Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-298/05

Columbus Container Services BVBA & Co.

vs

Finanzamt Bielefeld-Innenstadt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Münster)

“Artikoli 43 u 56 KE — Taxxa fuq id-dħul u fuq l-assi — Kundizzjonijiet ta’ tassazzjoni fuq il-qligħ ta’ stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor — Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja — Metodi ta’ eżenzjoni jew ta’ imputazzjoni tat-taxxa”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikolu 43 KE)

2.     Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti

(Artikolu 234 KE)

3.     Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul

(Artikoli 43 KE u 56 KE)

1.     L-akkwist, minn persuna jew bosta persuni fiżiċi residenti fi Stat Membru, ta’ l-ishma kollha ta’ kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor, li jikkonferixxi lil dawn il-persuni influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jippermettilhom jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment. B’hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar huma applikabbli għal sitwazzjoni li fiha l-ishma kollha tal-kumpannija huma miżmuma, b’mod dirett jew indirett, mill-membri ta’ l-istess familja. Dawn ta’ l-aħħar għandhom l-istess interessi, jieħdu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw din il-kumpannija bi ftehim komuni, permezz ta’ rappreżentant wieħed fil-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija, u jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha.

(ara l-punti 30-32)

2.     Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 234 KE, sabiex tiddeċiedi dwar il-ksur eventwali, minn Stat Membru kontraenti, tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali li jeliminaw jew itaffu l-effetti tat-taxxa doppja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina r-relazzjoni bejn miżura nazzjonali u d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, peress li din il-kwistjoni ma taqax taħt l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punti 46-47)

3.     L-Artikoli 43 KE u 56 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprojbixxux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha d-dħul ta’ resident nazzjonali, li jirriżulta minn kapital investit fi stabbiliment li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, mhuwiex, minkejja l-eżistenza ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluża ma’ l-Istat Membru tas-sede ta’ dan l-istabbiliment fl-Istat Membru l-ieħor, eżentat mit-taxxa fuq id-dħul nazzjonali, iżda huwa suġġett għat-taxxa nazzjonali li magħha hija paċuta t-taxxa miġbura fl-Istat Membru l-ieħor.

Fil-fatt, fl-istat attwali ta’ l-armonizzazzjoni tad-dritt fiskali Komunitarju, l-Istati Membri jibbenefikaw minn ċerta awtonomija. Minn din il-kompetenza fiskali jirriżulta li l-libertà tal-kumpanniji li jagħżlu bejn l-Istati Membri differenti ta’ stabbiliment bl-ebda mod ma jimplika li dawn ta’ l-aħħar huma obbligati jadattaw is-sistema fiskali tagħhom għal sistemi differenti ta’ tassazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra sabiex jiġi ggarantit li kumpannija li għażlet li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru partikolari tkun intaxxata, fuq livell nazzjonali, bl-istess mod bħal kumpannija li għażlet li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor. L-imsemmija awtonomija fiskali timplika wkoll li l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-livell ta’ impożizzjoni tal-forom differenti ta’ stabbilimenti tal-kumpanniji nazzjonali li joperaw f’pajjiż barrani, bil-kundizzjoni li jingħataw trattament li ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel ma’ l-istabbilimenti nazzjonali simili.

(ara l-punti 43, 45, 51, 53, 57 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Artikoli 43 u 56 KE – Taxxa fuq id-dħul u fuq l-assi – Kundizzjonijiet ta’ tassazzjoni fuq il-qligħ ta’ stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor – Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja – Metodi ta’ eżenzjoni jew ta’ imputazzjoni tat-taxxa”

Fil-kawża C-298/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Münster (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-5 ta’ Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Lulju 2005, fil-proċedura

Columbus Container Services BVBA & Co.

vs

Finanzamt Bielefeld-Innenstadt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Columbus Container Services BVBA & Co., minn A. Cordewener u J. Schönfeld, Rechtsanwälte, kif ukoll minn T. Rödder, Steuerberater,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti, kif ukoll minn W. Schön, professur tal-liġi,

–       għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer, bħala aġent,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam kif ukoll minn D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u J. P. Santos, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White u V. Jackson, bħala aġenti, assistiti minn P. Baker, QC, u T. Ward, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Columbus Container Services BVBA & Co. (iktar ’il quddiem “Columbus”) u l-Finanzamt Bielefeld-Innenstadt (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) dwar it-tassazzjoni ta’ qligħ magħmul minn Columbus fis-sena 1996.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

3       Skond l-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, BGBl. 1990 I, p. 1902, iktar ’il quddiem l-“EStG”), il-persuni taxxabbli stabbiliti fil-Ġermanja huma intaxxati fil-Ġermanja fuq id-dħul kollu tagħhom u huma suġġetti għall-prinċipju msejjaħ ta’ “dħul mondjali”. Skond dan il-prinċipju, applikabbli għat-tipi kollha ta’ dħul, inklużi l-qligħ mill-kummerċ (Artikolu 2(1)(2) ta’ l-EStG) u l-qligħ kapitali (Artikolu 2(1)(5) ta’ l-EStG), id-dħul huwa kkalkulat u intaxxat b’mod uniformi, kemm jekk ikun inkiseb fil-Ġermanja kif ukoll barra.

4       Skond l-istess Artikolu 1 ta’ l-EStG kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftssteuergesetz, BGBl 1991 I, p. 637), kumpannija kklassifikata bħala kumpannija taħt il-liġi Ġermaniża mhijiex suġġetta għat-taxxa in kwantu tali. Il-qligħ magħmul minn kumpannija bħal din, kemm fil-Ġermanja u kif ukoll barra, huwa imputat pro rata lis-soċji residenti fil-Ġermanja u intaxxat bħala tagħhom (l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 15(2) ta’ l-EStG) skond il-prinċipju ta’ trasparenza fiskali tas-soċjetajiet.

5       Din l-imputazzjoni tal-qligħ ta’ kumpannija lis-soċji tagħha tapplika anki jekk din il-kumpannija hija, fiha nnfisha, suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji barra, fl-Istat fejn għandha sede tagħha.

6       Sabiex ma jkunx hemm taxxa doppja fuq id-dħul magħmul barra minn residenti Ġermaniżi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonkludiet ftehim bilaterali, li fosthom jidher il-Ftehim sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja u sabiex jiġu ddeterminati kwistjonijiet oħra fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq l-assi, iffirmata fi Brussell fil-11 ta’ April 1967, bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (BGBl 1969 II, p. 18, iktar ’il quddiem il-“ftehim fiskali bilaterali”).

7       Skond l-Artikolu 7(l) tal-ftehim fiskali bilaterali, il-qligħ ta’ impriża Ġermaniża li twettaq l-attività tagħha minn stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju tar-Renju tal-Belġju, bħal kumpannija in akkomandita, huwa intaxxat f’dan l-Istat Membru safejn huma imputabbli għall-imsemmi stabbiliment permanenti. Skond id-digriet tar-rinviju, peress li l-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tissuġġetta lill-kumpannija in akkomandita għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-ftehim fiskali bilaterali tirrigwarda d-distribuzzjonijiet ta’ qligħ l-istess bħal dividendi fis-sens ta’ l-Artikolu 10 ta’ dan il-ftehim.

8       Skond l-ewwel punt ta’ l-Artikolu 23(1) ta’ l-imsemmi ftehim, id-dħul ta’ residenti Ġermaniżi, li huwa provenjenti mill-Belġju u li, skond dan il-ftehim, huwa taxxabbli f’dan l-aħħar imsemmi Stat Membru, huwa eżentat mit-taxxi fil-Ġermanja. Huwa paċifiku li l-qligħ minn kapital investit f’kumpannija in akkomandita Belġjana jaqa’ taħt is-sistema ta’ eżenzjoni prevista fil-punt 1 ta’ l-imsemmi Artikolu 23(1).

9       Kuntrarjament għal dak li huwa previst fil-ftehim fiskali bilaterali, il-liġi fiskali Ġermaniża dwar ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra [Gesetz über die Besteuerung bei Auslandsbeziehungen (Außensteuergesetz)], fil-verżjoni li tirriżulta mil-liġi Ġermaniża tal-21 ta’ Diċembru 1993 dwar l-armonizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi (Missbrauchsbekämpfungs- und Steuerbereinigungsgesetz), tal-21 ta’ Diċembru 1993 (BGBl 1993 I, p. 2310, iktar ’il quddiem l-“AStG”), applikabbli fil-mument li fih seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali tipprovdi, fl-Artikolu 20(2) u (3), li:

“2.      Jekk id-dħul, li jkun ir-riżultat ta’ kapital investit skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10(6), jinkiseb mill-istabbiliment barrani ta’ persuna taxxabbli b’mod illimitat fil-Ġermanja u jekk jiġi suġġett għat-taxxa bħala dħul intermedjarju kieku dan l-istabbiliment kien kumpannija barranija, it-taxxa doppja m’għandhiex tkun evitata permezz ta’ eżenzjoni iżda permezz ta’ imputazzjoni tat-taxxi miġbura barra minn fuq dan id-dħul.

3.      Għal dak li jikkonċerna l-azzjonijiet li jagħtu lok għal dħul li huwa ta’ natura ta’ kapital investit skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10(6), bl-eċċezzjoni tad-dħul li huwa ta’ natura ta’ kapital investit skond it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 10(6), fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2, it-taxxa doppja m’għandhiex tkun evitata permezz ta’ l-eżenzjoni iżda permezz tat-taxxi miġbura barra minn fuq dawn l-azzjonijiet. […]”

10     It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10(6) ta’ l-AStG tipprovdi li:

“Id-dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit huwa dħul tal-kumpannija intermedjarja barranija li ġej mid-detenzjoni, mill-ġestjoni, miż-żamma jew miż-żieda tal-valur tal-mezzi ta’ ħlas, ta’ krediti, ta’ titoli, ta’ ishma jew ta’ elementi simili ta’ l-assi […]”

11     L-Artikolu 8(1) u (3) ta’ l-AStG jistabbilixxi li:

“1.      Kumpannija barranija hija kumpannija intermedjarja għad-dħul li huwa suġġett għal rata baxxa ta’ taxxa […]

[…]

3.      Ir-rata ta’ taxxa hija baxxa fis-sens tal-paragrafu 1 meta d-dħul ma jkunx intaxxat abbażi tat-taxxa fuq il-qligħ bi 30 % jew aktar, fl-Istat tad-direzzjoni tan-negozju u lanqas fl-Istat tas-sede tal-kumpannija barranija mingħajr ma dan ikun ir-riżultat ta’ aġġustament mad-dħul minn sorsi oħra jew meta t-taxxa li mbagħad għandha b’hekk tittieħed in kunsiderazzjoni titnaqqas skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat in kwistjoni mit-taxxi li l-kumpannija minn fejn ikun ġej id-dħul tkun responsabbli għalihom [...]”

 Il-leġiżlazzjoni Belġjana

12     Skond id-dritt Belġjan, l-impriżi meqjusa bħala “ċentri ta’ koordinazzjoni” jaqgħu taħt is-sistema fiskali stabbilita mid-Digriet Irjali Nru 187, tat-30 ta’ Diċembru 1982 (Moniteur belge tat-13 ta’ Jannar 1983). Skond dan id-Digriet Irjali, il-bażi tat-taxxa tal-qligħ magħmul fil-Belġju minn ċentru ta’ koordinazzjoni huwa ddeterminat fuq il-bażi ta’ rata fissa skond il-metodu magħruf bħala “cost plus”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     Columbus hija kumpannija in akkomandita taħt il-liġi Belġjana li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, kellha s-sede tagħha f’Antwerp (Il-Belġju). Hija tikkostitwixxi ċentru ta’ koordinazzjoni skond id-Digriet Irjali Nru 187.

14     L-ishma ta’ Columbus huma miżmuma, minn naħa, minn tmien membri ta’ l-istess familja residenti fil-Ġermanja, u kull membru għandu sehem ta’ 10 %, u, min-naħa l-oħra, l-20 % li jibqa’ huma miżmuma minn kumpannija regolata mid-dritt Ġermaniż, li l-ishma tagħha wkoll jappartjenu lill-membri ta’ l-imsemmija familja. Fil-laqgħa ġenerali ta’ Columbus, dawk kollha li għandhom l-ishma huma rrapreżentati mill-istess persuna.

15     Columbus tifforma parti minn grupp ekonomiku importanti fuq livell internazzjonali. L-għan tal-kumpannija Columbus huwa li tikkoordina l-attivitajiet ta’ dan il-grupp. Huwa jinkludi, b’mod partikolari, iċ-ċentralizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u tal-kontabbiltà, il-finanzjament tat-teżor tas-sussidjarji jew tal-fergħat, il-ġestjoni elettronika tad-data kif ukoll l-attivitajiet ta’ pubbliċità u ta’ marketing.

16     L-attività ekonomika ta’ Columbus hija prinċipalment iddedikata għall-ġestjoni tal-kapital investit, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10(6) ta’ l-AStG. Din l-attività ta’ ġestjoni wasslet lil Columbus sabiex matul is-sena 1996 tikseb, “qligħ mill-kummerċ” fl-ammont ta’ DEM 8,044,619 (EUR 4,113,148) u ta’ “dħul ieħor” ta’ DEM 53,477 (EUR 27,342).

17     Għas-sena 1996, Columbus ġiet intaxxata mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana skond ir-rata applikabbli għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, u f’dan il-każ, din it-taxxa kienet tammonta għal inqas minn 30 % tal-qligħ effettivament magħmul.

18     Skond id-dritt Ġermaniż, Columbus hija kumpannija.

19     B’applikazzjoni tad-dritt fiskali Ġermaniż u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 20(2) ta’ l-AStG, il-Finanzamt, permezz ta’ avviż tat-8 ta’ Ġunju 1998, eżentat id-dħul ieħor ta’ Columbus, fir-rigward tas-soċji, filwaqt li inkludiethom fir-riżerva ta’ progressività. Min-naħa l-oħra, is-soċji ġew intaxxati fuq il-profitti li saru mill-“qligħ mill-kummerċ” ta’ Columbus, minkejja li l-Finanzamt kienet paċiet it-taxxa li kienet inġabret fil-Belġju fuq dawn l-istess profitti.

20     Minbarra dan, permezz ta’ avviż tas-16 ta’ Ġunju 1998 il-Finanzamt ffissat, skond l-Artikolu 20(3) ta’ l-AStG, il-valur ta’ referenza ta’ l-assi ta’ Columbus fl-1 ta’ Jannar 1996 għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq l-assi tas-soċji.

21     Columbus ippreżentat ilment quddiem il-Finanzamt kontra l-imsemmi avviż, bl-eċċezzjoni ta’ dak li jirrigwarda d-dħul ieħor, u, wara ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment, ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Münster.

22     Quddiem din il-qorti, Columbus invokat b’mod partikolari l-inkompatibbilta ta’ l-Artikolu 20(2) u (3) ta’ l-AStG mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43 KE. Skond din il-kumpannija, il-fatt li l-metodu ta’ l-eżenzjoni, previst fl-Artikolu 23(1)(1) tal-ftehim fiskali bilaterali, jiġi sostitwit b’dak ta’ l-imputazzjoni, previst fl-Artikolu 20(2) u (3) ta’ l-AStG, għandu l-effett li jrendi l-istabbilimenti transkonfinali msemmija inqas attraenti. Tneħħija bħal din tal-vantaġġ fiskali li jibbenefikaw minnu dawn ta’ l-aħħar tikser, b’mod li mhuwiex iġġustifikat, il-libertà ta’ stabbiliment iggarantit mit-Trattat KE.

23     Columbus issostni wkoll li, għal dak li jirrigwarda l-ftehim fiskali bilaterali, kull ġustifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħha tammonta għal nuqqas.

24     Il-Finanzgericht Münster ma teskludix li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 20(2) u (3) ta’ l-AStG jiksru l-libertà ta’ stabbiliment. Hija għandha wkoll dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ l-imsemmija regoli mal-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, it-taxxa addizzjonali li dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw id-dħul barrani għaliha tiddiswadi lil residenti Ġermaniżi milli jinvestu fi Stat Membru ieħor barra mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mingħajr ma din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi ġġustifikata.

25     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Finanzgericht Münster ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Ir-regoli ta’ l-Artikolu 20(2) u (3) ta’ l-[AStG] li jeżentaw mit-taxxa doppja d-dħul li huwa ta’ natura ta’ kapital investit fl-istabbiliment barrani ta’ persuna taxxabbli b’mod illimitat fil-Ġermanja, li kien jiġi suġġett għat-taxxa bħala dħul intermedjarju kieku l-istabbiliment kien kumpannija barranija, minkejja l-ftehim [fiskali bilaterali], mhux permezz ta’ l-eżenzjoni tad-dħul mit-taxxa Ġermaniża iżda permezz ta’ l-imputazzjoni tat-taxxa fuq il-qligħ miġbura f’pajjiż ieħor, huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 43 KE, u ta’ l-Artikoli 73 B sa 73 D tat-Trattat KE, li saru l-Artikoli 56 KE sa 58 KE?”

 Fuq id-domanda preliminari

26     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE u 56 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha d-dħul ta’ residenti nazzjonali minn kapitali investit fi stabbiliment li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, mhuwiex, minkejja l-eżistenza ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluża ma’ l-Istat Membru tas-sede ta’ dan l-istabbiliment fl-Istat Membru l-ieħor, eżentat mit-taxxa fuq id-dħul nazzjonali, iżda huwa suġġett għat-taxxa nazzjonali li magħha hija paċuta t-taxxa miġbura fl-Istat Membru l-ieħor.

27     Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw il-kriterji ta’ tassazzjoni tad-dħul u ta’ l-assi sabiex jeliminaw, skond il-każ, permezz ta’ ftehim, it-taxxa doppja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57; tat-3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen, C-290/04, Ġabra p. I-9461, punt 54, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 52).

28     Madankollu, jekk il-fiskalità diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom jeżerċitawha fl-osservanza tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 28, u Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

29     Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għaż-żamma, minn ċittadin ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilu jeżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 20, u tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-112/05, Ġabra p. I-8995, punt 13).

30     B’hekk, skond din il-ġurisprudenza, l-akkwist, minn persuna jew bosta persuni fiżiċi residenti fi Stat Membru, ta’ l-ishma kollha ta’ kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor, li jikkonferixxi lil dawn il-persuni influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jippermettilhom jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punti 21 u 22, kif ukoll tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering, C-208/00, Ġabra p. I-9919, punt 77).

31     F’dan il-każ partikolari, mill-punt 14 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ishma kollha ta’ Columbus huma miżmuma, b’mod dirett jew indirett, mill-membri ta’ l-istess familja. Dawn ta’ l-aħħar għandhom l-istess interessi, jieħdu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw din il-kumpannija bi ftehim komuni, permezz ta’ rappreżentant wieħed fil-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija, u jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha.

32     Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

33     L-Artikolu 43 KE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment. Konsegwentment, għalkemm mill-kliem tagħhom jidher li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment għandhom l-għan li jassiguraw trattament ugwali għal dak nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, huma jipprojbixxu wkoll lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jfixkel l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija mwaqqfa skond il-liġi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 21, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 42).

34     Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li kull miżura li tipprojbixxi, tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, għandha tkun kkunsidrata bħala restrizzjoni ta’ dan it-tip (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C-442/02, Ġabra p. I- 8961, punt 11).

35     Hekk kif ġie indikat fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, id-dħul provenjenti mill-qligħ ta’ kumpannija Ġermaniża permezz ta’ kumpannija in akkomandita Belġjana huwa, skond il-ftehim fiskali bilaterali, eżenti fir-rigward tal-persuni taxxabbli residenti fil-Ġermanja. Madankollu, meta, bħal fil-kawża prinċipali, kumpannija bħal din hija intaxxata, skond il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana, b’inqas minn 30 % tat-taxxa fuq il-qligħ magħmul fil-Belġju, id-dispożizzjonijiet ta’ l-AStG in kwistjoni fil-kawża prinċipali jipprovdu li, minkejja l-eżistenza ta’ dan il-ftehim, dan id-dħul mhuwiex eżentat aktar mit-taxxa fuq id-dħul fir-rigward tal-persuna taxxabbli residenti fil-Ġermanja, iżda huwa suġġett għas-sistema ta’ tassazzjoni Ġermaniża, peress li t-taxxa li nġabret fil-Belġju tkun paċuta ma’ l-ammont tat-taxxa dovuta fil-Ġermanja.

36     Fil-fatt, skond l-Artikolu 20(2) u (3) ta’ l-AStG, id-dħul li ġej minn kumpannija li f’pajjiż barrani hija suġġetta għal rata tat-taxxa li l-Artikolu 8(1) u (3) ta’ l-AStG jikklassifika bħala “baxxa”, ma jibbenefikax mill-eżenzjoni prevista fil-ftehim fiskali bilaterali, iżda jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodu ta’ l-imputazzjoni prevista fl-Artikolu 20(2) u (3) ta’ l-AStG.

37     Skond l-informazzjoni mogħtija minn Columbus fis-seduta, abbażi tas-sena fiskali 1996, is-sostituzzjoni tal-metodu ta’ l-eżenzjoni b’dak ta’ l-imputazzjoni allegatament żiedet bi 53 % il-piż fiskali tas-soċji ta’ din il-kumpannija.

38     Madankollu, għandu jingħad li, anki jekk l-applikazzjoni, fil-kuntest ta’ l-intaxxar tas-soċji ta’ Columbus, bil-metodu ta’ l-imputazzjoni previst mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(2) u (3) ta’ l-AStG in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha l-effett li tirrendi t-twettiq ta’ l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija aktar onerużi milli kieku din it-tassazzjoni twettqet skond il-metodu ta’ l-eżenzjoni prevista mill-ftehim fiskali bilaterali, konstatazzjoni bħal din ma timplikax neċessarjament li l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostiwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43 KE.

39     Fil-fatt, filwaqt li l-libertà ta’ stabbiliment tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Saint-Gobain ZN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u tat-12 Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 40), huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża in kwistjoni fil-kawża prinċipali, simili f’dan ir-rigward għal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana applikabbli fil-kawża li wasslet għas-sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C-513/04, Ġabra p. I-10967, punt 17), ma tagħmel ebda distinzjoni f’dak li jirrigwarda t-tassazzjoni tad-dħul ġej mill-qligħ ta’ soċjetajiet stabbiliti fil-Ġermanja u t-tassazzjoni tad-dħul ġej mill-qligħ ta’ soċjetajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jissuġġetta l-qligħ magħmul minn dawn is-soċjetajiet f’dan l-Istat għal taxxa ta’ inqas minn 30 %. Billi tapplika l-metodu ta’ l-imputazzjoni għal dawn is-soċjetajiet barranin, din il-leġiżlazzjoni kull ma tagħmel huwa li tissottometti, fil-Ġermanja, il-qligħ magħmul minn soċjetajiet bħal dawn għall-istess rata ta’ taxxa bħal dik applikabbli għall-qligħ magħmul minn soċjetajiet stabbiliti fil-Ġermanja.

40     Peress li s-soċjetajiet bħal Columbus ma jsofrux żvantaġġi fiskali meta mqabbla ma’ soċjetajiet stabbiliti fil-Ġermanja, m’hemmx lok li jiġi konkluż li hemm diskriminazzjoni li tirriżulta minn differenza ta’ trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji.

41     Huwa veru li, skond ġurisprudenza stabbilita sew, diskriminazzjoni tista’ tirriżulta wkoll mill-applikazzjoni ta’ l-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30, u tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 26).

42     Madankollu, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ l-Istat ta’ residenza, il-pożizzjoni ta’ soċju li jirċievi l-profitti ma ssirx neċessarjament differenti mill-fatt biss li huwa jirċeviehom minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tiegħu, jissuġġetta dawn il-profitti għal taxxa inqas minn 30 % tal-qligħ effettivament magħmul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

43     F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konsegwenzi sfavorevoli li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni tal-qligħ bħal dik implementata mill-AStG jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel minn żewġ Stati Membri tal-kompetenza fiskali tagħhom (ara s-sentenza Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

44     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, kif previsti fl-Artikolu 293 KE, iservu sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-effetti negattivi għall-funzjonament tas-suq intern li jirriżultaw mill-koeżistenza tas-sistemi fiskali nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti (sentenza Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

45     Madankollu, id-dritt Komunitarju, fl-istat attwali tiegħu u f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ma jipprovdix kriterji ġenerali għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja ġewwa l-Komunità Ewropea. B’hekk, minbarra d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6), il-konvenzjoni tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja f’każ ta’ korrezzjoni tal-profitti ta’ impriżi assoċjati (ĠU L 225, p. 10), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU L 157, p. 38), ebda miżura ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni intiża sabiex tabolixxi s-sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja ma ġiet adottata s’issa, fil-kuntest tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

46     Għalkemm, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri kkonkludew bosta ftehim bilaterali bil-għan li jeliminaw jew inaqqsu l-imsemmija effetti negattivi, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 234 KE, sabiex tiddeċiedi dwar il-ksur eventwali tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħal dawn minn Stat Membru kontraenti.

47     Fil-fatt, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina r-relazzjoni bejn miżura nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, u d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, bħall-ftehim fiskali bilaterali, peress li din il-kwistjoni ma taqax taħt l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, AMID, C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 18).

48     Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti għall-kawża prinċipali, mill-punti 43 u 44 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr (C-294/97, Ġabra p. I-7447, punti 43 u 44) lanqas jirriżulta li l-movimenti liberi ggarantiti mit-Trattat jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

49     Fil-fatt, minkejja li fis-sentenza Eurowings Luftverkehr, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jiġġustifika li tinġabar it-taxxa mingħand id-destinatari tas-servizzi minħabba r-rata ta’ taxxa mhux daqstant għolja li għaliha jkunu suġġetti l-fornituri tas-servizzi fi Stat Membru ieħor, f’din il-kawża li tat lok għal din is-sentenza għandna leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-fornituri tas-servizzi stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat għal trattament fiskali inqas favorevoli minn dak li għalih huma suġġetti l-fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra. Madankollu, fil-kawża prinċipali, is-soċjetajiet bħal Columbus u l-kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja huma suġġetti, fir-rigward tas-soċji tagħhom, għal trattament fiskali li ma jibbażax ruħu fuq tali differenza fi trattament.

50     Barra minn hekk, Columbus issostni li d-dispożizzjonijiet ta’ l-AStG in kwistjoni fil-kawża prinċipali jimplikaw distorsjoni ta’ l-għażla li tikkonċerna l-istabbiliment ta’ kumpanniji fi Stati Membri differenti.

51     Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, fl-istat attwali ta’ l-armonizzazzjoni tad-dritt fiskali Komunitarju, l-Istati Membri jibbenefikaw minn ċerta awtonomija. Minn din il-kompetenza fiskali jirriżulta li l-libertà tal-kumpanniji li jagħżlu bejn l-Istati Membri differenti ta’ stabbiliment bl-ebda mod ma jimplika li dawn ta’ l-aħħar huma obbligati jadattaw is-sistema fiskali tagħhom għal sistemi differenti ta’ tassazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra sabiex jiġi ggarantit li kumpannija li għażlet li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru partikolari tkun intaxxata, fuq livell nazzjonali, bl-istess mod bħal kumpannija li għażlet li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor.

52     Barra minn hekk, Columbus issostni li d-dispożizzjonijiet ta’ l-AStG in kwistjoni fil-kawża prinċipali jimplikaw distorsjoni ta’ l-għażla bejn il-forom differenti ta’ stabbiliment. B’hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma kinux japplikaw għaliha kieku għażlet li twettaq l-attivitajiet tagħha fil-Belġju permezz ta’ kumpannija sussidjarja li tkun kumpannija b’kapital, u mhux permezz ta’ stabbiliment bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

53     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-awtonomija fiskali, li saret referenza għaliha fil-punti 44 u 51 ta’ din is-sentenza, timplika wkoll li l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-livell ta’ impożizzjoni tal-forom differenti ta’ stabbilimenti tal-kumpanniji nazzjonali li joperaw f’pajjiż barrani, bil-kundizzjoni li jingħataw trattament li ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel ma’ l-istabbilimenti nazzjonali simili.

54     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u tal-prinċipju ta’ trattament fiskali ugwali bejn is-soċjetajiet bħal Columbus, minn naħa, u l-kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja, min-naħa l-oħra, kif imsemmi fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet ta’ l-AStG ma jistgħux ikunu kklassifikati bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skond l-Artikolu 43 KE.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

55     Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 56 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

56     F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex diskriminatorja fil-konfront ta’ persuni taxxabbli ta’ Stat Membru li għalihom huma imputati l-profitti magħmula minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Konsegwentement, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 54 ta’ din is-sentenza tapplika wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

57     Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 56 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha d-dħul ta’ resident nazzjonali, li jirriżulta minn kapital investit fi stabbiliment li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, mhuwiex, minkejja l-eżistenza ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluża ma’ l-Istat Membru tas-sede ta’ dan l-istabbiliment fl-Istat Membru l-ieħor, eżentat mit-taxxa fuq id-dħul nazzjonali, iżda huwa suġġett għat-taxxa nazzjonali li magħha hija paċuta t-taxxa miġbura fl-Istat Membru l-ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

58     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 43 KE u 56 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprojbixxux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha d-dħul ta’ resident nazzjonali, li jirriżulta minn kapital investit fi stabbiliment li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, mhuwiex, minkejja l-eżistenza ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluża ma’ l-Istat Membru tas-sede ta’ dan l-istabbiliment fl-Istat Membru l-ieħor, eżentat mit-taxxa fuq id-dħul nazzjonali, iżda huwa suġġett għat-taxxa nazzjonali li magħha hija paċuta t-taxxa miġbura fl-Istat Membru l-ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.