Kawża C-321/05
Hans Markus Kofoed
vs
Skatteministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Østre Landsret)
“Direttiva 90/434/KEE — Sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attiv u l-iskambji ta’ l-ishma — Deċiżjoni nazzjonali li tintaxxa skambju ta’ ishma — Skambju ta’ ishma — Tqassim ta’ dividendi ftit wara — Abbuż tal-liġi”
Sommarju tas-sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attiv u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/434
(Direttiva tal-Kunsill 90/434, Artikolu 2( d))
2. Atti ta’ l-istituzzjonijiet – Direttivi – Eżekuzzjoni mill-Istati Membri
(It-3 subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE)
3. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attiv u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/434
(Direttiva tal-Kunsill 90/434, Artikolu 11(1)(a))
1. Id-Direttiva 90/434, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sistema ta’ tassazzjoni komuni li hija tistabbilixxi, li tinkludi diversi vantaġġi fiskali, tapplika indipendentement għall-operazzjonijiet kollha ta’ inkorporazzjoni, diviżjoni, trasferiment ta’ attiv u skambju ta’ ishma, mingħajr ma jingħata kas tal-motivi għalfejn ikun saru, kemm jekk finanzjarji, kummerċjali jew purament fiskali.
F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “ħlas fi flus [kontanti]” magħmul lill-azzjonisti tal-kumpannija miksuba bħala parti minn skambju ta’ ishma, skond l-Artikolu 2(d), ta’ dan id-Direttiva, ikopri l-ħlas ta’ flus li jikkostitwixxi korrispettiv veru u proprju għall-operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni, jiġifieri l-ħlas miftiehem b’mod vinkolanti bħala ħlas addizzjonali għall-allokazzjoni ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tikseb, u dan indipendentement mill-motivi possibbli għalfejn saret l-operazzjoni. B’hekk, ħlas ta’ flus magħmul minn kumpannija li tikseb lill-azzjonisti tal-kumpannija miksuba ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “ħlas fi flus [kontanti]”, skond l-imsemmija dispożizzjoni, minħabba s-sempiċi fatt li hemm xi konnessjoni temporali jew xi konnessjoni oħra ma’ l-operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni, jew eventwali motivazzjoni frodulenti. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li jiġi vverifikat f’kull każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jekk il-ħlas in kwistjoni għandux il-karatteristiċi ta’ korrispettiv vinkolanti għall-operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni.
Minn dan isegwi li dividend imqassam minn kumpannija li tikseb lill-azzjonisti tal-kumpannija miksuba ftit żmien wara l-iskambju ta’ l-ishma, iżda li ma jagħmilx parti intergrali tal-korrispettiv li għandu jitħallas mill-kumpannija li tikseb, m’għandux jiġi inkluż fil-kalkolu ta’ “ħlas fi flus [kontanti]” previst mill-Artikolu 2(d) tad-Direttiva.
(ara l-punti 27-31, 33, 48 u d-dispożittiv)
2. L-awtoritajiet kollha ta’ Stat Membru, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, huma marbuta jinterpretawh kemm jista’ jkun possibbli fid-dawl tat-test u ta’ l-għan tad-direttivi Komunitarji, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnhom. Għalkemm dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax jeżiġi daqstant li direttiva, minnha nfisha u indipendentement minn liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni, tispiċċa biex toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwi jew inkella tiddetermina jew testendi r-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha, l-Istat jista’ madankollu, bħala regola, jimponi fuq individwi interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali.
(ara l-punt 45)
3. Skond l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li japplikaw, b’mod eċċezzjonali u f’każijiet partikolari, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva jew parti minnhom jew jirtiraw il-benefiċċju tagħhom meta jidher li l-operazzjoni ta’ skambju ta’ ishma jkollha, b’mod partikolari, bħala l-għan immedjat tagħha jew bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi.
Meta jeżistu ċerti indizji li jistgħu eventwalment jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu, iżda d-dritt nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat ma jkun jinkludi ebda dispożizzjoni speċifika li tittrasponih, l-intaxxar ta’ l-iskambju ta’ ishma in kwistjoni, jista’ jiġi ġġustifikat jekk jeżistu, fid-dritt nazzjonali, dispożizzjoni jew prinċipju ġenerali li jistipulaw li l-abbuż tal-liġi huwa pprojbit jew inkella dispożizzjonijiet oħra fuq il-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa, li jistgħu jiġu interpretati skond l-imsemmi Artikolu.
(ara l-punti 37, 39, 46, 48 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Lulju 2007 (*)
“Direttiva 90/434/KEE – Sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attiv u l-iskambji ta’ l-ishma – Deċiżjoni nazzjonali li tintaxxa skambju ta’ ishma – Skambju ta’ ishma – Tqassim ta’ dividendi ftit wara – Abbuż tal-liġi”
Fil-kawża C-321/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2005, fil-proċedura
Hans Markus Kofoed
vs
Skatteministeriet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič, E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Hans Markus Kofoed, minn L. Melchior Kjeldsen, advokat,
– għall-Gvern Daniż, minn J Molde, bħala aġent, assistit minn K. Lundgaard Hansen, advokat,
– għall-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk u R. Lyal, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2(d), 8 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Kofoed u s-Skatteministeriet (il-Ministeru tat-taxxa u tas-sisa), dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq id-dħul ta’ skambju ta’ ishma.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Id-Direttiva 90/434 għandha bħala għan, skond l-ewwel premessa tagħha, li jiġi ggarantit li l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, bħall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attiv u l-iskambji ta’ l-ishma, ma jiġux imfixkla minn restrizzjonijiet, żvantaġġi jew tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet fiskali ta’ l-Istati Membri.
4 Għal dan il-għan, l-imsemmija Direttiva tistabbilixxi sistema li permezz tagħha l-imsemmija operazzjonijiet ma jistgħux, minnhom infushom, jiġu intaxxati. Qligħ kapitali eventwali relativ għal dawn l-operazzjonijiet jista’ bħala regola, jiġi intaxxat, iżda biss meta dan il-qligħ jinkiseb effettivament.
5 L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434 jiddefinixxi l-“[i]skambju ta’ ishma” bħala “ħidma [operazzjoni] li biha kumpannija tikseb sehem/ishma fil-kapital ta’ kumpannija oħra hekk li tikseb il-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti f’din il-kumpannija bi skambju għall-ħruġ lil dawk li jkollhom l-ishma fil-kumpannija ta’ l-aħħar, bi skambju tat-titoli tagħhom, [ta’] titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta’ qabel, u, jekk japplika, il-ħlas fi flus korrenti [kontanti] li ma jaqbiżx il-10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, il-valur par [lira b’lira] tal-kontijiet tat-titoli maħruġa bi skambju”.
6 Skond l-Artikolu 2(g) u (h) tad-Direttiva 90/434, “'kumpannija miksuba' għandha tfisser il-kumpannija li fiha jiġi miksub sehem minn kumpannija oħra permezz ta’ skambju tat-titoli” u “'kumpannija li tikseb’ għandha tfisser il-kumpannija li takkwista sehem permezz ta’ l-iskambju tat-titoli”.
7 L-Artikolu 8(1) u (4) ta’ l-imsemmija Direttiva jistipula dan li ġej:
“1. Mal-waqt ta’ inkorporazzjoni, diviżjoni jew skambju ta’ l-ishma, l-allokazzjoni tat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija riċevitur jew ta’ dik tal-kisba lil azzjonist tal-kumpannija trasferitur jew ta’ dik li tikseb [miksuba] bi skambju għat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta’ l-aħħar ma għandhom, minnhom infushom, joħolqu l-ebda tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-profitti kapitali ta’ dan l-azzjonist.
[…]
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jipprevjienu Stat Membru milli jqis, meta jintaxxa l-azzjonisti, kull ħlas fil-flus korrenti [kontanti] li jista’ jintgħamel fuq l-inkorporazzjoni, id-diviżjoni jew l-iskambju”.
8 L-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434 jipprovdi li “Stat Membru jista’ jirrifjuta li japplika jew [...] jirtira l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom tat-Titoli II, III u IV meta jidher li […] l-iskambju ta’ ishma ikollu bħala l-għan immedjat tiegħu jew bħala wieħed mill-għanijiet immedjati prinċipali tiegħu l-evażjoni tat-taxxa jew il-ħarbien minnha […]”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Fil-liġi Daniża, it-trattament fiskali ta’ l-iskambji ta’ ishma huwa rregolat, minn naħa, mil-liġi dwar it-taxxa fuq il-qligħ kapitali miċ-ċessjoni ta’ l-ishma (aktieavancebeskatningsloven), tal-15 ta’ Settembru 1993 (Lovtidende 1993, p. 4171, iktar 'il quddiem l-“aktieavancebeskatningsloven”), u, min-naħa l-oħra, mil-liġi dwar it-taxxa fuq l-inkorporazzjonijiet (fusionsskatteloven), tas-17 ta’ Diċembru 1992 (Lovtidende 1992, p. 5478, iktar 'il quddiem il-“fusionsskatteloven”).
10 L-Artikolu 13 ta’ l-aktieavancebeskatningsloven jipprovdi:
“1. Fil-każ ta’ skambju ta’ ishma, l-azzjonisti tal-kumpannija miksuba jistgħu jitolbu li jiġu ntaxxati skond l-Artikoli 9 u 11 tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-inkorporazzjonijiet, jekk kemm il-kumpannija li tikseb kif ukoll il-kumpannija miksuba jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kumpannija minn Stat Membru” skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/434/KEE. F’dak il-każ bħala data ta’ l-inkorporazzjoni tiġi kkunsidrata d-data ta’ l-iskambju ta’ l-ishma. Għal dan l-iskop huwa meħtieġ li l-iskambju ta’ l-ishma jintemm mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-jum ta’ l-ewwel skambju.
2. Skambju ta’ ishma skond il-paragrafu 1 preċedenti, ifisser l-operazzjoni li biha kumpannija tikseb ishma fil-kapital ta’ kumpannija oħra u bħala riżultat tikseb maġġoranza tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija miksuba billi lill-azzjonisti ta’ din ta’ l-aħħar, għall-ishma tagħhom, jingħatawlhom ishma fil-kapital tal-kumpannija li tikseb u eventwalment ħlas fi flus kontanti li ma jaqbiżx l-10% tal-valur nominali jew, fin-nuqqas tal-valur nominali, tal-valur lira b’lira tal-kontijiet tat-titoli maħruġa bi skambju.
[…]”
11 L-Artikolu 9 tal-fusionsskatteloven, li għalih jirreferi l-Artikolu 13(1) ta’ l-aktieavancebeskatningsloven, jistipula dan li ġej:
“1. L-ishma tal-kumpannija miksuba għandhom jiġu kkunsidrati mibjugħin mill-azzjonist lil terz meta l-korrispettiv għat-trasferiment jingħata f’forma differenti mill-għoti ta’ ishma tal-kumpannija li tikseb. […]
[…]”
12 L-Artikolu 11 ta’ din l-istess liġi jipprovdi:
“1. L-ishma tal-kumpannija li tikseb, li l-azzjonisti jirċievu bħala korrispettiv għall-ishma tal-kumpannija miksuba, għandhom jiġu kkunsidrati, meta jiġi kkalkulat id-dħul taxxabbli, ġenerali jew speċjali, daqslikieku ġew akkwistati fl-istess data u bl-istess prezz ta’ l-ishma li għalihom ġew skambjati. […]
[…]”
13 Mhuwiex ikkontestat li fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, il-liġi Daniża ma kienet tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika li ttrasponiet l-Artikolu 11 tad-Direttiva 90/434.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 Is-Sinjuri Kofoed u Toft kellhom 50 % kull wieħed ta’ l-ishma ta’ Cosmopolit Holding ApS (iktar 'il quddiem “Cosmopolit”), kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita skond id-dritt Daniż, b’kapital ta’ DKK 240 000.
15 Fis-26 ta’ Ottubru 1993, it-tnejn li huma akkwistaw sehem kull wieħed miż-żewġ ishma, li kienu jiswew IEP 1, u li kienu jiffurmaw il-kapital tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita skond id-dritt Irlandiż, Dooralong Ltd (iktar ’il quddiem “Dooralong”).
16 Dooralong imbagħad żiedet il-kapital tagħha billi ħarġet 21 000 sehem ġdid li kienu jiswew IEP 1.
17 Fid-29 ta’ Ottubru 1993, Is-Sinjuri Kofoed u Toft skambjaw l-ishma kollha li kellhom f’Cosmopolit ma’ l-ishma l-ġodda kollha f’Dooralong. Għalhekk, wara li sar dan l-iskambju, kellhom 10 501 sehem kull wieħed f’Dooralong. Min-naħa tagħha, Dooralong kellha l-kapital kollu tal-kumpannija Cosmopolit.
18 Fl-1 ta’ Novembru 1993, Dooralong kisbet dividend ta’ IEP 2 742 616 (madwar DKK 26 000 000), imħallas mill-kumpannija sussidjarja tagħha Cosmopolit li kienet għadha kemm xtrat. Il-kapital ta’ Cosmopolit b’hekk naqas għal DKK 1 709 806.
19 Fit-3 ta’ Novembru 1993, il-laqgħa ġenerali ta’ Dooralong iddeċidiet li tqassam dividend f’ammont ta’ IEP 2 742 116 liż-żewġ azzjonisti, is-Sinjuri Kofoed u Toft.
20 Għal dak li jikkonċerna t-taxxa fuq id-dħul tas-Sur Kofoed għas-sena 1993, huwa indika fid-dikjarazzjoni tad-dħul tiegħu li l-iskambju ta’ ishma f’Cosmopolit ma’ ishma ġodda f’Dooralong kellu jiġi eżentat mit-taxxa. L-awtorità tax-taxxa Daniża rrifjutat din id-dikjarazzjoni, billi kkunsidrat li t-tqassim ta’ dividend kellu jiġi kkunsidrat bħala li kien jagħmel parti mill-operazzjoni ta’ skambju ta’ ishma, b’mod li l-limitu massimu ta’ 10 % tal-valur nominali ta’ l-ishma skambjati, stabbilit mid-Direttiva 90/434 għal eventwali ħlas fi flus kontanti, kien inqabeż. Għaldaqstant, skond din l-awtorità, l-imsemmi skambju ta’ ishma ma setax jibbenefika mill-eżenzjoni skond din id-Direttiva.
21 Is-Sur Kofoed għalhekk ikkontesta, quddiem il-Landskatteretten, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità tat-taxxa li kienet tal-fehma li l-iskambju ta’ ishma in kwistjoni ma setax jiġi eżentat skond id-Direttiva 90/434. Peress li din id-deċiżjoni ma ġietx revokata, is-Sur Kofoed appella quddiem l-Østre Landsret.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti d-domanda għal deċiżjoni preliminari:
“L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkun hemm ebda skambju ta’ ishma, skond din id-Direttiva, jekk il-partijiet fl-operazzjoni ta’ skambju, fl-istess waqt tal-ftehim fuq l-iskambju, ikunu wrew, anki mingħajr ma jkunu ntrabtu legalment, l-intenzjoni komuni li jiddeċiedu, fl-ewwel laqgħa ġenerali tal-kumpannija li tikseb li sseħħ wara l-iskambju, li jiġu ddistribwiti profitti ta’ aktar minn 10 % tal-valur nominali tat-titoli ttrasferiti permezz ta’ dak l-iskambju, u dawn il-profitti jiġu mbagħad fil-fatt imqassmin ukoll?”
Fuq id-domanda preliminari
23 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 90/434 jipprekludix li skambju ta’ ishma, bħal dak in kwistjoni, jiġi intaxxat.
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk skambju ta’ ishma bħal dan jikkostitwixxix “skambju ta’ ishma” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(d) ta’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, jekk dividend, bħal dak li tqassam, għandux jiġi inkluż fil-kalkolu ta’ “ħlas fi flus [kontanti]” previst f’dan l-Artikolu jew le.
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtorità tat-taxxa setgħetx taġixxi kontra eventwali abbuż tal-liġi, minkejja li l-leġiżlatur nazzjonali ma adottax miżuri speċifiċi biex jittrasponi l-Artikolu 11 tad-Direttiva 90/434.
Fuq il-kwalifika bħala “skambju ta’ ishma” skond id-Direttiva 90/434
24 B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 90/434 jipprojbixxi l-intaxxar, fir-rigward ta’ l-azzjonisti tal-kumpannija miksuba, ta’ l-allokazzjoni ta’ titoli meta jsir skambju ta’ ishma.
25 Skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-Direttiva, “skambju ta’ ishma” tfisser operazzjoni li biha kumpannija tikseb sehem/ishma fil-kapital ta’ kumpannija oħra hekk li tikseb il-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti f’din il-kumpannija bi skambju għall-ħruġ lil dawk li jkollhom l-ishma fil-kumpannija ta’ l-aħħar, bi skambju tat-titoli tagħhom, ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta’ qabel, u, jekk japplika, il-ħlas fi flus kontanti li ma jaqbiżx il-10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, il-valur lira b’lira tal-kontijiet tat-titoli maħruġa bi skambju.
26 Fil-kawa prinċipali, huwa paċifiku li l-iskambju ta’ ishma in kwistjoni seħħ fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni fis-sens ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni.
27 Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk id-dividend imqassam minn Dooralong lis-Sinjuri Kofoed u Toft, ftit żmien wara dan l-iskambju ta’ ishma, għandux jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti minn din l-operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni jew le. F’każ ta’ risposta affermattiva, il-limitu ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434 għal “ħlas fi flus [kontanti]” ikun inqabeż u b’hekk din l-operazzjoni tkun trid tiġi intaxxata.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 47 u 52 u 53 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-kunċett ta’ “ħlas fi flus [kontanti]” skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434 ikopri l-ħlas ta’ flus li jikkostitwixxi korrispettiv veru u proprju għall-operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni, jiġifieri l-ħlas miftiehem b’mod vinkolanti bħala ħlas addizzjonali għall-allokazzjoni ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tikseb, u dan indipendentement mill-motivi possibbli għalfejn saret l-operazzjoni.
29 Fil-fatt, jirriżulta mill-istruttura u l-kliem tad-Direttiva 90/434 li l-“ħlas fi flus [kontanti]” u l-operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni jagħmlu parti mill-istess tranżazzjoni. Fil-fatt, il-ħlas huwa parti intergrali tal-korrispettiv li l-kumpannija li tikseb tħallas lill-azzjonisti tal-kumpannija miksuba sabiex tikseb l-ishma ta’ maġġoranza f’din il-kumpannija msemmija l-aħħar.
30 Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li jirriżulta mill-Artikolu 2(d), kif ukoll mill-isturttura ġenerali tad-Direttiva 90/434 li s-sistema ta’ tassazzjoni komuni li hija tistabbilixxi, li tinkludi diversi vantaġġi fiskali, tapplika indipendentement għall-operazzjonijiet kollha ta’ inkorporazzjoni, diviżjoni, trasferiment ta’ attiv u skambju ta’ ishma, mingħajr ma jingħata kas tal-motivi għalfejn ikun saru, kemm jekk finanzjarji, kummerċjali jew purament fiskali (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C-28/95. Ġabra p. I-4161, punt 36).
31 B’hekk, ħlas ta’ flus magħmul minn kumpannija li tikseb lill-azzjonisti tal-kumpannija miksuba ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “ħlas fi flus [kontanti]”, skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434, minħabba s-sempiċi fatt li hemm xi konnessjoni temporali jew xi konnessjoni oħra ma’ l-operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni, jew eventwali motivazzjoni frodulenti. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li jiġi vverifikat f’kull każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jekk il-ħlas in kwistjoni għandux il-karatteristiċi ta’ korrispettiv vinkolanti għall-operazzjoni ta’ akkwiżizzjoni.
32 Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan tad-Direttiva 90/434, li huwa li jiġu eliminati l-ostakoli fiskali għar-ristrutturazzjonijiet ta’ kumpanniji bejn il-fruntieri, minn naħa, billi jiġi assigurat li eventwali żidiet fil-valur ta’ l-ishma ma jiġux intaxxati qabel ma jseħħu effettivament u, min-naħa l-oħra, billi jiġi evitat li l-operazzjonijiet li jinvolvu qligħ kapitali kbir ħafna miksub permezz ta’ skambju ta’ ishma jiġu eżentati mit-taxxa sempliċiment għaliex jiffurmaw parti minn ristrutturazzjoni.
33 Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li ma jeżisti ebda indizju fil-proċess li jindika li d-dividend in kwistjoni jagħmel parti intergrali mill-korrispettiv li għandu jitħallas minn Dooralong għall-akkwist ta’ Cosmopolit, li jikkostitwixxi l-premessa biex ikun jista’ jiġi kkunsiudrat bħala “ħlas fi flus [kontanti]” skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434. Għall-kuntrarju, skond il-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li f’ebda mument ma kien hemm ftehim bejn is-Sinjuri Kofoed u Toft u Dooralong li rabat lil din ta’ l-aħħar tqassam dan id-dividend.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dividend in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi inkluż fil-kalkolu tal-“ħlas fi flus [kontanti]” previst fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434.
35 Għaldaqstant, l-iskambju ta’ ishma in kwistjoni jaqa’ taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 90/434, li jimplika li, bħala regola, l-intaxxar tiegħu huwa pprojbit.
36 Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju u l-Gvern Daniż enfasizzaw ripetutament li l-iskambju ta’ ishma in kwistjoni fil-kawża prinċipali sar mingħajr ebda raġuni kummerċjali u biss sabiex tiġi ffrankata t-taxxa, għandu issa jiġi eżaminat jekk japplikax l-Artikolu 8(1), f’każ ta’ eventwali abbuż tal-liġi.
Fuq il-possibbiltà li jittieħed in kunsiderazzjoni eventwali abbuż tal-liġi
37 Skond l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434 l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li japplikaw, b’mod eċċezzjonali u f’każijiet partikolari, id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva jew parti minnhom jew jirtiraw il-benefiċċju tagħhom meta jidher li l-operazzjoni ta’ skambju ta’ ishma jkollha, b’mod partikolari, bħala l-għan immedjat tagħha jew bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi. Din l-istess dispożizzjoni tispeċifika, barra minn hekk, li l-fatt li l-operazzjoni ma tkunx saret għal raġunijiet kummerċjali validi, bħar-ristrutturazzjoni jew ir-razzjonalizzazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-kumpanniji li jipparteċipaw fl-operazzjoni, jista’ jikkostitwixxi preżunzjoni li din l-operazzjoni għandha għan ta’ dan it-tip (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leur-Bloem, iċċitata iktar 'il fuq, punti 38 u 39).
38 B’hekk, l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434 jirriffletti l-prinċipju ġenerali Komunitarju li l-abbuż tal-liġi huwa pprojbit. Il-partijiet ma jistgħux japproffitaw ruħhom mir-regoli tad-dritt Komunitarju b’mod frodulenti jew abbużiv. L-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-prattiċi abużivi, jiġifieri operazzjonijiet li jsiru mhux fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, iżda biss bl-intenzjoni li, b’mod abbużiv, jinkiseb benefiċċju mill-vantaġġi previsti mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 24; tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 68 u 69; tas-6 ta’ April 2006, Agip Petroli, C-456/04, Ġabra p. I-3395, punti 19 u 20, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 35).
39 Fil-kawża prinċipali, huwa minnu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, li jeżistu ċerti indizji li jistgħu eventwalment jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434.
40 Madankollu, tqum il-kwistjoni, b’mod preliminari, jekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434 jistax japplika fi kwalunkwe każ.
41 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skond l-Artikoli 10 u 249 KE, kull Stat Membru destinatarju ta’ Direttiva għandu l-obbligu li jadotta, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, dawk il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva, b’mod konformi ma’ l-għan mixtieq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Marzu 2005 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-531/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 16, u tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, Ġabra p. I-5335, punt 50).
42 Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li d-direttivi jistgħu joħolqu, minnhom infushom, obbligi fir-rigward ta’ l-individwi. Għaldaqstant, id-direttivi ma jistgħux jiġu invokati bħala tali, mill-Istat, kontra individwu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1987, X, 14/86, Ġabra p. 2545, punti 19 u 20; tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, Ġabra p. 3969, punti 9 u 13; tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro, C-168/95, Ġabra p. I-4705, punti 36 u 37, kif ukoll tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punti 73 u 74).
43 Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-forma u l-mezzi ta’ implementazzjoni tad-direttivi li jippermettu li jiġi ggarantit bl-aħjar mod ir-riżultat li dawn ta’ l-aħħar iridu jiksbu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).
44 Għaldaqstant, sakemm is-sitwazzjoni legali li tirriżulta mill-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tkun preċiża u ċara biżżejjed sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-portata ta’ l-obbligi u tad-drittijiet tagħhom, it-traspożizzjoni ta’ Direttiva fil-liġijiet interni ma teħtieġx neċessarjament azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru. Bl-istess mod, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, għat-traspożizzjoni ta’ direttiva jista’ jkun biżżejjed, skond il-kontenut tagħha, f’ċerti każijiet, kuntest leġiżlattiv ġenerali, b’mod li mhux dejjem ikun hemm bżonn li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jiġu riprodotti b’mod formali u espress f’dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51, u tas-6 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-428/04, Ġabra p. I-3325, punt 99).
45 Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-awtoritajiet kollha ta’ Stat Membru, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, huma marbuta jinterpretawh kemm jista’ jkun possibbli fid-dawl tat-test u ta’ l-għan tad-direttivi, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnhom. Għalkemm ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax jeżiġi daqstant li direttiva, minnha nfisha u indipendentement minn liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni, tispiċċa biex toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwi jew inkella tiddetermina jew testendi r-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha, madankollu huwa ammess li l-Istat jista’, bħala regola, jimponi fuq individwi interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Kolpinghuis Nijmegen, punti 12 sa 14, u Arcaro, punti 41 u 42).
46 Fil-kawża prinċipali, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk jeżistux, fid-dritt nazzjonali, dispożizzjoni jew prinċipju ġenerali li jistipulaw li l-abbuż tal-liġi huwa pprojbit jew inkella dispożizzjonijiet oħra fuq il-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa, li jistgħu jiġu interpretati skond l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434 u, b’hekk jiġġustifikaw l-intaxxar ta’ l-iskambju ta’ ishma in kwistjoni (ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 34).
47 Jekk ikun hemm bżonn, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet humiex sodisfatti.
48 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, dividend, bħal dak li tqassam, m'għandux jiġi inkluż fil-kalkolu ta’ “ħlas fi flus [kontanti]” previst mill-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434, u li, għaldaqstant, skambju ta’ ishma, bħal dak in kwistjoni, jikkostitwixxi “skambju ta’ ishma” skond l-Artikolu 2(d) ta’ din id-Direttiva.
Għaldaqstant, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 90/434 jipprekludi, bħala regola, li tali skambju ta’ ishma jiġi intaxxat, sakemm ma jeżistux regoli tad-dritt nazzjonali fuq l-abbuż tal-liġi, il-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa li jistgħu jiġu interpretati b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434, u, b’hekk, jiġġustifikaw l-intaxxar ta’ tali skambju.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ewwel Awla taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, dividend, bħal dak li tqassam, m'għandux jiġi inkluż fil-kalkolu ta’ “ħlas fi flus [kontanti]” previst mill-Artikolu 2(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, u li, għaldaqstant, skambju ta’ ishma, bħal dak in kwistjoni, jikkostitwixxi “skambju ta’ ishma” skond l-Artikolu 2(d) ta’ din id-Direttiva.
Għaldaqstant, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 90/434 jipprekludi, bħala regola, li tali skambju ta’ ishma jiġi intaxxat, sakemm ma jeżistux regoli tad-dritt nazzjonali fuq l-abbuż tal-liġi, il-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa li jistgħu jiġu interpretati b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434, u, b’hekk, jiġġustifikaw l-intaxxar ta’ l-iskambju ta’ ishma in kwistjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.