Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-277/05

Société thermale d’Eugénie-les-Bains

vs

Ministère de l’Économie, des Finances et de l’Industrie

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Conseil d’État (Franza))

“VAT ? Kamp ta’ applikazzjoni ? Kapparri mħallsa fil-kuntest ta’ kuntratti li jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT u miżmumin mill-fornitur fil-każ ta’ tħassir tal-kuntratt ? Klassifikazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Ammont taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 2(1) u 6(1))

L-Artikoli 2(1) u 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li somom imħallsin bħala kapparra fil-kuntest ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ lukanda suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu kkunsidrati, meta l-klijent jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mil-lukandier, bħala kumpens għat-tħassir tal-kuntratt imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent, bla konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe servizz mogħti bi ħlas u, bħala tali, mhux suġġetti għal din it-taxxa.

Fil-fatt, il-ħlas ta’ kapparra min-naħa ta’ klijent u l-obbligu tal-lukandier li ma jikkuntrattax ma’ ħaddieħor b’mod li jimpedih milli jirrispetta l-impenn li ħa lejn il-klijent ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala l-provvista ta’ servizzi reċiproċi, billi, f’dan il-każ, l-imsemmi obbligu jirriżulta direttament mill-kuntratt ta’ alloġġ u mhux mill-ħlas tal-kapparra. Għalhekk, meta, wara li tkun saret prenotazzjoni, il-lukandier jipprovdi s-servizz miftiehem, huwa ma jagħmel xejn ħlief jonora l-kuntratt konkluż mal-klijent tiegħu, skond il-prinċipju li l-kuntratti għandhom jiġu eżegwiti. Għaldaqstant, ir-rispett ta’ dan l-obbligu ma jistax jiġi kklassifikat bħala korrispettiv għall-kapparra mħallsa.

(ara l-punti 23, 25, 36 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Lulju 2007 (*)

“VAT – Kamp ta’ applikazzjoni – Kapparri mħallsa fil-kuntest ta’ kuntratti li jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT u miżmumin mill-fornitur fil-każ ta’ tħassir tal-kuntratt – Klassifikazzjoni”

Fil-kawża C-277/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Lulju 2005, fil-proċedimenti

Société thermale d’Eugénie-les-Bains

vs

Ministère de l’Économie, des Finances et de l’Industrie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász (Relatur), K. Schiemann u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ Lulju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Société thermale d’Eugénie-les-Bains, minn X. Vuitton, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J. Gracia, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. McGarry, BL, u E. Fitzsimons, SC,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u C. Lança, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2(1) u 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Société thermale d’Eugénie-les-Bains (iktar ’il quddiem is-“Société thermale”) u l-Ministère de l’Économie, des Finances et de l’Industrie (il-Ministeru ta’ l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta’ l-Industrija) dwar is-suġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tal-kapparri rċevuti minn Société thermale meta jsiru l-prenotazzjonijiet tal-kmamar u miżmumin minnha wara t-tħassir ta’ wħud minn dawn il-prenotazzjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” għandha tkun suġġetta għall-VAT.

4        L-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess Direttiva jipprovdi:

“1. ‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix[xix] provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

Operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] bħal dawn jistgħu jinkludu inter alia:

[…]

–        obbligazzjoni biex ma jsirx jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni,

[…]”

5        Skond l-Artikolu 11A(1)(a) ta’ l-istess Direttiva, l-ammont taxxabbli fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi għandu jkun “dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti”.

 Id-dritt nazzjonali

6        Skond l-Artikolu 256-I tal-Code général des impôts [Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa], il-provvista ta’ oġġetti mobbli u servizzi magħmula bi ħlas minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali għandha tkun suġġetta għall-VAT.

7        L-Artikolu 256-IV-1 ta’ dan il-Kodiċi jipprovdi li t-tranżazzjonijiet li mhumiex provvisti ta’ oġġetti huma kkunsidrati provvisti ta’ servizzi.

8        L-Artikolu L. 114-1 tal-Code de la consommation [Kodiċi tal-Konsumatur], li jirriżulta mill-Artikolu 3-1 tal-Liġi Nru 92-60, tat-18 ta’ Jannar 1992, li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi, jaqra kif ġej:

“Ħlief fil-każ ta’ stipulazzjoni kuntrarja fil-kuntratt, is-somom imħallsin bil-quddiem jikkostitwixxu kapparra, b’mod li kull wieħed mill-kontraenti jista’ jinħall mill-impenn tiegħu, billi l-konsumatur jitlef il-kapparra u billi l-professjonist irodd darbtejn daqsha”.

9        Skond l-Artikolu 1590 tal-Code civil [Kodiċi Ċivili], jekk il-wegħda ta’ bejgħ tkun saret b’kapparra, kull wieħed mill-kontraenti jkollu d-dritt li jinħall minn din il-wegħda, billi min ikun ta l-kapparra jitlifha u billi min ikun irċevieha jrodd darbtejn daqsha.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Société thermale, li hija stabbilita f’Eugénie-les-Bains (Franza), hija attiva fil-ġestjoni ta’ stabbilimenti termali, li tinkludi l-provvista ta’ servizzi ta’ lukandi u ta’ restoranti. Din il-kumpannija tirċievi somom li jitħallsu bil-quddiem, bħala kapparra, meta jsiru l-prenotazzjonijiet ta’ l-alloġġ mill-klijenti. Dawn is-somom jew jitnaqqsu mill-pagament ulterjuri għall-alloġġ, jew inkella jinżammu mill-imsemmija kumpannija f’każ li l-klijenti jħassru l-prenotazzjoni tagħhom.

11      Fl-1992, saret spezzjoni tal-kontijiet ta’ Société thermale fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1989 u t-30 ta’ April 1992. Wara din l-ispezzjoni, l-amministrazzjoni fiskali ddeċidiet li l-kapparri li Société thermale kienet irċeviet fil-mument tal-prenotazzjoni u li hija kienet żammet wara t-tħassir tal-prenotazzjoni min-naħa tal-klijenti, kellhom ikun suġġetti għall-VAT. Fit-8 ta’ Diċembru 1994, Société thermale ġiet mitluba tħallas taxxa addizzjonali, għall-imsemmi perijodu, fl-ammont ta’ 84 054 FRF (12 814 EUR). Din ta’ l-aħħar ressqet ilment quddiem l-amministrazzjoni fiskali, liema lment ġie miċħud fl-14 ta’ Frar 1995.

12      Société thermale ressqet rikors quddiem it-tribunal administratif de Pau (Qorti Amministrattiva ta’ Pau). Dan ir-rikors ġie miċħud b’deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 1999. Din il-qorti kkunsidrat li, meta l-kapparra tinżamm mill-kumpannija f’każ li l-klijent iħassar il-prenotazzjoni tiegħu, din tikkostitwixxi r-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fl-ilqigħ tal-klijent, fil-ftuħ tal-fajl tiegħu u fl-impenn li jiġi pprenotat alloġġ għalih.

13      Société thermale appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour administrative d’appel de Bordeaux (Qorti Amministrattiva ta’ l-Appell ta’ Bordeaux) li ċaħdet dan l-appell b’deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2003. Sabiex iddeċidiet li l-kapparri mħallsin mill-klijenti ta’ din il-kumpannija u miżmumin minnha f’każ ta’ tħassir tal-prenotazzjonijiet kellhom ikunu suġġetti għall-VAT, din il-qorti kkunsidrat li, f’dan il-każ, dawn il-kapparri kellhom jitqiesu li huma l-korrispettiv dirett u r-remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi individwabbli li jikkonsistu fil-ftuħ tal-fajl tal-klijent kif ukoll fil-prenotazzjoni ta’ alloġġ għal dan ta’ l-aħħar.

14      Billi Société thermale sostniet li dawn il-kapparri għandhom jitqiesu bħala kumpens imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu li hija tkun ġarrbet minħabba l-inadempjenza tal-klijenti tagħha u, bħala tali, mhumiex suġġetti għall-VAT, hija talbet lill-Conseil d’État (Kunsill ta’ l-Istat) jannulla l-imsemmija deċiżjoni.

15      Il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jressaq is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“[S]omom imħallsin bħala kapparra fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-[VAT] għandhom jiġu kkunsidrati, meta x-xerrej jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mill-bejjiegħ, bħala remunerazzjoni għall-provvista tas-servizz ta’ prenotazzjoni u bħala tali suġġetti għall-[VAT] jew bħala kumpens għat-tħassir tal-kuntratt imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent, bla konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe servizz mogħti bi ħlas u, bħala tali, mhux suġġetti għal din l-istess taxxa[?]”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda ssaqsi, essenzjalment, jekk somom imħallsin minn klijent lil lukandier bħala kapparra għandhomx jiġu kkunsidrati, meta l-klijent jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mill-lukandier, bħala l-korrispettiv għal provvista ta’ servizz ta’ prenotazzjoni, li hija suġġetta għall-VAT, jew bħala kumpens f’ammont fiss għat-tħassir tal-kuntratt, li mhuwiex suġġett għall-imsemmija taxxa.

17      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ kapparra tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor u, min-naħa l-oħra, li l-eżerċizzju tal-fakultà marbuta mal-kapparra li wieħed jerġa’ lura mill-kuntratt jista’ jkollu konsegwenzi differenti skond id-dritt nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż jirriżulta li, fid-dritt Franċiż, l-eżerċizzju ta’ l-imsemmija fakultà, bħala regola, jeżonera kompletament lill-parti li terġa’ lura mill-kuntratt mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu, filwaqt li, f’diversi Stati Membri, tissussisti l-possibbiltà, f’tali sitwazzjoni, li jintalbu danni li jeċċedu l-ammont tal-kapparra.

18      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ser tiġi eżaminata l-ipoteżi li fiha l-parti li tkun ħallset kapparra jkollha l-fakultà li terġa’ lura mill-impenn tagħha billi titlef il-kapparra, filwaqt li l-parti l-oħra jkollha l-istess fakultà billi trodd darbtejn daqs il-kapparra, mingħajr ma jiġu eżaminati d-drittijiet li jista’ jkollha waħda mill-partijiet wara li l-parti l-oħra teżerċita l-imsemmija fakultà.

19      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tista’ tingħata risposta affermattiva fir-rigward ta’ l-ewwel soluzzjoni fformulata fid-domanda preliminari biss jekk teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut, billi s-somom imħallsin jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli pprovdut fil-kuntest ta’ relazzjoni ġuridika li fiha jsir skambju ta’ servizzi reċiproki (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, 102/86, Ġabra p. 1443, punti 11, 12 u 16; tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C-16/93, Ġabra p. I-743, punt 14; tal-21 ta’ Marzu 2002, Kennemer Golf, C-174/00, Ġabra p. I-3293, punt 39; u tat-23 ta’ Marzu 2006, FCE Bank, C-210/04, Ġabra p. I-2803, punt 34).

20      Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti.

21      Il-konklużjoni tal-kuntratt u, konsegwentement, l-eżistenza tar-rabta ġuridika bejn il-partijiet normalment ma jiddependux mill-ħlas ta’ kapparra. Billi mhijiex element kostituttiv tal-kuntratt ta’ alloġġ, il-kapparra tidher li hija biss element fakultattiv li jaqa’ fil-libertà kuntrattwali tal-partijiet.

22      Fil-fatt, klijent jista’ jitlob prenotazzjoni ta’ alloġġ permezz ta’ ittra jew saħansitra bil-fomm, liema talba tista’ tiġi aċċettata mil-lukandier, skond il-prassi kuntrattwali li huwa jsegwi, permezz ta’ ittra jew saħansitra bil-fomm, mingħajr ma tintalab kapparra. L-aċċettazzjoni tat-talba għal prenotazzjoni skond tali modalitajiet xorta waħda twassal għall-kostituzzjoni, bejn il-partijiet, ta’ rabta ġuridika li tobbliga lil dan il-lukandier li jiftaħ fajl f’isem dan il-klijent u jipprenota alloġġ għal dan ta’ l-aħħar.

23      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, il-ħlas ta’ kapparra min-naħa ta’ klijent u l-obbligu tal-lukandier li ma jikkuntrattax ma’ ħaddieħor b’mod li jimpedih milli jirrispetta l-impenn li ħa lejn il-klijent lanqas ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala l-provvista ta’ servizzi reċiproċi, billi, f’dan il-każ, l-imsemmi obbligu jirriżulta direttament mill-kuntratt ta’ alloġġ u mhux mill-ħlas tal-kapparra.

24      Fil-fatt, skond il-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili, kull waħda mill-partijiet kontraenti hija obbligata tonora l-kuntratt tagħha u tipprovdi s-servizz previst b’dan il-kuntratt. L-obbligu li jiġi rispettat dan il-kuntratt għalhekk ma jirriżultax mill-konklużjoni ta’ kuntratt ieħor, speċjalment għal dan l-iskop. L-obbligu li l-imsemmi kuntratt jiġi effettivament eżegwit lanqas ma jiddependi minn xi eventwali kumpens jew penali għad-dewmien, minn xi garanzija jew kapparra, iżda jirriżulta mill-kuntratt innifsu.

25      Għalhekk, meta, wara li tkun saret prenotazzjoni, il-lukandier jipprovdi s-servizz miftiehem, huwa ma jagħmel xejn ħlief jonora l-kuntratt konkluż mal-klijent tiegħu, skond il-prinċipju li l-kuntratti għandhom jiġu eżegwiti. Għaldaqstant, ir-rispett ta’ dan l-obbligu ma jistax jiġi kklassifikat bħala korrispettiv għall-kapparra mħallsa.

26      Billi l-obbligu ta’ prenotazzjoni jirriżulta mill-kuntratt ta’ alloġġ innifsu u mhux mill-kapparra mħallsa, ma teżistix rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Apple and Pear Development Council, punti 11 u 12; Tolsma, punt 13; u Kennemer Golf, punt 39). Il-fatt li, fil-każ li l-kamra pprenotata tiġi okkupata, l-ammont tal-kapparra jitnaqqas mill-prezz ta’ l-imsemmija kamra jikkonferma li din il-kapparra ma tistax tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizz awtonomu u individwabbli.

27      Billi l-kapparra ma tikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizz awtonomu u individwabbli, għandu jiġi eżaminat, biex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, jekk din il-kapparra tikkostitwixxix kumpens għat-tħassir tal-kuntratt imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab b’riżultat tal-fatt li l-klijent reġa’ lura mill-kuntratt.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-partijiet kontraenti għandhom il-libertà li jiddefinixxu, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli mandatorji ta’ ordni pubbliku, il-kontenut tar-rabta ġuridika tagħhom, inklużi l-konsegwenzi fil-każ li jerġgħu lura mill-obbligi tagħhom jew jonqsu milli jirrispettawhom. Madankollu, minflok ma jiddefinixxu l-obbligi tagħhom fid-dettall, huma għandhom il-possibbiltà li jagħmlu referenza għad-diversi strumenti tad-dritt ċivili.

29      Il-partijiet jistgħu għalhekk jipprovdu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tal-kuntratt li huma kkonkludew, klawżoli relattivi għal kumpens jew penali għad-dewmien, għal garanzija jew għal kapparra. Filwaqt li dawn huma lkoll intiżi biex isaħħu l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet u wħud mill-funzjonijiet tagħhom huma identiċi, dawn l-istrumenti għandhom karatteristiċi speċifiċi.

30      F’dak li jirrigwarda speċifikament il-kapparra, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li din tikkostitwixxi indikazzjoni tal-konklużjoni ta’ kuntratt, billi l-ħlas tagħha jimplika preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dan il-kuntratt. It-tieni nett, il-kapparra tinkoraġġixxi lill-partijiet jeżegwixxu l-imsemmi kuntratt, għaliex il-parti li tkun ħallsitha tista’ titlef is-somma korrispondenti, filwaqt li l-parti l-oħra jkollha, jekk ikun il-każ, trodd darbtejn daqs din is-somma jekk in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jseħħ min-naħa tagħha. It-tielet nett, il-kapparra tikkostitwixxi kumpens f’ammont fiss, billi l-ħlas tagħha jeżonera lil parti waħda milli tipprova l-ammont tad-dannu mġarrab meta l-parti l-oħra terġa’ lura mill-obbligi tagħha.

31      Ir-raġuni għall-kapparra, fis-settur tal-lukandi, tikkorrispondi, bħala regola, għall-karatteristiċi deskritti iktar ’il fuq, u għalhekk hija intiża biex tikkostitwixxi indikazzjoni tal-konklużjoni tal-kuntratt, inkoraġġiment għall-eżekuzzjoni tiegħu u eventwali kumpens f’ammont fiss.

32      Filwaqt li, fil-każ li l-kuntratt jiġi eżegwit normalment, il-kapparra titnaqqas mill-prezz tas-servizzi pprovduti mil-lukandier u għalhekk hija suġġetta għall-VAT, iż-żamma tal-kapparri in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija, għall-kuntrarju, il-konsegwenza ta’ l-eżerċizzju mill-klijent tal-fakultà li kienet ingħatatlu li jħassar il-prenotazzjoni u sservi biex tikkumpensa lill-imsemmi lukandier wara t-tħassir tal-prenotazzjoni. Tali kumpens ma jikkostitwixxix il-korrispettiv għall-provvista ta’ servizz u ma jifformax parti mill-ammont taxxabbli tal-VAT (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-interessi għad-dewmien, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Lulju 1982, BAZ Bausystem, 222/81, Ġabra p. 2527, punti 8 sa 11).

33      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Portugiż, din il-konstatazzjoni la hija invalidata bil-fatt li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-ammont tad-dannu mġarrab u dak tal-kapparra miżmuma mhumiex l-istess u lanqas bil-possibbiltà li l-kmamar meħlusin bit-tħassir tal-prenotazzjonijiet jistgħu jiġu okkupati minn klijenti ġodda. Fil-fatt, fir-rigward ta’ kumpens f’ammont fiss, huwa normali li l-ammont ta’ l-imsemmi dannu jista’ jeċċedi l-ammont tal-kapparra miżmuma mil-lukandier jew ikun inqas minn dan l-ammont.

34      Barra minn hekk, ir-regola li, meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt iseħħ min-naħa tal-lukandier, l-ammont li għandu jintradd lura huwa d-doppju tas-somom imħallsin bħala kapparra, tikkorrobora l-klassifikazzjoni tal-kapparra bħala kumpens f’ammont fiss għat-tħassir tal-kuntratt u mhux bħala remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizz. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, il-klijent ta’ l-imsemmi lukandier evidentement ma jipprovdi ebda servizz lil dan ta’ l-aħħar.

35      Billi, minn naħa, il-ħlas tal-kapparra ma jikkostitwixxix il-pagament irċevut minn lukandier bħala l-korrispettiv effettiv għal servizz awtonomu u individwabbli pprovdut lill-klijent tiegħu, u billi, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ din il-kapparra, wara li dan il-klijent ikun ħassar il-prenotazzjoni, hija intiża sabiex tikkumpensa l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, għandu jiġi kkunsidrat li la l-ħlas tal-kapparra, la ż-żamma tagħha u lanqas ir-radd ta’ darbtejn daqsha ma jaqgħu taħt l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikoli 2(1) u 6(1) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li somom imħallsin bħala kapparra fil-kuntest ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ lukanda suġġetti għall-VAT għandhom jiġu kkunsidrati, meta l-klijent jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mil-lukandier, bħala kumpens għat-tħassir tal-kuntratt imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent, bla konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe servizz mogħti bi ħlas u, bħala tali, mhux suġġetti għal din it-taxxa.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 2(1) u 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li somom imħallsin bħala kapparra fil-kuntest ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ lukanda suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu kkunsidrati, meta l-klijent jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mil-lukandier, bħala kumpens għat-tħassir tal-kuntratt imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent, bla konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe servizz mogħti bi ħlas u, bħala tali, mhux suġġetti għal din it-taxxa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.