom stabbiliti fil-Lussemburgu.
49 Dan l-argument, ikkontestat mill-Kummissjoni u mill-awtorità fiskali kompetenti, ma jistax jintlaqa’.
50 Għandu jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja tal-VAT hija r-riżultat ta’ armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest ta’ l-Artikoli 93 KE u 94 KE. Kif ikkonstatat diversi drabi l-Qorti tal-Ġusttizja, din l-armonizzazzjoni, bħal dik mwettqa minn direttivi suċċessivi, u, b’mod partikolari, mis-Sitt Direttiva, għadha biss armonizzazzjoni parzjali (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1989, ORO Amsterdam Beheer u Concerto, C-165/88, Ġabra p. I-4081, punt 21).
51 Għalhekk, din l-armonizzazzjoni prevista għadha ma twettqitx billi s-Sitt Direttiva, bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(3)(a) tagħha, awtorizzat lill-Istati Membri jkomplu jżommu ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom preċedenti għal din id-Direttiva li, mingħajr l-imsemmija awtorizzazzjoni, kienu jkunu inkompatibbli magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 38).
52 Għalkemm huwa minnu li Stat Membru li, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżomm dispożizzjonijiet bħal dawn fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, ma jiksirx is-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Idéal tourisme, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38), jibqa’ l-fatt li t-tassazzjoni permessa mill-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-Direttiva mhijiex tassazzjoni armonizzata li tagħmel parti integrali mis-sistema tal-VAT kif organizzata mis-Sitt Direttiva għal ċerti attivitajiet fl-interess pubbliku, iżda tassazzjoni awtorizzata biss matul perijodu tranżitorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-169/00, Ġabra p. I-2433, punt 34). L-Artikolu 28(4) tas-Sitt Direttiva għandu bħala għan it-tneħħija ta’ tali arranġamenti ta’ deroga u tranżitorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Norbury Developments, C-136/97, Ġabra p. I-2491, punt 19, u Ideal tourisme, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32).
53 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni partikolari li l-Gvern Ġermaniż jipprevalixxi ruħu minnha f'dan il-każ biex jiġġustifika t-tnaqqis ta’ l-input VAT fil-Lussemburgu, liema sitwazzjoni, barra minn hekk, ma wasslitx lill-qorti tar-rinviju li taġġusta d-domandi tagħha skond is-sistema tal-VAT adottata mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni, tirriżulta kemm mill-fatt li l-fakultà, li jagħtu l-arranġamenti tranżitorji, li t-tranżazzjonijiet in kwistjoni jkomplu jiġu ntaxxati għadha ma tneħħietx kif ukoll mill-għażla tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tadotta tali arranġamenti ta’ deroga ta’ natura tranżitorja, b’mod li din is-sitwazzjoni hija inerenti għall-fatt li l-VAT għadha ma kinitx is-suġġett, fl-istadju attwali, ta’ armonizzazzjoni kompleta mil-leġiżlatur Komunitarju.
54 L-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34) u l-portata tagħhom għalhekk ma tistax tiġi estiża għall-Istati Membri li kkonformaw ruħhom mal-prinċipju stabbilit fis-Sitt Direttiva billi eżentaw ċerti attivitajiet fl-interess pubbliku elenkati fl-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva. Fil-fatt ma jistax jiġi aċċettat li l-obbligu ta’ dawn l-Istati Membri ta' l-aħħar li ma jagħtux it-tnaqqis, skond l-Artikolu 17(2)(a) ta’ din l-istess Direttiva, ta' l-input VAT imposta fuq l-imsemmija attivitajiet eżenti jista' jiġi affettwat mid-deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor li jagħżel arranġamenti ta’ deroga u tranżitorji, u dan iktar u iktar billi t-tneħħija ta’ dawn l-arranġamenti ta' l-aħħar tikkostitwixxi l-għan li l-Artikolu 28(4) tas-Sitt Direttiva jfittex li jilħaq.
55 Barra minn hekk, tali estensjoni tkun kuntrarja għall-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva, billi din id-dispożizzjoni ma tippermettix lil Stat Membru li, bħall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jeżenta t-tranżazzjoni in kwistjoni mill-applikazzjoni tas-sistema armonizzata, kif prevista fl-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija Direttiva, li jintroduċi jew li jerġa’ jintroduċi sistema ta’ tassazzjoni għal din it-tranżazzjoni, li b'hekk jagħti lok għal dritt għal tnaqqis ta’ l-input VAT imħallsa, u dan anki sabiex jagħmel tajjeb għal eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni li tippreġudika l-prinċipju Komunitarju tat-trattament ugwali, rifless fil-qasam tal-VAT mill-prinċipju tan-newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-35/90, Ġabra p. I-5073, punti 8 u 9, u Idéal tourisme, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura tranżitorja ta' l-arranġamenti ta’ deroga ta’ tassazzjoni magħżula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, xejn ma jostakola lil din ta' l-aħħar, konformement ma’ l-għan imfittex mill-Artikolu 28(4) tas-Sitt Direttiva, li tiddeċiedi li teżenta wkoll, kif fil-prinċipju titlob din id-Direttiva, it-tranżazzjoni in kwistjoni sabiex titneħħa tali distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Idéal tourisme, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).
56 F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi enfasizzat li l-fatt li iż-żż-żamma ta' l-arranġamenti ta’ deroga u tranżitorji in kwistjoni f’ċerti Stati Membri tista’, skond il-każ, twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Ġermanja bl-ebda mod ma jista' jawtorizza lil dan l-Istat Membru joħloq huwa stess distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-dannu ta’ l-Istati li ttrasponew id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-74/91, Ġabra p. I-5437, punt 25). Hekk jiġri f'dan il-każ li kieku Eurodental kellha tkun awtorizzata tnaqqas il-VAT fil-Lussemburgu, billi, f’dan il-każ, it-tranżazzjonijiet interni għal dan l-Istat Membru, li ma jagħtux lok għad-dritt għal tnaqqis ta' l-input VAT, ikunu żvantaġġjati meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet intrakomunitarji li joriġinaw f’dan l-Istat Membru.
57 Fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari invokata mill-Gvern Ġermaniż, huwa għalhekk il-leġiżlatur Komunitarju li għandu jagħmel kulma huwa possibbli biex jistabbilixxi s-sistema Komunitarja definittiva ta’ l-eżenzjonijiet mill-VAT u b'hekk iwettaq l-armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-VAT, li hija biss kapaċi tneħħi d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ arranġamenti ta' deroga u tranżitorji permessi mis-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1999, Royscot et, C-305/97, Ġabra p. I-6671, punt 31, u Idéal tourisme, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).
58 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li tranżazzjoni eżenti mill-VAT fit-territorju ta' Stat Membru taħt l-Artikolu 13A(1)(e) tas-Sitt Direttiva ma tagħtix lok għad-dritt għal tnaqqis ta’ l-input VAT imħallsa skond l-Artikolu 17(3)(b) ta’ din id-Direttiva, anki meta din tikkostitwixxi tranżazzjoni intrakomunitarja, u tkun xi tkun is-sistema tal-VAT applikabbli fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
59 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
Tranżazzjoni eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud fit-territorju ta' Stat Membru taħt l-Artikolu 13A(1)(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991, li tissuplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali, u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1992, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ta’ simplifikazzjoni fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ma tagħtix lok għad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud input imħallsa skond l-Artikolu 17(3)(b) ta’ din id-Direttiva, anki meta din tikkostitwixxi tranżazzjoni intrakomunitarja, u tkun xi tkun is-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.