Kawża C-318/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE — Leġiżlazzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul — Miżati ta’ l-iskola — Dritt għal tnaqqis limitat għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil stabbilimenti privati nazzjonali”
Sommarju tas-sentenza
1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi — Kunċett
(Artikolu 50 KE)
2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali
(Artikolu 49 KE)
3. Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali
(Artikoli 39 KE u 43 KE)
4. Ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea — Dritt għal moviment liberu u għal residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri — Leġiżlazzjoni fiskali
(Artikolu 18 KE)
1. Il-korsijiet mogħtija minn stabbilimenti li jagħmlu parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika u li huma ffinanzjati, kompletament jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi huma esklużi mill-kunċett ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 50 KE. Fil-fatt, billi jistabbilixxi u billi jżomm sistema ta’ edukazzjoni pubblika bħal din, iffinanzjata bħala regola ġenerali mill-baġit pubbliku u mhux mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, l-intenzjoni ta’ l-Istat ma tkunx li jeżerċita attivitajiet bi ħlas iżda li jissodisfa l-missjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu.
Mill-banda l-oħra, il-korsijiet mogħtija minn stabbilimenti ta’ edukazzjoni ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati, b’mod partikolari mill-istudenti u l-ġenituri tagħhom, jikkostitwixxu servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 50 KE peress li l-għan ta’ dawn l-istabbilimenti huwa, fil-fatt, li joffru servizz bi ħlas. F’dan il-kuntest mhuwiex meħtieġ li dan il-finanzjament privat ikun assigurat prinċipalment mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom. Fil-fatt, l-Artikolu 50 KE ma jeżiġix li s-servizz jitħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu.
(ara l-punti 68-70)
2. Fis-sitwazzjonijiet fejn persuni taxxabbli fi Stat Membru jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skola li tinsab fi Stat Membru ieħor u li l-finanzjament tagħha jkun assigurat essenzjalment minn fondi privati, l-ewwel Stat Membru jonqos mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE meta jeskludi b’mod ġenerali l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fi skola bħal din mit-tnaqqis fiskali bħala spejjeż speċjali eliġibbli għal tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul.
Leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE safejn għandha l-effett li tiskoraġġixxi lill-persuni taxxabbli residenti fl-Istat Membru kkonċernat milli jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, hija tostakola wkoll l-offerta ta’ tagħlim minn stabbilimenti ta’ tagħlim privati stabbiliti fi Stati Membri oħra lil tfal ta’ persuni taxxabbli residenti fl-ewwel Stat Membru.
Ir-rifjut li jingħata t-tnaqqis fiskali in kwistjoni fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor ma jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ l-għan li jiġi assigurat li l-ispejjeż tal-funzjonament ta’ l-iskejjel privati jkunu koperti mingħajr ma jirriżulta piż irraġonevoli għall-Istat, peress li dan l-għan jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi. Fil-fatt, sabiex ikun evitat piż finanzjarju eċċessiv, Stat Membru jista’ jillimita l-ammont li jista’ jitnaqqas bħala miżati ta’ l-iskola għal ammont partikolari, li jikkorrispondi għat-tnaqqis fiskali mogħti minn dan l-Istat, fid-dawl ta’ ċerti valuri li huma partikolari għalih, fir-rigward ta’ l-attendenza fi skejjel li jinsabu fit-territorju tiegħu, possibbiltà din li hija mezz inqas restrittiv mir-rifjut li jingħata t-tnaqqis fiskali in kwistjoni. Jidher li, fi kwalunkwe każ, huwa sproporzjonat li l-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor jiġu esklużi totalment minn dan it-tnaqqis fiskali indipendentament mill-kwistjoni jekk dawn l-iskejjel jissodisfawx kriterji oġġettivi stabbiliti abbażi ta’ prinċipji partikolari għal kull Stat Membru li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi ddeterminat liema tipi ta’ miżati ta’ l-iskola huma intitolati għat-tnaqqis fiskali msemmi.
(ara l-punti 80-81, 97-100, 139 u d-dispożittiv 1)
3. Stat Membru li jeskludi b’mod ġenerali l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fi skola li tinsab fi Stat Membru ieħor mit-tnaqqis fiskali bħala spejjeż speċjali eliġibbli għal tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul jonqos mill-obbligu tiegħu taħt l-Artikoli 39 KE u 43 KE.
Fil-fatt, leġiżlazzjoni bħal din tiżvantaġġja b’mod partikolari lill-ħaddiema impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom li jittrasferixxu r-residenza tagħhom lejn jew li jaħdmu fl-Istat Membru kkonċernat u li t-tfal tagħhom ikunu għadhom jattendu skola privata li tinsab fi Stat Membru ieħor. Din il-leġiżlazzjoni tista’ anki tqiegħed lil ċittadini ta’ l-ewwel Stat Membru f’pożizzjoni żvantaġġuża jekk jittrasferixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor fejn it-tfal tagħhom jattendu skola privata.
(ara l-punti 116, 118, 121, 139 u d-dispożittiv 1)
4. Fis-sitwazzjonijiet fejn it-tfal ta’ persuni taxxabbli fi Stat Membru jattendu skola li tinsab fi Stat Membru ieħor u li s-servizzi mogħtija minnha mhumiex koperti mill-Artikolu 49 KE, l-ewwel Stat Membru jonqos mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 18 KE meta jeskludi b’mod ġenerali l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fi skola bħal din mit-tnaqqis fiskali bħala spejjeż speċjali eliġibbli għal tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul.
Leġiżlazzjoni bħal din għandha bħala effett li tqiegħed fi żvantaġġ, b’mod mhux ġustifikat, lil dawn it-tfal meta mqabbla ma’ dawk li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għal moviment liberu billi jmorru jistudjaw fi skola stabbilita fi Stat Membru ieħor u tippreġudika d-drittijiet mogħtija lilhom mill-Artikolu 18(1) KE.
(ara l-punti 137, 139 u d-dispożittiv 1)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
11 ta’ Settembru 2007 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE – Leġiżlazzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul – Miżati ta’ l-iskola – Dritt għal tnaqqis limitat għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil stabbilimenti privati nazzjonali”
Fil-kawża C-318/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-17 ta’ Awwissu 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Gross u R. Lyal, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas (Relatur) u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi eskludiet mingħajr ebda eċċezzjoni l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fi skola stabbilita fi Stat Membru ieħor mit-tnaqqis fiskali bħala spejjeż speċjali taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-19 ta’ Ottubru 2002 (Einkommensteuergesetz, BGBl. 2002 I, p. 4210, aktar ’il quddiem l-“EStG”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni
2 Skond il-liġi Ġermaniża, il-miżati ta’ l-iskejjel marbuta ma’ l-attendenza fi skola privata huma koperti mit-tnaqqis fiskali fir-rigward ta’ ulied dipendenti kif ukoll mill-allowances tal-familja. Safejn spejjeż addizzjonali marbuta ma’ l-edukazzjoni jirriżultaw mill-attendenza f’boarding school, dawn l-ispejjeż igawdu kompletament mit-tnaqqis fiskali fir-rigward ta’ l-edukazzjoni previst fl-Artikolu 33a(2) ta’ l-EStG. Dan jgħodd ukoll għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-attendenza fi skola barranija.
3 Fir-rigward tat-tnaqqis tal-miżati ta’ l-iskola bħala spejjeż speċjali (“Sonderausgaben”), il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jipprovdi li:
“L-ispejjeż li ġejjin huma spejjeż speċjali ['Sonderausgaben'] [li jagħtu lok għal tnaqqis għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul], sakemm ma jkunux spejjeż ta’ l-operat jew spejjeż professjonali:
1. […]
9. it-30 % ta’ l-ispejjeż imħallsa minn persuna taxxabbli sabiex il-wild tagħha, li fir-rigward tiegħu bbenefikat minn eżenzjoni għal wild dipendenti jew minn allowance għat-tfal, ikun jista’ jattendi skola privata alternattiva ekwivalenti għal skola statali awtorizzata mill-Istat jew mil-leġiżlazzjoni tal-Land, skond l-Artikolu 7(4) tal-Liġi Fundamentali, kif ukoll skola komplimentari ta’ formazzjoni ġenerali rikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni tal-Land, minbarra l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, ikel u assistenza.”
4 L-Artikolu 7(4) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tat-23 ta’ Mejju 1949 (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland, aktar ’il quddiem il-“Liġi Fundamentali”), li għalih issir referenza, jipprovdi li:
“Id-dritt li jitwaqqfu skejjel privati huwa ggarantit. L-iskejjel privati, meta dawn jipprovdu alternattiva għall-iskejjel pubbliċi, jeħtieġu l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istat u huma suġġetti għal-liġijiet tal-Länder. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata meta l-iskejjel privati ma jkunux inferjuri għall-iskejjel pubbliċi fir-rigward tal-programmi ta’ edukazzjoni u s-sistemi ta’ organizzazzjoni, kif ukoll tal-formazzjoni xjentifika ta’ l-għalliema, u meta ma jiffavorixxux separazzjoni ta’ l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda meta l-pożizzjoni ġuridika u ekonomika ta’ l-għalliema ma tkunx żgurata b’mod suffiċjenti.”
Il-proċedura prekontenzjuża
5 Peress li kkunsidrat li, billi eskludiet mingħajr eċċezzjoni l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fi skola li tinsab fi Stat Membru ieħor mit-tnaqqis fiskali bħala spejjeż speċjali taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 226 KE. Skond din id-dispożizzjoni u wara li, fid-19 ta’ Lulju 2002, intimat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fis-7 ta’ Jannar 2004, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija obbligi f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.
6 Peress li ma kinitx issodisfata bir-risposta ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi għal din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
7 Sadanittant, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tas-sistema li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG mad-dritt Komunitarju kienet is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal-lum, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C-76/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
Fuq ir-rikors
8 Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni ssostni li s-sistema prevista fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EstG, li tillimita t-tnaqqis tal-miżati ta’ l-iskola għal dawk marbuta ma’ l-attendenza f’ċerti skejjel Ġermaniżi, twassal għal tassazzjoni aktar vantaġġjuża għall-persuni taxxabbli kkonċernati peress li timplika tnaqqis fid-dħul taxxabbli u, għalhekk, tnaqqis fil-piż fiskali ta’ dawn il-persuni. Il-miżati ta’ l-iskola li huma intitolati għat-tnaqqis fiskali huma dawk imħallsa lill-iskejjel alternattivi, li huma intiżi sabiex jissostitwixxu stabbiliment statali eżistenti jew previst fil-Land ikkonċernata u li huma approvati mill-Istat jew awtorizzati mil-leġiżlazzjoni ta’ din il-Land, u lill-iskejjel komplimentari, li huma stabbilimenti Ġermaniżi differenti mill-iskejjel alternattivi u li għandhom jiġu rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni tal-Land bħala skejjel komplimentari ta’ formazzjoni ġenerali.
9 Il-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha fuq l-affermazzjoni li l-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-miżati ta’ l-ispejjeż għal dawk marbuta ma’ l-attendenza f’ċerti skejjel Ġermaniżi mhijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Limitazzjoni bħal din tmur kontra, minn naħa, id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment (l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment) kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-dritt ġenerali għall-moviment liberu taċ-ċittadini Ġermaniżi u ta’ ċittadini oħra ta’ l-Unjoni (it-tieni parti ta’ l-ewwel ilment). Din il-limitazzjoni tfixkel ukoll id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ l-iskejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor u d-dritt tal-ġenituri kkonċernati residenti fil-Ġermanja (it-tieni lment). Fl-aħħar nett, din il-limitazzjoni tillimita l-libertà ta’ stabbiliment ta’ skejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor b’mod mhux ġustifikat (it-tielet ilment).
10 Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-sistema li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Din is-sistema, li tapplika biss għall-iskejjel privati li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet previsti mil-Liġi Fundamentali u mil-leġiżlazzjoni tal-Land ikkonċernata u li huma, għal din ir-raġuni, approvati, awtorizzati jew rikonoxxuti, la tippreġudika d-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ skejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor u lanqas id-dritt tal-ġenituri. Din is-sistema bl-ebda mod ma tikser id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema u lanqas il-libertà ta’ stabbiliment jew id-dritt ġenerali għall-moviment liberu tal-ġenituri. L-istess sistema lanqas ma tippreġudika l-libertà ta’ stabbiliment ta’ skejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor.
11 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni t-talbiet kollha magħmula fir-rikors tagħha.
12 Hija tosserva li r-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkonċerna kważi esklużivament il-possibbiltà ta’ ksur tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabbiliment jew tad-dritt ġenerali għall-moviment liberu tal-ġenituri kkonċernati, kif ukoll fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ skejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor, il-possibbiltà ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat KE hija kkontestata mingħajr ma tingħata ebda ġustifikazzjoni. Il-Kummissjoni, filwaqt li ssostni li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija, skond l-Artikolu 50 KE, libertà sussidjarja fil-konfront tal-libertajiet fundamentali l-oħra, tikkunsidra li dawn l-argumenti mhumiex konklużivi u tirreferi għall-punti fir-rikors tagħha fejn hija tinvoka b’mod dettaljat il-ksur ta’ drittijiet oħra għall-moviment liberu.
13 Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Kummissjoni tippreċiża li, fir-rikors tagħha, hija ammettiet li l-ammont tal-miżati ta’ l-iskola mitluba mill-iskejjel privati approvati, rikonoxxuti jew awtorizzati fil-Ġermanja jista’ jkun żgħir wisq sabiex is-servizzi mogħtija minn dawn l-iskejjel ikunu jistgħu jitqiesu bħala servizzi bi ħlas. Madankollu, hija qajmet il-possibbiltà li korp privat jiffinanzja l-ispejjeż kollha li ma jkunux koperti mill-miżati ta’ l-iskola.
14 F’dan il-kuntest hija tindika li, f’sentenza tat-12 ta’ Awwissu 1999 (BSTB1. 2000, II, p. 65), il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li l-għajnuna mogħtija mill-ġenituri lil assoċjazzjoni ta’ appoġġ favur skola privata tikkostitwixxi ħlas għal servizz u mhux kontribuzzjoni li tista’ titnaqqas bħala donazzjoni. Dan ikun il-każ meta, minħabba l-ammont żgħir tal-miżati ta’ l-iskola, l-iskola tkun tista’ tkompli tiffunzjona biss grazzi għall-għajnuna mogħtija minn assoċjazzjoni ta’ appoġġ. Għalhekk ma jkunx possibbli li ssir distinzjoni bejn il-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil min jopera l-iskola u d-donazzjonijiet mogħtija lil din l-assoċjazzjoni.
15 Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li jekk assoċjazzjoni bħal din tagħti l-appoġġ tagħha lil skola privata Ġermaniża, l-evalwazzjoni tan-natura oneruża tas-servizzi offruti minn l-iskola għandha tieħu in kunsiderazzjoni, minbarra l-miżati ta’ l-iskola fil-veru sens tal-kelma, il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn din l-assoċjazzjoni. Il-korsijiet mogħtija minn din l-iskola privata jistgħu effettivament jikkostitwixxu servizzi mogħtija bi ħlas minħabba l-ammont totali tal-miżati ta’ l-iskola u ta’ l-għajnuna mogħtija mill-assoċjazzjoni ta’ appoġġ, liema għajnuna tista’ tkun kunsiderevoli peress li l-obbligu li tiġi evitata distinzjoni bejn l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja ma japplikax fir-rigward ta’ din l-għajnuna.
16 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tipprova tiġġustifika l-leġiżlazzjoni in kwistjoni mhumiex konklużivi. B’mod partikolari, hija tqis li l-iskejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor u l-iskejjel Ġermaniżi mhumiex tant differenti li l-miżati ta’ l-iskola mitluba minnhom għandhom, b’mod ġenerali, jirċievu trattament fiskali differenti.
17 Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Ġermaniż iżomm il-pożizzjoni li ħa fir-risposta tiegħu. Fil-qofol tagħha l-kwistjoni tikkonċerna, fil-fehma tiegħu, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tkun obbligata tgħin finanzjarjament skejjel privati li jinsabu barra mit-territorju tagħha peress li Stat Membru jista’ jagħti għajnuna pubblika biss fil-qasam ta’ responsabbiltajiet tiegħu. L-iskejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor ma jkunux is-suġġett ta’ diskriminazzjoni jekk Stat Membru ma jestendix għajnuna pubblika għal-livell Ewropew.
18 Għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kitbiet tiegħu, imbagħad matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż semma l-eżistenza ta’ karatteristiċi speċifiċi għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel Ġermaniżi kif ukoll għall-iskejjel li jilqgħu t-tfal ta’ uffiċjali u ta’ aġenti tal-Komunitajiet Ewropej (aktar ’il quddiem l-“iskejjel Ewropej”) li jinsabu fi Stat Membru ieħor u li għalihom xorta japplika l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.
19 F’dan is-sens, f’sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004 (XI R 32/03), il-Bundesfinanzhof ammetta li miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skola Ġermaniża stabbilita fi Stat Membru ieħor u rikonoxxuta mill-Konferenza Permanenti tal-Ministri ta’ l-Edukazzjoni u tal-Kultura tal-Länder jistgħu jitnaqqsu bħala spejjeż speċjali skond il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG. Bl-istess mod, mis-sentenza tal-Bundesfinanzhof tal-5 ta’ April 2006 (XI R 1/04) jirriżulta li l-iskejjel Ewropej stabbiliti fi Stat Membru ieħor għandhom status li jikkorrispondi għal dak ta’ skola approvata mill-Istat Ġermaniż b’tali mod li l-persuni taxxabbli li jkunu ħallsu miżati ta’ l-iskola lil dawn l-iskejjel jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis previst minn din l-istess dispożizzjoni ta’ l-EStG, u dan b’deroga mir-regola li l-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel privati li jinsabu fi Stati Membri oħra m'għandhomx jitqiesu bħala spejjeż speċjali intitolati għal dan it-tnaqqis.
20 Għalhekk ikun ineżatt li jiġi sostnut, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fl-iskejjel kollha stabbiliti fi Stat Membru ieħor huma esklużi mill-benefiċċju tat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż speċjali skond il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.
21 Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-eċċezzjonijiet, invokati mill-Gvern Ġermaniż, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Bundesfinanzhof. Permezz ta’ din il-ġurisprudenza jista’ jiġi eliminat il-preġudizzju li jirriżulta fil-konfront ta’ l-iskejjel Ġermaniżi u Ewropej minħabba l-fatt li huma stabbiliti barra mit-territorju Ġermaniż iżda xorta tibqa' diskriminazzjoni fil-konfront ta’ l-iskejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor.
Osservazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 18 KE u d-dritt ġenerali taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għall-moviment liberu
L-argumenti tal-partijiet
22 Skond il-Kummissjoni, is-sistema li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG tikser id-drittijiet tal-ġenituri kkonċernati fil-qasam tal-moviment liberu, b’mod partikolari d-dritt ġenerali taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għall-moviment liberu.
23 L-ewwel nett, din is-sistema tista’ tippreġudika d-dritt ta’ ġenituri minn Stati Membri oħra li jistabbilixxu ruħhom fil-Ġermanja fil-kapaċità privata tagħhom. It-trattament fiskali sfavorevoli li għalih jistgħu jkunu suġġetti jekk ikunu jixtiequ li t-tfal tagħhom jibqgħu jattendu skola fl-Istat ta’ oriġini tagħhom jista’, fil-fatt, jiskorraġġihom milli jistabbilixxu ruħhom fil-Ġermanja. F’kull każ, l-istabbiliment tagħhom f’dan l-Istat Membru jkun aktar diffiċli.
24 It-tieni nett, safejn jibqgħu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja filwaqt li jkunu stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru ieħor, anki ċittadini Ġermaniżi li jkunu ddeċiedew li jibagħtu t-tfal tagħhom fi skola privata lokali, fi skola Ġermaniża jew inkella fi skola Ewrpoea li tinsab f’dan l-Istat l-ieħor jistgħu jkunu suġġetti għal dan it-trattament żvantaġġuż.
25 Fl-aħħar nett, iċ-ċittadini Ġermaniżi residenti fil-Ġermanja li jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skejjel privati li jinsabu fi Stati Membri oħra jistgħu wkoll jinvokaw id-dritt ġenerali għall-moviment liberu. Il-Kummissjoni tqis, fil-fatt, li dawn il-ġenituri jkunu użaw dan id-dritt permezz tat-tfal tagħhom, mingħajr ma l-fatt li dawn ta’ l-aħħar jgħixu legalment fi Stat Membru ieħor bl-iskop waħdieni li jirċievu formazzjoni ġenerali f’dak l-Istat ma jostakola dan id-dritt.
26 Mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12(1) KE u 18(1) KE, meħudin flimkien, jirriżulta li, meta jkunu użaw, ta’ l-anqas indirettament permezz tat-tfal tagħhom, id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, iċ-ċittadini Ġermaniżi kkonċernati jistgħu jinvokaw id-dritt tagħhom li jibbenefikaw minn trattament identiku għal dak irriżervat għaċ-ċittadini nazzjonali l-oħra.
27 Dawn il-vjolazzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 KE mhumiex ġustifikati.
28 Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jistabbilixxix kriterju oġġettiv li permezz tiegħu jistgħu jiġu ddeterminati l-każijiet fejn il-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel Ġermaniżi u lil dawk li jinsabu fi Stat Membru ieħor jkunu jistgħu jitnaqqsu għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul. Din id-dispożizzjoni tissuġġetta t-tnaqqis għas-sempliċi fatt li l-iskola privata kkonċernata tkun approvata jew rikonoxxuta fil-Ġermanja. Il-kundizzjoni determinanti sabiex dawn il-miżati jkunu jistgħu jitnaqqsu hija marbuta mal-fatt li l-iskola privata kkonċernata tkun tinsab fil-Ġermanja. Kull skola stabbilita fi Stat Membru ieħor hija awtomatikament eskluża mill-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali, irrispettivament mill-ammont tal-miżati ta’ l-iskola mitluba minnha, jiġifieri anki jekk il-mod kif tiffunzjona huwa identiku ħafna għal dak ta’ skola privata rikonoxxuta jew approvata fil-Ġermanja.
29 Dejjem skond il-Kummissjoni, m'hemm ebda raġuni oġġettiva għaliex l-għoti ta’ vantaġġ fiskali huwa suġġett għall-attendenza fi skola privata li tinsab fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja peress li dan l-Istat Membru jibqa' liberu sabiex, skond id-dritt Komunitarju, jillimita t-tnaqqis tal-miżati ta’ l-iskola għal ċerti tipi ta’ stabbilimenti jew għal ċertu ammont. Kull ma huwa meħtieġ sabiex isir dan huwa li t-tnaqqis jingħata skond kriterji oġġettivi mingħajr ma jkun jiddependi minn fejn tinsab l-iskola.
30 Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jippreġudika d-dritt ġenerali għall-moviment liberu li ċ-ċittadini Ġermaniżi u ċ-ċittadini l-oħra ta’ l-Unjoni jgawdu taħt l-Artikolu 18 KE.
31 Il-Gvern Ġermaniż jikkontesta l-argument li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jikser id-dritt ġenerali għall-moviment liberu tal-ġenituri kkonċernati. Anki jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt huwa affettwat, dan l-effett huwa fi kwalunkwe każ iġġustifikat fid-dawl tad-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn l-iskejjel privati Ġermaniżi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni ta’ l-EStG u l-iskejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 18 KE għal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita sew, id-dispożizzjonijiet li jassiguraw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma espressjoni speċifika ta’ l-Artikolu 18 KE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt, għal kull ċittadin ta’ l-Unjoni, li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri (sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C-92/01, Ġabra p. I-1291, punt 18, u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C-208/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64).
33 Għaldaqstant, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, ma jkunx meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE (ara s-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Stylianakis, punt 20, u ITC, punt 65).
34 Għalhekk, huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-Artikolu 18(1) KE biss safejn il-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE.
35 Bl-istess mod, l-Artikolu 43 KE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u l-Artikolu 39 KE, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, huma espressjoni speċifika ta’ l-Artikolu 18 KE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt, għal kull ċittadin ta’ l-Unjoni, li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-345/05, Ġabra p. I-10633, punt 13, u tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C-104/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).
36 Għaldaqstant, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39 KE jew 43 KE, ma jkunx meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE.
37 Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 49 KE, dispożizzjoni li fuqha, fl-essenza tagħhom, kienu bbażati l-osservazzjonijiet tal-partijiet, tipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG (it-tieni lment), u, fit-tieni lok, jekk l-Artikoli 39 KE u/jew 43 KE jipprekludux leġiżlazzjoni bħal din (l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment u t-tielet ilment).
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
L-argumenti tal-partijiet
38 Skond il-Kummissjoni, is-sistema li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jikser kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-persuni taxxabbli residenti fil-Ġermanja li jixtiequ jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skola privata li tinsab fi Stat Membru ieħor u kemm dik ta’ l-iskejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor li jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom lill-persuni taxxabbli residenti fil-Ġermanja.
39 Fl-ewwel lok, is-sistema in kwistjoni tfixkel il-libertà li jiġu pprovduti servizzi msejħa “passiva” (użu ta’ servizzi), li ilha rikonoxxuta mill-ġurisprudenza. Din il-libertà tirreferi għal sitwazzjoni fejn il-benefiċjarji tas-servizzi, jiġifieri t-tfal tal-persuni taxxabbli residenti fil-Ġermanja, jmorru għand min jipprovdi s-servizz, f’dan il-każ skola privata li tinsab fi Stat Membru ieħor.
40 Id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi msejħa “attiva”, li minnha jibbenefikaw l-iskejjel privati stabbiliti fi Stati Membri oħra, hija kkonċernata wkoll. Minħabba l-eżistenza tas-sistema ta’ tnaqqis in kwistjoni, il-persuni taxxabbli li jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skola privata stabbilita fi Stat Membru ieħor jkunu żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li jagħżlu skola privata Ġermaniża. Għalhekk, l-istabbilimenti privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor ikollhom aktar diffikultajiet sabiex joffru effettivament is-servizzi tagħhom lil klijenti Ġermaniżi. Is-servizzi transfruntalieri ta’ tagħlim u ta’ edukazzjoni, għaldaqstant, ikunu żvantaġġati meta mqabbla mas-servizzi purament nazzjonali.
41 Skond il-Kummissjoni, l-edukazzjoni u l-formazzjoni ta’ tfal jistgħu jikkostitwixxu prestazzjonijiet ta’ servizzi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
42 Mis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (263/86, Ġabra p. 5365, punt 18), kif ukoll mis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C-109/92, Ġabra p. I-6447, punt 17), jirriżulta li l-karatteristika essenzjali ta’ prestazzjoni ta’ servizzi bi ħlas hija l-pagament, mill-istudent jew minn persuna terza, tal-miżati ta’ l-iskola li jkopru parti sostanzjali mill-ispiża tat-tagħlim. Jekk dan ikun il-każ, l-offerta ta’ servizzi ta’ tagħlim tikkostitwixxi attività kummerċjali.
43 Għall-kuntrarju, skond din l-istituzzjoni, tagħlim pubbliku li jagħmel parti mill-missjoni soċjali u politika ta’ l-Istat u li l-parti l-kbira ta’ l-ispiża tiegħu hija ffinanzjata mill-Istat ma jistax jiġi kklassifikat bħala prestazzjoni ta’ servizzi bi ħlas. Il-fatt li l-istudent jista’ jagħti kontribuzzjoni għal din l-ispiża billi jħallas miżati ta’ l-iskola mhuwiex biżżejjed sabiex iwassal għal din il-klassifikazzjoni.
44 Il-Kummissjoni tqis li l-evalwazzjoni tan-natura oneruża tas-servizzi mogħtija ma tistax tkun ibbażata esklużivament fuq l-eżami ta’ l-iskejjel privati ffavoriti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni anki s-sitwazzjoni ta’ l-iskejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor li huma esklużi mill-vantaġġ previst fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.
45 Fl-Istati Membri l-oħra, l-organizzazzjoni ta’ l-iskejjel privati tvarja, xi drabi b’mod sostanzjali, mill-mudell Ġermaniż. Jeżistu skejjel privati li jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom mingħajr għajnuna mill-Istat u huma mmexxija bħala impriżi kummerċjali. Ma jistax jiġi kkontestat li dawn l-istabbilimenti jipprovdu servizzi bi ħlas. Skond il-Kummissjoni, safejn teskludi b’mod ġenerali l-iskejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor mill-vantaġġ fiskali in kwistjoni, is-sistema li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EstG hija ta’ natura tali li tfixkel l-offerta transfruntaliera ta’ servizzi minn dawn l-iskejjel li għandhom skop kummerċjali stabbiliti fi Stat Membru ieħor.
46 Mhuwiex rilevanti jekk skola privata stabbilita fi Stat Membru ieħor tissodisfax jew le r-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Peress li ebda waħda minn dawn l-iskejjel privati ma tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, il-Kummissjoni tqis li mhuwiex meħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-istabbilimenti privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor skond jekk humiex paragunabbli jew le, b’mod teoretiku, ma’ l-iskejjel Ġermaniżi, sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex vittmi ta’ diskriminazzjoni jew le.
47 Fost l-iskejjel żvantaġġati mis-sistema in kwistjoni jinsabu, f’kull każ, l-istabbilimenti li l-finanzjament tagħhom jiddependi esklużivament mill-miżati ta’ l-iskola u minn attivitajiet ekonomiċi sekondarji u li, għalhekk, ma jistax jiġi kkontestat li jipprovdu servizzi bi ħlas. Id-diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom tikkostitwixxi ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
48 Skond il-Kummissjoni, il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mhuwiex ġustifikat. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-argumenti tagħha dwar il-libertà ta’ moviment ġenerali. Hija żżid li n-nuqqas li jiġu ssodisfati l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 49 KE huwa aktar u aktar gravi fid-dawl tal-fatt li t-tixrid tal-lingwi ta’ l-Istati Membri u l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti huma espressament identifikati, fl-ewwel u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 149(2) KE, bħala għanijiet tal-Komunità Ewropea.
49 Il-Gvern Ġermaniż isostni, prinċipalment, li f’dan il-każ ma jeżisti ebda ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li l-kundizzjonijiet ta’ din il-libertà mhumiex issodisfati. Sussidjarjament, huwa jsostni li anki jekk jeżisti ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dan huwa, f’kull każ, iġġustifikat.
50 Fl-ewwel lok, skond dan il-gvern, il-kundizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mhumiex issodisfati peress li l-iskejjel li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jipprovdux servizzi fis-sens tat-Trattat.
51 Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tippresupponi l-eżistenza ta’ attività ekonomika, kif jirriżulta mill-kliem “bi ħlas” li jinsabu fl-Artikolu 50 KE. Issa, fis-sentenza Humbel u Edel, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-karatteristika essenzjali tal-ħlas, jiġifieri l-fatt li dan il-ħlas jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz in kwistjoni, ma tkunx preżenti fil-każ ta’ korsijiet mogħtija fil-kuntest ta’ sistema ta’ edukazzjoni nazzjonali.
52 Skond il-Gvern Ġermaniż, mis-sempliċi natura privata tagħha ma jistax jiġi konkluż li skola teżerċita attività ekonomika u tipprovdi servizzi fis-sens ta’ l-Artikoli 49 KE u 50 KE. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-ġenituri jħallsu miżati ta’ l-iskola sabiex jikkontribwixxu, sa ċertu punt, għall-ispejjeż tal-funzjonament tas-sistema huwa irrelevanti għall-klassifikazzjoni ta’ l-attività eżerċitata fir-rigward tal-kunċett ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Humbel u Edel, punt 19, u Wirth, punt 15).
53 Skond dan il-gvern, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li l-iskejjel Ġermaniżi koperti mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jipprovdux servizzi fis-sens ta’ l-Artikoli 49 KE u 50 KE u li t-tagħlim mogħti mill-iskejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jikkorrispondu għall-imsemmija skejjel lanqas ma jikkostitwixxi prestazzjoni ta’ servizzi fis-sens ta’ dawn l-istess artikoli.
54 Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż isostni li ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa, f’kull każ, iġġustifikat għal diversi raġunijiet.
55 Skond dan il-gvern, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistax toħloq obbligu li jiġu ffinanzjati stabbilimenti skolastiċi li jagħmlu parti mis-sistema edukattiva ta’ Stat Membru ieħor. Il-politika ta’ l-edukazzjoni hija waħda mill-kompiti essenzjali ta’ kull Stat u l-istruttura tagħhom tvarja b’mod kunsiderabbli minn Stat Membru għal ieħor.
56 Safejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma teżerċita ebda influwenza fuq l-organizzazzjoni ta’ l-iskejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari fuq il-programmi skolastiċi ta’ dawn l-iskejjel, hija ma tistax tkun obbligata tissussidja l-funzjonament ta’ dawn l-iskejjel billi tirrinunzja għal dħul fiskali dovut lilha.
57 Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jobbligax lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex testendi l-vantaġġ fiskali mogħti taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Id-differenza fit-trattament fiskali li tirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ obbligu hija ġustifikata minħabba li l-iskejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE u 50 KE huma distinti, b’mod oġġettiv, mill-iskejjel Ġermaniżi li l-attendenza fihom tagħti d-dritt għall-vantaġġ fiskali previst fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.
58 L-ewwel nett, dawn l-iskejjel ta’ l-aħħar ma joperawx bħala kumpanniji kummerċjali, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ ta’ skejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor jekk jibbenefikaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Tali skejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor jikkorrispondu preċiżament għall-iskejjel privati Ġermaniżi li ma jirċivux għajnuna taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG. Id-deċiżjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, tgħin biss lill-iskejjel li, permezz ta’ l-offerta ta’ formazzjoni tagħhom, jimplementaw il-missjoni edukattiva ta’ l-Istat, jagħmlu parti integrali mis-sistema edukattiva nazzjonali u għalhekk ma joperawx f’kuntest kummerċjali, ma tistax tiġi megħluba b’referenza għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
59 It-tieni nett, il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li s-sistema li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG tikkorrispondi għal għajnuna mill-Istat li tagħmel tajjeb, parzjalment, għall-ispejjeż ta’ l-iskejjel li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. Il-Liġi Fundamentali tobbliga lill-Istat sabiex jgħin finanzjarjament lil dawn l-iskejjel sabiex ipatti għar-rekwiżiti imposti fuqhom. Fil-parti l-kbira tagħha, din l-għajnuna tingħata permezz ta’ sussidji diretti. B’dan il-mod l-iskejjel in kwistjoni jirċievu madwar 80 % tas-somom mogħtija lil skola pubblika komparabbli. Il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jikkonkretizza dan l-obbligu kostituzzjonali li tingħata għajnuna billi jippermetti lill-Istat Ġermaniż isostni indirettament lill-imsemmija skejjel permezz ta’ vantaġġi fiskali mogħtija fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskola.
60 Fil-każ ta’ l-iskejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu servizzi fis-sens ta’ l-Artikoli 49 KE u 50 KE ma teżistix rabta bejn ir-rekwiżiti imposti mill-Istat Ġermaniż u l-għajnuna pubblika korrispondenti. L-Istat Ġermaniż ma jimponi ebda obbligu fuq dawn l-iskejjel u għalhekk huwa ma jistax ikun obbligat li jagħtihom għajnuna finanzjarja.
61 It-tielet nett, jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun marbuta tagħti l-vantaġġ fiskali previst fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG irrispettivament mill-ammont tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa, hija tkun qiegħda tiffavorixxi dawk l-iskejjel li, minħabba miżati ta’ l-iskola għolja, jagħżlu l-istudenti skond is-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri. Barra minn hekk, hija jkollha tagħti lil dawn l-iskejjel għajnuna aktar għolja minn dik li minnha jibbenefikaw l-iskejjel li l-attendenza fihom tagħti d-dritt għall-vantaġġ fiskali peress li dawn il-miżati ta’ l-iskola jkunu konsiderevolment aktar għolja minn dawk mitluba minn dawn l-iskejjel ta’ l-aħħar.
62 Ir-raba' nett, obbligu li jingħata vantaġġ fiskali fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor iwassal għal żieda netta fl-ammont globali tat-tnaqqis previst fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.
63 Issa, fis-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 56), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull Stat Membru jista’ jassigura li l-għoti ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ studenti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ l-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat. Il-Gvern Ġermaniż iqis li, bl-istess mod, huwa leġittimu għal Stat Membru li jissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġ fiskali għal kriterji li permezz tagħhom jista’ jiġi evitat li dan il-vantaġġ jaqa' f’livell taħt dak li l-Istat Membru jikkunsidra bħala neċessarju.
64 Il-ħames nett, il-vantaġġ fiskali mogħti fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil ċerti skejjel li jinsabu fil-Ġermanja huwa ġġustifikat mill-fatt li dawn l-iskejjel huma approvati, awtorizzati jew rikonoxxuti. Issa, bħala prinċipju, ma jeżistux awtorizzazzjoni, approvazzjoni jew rikonoxximent korrispondenti fir-rigward ta’ l-iskejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor (ħlief fil-każ speċifiku ta’ skejjel Ġermaniżi u skejjel Ewropej li jinsabu fi Stat Membru ieħor). Il-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet skolastiċi Ġermaniżi huwa fil-prinċipju limitat għall-iskejjel li jinsabu fit-territorju Ġermaniż biss.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
65 Fir-rigward ta’ l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li, għalkemm it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 50 KE jsemmi biss il-libertà attiva li jiġu pprovduti servizzi li fil-kuntest tagħha l-fornitur tas-servizz jiċċaqlaq lejn id-destinatarju tas-servizz, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l-libertà tad-destinatarju tas-servizz li jmur fi Stat Membru ieħor fejn jinstab il-fornitur sabiex jibbenefika minn dawn is-servizzi f’dak l-Istat Membru (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, 286/82 u 26/83, Luisi u Carbone, Ġabra p. 377, punti 10 u 16). F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni twassal sabiex l-Istat Membru kkonċernat jirrifjuta tnaqqis fiskali minħabba l-attendenza fi skola privata stabbilita fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, il-possibbiltà li jiġu aċċettati offerti ta’ formazzjoni magħmula minn skola privata stabbilita fi Stat Membru ieħor hija kkonċernata mill-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
66 Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk dawn l-offerti ta’ formazzjoni għandhomx bħala suġġett il-provvista ta’ servizzi. Għal dan il-għan għandu jiġi mistħarreġ jekk il-korsijiet mogħtija minn skola privata stabbilita fi Stat Membru ieħor humiex “servizzi normalment mogħtija bi ħlas” fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 50 KE.
67 Issa, diġà ġie deċiż li, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-karatteristika essenzjali tal-ħlas hija li dan il-ħlas jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz in kwistjoni (ara s-sentenzi Humbel u Edel, iċċitata aktar ’il fuq, punt 17; tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I-5473, punt 58; tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner, C-136/00, Ġabra p. I-8147, punt 26; tat-22 ta’ Mejju 2003, Freskot, C-355/00, Ġabra p. I-5263, punt 55, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2003, Skandia u Ramstedt, C-422/01, Ġabra p. I-6817, punt 23).
68 B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-kunċett ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 50 KE l-korsijiet mogħtija minn ċerti stabbilimenti li kienu jagħmlu parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika u li kienu ffinanzjati, kompletament jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Humbel u Edel, punti 17 u 18, kif ukoll Wirth, punti 15 sa 16). B’dan il-mod il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, billi jistabbilixxi u billi jżomm sistema ta’ edukazzjoni pubblika bħal din, iffinanzjata bħala regola ġenerali mill-baġit pubbliku u mhux mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, l-intenzjoni ta’ l-Istat ma tkunx li jeżerċita attivitajiet bi ħlas iżda li jissodisfa l-missjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu.
69 Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-korsijiet mogħtija minn stabbilimenti ta’ edukazzjoni ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati, b’mod partikolari mill-istudenti u l-ġenituri tagħhom, jikkostitwixxu servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 50 KE peress li l-għan ta’ dawn l-istabbilimenti huwa, fil-fatt, li joffru servizz bi ħlas (sentenza Wirth, iċċitata aktar ’il fuq, punt 17).
70 F’dan il-kuntest għandu jiġi ppreċiżat li mhuwiex meħtieġ li dan il-finanzjament privat ikun assigurat prinċipalment mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 50 KE ma jeżiġix li s-servizz jitħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et, 352/85, Ġabra p. 2085, punt 16; tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I-2549, punt 56; Smits u Peerbooms, iċċitata aktar ’il fuq, punt 57, kif ukoll Skandia u Ramstedt, iċċitata aktar ’il fuq, punt 24).
71 Huwa paċifiku li, minbarra l-iskejjel li jagħmlu parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika li fil-kuntest tagħha l-Istat jassumi l-missjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, edukattivi u kulturali u li l-finanzjament tagħhom huwa assigurat essenzjalment minn fondi pubbliċi, f’ċerti Stati Membri jeżistu skejjel li ma jagħmlux parti minn din is-sistema ta’ edukazzjoni pubblika u li huma essenzjalment iffinanzjati minn fondi privati.
72 It-tagħlim mogħti minn dawn l-iskejjel għandu jitqies bħala servizz mogħti bi ħlas.
73 Għandu jingħad ukoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 49 KE japplikax għal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni, huwa irrilevanti jekk l-iskejjel stabbiliti fl-Istat Membru tad-destinatarju tas-servizz – f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja – li huma approvati, awtorizzati jew rikonoxxuti minn dan l-Istat fis-sens ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni, jipprovdux jew le servizzi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 50 KE. L-uniku fatt rilevanti huwa li l-iskola privata stabbilita fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tipprovdi servizzi bi ħlas.
74 Fil-fatt, fis-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C-372/04, Ġabra p. I-4325, punt 90), li tikkonċerna prestazzjonijiet mediċi, li jikkostitwixxu prestazzjonijiet ta’ servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 49 KE japplika għas-sitwazzjoni ta’ pazjent residenti fir-Renju Unit li l-istat tas-saħħa tiegħu kien jeħtieġ kura fi sptar u li, wara li mar fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievi, bi ħlas, il-kura meħtieġa hemmhekk, talab rimborż ta’ dawn l-ispejjeż mis-servizz tas-saħħa nazzjonali, minkejja li prestazzjonijiet ta’ natura identika kienu mogħtija mingħajr ħlas mis-sistema tas-saħħa nazzjonali tar-Renju Unit.
75 Fil-punt 91 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, mingħajr ma jkun meħtieġ, f’dak il-każ, li jiġi ddeterminat jekk il-prestazzjonijiet ta’ kura mogħtija fi sptarijiet fil-kuntest ta’ servizz nazzjonali tas-saħħa, bħal dak in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija, jikkostitwixxux fihom infushom servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kellu jiġi kkunsidrat li sitwazzjoni, fejn persuna li l-istat ta’ saħħa tagħha jeħtieġ kura fi sptar tmur fi Stat Membru ieħor u, bi ħlas, tirċievi hemmhekk il-kura in kwistjoni, taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet.
76 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 49 KE japplika għal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni meta l-iskola privata li fiha l-persuni taxxabbli ta’ Stat Membru partikolari jibagħtu lit-tfal tagħhom tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor u tista’ titqies bħala li tipprovdi servizzi bi ħlas, jiġifieri skola li hija essenzjalment iffinanzjata minn fondi privati.
77 Għandu jiġi mistħarreġ jekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, il-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni tammontax, bħalma ssostni l-Kummissjoni, għal ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
78 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmija leġiżlazzjoni tissuġġetta l-għoti ta’ tnaqqis fiskali għall-kundizzjoni li l-miżati ta’ l-iskola jitħallsu lil skejjel privati approvati mill-Istat Ġermaniż jew awtorizzati jew rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni tal-Land applikabbli, kundizzjoni li minnha nfisha diġà tassumi li dawn l-iskejjel ikunu stabbiliti fil-Ġermanja.
79 Din il-leġiżlazzjoni teskludi b’mod ġenerali l-possibbiltà, għal persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja, li jnaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom parti mill-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza tat-tfal tagħhom fi skola privata stabbilita barra mit-territorju Ġermaniż, ħlief għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa fi Stat Membru ieħor lil skejjel Ġermaniżi rikonoxxuti mill-Konferenza Permanenti tal-Ministri ta’ l-Edukazzjoni u tal-Kultura tal-Länder jew lil skejjel Ewropej, filwaqt li din il-possibbiltà teżisti fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil ċerti skejjel privati Ġermaniżi. Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni toħloq piż fiskali akbar għal dawn il-persuni taxxabbli meta jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skola privata li tinsab fi Stat Membru ieħor u mhux fi skola privata stabbilita fit-territorju nazzjonali.
80 Il-leġiżlazzjoni li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG għandha l-effett li tiskoraġġixxi l-persuni taxxabbli residenti fil-Ġermanja milli jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, hija tostakola wkoll l-offerta ta’ tagħlim minn stabbilimenti ta’ tagħlim privati stabbiliti fi Stati Membri oħra lil tfal ta’ persuni taxxabbli residenti fil-Ġermanja.
81 Leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri aktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Safir, C-118/96, Ġabra p. I-1897, punt 23; Smits u Peerbooms, iċċitata aktar ’il fuq, punt 61; Danner, iċċitata aktar ’il fuq, punt 29; ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, Ġabra p. I-2229, punt 23; Watts, iċċitata aktar ’il fuq, punt 94, u tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki, C-444/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).
82 Peress li l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija stabbilita, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata b’mod oġġettiv.
83 Il-Gvern Ġermaniż iressaq diversi argumenti sabiex jiġġustifika din ir-restrizzjoni.
84 Fl-ewwel lok, skond dan il-gvern, eventwali ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa ġġustifikat mill-fatt li mill-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovudti servizzi ma jistax jirriżulta obbligu li t-trattament fiskali privileġġjat mogħti lil ċerti skejjel li jagħmlu parti mis-sistema edukattiva ta’ Stat Membru jiġi estiż għal dawk li jiddependu minn Stat Membru ieħor (ara l-punt 55 ta’ din is-sentenza).
85 F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jikkonċerna t-trattament fiskali ta’ miżati ta’ l-iskola. Skond ġurisprudenza stabbilita sew, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Danner, iċċitata aktar ’il fuq, punt 28; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 36, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).
86 Bl-istess mod, għalkemm huwa paċifiku li d-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri fir-rigward, minn naħa, tal-kontenut tat-tagħlim u ta’ l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva kif ukoll tad-diversità kulturali u lingwistika tagħhom (Artikolu 149(1) KE) u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut u ta’ l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali (Artikolu 150(1) KE), xorta waħda jibqa' l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, bħala analoġija, is-sentenza Watts, iċċitata aktar ’il fuq, punti 92 u 147).
87 Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Ġermaniż li Stat Membru ma jistax jiġi obbligat jissussidja skejjel li jagħmlu parti mis-sistema edukattiva ta’ Stat Membru ieħor, huwa biżżejjed jekk jiġi kkonstatat li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jipprovdix għall-għoti ta’ sussidju dirett mill-Istat Ġermaniż lill-iskejjel ikkonċernati iżda l-għoti ta’ vantaġġ fiskali lill-ġenituri fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel imsemmija.
88 Fit-tieni lok, skond il-Gvern Ġermaniż, ir-rifjut li l-vantaġġ fiskali previst fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jiġi estiż għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor huwa ġġustifikat mill-fatt li l-iskejjel Ġermaniżi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni u l-iskejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu servizzi fis-sens ta’ l-Artikoli 49 KE u 50 KE mhumiex f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli.
89 B’hekk, l-iskejjel li jaqgħu taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG huma suġġetti għall-obbligu li jevitaw distinzjoni bejn l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri tagħhom, previst fl-Artikolu 7(4) tal-Liġi Fundamentali, b’tali mod li l-miżati ta’ l-iskola huma stabbiliti f’livell li ma jippermettix li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ dawn l-iskejjel u b’tali mod li jeżisti obbligu korrispondenti, għall-Istat Ġermaniż, li jgħin finanzjarjament lill-imsemmija skejjel. Din ir-rabta bejn ir-rekwiżiti imposti mill-Istat u l-għajnuna pubblika korrispondenti ma teżistix fil-każ ta’ skejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu servizzi fis-sens ta’ l-Artikoli 49 KE u 50 KE (ara l-punt 60 ta’ din is-sentenza). L-estensjoni tal-vantaġġ fiskali għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa fir-rigward ta’ l-attendenza fi skejjel li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10 ta’ l-EStG hija kuntrarja għar-rekwiżit, previst fl-Artikolu 7(4) tal-Liġi Fundamentali, li tiġi evitata distinzjoni bejn l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri tagħhom (ara l-punt 61 ta’ din is-sentenza).
90 Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jissuġġetta t-tnaqqis ta’ parti mill-miżati ta’ l-iskola għall-approvazzjoni, l-awtorizzazzjoni jew ir-rikonoxximent ta’ l-iskola privata kkonċernata fil-Ġermanja, mingħajr ma jistabbilixxi kriterju oġġettiv li permezz tiegħu jkun jista’ jiġi ddeterminat liema tipi ta’ miżati ta’ l-iskola mitluba mill-iskejjel Ġermaniżi jistgħu jitnaqqsu.
91 Minn dan jirriżulta li kull skola privata stabbilita fi Stat Membru ieħor, minħabba s-sempliċi fatt li mhijiex stabbilita fil-Ġermanja, hija awtomatikament eskluża mill-vantaġġ fiskali in kwistjoni, irrispettivament mill-kwistjoni jekk tissodisfax jew le kriterji bħall-impożizzjoni ta’ miżati ta’ l-iskola li l-ammont tagħhom ma jippermettix li ssir distinzjoni bejn l-istudenti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ġenituri tagħhom.
92 Sabiex jiġġustifika l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kkawżat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni, il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll, billi jirreferi għas-sentenza Bidar, iċċitata aktar ’il fuq, li huwa leġittimu għal Stat Membru li jorbot l-għoti ta’ għajnuna jew ta’ vantaġġ fiskali ma’ kriterji intiżi sabiex jiġi evitat li dawn l-għajnuniet jew vantaġġi jaqgħu għal livell taħt dak li l-Istat Membru jikkunsidra bħala neċessarju (ara l-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza).
93 Skond dan il-gvern, l-argumenti żviluppati fl-imsemmija sentenza, dwar l-għoti ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ studenti u dwar il-moviment liberu ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni, għandhom jitqiegħdu f’kuntest ġenerali, fis-sens li, fil-każ li l-fondi pubbliċi jkunu limitati, l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ tnaqqis fiskali jimplika neċessarjament li l-ammont tat-tnaqqis individwali mogħti lill-persuni kkonċernati jkun iżgħar sabiex tkun assigurata operazzjoni fiskalment newtrali. Il-Gvern Ġermaniż isostni, f’dan ir-rigward, li l-estensjoni ta’ l-applikazzjoni tal-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG għall-ħlas ta’ miżati ta’ l-iskola lil ċerti skejjel li jinsabu fi Stat Membru ieħor tirriżulta f’piżijiet addizzjonali għall-baġit ta’ l-Istat.
94 Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa' għar-raġunijiet segwenti.
95 L-ewwel nett, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prevenzjoni ta’ tnaqqis fid-dħul mit-taxxa mhijiex waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 55 KE, u lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.
96 It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Ġermaniż li kull Stat Membru huwa liberu li jassigura li l-għoti ta’ għajnuna fil-konfront tal-miżati ta’ l-iskola ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ l-għajnuna li tkun tista’ tingħata minn dan l-Istat, mill-indizji mogħtija minn dan il-gvern jirriżulta li l-piż finanzjarju eċċessiv li tinvolvi, skondu, l-estensjoni tat-tnaqqis fiskali għall-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil ċerti skejjel li jinsabu fi Stat Membru ieħor tirriżulta mill-fatt li l-għajnuna mogħtija indirettament lil dawn l-iskejjel tkun ta’ ammont ħafna aktar għoli minn dik mogħtija lill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni approvati, awtorizzati jew rikonoxxuti fil-Ġermanja peress li dawn l-iskejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor ikollhom jiffinanzjaw lilhom infushom permezz ta’ miżati ta’ l-iskola għoljin.
97 Anki jekk jitqies li raġunament identiku għal dak adottat fis-sentenza Bidar, iċċitata aktar ’il fuq, japplika għall-għoti ta’ vantaġġ fiskali relatat ma’ miżati ta’ l-iskola, għandu jiġi osservat li, kif sostniet il-Kummissjoni, l-għan tar-rifjut li jingħata t-tnaqqis fiskali in kwistjoni fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jiġifieri l-għan li jiġi assigurat li l-ispejjeż tal-funzjonament ta’ l-iskejjel privati jkunu koperti mingħajr ma jirriżulta piż irraġonevoli għall-Istat, skond l-analiżi adottata fl-imsemmija sentenza Bidar, jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi.
98 Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-Konklużjonijiet tagħha, sabiex ikun evitat piż finanzjarju eċċessiv, Stat Membru jista’ jillimita l-ammont li jista’ jitnaqqas mill-miżati ta’ l-iskola għal ammont partikolari, li jikkorrispondi mat-tnaqqis fiskali mogħti minn dan l-Istat, fid-dawl ta’ ċerti valuri li huma partikolari għalih, fir-rigward ta’ l-attendenza fi skejjel li jinsabu fit-territorju tiegħu, possibbiltà din li hija mezz inqas restrittiv mir-rifjut li jingħata t-tnaqqis fiskali in kwistjoni.
99 Fl-aħħar nett, jidher li, fi kwalunkwe każ, huwa sproporzjonat li l-miżati ta’ l-iskola mħallsa mill-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja lil skejjel stabbiliti fi Stati Membru ieħor minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jiġu esklużi totalment mit-tnaqqis fiskali previst fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG. Fil-fatt, b’dan il-mod jiġu esklużi mit-tnaqqis fiskali in kwistjoni l-miżati ta’ l-iskola mħallsa mill-imsemmija persuni taxxabbli lil skejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor indipendentament mill-kwistjoni jekk dawn l-iskejjel jissodisfawx kriterji oġġettivi stabbiliti abbażi ta’ prinċipji partikolari għal kull Stat Membru li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi determinat liema tipi ta’ miżati ta’ l-iskola huma intitolati għat-tnaqqis fiskali msemmi.
100 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat u għandu jiġi kkonstatat li, fis-sitwazzjonijiet fejn persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skola li tinsab fi Stat Membru ieħor u li l-finanzjament tagħha jkun assigurat essenzjalment minn fondi privati, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE billi eskludiet b’mod ġenerali l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fi skola bħal din mit-tnaqqis fiskali bħala spejjeż speċjali taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.
Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment u fuq it-tielet ilment, ibbażati rispettivament fuq ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u fuq restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment
L-argumenti tal-partijiet
101 Skond il-Kummissjoni, is-sistema li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG tippreġudika d-drittijiet li l-persuni taxxabbli kkonċernati jgawdu taħt il-moviment liberu tal-ħaddiema u taħt il-libertà ta’ stabbiliment (l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment).
102 Minn naħa, din is-sistema tista’ tostakola d-dritt ta’ ġenituri ġejjin minn Stati Membri oħra milli jsibu xogħol bħala impjegati fil-Ġermanja (Artikolu 39 KE) u milli jistabbilixxu ruħhom hemmhekk bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom (Artikolu 43 KE). It-trattament fiskali anqas favorevoli li huma jistgħu jkunu suġġetti għalih jekk jixtiequ li t-tfal tagħhom jibqgħu jattendu skola fl-Istat ta’ oriġini tagħhom jista, fil-fatt, jiskoraġġihom milli jistabbilixxu ruħhom fil-Ġermanja jew milli jeżerċitaw hemmhekk attività bħala ħaddiema fruntalieri. Fi kwalunkwe każ, ikun aktar diffiċli għal dawn il-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom jew li jaħdmu fil-Ġermanja.
103 Min-naħa l-oħra, anki ċ-ċittadini Ġermaniżi li jibqgħu kompletament suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja filwaqt li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor jkunu żvantaġġati jekk jiddeċiedu li jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skola privata lokali li tkun tinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor.
104 Dawn il-vjolazzjonijiet ta’ l-Aritkoli 39 KE u 43 KE mhumiex iġġustifikati.
105 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jistabbilixxix kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġu ddeterminati l-każijiet fejn il-miżati ta’ l-iskola mħallsa lill-iskejjel Ġermaniżi u lil dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor jistgħu jitnaqqsu. Din id-dispożizzjoni tissuġġetta t-tnaqqis ta’ dawn il-miżati għas-sempliċi fatt li l-iskola privata kkonċernata hija approvata jew rikonoxxuta fil-Ġermanja. Il-kundizzjoni determinanti tat-tnaqqis hija marbuta, għalhekk, mal-fatt li l-iskola privata kkonċernata tinsab fil-Ġermanja. Kull skola stabbilita fi Stat Membru ieħor hija awtomatikament eskluża mit-tnaqqis fiskali, irrispettivament mill-ammont tal-miżati ta’ l-iskola mitluba minnha, jiġifieri anki jekk il-mod kif tiffunzjona huwa identiku ħafna għal dak ta’ skola privata rikonoxxuta jew approvata fil-Ġermanja.
106 M'hemm ebda raġuni oġġettiva għaliex l-għoti ta’ vantaġġ fiskali għandu jkun suġġett għall-attendenza fi skola privata li tinsab fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja peress li dan l-Istat Membru huwa liberu, skond id-dritt Komunitarju, li jillimita t-tnaqqis fiskali tal-miżati ta’ l-iskola għal ċerti tipi ta’ stabbilimenti jew għal ċertu ammont. Kull ma huwa meħtieġ sabiex isir dan huwa li t-tnaqqis jingħata skond kriterji oġġettivi mingħajr ma jkun jiddependi minn fejn tinsab l-iskola.
107 Fl-istess sens il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest tat-tielet ilment tagħha, li s-sistema li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG tillimita l-libertà ta’ stabbiliment ta’ skejjel privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Skondha, din is-sistema tobbliga lil dawn l-iskejjel sabiex jistabbilixxu ruħhom fil-Ġermanja, ta’ l-anqas billi jiftħu fergħa f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, l-imsemmija skejjel jistgħu jiksbu l-istatus ta’ skola alternattiva approvata mill-Istat jew awtorizzata mil-leġiżlazzjoni tal-Land ikkonċernata, jew l-istatus ta’ stabbiliment komplimentari ta’ formazzjoni ġenerali rikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni tal-Land biss jekk joffru s-servizzi tagħhom mit-territorju Ġermaniż. Sabiex ma jkunux ippreġudikati mill-aspett ta’ kompetizzjoni fir-rigward ta’ l-istabbilimenti privati Ġermaniżi, dawn l-iskejjel ikollhom jiġu stabbiliti fuq dan it-territorju.
108 Din ir-restrizzjoni fir-rigward ta’ l-għażla tal-post ta’ stabbiliment tikkostitwixxi, skond il-Kummissjoni, differenza fit-trattament li tmur kontra l-Artikolu 43 KE u li mhijiex ġustifikata.
109 Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 39 KE u għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 43 KE.
110 Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jikkontesta l-fatt li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jippreġudika d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment. Anki jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-libertajiet huwa affettwat, dan l-effett huwa fi kwalunkwe każ oġġettivament iġġustifikat fid-dawl tad-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn l-iskejjel privati Ġermaniżi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni ta’ l-EStG u l-iskejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor, differenzi li ġew esposti preċedentament.
111 Bl-istess mod, dan il-gvern jikkontesta l-eżistenza ta’ ksur tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ skejjel li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Huwa ma jarax kif din il-libertà hija affettwata mis-sistema ta’ tnaqqis in kwistjoni. Madankollu, jekk jiġi aċċettat li jeżisti preġudizzju għall-imsemmija libertà, dan ikun fi kwalunkwe każ oġġettivament iġġustifikat fid-dawl tad-differenzi, imsemmija aktar ’il fuq, bejn l-iskejjel privati Ġermaniżi li jaqgħu taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG u l-iskejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
112 Għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludux il-leġiżlazzjoni li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG.
113 Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li leġiżlazzjoni bħal din, li tiżvantaġġja fiskalment lill-persuni taxxabbli kkonċernati, tolqot kemm lill-impjegati li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor jew lill-persuni taxxabbli li jeżirċitaw attività għal rashom, li jkunu stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja għal raġunijiet privati u li jkunu jixtiequ li t-tfal tagħhom ikomplu jattendu fi skola fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, u kemm lill-persuni taxxabbli Ġermaniżi li, minħabba t-trasferiment tar-residenza tagħhom lejn Stat Membru ieħor, jirreġistraw lit-tfal tagħhom fi skola privata f’dak l-Istat Membru l-ieħor. F’dan ir-rigward, din il-leġiżlazzjoni hija kuntrarja għall-Artikoli 39 KE u 43 KE.
114 Id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment ħieles tal-persuni għandhom il-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ kull natura fit-territorju kollu tal-Komunità u ma jippermettux miżuri li jistgħu jiżvantaġġjaw lil dawn iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, Ġabra p. I-7929, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata aktar ’il fuq, punt 15, u Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 17).
115 Għaldaqstant, dispożizzjonijiet li jipprekludu jew jiddisswadu lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jħalli l-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu jikkostitwixxu ostakoli għal din il-libertà, anki jekk japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 35; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 16, u Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punt 18).
116 F’dan il-każ, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-Konklużjonijiet tagħha, il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jiżvantaġġja b’mod partikolari lill-ħaddiema impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom li jittrasferixxu r-residenza tagħhom lejn jew li jaħdmu fil-Ġermanja u li t-tfal tagħhom għadhom jattendu skola privata li tinsab fi Stat Membru ieħor. Il-ħaddiema residenti fit-territorju Ġermaniż huma, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 1(1) ta’ l-EStG, suġġetti kompletament għat-taxxa fuq id-dħul. Skond l-Artikolu 1(3) ta’ l-EStG, il-ħaddiema fruntalieri li jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-Ġermanja mingħajr ma huma residenti hemmhekk huma wkoll, fuq talba tagħhom stess, suġġetti kompletament għat-taxxa fuq id-dħul. Il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jċaħħad lil kull wieħed minn dawn il-ħaddiema mit-tnaqqis fiskali speċjali fir-rigward ta’ parti mill-miżati ta’ l-iskola mħallsa, filwaqt li dawn il-ħaddiema jistgħu jgawdu minn dan it-tnaqqis jekk it-tfal tagħhom jattendu fi skola li tinsab fil-Ġermanja.
117 Din id-differenza fit-trattament hija ta’ natura li tagħmel aktar diffiċli għall-imsemmija ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt l-Artikoli 39 KE jew 43 KE.
118 Il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jista’ anki jqiegħed lil ċittadini Ġermaniżi f’pożizzjoni żvantaġġuża jekk jittrasferixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor fejn it-tfal tagħhom jattendu fi skola privata.
119 Huwa minnu li, bħala regola ġenerali, ċittadini Ġermaniżi bħal dawn ma jibqgħux suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja meta jitilqu minn dan l-Istat Membru, b’tali mod li huwa eskluż li l-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni tapplika għad-detriment tagħhom. Madankollu, skond l-Artikolu 1(2) ta’ l-EStG, din ir-regola ma tapplikax għal uffiċjali li jaħdmu fi Stat Membru ieħor u lanqas, skond l-Artikolu 14 tal-Protokoll tat-8 ta’ April 1965 dwar il-privileġġi u dwar l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 152, 1967, p. 13), għal uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Jekk dawn l-uffiċjali jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skejjel privati li jinsabu fi Stat Membru ieħor, bl-eċċezzjoni madankollu ta’ l-iskejjel Ġermaniżi u ta’ l-iskejjel Ewropej, il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG ma jippermettilhomx li jnaqqsu parti mill-miżati ta’ l-iskola mħallsa mid-dħul taxxabbli tagħhom.
120 Għar-raġunijiet esposti fil-punti 85 sa 99 ta’ din is-sentenza, differenzi fit-trattament bħal dawn mhumiex iġġustifikati mill-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż sabiex jiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali.
121 Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondant u għandu jiġi kkonstatat li, billi eskludiet b’mod ġenerali l-miżati ta’ l-iskola mħallsa lil skejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor mit-tnaqqis fiskali previst fil-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 39 KE u 43 KE.
122 Fir-rigward tat-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ skejjel privati li jinsabu fi Stati Membri oħra, għandu jiġi osservat, kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-Konklużjonijiet tagħha, li l-fatt li l-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG jissuġġetta l-possibbiltà ta’ tnaqqis fiskali fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskola għall-post fejn tinsab l-iskola ma jolqotx direttament il-libertà ta’ stabbiliment ta’ skejjel privati li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra. Dan il-fatt, fih innifsu, ma jagħmilx l-istabbiliment ta’ dawn l-iskejjel fil-Ġermanja aktar diffiċli.
123 Għaldaqstant, it-tielet ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażat fuq ostakolu għad-dritt ġenerali taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għall-moviment liberu
124 Jifdal li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 18(1) KE fir-rigward tas-sitwazzjonijiet kollha li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 49 KE.
125 Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri sabiex dawk fost dawn iċ-ċittadini li jkunu fl-istess sitwazzjoni jkunu jistgħu jiksbu, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat, indipendentament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 31; tal-11 ta’ Lulju 2002, D'Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 28; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punti 22 u 23, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 16).
126 Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu u l-libertà ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri, kif stabbiliti mill-Artikolu 18 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Grzelczyk, punt 33; D'Hoop, punt 29; Garcia Avello, punt 24, u Pusa, punt 17).
127 Safejn ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jirċievi fl-Istati Membri kollha l-istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċ-ċittadin jista’ jirċievi, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu (sentenzi ċċitati aktar ’il fuq D'Hoop, punt 30, u Pusa, punt 18).
128 Dawn l-opportunitajiet ma jkunux jistgħu jipproduċu effettivament l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minn ostakoli magħmula minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tippenalizzah minħabba s-sempliċi fatt li huwa eżerċithom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C-370/90, Ġabra p. I-4265, punt 23; D'Hoop, iċċitata aktar ’il fuq, punt 31, u Pusa, iċċitata aktar ’il fuq, punt 19).
129 It-tfal taċ-ċittadini Ġermaniżi kkonċernati, meta jgħixu fi Stat Membru ieħor sabiex jiriċievu edukazzjoni skolastika hemmhekk, jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Fil-fatt, mis-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C-200/02, Ġabra p. I-9925, punt 20) jirriżulta li wild, anke ta’ età żgħira, jista’ jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza ggarantiti mid-dritt Komunitarju.
130 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tintroduċi trattament differenti bejn il-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja li bagħtu lit-tfal tagħhom fi skola li tinsab f’dan l-Istat Membru, u dawk li bagħtu t-tfal tagħhom fi skola stabbilita fi Stat Membru ieħor.
131 Safejn torbot l-għoti ta’ tnaqqis fiskali previst fir-rigward tal-miżati ta’ l-iskejjel mal-kundizzjoni li dawn il-miżati jkunu tħallsu lil skola privata li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet fil-Ġermanja u twassal sabiex dan it-tnaqqis jiġi rrifjutat lill-ġenituri li bagħtu lit-tfal tagħhom fi skola stabbilita fi Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tqiegħed fi żvantaġġ lit-tfal ta’ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li huma eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu billi marru fi Stat Memru ieħor sabiex jistudjaw fi skola hemmhekk.
132 Issa, skond ġurisprudenza stabbilita sew, leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 31).
133 Restrizzjoni bħal din ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dritt Komunitarju ħlief jekk hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk hija proporzjonali ma’ l-iskop leġittimu tad-dritt nazzjonali (sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, D'Hoop, punt 36; De Cuyper, punt 40, kif ukoll Tas-Hagen u Tas, punt 33).
134 Għandu jiġi osservat li, sabiex jipprova jiġġustifika l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kkawżat mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, il-Gvern Ġermaniż ressaq l-argumenti esposti fil-punti 55 sa 64 ta’ din is-sentenza. Huwa rrefera, b’mod partikolari, għall-analiżi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bidar, iċċitata aktar ’il fuq, dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE.
135 Fil-punt 56 tas-sentenza Bidar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull Stat Membru jista’ jassigura li l-għoti ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ studenti minn Stati Membri oħra ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tkun tista’ tingħata minn dan l-Istat.
136 Madankollu, anki jekk jitqies li raġunament identiku japplika fir-rigward ta’ vantaġġ fiskali marbut ma’ miżati ta’ l-iskola, jibqa' l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirriżulta mill-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG tidher, f’kull każ, li hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-għanijiet tagħha, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 99 ta’ din is-sentenza fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
137 Minn dan jirriżulta li, meta t-tfal ta’ persuni taxxabbli fi Stat Membru jattendu skola fi Stat Membru ieħor li s-servizzi mogħtija minnha mhumiex koperti mill-Artikolu 49 KE, il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG għandu bħala effett li jqiegħed fi żvantaġġ, b’mod mhux ġustifikat, lil dawn it-tfal meta mqabbla ma’ dawk li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment tagħhom billi jmorru jistudjaw fi skola stabbilita fi Stat Membru ieħor u jippreġudika d-drittijiet mogħtija lilhom mill-Artikolu 18(1) KE.
138 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti ta’ l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata wkoll.
139 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi eskludiet b’mod ġenerali l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fi skola li tinsab fi Stat Membru ieħor mit-tnaqqis fiskali bħala spejjeż speċjali taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ l-EStG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE. Mill-bqija, jiġifieri fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ l-iskejjel stabbiliti fi Stat Membru ieħor, ir-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
140 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi eskludiet b’mod ġenerali l-miżati ta’ l-iskola marbuta ma’ l-attendenza fi skola li tinsab fi Stat Membru ieħor mit-tnaqqis fiskali bħala spejjeż speċjali taħt il-punt 9 ta’ l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-19 ta’ Ottubru 2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.